Language of document : ECLI:EU:T:2011:158

Kawża T-28/10

Euro-Information – Européenne de traitement de l’information

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali EURO AUTOMATIC PAYMENT — Raġuni assoluta għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali — Bidla ta’ deċiżjoni tal-Uffiċċju — Evalwazzjoni fir-rigward tal-kompetenzi mogħtija lill-Bord tal-Appell

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott — Kriterji

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

3.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Eżami tal-motivi tar-rifjut fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti jew tas-servizzi previsti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni tar-rifjut ta reġistrazzjoni — Portata

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikoli 7(1) u 75)

4.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew f’indikazzjonijiet li jistgħu jintużaw sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 7(1)(c))

1.      Huwa inammissibbli kap tat-talbiet intiż sabiex il-Qorti Ġenerali tirriforma d-deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, billi tadotta d-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jieħu. L-istanzi tal-Uffiċċju kompetenti f’dan il-qasam ma jadottawx deċiżjonijiet formali li jikkonstataw ir-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja li tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors. Konsegwentement, il-Bord tal-Appell ma huwiex kompetenti sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex hija tirreġistra trade mark Komunitarja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas il-Qorti Ġenerali ma hija kompetenti li tieħu konjizzjoni ta’ talba intiża sabiex tbiddel deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell f’dan is-sens.

(ara l-punti 13, 14)

2.      Skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade marks li jikkonsistu esklużivament f’sinjali jew indikazzjonijiet li jintużaw fil-kummerċ sabiex jindikaw ix-xorta, il-kwalità, il-kwantità, l-użu intenzjonat, il-valur, l-oriġini ġeografika jew il-ħin ta’ produzzjoni tal-prodotti jew ta’ meta ingħata s-servizz, jew karatteristiċi oħrajn tal-prodotti jew servizzi. Dawn is-sinjali deskrittivi ma humiex adatti sabiex jaqdu l-funzjoni ta’ indikatur ta’ oriġini inerenti għat-trade marks. F’din il-perspettiva, is-sinjali u l-indikazzjonijiet imsemmija fl-imsemmi artikolu huma dawk li jistgħu jservu sabiex, fl-użu normali mill-pubbliku rilevanti, jindikaw direttament, jew b’riferiment għal waħda mill-karatteristiċi essenzjali, prodott jew servizz li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

Minn dak li ntqal isegwi li, sabiex sinjal jaqa’ taħt l-interdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009, huwa meħtieġ li jkollu rapport dirett u konkret biżżejjed mal-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni b’tali mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr ebda riflessjoni oħra, deskrizzjoni tal-prodotti u tas-servizzi inkwistjoni jew ta’ waħda mill-karatteristiċi tagħhom. B’hekk, il-karattru deskrittiv għandu jiġi evalwat, minn naħa, b’riferiment għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, b’riferiment għall-perċezzjoni tagħhom li għandu l-pubbliku rilevanti, li huwa kkostitwit mill-konsumaturi ta’ dawn il-prodotti jew servizzi.

Il-fatt li t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni jista’ jkollha tifsiriet oħra ma jostakolax l-applikazzjoni tar-raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009. Ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal verbali għandha tiġi rrifjutata jekk għall-inqas waħda mit-tifsiriet potenzjali tiegħu tindika karatteristika tal-prodotti jew tas-servizzi kkonċernati.

(ara l-punti 38-41, 50)

3.      Fir-rigward tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali li għandhom jiġu osservati waqt l-eżami ta’ applikazzjoni ta’ trade mark Komunitarja, f’dak li jikkonċerna l-obbligu ta’ motivazzjoni minn naħa, l-eżami tar-raġunijiet assoluti għal rifjut għandu jirrigwarda kull wieħed mill-prodotti jew mis-servizzi li għalihom intalbet ir-reġistrazzjoni tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni li biha l-awtorità kompetenti tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark għandha, fil-prinċipju, tkun motivata għal kull wieħed mill-imsemmija prodotti jew mill-imsemmija servizzi. Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni jirriżulta wkoll mir-rekwiżit essenzjali li kull deċiżjoni ta’ awtorità li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ dritt rikonoxxut mid-dritt Komunitarju għandha tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju intiż li jiżgura l-ħarsien effettiv ta’ dan id-dritt u li, minħabba f’hekk, għandu jirrigwarda l-legalità tal-motivi. Madankollu, meta l-istess raġuni għal rifjut titqajjem għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew ta’ servizzi, din l-awtorità tista’ sempliċement tagħti motivazzjoni globali għall-prodotti jew għas-servizzi kkonċernati kollha.

Madankollu, il-possibbiltà għall-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) li jagħti motivazzjoni globali dwar l-applikazzjoni ta’ raġuni assoluta għal rifjut għal kategorija jew għal grupp ta’ prodotti jew servizzi ma għandhiex tippreġudika l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni, skont l-Artikolu 253 KE u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 75 tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, li huwa li deċiżjoni li tirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv. Għalhekk, għandu jiġi rikjest li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jkollhom bejniethom rabta diretta u konkreta suffiċjenti, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenei biżżejjed sabiex l-Uffiċċju jkun jista’ jagħti tali motivazzjoni globali. Issa, is-sempliċi fatt li l-prodotti jew is-servizzi kkonċernati jaqgħu fl-istess klassi skont il-Ftehim ta’ Nice ma huwiex suffiċjenti għal dan il-għan, peress li dawn il-klassijiet ta’ spiss ikollhom varjetà kbira ta’ prodotti jew ta’ servizzi li mhux neċessarjament ikollhom rabta diretta u konkreta suffiċjenti bejniethom.

Fir-rigward tal-eżami ddettaljat ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, skont ir-Regolament Nru 207/2009, l-Uffiċċju għandu jeżamina l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja fir-rigward tal-prodotti u servizzi kollha li huma inklużi fil-lista kkonċernata, sakemm, meta din il-lista jkun fiha kategorija jew iktar ta’ prodotti u servizzi, l-Uffiċċju ma għandux l-obbligu li jwettaq analiżi ta’ kull prodott jew ta’ servizz f’kull kategorija, iżda għandu jagħmel eżami tal-kategorija inkwistjoni, fiha nnifisha.

Għaldaqstant, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ bażi dwar l-eżami ta’ applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-Uffiċċju ma jistax jipproċedi għal eżami globali, ta’ kull kategorija ta’ prodotti jew ta’ servizzi, ħlief meta l-prodotti jew servizzi kkonċernati jippreżentaw rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejniethom, tali li jifformaw kategorija jew grupp ta’ prodotti jew servizzi omoġenji biżżejjed.

(ara l-punti 54-57)

4.      Huwa deskrittiv tal-prodotti previsti fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, skont l-Artikolu 7(1)(c) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja, mill-perspettiva tal-konsumaturi anglofoni, kemm jekk huma professjonisti jew le, tal-Komunità, is-sinjal verbali EURO AUTOMATIC PAYMENT, li saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tiegħu fir-rigward ta’ prodotti u servizzi li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 9 u 36 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice.

Meta jara prodotti l-“kards tal-memorja (memory cards) jew b’mikroproċessur (microprocessor cards), kards manjetiċi, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ identifikazzjoni, kards manjetiċi jew b’mikroproċessur ta’ ħlas, ta’ kreditu jew ta’ debitu, u kards għal ħlas elettroniku” li jaqgħu fil-klassi 9 u ppreżenta karatteristiċi komuni, fosthom dik li tippermetti l-ħlas bl-Euro, il-pubbliku rilevanti jaħseb immedjatament u mingħajr l-ebda ħsieb li jinsab fil-preżenza ta’ kards li għandhom bħala għan it-twettiq ta’ ħlas awtomatiku bl-Euro.

Meta jara prodotti t-“tagħmir li jġorr id-data b’mod manjetiku, tagħmir li jġorr id-data b’mod ottiku, apparat għall-ipproċessar tal-informazzjoni, apparat ta’ interkomunikazzjoni, interfaces (informatiċi), scanners (informatiċi), software (programmi reġistrati), software għall-ġestjoni tal-kontijiet, monitors (programmi tal-kompjuter), kompjuters, tagħmir periferiku għall-kompjuters, programmi tal-kompjuter irreġistrati, programmi tas-sistemi operattivi rreġistrati (għal kompjuters), unitajiet ċentrali ta’ trattament (proċessuri), programmi u tagħmir informatiċi li jippermettu li jiġu offruti servizzi kompluti bankarji, ta’ kumpannija finanzjarja u ta’ assigurazzjoni għad-distanza, jiġifieri apparat u dispożittivi informatiċi, materjal informatiku għall-ħlas elettroniku, software għal tranżazzjonijiet ta’ ħlas elettroniku, strumenti elettriċi u elettroniċi għall-ġestjoni ta’ tranżazzjonijiet finanzjarji” li jaqgħu fil-klassi 9 u li jagħmlu parti mill-qasam tal-informatika, u l-“apparat radjotelefoniku, riċevituri (awdjo, vidjo), apparat telefoniku, mowbajls, mekkaniżmi għall-ħlas bil-quddiem għal apparat tat-televiżjoni, trażmettituri (telekomunikazzjoni)” li jaqgħu fil-klassi 9 u li jagħmlu parti mill-qasam tat-telekomunikazzjoni, il-pubbliku rilevanti, jaħseb immedjatament u mingħajr l-ebda ħsieb li jinsab fil-preżenza ta’ prodott, konness ma’ netwerk ta’ komunikazzjoni, li jinkorpora mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku li jippermettilu li jwettaq direttament il-ħlas bl-Euro, permezz tal-imsemmi netwerk.

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tal-“magni awtomatiċi ta’ ħlas” u tal-“magni awtomatiċi bankarji” li jaqgħu fil-klassi 9, fis-sens li tinforma l-pubbliku rilevanti dwar waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri li għandhom, jew li jista’ jkollhom, mekkaniżmu li jippermetti li jitwettqu l-ħlasijiet awtomatiċi bl-Euro.

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tad-“detekters tal-flus foloz”, tad-“distributuri awtomatiċi”, tal-“magni li jagħtu l-biljetti” u tal-“magni li jaqraw il-bar codes”, fis-sens li l-prodotti inkwistjoni jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku, jew jistgħu jiġu inkorporati f’tali mekkaniżmu.

It-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni kienet deskrittiva tal-użu intenzjonat tal-“magni li jagħtu l-biljetti” li jaqgħu fil-klassi 9. Fil-fatt, il-magni li jagħtu l-biljetti, jistgħu joffru sensiela wiesgħa ta’ funzjonalitajiet li jmorru lil hinn mis-sempliċi ġbid ta’ flus, bħat-twettiq ta’ ħlas jew ta’ ordnijiet ta’ ħlas, it-tqassim ta’ dikjarazzjonijiet tal-kontijiet. Għaldaqstant, il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi bħala deskrittivi l-indikazzjonijiet li jipprovdu li prodott jista’ jippermetti li jitwettaq ħlas awtomatiku bl-Euro, taħt il-kundizzjoni li din il-karatteristika tkun rilevanti fil-konfront tal-prodott ikkonċernat.

Il-pubbliku rilevanti jipperċepixxi t-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni bħala deskrittiva ta’ karatteristika essenzjali tal-“magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet, l-estratti ta’ kontijiet” li jaqgħu fil-klassi 9, jiġifieri dawk li jistgħu jinkorporaw mekkaniżmu ta’ ħlas awtomatiku bl-Euro. Fil-fatt, l-imsemmija prodotti, minn naħa, u l-“magni li jagħtu l-biljetti”, min-naħa l-oħra, jistgħu jingħaqdu f’magna waħda. Għaldaqstant, bl-istess mod ta’ dawn tal-aħħar, il-magni li jagħtu d-dikjarazzjonijiet ta’ kontijiet ikunu jistgħu joffru funzjonalitajiet oħrajn.

Fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-klassi 36, dawn huma kollha offerti, b’mod partikolari fl-oqsma bankarji, finanzjarji u tal-informatika, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji, u, barra minn hekk, l-imsemmija servizzi jimplikaw kollha t-twettiq ta’ operazzjoni ta’ ħlas, kemm fil-każ ta’ kard jew, jekk ikun il-każ, permezz ta’ mezz elettroniku. Mill-perspettiva tal-pubbliku rilevanti, teżisti rabta suffiċjentement diretta u konkreta bejn, minn naħa, is-sinjal verbali “EURO AUTOMATIC PAYMENT” u, min-naħa l-oħra, il-kwalità partikolari tat-totalità ta’ servizzi li jaqgħu fil-klassi 36 li tikkonsisti fil-fatt li dawn jistgħu jippermettu t-twettiq jew ir-riċeviment ta’ ħlas awtomatiku f’Euros, eventwalment b’mod elettroniku, li huwa marbut b’mod strett mal-kunċett ta’ awtomatiċità, fil-kuntest tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u finanzjarji li jaqgħu taħt il-qasam bankarju, finanzjarju u tal-informatika.

(ara l-punti 42, 62-64, 66, 71, 72, 76, 78, 79, 82, 83, 85, 88)