Language of document : ECLI:EU:C:2023:420

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

RICHARD DE LA TOUR

ippreżentati fis‑17 ta’ Mejju 2023 (1)

Kawża C402/22

Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

vs

M.A.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2011/95/UE – Standards dwar il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja – Artikolu 14(4)(b) u (5) – Rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat – Ċittadin ta’ pajjiż terz li wettaq delitt partikolarment serju – Kunċett ta’ ‘delitt partikolarment serju’”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (2).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn M.A., ċittadin ta’ pajjiż terz, u l-iStaatssecretaris van Justitie en Veiligheid (is-Segretarju tal-Istat għall-Ġustizzja u għas-Sigurtà, il-Pajjiżi l-Baxxi) (iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”), dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni tal-ewwel għall-protezzjoni internazzjonali.

3.        L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw l-istatus mogħti lil refuġjat meta, wara li jkun instab ħati minn sentenza finali għal delitt partikolarment serju, ikun jikkostitwixxi perikolu għall-komunità tal-Istat Membru li fih ikun jinsab.

4.        Skont l-Artikolu 14(5) ta’ din id-direttiva, f’każ bħal dan, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet. Id-deċiżjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet adottata preċiżament abbażi ta’ din id-dispożizzjoni.

5.        Fil-konklużjonijiet li jiena ppreżentajt fil-kawżi AA (Refuġjat li wettaq delitt serju) u Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (Refuġjat li wettaq delitt serju) (3), sostnejt l-interpretazzjoni li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet kumulattivi għall-possibbiltà li għandu Stat Membru li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat. F’dan ir-rigward, spjegajt għalfejn inqis li l-eżistenza ta’ kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja, iżda mhux suffiċjenti, sabiex Stat Membru jkun jista’ jirrevoka dan l-istatus.

6.        F’dawn il-konklużjonijiet, indikajt ukoll ir-raġunijiet li għalihom inqis li t-theddida li tirrappreżenta l-persuna kkundannata, fil-mument li fih tittieħed deċiżjoni ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, għandha tkun reali, attwali u suffiċjentement serja għall-komunità tal-Istat Membru kkonċernat. Speċifikajt ukoll li deċiżjoni li jiġi rrevokat l-istatus ta’ refuġjat għandha, fil-fehma tiegħi, tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità u, b’mod usa’, id-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata kif iggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

7.        Min-naħa l-oħra, sa fejn ebda waħda mid-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju fil-Kawżi C‑663/21 u C‑8/22 ma kienet tirrigwarda direttament it-tifsira tal-kundizzjoni li taħtha ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikkonċernat għandu jkun “insta[b] ħat[i] minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju”, jiena ma ħadtx pożizzjoni dwar dan l-aspett.

8.        F’din il-kawża, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) jistaqsi b’mod espliċitu lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-imsemmi aspett fl-ewwel domanda preliminari tiegħu dwar deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

9.        Fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq din l-ewwel domanda preliminari, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja preċiżazzjonijiet dwar il-kriterji li jippermettu li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

10.      Fil-punti li ġejjin, ser nesponi r-raġunijiet li għalihom nikkunsidra li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, huwa kkostitwit minn reat kriminali li huwa kkaratterizzat minn grad ta’ serjetà eċċezzjonali. Ser nispeċifika l-metodu u l-kriterji li, fil-fehma tiegħi, għandhom jippermettu lill-Istati Membri jevalwaw l-eżistenza ta’ tali delitt.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt internazzjonali

11.      L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati (4), kif issupplimentata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati (5) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”), jipprevedi:

“1.      Ebda wieħed mill-Istati Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jirritorna (‘refouler’), bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri tat-territorji fejn il-ħajja jew il-libertà tiegħu tkun mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali partikolari jew l-opinjoni politika tiegħu.

2.      Madankollu, il-benefiċċju ta’ din id-dispożizzjoni ma jistax jiġi invokat minn refuġjat li fir-rigward tiegħu jkun hemm raġunijiet serji li jitqies li huwa perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn ikun jinsab jew li, minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi theddida għall-komunità tal-imsemmi pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Iddritt talUnjoni

12.      L-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2011/95 jiddikjara:

“Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

(a)      hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)      hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat […];

(c)      hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti […]”

13.      L-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“4.      L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

(b)      hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.      F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.”

14.      L-Artikolu 17(1)(b) tal-imsemmija direttiva huwa redatt kif ġej:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

[…]

(b)      hija tkun ikkommettiet delitt serju.”

15.      L-Artikolu 21(1) u (2) tal-istess direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.      Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

(a)      ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

(b)      il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.”

C.      Iddritt Olandiż

16.      Il-paragrafu C2/7.10.1 tal-Vreemdelingencirculaire 2000 (iċ-Ċirkulari tal-2000 dwar il-Barranin), intitolat “L-ordni pubbliku bħala raġuni għal rifjut”, jispeċifika:

“Fl-evalwazzjoni ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja fil-qafas tal-ażil, l-Immigratie – en Naturalisatiedienst [is-Servizz tal-Immigrazzjoni u tan-Naturalizzazzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi (iktar ’il quddiem l-“IND”)] għandu jeżamina jekk iċ-ċittadin barrani jikkostitwixxix theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali. Meta ċ-ċittadin barrani jkun refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni [ta’ Genève], l-IND għandu jevalwa jekk jeżistix delitt partikolarment serju […].

L-IND għandu jevalwa jekk jeżistix delitt (partikolarment) serju skont kull każ individwali, fuq il-bażi tal-elementi fattwali u legali rilevanti kollha. F’dan ir-rigward, fi kwalunkwe każ, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari invokati miċ-ċittadin barrani li huma relatati man-natura u mas-serjetà tad-delitt kif ukoll iż-żmien li għadda minn meta seħħew il-fatti.

[…]”

L-IND għandu jevalwa l-kwistjoni tal-eżistenza ta’ delitt (partikolarment) serju billi jivverifika jekk, b’kollox, is-somma tal-pieni imposti tilħaqx tal-inqas il-livell applikabbli. F’dan il-kuntest, tingħata importanza kbira liċ-ċirkustanzi individwali, fost oħrajn il-kwistjoni dwar x’inhu l-proporzjon tad-delitti li jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà. Fi kwalunkwe każ, mill-inqas waħda mill-kundanni għandha tkun marbuta ma’ delitt li jikkostitwixxi tali theddida.

Għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk is-somma tal-pieni imposti tilħaqx il-livell applikabbli, l-IND għandu fi kwalunkwe każ jieħu inkunsiderazzjoni l-element tal-pieni infurzabbli mingħajr kundizzjoni.

Fl-evalwazzjoni tiegħu, huwa għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-parti kundizzjonali tal-pieni jekk, u sa fejn, tkun (ukoll) kwistjoni ta’:

–        delitti relatati ma’ drogi, delitti ta’ natura sesswali u delitti vjolenti;

–        traffikar tal-bnedmin; jew

–        twettiq, tħejjija jew faċilitazzjoni ta’ delitt terroristiku.

Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà nazzjonali, l-IND għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kundanni għal pieni ta’ servizz komunitarju. Huwa għandu jikkalkola l-livell applikabbli fuq il-bażi tal-elementi li ġejjin:

–        it-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà alternattiva mogħtija mill-imħallef;

–        it-tul tal-piena li ċċaħħad il-libertà mogħtija mill-imħallef fil-każ fejn iċ-ċittadin barrani ma jwettaqx kif suppost piena ta’ servizz komunitarju li għaliha jkun ġie kkundannat; u

–        għal kull sagħtejn [ta’ servizz komunitarju] imposti minn digriet kriminali: ġurnata ta’ piena li ċċaħħad il-libertà.

[…]

L-ordni pubbliku meta ċ-ċittadin barrani jkun refuġjat fis-sens tal-Konvenzjoni [ta’ Genève]

L-IND ma għandux jagħti permess ta’ residenza temporanja fil-qafas tal-ażil lil ċittadin barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

–        jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jingħata permess ta’ residenza temporanja fil-qafas tal-ażil […]; u

–        ġie kkundannat għal ‘delitt partikolarment serju’ u jikkostitwixxi ‘theddida għas-soċjetà’.

L-eżistenza ta’ ‘delitt partikolarment serju’ għandha tiġi kkonstatata meta jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

–        iċ-ċittadin barrani kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva li imponiet fuqu piena jew miżura li ċċaħħad il-libertà; u

–        it-tul tal-piena jew tal-miżura imposta b’kollox jammonta għal mill-inqas għaxar xhur.

L-IND għandu jieħu inkunsiderazzjoni wkoll, f’din l-evalwazzjoni, id-delitti li jkunu twettqu barra mill-pajjiż. F’dan ir-rigward, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Openbaar Ministerie [l-Uffiċċju tal-Prosekutur, il-Pajjiżi l-Baxxi], l-IND għandu jevalwa x’kienu jkunu l-konsegwenzi marbuta ma’ dawn id-delitti fid-dritt Olandiż li kieku dawn twettqu u ġew ikkastigati fil-Pajjiżi l-Baxxi.

L-IND għandu jevalwa t-theddida għas-soċjetà skont kull każ individwali kif ukoll fuq il-bażi tal-elementi fattwali u legali rilevanti kollha.

Fl-evalwazzjoni tat-‘theddida għas-soċjetà’ li jikkostitwixxi ċ-ċittadin barrani, l-IND għandu fi kwalunkwe każ jieħu inkunsiderazzjoni, fost l-oħrajn, l-aspetti li ġejjin:

–        in-natura tal-ksur; u

–        il-piena imposta.

L-IND għandu jevalwa t-theddida li ċ-ċittadin barrani jikkostitwixxi għas-soċjetà billi jibbaża ruħu fuq is-sitwazzjoni kif tirriżulta fil-mument tal-evalwazzjoni tal-applikazzjoni (evalwazzjoni ‘ex nunc’).

Fi kwalunkwe każ, l-IND jista’ jikkonstata theddida għas-soċjetà f’każ ta’:

–        delitti relatati ma’ drogi, delitti sesswali u delitti vjolenti;

–        ħruq doluż;

–        traffikar tal-bnedmin;

–        traffikar ta’ armi, munizzjon u splussivi; u

–        traffikar ta’ organi u tessuti umani.

[…]”

III. Ilfatti talkawża prinċipali u ddomandi preliminari

17.      Fil‑5 ta’ Lulju 2018, M.A. ppreżenta r-raba’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18.      Is-Segretarju tal-Istat ċaħad din it-talba permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020. F’din id-deċiżjoni, huwa qies li M.A. bir-raġun kien jibża’ li jiġi ppersegwitat fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, iżda li kien ġie kkundannat għal delitt partikolarment serju permezz ta’ deċiżjoni definittiva u li kien jikkostitwixxi, minħabba dan il-fatt, theddida għas-soċjetà.

19.      Is-Segretarju tal-Istat ibbaża ruħu, f’dan ir-rigward, fuq il-fatt li M.A. kien ġie kkundannat, matul is-sena 2018, permezz ta’ sentenza finali, għal piena ta’ priġunerija ta’ 24 xahar (6) talli, matul l-istess lejl, wettaq tliet oltraġġi vjolenti għall-pudur, attentat ta’ oltraġġ vjolenti għall-pudur u serq ta’ telefon ċellulari.

20.      M.A. ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tat‑12 ta’ Ġunju 2020.

21.      Permezz ta’ sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2020, ir-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat din id-deċiżjoni minħabba li s-Segretarju tal-Istat ma kienx immotiva b’mod suffiċjenti, minn naħa, li l-atti mwettqa minn M.A. kienu tant gravi li kienu jiġġustifikaw ir-rifjut li jingħata l-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, li M.A. kien jikkostitwixxi periklu reali, attwali u suffiċjentement serju għal interess fundamentali tas-soċjetà.

22.      Is-Segretarju tal-Istat appella minn din is-sentenza quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat). Insostenn ta’ dan l-appell, huwa jsostni, l-ewwel, li l-fatti allegati fil-konfront ta’ M.A. għandhom jitqiesu bħala ksur uniku li jikkostitwixxi delitt partikolarment serju, fid-dawl tan-natura ta’ dawn il-fatti, tal-piena mogħtija u tal-effett ta’ ħsara tal-imsemmija fatti għas-soċjetà Olandiża. It-tieni, huwa jsostni li l-kundanna ta’ M.A. għal delitt partikolarment serju turi bħala prinċipju li dan jirrappreżenta theddida għas-soċjetà.

23.      Min-naħa tiegħu, M.A. isostni li s-Segretarju tal-Istat qies b’mod żbaljat il-livell tal-piena mogħtija bħala bażi ta’ tluq għall-eżami u għall-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk id-delitt kienx partikolarment serju. Kull każ għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni individwali – ħaġa li l-metodu segwit mis-Segretarju tal-Istat ma jippermettix. M.A. jenfasizza wkoll li l-oltraġġ vjolenti għall-pudur huwa l-forma l-inqas serja ta’ oltraġġ indiċenti. Barra minn hekk, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ theddida għas-soċjetà, M.A. iqis li l-evalwazzjoni tar-rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) hija korretta.

24.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi fuq l-imsemmi appell, hija teħtieġ kjarifika fir-rigward dwar iċ-ċirkustanzi li abbażi tagħhom l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk ċittadin ta’ pajjiż terz instabx ħati permezz ta’ sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju. Hija tistaqsi, b’mod partikolari, sa fejn is-soluzzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed (7), dwar l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 14(4)(b) tagħha, meta tal-ewwel isemmi “delitt serju” u t-tieni wieħed isemmi “delitt partikolarment serju”.

25.      Barra minn hekk, fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet fir-rigward tal-portata tal-kunċett ta’ “theddida għas-soċjetà”, il-qorti tar-rinviju taqbel mad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju) fil-Kawża C‑8/22 (8).

26.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      a)      Meta huwa delitt tant ‘partikolarment serju’, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva [2011/95], li Stat Membru jista’ jiċħad l-istatus ta’ refuġjat lil persuna li teħtieġ protezzjoni internazzjonali?

b)      Il-kriterji li huma applikabbli għal ‘delitt serju’ previst fl-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, kif imsemmija fil-punt 56 tas-sentenza [Ahmed], huma rilevanti meta jiġi eżaminat jekk jeżistix ‘delitt partikolarment serju’? Jekk dan huwa l-każ, jeżistu kriterji oħra li jirrendu delitt ‘partikolarment’ serju?

2)      L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-fatt li persuna li ngħatat l-istatus ta’ refuġjat ġiet ikkundannata permezz ta’ sentenza li saret finali għal delitt partikolarment serju diġà juri li din il-persuna tirrappreżenta theddida għas-soċjetà, jew għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kundanna finali għal ksur partikolarment serju minnha nfisha ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li teżisti theddida għas-soċjetà?

3)      Fil-każ li l-kundanna finali għal ksur partikolarment serju, inkwantu tali, ma hijiex suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li teżisti theddida għas-soċjetà, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru għandu juri li, sa mill-kundanna tiegħu, ir-rikorrent jikkostitwixxi theddida għas-soċjetà? L-Istat Membru għandu jistabbilixxi li din it-theddida hija reali u attwali jew huwa suffiċjenti li tkun theddida potenzjali? L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, moqri individwalment jew flimkien mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ta’ refuġjat jista’ jitneħħa biss fil-każ li din it-tneħħija tkun proporzjonata u fil-każ li t-theddida li l-benefiċjarju ta’ dan l-istatus jirrappreżenta tkun suffiċjentement serja sabiex tiġġustifika t-tneħħija?

4)      Fil-każ li l-Istat Membru ma huwiex meħtieġ jistabbilixxi li, sa mill-kundanna finali tiegħu, ir-rikorrent għadu jirrappreżenta theddida għas-soċjetà u li din it-theddida hija reali, attwali u suffiċjentement serja sabiex tiġġustifika t-tneħħija tal-istatus ta’ refuġjat, l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-theddida għas-soċjetà hija stabbilita, bħala prinċipju, permezz tal-fatt li l-benefiċjarju tal-istatus ta’ refuġjat ġie kkundannat b’mod finali għal ksur partikolarment serju, iżda li l-persuna kkonċernata tista’ turi li hija ma tirrappreżentax, jew ma għadhiex tirrappreżenta, theddida?”

27.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn M.A., mill-Gvern Olandiż u dak Ungeriż kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

IV.    Analiżi

28.      Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-portata tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 sabiex tiddetermina skont liema metodu u liema kriterji għandu jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

29.      Din il-qorti tixtieq tkun taf b’mod partikolari jekk ir-rekwiżiti u l-parametri li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi konkluż li persuna wettqet “delitt serju”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, kif jirriżultaw b’mod partikolari mis-sentenza Ahmed, humiex rilevanti wkoll sabiex jiġi deċiż jekk persuna wettqitx “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva.

30.      Infakkar li l-eżistenza ta’ delitt partikolarment serju tikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja – għalkemm mhux suffiċjenti – għall-implimentazzjoni tal-possibbiltà ta’ revoka jew ta’ rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li għandhom l-Istati Membri bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni jew tal-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95.

31.      Nirrileva li la l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 u lanqas dispożizzjoni oħra tagħha ma jinkludu definizzjoni tal-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”.

32.      Għandu jiġi kkonstatat ukoll li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 ma jirreferix għad-dritt tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”, li jinsab f’din id-dispożizzjoni. Madankollu, mir-rekwiżiti, kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw is-sens u l-portata tagħha normalment iridu jingħataw interpretazzjoni awtonoma u uniformi fl-Unjoni kollha (9).

33.      F’dan ir-rigward, nispeċifika li l-adozzjoni ta’ interpretazzjoni awtonoma u uniformi tal-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, ma għandhiex twassal biex iċċaħħad lill-Istati Membri mis-setgħa diskrezzjonali tagħhom fid-definizzjoni tal-politiki kriminali rispettivi tagħhom. Fi kliem ieħor, l-għan ma huwiex li l-politiki kriminali tal-Istati Membri jiġu standardizzati b’mod indirett. Tali interpretazzjoni hija intiża biss sabiex tiżgura li l-evalwazzjoni tal-kundizzjoni dwar is-serjetà partikolari ta’ delitt, li tinsab f’din id-dispożizzjoni, tkun ibbażata fuq metodu u kriterji komuni sabiex jiġi ggarantit li l-eżerċizzju tal-possibbiltà ta’ revoka jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat ikun limitat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha.

34.      Fil-qosor, din ma hijiex kwistjoni ta’ ċaħda tad-differenzi fil-kunċetti fil-qasam tal-politika kriminali li jistgħu jeżistu bejn l-Istati Membri. L-għan huwa li l-awtoritajiet kompetenti jingħataw l-għodod meħtieġa biex jistabbilixxu, fuq bażi komuni, is-serjetà partikolari ta’ delitt.

35.      Dan premess, peress li d-Direttiva 2011/95 ma tiddefinixxix it-terminu “delitt partikolarment serju”, dan għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira abitwali tiegħu fil-lingwaġġ ta’ kuljum, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest li jintuża fih u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha jagħmel parti (10).

36.      Fir-rigward tat-terminu “delitt”, dan għandu jinftiehem, fil-fehma tiegħi, bħala li jirreferi b’mod ġenerali għal reat previst mil-liġi kriminali tal-Istat Membru kkonċernat, mingħajr ma jkun limitat għal kategoriji speċifiċi ta’ reati.

37.      Fir-realtà, il-kriterju distintiv li jippermetti li tiġi limitata l-portata tal-kunċett ta’ “delitt partikolarment serju” huwa relatat mal-grad ta’ serjetà tad-delitt inkwistjoni. Għalhekk, huma biss id-delitti li jilħqu grad ta’ serjetà partikolari li jistgħu jippermettu lill-Istati Membri jimplimentaw il-possibbiltà li għandhom li jirrevokaw jew jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat.

38.      Fir-rigward tat-tifsira abitwali tal-espressjoni “partikolarment serju”, din fil-lingwaġġ ta’ kuljum tindika grad ta’ serjetà li, minħabba l-iskala tiegħu, għandu natura mhux tas-soltu jew inqas komuni u li jista’, konsegwentement, jiġi kklassifikat bħala “eċċezzjonali”. Din l-espressjoni hija għalhekk sinonima ma’ “eċċezzjonalment serju”, “staordinarjament serju” jew “estremament serju”.

39.      Minn dan isegwi li “delitt partikolarment serju” huwa reat kriminali li huwa kkaratterizzat minn ċerti karatteristiċi speċifiċi li jippermettu li dan jiġi kklassifikat fil-kategorija tad-delitti l-iktar serji.

40.      Dan iwassalni sabiex nikkunsidra li “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, huwa reat kriminali li huwa kkaratterizzat mis-serjetà eċċezzjonali assoċjata miegħu fl-Istat Membru li jixtieq jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ revoka jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

41.      It-teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti, fil-fehma tiegħi, li jiġu kkonfermati dawn l-ewwel elementi ta’ analiżi.

42.      F’dan ir-rigward, nirrileva li dan il-kuntest għandu jwassal sabiex tiġi adottata interpretazzjoni stretta tal-imsemmija dispożizzjoni.

43.      Fil-fatt, infakkar li l-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lil persuna meta din tissodisfa l-istandards minimi stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, bis-saħħa tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li tissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex titqies li hija refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva.

44.      Issa, l-Artikolu 14(4)(b) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi raġuni għar-revoka jew għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li tikkostitwixxi eċċezzjoni għar-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva u li għandha l-effett li tillimita d-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva. Din ir-raġuni għar-revoka jew għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat għandha għalhekk, fil-fehma tiegħi, bħala regola derogatorja, tiġi interpretata b’mod strett, li jfisser li tista’ tiġi applikata biss meta l-awtorità kompetenti turi li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz ingħata kundanna definittiva għal delitt li huwa kkaratterizzat minn serjetà eċċezzjonali.

45.      Il-paragun ma’ dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva 2011/95 jippermetti, fil-fehma tiegħi, li tiġi kkonfermata din l-interpretazzjoni. B’hekk jissemmew, fost ir-raġunijiet għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat, it-twettiq ta’ “delitt serju mhux politiku” fl-Artikolu 12(2)(b) ta’ din id-direttiva u, fost ir-raġunijiet għall-esklużjoni mill-protezzjoni sussidjarja, it-twettiq ta’ “delitt serju” fl-Artikolu 17(1)(b) tal-imsemmija direttiva. Bir-riferiment għal “delitt partikolarment serju” fl-Artikolu 14(4)(b) tal-istess direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod ċar ried jillimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni billi rrikjeda mhux biss li l-grad ta’ serjetà meħtieġa mill-imsemmija dispożizzjoni jkun ogħla minn dak meħtieġ għall-implimentazzjoni tar-raġunijiet għall-esklużjoni, iżda wkoll li jkun hemm grad ta’ serjetà eċċezzjonali. Barra minn hekk ninnota li l-istess leġiżlatur żamm l-espressjoni “partikolarment serju” u mhux “serju ħafna”.

46.      Barra minn hekk, kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-raġuni korrispondenti li tinsab fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, li jippermetti li refuġjat jiġi suġġett għal refoulement, għandu jitqies li l-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva jissuġġetta r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat għal kundizzjonijiet stretti peress li, b’mod partikolari, huwa biss refuġjat li jkun instab ħati b’sentenza finali għal “delitt partikolarment serju” li jista’ jitqies li jikkostitwixxi “periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru” (11). Dawn il-kundizzjonijiet stretti huma proporzjonati mal-konsegwenzi sinjifikattivi tar-revoka jew tar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, jiġifieri li l-persuna kkonċernata ma jkollhiex, jew ma jibqax ikollha iktar, id-drittijiet u l-benefiċċji kollha ddikjarati fil-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva, peress li dawn huma assoċjati ma’ dan l-istatus (12).

47.      L-interpretazzjoni li tikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) u (5) tad-Direttiva 2011/95 għad-delitti li għandhom grad ta’ serjetà eċċezzjonali jidhirli li hija wkoll konsistenti mal-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li jipprovdi b’mod partikolari li l-prinċipju ta’ non-refoulement ma jistax jiġi invokat minn refuġjat “minħabba li kien is-suġġett ta’ kundanna definittiva għal reat partikolarment gravi, jikkostitwixxi theddida għall-komunità tal-imsemmi pajjiż [tal-pajjiż fejn jinsab]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. F’dan ir-rigward, nirrileva li, għalkemm din id-dispożizzjoni għandha għan differenti, peress li tipprevedi eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ non-refoulement, huwa paċifiku li hija kienet is-sors tar-raġunijiet għar-revoka jew għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat imsemmija mil-leġiżlatur tal-Unjoni fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95. Għalhekk jidhirli li huwa xieraq li tittieħed inkunsiderazzjoni l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) ta’ din il-konvenzjoni li, kif jirriżulta mill-premessi 4, 23 u 24 ta’ din id-direttiva, tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema legali internazzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati (13).

48.      B’mod iktar ġenerali, inqis li, peress li l-ipoteżijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95, li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw jew jirrifjutaw li jagħtu l-istatus ta’ refuġjat, jikkorrispondu, essenzjalment, għal dawk li fihom l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għar-refoulement ta’ refuġjat bis-saħħa tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ir-raġunijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu interpretati bl-istess mod.

49.      Issa, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève tidher li taqbel ma’ dik li qiegħed nirrakkomanda fir-rigward tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, jiġifieri li delitt “partikolarment serju” huwa delitt li għandu grad ta’ serjetà eċċezzjonali.

50.      Fir-rigward tat-terminu “delitt”, diġà indikajt li jista’ jkollu tifsiriet differenti fid-dritt nazzjonali – liema fatt ġie enfasizzat fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (14). Għalhekk, l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni ma tiddependix fuq il-fatt li l-att li tiegħu persuna tkun instabet ħatja jiġi kklassifikat f’xi kategorija partikolari jew oħra tal-liġi kriminali nazzjonali, iżda pjuttost fuq il-konstatazzjoni li dan huwa att “partikolarment serju” u meqjus bħala tali mill-imsemmija liġi (15).

51.      Barra minn hekk, setgħet tiġi enfasizzata n-natura eċċezzjonali tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (16). Minn din il-perspettiva, “delitt partikolarment serju” huwa varjant ta’ “delitt serju”, limitat għal “każijiet eċċezzjonali” (17). Ir-rekwiżit ta’ “delitt partikolarment serju”, mill-perspettiva restrittiva li jesprimi, huwa konsistenti mal-ħtieġa li jinżamm limitu partikolarment għoli għall-applikabbiltà tal-eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ non-refoulement li tinsab fl-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève (18).

52.      L-għan prinċipali tad-Direttiva 2011/95, li huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri kollha japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali u li jiġi ggarantit livell minimu ta’ benefiċċji għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha (19), jiffavorixxi wkoll, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni li tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) u (5) tagħha għal każijiet eċċezzjonali, jiġifieri għall-atti bl-iktar pieni serji u għall-forom l-iktar gravi ta’ kriminalità fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat.

53.      Ladarba saru dawn il-kjarifiki, issa wieħed għandu jiffoka fuq il-metodu u l-kriterji li jippermettu lill-Istati Membri jistabbilixxu l-eżistenza ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

54.      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tinkludi, f’dan ir-rigward, għadd ta’ tagħlimiet li jidhirli li, fil-parti l-kbira, jistgħu jiġu applikati b’analoġija, iżda li madankollu jistħoqqilhom li jiġu ssupplimentati.

55.      Fir-rigward tal-metodu, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat tista’ tinvoka r-raġuni għal esklużjoni prevista fl-Artikolu 12(2)(b) tad-Direttiva 2011/95 u fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw it-twettiq, mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali, ta’ “delitt serju”, biss wara li tkun wettqet, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti preċiżi li dwarhom hija jkollha għarfien sabiex tiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji li temmen li l-atti mwettqa mill-persuna kkonċernata, li altrimenti tissodisfa l-kriterji sabiex tingħata l-istatus mitlub, jaqgħu taħt din ir-raġuni għal esklużjoni – bl-evalwazzjoni tas-serjetà tad-delitt inkwistjoni teħtieġ eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat (20).

56.      Jidhirli li l-metodu hekk iddefinit huwa kompatibbli mal-iffissar mill-Istati Membri, fl-interess taċ-ċertezza legali, ta’ livelli minimi ta’ pieni sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw il-fakultà tagħhom ta’ revoka jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat skont l-Artikolu 14(4)(b) u (5) tad-Direttiva 2011/95 (21). L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li jirriżervaw l-użu ta’ dan id-dritt għal ċerti tipi ta’ delitti kriminali. Fi kwalunkwe każ, madankollu, huwa importanti li jiġi eskluż kwalunkwe awtomatiżmu fl-implimentazzjoni ta’ din l-għażla (22). Għalhekk, għandhom jiġu evalwati b’mod sistematiku ċ-ċirkustanzi individwali kollha, sew jekk l-Istati Membri jipprevedu livell limitu ta’ piena sew jekk le. Tali evalwazzjoni hija saħansitra iktar importanti u diffiċli peress li huwa l-kriminal u mhux id-delitt, li jiġi kkastigat (23). Barra minn hekk, l-istess klassifikazzjoni kriminali tista’ tkopri firxa wiesgħa ta’ aġir ta’ serjetà li tvarja.

57.      Il-motivi tas-sentenza ta’ kundanna għandhom, fil-fehma tiegħi, rwol determinanti fit-twettiq tal-evalwazzjoni li għandha ssir. Għaldaqstant, għandu jsir eżami dwar jekk il-qorti li sabet lill-persuna kkonċernata ħatja kklassifikatx il-fatti bħala “serji” jew “partikolarment serji” u dwar x’elementi hija invokat insostenn ta’ din il-klassifikazzjoni.

58.      Kif indikajt iktar ’il fuq, din ma hijiex kwistjoni, għalhekk, ta’ definizzjoni ta’ livell limitu ta’ serjetà partikolari ta’ delitt fil-livell tal-Unjoni, għaliex dan mhux biss imur kontra d-differenzi li jeżistu bejn il-politiki kriminali tal-Istati Membri, iżda jkun ukoll inkompatibbli mal-metodu li jikkonsisti fl-impożizzjoni ta’ eżami taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull każ individwali.

59.      Barra minn hekk, għandu jiġi speċifikat, kif tagħmel il-Kummissjoni, li, peress li d-dritt kriminali sostantiv huwa suġġett biss għal armonizzazzjoni limitata, l-Istati Membri jżommu ċertu marġni ta’ diskrezzjoni fid-definizzjoni ta’ x’jikkostitwixxi “delitt partikolarment serju” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95.

60.      Issa, fir-rigward tal-kriterji, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fis-sentenza Ahmed, li l-interpretazzjoni li skontha huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni tal-fatti rilevanti kollha “hija sostnuta mir-rapport tal-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO) [(24)] għax-xahar ta’ Jannar 2016, bit-titolu “Esklużjoni: Artikoli 12 u 17 tad-Direttiva ta’ Klassifikazzjoni (2011/95/UE)” li jirrakkomanda, fil-punt 3.2.2 dwar l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, li s-serjetà tad-delitt li jista’ jeskludi persuna mill-protezzjoni sussidjarja għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ diversi kriterji bħal, b’mod partikolari, in-natura tal-att inkwistjoni, id-dannu kkawżat, il-forma ta’ proċedura użata sabiex jinbdew proċeduri, in-natura tal-piena inflitta u t-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-biċċa l-kbira tal-qrati jqisu wkoll l-att inkwistjoni bħala delitt serju. L-[EUAA] [t]irreferi, f’dan ir-rigward, għal ċerti deċiżjonijiet meħuda mill-qrati supremi tal-Istati Membri” (25).

61.      Minkejja li l-kriterji enfasizzati mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza kienu jirrigwardaw il-kunċett ta’ “delitt serju”, fis-sens tal-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95, inqis li dawn il-kriterji huma wkoll utli sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) ta’ din id-direttiva (26), peress li l-imsemmija kriterji għandhom, f’dan il-kuntest, juru s-serjetà eċċezzjonali tad-delitt inkwistjoni, li jikkostitwixxi differenza ta’ grad sinjifikattiv ħafna meta mqabbel mad-delitt serju (27).

62.      Nosserva, f’dan ir-rigward, li, fost il-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, hemm in-natura tad-delitt, id-dannu effettivament ikkawżat minnu, il-forma tal-proċedura applikata għall-prosekuzzjoni kriminali u l-kwistjoni dwar jekk l-att inkwistjoni jitqiesx bħala serju fil-maġġoranza tal-ordinamenti ġuridiċi (28).

63.      Konsegwentement, fil-fehma tiegħi, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji li ġejjin sabiex tintwera l-eżistenza ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95: in-natura tal-att inkwistjoni (29), id-danni kkawżati (30), il-forma tal-proċedura applikata għall-prosekuzzjoni u l-proċess tal-persuna inkwistjoni, in-natura u t-tul tal-piena imposta (31) u jekk il-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet iqisux ukoll l-att inkwistjoni bħala delitt partikolarment serju.

64.      Barra minn hekk, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ahmed, fir-rigward tal-piena inflitta, jiġifieri li l-Artikolu 17(1)(b) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jitqies li wettaq delitt serju fuq is-sempliċi bażi tal-piena inflitta għal delitt partikolari skont id-dritt ta’ dak l-Istat Membru (32). Din is-sentenza tirrikonoxxi, madankollu, li l-kriterju tal-piena inflitta għandu importanza partikolari għall-evalwazzjoni tas-serjetà ta’ delitt (33).

65.      Fil-kuntest ta’ piena imposta u mhux sempliċement inflitta, il-kriterju dwar in-natura u t-tul tal-piena jidhirli li għandu jkollu rwol wisq iktar importanti (34).

66.      Madankollu, nirrikonoxxi, b’analoġija ma’ dak li ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Ahmed, li l-kriterju tal-piena imposta ma għandux jintuża waħdu u b’mod awtomatiku sabiex jiġi eżaminat jekk delitt huwiex partikolarment serju. Dan il-kriterju, bħal dak tan-natura tad-delitt, għandu jiġi ssupplimentat b’evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha, inkluż eżami tal-kuntest li fih twettaq id-delitt u tal-aġir tal-persuna kkonċernata (35), fejn din l-evalwazzjoni għandha, b’mod partikolari, tistrieħ fuq il-motivi li jinsabu fis-sentenza ta’ kundanna.

67.      Fil-fatt, peress li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jirreferi għal kundanna definittiva, għandu jitqies li l-qorti li tat tali kundanna tkun ħadet inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali kollha sabiex timponi l-piena li hija qieset xierqa. F’dan ir-rigward, in-natura determinanti tal-motivi tas-sentenza ta’ kundanna u tal-evalwazzjoni mwettqa mill-qorti kriminali li tat din is-sentenza, kif enfasizzajt qabel, jidhirli li tirriżulta mid-differenza li teżisti bejn ir-raġunijiet għall-esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, imsemmija fl-Artikolu 12(2)(b) u fl-Artikolu 17(1)(b) ta’ din id-direttiva, li jirrigwardaw il-fatt li jkun “twettaq” delitt serju, u r-raġuni għar-revoka jew ir-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat li tinsab fl-Artikolu 14(4)(b) u (5) tal-imsemmija direttiva, li tirreferi għall-fatt li tkun “instabet ħatja minn sentenza finali”.

68.      Barra minn hekk, jidhirli li huwa partikolarment rilevanti, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li għandha titwettaq, li l-piena imposta tiġi pparagunata mal-massimu legali previst għad-delitt inkwistjoni (36). Barra minn hekk, jeħtieġ li tiġi eżaminata l-pożizzjoni tal-piena imposta fl-iskala tal-pieni fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat (37).

69.      Inżid ukoll il-kriterji li ġejjin, li jidhirli li għandhom jiġu inklużi fost dawk li huma utli sabiex jiġi evalwat jekk delitt huwiex ta’ grad ta’ serjetà eċċezzjonali:

–        il-prevalenza ta’ ċirkustanzi aggravanti jew, għall-kuntrarju, ta’ ċirkustanzi attenwanti, u

–        in-natura tal-interess ġuridiku li jkun ġie ppreġudikat (38).

70.      Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95 jagħmel riferiment għall-fatt li refuġjat ikun “insta[b] ħat[i] minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju” (39). L-użu tas-singular, kif ukoll il-ħtieġa li tinżamm interpretazzjoni restrittiva ta’ din id-dispożizzjoni, jipprekludu, fil-fehma tiegħi, li din ir-raġuni għar-revoka jew għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat tista’ tiġi applikata abbażi ta’ akkumulazzjoni ta’ sentenzi mogħtija għal diversi delitti kriminali, li l-ebda wieħed minnhom, meħud waħdu, ma jista’ jiġi kklassifikat bħala “delitt partikolarment serju” (40).

71.      Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa, fid-dawl tal-metodu u tal-kriterji li għadni kif iddeskrivejt, jekk tistax tikklassifika l-kundanna mogħtija lil M.A. bħala waħda li tikkonċerna “delitt partikolarment serju”. Din il-qorti għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-livell tal-piena li ngħatat kontra M.A., f’dan il-każ piena ta’ priġunerija ta’ 24 xahar. L-imsemmija qorti għandha tivverifika wkoll jekk din il-piena hijiex sospiża għal tmien xhur, kif jidher li jirriżulta mill-osservazzjonijiet bil-miktub ta’ M.A. u tal-Gvern Olandiż.

72.      Barra minn hekk, kif diġà indikajt, il-metodu ta’ żamma fil-leġiżlazzjoni Olandiża ta’ livell ta’ tul tal-piena jew tal-miżura li ċċaħħad il-libertà imposta, f’dan il-każ ta’ għaxar xhur, bħala limitu minimu li jista’ jippermetti lil Stat Membru jagħmel użu mill-fakultà tiegħu ta’ revoka jew ta’ rifjut ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat għad-dispożizzjoni tiegħu, ma jidhirlix li jista’ jiġi kkontestat fejn jidħol il-prinċipju. Madankollu dan il-metodu għandu jinkludi evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ kull sitwazzjoni individwali – li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju.

73.      Barra minn hekk, kif tindika ġustament il-Kummissjoni, jidhirli li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Olandiża tippermetti lill-awtorità kompetenti tiġbor flimkien diversi pieni imposti għal diversi reati kriminali sabiex jiġi vverifikat jekk dan il-livell minimu nqabiżx imur kontra l-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95. F’dan ir-rigward, jidhirli li huwa rilevanti li ssir distinzjoni skont jekk id-dritt kriminali ta’ Stat Membru jipprevedix, fil-każ ta’ konkors ta’ delitti, l-akkumulazzjoni tal-pieni jew anki n-nuqqas ta’ akkumulazzjoni tal-pieni, bl-impożizzjoni tal-piena l-iktar serja inflitta. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk il-piena imposta fuq M.A. tirriżultax minn waħda jew l-oħra minn dawn l-ipoteżijiet, peress li l-ewwel waħda ma tistax twassal lill-awtorità kompetenti biex, billi tgħaqqad flimkien diversi pieni imposti għal diversi delitti, tadotta l-klassifikazzjoni ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

V.      Konklużjoni

74.      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għall-ewwel domanda preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi):

L-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        “delitt partikolarment serju”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jirreferi għal reat kriminali li huwa kkaratterizzat minn grad ta’ serjetà eċċezzjonali;

–        Stat Membru jista’ jinvoka r-raġuni għar-revoka jew għar-rifjut tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat prevista fl-Artikolu 14(4)(b) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 biss wara li jkun wettaq, għal kull każ individwali, evalwazzjoni tal-fatti speċifiċi li jkun jaf bihom sabiex jiddetermina jekk jeżistux raġunijiet serji sabiex jiġi ssuspettat li l-atti mwettqa mill-persuna inkwistjoni jaqgħu taħt din ir-raġuni għal revoka jew għal rifjut ta’ għoti tal-istatus, bl-evalwazzjoni tal-grad ta’ serjetà eċċezzjonali tad-delitt li għalih din il-persuna tkun instabet ħatja minn sentenza finali teħtieġ eżami komplet taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ individwali kkonċernat;

–        sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, l-Istat Membru kkonċernat għandu jibbaża l-eżami tiegħu b’mod partikolari fuq il-kriterji li ġejjin: in-natura tal-att inkwistjoni, id-danni kkawżati, il-forma tal-proċedura applikata għall-prosekuzzjoni u l-proċess tal-persuna inkwistjoni, in-natura u t-tul tal-piena imposta, billi din il-piena tiġi pparagunata mal-massimu legali previst għad-delitt inkwistjoni u billi tiġi eżaminata l-pożizzjoni tal-imsemmija piena fl-iskala tal-pieni fis-seħħ f’dan l-Istat Membru, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk il-parti l-kbira tal-ġurisdizzjonijiet jikkunsidrawx ukoll l-att inkwistjoni bħala delitt partikolarment serju, in-natura prevalenti ta’ ċirkustanzi aggravanti jew, għall-kuntrarju, ta’ ċirkustanzi attenwanti, kif ukoll in-natura tal-interess legali li jkun ġie ppreġudikat;

–        ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi limitu minimu għat-tul tal-piena mogħtija, li ’l fuq minnu reat kriminali jista’ jiġi kklassifikat bħala “delitt partikolarment serju”, fis-sens tal-Artikolu 14(4)(b) tad-Direttiva 2011/95, bil-kundizzjoni, minn naħa, li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dan il-limitu minimu jkun akkumpanjat minn evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha speċifiċi għal kull sitwazzjoni individwali u, min-naħa l-oħra, li din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix li jingħaddu flimkien diversi pieni imposti għal diversi reati kriminali, li minnhom l-ebda wieħed, meħud waħdu, ma jilħaq il-grad ta’ serjetà eċċezzjonali meħtieġ minn din id-dispożizzjoni, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi limitu minimu nqabiżx.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2011, L 337, p. 9.


3      C-663/21 u C-8/22, EU:C:2023:114.


4      Iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 [Ġabra tat-trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)] u daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954.


5      Konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967 u daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967.


6      Li minnhom tmien xhur kienu sospiżi, kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet ippreżentati minn M.A. u mill-Gvern Olandiż.


7      C-369/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Ahmed”, EU:C:2018:713.


8      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ahmed (punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata); tal‑31 ta’ Marzu 2022, Bundesamt für Fremdenwesen und Asyl et (Tqegħid ta’ applikant għall-ażil fi sptar psikjatriku) (C‑231/21, EU:C:2022:237, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubbliku) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).


10      Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, TP (Editur awdjoviżiv għat-televiżjoni pubblika) (C‑356/21, EU:C:2023:9, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, T. (C-373/13, EU:C:2015:413, punt 72).


12      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 99).


13      Ara s-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2019, M et (Revoka tal-istatus ta’ refuġjat) (C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17, EU:C:2019:403, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, f’dak li jirrigwarda n-neċessità li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 jiġu interpretati f’konformità mal-Konvenzjoni ta’ Genève, is-sentenza Ahmed (punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).


14      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, “The refugee Convention, 1951: the Travaux préparatoires analysed with a Commentary by Dr Paul Weis”, p. 246, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/protection/travaux/4ca34be29/refugee-convention-1951-travaux-preparatoires-analysed-commentary-dr-paul.html. L-awtur jindika li, “[f]ir-rigward tal-attivitajiet kriminali, it-terminu ‘delitt’ ma għandux jinftiehem fis-sens tekniku ta’ kodiċi kriminali, iżda jfisser biss reat kriminali serju” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara, ukoll, fir-rigward tat-Taqsima F(b) tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) Handbook on Procedures and Criteria for Determining Refugee Status and Guidelines on International Protection under the 1951 Convention and the 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, punt 155, p. 36, li jindika li “t-terminu ‘delitt’ għandu konnotazzjonijiet differenti f’sistemi legali differenti. F’xi pajjiżi, il-kelma “delitt” tirreferi biss għal reati gravi. F’pajjiżi oħra, din tista’ tinkludi kollox, minn serq minuri sa qtil” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


15      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, il-kummentarju dwar din il-konvenzjoni ppubblikat fl-1997 mid-Diviżjoni tal-Protezzjoni Internazzjonali tal-UNHCR, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.unhcr.org/3d4ab5fb9.pdf (p. 142). Minn din il-perspettiva, id-differenza bejn, minn naħa, il-verżjoni bil-lingwa Franċiża tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, li ssemmi “crime ou délit”, u, min-naħa l-oħra, il-verżjoni Ingliża, li tuża l-kelma “crime”, għandha tiġi rrelativizzata, sa fejn dak li huwa importanti huwa l-eżistenza ta’ kundanna għal delitt kriminali partikolarment serju.


16      Ara Grahl-Madsen, A., “Expulsion of Refugees”, f’Macalister-Smith, P., u Alfredsson, G., The Land Beyond: Collected Essays on Refugee Law and Policy, Martinus Nijhoff Publishers, Den Haag, 2001, p. 7 sa 16. Skont l-awtur, “[j]ista’ jiġi affermat b’ċertezza li r-refoulement ta’ refuġjat skont l-Artikolu 33 [tal-Konvenzjoni ta’ Genève] jikkostitwixxi miżura eċċezzjonali li għandha tintuża biss f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (p. 14).


17      Ara l-Handbook on Procedures and Criteria for Determining Refugee Status and Guidelines on International Protection under the 1951 Convention and the 1967 Protocol relating to the Status of Refugees, iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 36, punt 154.


18      Ara, Chetail, V., “Le principe de non-refoulement et le statut de réfugié en droit international”, f’La Convention de Genève du 28 juillet 1951 relative au statut des réfugiés 50 ans après: bilan et perspectives, Bruylant, Brussell, 2001, p. 3 sa 61, b’mod partikolari p. 44.


19      Ara l-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95.


20      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir-Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni temporanja tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali) (C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punt 92).


21      Tali limiti huma previsti b’mod differenti minn ċerti Stati Membri, filwaqt li oħrajn jiffavorixxu analiżi għal kull każ individwali. Ara, b’mod partikolari, ir-rapport tal-Kummissjoni, intitolat “Evaluation of the application of the recast Qualification Directive (2011/95/EU)”, 2019, p. 135, disponibbli fl-indirizz internet li ġej: https://www.statewatch.org/media/documents/news/2019/feb/eu-ceas-qualification-directive-application-evaluation-1-19.pdf. Għall-Istati Membri li jipprevedu livelli limiti ta’ pieni fid-dritt nazzjonali tagħhom, il-Kummissjoni ssemmi livelli limiti ta’ pieni li jvarjaw minn tlieta sa għaxar snin priġunerija.


22      Kif ġustament tindika l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rifjut tal-awtomatiżmi u l-ħtieġa ta’ evalwazzjoni individwali fuq il-bażi taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha huma paċifiċi fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mad-Direttiva 2011/95: ara, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2010, B u D (C‑57/09 u C‑101/09, EU:C:2010:661, punti 87, 88, 93 u 94); tal-24 ta’ Ġunju 2015, T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 86 sa 89); Ahmed (punti 48 sa 50), kif ukoll tat‑22 ta’ Settembru 2022, Országos Idegenrendészeti Főigazgatóság et (C‑159/21, EU:C:2022:708, punti 80, 81 u 92).


23      Ara “The refugee Convention, 1951: the Travaux préparatoires analysed with a Commentary by Dr Paul Weis”, op. cit., p. 246.


24      Li sar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil (EUAA) (ara r-Regolament (UE) 2021/2303 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Diċembru 2021 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ażil u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 439/2010 (ĠU 2021, L 468, p. 1)).


25      Ara s-sentenza Ahmed (punt 56).


26      Ara, f’dan ir-rigward, EUAA, Judicial analsis: Ending international protection, it-2 ed., 2021, p. 62.


27      Ara, bħala eżempju, fir-rigward tal-kriterji adottati mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kontenzjuż tal-Barranin, il-Belġju), Hardy, J., u Mathues, G., “Retrait du statut de réfugié pour motifs d’ordre public – ‘Constituer un danger pour la société du fait qu’il a été condamné définitivement pour une infraction particulièrement grave’”, Revue du droit des étrangers, Association pour le droit des étrangers, Brussell, 2020, Nru 207, p. 5 sa 14, b’mod partikolari p. 6 sa 9.


28      Ara d-Dokument ta’ Pożizzjoni tal-UNHCR dwar l-inizjattiva popolari federali “biex jintbagħtu lura kriminali barranin” (inizjattiva dwar ir-ritorn), 10 ta’ Settembru 2008, punt 21, p. 11.


29      Il-fatt li att ikun ikkaratterizzat minn grad għoli ta’ krudeltà jista’ jikkostitwixxi indizju li delitt huwa partikolarment serju, l-istess bħan-natura intenzjonali jew le tal-att issanzjonat.


30      Din il-kategorija tinkludi l-effetti konkreti tad-delitt fis-soċjetà, jiġifieri n-natura u l-iskala tal-inkonvenjenzi għall-vittmi u għas-soċjetà b’mod iktar ġenerali: id-disturb soċjali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-preokkupazzjonijiet u l-miżuri meħuda biex jirrimedjawhom. Ara Hinterhofer, H., “Das ‘besonders schwere Verbrechen’ iS des § 6 Abs 1 Z 4 AsylG – Ein konkretisierender Auslegungsvorschlag aus strafrechtlicher Sicht”, Fremden- und asylrechtliche Blätter: FABL: Jahrgangsband mit Judikatursammlung, Sramek, Vjenna, 2009, Nru 1, p. 38 sa 41.


31      Il-konstatazzjoni dwar jekk piena li ċċaħħad il-libertà hijiex sospiża jew le għandha, fil-fehma tiegħi, importanza definittiva.


32      Ara s-sentenza Ahmed (punt 58).


33      Ara s-sentenza Ahmed (punt 55).


34      Ara, dwar il-kriterju tal-piena, Kraft, I., “Article 14, Revocation of, ending of or refusal to renew refugee status”, in Hailbronner, K. u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law: A Commentary, it2 ed., C. H. Beck, München, 2016, p. 1225 sa 1233, b’mod partikolari p. 1231. L-awtur jirrileva li “delitt partikolarment serju fil-kuntest tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève huwa ġeneralment irrikonoxxut jekk persuna tiġi kkundannata għal delitti punibbli b’pieni ta’ priġunerija fit-tul bħall-qtil, l-istupru, is-serq bl-użu tal-armi, il-ħruq doluż, it-terroriżmu internazzjonali, eċċ.” [traduzzjoni libera].


35      Ara, fir-rigward tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, Goodwin-Gill, G. S., u McAdam, J., The refugee in international law, 3 ed., Oxford University Press, Oxford, 2007, p. 239, u Hathaway, J. C., The Rights of Refugees under International Law, Cambridge University Press, Cambridge, 2021, p. 413 sa 416.


36      Iktar ma l-piena ta’ priġunerija imposta toqrob lejn il-piena massima, iktar l-awtorità kompetenti tkun tista’ tikkunsidra li dan huwa delitt partikolarment serju (ara Hinterhofer, H., op. cit.).


37      Jekk il-piena imposta tinsab fil-parti ta’ fuq tal-iskala tal-pieni, dan jista’ jikkostitwixxi indizju li d-delitt inkwistjoni huwa partikolarment serju.


38      Għandu jiġi eżaminat jekk id-delitti inkwistjoni kinux delitti kontra l-proprjetà jew kontra l-persuni: vjolenza kontra persuni tista’ tidher iktar ta’ spiss li hija partikolarment serja. Barra minn hekk, l-attenzjoni mogħtija fil-midja lil delitt tista’ tkun indikazzjoni tan-natura fundamentali tal-interess ġuridiku li jkun ġie ppreġudikat.


39      Korsiv miżjud minni.


40      Ara Hardy, J. u Mathues, G., op. cit., li jikkunsidraw li “[n]umru kbir ħafna ta’ kundanni għal atti li ma humiex ta’ serjetà eċċezzjonali ma għandhomx a priori jkunu suffiċjenti, anki jekk jixhdu tendenza li ma tistax tiġi kkontrollata ta’ dannu għall-ordni pubbliku” [traduzzjoni libera] (p. 9). Ara wkoll Neusiedler, M., “Der Asylaberkennungsgrund des ‘besonders schweren Verbrechens’”, Migralex: Zeitschrift für Fremden- und Minderheitenrecht, Braumüller, Vjenna, 2021, Nru 1, p. 8 sa 14; u l-analiżi ġuridika tal-EUAA ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, p. 62, punt 5.3.