Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (L-Irlanda) fis-26 ta’ Jannar 2024 – NE, MY, HJ, XF, WB, UV, VK, JU, RJ and DZ vs An Bord Pleanála, Minister for Housing, Local Government and Heritage, l-Irlanda u The Attorney General

(Kawża C-58/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

High Court (l-Irlanda)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: NE, MY, HJ, XF, WB, UV, VK, JU, RJ u DZ

Konvenuti: An Bord Pleanála, Minister for Housing, Local Government and Heritage, l-Irlanda u The Attorney General

Fil-preżenza ta’: Drumakilla Limited

Domandi preliminari

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 moqri fi-dawl tal-prinċipju ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandu l-effett li, f’każ fejn proġett jaqa’ fit-tifsira tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92 is-suġġett ta’ applikazzjoni għall-kunsens għall-iżvilupp (il-“kunsens primarju”) ma jistax jitwettaq mingħajr ma l-iżviluppatur l-ewwel jikseb permess ieħor (il-“kunsens sekondarju”), u fejn l-awtorità kompetenti biex tagħti l-kunsens primarju għal proġett bħal dan iżżomm il-fakultà li tevalwa l-impatt ambjentali tal-proġett b’mod iktar strett milli sar fil-kunsens sekondarju, tali kunsens sekondarju (jekk jingħata qabel il-kunsens primarju) għandu jiġi ttrattat bħala li jifforma parti mill-proċedura ta’ kunsens għall-iżvilupp għal finijiet oħra għajr fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwistjonijiet li għandhom jiġu kkunsidrati jew evalwati skont id-Direttiva 2011/92, jew b’mod ġenerali jew fejn il-kunsens sekondarju huwa deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43 u li jawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli għall-protezzjoni tal-ispeċi sabiex iwettaq il-proġett?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92 moqri fi-dawl tal-prinċipju ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, għandu l-effett li r-regoli nazzjonali dwar id-data li fiha jibda jiddekorri ż-żmien sabiex tiġi kkontestata l-validità ta’ deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġ 1 (il-“kunsens sekondarju”) għandhom jiġu interpretati b’tali mod li jipprekludu dak iż-żmien milli jibda jiddekorri qabel id-data tal-adozzjoni tal-kunsens tal-iżvilupp ikkonċernat (il-“kunsens primarju”), jew b’mod ġenerali jew f’każ fejn: (i) il-proġett kien suġġett għall-eżami każ b’każ previst mill-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2011/92, u/jew (ii) id-determinazzjoni skont l-Artikolu 4(5) għall-finijiet tal-kunsens primarju saret wara li ngħata l-kunsens sekondarju u kontemporanjament mad-deċiżjoni dwar il-kunsens primarju, u/jew (iii) il-proċedura li tikkontestaw il-validità tal-kunsens sekondarju ma fihom ebda raġuni li tikkontesta l-kunsens primarju rilevanti b’riferiment għall-invalidità affermata tal-kunsens sekondarju, u/jew (iv) l-applikant jonqos milli japplika għal estensjoni taż-żmien biex titressaq il-kontestazzjoni għall-kunsens sekondarju, liema applikazzjoni hija meħtieġa mid-dritt intern għal kontestazzjoni tardiva fl-assenza ta’ xi regola tad-dritt tal-Unjoni Ewropea li tindika l-kuntrarju?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, id-Direttiva 2011/92 għandha tinqara fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u/jew il-prinċipju ta’ aċċess wiesa’ għall-ġustizzja skont l-Artikolu 9(2) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus għandha l-effett li terminu previst mid-dritt intern ta’ Stat Membru sabiex tinbeda proċedura biex jiġi stabbilit dritt skont dik id-direttiva, għandu jkun raġonevolment prevedibbli, iżda ma għandux għalfejn jiġi speċifikat espressament fil-leġiżlazzjoni skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2011/92 u/jew fl-informazzjoni prattika mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku dwar l-aċċess għal proċedura ta’ stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju skont l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2011/92 u/jew determinata b’mod definittiv b’ċertezza mill-ġurisprudenza domestika, b’tali mod li r-risposta għat-tieni domanda ma tiġix affettwata minn dispożizzjoni li tkun magħmula fid-dritt intern ta’ Stat Membru għal limitu ta’ żmien prevedibbli ta’ natura ġenerali li japplika għal azzjonijiet ta’ dritt pubbliku b’mod ġenerali inkluż għal ftuħ ta’ proċedura li tikkontesta deċiżjoni adottata skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43 u li jawtorizza żviluppatur biex jidderoga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi applikabbli sabiex iwettaq il-proġett, għalkemm dan huwa impliċitu iktar milli espliċitu fid-dritt intern kkonċernat?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jew ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv jew ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43 għandu l-effett li awtorità kompetenti ma tistax tikkonkludi li ma hemmx “alternattiva sodisfaċenti” għal deċiżjoni li tawtorizza lil żviluppatur jidderoga mill-miżuri applikabbli għall-protezzjoni tal-ispeċi sabiex iwettaq proġett, fis-sens tal-Artikolu l(2)(a) tad-Direttiva 2011/92 sakemm l-awtorità kompetenti ma tikkunsidrax fil-fatt alternattivi bħal post jew disinn alternattiv, jew ir-rifjut tad-deroga?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jew ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv jew ir-risposta għat-tielet domanda hija fin-negattiv, l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43 għandu l-effett li l-awtorità kompetenti ma tistax tikkonkludi li huwa “fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali” li tagħti deċiżjoni li tawtorizza lil żviluppatur sabiex jidderoga mill-miżuri ta’ protezzjoni tal-ispeċi applikabbli sabiex iwettaq proġett fis-sens tal-Artikolu 1(2)(a) tad-Direttiva 2011/92 sakemm xi protezzjoni identifikata tinħoloq permezz tad-deroga nnifisha milli mill- miżuri ta’ mitigazzjoni adottati sabiex inaqqsu jew jikkumpensaw għall-ħsara kkaġunata mill-miżuri awtorizzati bid-deċiżjoni ta’ deroga?

____________

1 ĠU 2012, L 26, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2012, L 18, p. 7 u fil-ĠU 2015, L 174, p. 44.

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102.