Language of document : ECLI:EU:T:2012:98

Kawżi T-29/10 u T-33/10

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi
u
ING Groep NV

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Settur finanzjarju — Għajnuna maħsuba sabiex jiġi rrimedjat taqlib serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru — Kontribuzzjoni ta’ kapital bl-għażla mogħtija lill-benefiċjarju tal-għajnuna bejn ir-rimbors jew il-konverżjoni tat-titoli — Tibdil tal-kundizzjonijiet tar-rimbors matul il-proċedura amministrattiva — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Vantaġġ — Kriterju ta’ investitur privat — Rabta neċessarja u proporzjonata bejn l-ammont tal-għajnuna u l-portata tal-miżuri maħsuba sabiex tiġi permessa l-kompatibbiltà tal-għajnuna”

Sommarju tas-sentenza

1.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat

(Artikolu 87(1) KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Natura legali — Interpretazzjoni bbażata fuq elementi oġġettivi — Stħarriġ ġudizzjarju — Portata

(Artikolu 87(1) KE)

3.      Dritt tal-Unjoni — Interpretazzjoni — Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni

1.      Sabiex jiġi identifikat “vantaġġ” fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE f’każ ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital, hemm lok li jiġi evalwat jekk, f’ċirkustanzi simili, investitur privat ta’ daqs paragunabbli ma’ dak ta’ awtorità pubblika kienx jista’ jasal li jagħti kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-istess ammont, fid-dawl b’mod partikolari tal-informazzjoni disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli meta saru l-imsemmija kontribuzzjonijiet. Sabiex jiġi eżaminat jekk l-Istat adottax jew le l-aġir ta’ investitur prudenti fl-ekonomija tas-suq, jeħtieġ li wieħed ipoġġi lilu nnifsu fil-kuntest taż-żmien li matulu kienu ttieħdu l-miżuri ta’ sostenn finanzjarju u għalhekk tiġi evitata kull evalwazzjoni li tkun ibbażata fuq sitwazzjoni sussegwenti.

Tali prinċipji japplikaw f’każ fejn, wara li jkun iddeċieda li jipparteċipa f’kontribuzzjoni ta’ kapital maħruġa minn impriża suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet ta’ rimbors, l-Istat jaċċetta li jemenda l-imsemmija kundizzjonijiet. F’tali ċirkustanzi, għajnuna mill-Istat setgħet ingħatat kemm waqt il-kontribuzzjoni ta’ kapital kif ukoll waqt l-emenda ta’ dawk il-kundizzjonijiet tar-rimbors.

Fir-rigward tal-analiżi mill-Kummissjoni tar-razzjonalità ekonomika tal-aġir tal-Istat, ma huwiex possibbli għall-Kummissjoni li tevita l-obbligu tagħha li teżamina r-razzjonalità ekonomika tal-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors fid-dawl tal-prinċipju ta’ investitur privat minħabba s-sempliċi raġuni li l-kontribuzzjoni ta’ kapital li kienet is-suġġett tar-rimbors kienet fiha nfisha diġà tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, huwa biss wara li jitwettaq tali eżami, liema eżami jippreżumi b’mod partikolari l-paragun tal-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali mal-kundizzjonijiet emendati, li l-Kummissjoni tkun tista’ tikkonkludi dwar jekk ingħatax vantaġġ addizzjonali fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-Kummissjoni hija obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, dawk li kienu jirriżultaw mill-kundizzjonijiet tar-rimbors inizjali u dawk li jirriżultaw mill-kundizzjonijiet emendati. F’dak il-kuntest, approċċ, li jillimita ruħu sabiex jikkonstata li l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors tal-kontribuzzjoni ta’ kapital kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat mingħajr ma tipproċedi preliminarjament bl-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-emenda mwettqa kinitx tagħti vantaġġ li investitur privat impoġġi fl-istess sitwazzjoni bħall-Istat ma kienx jagħti, ma jistax ikun suffiċjenti sabiex jikkaratterizza għajnuna fid-dawl tal-Artikolu 87(1) KE. Tali approċċ ma jistax iħalli barra totalment la l-għażla, u mhux id-dritt, tal-Istat li jiġi rrimborsat abbażi tal-kundizzjonijiet inizjali, u lanqas ir-razzjonalità ekonomika li tista’ tispjega l-emenda mwettqa.

Konsegwentement, il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ għajnuna billi naqset milli tevalwa jekk, billi aċċetta l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-Istat aġixxiex bħalma kien jaġixxi investitur privat f’sitwazzjoni simili, partikolarment minħabba l-fatt li l-Istat seta’ jiġi rrimborsat b’mod antiċipat u li kien jibbenefika f’din l-okkażjoni minn ċertezza ikbar li jiġi rremunerat b’mod sodisfaċenti fid-dawl tal-kundizzjonijiet tas-suq eżistenti f’dan il-mument.

(ara l-punti 97-99, 110, 111, 118, 125)

2.      Il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, huwa ta’ natura legali li għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tal-kawża ppreżentata quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet imressqa mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE. Madankollu, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 87(1) KE meta l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni jkunu ta’ natura teknika jew kumplessa. Madankollu hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.

Il-kwistjoni dwar jekk l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors ta’ kontribuzzjoni ta’ kapital tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat, sa fejn din tagħti vantaġġ lil benefiċjarju tagħha, taqa’, bħala prinċipju, taħt l-istħarriġ sħiħ tal-Qorti Ġenerali. Madankollu, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tkun tal-opinjoni li l-identifikazzjoni tal-għajnuna tkun tpoġġi f’dubju evalwazzjoni ekonomika kumplessa mwettqa mill-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, billi aċċetta l-emenda tal-kundizzjonijiet tar-rimbors, l-Istat ma aġixxiex kif kien jaġixxi investitur privat prudenti ta’ daqs paragunabbli, tali kwistjoni taqa’ taħt stħarriġ limitat.

Għalhekk, sabiex tiġi evalwata l-legalità ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ informazzjoni li kellha jew li seta’ jkollha l-Kummissjoni, fid-data li fiha hija adottatha. F’dan ir-rigward, jekk jirriżulta li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tiġi kontradetta jew impoġġija f’dubju minn elementi ta’ informazzjoni li ma kinitx taf bihom waqt il-proċedura amministrattiva, ikun hemm lok li jiġi vverifikat jekk tali elementi setgħux ikunu magħrufa u meħuda inkunsiderazzjoni minnha tempestivament u, jekk dak kien il-każ, jekk dawn l-elementi ta’ informazzjoni kellhomx normalment jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, tal-inqas bħala informazzjoni rilevanti sabiex jiġi applikat il-kriterju ta’ investitur privat.

(ara l-punti 100, 101, 105, 106)

3.      Id-dispożittiv ta’ att ma jistax jiġi sseparat mill-motivazzjoni tiegħu u għandu jiġi interpretat, jekk ikun neċessarju, fid-dawl tal-motivi li wasslu għall-adozzjoni tiegħu. Għalkemm huwa veru li d-dispożittiv ta’ deċiżjoni biss jista’ jipproduċi effetti legali, xorta jibqa’ l-fatt li l-evalwazzjonijiet magħmula fil-motivi ta’ deċiżjoni jistgħu jiġu suġġetti għall-istħarriġ tal-legalità mill-qorti tal-Unjoni sa fejn, bħala motivi ta’ att li jikkawża preġudizzju, huma jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tad-dispożittiv ta’ dan l-att jew jekk dawn il-motivi jistgħu jbiddlu s-sustanza ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv tal-att inkwistjoni.

Huwa għalhekk li jekk, f’deċiżjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni tkun iddefinixxiet b’mod illegali bħala għajnuna miżura fost dawk suġġetti għall-eżami tagħha, dik l-illegalità inevitabbilment tiġi riflessa fid-dikjarazzjoni ta’ kompatibbiltà tal-għajnuna permezz ta’ ċertu livell ta’ impenji iffissati minnha stess fir-rigward tal-ammont minimu kkalkolat tal-għajnuna.

(ara l-punti 146, 156, 160)