Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta' Jannar 2010 - BASF Specialty Chemicals u BASF Lampertheim vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-25/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: BASF Specialty Chemicals Holding GmbH (Basel, l-Isvizzera), BASF Lampertheim GmbH (Lampertheim, il-Ġermanja) (rappreżentanti: F. Montag u T. Wilson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(1)(q) u (2)(q) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-11 ta' Novembru 2009, C (2009) 8682 finali (Każ COMP/38589 - Stabbilizzaturi tas-sħana) sa fejn jikkonċerna lil BASF Specialty Chemicals Holding GmbH u l-Artikolu 1(1)(r) u (2)(r) sa fejn jikkonċerna lil BASF Lampertheim GmbH, kif ukoll l-Artikolu 2(15) u (36) sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

sussidjarjament, tnaqqas b'mod xieraq, il-multa imposta fuq ir-rikorrenti fl-Artikolu 2(15) u (36) tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 8682 finali, tal-11 ta' Novembru 2009, fil-Każ COMP/38589 - Stabbilizzaturi tas-sħana. Permezz tad-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħrajn minħabba ksur tal-Artikolu 81 KE u, mill-1 ta' Jannar 1994, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti pparteċipaw f'serje ta' akkordji u/jew prattiċi miftiehma fis-swieq tal-istabbilizzaturi tal-landa u fis-swieq tal-ESBO/Ester fiż-ŻEE, li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet, it-tqassim tas-suq fl-allokazzjoni tal-kwoti ta' provvista, id-distribuzzjoni u l-allokazzjoni ta' klijenti kif ukoll l-iskambju ta' informazzjoni kummerċjali sensittiva, b'mod partikolari dwar il-klijenti, il-produzzjoni u l-volum tal-kunsinna.

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.

L-ewwel nett, huma jinvokaw ksur tal-Artikolu 25 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 1, peress li s-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multi kienet preskritta. Kuntrarjament għall-fehma tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti jikkunsidraw li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament Nru 1/2003, dwar is-sospensjoni tal-perijodu ta' preskrizzjoni, mhijiex applikabbli fir-rigward tagħhom.

It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 101(1) TFUE, flimkien mal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li, fil-biċċa l-kbira, il-ksur ta' BASF Specialty Chemicals Holding GmbH mhuwiex imputabbli lil din tal-aħħar u konsegwentement, ma kellhiex tiġi imposta tali multa. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu wkoll li b'dan il-mod il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 meta stabbilixxiet l-ammont tal-multa imposta fuq BASF Lampertheim GmbH peress li fil-kalkolu tal-limitu massimu ta' 10 % għall-multa għall-perijodi li matulhom BASF Specialty Chemicals Holding GmbH ma kinitx responsabbli, hija kellha tieħu biss inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ totali ta' BASF Lampertheim GmbH.

Fl-aħħar nett, permezz tat-tielet motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, flimkien mal-linji gwida għall-kalkoli tal-multi 2, peress li l-Kummissjoni ma naqqsitx b'mod suffiċjenti l-multi tagħhom. Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kellha tieħu iktar inkunsiderazzjoni t-tul eċċessiv tal-proċedura u l-kooperazzjoni tar-rikorrenti skont l-avviż dwar il-klemenza. 3 Barra minn hekk, huma jikkunsidraw li l-kooperazzjoni attiva tar-rikorrenti barra l-kuntest tal-avviż dwar il-klemenza kellha tittieħed inkunsiderazzjoni fit-tnaqqis tal-multa.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

2 - Linji Gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2)

3 - Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155)