Language of document : ECLI:EU:C:2018:900

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

13 ta’ Novembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Regolament (KE) Nru 1560/2003 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Kriterji u mekkaniżmi għad-determinazzjoni – Talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura ta’ applikant għal ażil – Risposta negattiva tal-Istat Membru mitlub – Talba għal eżami mill-ġdid – Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 – Terminu għal risposta – Skadenza – Effetti”

Fil-Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi), bid-deċiżjonijiet tat-23 ta’ Jannar u tas-26 ta’ Jannar 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja, rispettivament, fl-1 ta’ Frar u fit-3 ta’ Frar 2017, fil-proċeduri

X (C‑47/17),

X (C‑48/17)

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, M. Vilaras u F. Biltgen, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, M. Ilešič (Relatur), J. Malenovský, E. Levits, L. Bay Larsen u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal X (C‑47/17), minn C. C. Westermann-Smit, advocaat,

–        għal X (C‑48/17), minn D. G. J. Sanderink u A. Khalaf, advocaten,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman u M. L. Noort, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. M. Tátrai kif ukoll minn M. Z. Fehér u G. Koós bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon kif ukoll minn R. Fadoju u C. Crane, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn E. Bichet, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u M. Condou-Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003, tat-2 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014, tat-30 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 39, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implimentazzjoni”).

2        Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn applikanti għal ażil u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u għall-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Eurodac

3        Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil tal-marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU 2013, L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”) jipprovdi, fl-Artikolu 9 tiegħu:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14-il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament 604/2013 […].”

[…]

3.      Id-data dwar il-marki tas-swaba’ […] trażmessa minn kwalunkwe Stat Membru […] għandha tkun imqabbla awtomatikament mad-data dwar marki tas-swaba’ trażmessa minn Stati Membri oħra u diġà maħżuna fis-Sistema Ċentrali.

[…]

5.      Is-Sistema Ċentrali għandha tittrażmetti awtomatikament il-hit jew ir-riżultat negattiv tat-tqabbil lill-Istat Membru ta’ oriġini. […]

[…]”

4        L-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkollhom tal-inqas 14-il sena, li jinqabdu mill-awtoritajiet ta’ kontroll kompetenti b’konnessjoni mal-qsim irregolari bl-art, bil-baħar jew bl-ajru tal-fruntiera ta’ dak l-Istat Membru wara li jkunu ġew minn pajjiż terz u li ma jintbagħtux lura fih jew li baqgħu fiżikament fit-territorju tal-Istati Membri u li ma nżammewx f’kustodja, reklużjoni jew detenzjoni waqt il-perjodu sħiħ bejn il-qbid u t-tneħħija fuq il-bażi tad-deċiżjoni li jintbagħtu lura.

2.      L-Istat Membru kkonċernat għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara d-data tal-qbid, jittrażmetti lis-Sistema Ċentrali d-data […] f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, kif imsemmi fil-paragrafu 1, li ma jkunux mibgħuta lura […]

[…]”

 Ir-Regolament Dublin III

5        Il-premessi 4, 5, 7 u 12 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31 u Rettifika fil-ĠU 2017, L 49, p. 50, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”), jistabbilixxu:

“(4) Il-konklużjonijiet [tal-Kunsill Ewropew, adottati waqt il-laqgħa speċjali tiegħu] ta’ Tampere [fil-15 u fis-16 ta’ Ottubru 1999] ddikjaraw ukoll li s-[Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil] għandha tinkludi, fit-terminu qasir, metodu ċar u li jiffunzjona biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil.

(5)      Metodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(7)      Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu għall-objettiv tal-ħolqien ta’ żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà f’konformità mal-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk mogħtija protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill-2012. Barra minn hekk huwa saħaq li s-sistema ta’ Dublin għadha fundamentali fil-bini tas-[Sistema Ewropea Komuni tal-Asil], peress li talloka b’mod ċar ir-responsabbiltà bejn l-Istati Membrigħall-analiżi ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali.

[…]

(12) Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali [(ĠU 2013, L 180, p. 60),] għandha tapplika flimkien u mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar is-salvagwardji proċedurali regolati minn dan ir-Regolament, soġġett għal-limitazzjonijiet fl-applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.”

6        Skont l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Dublin III, “eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” tfisser “kull eżami ta’, jew deċiżjoni dwar, applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali mill-awtoritajiet kompetenti skont id-Direttiva 2011/95/UE u d-Direttiva 2013/32/UE ħlief għal proċeduri li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli skont dan ir-Regolament”.

7        L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

8        L-Artikolu 13(1) tar-Regolament Dublin III huwa fformulat kif ġej:

“Fejn ikun stabbilit, fuq il-bażi ta’ prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) ta’ dan ir-Regolament, inklużi d-data li jirreferi għalihom il-Kapitolu III tar-Regolament [Eurodac], li applikant ikun qasam b’mod irregolari l-konfini għal ġo Stat Membru bl-art, bil-baħar jew bl-ajru wara li jkun ġie minn pajjiż terz, l-Istat Membru hekk ippenetrat għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Din ir-responsabbilità għandha tieqaf 12-il xahar wara d-data li fiha il-qsim irregolari tal-konfini jkun seħħ.”

9        L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]”

10      L-Artikolu 18 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1.      L-Istat Membru responsabbli taħt dan ir-Regolament għandu jkun obbligat:

(a)      jieħu inkarigu, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikoli 21, 22 u 29, ta’ applikant li jkun iddepożita applikazzjoni fi Stat Membru differenti;

(b)      jieħu lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, applikant li l-applikazzjoni tiegħu tkun taħt eżami u li għamel applikazzjoni fi Stat Membru ieħor jew li jkun fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor mingħajr document ta’ residenza;

[…]

2.      Fil-każijiet li jaqgħu fl-ambitu tal-paragrafu 1(a) u (b), l-Istat Membru responsabbli għandu jeżamina jew jikkompleta l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali magħmula mill-applikant.

[…]”

11      L-Artikolu 20(1) u (5) tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

[…]

5.      Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

12      L-Artikolu 21 tar-Regolament Dublin III jipprevedi:

“1.      “Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu tal-applikant.”

Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ [riżultat pożittiv] mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament [Eurodac], it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-‘hit’ skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

2.      L-Istat Membru li jagħmel it-talba jista’ jitlob tweġiba urġenti f’każijiet fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata wara li permess biex jidħol jew jibqa’ kien irrifjutat, wara arrest minħabba soġġorn illegali jew wara preżentazzjoni jew eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ tneħħija.

It-talba għandha tiddikjara ir-raġunijiet li jiġġustifikaw tweġiba urġenti u l-perijodu li fih tweġiba tkun mistennija. Dak il-perijodu għandu jkun għall-inqas ta’ ġimgħa.

3.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, it-talba li jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor għandha ssir billi tintuża formola standard u tinkludi prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi relevanti mid-dikjarazzjoni tal-applikant, li jagħmlu possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk hux responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta kondizzjonijiet uniformi dwar il-preparazzjoni u s-sottomissjoni ta’ talbiet għal inkarigu. […]”

13      L-Artikolu 22 tar-Regolament Dublin III jipprovdi:

“1.      L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu [tittieħed ir-responsabbiltà] ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba.

[…]

3.      Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi, u tirrevedi perjodikament, żewġ listi, li juru l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali relevanti […].

[…]

6.      Fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkun ġab l-urġenza bħala raġuni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2), l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma mal-limitu ta’ żmien mitlub. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jista’ jkun muri li l-eżami ta’ talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ikun partikolarment kompless, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jista’ jagħti t-tweġiba tiegħu wara l-limitu ta’ żmien mitlub, imma f’kull każ fi żmien xahar. F’sitwazzjonijiet bħal dawn l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jipposponi tweġiba lill-Istat Membru li jagħmel it-talba fil-limitu ta’ żmien oriġinarjament mitlub.

7.      Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perijodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu tal-persuna, inklużi l-obbligu biex jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

14      L-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III jipprevedi:

“1.      Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmija fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.      Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac kif iddefinit mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament [Eurodac].

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

3.      Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

4.      Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkludi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna konċernata, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta kondizzjonijiet uniformi għall-preparazzjoni u s-sossotmissjoni [s-sottomissjoni] ta’ talbiet biex tittieħed lura persuna. […]”

15      L-Artikolu 25 tar-Regolament Dublin III jistabbilixxi:

“1.      L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dak il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

2.      Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodu ta’ xahar jew fil-perijodu ta’ ġimgħatejn imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tfisser aċċettazzjoni tat-talba, u għandha tinvolvi l-obbligu li jieħu lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jipprovdi arranġamenti xierqa għall-wasla.”

16      L-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III jipprevedi:

“1.      It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu [jieħu r-responsabbiltà] ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni fejn ikun hemm effett sospensiv […].

[…]

2.      Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]”

17      Skont it-Tabella ta’ Korrelazzjoni li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 18 u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar’ il quddiem ir-“Regolament Dublin II”), li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III, jikkorrispondu, rispettivament, għall-Artikolu 22 u fl-Artikolu 25(1) ta’ dan l-aħħar regolament.

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni

18      Skont il-preambolu tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, dan twaqqaf “wara li kkunsidra r-Regolament [Dublin II], u b’mod partikolari l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 18(3), l-Artikolu 19(3) u (5), l-Artikolu 20(1), (3) u (4), u l-Artikolu 22(2) tagħha”.

19      L-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jistabbilixxi:

“1.      Fejn, wara li kontrolli jiġu mwettqa’, l-Istat Membru mitlub jistabbilixxi li l-evidenza mogħtija ma tistabbilixxiex ir-responsabbiltà tiegħu, ir-risposta negattiva li jibgħat lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba għandha tistqarr raġunijiet sħaħ u dettaljati għaċ-ċaħda tiegħu.

2.      Fejn l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba jħoss li din iċ-ċaħda hija bbażata fuq apprezzament żbaljat, jew fejn għandu provi addizzjonali x’jipprovdi, jista’ jitlob li t-talba tiegħu tiġi mistħarrġa mill-ġdid. Din l-għażla trid tiġi eżerċitata fi żmien tliet ġimgħat wara li jirċievi r-risposta negattiva. L-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-għalmu tiegħu biex jirrispondi fi żmien ġimgħatejn. F’kull każ, din il-proċedura addizzjonali m’għandhiex testendi l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II].”

20      L-Anness X tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fih, fil-Parti A tiegħu, informazzjoni dwar ir-Regolament Dublin III għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali. Taħt it-Titolu “Kemm jeħtieġ żmien biex tittieħed deċiżjoni dwar liema pajjiż se jikkunsidra l-applikazzjoni tiegħi? Kemm jeħtieġ żmien biex tiġi eżaminata l-applikazzjoni tiegħi?”, huwa espost, b’mod partikolari, li “[i]l-proċedura kollha ta’ Dublin [definita fir-Regolament Dublin III], sakemm tiġi ttrasferit f’dak il-pajjiż tista’, taħt ċirkostanzi normali, tieħu sa 11-il xahar. It-talba tiegħek imbagħad se tiġi eżaminata fil-pajjiż responsabbli. Dan il-perjodu ta’ żmien jista’ jkun differenti jekk inti taħrab l-awtoritajiet, tiġi arrestat jew detenut, jew jekk tappella d-deċiżjoni tat-trasferiment”. Il-Parti B ta’ dan l-anness, li fiha informazzjoni dwar din il-proċedura għall-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li huma s-suġġett tal-imsemmija proċedura, tesponi f’dan ir-rigward iktar f’dettall it-termini previsti għat-tressiq ta’ talba għal teħid fir-responsabbiltà jew għal teħid lura u għal risposta għal tali talba kif ukoll għat-trasferiment tal-persuna kkonċernata.

 Id-dritt Olandiż

 Il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva

21      Il-paragrafu 1 tal-Artikolu 4:17 tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva) jipprevedi li, jekk hija ma tagħtix deċiżjoni fi żmien xieraq dwar applikazzjoni, l-awtorità amministrattiva hija obbligata tħallas pagamenti ta’ penalità lill-applikant għal kull ġurnata ta’ dewmien, fejn madankollu dan it-tul taż-żmien ma jistax jaqbeż it-42 ġurnata. Il-paragrafu 2 tal-Artikolu 4:17 ta’ din il-liġi jipprovdi li l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità huwa ta’ EUR 20 kuljum għal erbatax-il jum ta’ dewmien, ta’ EUR 30 kuljum għall-erbatax-il jum li jsegwu u ta’ EUR 40 kuljum għall-jiem l-oħra. Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 4:17 tal-imsemmija liġi, l-ewwel jum minn meta l-penalità tkun dovuta huwa l-jum tal-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri l-għada tal-iskadenza tat-terminu mogħti sabiex tingħata deċiżjoni u mir-riċezzjoni mill-awtorità amministrattiva tal-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta mill-applikant. Il-paragrafu 5 tal-Artikolu 4:17 tal-istess liġi jipprovdi li l-preżentata ta’ rikors dirett kontra n-nuqqas li tingħata deċiżjoni fi żmien xieraq ma għandux ikollu l-effett li jissospendi l-pagamenti ta’ penalità. Bis-saħħa tal-paragrafu 6(c) tal-Artikolu 4:17 tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva, il-pagament ta’ penalità ma jkunx dovut meta l-applikazzjoni tkun manifestament inammissibbli jew manifestament infondata.

22      L-Artikolu 6:2(b) tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fil-qasam tar-rikors u tal-ilment, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni fi żmien xieraq huwa ekwivalenti għal deċiżjoni.”

23      L-Artikolu 6:12(2) tal-istess liġi jipprovdi:

“Jista’ jiġi ppreżentat rikors malli l-awtorità amministrattiva ma tkunx iddeċidiet fi żmien xieraq u jkun skada t-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri mill-għada tal-ġurnata li fiha l-parti kkonċernata tkun innotifikat bil-miktub lill-awtorità amministrattiva bin-nuqqas tagħha.”

24      L-Artikolu 8:55b(1) tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva jistabbilixxi:

“Meta rikors jiġi ppreżentat kontra nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni fi żmien xieraq, il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8:54 [ta’ din il-liġi], f’terminu ta’ tmien ġimgħat mir-riċezzjoni tat-talba u b’osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 6:5 [tal-imsemmija liġi], sakemm hija ma tqisx meħtieġ li tinżamm seduta.”

25      L-Artikolu 8:55c tal-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva jipprevedi:

“Il-qorti amministrattiva għandha tiddetermina wkoll, meta tiġi mistiedna tagħmel dan u meta r-rikors ikun fondat, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovuti.”

26      B’applikazzjoni tal-Artikolu 8:55d(1) tal-imsemmija liġi, jekk ir-rikors ikun fondat u ma tkun għadha ġiet innotifikata ebda deċiżjoni, il-qorti amministrattiva għandha tordna lill-awtorità amministrattiva tinnotifika deċiżjoni f’terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri mill-għada tan-notifika tas-sentenza. Skont il-paragrafu 2, il-qorti amministrattiva għandha tistabbilixxi, flimkien mas-sentenza tagħha, pagamenti ta’ penalità supplimentari għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mill-awtorità amministrattiva.

 Il-Liġi dwar il-Barranin

27      L-Artikolu 30(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-Barranin tal-2000), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Barranin”) jipprovdi li applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja għal applikant għal ażil ma għandhiex tiġi eżaminata meta jiġi stabbilit, skont ir-Regolament Dublin III, li Stat Membru ieħor ikun responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

28      L-Artikolu 42(1) tal-Liġi dwar il-Barranin jipprevedi li deċiżjoni għandha tittieħed fi żmien sitt xhur minn meta tasal l-applikazzjoni għal residenza temporanja għal applikant għal ażil.

29      L-Artikolu 42(4) tal-imsemmija liġi jipprovdi li t-terminu msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jista’ jiġi estiż għal perijodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

“a.      ikun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u/jew ta’ liġi li jkollhom jiġu kkunsidrati;

b.      għadd kbir ta’ barranin japplikaw simultanjament, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

c.      id-dewmien fl-ipproċessar tal-applikazzjoni jista’ jiġi attribwit barra mill-pajjiż.”

30      L-Artikolu 42(6) tal-Liġi dwar il-Barranin jistabbilixxi li, meta, fil-kuntest ta’ applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja għal applikant għal ażil tiġi eżaminata, taħt l-Artikolu 30 ta’ din il-liġi, il-kwistjoni ta’ jekk din l-applikazzjoni għandhiex tiġi eżaminata, il-perijodu stipulat fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jibda jiddekorri biss mill-mument meta jiġi stabbilit, skont ir-Regolament Dublin III, li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jkun responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

 Il-Kawża C47/17

31      Fl-24 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Sirjana, ippreżenta fil-Pajjiżi l-Baxxi, lis-Segretarju tal-Istat, applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil.

32      F’dan l-istess jum, is-Segretarju tal-Istat, abbażi ta’ konsultazzjoni tad-database Eurodac, irċieva riżultat pożittiv li jindika li l-imsemmi rikorrent kien, fit-22 ta’ Jannar 2016, ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġermanja, liema fatt huwa madankollu kkontestat mill-persuna kkonċernata.

33      Fl-24 ta’ Marzu 2016, is-Segretarju tal-Istat ressaq quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi, talba għal teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, taħt l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

34      Permezz ta’ ittra fis-7 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu t-talba għal teħid lura. Skont din l-ittra, l-awtoritajiet Ġermaniżi indikaw li jirrispondu għall-mument fin-negattiv sabiex titħares l-iskadenza ta’ risposta prevista fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, peress li r-risposta teħtieġ eżami ulterjuri fil-Ġermanja, li tiegħu l-awtoritajiet Olandiżi jiġu informati mingħajr ma jkollhom jagħmlu talba.

35      Fid-14 ta’ April 2016, is-Segretarju tal-Istat talab eżami mill-ġdid lill-awtoritajiet Ġermaniżi, li għaliha, madankollu, dawn ma wiġbux.

36      Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lis-Segretarju tal-Istat jeżamina l-applikazzjoni tiegħu u jqis bħala definittiv ir-rifjut tas-7 ta’ April 2016 tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Is-Segretarju tal-Istat ma weġibx dwar il-mertu ta’ din it-talba.

37      Fis-17 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, li fih invoka l-assenza ta’ deċiżjoni, fi żmien xieraq, dwar l-applikazzjoni għall-permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil u talab lil din il-qorti tikkundanna lis-Segretarju tal-Istat għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità mill-ġurnata tan-nuqqas tiegħu li jagħti deċiżjoni, tordnalu jagħti deċiżjoni fi żmien stabbilit mill-imsemmija qorti u żżid ma’ din l-ordni pagamenti ta’ penalità supplimentari ta’ EUR 100 għal kull ġurnata ta’ dewmien.

38      Fit-22 ta’ Diċembru 2016, is-Segretarju tal-Istat informa lill-qorti tar-rinviju bil-fatt li, fl-14 ta’ Diċembru 2016, dan tal-aħħar kien irtira t-talba tiegħu għal teħid lura ppreżentat lill-awtoritajiet Ġermaniżi u li l-applikazzjoni għal ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali minn issa ’l quddiem kienet ser tiġi pproċessata skont in-Nederlandse Algemene Asielprocedure (il-Proċedura Ġenerali ta’ Ażil Olandiża).

39      Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar il-kwistjoni ta’ jekk it-terminu li fih is-Segretarju tal-Istat kellu jagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil, ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl-24 ta’ Jannar 2016, kienx skada fil-frattemp.

40      F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, isostni li wara l-iskadenza tat-termini ffissati mir-Regolament Dublin III għall-proċedura ta’ teħid lura, kellu jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali. Jekk l-Istat Membru mitlub jagħti, fit-termini, tweġiba negattiva għal talba għal teħid lura, ir-responsabbiltà taqa’, minn dan il-mument, f’idejn l-Istat Membru rikjedent. Għaldaqstant, it-terminu ta’ sitt xhur biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil jibda jiddekorri minn dan il-mument. Peress li, fis-7 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw it-talba għal teħid lura, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, minn din l-istess data, responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’tali mod li t-terminu stabbilit biex tittieħed deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni skada fis-7 ta’ Ottubru 2016.

41      Min-naħa l-oħra, skont is-Segretarju tal-Istat, it-terminu biex tittieħed deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni beda jiddekorri biss mill-14 ta’ Diċembru 2016, id-data li fiha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddikjara ruħu responsabbli għall-ipproċessar tagħha.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Istat Membru mitlub għandu, fid-dawl tal-għan, tal-kontenut u tal-portata tar-Regolament [Dublin III] u tad-Direttiva [2013/32], jirrispondi fi żmien ġimagħtejn għat-talba għal eżami mill-ġdid kif prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi applikat, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-perijodu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II] (li issa huwa l-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Dublin III])?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Istat Membru mitlub għandu, bħala konsegwenza tal-espressjoni “għandu jagħmel l-għalmu tiegħu” li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, terminu raġonevoli sabiex jirrispondi għat-talba għal eżami mill-ġdid?

4)      Jekk jikkostitwixxi effettivament terminu raġonevoli li fih l-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, għat-talba għal eżami mill-ġdid, jibqa’ jikkostitwixxi terminu raġonevoli, meta jgħaddu iktar minn sitt xhur, bħal fil-każ inkwistjoni? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, x’għandu jinftiehem b’terminu raġonevoli?

5)      Liema konsegwenzi għandhom jiġu dedotti mill-fatt li l-Istat Membru mitlub ma jirrispondix għat-talba għal eżami mill-ġdid fi żmien ġimagħtejn, fi żmien xahar jew f’terminu raġonevoli? Huwa l-Istat li qiegħed jagħmel it-talba, f’dak il-każ, responsabbli li jeżamina fil-mertu l-applikazzjoni għal ażil ta’ barrani, jew huwa responsabbli l-Istat Membru mitlub?

6)      Jekk għandu jitqies li l-Istat Membru mitlub isir responsabbli għall-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal ażil bħala konsegwenza tal-fatt li ma rrispondiex fil-ħin għat-talba għal eżami mill-ġdid, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, f’liema terminu għandu l-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba — il-konvenut f’dan il-każ — jinforma lill-barrani b’dan?”

 Il-Kawża C-48/17

43      Fit-22 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Eritrea, ippreżenta, lis-Segretarju tal-Istat, applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont id-database Eurodac, huwa kien diġà ppreżenta, fid-9 ta’ Ġunju 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Isvizzera. Barra minn hekk, jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, billi għadda mill-baħar Mediterran, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali laħaq fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju 2015 l-Italja, fejn il-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu madanakollu ma jidhrux li ttieħdu u fejn ma jidhirx li ppreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

44      Fl-20 ta’ Novembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ippreżenta, lill-awtoritajiet Svizzeri, talba għal teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, taħt l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

45      Fil-25 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Svizzeri ċaħdu din it-talba, għar-raġuni li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li r-rikorrent kien ippreżenta fl-Isvizzera, dawn l-awtoritajiet kienu bagħtu talba biex tittieħed ir-responsabbiltà jew li jittieħed lura l-applikant lill-awtoritajiet Taljani, li baqgħu mingħajr risposta b’tali mod li, mill-1 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika Taljana kienet saret responsabbli għall-ipproċessar ta’ din l-applikazzjoni.

46      Fis-27 ta’ Novembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ppreżenta lill-awtoritajiet Taljani talba għall-finijiet ta’ teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

47      Fit-30 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Taljani ċaħdu din it-talba.

48      Fl-1 ta’ Diċembru 2015, is-Segretarju tal-Istat talab eżami mill-ġdid lill-awtoritajiet Taljani u, fit-18 ta’ Jannar 2016, bagħat ittra ta’ tfakkira lil dawn l-awtoritajiet.

49      Fis-26 ta’ Jannar 2016, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw l-imsemmija talba.

50      Permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ April 2016, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jeżamina l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li r-Repubblika Taljana kienet responsabbli għall-ipproċessar tal-imsemmija applikazzjoni.

51      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk huwa talab lill-Imħallef għal miżuri provviżorji jipprojbixxi, permezz ta’ miżura provviżorja, lis-Segretarju tal-Istat milli jkeċċih qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ ġimgħat mill-ġurnata li fiha l-qorti tar-rinviju tkun tat deċiżjoni fuq ir-rikors. Permezz ta’ digriet tat-30 ta’ Ġunju 2016, l-Imħallef għal miżuri provviżorji laqa’ din it-talba għal miżuri provviżorji.

52      Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-konvenut sarx responsabbli jew le għall-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Taljani, wara li ċaħdu inizjalment it-talba għal teħid lura ppreżentat mis-Segretarju tal-Istat, ma wiġbux għat-talba għal eżami mill-ġdid fit-terminu stabbilit.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Den Haag (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja sitt domandi preliminari li huma, essenzjalment, identiċi għal dawk magħmula fil-Kawża C‑47/17, peress li, minn naħa, it-terminu msemmi fir-raba’ domanda ġie adattat għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-Kawża C‑48/17 b’referenza għal terminu ta’ seba’ ġimgħat u nofs u, min-naħa l-oħra, il-ħames domanda f’din il-kawża ssemmi biss l-ipoteżi tal-iskadenza ta’ terminu ta’ ġimagħtejn jew ta’ terminu raġonevoli.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

54      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Frar 2017, il-Kawżi C‑47/17 u C‑48/17 ingħaqdu flimkien għall-finijiet tal-fażi bil-miktub u tal-fażi orali tal-proċedura, kif ukoll tas-sentenza.

55      Fit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha fil-Kawża C‑47/17, il-qorti tar-rinviju talbet li tiġi applikata l-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din it-talba ġiet miċħuda b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2017, X (C‑47/17 u C‑48/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:224). Għalkemm, inizjalment, ġie madankollu deċiż li jingħata trattament prijoritarju lil dawn il-kawżi minħabba s-sitwazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17, dan indika madankollu lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu li, wara t-tressiq tat-talba għal deċiżjoni preliminari, l-awtoritajiet Olandiżi kienu ppronunzjaw ruħhom b’mod favorevoli dwar l-applikazzjoni għal ażil tiegħu, b’mod li l-kawża prinċipali issa tirrigwarda biss kumpens finanzjarju għal nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni fuq din it-talba fit-termini. Peress li t-trattament prijoritarju ma għadux iġġustifikat f’tali kundizzjonijiet, ġie deċiż li ttemm dan u tressaq il-każ għall-ipproċessar ordinarja.

 Fuq id-domandi preliminari

56      Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru li quddiemu tkun tressqet it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew talba għal teħid lura bis-saħħa tal-Artikolu 21 jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III, li jkun irrisponda fin-negattiv għal din fit-termini previsti fl-Artikolu 22 jew l-Artikolu 25 ta’ dan ir-regolament u li sussegwentement tkun tressqet lilu talba għal eżami mill-ġdid bis-saħħa tal-Artikolu 5(2), għandu jwieġeb lil din tal-aħħar f’ċertu terminu. Hija tistaqsi liema huwa, jekk ikun il-każ, dan it-terminu u liema huma l-effetti tan-nuqqas ta’ tweġiba, f’dan it-terminu, tal-Istat Membru li ssirlu t-talba għal eżami mill-ġdid mill-Istat Membru rikjedenti.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-proċeduri biex tittieħed ir-responsabbiltà u ta’ teħid lura għandhom obbligatorjament jitwettqu f’konformità mar-regoli stabbiliti, b’mod partikolari, fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III, u li dawn għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ sensiela ta’ termini imperattivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 49 u 50, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 60).

58      Għalhekk, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-talba għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għandha tiġi fformulata kemm jista’ jkun malajr u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ tliet xhur li jiddekorri mid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Minkejja dan l-ewwel terminu, fil-każ ta’ riżultat pożittiv Eurodac mad-data rreġistrata bis-saħħa tal-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac, din it-talba għandha tiġi fformulata f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri mir-riċezzjoni ta’ dan ir-riżultat.

59      B’mod analogu, l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn mir-riċezzjoni tal-‘hit’ mill-Eurodac bis-saħħa tal-Artikolu 9(5) tar-Regolament Eurodac. Jekk din it-talba tkun ibbażata fuq evidenza li ma hijiex data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tintbagħat lill-Istat Membru li lilu tkun saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Dublin III.

60      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-effetti tal-iskadenza ta’ dawn it-termini billi ppreċiża, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III kif ukoll fl-Artikolu 23(3) tiegħu li, jekk dawn it-talbiet ma jiġux ifformulati f’dawn it-termini, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li lilu din l-applikazzjoni tkun ġiet ġiet sottomessa.

61      Barra minn hekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa tali skadenzi obbligatorji kif ukoll l-effetti tal-iskadenza tagħhom wkoll għal dak li jikkonċerna r-risposta għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura.

62      Fil-fatt, fir-rigward, minn naħa, tar-risposta għal rikors għall-finijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà, l-Artikolu 22(1) tar-Regolament Dublin III jipprovdi li l-Istat Membru rikjest għandu jwettaq il-verfifiki neċessarji u jagħti deċiżjoni dwar dan fi żmien xahrejn minn meta jkun irċieva t-talba.

63      Bis-saħħa tal-Artikolu 22(6) tar-Regolament Dublin III, jekk l-Istat Membru rikjedent ikun invoka l-urġenza bħala raġuni konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel kull sforz biex josserva t-terminu mitlub, li għandu jkun għall-inqas ta’ ġimgħa. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jista’ jintwera li l-eżami ta’ rikors biex jittieħed responsabbiltà għal applikant ikun partikolarment kumpless, l-Istat Membru mitlub jista’ jagħti r-risposta tiegħu wara t-terminu mitlub, imma f’kull każ fi żmien xahar. F’dan il-każ, l-Istat Membru mitlub għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu li jipposponi r-risposta lill-Istat Membru rikjedent fit-terminu oriġinarjament mitlub.

64      Skont l-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III, in-nuqqas ta’ risposta fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 jew tat-terminu ta’ xahar previst fil-paragrafu 6 tal-imsemmi artikolu jekwivali għall-aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed responsabbiltà tal-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li tiġi żgurata organizzazzjoni tajba tal-wasla tiegħu.

65      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tar-risposta lil talba għall-finijiet ta’ teħid lura, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-Istat Membru mitlub għandu jwettaq il-verifiki meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar dan kemm jista’ jkun malajr, u, fi kwalunkwe każ, sa mhux iktar tard minn xahar mid-data ta’ riċezzjoni tat-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dan it-terminu għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

66      Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, in-nuqqas ta’ risposta fl-iskadenza tat-terminu ta’ xahar jew tat-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu għandu jfisser aċċettazzjoni tat-talba, u jwassal għall-obbligu li tittieħed lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li tiġi żgurata organizzazzjoni tajba għall-wasla tagħha.

67      Fir-rigward tal-effetti li l-Artikolu 22(7) u l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III jorbtu mal-assenza ta’ risposta, mal-iskadenza tat-termini imperativi previsti fl-Artikolu 22(1) u (6), kif ukoll fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament, għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn l-effetti ma jistgħux jiġu evitati permezz ta’ risposta purament formali lill-Istat Membru rikjedenti. Fil-fatt, jirriżulta b’mod inekwivoku mill-Artikolu 22(1) u mill-Artikolu 25(1) li l-Istat Membru rikjest għandu, b’osservanza ta’ dawn it-termini imperattivi, iwettaq il-verifiki kollha neċessarji sabiex jagħti deċiżjoni dwar it-talba għat-teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura. L-Artikolu 5(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jippreċiża, barra minn hekk, li risposta negattiva għal tali rikors għandha tkun motivata b’mod sħiħ u għandha tispjega fid-dettall ir-raġunijiet għar-rifjut.

68      Madankollu, skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, jekk it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jiġi lliberat mill-obbligi li jieħu r-responsabbiltà ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għalhekk tiġi ttrasferita lill-Istat Membru rikjedent. Dan it-terminu jista’ jiġi estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax jiġi eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

69      Mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-punti 58 sa 68 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, bihom, il-leġiżlatur tal-Unjoni pprovda qafas għall-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura permezz ta’ numru ta’ termini imperattivi li jikkontribwixxu, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, billi jiġi ggarantit li dawn il-proċeduri jiġu implimentati mingħajr dewmien inġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab, C‑670/16, EU:C:2017:587, punti 53 u 54; tal-25 ta’ Ottubru 2017, Shiri, C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 31, kif ukoll tal-25 ta’ Jannar 2018, Hasan, C‑360/16, EU:C:2018:35, punt 62).

70      Dan in-numru ta’ termini imperattivi juri l-importanza partikolari li l-leġiżlatur tal-Unjoni rabat mad-determinazzjoni mħaffa tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u li, fid-dawl tal-għan li jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri ta’ għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u li ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, huwa importanti li, skont dan il-leġiżlatur, li tali applikazzjonijiet, jekk ikun il-każ, jiġu eżaminati minn Stat Membru li ma jkunx dak indikat bħala responsabbli bis-saħħa tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament.

71      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu analizzati d-domandi preliminari, kif ifformulati mill-ġdid fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, dwar it-termini applikabbli għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

72      Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, fejn l-Istat Membru rikjedenti jqis li r-rifjut ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura tal-applikant li kien oppost mill-Istat Membru rikjest ikun ibbażat fuq evalwazzjoni żbaljata, jew fejn ikollu provi addizzjonali x’jipprovdi, jista’ jitlob lil dan l-Istat Membru tal-aħħar eżami mill-ġdid tat-talba tiegħu għall-finijiet ta’ tali teħid jew teħid lura. Din il-possibbiltà għandha tiġi eżerċitata fit-tliet ġimgħat li jsegwu wara li jirċievi r-risposta negattiva mill-Istat Membru rikjest. Dan tal-aħħar għandu jagħmel ħiltu biex jirrispondi fi żmien ġimagħtejn. F’kull każ, din il-proċedura addizzjonali ma għandhiex testendi t-termini stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6), u fl-Artikolu 20(1)b) tar-Regolament Dublin II, li issa jikkorrispondu għal dawk previsti fl-Artikolu 22(1) u (6), kif ukoll fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III.

73      Għandu jiġi kkonstatat li jirriżulta mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li l-possibbiltà għal Stat Membru rikjedenti li jressaq lill-Istat Membru rikjest talba għal eżami mill-ġdid, wara li dan tal-aħħar ikun irrifjuta li jagħti segwitu għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, tikkostitwixxi “proċedura addizzjonali”. Din id-dispożizzjoni għandha, sa fejn ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu l-għan, skont il-premessa 1 tiegħu, li tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin II, li tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Dublin III, li jiġi interpretat konformement mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament u mal-għanijiet imfittxija minnu.

74      L-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu b’hekk jiġi interpretat b’tali mod li t-tul tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, li hija proċedura fakultattiva, jiġi llimitat b’mod strett u prevedibbli, kemm għal raġunijiet ta’ ċertezza legali għall-partijiet interessati kollha sabiex tiġi ggarantita l-kompatibbiltà mal-qafas ta’ żmien speċifiku stabbilit mir-Regolament Dublin III u li ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imfittex minn dan ir-regolament. Proċedura ta’ eżami mill-ġdid li jkollha perijodu indefinit, bil-konsegwenza li tħalli miftuħa l-kwistjoni dwar liema jkun l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u b’hekk iddewwem b’mod sinjifikattiv, u potenzjalment illimitat, l-eżami ta’ tali applikazzjoni, hija inkompatibbli ma’ dan il-għan ta’ ħeffa.

75      L-imsemmi għan, li huwa l-bażi ukoll tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jiġi implimentat, skont l-istess kliem ta’ din id-dispożizzjoni, b’qafas ta’ żmien strett permezz tal-istabbiliment ta’ terminu ta’ tliet ġimgħat mogħtija lill-Istat Membru rikjedenti biex ikun jista’ jindirizza talba għal eżami mill-ġdid lill-Istat Membru rikjest, u ta’ terminu ta’ ġimagħtejn għat-tweġiba eventwali ta’ dan tal-aħħar għall-imsemmija talba.

76      Għalhekk, l-ewwel nett, jirriżulta mingħajr ekwivoku mill-kliem tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li l-possibbiltà offruta mill-Artikolu 5(2) lill-Istat Membru rikjedenti li jitlob eżami mill-ġdid tat-talba għal teħid tar-responsabbiltà jew ta’ teħid lura quddiem l-Istat Membru rikjest trid tiġi eżerċitata fit-tliet ġimgħat li jsegwu wara r-riċezzjoni tar-risposta negattiva ta’ dan tal-aħħar. Minn dan isegwi li, fl-iskadenza ta’ dan it-terminu imperattiv, l-Istat Membru rikjedenti jitlef din il-possibbiltà.

77      It-tieni nett, fir-rigward tat-terminu disponibbli għall-Istat Membru rikjest biex jirrispondi għal talba għal eżami mill-ġdid, it-tielet sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tipprovdi li dak l-Istat għandu jagħmel ħiltu tiegħu biex jirrispondi fi żmien ġimagħtejn. Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tipprovdi inċentiv għall-Istat Membru rikjest biex jikkoopera b’mod leali mal-Istat Membru rikjedenti billi, fit-terminu previst mill-imsemmija dispożizzjoni, jeżamina mill-ġdid it-talba ta’ dan l-aħħar Stat Membru biex tittieħed ir-responsabbiltà jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata, iżda hija ma hijiex intiża li tistabbilixxi obbligu legali li tingħata risposta għal talba għal eżami mill-ġdid taħt piena li r-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi ttrasferita.

78      Din il-konstatazzjoni hija kkorroborata mill-fatt li, b’differenza mill-Artikolu 22(7) u mill-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni ma jipprevedix li l-assenza ta’ risposta fi żmien ġimagħtejn jekwivali għal aċċettazzjoni tat-talba u joħloq l-obbligu li tittieħed ir-responsabbiltà ta’ jew tittieħed lura l-persuna kkonċernata.

79      Dawn l-effetti ma jistgħux jintrabtu ma’ assenza ta’ risposta tal-Istat Membru rikjest għat-talba għal eżami mill-ġdid tal-Istat Membru rikjedenti fit-terminu ta’ xahar previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, li għalih qed tirreferi l-qorti tar-rinviju fiż-żewġ domandi tagħha. Fil-fatt, minbarra l-fatt li tali interpretazzjoni tmur kontra l-kliem stess tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tippreċiża espressament li l-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid ma għandhiex testendi t-termini disponibbli għall-Istat Membru rikjest biex jirrispondi għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura jew, bis-saħħa tal-Artikolu 22(1) u (6), kif ukoll tal-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, termini li, min-natura tagħhom, ġew osservati fis-sitwazzjoni fejn l-Istat Membru rikjedenti jitlob eżami mill-ġdid.

80      Mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni jirriżulta b’hekk li, meta l-Istat Membru rikjest, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa, ikun irrisponda negattivament għal talba għal teħid ta’ responsabbilta jew ta’ teħid lura fit-termini mogħtija għal dan il-għan mir-Regolament Dublin III, il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid ma tistax toħloq l-effetti previsti fl-Artikolu 22(7) u l-Artikolu 25(2) ta’ dan ir-regolament.

81      It-tielet nett, fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf liema hija l-portata legali tat-terminu ta’ ġimagħtejn previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, u liema huma l-effetti marbutin mal-iskadenza ta’ dan tal-aħħar, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni għandha, kif ġie indikat fil-punt 73 ta’ din is-sentenza, tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u mal-għanijiet imfittxija minnu, b’mod partikolari dak li jiġi stabbilit metodu ċar u li jiffunzjona sabiex jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, biex jiġi ggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ tali protezzjoni u ma jiġix kompromess l-għan ta’ pproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessi 4 u 5 ta’ dan ir-regolament.

82      Issa, dan il-għan tar-Regolament Dublin III ma jkunx osservat minn interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li tgħid li t-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmi minn din id-dispożizzjoni huwa purament indikattiv b’tali mod li l-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid ma tkun limitata bl-ebda terminu ta’ risposta jew tkun iddefinita biss b’terminu ta’ risposta “raġonevoli” li t-tul tagħha ma tkunx predefinita, li jirreferu għaliha t-tielet u r-raba’ domanda preliminari, u li għandha tiġi mistħarrġa mill-qrati nazzjonali każ b’każ filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-każ.

83      Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali terminu ta’ risposta “raġonevoli” jagħti lok għal ħafna inċertezza legali peress li, kemm għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri kkonċernati kif ukoll għal dawk li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat bil-quddiem it-tul eżatt ta’ dan it-terminu f’sitwazzjoni partikolari, li jista’, barra minn hekk, iwassal lil dawn l-applikanti jressqu kawża quddiem il-qrati nazzjonali sabiex jivverifikaw l-osservanza tal-imsemmi terminu u b’hekk jinkoraġġixxu t-teħid ta’ azzjonijiet ġudizzjarji li jdewmu, minn naħa tagħhom, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

84      Għaldaqstant, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni li l-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid hija ddefinita biss b’terminu għar-risposta “raġonevoli”, li t-tul tagħha ma tkunx predefinita, tmur kontra l-għanijiet tar-Regolament Dublin III u tmur ukoll kontra l-istruttura ġenerali tal-proċedura ta’ teħid ta’ responsabbiltà u ta’ teħid lura, kif maħsuba minn dan ir-regolament, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħa l-impenn li jirregola permezz ta’ termini ddefiniti b’mod ċar, prevedibbli u relattivament qosra.

85      Għandu wkoll jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li dawn il-kawżi huma distinti minn dawk li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja applikat il-kunċett ta’ “terminu raġonevoli”. Fil-fatt, filwaqt li dawn l-aħħar kawżi kienu kkaratterizzati mill-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jippreċiża t-terminu inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-28 ta’ Frar 2013, Réexamen Arango Jaramillo etvs BEI, C‑334/12 RX-II, EU:C:2013:134, punti 5, 28 u 33; tas-16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 44 u 48; tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 97 u 104; tal-14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament, C‑566/14 P, EU:C:2016:437, punti 89 u 95 sa 97; tat-13 ta’ Settembru 2017, Khir Amayry, C‑60/16, EU:C:2017:675, punt 41; tat-12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 45 u 61, kif ukoll tas-27 ta’ Ġunju 2018, Diallo, C‑246/17, EU:C:2018:499, punti 58 u 69), il-Kummissjoni pprevediet, min-naħa l-oħra, fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, terminu preċiż, ta’ ġimagħtejn, li fihom l-Istat Membru rikjest għandu jagħmel ħiltu kollha li jirrispondi għal talba għal eżami mill-ġdid li tkun ġiet indirizzata lilu mill-Istat Membru rikjedenti.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed għandu jinterpreta t-tielet sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fis-sens li l-iskadenza tat-terminu għar-risposta ta’ ġimagħtejn previst minn din id-dispożizzjoni jagħlaq b’mod definittiv il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid, kemm jekk l-Istat Membru rikjest jkun irrisponda jew le f’dan it-terminu fuq talba għal eżami mill-ġdid tal-Istat Membru rikjedenti.

87      Għaldaqstant, ħlief jekk ikun hemm iktar żmien neċessarju biex ikunu jistgħu jressqu, fit-termini previsti għal dan l-effett fl-Artikolu 21(1) u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, l-Istat Membru rikjedenti għandu jitqies li jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali kkonċernata.

88      Hemm lok li jiġi rrilevat, ir-raba’ nett, li t-terminu għal risposta prevista, rispettivament, fl-Artikolu 22(1) u (6) tar-Regolament Dublin III, jew fl-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament ma għandux ikollu effett fuq il-komputazzjoni tat-termini previsti għall-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid. Fil-fatt, interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni fis-sens li din il-proċedura tista’ sseħħ biss fil-limiti stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III, b’tali mod li tkun possibbli biss sa fejn l-Istat Membru rikjest ma jkunx eżawrixxa t-terminu previst għar-risposta tiegħu għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura, fil-prattika, tostakola l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura u ma tistax, għaldaqstant, titqies li hija utli għall-implimentazzjoni tar-Regolament Dublin III.

89      Għaldaqstant, l-Istat Membru rikjedenti għandu dritt jitlob lill-Istat Membru rikjest eżami mill-ġdid fit-terminu, previst mit-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ta’ tliet ġimgħat minn meta jirċievi risposta negattiva tal-Istat Membru rikjest, minkejja li l-għeluq ta’ din il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid fl-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn previst fit-tielet sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni sseħħ wara l-iskadenza tat-termini previsti, rispettivament, fl-Artikolu 22(1) u (6) tar-Regolament Dublin III, jew skont l-Artikolu 25(1) ta’ dan ir-regolament.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandha tingħata risposta għad-domandi magħmula li:

–        l-Artikolu 5(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura bis-saħħa tal-Artikolu 21 jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament Dublin III, li, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa, ikun irrisponda negattivament għal dan fit-termini previsti mill-Artikoli 22 jew mill-Artikolu 25 ta’ dan l-aħħar regolament, u li sussegwentement ikun ġie adit b’talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 5(2), għandu jagħmel ħiltu, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, li jirrispondi għal dan tal-aħħar fi żmien ġimagħtejn, u

–        meta l-Istat Membru rikjest ma jirrispondix f’dan it-terminu ta’ ġimagħtejn għal din it-talba, il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid tkun definittivament magħluqa, b’tali mod li l-Istat Membru rikjedenti għandu, wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, jitqies li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun hemm bżonn ta’ iktar żmien sabiex tkun jista’ titressaq, fit-termini imperattivi previsti għal dan l-effett fl-Artikolu 21(1) u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura.

 Fuq l-ispejjeż

91      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat-2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) tal-Kummissjoni Nru 118/2014 tat-30 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru kompetenti għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura bis-saħħa tal-Artikolu 21 jew tal-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, wara li jkunu twettqu l-verifiki meħtieġa, ikun irrisponda negattivament għal dan fit-termini previsti mill-Artikoli 22 jew mill-Artikolu 25 ta’ dan l-aħħar regolament, u li sussegwentement ikun ġie adit b’talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 5(2), għandu jagħmel ħiltu, fi spirtu ta’ kooperazzjoni leali, li jirrispondi għal dan tal-aħħar fi żmien ġimagħtejn.

Meta l-Istat Membru rikjest ma jirrispondix f’dan it-terminu ta’ ġimagħtejn għal din it-talba, il-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid tkun definittivament magħluqa, b’tali mod li l-Istat Membru rikjedenti għandu, wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu, jitqies li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, ħlief jekk ikun hemm bżonn ta’ iktar żmien sabiex tkun jista’ titressaq, fit-termini imperattivi previsti għal dan l-effett fl-Artikolu 21(1) u fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 604/2013, talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.