Language of document : ECLI:EU:C:2023:412

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

17 ta’ Mejju 2023 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Direttiva 2001/95/KE – Artikolu 12 u Anness II – Standards u regolamenti tekniċi – Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea (RAPEX) – Linji Gwida – Prodotti mhux tal-ikel perikolużi – Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/417 – Regolament (KE) Nru 765/2008 – Artikoli 20 u 22 – Notifiki lill-Kummissjoni Ewropea – Deċiżjoni amministrattiva – Projbizzjoni tal-bejgħ ta’ ċerti oġġetti pirotekniċi u obbligu ta’ tneħħija – Talba minn distributur tal-prodotti kkonċernati sabiex jikkompleta n-notifiki – Awtorità kompetenti sabiex tiddeċiedi dwar it-talba – Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva”

Fil-Kawża C‑626/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Ottubru 2021, fil-proċedura

Funke sp. z o.o.

vs

Landespolizeidirektion Wien,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič, I. Jarukaitis u Z. Csehi (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: T. Ćapeta,

Reġistratur: S. Beer, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑21 ta’ Settembru 2022,

wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Funke sp. z o.o., minn K. Pateter u C. M. Schwaiger, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll, H. Perz, V. Reichmann u F. Werni, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Goddin, B.‑R. Killmann u F. Thiran, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali, ippreżentati fis‑seduta tal‑1 ta’ Diċembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 u tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 447), kif emendata bir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 (ĠU 2008, L 218, p. 30) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2001/95”), tal-Artikoli 20 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93 (ĠU 2008, L 218, p. 30), kif ukoll tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat‑8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha (ĠU 2019, L 73, p. 121).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Funke sp. z o.o. u l-Landespolizeidirektion Wien (id-Direttorat Ġenerali tal-Pulizija ta’ Vjenna, l-Awstrija) (iktar ’il quddiem il-“LPD”), dwar notifiki magħmula minn din tal-aħħar permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“RAPEX”) fir-rigward ta’ ċerti prodotti pirotekniċi importati minn din il-kumpannija.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2013/29/UE

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Ġunju 2013 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relattivament għad-disponibbiltà fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi (ĠU 2013, L 178, p. 27), intitolat “Suġġett”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli mfasslin bil-ħsieb li jinkiseb il-moviment liberu tal-oġġetti pirotekniċi fis-suq intern filwaqt li jkun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni għas-saħħa tal-bniedem u ta’ sigurtà pubblika u l-protezzjoni u s-sikurezza tal-konsumaturi, u tqis l-aspetti rilevanti relatati mal-protezzjoni tal-ambjent.

2.      Din id-Direttiva tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali ta’ sikurezza li l-oġġetti pirotekniċi jeħtieġ jissodisfaw sabiex ikunu disponibbli fis-suq. Dawk ir-rekwiżiti huma stabbiliti fl-Anness I.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi, fil-punt 12 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

12.      ‘operaturi ekonomiċi’ tfisser il-manifattur, l-importatur u d-distributur”.

5        L-Artikolu 38 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Is-sorveljanza tas-suq tal-Unjoni u l-kontroll tal-oġġetti pirotekniċi li jidħlu fis-suq tal-Unjoni”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri adegwati kollha sabiex jiżguraw li l-oġġetti pirotekniċi, jistgħu jitqiegħdu fis-suq biss jekk, meta jkunu korrettament maħżuna u użati għall-għan li huma jkunu maħsuba għalih, huma ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa u għas-sikurezza tal-persuni.

2.      L-Artikoli 15(3) u l-Artikoli minn 16 sa 29 tar-Regolament [Nru 765/2008] għandhom japplikaw għall-oġġetti pirotekniċi.”

6        L-Artikolu 39 tal-istess direttiva, intitolat “Proċedura għat-trattament ta’ oġġetti pirotekniċi li jippreżentaw riskju fil-livell nazzjonali”, jistabbilixxi:

“1.      Fejn l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq ta’ Stat Membru wieħed għandhom raġunijiet suffiċjenti sabiex jemmnu li xi oġġett pirotekniku jippreżenta riskju għas-saħħa jew is-sikurezza tal-persuni jew għal xi aspetti oħra ta’ interess pubbliku ta’ protezzjoni koperti b’din id-Direttiva, huma għandhom jagħmlu evalwazzjoni fir-rigward tal-oġġett pirotekniku konċernat li jkopri r-rekwiżiti rilevanti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva. L-operaturi ekonomiċi rilevanti għandhom jikkooperaw skont kif ikun meħtieġ mal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għal dak il-għan.

Fejn, tul l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq isibu li l-oġġett pirotekniku ma jkunx konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva, huma għandhom mingħajr dewmien jeżiġu li l-operatur ekonomiku rilevanti jieħu l-azzjonijiet korrettivi kollha xierqa biex l-oġġett pirotekniku jsir konformi ma’ dawk ir-rekwiżiti, li jirtira l-oġġett pirotekniku mis-suq jew li jieħdu lura fi żmien raġonevoli li jkun jaqbel man-natura tar-riskju, skont kif jistabbilixxu.

L-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-korp notifikat rilevanti kif meħtieġ.

L-Artikolu 21 tar-Regolament [Nru 765/2008] għandu japplika għall-miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

2.      Fejn l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq iqisu li n-nuqqas ta’ konformità mhuwiex ristrett biss għat-territorju nazzjonali tagħhom, dawn għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar ir-riżultati tal-evalwazzjoni u dwar l-azzjonijiet li huma rabtu lill-operatur li jieħu.

3.      L-operatur ekonomiku għandu jiżgura li jittieħdu l-azzjonijiet korrettivi xierqa kollha fir-rigward tal-oġġetti pirotekniċi kollha konċernati li huwa jkun għamel disponibbli fis-suq fl-Unjoni kollha.

4.      Fejn l-operatur ekonomiku rilevanti ma jiħux azzjoni korrettiva adegwata fil-perjodu ta’ żmien imsemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jieħdu l-miżuri provviżorji xierqa kollha biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-oġġetti pirotekniċi milli jsiru disponibbli fis-suq nazzjonali tagħhom, biex l-oġġett pirotekniku jiġi irtirat minn dak is-suq jew biex dan jittieħed lura.

L-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra, mingħajr dewmien, dwar dawk il-miżuri.

5.      L-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 għandha tinkludi d-dettalji disponibbli kollha, partikolarment id-dejta neċessarja għall-identifikazzjoni tal-oġġett pirotekniku li mhux konformi, l-oriġini tal-oġġett pirotekniku, in-natura tal-allegat nuqqas ta’ konformità u r-riskju involut, in-natura u t-tul ta’ żmien tal-miżuri nazzjonali li jkunu ttieħdu u l-argumenti mressqa mill-operatur ekonomiku rilevanti. […]

6.      L-Istati Membri, barra mill-Istat Membru li jkun beda l-proċedura skont dan l-Artikolu, għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b’kull miżura adottata u kull informazzjoni addizzjonali fuq in-nuqqas tal-konformità tal-oġġett pirotekniku kkonċernat għad-dispożizzjoni tagħhom, u, jekk ma jkunx hemm qbil fuq il-miżura nazzjonali adottata, dwar l-oġġezzjonijiet tagħhom.

7.      Fejn, fi żmien tliet xhur mir-riċezzjoni tal-informazzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4, ma tkun saret ebda oġġezzjoni minn xi Stat Membru jew mill-Kummissjoni fuq miżura provviżorja meħuda minn Stat Membru, dik il-miżura għandha titqies li tkun ġustifikata.

8.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jittieħdu miżuri restrittivi adegwati fir-rigward tal-oġġett pirotekniku kkonċernat, bħall-irtirar tal-oġġett pirotekniku mis-suq, mingħajr dewmien.”

 IrRegolament Nru 765/2008

7        Il-premessa 30 tar-Regolament Nru 765/2008 hija fformulata kif ġej:

“Sitwazzjonijiet ta’ riskju gravi minn prodott jirrikjedu intervent ta’ malajr, li jista jfisser li l-prodott jiġi rtirat mis-suq jew jittieħed lura jew jiġi pprojbit milli jkun jista’ jinkiseb mis-suq. F’sitwazzjonijiet bħal dawk jeħtieġ li jkun hemm aċċess għal sistema ta’ skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn Stati Membri u l-Kummissjoni. Is-sistema pprovduta fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE instabet li kienet effikaċi u effiċjenti fil-qasam tal-prodotti tal-konsumatur. Sabiex ma jkunx hemm duplikazzjoni żejda, dik is-sistema għandha tintuża għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, is-sorveljanza koerenti tas-suq fil-Komunità kollha teħtieġ skambju komprensiv ta’ informazzjoni dwar attivitajiet nazzjonali f’dan il-kuntest li jmur lil hinn minn din is-sistema.”

8        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 765/2008, intitolat “Definizzjonijiet”, jiddisponi fil-punt 7 tiegħu:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

7.      ‘operaturi ekonomiċi’ tfisser il-manifattur, ir-rappreżentant awtorizzat, l-importatur u d-distributur”.

9        L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Prodotti li jippreżentaw riskju gravi”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-prodotti li jippreżentaw riskju gravi li jeħtieġ intervent ta’ malajr, inkluż riskju gravi li l-effetti tiegħu ma jkunux immedjati, għandhom jittieħdu lura jew jiġu rtirati jew jiġu pprojbiti milli isiru disponibbli fis-suq tiegħu, u li l-Kummissjoni tiġi informata mingħajr dewmien dwar dan skond l-Artikolu 22.”

10      L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Miżuri ristrettivi”, jistabbilixxi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.      Il-Kummissjoni għandha tassigura li kull miżura li tittieħed, skond il-leġiżlazzjoni Komunitarja ta’ armonizzazzjoni rilevanti, li tipprojbixxi jew tillimita prodott milli jiġi magħmul disponibbli fis-suq, li dan jiġi rtirat mis-suq jew li jittieħed lura, tkun proporzjonata u għandha tiddikjara r-raġunijiet preċiżi li fuqhom tkun ibbażata.

2.      Miżuri bħal dawk għandhom jiġu komunikati mingħajr dewmien lill-operaturi ekonomiċi rilevanti, li għandhom fl-istess waqt, ikunu mgħarrfa bir-rimedji disponibbli taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru konċernat u bit-termini ta’ żmien li għalihom dawk ir-rimedji jkunu suġġetti.”

11      L-Artikolu 22 tal-istess regolament, intitolat “Skambju ta’ informazzjoni – Sistema Komunitarja ta’ Informazzjoni Rapida”, jiddisponi, fil-paragrafi 1, 3 u 4 tiegħu:

“1.      Fejn Stat Membru jieħu jew ikollu l-ħsieb li jieħu miżura skond l-Artikolu 20 u jqis li r-raġunijiet li għalihom tittieħed il-miżura jew l-effetti tal-miżura meħuda jestendu lil hinn mit-territorju tiegħu, huwa għandu minnufih jgħarraf lill-Kummissjoni b’dik il-miżura, skond il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu. Huwa għandu wkoll jgħarraf mingħajr dewmien lill-Kummissjoni jekk dik il-miżura tiġi modifikata jew irtirata.

[…]

3.      L-informazzjoni mogħtija skond il-paragrafi 1 u 2 għandha tinkludi d-dettalji kollha disponibbli, partikolarment id-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodott, l-oriġini u l-katina ta’ provvista tal-prodott, in-natura tar-riskju relatat, in-natura u d-durata tal-miżura nazzjonali meħuda u dwar kull miżura voluntarja meħuda mill-operaturi ekonomiċi.

4.      Għall-finijiet tal-paragrafi 1, 2 u 3, għandu jsir użu mis-sistema ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ skambju ta’ informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE. Il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ l-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

 IdDirettiva 2001/95

12      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2001/95 hija fformulata kif ġej:

“Is-sorveljanza effettiva tas-sigurtà tal-prodotti teħtieġ li tiġi stabbilita fil-livelli Komunitarji sistema ta’ skambju bil-ħeffa tat-tagħrif f’sitwazzjonijiet ta’ riskju gravi li jeħtieġ l-intervant rapidu rigward is-sigurtà ta’ prodott. […]”

13      Skont l-Artikolu 12(2) u (3) tad-Direttiva 2001/95:

“2.      Meta tirċievi dawn in-notifiki, il-Kummissjoni għandha tiċċekkja jekk iħarsux dan l-Artikolu u l-ħtiġiet applikabbli għall-funzjonament tar-RAPEX, u għandha tibgħathom lill-Istati Membri, li, min-naħa tagħhom, għandhon jgħarrfu lill-Kummissjoni minnufih dwar il-miżuri adottati.

3.      Il-miżuri dettaljati għar-RAPEX huma ddikjarati fl-Anness II. Huma għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni. Dawk il-miżuri mfassla biex jemendaw l-elementi mhux essenzjali ta’ din id-Direttiva billi jissupplimentawha għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura regolatorja bi skrutinju msemmija fl-Artikolu 15(5).”

14      L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Il-proċeduri sabiex jiġu applikati r-RAPEX u l-linji gwida għan-notifiki”, huwa fformulat kif ġej:

“1.      Ir-RAPEX ikopri l-prodotti kif iddefiniti fl-Artikolu 2(a) li joħolqu riskju gravi għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi.

[…]

2.      Ir-RAPEX hija essenzjalment immirata għall-iskambju mħaffef tat-tagħrif fl-eventwalità ta’ riskju gravi. Il-linji gwida riferiti fil-punt 8 jiddefinixxu l-kriterji sabiex jiġu identifikati r-riskji gravi.

3.      L-Istati Membri li jinnotifikaw skond l-Artikolu 12 għandhom jipprovdu d-dettalji kollha disponibbli. B’mod partikolari, in-notifika għandu jkun fiha t-tagħrif stabbilit fil-linji gwida riferiti fil-punt 8 u għall-inqas:

(a)      it tagħrif li jgħin li jiġi indentifikat il-prodott;

(b)      deskrizzjoni dwar ir-riskju involut, inkluż sommarju tar-riżultati ta’ kull test/analiżi u tal-konklużjonijiet tagħhom li jkunu rilevanti sabiex jistmaw il-livell tar-riskju;

(ċ)      in-natura u t-tul taż-żmien tal-miżuri jew l-azzjoni meħuda jew li tkun ittieħdet deċiżjoni dwarhom, jekk applikabbli;

(d)      tagħrif dwar il-ktajjen tal-provvista u dwar id-distribuzzjoni tal-prodott, b’mod partikolari dwar il-pajjiżi tad-destinazzjoni.

Dan it-tagħrif irid jiġi trasmess bl-użu tan-notifika speċjali standard u bil-mezzi stabbiliti fil-linji gwida riferiti fil-punt 8.

[…]

5.      Il-Kummissjoni għandha, fl-inqas żmien possibbli, tivverifika l-konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar it-tagħrif irċevut taħt ir-RAPEX u tista’, meta tikkunsidra li huwa meħtieġ u sabiex tistma s-sigurtà tal-prodott, twettaq investigazzjoni fuq l-inizjattiva tagħha nfisha. Fil-każ ta’ din l-investigazzjoni, l-Istati Membri għandhom ifornu lill-Kummissjoni bit-tagħrif mitlub bl-aħjar mod possibbli għalihom.

[…]

7.      l-Istati Membri għandhom jgħarrfu minnufih lill-Kummissjoni b’kull modifika jew twarrib tal-miżura/i jew azzjoni/jiet fil-kwistjoni.

8.      Il-Kummissjoni għandha tħejji u taġġorna regolarment, skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 15(3), il-linji gwida li jirrigwardaw il-ġestjoni tar-RAPEX mill-Kummisjoni u l-Istati Mmembri.

[…]

10.      Ir-responsabbiltà rigeard it-tgħrif ipprovvdut taqa’ fuq l-Istat Membru notifikatur.

[…]”

 IdDeċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417

15      Il-premessi 11 sa 13 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417 jiddisponu:

“(11)      Id-Direttiva [2001/95] u r-Regolament [Nru 765/2008] jikkomplementaw lil xulxin u jipprovdu sistema li ttejjeb is-sigurtà ta’ prodotti mhux tal-ikel.

(12)      Ir-RAPEX tgħin biex tipprevjeni u tirrestrinġi l-provvista tal-prodotti li joħolqu riskju serju għas-saħħa u s-sigurtà jew, f’każ ta’ prodotti koperti mir-Regolament [Nru 765/2008], għal interessi pubbliċi rilevanti oħrajn. Dan jippermetti li l-Kummissjoni timmonitorizza l-effikaċja u l-konsistenza tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet ta’ infurzar fl-Istati Membri.

(13)      Ir-RAPEX tipprovdi bażi għall-identifikazzjoni tal-ħtieġa għal azzjoni fil-livell tal-UE u tgħin għal infurzar konsistenti tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodott tal-UE u b’hekk jikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku.”

16      L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni jipprevedi:

“Il-linji gwida għall-ġestjoni [tar-RAPEX] stabbilita mill-Artikolu 12 tad-Direttiva [2001/95] u s-sistema ta’ notifika tagħha huma stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.”

17      L-Anness tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni, intitolat “Linji gwida għall-ġestjoni [tar-RAPEX] stabbiliti skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva [2001/95] u s-sistema ta’ notifika tagħha” (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida RAPEX”), jirregola, fil-Parti I tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-destinatarji ta’ dawn il-linji gwida.

18      Il-punt 2 tal-imsemmi Parti I ta’ dawn il-linji gwida, intitolat “Id-destinatarji tal-Linji Gwida”, jistabbilixxi:

“Il-Linji Gwida huma indirizzati lill-awtoritajiet tal-Istati Membri kollha li jaġixxu fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u li jipparteċipaw fin-netwerk tar-RAPEX, inklużi l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq responsabbli għall-monitoraġġ tal-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti tas-sigurtà u l-awtoritajiet inkarigati mill-kontrolli tal-fruntieri esterni.”

19      Skont il-punt 4 tal-Parti I tal-Linji Gwida RAPEX, intitolat “Miżuri”:

“4.1.      Tipi ta’ miżuri

Jistgħu jittieħdu miżuri preventivi u restrittivi fir-rigward ta’ prodotti li joħolqu riskju jew bl-inizjattiva tal-operatur ekonomiku li qiegħdu u/jew iqassmu fis-suq (‘miżuri volontarji’), jew kif ordnat minn awtorità ta’ Stat Membru kompetenti biex tissorvelja l-konformità tal-prodotti mar-rekwiżiti ta’ sigurtà (‘miżuri obbligatorji’).

[…]”

20      Il-punt 1 tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, intitolat “Introduzzjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.1.      Objettivi tar-RAPEX

[…]

RAPEX għandha rwol importanti fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti. Hija tikkomplementa azzjonijiet oħrajn meħudin kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-[Unjoni] biex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-prodotti fl-UE.

Id-data tar-RAPEX tgħin biex:

(a)      tipprevjeni u tirrestrinġi l-provvista ta’ prodotti perikolużi;

(b)      timmonitorizza l-effikaċja u l-konsistenza tas-sorveljanza tas-suq u l-attivitajiet ta’ infurzar imwettqa mill-awtoritajiet tal-Istati Membri;

(c)      tidentifika l-bżonnijiet u tipprovdi bażi għal azzjoni fil-livell tal-UE; u

(d)      tgħin fl-infurzar konsistenti tar-rekwiżiti tas-sigurtà tal-prodotti tal-UE u b’hekk tikkontribwixxi għall-funzjonament bla xkiel tas-suq Intern.

[…]”

21      Il-punt 3 tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, intitolat “Notifiki”, jiddisponi:

“[…]

3.2.      Kontenut tan-notifiki

3.2.1.      Ambitu tad-data

Notifiki mibgħuta lill-Kummissjoni permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX jinkludu t-tipi ta’ data li ġejjin:

(a)      Informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-prodott innotifikat, jiġifieri l-kategorija tal-prodott, isem il-prodott, il-marka, il-mudell u/jew in-numru tat-tip, il-barcode, il-lott jew in-numru tas-serje, il-kodiċi tad-dwana, id-deskrizzjoni tal-prodott u l-ippakkjar tiegħu flimkien mal-istampi li juru l-prodott, l-ippakkjar u t-tikketti tiegħu. L-identifikazzjoni dettaljata u eżatta tal-prodott hija element ewlieni għas-sorveljanza u l-infurzar tas-suq, minħabba li tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw il-prodott innotifikat, jiddistingwuh minn prodotti oħrajn tal-istess tip jew kategorija jew simili li jkunu disponibbli fis-suq u biex isibuh fis-suq u jieħdu miżuri xierqa jew jaqblu fuqhom.

[…]

3.2.2.      Kompletezza tad-data

Jenħtieġ li n-notifiki jkunu kemm jista’ jkun kompluti. L-elementi li jrid ikun hemm fin-notifika huma elenkati fl-Appendiċi 1 ta’ dawn il-Linji Gwida u huma inklużi fl-applikazzjoni tar-RAPEX. Jenħtieġ li l-kaxxi kollha tal-mudell tan-notifika jkunu kompluti bid-data meħtieġa. Meta l-informazzjoni meħtieġa ma tkunx disponibbli fil-mument li tintbagħat notifika, dan ikun indikat b’mod ċar u jkun spjegat fil-formola mill-Istat Membru notifikanti. Ladarba l-informazzjoni nieqsa ssir disponibbli, l-Istat Membru notifikanti jaġġorna n-notifika tiegħu. In-notifika aġġornata tiġi eżaminata mill-Kummissjoni qabel ma tiġi vvalidata u distribwita permezz tas-sistema.

Il-Punti ta’ Kuntatt tar-RAPEX jipprovdu lill-awtoritajiet nazzjonali kollha li jipparteċipaw fin-netwerk tar-RAPEX bl-istruzzjonijiet dwar l-ambitu tad-data meħtieġa biex jimlew in-notifika. Dan jgħin biex jiżgura li l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-awtoritajiet lill-Punt ta’ Kuntatt tar-RAPEX tkun korretta u kompluta (ara l-Parti II, Kapitolu 5.1).

Meta parti mill-informazzjoni meħtieġa minn dawn il-Linji Gwida tkun għadha mhix disponibbli, ikun jenħtieġ li l-Istati Membri xorta waħda jikkonformaw mal-linji gwida stabbiliti u ma jdumux biex jibagħtu n-notifika tar-RAPEX dwar prodott li joħloq riskju fatali għas-saħħa u s-sigurtà tal-konsumaturi jew ta’ utenti aħħarija oħrajn u/jew meta notifika tar-RAPEX tkun teħtieġ azzjoni ta’ emerġenza mill-Istati Membri.

[…]

3.2.3.      Aġġornament tad-data

L-Istat Membru notifikanti jinforma lill-Kummissjoni (kemm jista’ jkun malajr u mhux aktar tard mill-iskadenzi speċifikati fl-Appendiċi 4 tal-Linji Gwida) b’kull żvilupp li jeħtieġ bidliet għal notifika trażmessa permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX. B’mod partikolari, l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull bidla (pereż. wara deċiżjoni minn qorti matul proċedura ta’ appell) dwar l-istatus tal-miżuri nnotifikati, dwar il-valutazzjoni tar-riskju u dwar id-deċiżjonijiet ġodda dwar il-kunfidenzjalità.

Il-Kummissjoni teżamina l-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru notifikanti u taġġorna l-informazzjoni kkonċernata fl-applikazzjoni tar-RAPEX u fuq is-sit tar-RAPEX, meta jkun meħtieġ.

3.2.4.      Responsabbiltà għall-informazzjoni trażmessa

Ir-responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta hija tal-Istat Membru notifikanti.

L-Istat Membru notifikanti u l-awtorità nazzjonali responsabbli jiżguraw li d-data pprovduta permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX tkun preċiża biex tiġi evitata kull konfużjoni ma’ prodotti simili tal-istess kategorija jew tip li jkunu disponibbli fis-suq tal-[Unjoni].

L-awtorità/ajiet involuti fil-proċedura ta’ notifika (pereż. billi jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju tal-prodott innotifikat jew billi jipprovdu informazzjoni dwar il-kanali tad-distribuzzjoni) jieħdu r-responsabbiltà għall-informazzjoni pprovduta permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX. Il-Punt ta’ Kuntatt tar-RAPEX jivverifika u jivvalida n-notifiki kollha li jaslu mingħand l-awtoritajiet responsabbli qabel ma jittrażmettihom lill-Kummissjoni (ara l-Parti II, Kapitolu 5.1).

Kull azzjoni meħuda mill-Kummissjoni, bħall-eżami ta’ notifiki, il-validazzjoni u d-distribuzzjoni tagħhom permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX u l-pubblikazzjoni tagħhom fuq is-sit tar-RAPEX, ma timplika l-ebda preżunzjoni ta’ responsabbiltà għall-informazzjoni trażmessa, li tibqa’ tal-Istat Membru notifikanti.

3.3.      Atturi u rwoli involuti fil-proċess tan-notifika

Il-partijiet involuti fil-proċess ta’ notifika u r-responsabbiltajiet tagħhom huma dawn li ġejjin:

3.3.1.      Operaturi ekonomiċi

L-operaturi ekonomiċi mhumiex involuti direttament fil-preżentazzjoni ta’ notifiki fl-applikazzjoni tar-RAPEX.

Madankollu, f’każ li prodott li joħloq riskju, l-operaturi ekonomiċi għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kollha fejn hu disponibbli l-prodott. Il-kundizzjonijiet u d-dettalji biex tiġi pprovduta din l-informazzjoni tinsab fl-Anness I tad-[Direttiva 2001/95].

[…]

3.3.2.      L-awtoritajiet tal-Istati Membri

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX bil-miżuri obbligatorji u volontarji meħuda fit-territorju tagħhom fil-konfront ta’ prodotti li joħolqu riskju.

[…]

3.4.      Fluss tax-xogħol

3.4.1.      Il-ħolqien ta’ notifika

3.4.1.1.      Minn awtorità nazzjonali

Skont l-arranġamenti nazzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali differenti involuti fil-proċess tar-RAPEX (l-awtoritajiet ta’ sorveljanza tas-suq lokali/reġjonali, l-awtoritajiet tal-kontroll fil-fruntieri esterni, eċċ.) jistgħu jitħallew joħolqu notifika.

3.4.1.2.      Mill-Kummissjoni

F’ċerti każijiet, il-Kummissjoni tista’ toħloq notifika kif spjegat fil-punt 3.3.4.

3.4.2.      Preżentazzjoni ta’ notifiki mill-Kummissjoni

Il-Punt ta’ Kuntatt tar-RAPEX huwa responsabbli għall-preżentazzjoni tan-notifiki kollha għall-validazzjoni mill-Kummissjon. (Ara l-Parti II, il-Kapitolu 5.1)

3.4.3.      Eżaminar tan-notifiki mill-Kummissjoni

Il-Kummissjoni tivverifika n-notifiki kollha li tirċievi permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX qabel ma tittrażmettihom lill-Istati Membri biex tiżgura li dawn ikunu korretti u kompluti.

[…]

3.4.3.5.      Investigazzjoni

Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ twettaq investigazzjoni biex tivvaluta s-sigurtà ta’ prodott. Din l-investigazzjoni tista’ titwettaq b’mod partikolari meta jkun hemm dubji serji dwar ir-riskji maħluq mill-prodott innotifikat permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX. Dawn id-dubji jistgħu jew jinqalgħu waqt l-eżami ta’ notifika mill-Kummissjoni jew jinġiebu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni minn Stat Membru (pereż. permezz ta’ notifika ta’ segwitu) jew minn parti terza (pereż. produttur).

[…]

3.4.4.      Validazzjoni u distribuzzjoni tan-notifiki

Il-Kummissjoni tivvalida u tqassam permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX, sal-iskadenzi speċifikati fl-Appendiċi 5 tal-Linji Gwida, in-notifiki kollha vvalutati bħala korretti u kompluti matul l-eżami.

[…]

3.4.5.      Pubblikazzjoni ta’ notifiki

3.4.5.1.      Divulgazzjoni tal-informazzjoni bħala regola ġenerali

Il-pubbliku għandu d-dritt li jkun infurmat bil-prodotti li joħolqu riskju. Biex tissodisfa dan l-obbligu, il-Kummissjoni tippubblika rapporti ġenerali dwar in-notifiki l-ġodda fuq is-sit tar-RAPEX.

Għal raġunijiet ta’ komunikazzjoni esterna, fil-futur is-sit web tar-RAPEX se jissejjaħ ‘Safety Gate’.

Bl-istess mod, l-Istati Membri jipprovdu lill-pubbliku informazzjoni fil-lingwi nazzjonali dwar prodotti li joħolqu riskju serju għall-konsumaturi u dwar il-miżuri meħuda biex jindirizzaw dan ir-riskju. Din l-informazzjoni tista’ titqassam bl-internet, fuq karta, bil-midja elettronika, eċċ.

L-informazzjoni li titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku hija sommarju ta’ notifika u tinkludi b’mod partikolari l-elementi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-prodott kif ukoll l-informazzjoni dwar ir-riskji u l-miżuri meħuda biex jipprevjenu jew jirrestrinġu dawk ir-riskji. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jiżvelaw elementi oħrajn tan-notifiki lill-pubbliku biss, meta din l-informazzjoni, minħabba n-natura tagħha, ma tkunx kunfidenzjali (sigrieti professjonali) u ma jkunx hemm bżonn li tkun imħarsa.

[…]

3.4.6.      Segwitu għan-notifiki

[…]

3.4.6.2.      L-objettivi tal-attivitajiet ta’ segwitu

Mal-wasla ta’ notifika, l-Istat Membru jeżamina l-informazzjoni pprovduta fin-notifika u jieħu azzjoni xierqa biex:

(a)      jistabbilixxi jekk il-prodott kienx ikkummerċjalizzat fit-territorju tiegħu;

(b)      jivvaluta x’miżuri preventivi jew restrittivi jenħtieġ li jittieħdu fir-rigward tal-prodott innotifikat li jinstab fis-suq tiegħu, wara li jiġu kkunsidrati l-miżuri meħuda mill-Istat Membru notifikanti u kull ċirkostanzi speċjali li tista’ tiġġustifika tipi differenti ta’ miżuri meħuda jew in-nuqqas ta’ azzjoni;

(c)      iwettaq valutazzjoni tar-riskju u ttestjar addizzjonali tal-prodott innotifikat, jekk ikun hemm bżonn;

(d)      jiġbor kull informazzjoni addizzjonali li tista’ tkun rilevanti għal Stati Membri oħrajn (pereż. informazzjoni dwar kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodott innotifikat fi Stati Membri oħrajn).

3.4.6.3.      Tekniki ta’ segwitu

Biex jiġu żgurati sistemi effiċjenti u effikaċi ta’ segwitu, jenħtieġ li jintużaw l-aħjar prattiki ta’ tekniki ta’ segwitu użati mill-awtoritajiet nazzjonali, inklużi:

(a)      Verifiki fis-suq

L-awtoritajiet nazzjonali jorganizzaw verifiki (ippjanati u aleatorji) fis-suq b’mod regolari sabiex jistabbilixxu jekk il-prodotti tal-konsumatur innotifikati permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX ikunux disponibbli għall-konsumaturi. Meta jissemma l-Istat Membru bħala pajjiż destinatarju, għandhom isiru verifiki rinforzati fis-suq, partikolarment billi jiġu kkuntattjati l-operatur(i) ekonomiċi indikati fin-notifika.

(b)      Kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju

Meta jkun hemm bżonn, l-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu rapporti ġenerali tan-notifiki l-aktar reċenti lill-assoċjazzjonijiet tan-negozju u jistħarrġu jekk xi wieħed mill-prodotti nnotifikati kienx prodott jew distribwit mill-membri tagħhom. L-awtoritajiet nazzjonali jipprovdu lin-negozji biss sommarji ta’ notifiki, bħar-rapporti ġenerali ta’ kull ġimgħa ppubblikati fis-sit tar-RAPEX. Jenħtieġ li ma jintbagħtux notifiki sħaħ lil terzi, billi ċerta informazzjoni (pereż. id-dettalji tad-deskrizzjoni tar-riskju jew l-informazzjoni dwar il-kanali tad-distribuzzjoni) spiss tkun kunfidenzjali u jenħtieġ li tkun protetta.

(c)      Il-pubblikazzjoni tad-data tar-RAPEX bl-Internet jew permezz ta’ midja elettronika jew stampata fuq il-karti oħra

L-awtoritajiet nazzjonali tal-konsumaturi regolarment iwissu lill-konsumaturi u lin-negozji dwar il-prodotti għall-konsumaturi nnotifikati bl-applikazzjoni tar-RAPEX permezz tas-siti tagħhom u/jew ta’ mezzi oħrajn, pereż. billi jirreferu lill-konsumaturi u lin-negozji għas-sit tar-RAPEX. L-informazzjoni ppubblikata b’dan il-mod tippermetti lill-konsumaturi jivverifikaw ikollhomx jew jużawx prodotti li joħolqu riskju u spiss tipprovdi lill-awtorità b’reazzjonijiet utli.

[…]

3.4.7.      Irtirar/tneħħija ta’ notifiki

3.4.7.1.      Irtirar permanenti ta’ notifika mir-RAPEX.

Notifiki mqassma permezz tal-applikazzjoni tar-RAPEX jinżammu fis-sistema għal perjodu ta’ żmien illimitat. Il-Kummissjoni tista’, madankollu, fis-sitwazzjonijiet ippreżentati f’dan il-Kapitolu, tirtira b’mod permanenti notifika mir-RAPEX.

3.4.7.1.1.      Sitwazzjonijiet meta jkun possibbli l-irtirar ta’ notifika mibgħuta jew ivvalutata

(a)      Meta jkun hemm prova li waħda jew aktar mill-kriterji tan-notifika […] ma jkunux intlaħqu u għalhekk in-notifika ma tkunx iġġustifikata. B’mod partikolari dan jikkonċerna każijiet meta jiġi stabbilit li l-valutazzjoni tar-riskju oriġinali tkun saret ħażin u li l-prodott innotifikat ma jkunx joħloq riskju. Dan ikopri wkoll sitwazzjonijiet meta l-miżuri nnotifikati jkunu ġew ikkontestati fil-qorti jew fi proċedimenti oħra b’suċċess u ma jkunux għadhom validi.

[…]

3.4.7.1.2.      Talba għal irtirar permanenti jew temporanju mill-Istati Membri

Il-Kummissjoni tista’ tirtira notifiki mir-RAPEX fuq talba tal-Istat Membru notifikanti biss, hekk kif dan tal-aħħar jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-informazzjoni trażmessa permezz tas-sistema. Madankollu, l-Istati Membri l-oħrajn huma mħeġġa jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull fatt li jista’ jiġġustifika dik it-tneħħija.

[…]

3.4.7.2.      Tneħħija temporanja ta’ notifika mis-sit tar-RAPEX

3.4.7.2.1.      Sitwazzjonijiet meta l-irtirar temporanju jkun possibbli

Meta jkun iġġustifikat, il-Kummissjoni tista’ temporanjament tneħħi notifika mis-sit tar-RAPEX, speċjalment meta l-Istat Membru notifikanti jissuspetta li l-valutazzjoni tar-riskju mibgħuta f’notifika tkun saret ħażin u b’hekk il-prodott innotifikat ma jistax joħloq riskju. Notifika tista’ titneħħa temporanjament mis-sit tar-RAPEX sakemm il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodott innotifikat tiġi ċċarata.

3.4.7.2.2.      Talba għal tneħħija temporanja mill-Istati Membri

Il-Kummissjoni tista’ tirtira temporanjament in-notifiki mill-applikazzjoni tar-RAPEX biss fuq talba tal-Istat Membru notifikanti, hekk kif dan tal-aħħar jieħu r-responsabbiltà sħiħa għall-informazzjoni trażmessa permezz tal-applikazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri l-oħrajn huma mħeġġa jgħarrfu lill-Kummissjoni b’kull fatt li jista’ jiġġustifika dik it-tneħħija.

[…]”

 Iddritt Awstrijak

22      Il-Bundesgesetz, mit dem polizeiliche Bestimmungen betreffend pyrotechnische Gegenstände und Sätze sowie das Böllerschießen erlassen werden (Pyrotechnikgesetz 2010 – PyroTG 2010) (il-Liġi Federali li Tadotta Dispożizzjonijiet tal-Pulizija li Jikkonċernaw Oġġetti Pirotekniċi u Settijiet ta’ Oġġetti Pirotekniċi Kif Ukoll Sparar ta’ Murtali (il-Liġi dwar il-Piroteknika tal‑2010 – PyroTG 2010)) (BGBl. I, 131/2009), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. I, 32/2018) (iktar ’il quddiem il-“PyroTG”), jiddisponi, fl-Artikolu 27 tiegħu, intitolat “Sorveljanza tas-suq”:

“1.      L-awtorità kompetenti hija responsabbli għas-sorveljanza tas-suq sabiex tivverifika li huma biss l-oġġetti pirotekniċi u s-settijiet ta’ oġġetti pirotekniċi li jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din il-liġi federali li jitqiegħdu fis-suq u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni. Hija awtorizzata twettaq l-investigazzjonijiet u l-azzjonijiet meħtieġa fil-bini tal-operaturi ekonomiċi, bħal, b’mod partikolari, id-dħul fis-siti tal-produzzjoni, l-imħażen u bini kummerċjali ieħor, teħid ta’ kampjuni mingħajr ħlas u konsultazzjoni tad-dokumenti kummerċjali rilevanti.

[…]”

23      L-Artikolu 27a tal-PyroTG, intitolat “Miżuri ta’ sorveljanza” jistabbilixxi:

“1.      Il-miżuri ta’ sorveljanza tal-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 27 huma ordnijiet

[…]

3)      sejħa lura

2.      Il-miżuri ta’ sorveljanza msemmija fil-punti 2 u 3 tal-paragrafu 1 jistgħu jittieħdu minn kwalunkwe awtorità kompetenti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jitqiegħdu fis-suq jew isiru disponibbli oġġetti pirotekniċi jew settijiet ta’ oġġetti pirotekniċi li għandhom ikunu suġġetti għal tali miżura, b’effett għall-attività tal-operatur ekonomiku fit-territorju federali kollu.”

24      Il-Bundesgesetz zum Schutz vor gefährlichen Produkten (Produktsicherheitsgesetz 2004 – PSG 2004) (il-Liġi Federali dwar il-Protezzjoni Kontra Prodotti Perikolużi (il-Liġi dwar is-Sigurtà tal-Prodotti tal‑2004 – PSG 2004)) (BGBl. I, 16/2005), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument tal-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. I, 32/2018), tiddisponi fl-Artikolu 10 tagħha, intitolat “Awtorizzazzjoni għall-iskambju internazzjonali ta’ data”:

“1.      Il-Ministru Federali għas-Sigurtà Soċjali, għall-Ġenerazzjonijiet u għall-Protezzjoni tal-Konsumatur għandu jikkomunika lill-awtoritajiet previsti mit-trattati internazzjonali, fit-termini stabbiliti, informazzjoni dwar il-prodotti perikolużi kif ukoll il-miżuri msemmija fl-Artikoli 11, 15 u 16. Dan japplika b’mod partikolari għall-proċeduri ta’ notifika konformement mal-Artikoli 11 u 12 tad-Direttiva [2001/95] u mal-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament [Nru 765/2008].

[…]”

25      L-Allgemeines Verwaltungsverfahrensgesetz 1991 (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċeduri Amministrattivi tal‑1991) (BGBl. 51/1991), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ fil-mument li fih seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. I 58/2018) (iktar ’il quddiem il-“AVG”), tipprevedi, fl-Artikolu 8 tagħha, intitolat “Partijiet ikkonċernati, parti”:

“Il-persuni li jirrikorru għal awtorità amministrattiva taġixxi li huma kkonċernati mill-azzjoni ta’ tali awtorità għandhom il-kwalità ta’ partijiet ikkonċernati u, sa fejn huma jiġġustifikaw dan abbażi ta’ dritt jew interess ġuridiku, għandhom il-kwalità ta’ parti.”

26      L-Artikolu 17 tal-AVG, intitolat “Aċċess għall-fajl”, jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Bla ħsara għal dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji, il-partijiet jistgħu jinformaw lill-awtorità amministrattiva tal-fajl dwar il-każ tagħhom u jistgħu, fuq il-post, jagħmlu huma stess kopji tal-fajl kollu jew ta’ parti minnu jew jitolbu li jsiru kopji sħaħ jew parzjali bi spejjeż tagħhom. F’każ li l-awtorità amministrattiva inkarigata mill-każ iżżomm il-fajl f’forma elettronika, l-aċċess għall-fajl jista’, fuq talba, jingħata lill-parti fi kwalunkwe forma teknikament possibbli.”

 Ilkawża prinċipali u ddomandi preliminari

27      Waqt azzjoni ta’ sorveljanza tas-suq imwettqa mil-LPD, konformement mal-Artikolu 27(1) tal-PyroTG, għand distributur ta’ oġġetti pirotekniċi, ġie kkonstatat li l-immaniġġar ta’ ċerti oġġetti pirotekniċi fl-istokk ta’ dan id-distributur kien jinvolvi riskji għall-utenti. Sussegwentement, il-LPD ħareġ, fir-rigward tal-imsemmi distributur, deċiżjoni li tipprojbixxi l-bejgħ tal-prodotti pirotekniċi kkonċernati u ordna s-sejħa lura tagħhom konformement mal-punt 3 tal-Artikolu 27a(1) tal-PyroTG. Barra minn hekk, il-LPD bagħat lill-Kummissjoni Ewropea, permezz tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali RAPEX, tliet notifiki relatati mal-imsemmija prodotti (iktar ’il quddiem in-“notifiki kkonċernati”).

28      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Funke, kumpannija stabbilita fil-Polonja, timporta l-prodotti msemmija fin-notifiki kkonċernati.

29      Bi tweġiba għal talba għal informazzjoni ta’ Funke, il-LPD għarraf lil din tal-aħħar bil-passi meħuda fir-rigward ta’ distributur fir-rigward tal-prodotti pirotekniċi msemmija.

30      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ April 2020, Funke bagħtet lil LPD talba intiża sabiex in-notifiki kkonċernati jiġu kkompletati biż-żieda tan-numri ta’ lott tal-prodotti inkwistjoni kif ukoll talba għal aċċess, bis-saħħa tal-Artikolu 17 tal-AVG, għad-dokumenti tal-proċedura ta’ notifika lill-Kummissjoni fil-kuntest tar-RAPEX u, b’mod partikolari, għall-evalwazzjoni tal-livell ta’ riskju tal-imsemmija prodotti.

31      Permezz ta’ deċiżjoni tad‑29 ta’ Ġunju 2020, il-LPD ċaħad it-talba għal aċċess ta’ Funke bħala inammissibbli u t-talba tagħha sabiex in-notifiki kkonċernati jiġu kkompletati bħala infondata.

32      Il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna, l-Awstrija) ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Funke kontra din id-deċiżjoni. Din il-qorti ddeċidiet li notifika lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX taqa’ taħt il-kategorija ta’ atti materjali u b’hekk hija distinta minn att amministrattiv (deċiżjoni). Hija kkunsidrat ukoll li l-protezzjoni ġudizzjarja meħtieġa fil-premessa 37 tad-Direttiva 2001/95 hija ggarantita, bħala prinċipju, mill-possibbiltà li l-atti amministrattivi li fuqhom hija bbażata l-proċedura ta’ notifika permezz tar-RAPEX jiġu kkontestati quddiem il-qrati amministrattivi.

33      Barra minn hekk, l-imsemmija qorti qieset, essenzjalment, li la d-dritt Awstrijak u lanqas il-Linji Gwida RAPEX ma jippermettu li jiġi dedott li operatur ekonomiku, bħal Funke, għandu d-dritt li jressaq talba intiża sabiex notifika permezz tar-RAPEX tiġi kkompletata u mid-dritt ta’ aċċess għal dokumenti relatati ma’ din il-proċedura, b’tali mod li t-talbiet imressqa minn Funke quddiem il-LPD ma kellhomx bażi legali u kienu, għalhekk, inammissibbli.

34      L-appell ippreżentat minn Funke kontra din is-sentenza quddiem il-Verfassungsgerichtshof (il-Qorti Kostituzzjonali, l-Awstrija) ġie miċħud minn din tal-aħħar u ġie mibgħut lura quddiem il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva, l-Awstrija).

35      Sussegwentement, Funke adixxiet lill-qorti tar-rinviju b’appell għal reviżjoni mis-sentenza tal-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna). Fil-fehma tagħha, huwa determinanti, għall-finijiet tal-eżami ta’ dan l-appell, jekk, fl-assenza ta’ dispożizzjoni tad-dritt Awstrijak, id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jagħtux direttament lil Funke d-dritt li tikkompleta n-notifiki kkonċernati. Minn tali dritt jiddependi wkoll id-dritt ta’ aċċess ta’ Funke għad-dokumenti mitluba minn din tal-aħħar.

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgerichtshof (il-Qorti Amministrattiva) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“–      id-Direttiva [2001/95 kif ukoll], b’mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu u l-Anness II tagħha,

–        ir-Regolament [Nru 765/2008], b’mod partikolari l-Artikoli 20 u 22 tiegħu, kif ukoll

–        id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni [2019/417], għandhom jiġu interpretati fis-sens

1.      li d-dritt ta’ operatur ekonomiku sabiex jikkompleta notifika tar-RAPEX jirriżulta direttament minn dawn id-dispożizzjonijiet?

2.      li d-deċiżjoni dwar tali talba’ taqa’ taħt il-kompetenza tal-Kummissjoni […]?

jew

3.      li d-deċiżjoni dwar tali talba taqa’ taħt il-kompetenza tal-awtorità tal-Istat Membru kkonċernat?

(f’każ ta’ risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda)

4.      il-protezzjoni ġudizzjarja (nazzjonali) kontra tali deċiżjoni hija suffiċjenti meta tingħata mhux lil kulħadd, iżda unikament lill-operatur ekonomiku kkonċernat mill-miżura (obbligatorja), kontra l-miżura (obbligatorja) meħuda mill-awtorità?”

 Fuq iddomandi preliminari

 Fuq lewwel sattielet domanda

37      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 20 u 22 tar-Regolament Nru 765/2008, l-Artikolu 12 u l-Anness II tad-Direttiva 2001/95 kif ukoll il-Linji Gwida RAPEX (iktar ’il quddiem ir-“regoli applikabbli għar-RAPEX”) għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lil operatur ekonomiku li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minn notifika magħmula minn Stat Membru lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’din in-notifika, id-dritt li jitlob li l-imsemmija notifika tiġi kkompletata u, fl-affermattiv, jekk l-eżami ta’ din it-talba jaqax taħt il-kompetenza tal-Istat Membru ta’ din in-notifika jew taħt dik tal-Kummissjoni.

38      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li t-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-oġġetti pirotekniċi fis-suq kien, skont id-Direttiva 2013/29, is-suġġett ta’ armonizzazzjoni speċifika fil-livell tal-Unjoni. B’mod iktar konkret, l-Artikolu 39 ta’ din id-direttiva jippreċiża l-proċedura applikabbli għal prodotti li jippreżentaw riskju fuq livell nazzjonali. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 38(2) tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 15(3) u l-Artikoli 16 sa 29 tar-Regolament Nru 765/2008 japplikaw ukoll għal oġġetti pirotekniċi.

39      Konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 765/2008, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-prodotti li jippreżentaw riskju serju li jeħtieġu intervent rapidu jissejħu lura jew jiġu rtirati, jew ikunu suġġetti għal restrizzjonijiet li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni tagħhom fis-suq tagħhom. Mill-Artikolu 21(2) ta’ dan ir-regolament jirriżulta li tali miżuri jistgħu jiġu kkontestati bis-saħħa tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat.

40      Skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, meta Stat Membru jieħu jew ikun beħsiebu jieħu l-miżuri msemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament u jikkunsidra li r-raġunijiet jew l-effetti ta’ dawn il-miżuri jmorru lil hinn mill-fruntieri tat-territorju tiegħu, huwa għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni tal-imsemmija miżuri permezz tar-RAPEX.

41      Konformement mal-Artikolu 22(4) tar-Regolament Nru 765/2008, l-Artikolu 12(2) sa (4) tad-Direttiva 2001/95 japplika mutatis mutandis għan-notifiki magħmula lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament.

42      Fir-rigward tar-RAPEX, għandu jiġi ppreċiżat li l-funzjonament tiegħu huwa rregolat, kif jirriżulta mill-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2001/95, mill-Anness II tagħha. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-punt 8 tal-Anness II ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni għandha tfassal u taġġorna regolarment linji gwida dwar il-ġestjoni tar-RAPEX mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri. Dawn il-Linji Gwida RAPEX jinsabu fl-anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417.

43      Kif huwa indikat fl-Anness II tad-Direttiva 2001/95, u b’mod partikolari fil-punt 2 ta’ dan l-anness, ir-RAPEX hija sistema li essenzjalment għandha l-għan li twettaq skambju rapidu ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-preżenza ta’ riskju gravi.

44      Mill-premessa 27 tad-Direttiva 2001/95, mill-premessa 30 tar-Regolament Nru 765/2008 u mill-punt 1.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX jirriżulta li r-RAPEX għandha rwol importanti fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti u tikkomplementa miżuri oħra meħuda fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà tal-prodotti fl-Unjoni.

45      Barra minn hekk, mill-premessi 11 sa 13 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417 u mill-punt 1.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX jirriżulta li d-data tar-RAPEX tikkontribwixxi b’mod partikolari, minn naħa, għall-prevenzjoni u għar-restrizzjoni tal-provvista ta’ prodotti mhux tal-ikel li jippreżentaw riskju serju għas-saħħa u għas-sigurtà kif ukoll, jekk ikun il-każ, għal interessi pubbliċi rilevanti oħra, u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti tar-rekwiżiti tal-Unjoni fil-qasam tas-sigurtà tal-prodotti kif ukoll, għaldaqstant, għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku.

46      F’dak li jirrigwarda notifika skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali, fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-RAPEX hija mibnija fuq tliet fażijiet. L-ewwel, meta l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 jiġu ssodisfatti, u b’mod partikolari meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkunu adottaw miżuri restrittivi msemmija fl-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, l-imsemmija awtoritajiet jinnotifikaw dawn il-miżuri lill-Kummissjoni permezz tal-punt ta’ kuntatt nazzjonali RAPEX (il-fażi ta’ notifika). It-tieni, il-Kummissjoni tivverifika din in-notifika, imbagħad tibgħatha lill-Istati Membri billi tittrażmetti, barra minn hekk, permezz tas-sit internet RAPEX sommarju tagħha (il-fażi ta’ validazzjoni u ta’ trażmissjoni). It-tielet, l-Istati Membri għandhom jeżaminaw, malli jirċievu notifika permezz tar-RAPEX, l-informazzjoni pprovduta u jieħdu l-miżuri xierqa, li jinnotifikaw ukoll lill-Kummissjoni (il-fażi ta’ segwitu).

47      Mir-regoli applikabbli għar-RAPEX, u b’mod partikolari mil-Linji Gwida RAPEX, li, skont il-punt 2 tal-Parti I tiegħu, huma indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jirriżulta li l-Istat Membru ta’ notifika għandu rwol ċentrali fil-kuntest ta’ din il-proċedura, kemm fuq livell proċedurali kif ukoll fuq il-livell sostantiv.

48      Fl-ewwel lok, minbarra l-ħolqien ta’ notifika skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 u t-trażmissjoni tagħha lill-Kummissjoni (ara, b’mod partikolari, il-punti 3.3.1., 3.4.1.1. u 3.4.2. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX), dan l-Istat Membru huwa obbligat li jinforma lill-Kummissjoni dwar kull żvilupp li jeħtieġ li tiġi emendata notifika trażmessa fil-kuntest tar-RAPEX (il-punt 3.2.3. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX). Barra minn hekk, il-Kummissjoni tista’ tirtira notifika li tkun intbagħtitilha permezz tar-RAPEX biss fuq talba tal-Istat Membru ta’ notifika (il-punt 3.4.7.1.2. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX). L-istess japplika fir-rigward tat-tneħħija provviżorja tal-informazzjoni trażmessa permezz tas-sit internet RAPEX (il-punt 3.4.7.2.2. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX).

49      Fit-tieni lok, man-notifika lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX, l-Istat Membru ta’ notifika għandu jagħti l-informazzjoni kollha disponibbli, inkluża, b’mod partikolari, l-informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat il-prodott ikkonċernat minn din in-notifika, kif jirriżulta mill-Artikolu 22(3) tar-Regolament Nru 765/2008, mill-punt 3 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95 u mill-punt 3.2.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX.

50      Fit-tielet lok, konformement mal-punt 5.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, kull Stat Membru huwa obbligat li jistabbilixxi punt uniku ta’ kuntatt tar-RAPEX, inkarigat mill-funzjonament tar-RAPEX fil-livell nazzjonali. Mill-punti 3.2.4. u 5.1.2.(e) tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX jirriżulta li dan il-punt ta’ kuntatt nazzjonali jivverifika u jivvalida l-kompletezza tal-informazzjoni irċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel ma tintbagħat notifika lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX.

51      Fir-raba’ lok, mir-regoli applikabbli għar-RAPEX, b’mod partikolari mill-punt 10 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95 u mill-punt 3.2.4. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, jirriżulta li r-responsabbiltà fir-rigward tal-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni hija tal-Istat Membru ta’ notifika. Għalhekk, il-Linji Gwida RAPEX jirrikjedu li l-Istat Membru ta’ notifika jiżgura l-preċiżjoni tad-data kollha trażmessa permezz tar-RAPEX, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni ma’ prodotti simili tal-istess kategorija jew tal-istess tip disponibbli fis-suq tal-Unjoni (ara l-punt 3.2.4. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX).

52      Il-Kummissjoni hija obbligata, min-naħa tagħha, tipproċedi, fl-iqsar żmien possibbli, għal verifika ta’ kull notifika sabiex tiżgura li din hija eżatta u kompleta, tivvalida n-notifiki meqjusa eżatti u kompleti u tittrażmettihom permezz tar-RAPEX lill-Istati Membri, kif jirriżulta mill-punt 5 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95 kif ukoll mill-punti 3.4.3. u 3.4.4. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-punt 3.4.5.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, il-Kummissjoni għandha tqiegħed online, fis-sit internet RAPEX, sommarju tan-notifiki l-ġodda.

53      Skont il-punt 3.2.4. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, kull azzjoni tal-Kummissjoni, bħall-validazzjoni u t-trażmissjoni tan-notifiki permezz tar-RAPEX u l-pubblikazzjoni tagħhom fis-sit internet RAPEX, ma timplikax li din l-istituzzjoni tassumi xi responsabbiltà f’dak li jirrigwarda l-informazzjoni trażmessa. Kif diġà ssemma fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, mill-punti 3.4.7.1.2. u 3.4.7.2.2. tal-Parti II ta’ dawn il-linji gwida jirriżulta, b’mod partikolari, li, fid-dawl tar-responsabbiltà sħiħa tal-Istat Membru ta’ notifika, il-Kummissjoni tista’ tirtira notifika b’mod definittiv jew provviżorju biss fuq talba ta’ dan l-Istat Membru.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li, kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukata Ġenerali, fil-punti 39 sa 42 tal-konklużjonijiet tagħha, minkejja li r-regoli applikabbli għar-RAPEX jattribwixxu lill-Kummissjoni l-oneru li tivverifika n-notifiki trażmessi mill-Istat Membru ta’ notifika sabiex tiżgura ruħha li huma eżatti u kompleti, dan il-kontroll ma jissostitwixxix l-obbligu, impost fuq dan l-Istat Membru, li jiżgura l-eżattezza u l-kompletezza ta’ notifika mwettqa permezz tar-RAPEX.

55      Għaldaqstant, minn qari flimkien tal-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95 u tal-Linji Gwida RAPEX jirriżulta li l-imsemmi Stat Membru jibqa’ responsabbli għad-data nnotifikata, sakemm in-notifika dwar ċerti prodotti tibqa’ preżenti fir-RAPEX, u li huwa għandu jinforma lill-Kummissjoni b’kull żvilupp li jeħtieġ il-modifika ta’ din in-notifika.

56      Huwa f’dan il-kuntest li jaqgħu l-ewwel sat-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

57      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li jirriżulta b’mod espliċitu mill-punt 3.3.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX li l-operaturi ekonomiċi ma jipparteċipawx direttament fit-trażmissjoni tan-notifiki fil-kuntest tar-RAPEX. F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li, konformement kemm mal-punt 12 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2013/29 kif ukoll mal-punt 7 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 765/2008, l-importatur tal-prodotti kkonċernati jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “operatur ekonomiku”.

58      Barra minn hekk, l-obbligu tal-operaturi ekonomiċi, konformement mal-punt 3.3.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, li jinformaw immedjatament lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li fihom jiġi ddistribwit prodott li jippreżenta riskju, jew ukoll il-possibbiltà tagħhom li jressqu għall-attenzjoni tal-Kummissjoni, bħala terz, elementi li jippermettu li jiġi konkluż li hemm dubji serji dwar ir-riskji ppreżentati minn prodott notifikat, konformement mal-punt 3.4.3.5. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, lanqas ma jagħtihom l-istatus ta’ parti fil-proċedura ta’ notifika permezz tar-RAPEX.

59      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, kif ġie rrilevat fil-punti 47 sa 55 ta’ din is-sentenza, ir-regoli applikabbli għar-RAPEX jimponu fuq l-Istat Membru ta’ notifika numru ta’ obbligi li jikkonċernaw il-kontenut ta’ notifika magħmula minn dan l-Istat Membru skont l-imsemmi Artikolu 22 permezz tar-RAPEX, fosthom dik li tindika d-data li tippermetti li jiġi identifikat il-prodott innotifikat.

60      Skont il-formola ta’ notifika prevista fil-Linji Gwida RAPEX, ċerta informazzjoni dwar il-prodott, inkluż it-tip/in-numru tal-mudell, in-numru tal-lott/barcode u d-deskrizzjoni tal-prodott u tal-ippakkjar tiegħu, huma indikati bħala oqsma obbligatorji, li jfisser li dawn tal-aħħar, bħala prinċipju, għandhom jimtlew (ara l-Anness 1 tal-Parti III tal-Linji Gwida RAPEX).

61      Kif jirriżulta mill-punt 3.2.1(a) tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, id-deskrizzjoni ddettaljata u preċiża tal-prodott hija essenzjali għas-sorveljanza tas-suq u għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni, peress li din tippermetti lill-awtoritajiet nazzjonali jidentifikaw il-prodott innotifikat, jiddistingwuh minn prodotti oħra disponibbli fis-suq li jaqgħu taħt tip jew kategorija identika jew simili kif ukoll li jillokalizzawh fis-suq u jieħdu miżuri xierqa.

62      Għal dan l-għan, kif enfasizzat fil-Linji Gwida RAPEX, in-notifiki mibgħuta lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX għandhom ikunu kompleti kemm jista’ jkun u t-taqsimiet kollha tal-formola ta’ notifika għandhom jimtlew bid-data ad hoc. Meta din id-data ma tkunx disponibbli fid-data li fiha tintbagħat in-notifika, din għandha tiġi indikata u spjegata b’mod ċar u, ladarba din l-informazzjoni tkun disponibbli, l-Istat Membru ta’ notifika għandu jaġġorna n-notifika (ara l-punt 3.2.2. tal-Parti II, tal-Linji Gwida RAPEX).

63      Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-punt 3.2.3. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, l-Istat Membru ta’ notifika huwa obbligat li jinforma lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe żvilupp li jeħtieġ tibdil fin-notifika trażmessa permezz tar-RAPEX.

64      Għaldaqstant, kif tenfasizza, essenzjalment, il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-regoli applikabbli għar-RAPEX jimponu fuq l-Istat Membru ta’ notifika l-obbligu li jiżgura t-trażmissjoni ta’ data eżatta u kemm jista’ jkun kompleta, u b’hekk jippermetti l-identifikazzjoni tal-prodotti kkonċernati minn notifika magħmula fil-kuntest tar-RAPEX, u, jekk dan ma jkunx il-każ, li jikkoreġi din id-data jew li jikkompletaha, sabiex l-għanijiet imfittxija, fosthom il-kontroll effettiv tas-sigurtà tal-prodotti, ikunu jistgħu jintlaħqu.

65      Fir-rigward tal-oġġetti pirotekniċi, għandu jiġi ppreċiżat li d-deskrizzjoni ddettaljata u preċiża ta’ dawn l-oġġetti, meta dawn ikunu s-suġġett ta’ notifika lill-Kummissjoni permezz tar-RAPEX, hija wkoll essenzjali sabiex ikunu jistgħu jiġu distinti minn dawk li huma konformi mar-rekwiżiti previsti mid-Direttiva 2013/29 u li, għalhekk, għandhom ikunu jistgħu jiċċirkolaw liberament fis-suq intern.

66      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li deskrizzjoni tal-oġġetti pirotekniċi msemmija f’notifika trażmessa permezz tar-RAPEX, li l-kontenut tagħha ma jkunx konformi mar-regoli applikabbli għal din is-sistema, tista’ tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet ekonomiċi relatati ma’ dawn l-oġġetti minn operatur ekonomiku, bħall-importatur tal-imsemmija artikoli, u dan, jekk ikun il-każ, lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tintlaħaq il-protezzjoni tal-interessi pubbliċi previsti mid-Direttiva 2013/29, bħall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tas-sigurtà tal-pubbliku jew il-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumaturi.

67      Fil-fatt, minkejja li t-trażmissjoni mill-Kummissjoni lill-Istati Membri l-oħra ta’ notifika magħmula fil-kuntest tar-RAPEX minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 ma taffettwax direttament it-tqegħid għad-dispożizzjoni fis-suq tal-prodotti koperti u għalhekk ma għandhiex effetti vinkolanti diretti fuq operatur ekonomiku bħal importatur tal-prodotti kkonċernati, tali effetti jirriżultaw jew mill-miżuri meħuda jew previsti mill-Istat Membru ta’ notifika konformement mal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 765/2008, jew miżuri ta’ prevenzjoni jew ta’ restrizzjoni deċiżi mill-Istati Membri l-oħra b’reazzjoni għal notifika magħmula permezz tar-RAPEX, għandu jiġi mfakkar li, konformement mal-punt 3.4.5.1. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, sommarju ta’ kull notifika ġdida għandu jiġi trażmess fis-sit internet RAPEX. Din il-pubblikazzjoni, intiża għall-pubbliku, tal-informazzjoni ewlenija dwar il-prodotti kkonċernati, fosthom dik dwar it-tip/in-numru tal-mudell, in-numru tal-lott/barcode, id-deskrizzjoni tal-prodott u tal-ippakkjar tiegħu, tista’ tiddisswadi lid-distributuri milli jbigħu dawn il-prodotti kif ukoll lill-konsumaturi finali milli jixtruhom.

68      Barra minn hekk, konformement mal-punt 6 tal-Anness II tad-Direttiva 2001/95 u mal-punt 3.4.6. tal-Parti II tal-Linji Gwida RAPEX, l-Istati Membri destinatarji tan-notifiki trażmessi permezz tar-RAPEX huma obbligati li jiżguraw is-segwitu xieraq tagħhom, bl-użu ta’ ċerti tekniki, bħall-kontrolli fis-suq, il-kooperazzjoni mal-assoċjazzjonijiet professjonali u trażmissjoni tad-data tar-RAPEX lill-konsumaturi u lill-impriżi. Dawn il-miżuri b’hekk isaħħu l-effetti dissważivi li jirriżultaw mill-pubblikazzjoni tas-sommarji tan-notifiki l-ġodda fis-sit internet RAPEX.

69      Minn dan isegwi li l-operaturi ekonomiċi li tassew iwettqu l-attivitajiet tagħhom fir-rigward ta’ prodotti koperti minn notifika trażmessa permezz tar-RAPEX, bħall-importaturi ta’ dawn il-prodotti, jistgħu jkunu leżi minn notifika li tkun inkorretta jew mhux kompleta bis-saħħa tar-regoli applikabbli għar-RAPEX li jirregolaw l-identifikazzjoni tal-prodotti notifikati.

70      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-regoli applikabbli għar-RAPEX li jimponu fuq l-Istat Membru ta’ notifika l-obbligu li jiżgura li notifika magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 tkun eżatta u kemm jista’ jkun kompleta, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda d-data meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-prodotti koperti, u, jekk ikun il-każ, dik li jikkoreġuha jew jikkompletawha, huma suffiċjentement ċari u preċiżi sabiex l-operaturi ekonomiċi li jistgħu jiġu leżi min-natura inkompleta ta’ notifika trażmessa permezz tar-RAPEX li tirriżulta mill-identifikazzjoni insuffiċjenti tal-prodotti msemmija fiha, bħal importatur ta’ dawn il-prodotti, ikollhom id-dritt li jeżiġu l-osservanza tagħhom.

71      Kif jirriżulta mill-punti 47 sa 55 ta’ din is-sentenza, huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ notifika, li għandu rwol ċentrali fil-kuntest tal-proċedura RAPEX u jibqa’ responsabbli għad-data nnotifikata sakemm in-notifika dwar ċerti prodotti tibqa’ preżenti fir-RAPEX, li għandhom jeżaminaw kull talba indirizzata għal dan l-għan mill-imsemmija operaturi ekonomiċi.

72      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li r-regoli applikabbli għar-RAPEX għandhom jiġu interpretati fis-sens li jagħtu lil operatur ekonomiku li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minn notifika minn Stat Membru lill-Kummissjoni magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’din in-notifika, id-dritt li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ notifika li l-imsemmija notifika tiġi kkompletata.

 Fuq irraba’ domanda

73      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-regoli applikabbli għar-RAPEX, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jimponu li tingħata protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-Istat Membru ta’ notifika, lil operatur ekonomiku, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’notifika magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, li ma huwiex destinatarju tal-miżura li wasslet għal din in-notifika u li jqis li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minħabba n-natura inkompleta tal-imsemmija notifika.

74      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel sat-tielet domanda, bis-saħħa tar-regoli applikabbli għar-RAPEX, l-operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu leżi min-natura inkompleta ta’ notifika magħmula minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 u trażmessa permezz tar-RAPEX, li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-identifikazzjoni insuffiċjenti tal-prodotti msemmija fiha, bħal importatur ta’ dawn il-prodotti, għandhom id-dritt li jeżiġu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ notifika li l-obbligi imposti f’dan ir-rigward fuq dan l-Istat Membru jiġu osservati u għalhekk jisiltu, għal dan l-għan, drittijiet tad-dritt tal-Unjoni.

75      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri huma obbligati, meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, li jiżguraw ir-rispett tad-dritt għal rimedju effettiv stabbilit fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Frar 2022, Bezirkshauptmannschaft Hartberg-Fürstenfeld (Terminu ta’ preskrizzjoni), C‑219/20, EU:C:2022:89, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      Issa, peress li l-proċedura ta’ notifika permezz tar-RAPEX hija rregolata mid-dritt tal-Unjoni, notifika magħmula minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 tikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, li twassal għall-applikabbiltà tal-Artikolu 47 tal-Karta (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2021, Gavanozov II, C‑852/19, EU:C:2021:902, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Minn dan isegwi li l-operaturi ekonomiċi li jistgħu jkunu leżi min-natura inkompleta ta’ notifika magħmula minn Stat Membru skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 u trażmessa permezz tar-RAPEX, li tirriżulta mill-identifikazzjoni insuffiċjenti tal-prodotti msemmija fiha, bħal importatur ta’ dawn il-prodotti, għandhom ikunu f’pożizzjoni, mhux biss li jikkontestaw tali notifika quddiem l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-imsemmi Stat Membru iżda wkoll, jekk ikun il-każ, li jadixxu lill-qrati nazzjonali kompetenti, meta huma jqisu li r-regoli rilevanti tad-dritt tal-Unjoni ġew miksura.

78      Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru, bis-saħħa tal-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali ta’ dawn tal-aħħar, li għandu jirregola l-modalitajiet proċedurali tar-rikorsi intiżi sabiex jiżguraw il-ħarsien tad-drittijiet li l-individwi jgawdu taħt id-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2017, Online Games et, C‑685/15, EU:C:2017:452, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑15 ta’ Lulju 2021, FBF, C‑911/19, EU:C:2021:599, punti 62 u 63).

79      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li Funke kkontestat quddiem il-Verwaltungsgericht Wien (il-Qorti Amministrattiva ta’ Vjenna) id-deċiżjoni tal-LPD li tiċħad bħala infondata t-talba tagħha intiża sabiex in-notifiki kkonċernati jiġu kkompletati u li din il-qorti ċaħdet din it-talba, fl-assenza ta’ bażi legali għal tali talba, bħala inammissibbli.

80      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tinterpreta d-dritt Awstrijak b’tali mod li d-drittijiet imsemmija fil-punt 77 ta’ din is-sentenza jiġu żgurati.

81      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li r-regoli applikabbli għar-RAPEX, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur ekonomiku, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’notifika magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, li ma huwiex destinatarju tal-miżura li wasslet għal din in-notifika u li jqis li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minħabba n-natura inkompleta tal-imsemmija notifika, għandu jkollu rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru ta’ notifika sabiex jiġu osservati l-obbligi li dan l-Istat Membru għandu f’dan ir-rigward.

 Fuq lispejjeż

82      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il‑Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 20 u 22 tar-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti, u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 339/93, l-Artikolu 12 u l-Anness II tad-Direttiva 2001/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat3 ta’ Diċembru 2001 dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti, kif emendata bir-Regolament Nru 765/2008, kif ukoll l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/417 tat8 ta’ Novembru 2018 li tiffissa linji gwida għall-ġestjoni tas-Sistema ta’ Informazzjoni Rapida tal-Unjoni Ewropea “RAPEX” stabbilita skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2001/95/KE dwar is-sigurtà ġenerali tal-prodotti u s-sistema ta’ notifika tagħha

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

jagħtu lil operatur ekonomiku li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minn notifika magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008 minn Stat Membru lill-Kummissjoni, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’din in-notifika, id-dritt li jitlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ notifika li l-imsemmija notifika tiġi kkompletata.

2)      L-Artikoli 20 u 22 tar-Regolament Nru 765/2008, l-Artikolu 12 u l-Anness II tad-Direttiva 2001/95/KE, kif emendata bir-Regolament Nru 765/2008, kif ukoll l-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2019/417, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

operatur ekonomiku, bħal importatur tal-prodotti msemmija f’notifika magħmula skont l-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 765/2008, li ma huwiex destinatarju tal-miżura li wasslet għal din in-notifika u li jqis li l-interessi tiegħu jistgħu jiġu leżi minħabba n-natura inkompleta tal-imsemmija notifika, għandu jkollu rimedju ġudizzjarju fl-Istat Membru ta’ notifika sabiex jiġu osservati l-obbligi li dan l-Istat Membru għandu f’dan ir-rigward.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.