Language of document :

Rikors ippreżentat fit-13 ta' Marzu 2013 - Jinko Solar et vs Il-Parlament et

(Kawża T-142/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Jinko Solar Co. Ltd (Shangrao, iċ-Ċina); Zhejiang Jinko Solar Co. Ltd (Haining City, iċ-Ċina); Jiangxi Jinko Photovoltaic Materials Co. Ltd (Shangrao); Jinko Solar Import and Export Co. Ltd (Shangrao, iċ-Ċina); u Zhejiang Jinko Trading Co. Ltd (Haining City) (rappreżentanti: K. Adamantopoulos u J. Cornelis, avukati)

Konvenuti:. Il-Parlament Ewropew, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE) Nru 1168/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta' Diċembru 2012, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 344, p. 1), inkwantu din ġiet applikata fir-rigward tar-rikorrenti;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Jannar 2013 li permezz tagħha din tal-aħħar irrifjutat li teżamina t-talbiet tar-rikorrenti intiżi li jiksbu l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq; u

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed. Huma jsostnu li r-Regolament Nru 1168/2012, kif applikat mill-Kummissjoni lir-rikorrenti fid-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, kif ukoll id-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013 li tindika li l-Kummissjoni mhux ser teżamina t-talbiet tar-rikorrenti intiżi għall-kisba tal-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, jippreġudikaw l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti u japplikaw retrospettivament bi ħsara għar-rikorrenti mingħajr ġustifikazzjoni valida. Minn dan isegwi li r-Regolament Nru 1168/2012, kif applikat mill-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti fid-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, u d-deċiżjoni tat-3 ta' Jannar 2013, manifestament jiksru l-prinċipji fundamentali taċ-ċertezza legali u tal-bona fide.

____________