Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2022 minn Helene Hamers mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fil-21 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-159/20, Hamers vs Cedefop

(Kawża C-111/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Appellant: Helene Hamers (rappreżentanti: Vasileios Spiridon Christianos, Alexandros Politis u Michail Rodopoulos, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Ic-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp tat-Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop)

Talbiet

tannulla parzjalment is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Diċembru 2021, fil-Kawża T-159/20, Hamers vs Cedefop, EU: T:2021:913,

sa fejn ikun meħtieġ, tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fil-mertu;

tikkundanna lil Cedefop għall-ispejjeż kollha tal-proċedura.

Aggravji u argumenti prinċipali

Is-suġġett tas-sentenza appellata huwa d-dannu mġarrab mir-rikorrenti minħabba atti ta’ omissjoni taċ-Cedefop qabel, matul u wara l-konklużjoni ta’ proċess kriminali nazzjonali quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji Griegi, dwar ir-regolarità u l-legalità fl-għoti ta’ kuntratti pubbliċi minn Cedefop lil terzi persuni fil-perijodu bejn l-2001 sal-2005.

L-appellanti tressaq żewġ aggravji u ssostni li s-sentenza appellata:

Fl-ewwel lok, fil-punti 55 sa 61 u fil-punt 83, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) għaliex, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali f’dawn il-punti, minn naħa, l-appellanti ma bbenefikatx minn eżami imparzjali min-naħa taċ-Ċedefop u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tal-Kumitat għall-Appelli taċ-Cedefop ma pprovdiex rimedju għall-vizzju tad-deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2019. Fl-istess waqt, għall-imsemmija raġunijiet, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod inadegwat il-punti msemmija iktar ’il fuq.

Fit-tieni lok, fil-punt 65 u fil-punti 68 sa 75 u 83, wettqet żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-preżunzjoni ta’ innoċenza invokata mill-appellanti skont l-Artikolu 48(1) tal-Karta, li ssaħħaħ mill-ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Fl-istess waqt, għall-imsemmija raġunijiet, il-Qorti Ġenerali mmotivat b’mod inadegwat il-punti msemmija iktar ’il fuq.

____________