Language of document : ECLI:EU:T:2006:241

0SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (It-Tieni Awla)

6 ta’ Settembru 2006 (*)

“Trade mark Komunitarja – Proċediment ta’ oppożizzjoni – Applikazzjoni għal trade mark figurattiva FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR – Raġuni relattiva għal rifjut – Artikolu 8(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 – Eżistenza tal-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark”

Fil-kawża T‑6/05,

DEF-TEC Defense Technology GmbH, stabbilita fi Frankfurt, Frankfurt-am-Main (il-Ġermanja), irrappreżentata minn H. Daniel, Avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern      (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn D. Botis, bħala aġent,

konvenut,

il-parti l-oħra fil-proċediment quddiem il-Bord ta' l-Appell ta' l-UASI, intervenjenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li hija

Defense Technology Corporation of America, stabbilita f’ Jacksonville, Florida (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, Avukati,

li għandha bħala suġġett rikors imressaq kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta' l-UASI tat-8 ta’ Novembru 2004 (Kawża R 493/2002-2) rigward proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn DEF-TEC Defense Technology GmbH u Defense Technology Corporation of America,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA
TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),

komposta minn J. Pirrung, President, N. J. Forwood u S. Papasavvas, Imħallfin,

Reġistratur: K. Pocheć, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Jannar 2005,

wara li rat ir-risposta ta’ l-intervenjenti, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-18 ta’ April 2005,

wara li rat ir-risposta ta' l-UASI, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-2 ta’ Ġunju 2005,

wara s-seduta tas-7 ta’ Marzu 2006,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Kuntest ġuridiku

1        L-Artikolu 8(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, 1994, p. 1), kif emendat, jipprovdi li, malli ssir oppożizzjoni minn proprjetarju ta’ trade mark, it-trade mark m’għandhiex tiġi rreġistrata jekk aġent jew rappreżentant tal-proprjetarju tat-trade mark japplika għar-reġistrazzjoni tagħha f’ismu mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, sakemm l-aġent jew ir-rappreżentant ma jiġġustifikax l-azzjoni tiegħu.

2        Ir-regoli 17, 55, 61, 65, 79 u 96 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU L 303, p. 1, iktar ‘il quddiem ir-“Regolament ta’ implementazzjoni”) huma miktuba kif ġej:

“Regola 17

Użu ta’ lingwi fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni

1. Meta l-avviż ta’ oppożizzjoni ma jiġix ippreżentat bil-lingwa ta’ l-applikazzjoni tar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Komunità, jekk dik il-lingwa tkun waħda mil-lingwi ta’ l-Uffiċċju, jew bit-tieni lingwa indikata meta l-applikazzjoni kienet ġiet ippreżentata, il-parti li tkun qiegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta’ l-avviż ta’ oppożizzjoni f’waħda minn dawk il-lingwi fi żmien xahar minn meta jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni.

2. Meta l-provi li jsaħħu l-oppożizzjoni kif provdut fir-Regoli 16(1) u (2) ma jiġux ippreżentati bil-lingwa tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-parti li tkun qiegħda topponi għandha tippreżenta traduzzjoni ta’ dawk il-provi f’dik il-lingwa fi żmien xahar minn meta jiskadi ż-żmien għall-oppożizzjoni jew, fejn huwa applikabbli, fiż-żmien speċifikat mill-Uffiċċju skond ir-Regola 16(3).

[...]

Regola 55

Firma, isem, siġill

1. Kwalunkwe deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż mill-Uffiċċju għandu jindika d-dipartiment jew id-diviżjoni ta’ l-Uffiċċju kif ukoll l-isem jew l-ismijiet ta’ l-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli. Dawn għandhom jiġu ffirmati mill-uffiċjal jew uffiċjali, jew, minflok firma, ikollhom siġill ta’ l-Uffiċċju stampat jew ittimbrat.

2. Il-President ta’ l-Uffiċċju jista’ jistabbilixxi li jistgħu jiġu wżati metodi oħra ta’ identifikazzjoni tad-dipartiment jew tad-diviżjoni ta’ l-Uffiċċju u l-isem ta’ l-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli jew identifikazzjoni oħra barra siġill fejn deċiżjonijiet, komunikazzjonijiet jew avviżi jiġu trasmessi b’telecopier [faks] jew b’xi mezz tekniku ieħor ta’ komunikazzjoni.

[...]

Regola 61

Dispożizzjonijiet ġenerali fuq l-avviżi

1. Fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, l-avviżi li għandhom isiru mill-Uffiċċju għandhom jieħdu l-forma tad-dokument oriġinali, ta’ kopja tiegħu attestat minn Uffiċċju, jew bis-siġill ta’ l-Uffiċċju jew ta’ kopja stampata bil-kompjuter li jkollha dan is-siġill. Kopji ta’ dokumenti li jinħarġu mill-partijiet infushom ma jkunx jeħtieġu li jiġu attestati b’dan il-mod.

2. Avviżi għandhom jingħataw:

a)      bil-posta skond ir-Regola 62;

b)      permezz ta’ kunsinna bl-idejn skond ir-Regola 63;

c)      permezz ta’ depożitu f’kaxxa postali fl-Uffiċċju skond ir-Regola 64;

d)      permezz ta’ telecopier [faks] jew mezzi tekniċi oħra skond ir-Regola 65;

e)      b’avviż pubbliku skond ir-Regola 66.

[...]

Regola 65

Avviż permezz ta’ telecopier [faks] u mezzi tekniċi oħra

1. Notifika [avviż] permezz ta’ telecopier [faks] għandu jsir billi jiġi trasmess l-oriġinal jew kopja, kif jingħad fir-Regola 61(1), tad-dokument li tiegħu irid isir l-avviż. Id-dettalji ta’ din it-trasmissjoni għandhom jiġu stabbiliti mill-President ta’ l-Uffiċċju.

2. Dettalji ta’ l-avviż b’mezzi tekniċi ta’ komunikazzjoni oħra għandhom ikunu stabbiliti mill-President ta’ l-Uffiċċju.

[...]

Regola 79

Komunikazzjoni bil-miktub jew b’mezzi oħra

Applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Komunità kif ukoll kwalunkwe applikazzjoni oħra imsemmija fir-Regolament u l-komunikazzjonijiet l-oħra kollha indirizzati lill-Uffiċċju għandhom jingħataw kif ġej:

a)      bl-għoti ta’ oriġinal iffirmat tad-dokument in kwistjoni fl-Uffiċċju, bħal per eżempju bil-posta, kunsinna personali jew bi kwalunkwe mezz ieħor; m’hemmx għalfejn li annessi ta’ dokumenti mogħtija jiġu ffirmati;

b)      bi trasmissjoni ta’ oriġinal iffirmat b’telecopier [faks] skond ir-Regola 80;

c)      b’telex jew telegramma skond ir-Regola 81;

d)      bi trasmissjoni tal-kontenut tal-komunikazzjoni permezz ta’ mezzi elettroniċi skond ir-Regola 82.

[...]

Regola 96

Proċedimenti bil-miktub

1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 115(4) u (7) tar-Regolament [Nru 40/94], u sakemm ma jingħadx mod ieħor f’dawn ir-Regoli, fi proċeduri bil-miktub quddiem l-Uffiċċju, kull parti tista’ tuża kwalunkwe lingwa ta’ l-Uffiċċju. Jekk il-lingwa magħżula ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, il-parti għandha tagħti traduzzjoni f’dik il-lingwa fi żmien xahar mid-data ta’ l-għoti tad-dokument oriġinali. Fejn l-applikant għal trade mark tal-Komunità huwa l-uniku parti għall-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju u l-lingwa wżata għall-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni għal trade mark tal-Komunità ma tkunx waħda mil-lingwi ta’ l-Uffiċċju, it-traduzzjoni tista’ wkoll tiġi ppreżentata fit-tieni lingwa indikata mill-applikant fl-applikazzjoni tiegħu.

2. Sakemm ma jingħadx xort’oħra f’dawn ir-Regoli, [id-]dokumenti li għandhom jintużaw fi proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jistgħu jiġu ppreżentati bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Komunità. Fejn il-lingwa ta’ dawn id-dokumenti ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti, l-Uffiċċju jista’ jitlob li tingħata traduzzjoni, f’perijodu ta’ żmien speċifikat minnu, f’dik il-lingwa jew, b’għażla tal-parti fil-proċedimenti, fi kwalunkwe lingwa ta’ l-Uffiċċju.”

3        Skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru EX-97-1 tal-President ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern, (trade marks u disinni) (UASI), ta’ l-1 ta’ April 1997, li tiddetermina l-forma tad-deċiżjonijiet, komunikazzjonijiet u avviżi ta' l-UASI, meta deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż ta' l-UASI hija trażmessa b’telecopier [faks], l-identifikazzjoni tad-dipartiment jew tad-diviżjoni ta' l-UASI, kif ukoll l-isem ta’ l-uffiċjal jew ta' l-uffiċjali responsabbli, hija biżżejjed jekk l-isem tad-dipartiment jew tad-diviżjoni huwa speċifikat fl-intestatura u jekk, fit-tmiem tad-deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż, l-isem sħiħ ta’ l-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli huwa indikat. L-indikazzjoni ta’ l-isem jew ta’ l-ismijiet tista’ tkun akkumpanjata mill-firma ta’ l-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

4        Fis-16 ta’ Settembru 1997, DEF-TEC Defense Technology GmbH ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-UASI, skond ir-Regolament Nru 40/94.

5        It-trade mark li għaliha ġiet mitluba r-reġistrazzjoni hija t-trade mark figurattiva FIRST DEFENSE AEROSOL PEPPER PROJECTOR, riprodotta kif ġej:

Image not foundImage not found

6        Il-prodotti li għalihom ġiet mitluba r-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu taħt il-klassijiet 5, 8 u 13 skond il-Ftehim ta’ Nizza dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali tal-prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Il-prodotti jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:

–        “prodotti farmaċewtiċi, veterinarji u sanitarji; sustanzi dijetetiċi għal użu mediku, ikel għat-trabi; ġibs mediku, materjal għal faxex għal feriti; materjal għall-mili tas-snien u xama’ dentali; diżinfettanti, prodotti għall-qerda ta’ l-annimali li jagħmlu l-ħsara; funguċidi; erbiċidi”, li jaqgħu taħt il-klassi 5;

–        “għodda u strumenti ta’ l-idejn għal użu manwali; pożati, frieket u mgħaref, armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna, għodda għat-tqaxxir tal-leħja”, li jaqgħu taħt il-klassi 8;

–        “ammunizzjoni, projettili, sprej ta’ gass irritanti, armi oħra għal attakk jew għal difiża”, li jaqgħu taħt il-klassi 13.

7        L-applikazzjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bullettin tat-Trade marks Komunitarji Nru 93/1998 fis-7 ta’ Diċembru 1998.

8        F’Ottubru 1996, Defense Technology Corporation of America, kumpannija stabbilita f’Jacksonville, xtrat l-attiv tal-kumpannija Defense Technology Corporation of America, li kienet suġġetta għad-dritt ta’ l-Istat Amerikan tal-Wyoming (iktar ‘il quddiem il-“kumpannija tal-Wyoming”). B'dan il-mod, l-intervenjenti akkwistat it-trade mark FIRST DEFENSE.

9        Fit-8 ta’ Marzu 1999, l-intervenjenti ressqet oppożizzjoni, skond l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni.

10      In sostenn ta’ l-oppożizzjoni tagħha, l-intervenjenti b’mod partikolari invokat l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, fejn ikkunsidrat li r-rikorrenti kienet l-aġent tagħha skond l-imsemmija dispożizzjoni u li din ta’ l-aħħar kienet applikat, mingħajr il-kunsens tagħha, għar-reġistrazzjoni ta’ sinjal kważi identiku għal serje ta’ trade marks irreġistrati fl-Istati Uniti u li tagħhom l-intervenjenti kienet il-proprjetarja. F’dan il-każ, l-oppożizzjoni kienet ibbażata fuq it-trade marks Amerikani FIRST DEFENCE, li kienu s-suġġett tar-reġistrazzjonijiet li ġejjin:

–        reġistrazzjoni Nru 1 763 666 tas-6 ta’ April 1993, tat-trade mark verbali FIRST DEFENSE għal “arma għad-difiża mhux splussiva fl-għamla ta’ gass irritanti organiku ppakkjat f’reċipjent ta’ l-aerosol”, li taqa’ taħt il-klassi 13;

–        reġistrazzjoni Nru 1 885 967, tat-28 ta’ Marzu 1995, tat-trade mark figurattiva li tikkonsisti fir-rappreżentazzjoni ta’ ajkla li qiegħda ittir għal prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 13;

–        reġistrazzjoni Nru 1 792 165, tas-7 ta’ Settembru 1993, tat-trade mark figurattiva DEF-TEC PRODUCTS, li kienet tidher ġewwa figura trijangolari għal serje ta’ prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 13.

11      B'deċiżjoni tal-21 ta’ Marzu 2002, id-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni safejn din kienet tibbaża ruħha fuq l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94, u b'hekk ċaħdet l-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja għall-“armi li jistgħu jinġarru fuq il-persuna” li jaqgħu taħt il-klassi 8 u “ammunizzjoni, projettili, sprej ta’ gass irritanti, armi għal attakk jew għal difiża”, li jaqgħu taħt il-klassi 13.

12      Fil-21 ta’ Mejju 2002, ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni quddiem l-UASI, skond l-Artikolu 57 sa 59 tar-Regolament Nru 40/94.

13      B'deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2004 (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), it-Tieni Bord ta’ l-Apell ta' l-UASI ċaħad l-appell u ordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        – tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        – tikkundanna lill-UASI jbati l-ispejjeż;

15      L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors għal annullament safejn jikkonċerna l-ewwel motiv;

–        tiċħad ir-rikors safejn jikkonċerna t-tieni motiv, jekk hija tqis li huwa xieraq li żżomm il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata b'raġunament differenti u, f’dan il-każ, tordna lir-rikorrenti tbati l-ispejjeż;

–        sussidjarament, tilqa’ r-rikors biss fuq it-tieni motiv, filwaqt li tirrinvija l-kawża quddiem il-Bordijiet ta’ l-Appell u tordna li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.

16      L-intervenjenti titlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        – tiċħad ir-rikors;

–        – tordna li r-rikorrenti tbati l-ispejjeż.

 Id-dritt

17      Ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi biex issostni r-rikors tagħha. Permezz ta’ l-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, li mhijiex debitament iffirmata, hija nulla. Permezz tat-tieni motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nullità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni

 L-argumenti tal-partijiet

18      Ir-rikorrenti tikkunsidra li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, li kienet ġiet ikkomunikata lilha b’faks biss, hija nulla. Fil-fatt, il-firma tal-membri ta’ l-imsemmija Diviżjoni li adottawha hija nieqsa. Madankollu, jirriżulta mir-Regola 79(a) u (b) tar-Regolament ta’ implementazzjoni li wieħed mill-modi kif isiru komunikazzjonijiet lill-UASI huwa billi jintbagħat oriġinal iffirmat bil-faks. Il-fatt li din l-allegazzjoni ma kinitx imqajma quddiem il-Bord ta’ l-Appell ma jistax iwassal sabiex il-konklużjoni ta' nullità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni tiġi miċħuda.

19      L-UASI ssostni li l-motiv huwa inammissibbli, safejn ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiddikjara n-nullità d-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni. Minbarra dan, huwa jsostni li r-rikorrenti tinvoka dan il-motiv għall-ewwel darba, peress li ma kkontestatx il-validità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni quddiem il-Bord ta’ l-Appell. Jekk wieħed jissuponi li dan il-motiv kien intiż sabiex jiġi sosnut li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li l-Bord ta’ l-Appell kellu jikkonstata ex officio n-nuqqas ta' rekwiżit proċedurali essenzjali li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni, dan l-argument mhuwiex fondat. Fil-fatt, l-UASI jfakkar li r-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament ta’ implementazzjoni għandhom japplikaw għall-każ in eżami. Skond l-UASI, ir-Regola 55(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tippermetti lill-President ta' l-UASI jawtorizza l-użu ta’ diversi metodi ta’ komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet ta' l-UASI, mingħajr ma tkun neċessarjament meħtieġa l-firma tal-membri li jkunu adottawha, peress li d-Deċiżjoni Nru EX-97-1 kienet b’mod partikolari adottata għal dan il-għan. B'hekk, deċiżjoni ta' l-UASI li tinkludi l-ismijiet stampati tal-membri tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni li adottawha hija konformi mal-kundizzjonijiet proċedurali kollha mitluba għall-adozzjoni tagħha.

20      L-intervenjenti tqis li dan il-motiv huwa inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

–       Fuq l-ammissibbiltà

21      Skond l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 40/94, ir-rikors quddiem l-imħallef Komunitarju jista' jitressaq biss kontra deċiżjonijiet tal-Bordijiet ta’ l-Appell. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ tali rikors, huma biss ammissibbli motivi indirizzati kontra d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Ġunju 2005, Lidl Stiftung vs UASI – REWE-Zentral (Salvita), T-303/03, Ġabra p. II-1917, punt 59].

22      Madankollu, il-portata ta’ l-eżami li l-Bord ta’ l-Appell għandu l-obbligu li jeffettwa fir-rigward tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors mhijiex, bħala regola ġenerali, iddeterminata esklużivament mill-motivi invokati mill-parti li ressqet ir-rikors. Konsegwentement, anki jekk il-parti li ressqet ir-rikors ma qajmitx motiv speċifiku, il-Bord ta’ l-Appell huwa madankollu obbligat li jeżamina, fid-dawl ta’ l-elementi ta’ dritt u ta’ fatt rilevanti kollha, jekk id-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors setgħetx tiġi legalment adottata [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ Settembru 2003, Henkel vs UASI – LHS (UK) (KLEENCARE), T-308/01, Ġabra p. II-3253, punt 29, u ta’ l-1 ta’ Frar 2005, SPAG vs UASI – Dann u Backer (HOOLIGAN), T-57/03, Ġabra p. II-287, punt 18].

23      Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti tinvoka quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza n-nullità tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni minħabba nuqqas ta’ firma. Għalkemm dan il-motiv ma kienx ġie invokat quddiem il-Bord ta’ l-Appell, u anki jekk jiġi stabbilit ksur tar-regoli formali applikabbli, il-Bord ta’ l-Appell kellu jqajjem dan il-motiv ex officio.

24      Għaldaqstant l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ppreżentata mill-UASI u mill-intervenjenti għandha tiġi miċħuda, peress illi l-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti sabiex tivverifika jekk il-Bord ta’ l-Appell kienx naqas li jirrileva ex officio l-eventwali ksur ta' rekwiżit proċedurali essenzjali kkostitwit min-nuqqas ta’ firma tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni.

–       Fuq il-mertu

25      Fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li r-Regolament ta’ implementazzjoni jinkludi dispożizzjonijiet proċedurali applikabbli għall-każ in eżami. Kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ir-Regola 79(a) u (b) tar-Regolament ta’ implementazzjoni ma tistax tiġi applikata, peress illi hija ntiża għat-trażmissjoni tal-komunikazzjonijiet lill-UASI. Ir-Regoli 55, 61 u 65 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jikkonċernaw il-komunikazzjonijiet li joħorġu mill-UASI u li konsegwentement jikkostitwixxu d-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu applikati f’dan il-każ.

26      Mir-Regola 55 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jirriżulta li kwalunkwe deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż ta' l-UASI għandha tindika l-isem tad-dipartiment jew id-diviżjoni ta' l-UASI kif ukoll l-isem ta’ l-uffiċjal jew uffiċjali responsabbli. Dawn għandhom jiġu ffirmati mill-uffiċjal jew uffiċjali, jew, minflok firma, ikollhom siġill ta' l-UASI stampat jew ittimbrat. Il-President ta' l-UASI jista’ barra minn hekk jawtorizza l-użu ta' metodi oħra ta’ identifikazzjoni tad-dipartiment jew tad-diviżjoni ta' l-UASI meta d-deċiżjonijiet, il-komunikazzjonijiet jew l-avviżi jiġu trażmessi b’faks jew b’kull mezz tekniku ieħor ta’ telekomunikazzjoni. Ir-Regola 61(2)(d) tar-Regolament ta’ implementazzjoni tirrikonoxxi l-validità ta’ l-avviżi tad-deċiżjonijiet magħmula permezz ta’ faks, peress illi l-mezzi ta’ trażmissjoni tagħhom kienu stabbiliti mill-President ta' l-UASI, u dan skond ir-Regola 65(1), tar-Regolament ta’ implementazzjoni. B'hekk, skond l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru EX-97-1, huwa biżżejjed li l-isem tad-dipartiment jew tad-diviżjoni jkun speċifikat fuq l-intestatura u li, l-isem komplut ta’ l-uffiċjal jew ta’ l-uffiċjali jkun indikat fit-tmiem tad-deċiżjoni, komunikazzjoni jew avviż.

27      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tinkludi, minn naħa, l-identifikazzjoni tad-dipartiment u tad-diviżjoni ta' l-UASI li adottaha u, min-naħa l-oħra, l-ismijiet ta’ l-uffiċjali responsabbli. Konsegwentement, il-komunikazzjoni permezz ta’ faks tad-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ l-Oppożizzjoni mingħajr firma hija konformi ma’ l-eżiġenzi stabbiliti mir-Regolament ta’ implementazzjoni mid-Deċiżjoni Nru EX-97-1. Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kienet ikkomunikata lir-rikorrenti fil-forma preskritta.

28      Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala mhux fondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur ta’ l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94

 L-argumenti tal-partijiet

29      Ir-rikorrenti tosserva li f’dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, Oliver, il-President tal-kumpannija tal-Wyoming, kien ta kunsens ċar u preċiż li jawtorizza lir-rikorrenti sabiex tipproċedi għar-reġistrazzjoni mitluba tat-trade mark in kwistjoni. Konsegwentement ix-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming ma kien ittrasferixxa ebda dritt ta’ trade mark lill-intervenjenti rigward it-trade marks koperti mid-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, peress illi l-imsemmija drittijiet kienu ġew irrinunzjati qabel ma kien ġie konkluż il-ftehim ta’ xiri.

30      Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-intervenjenti f’ebda mument ma ppruvat tirreferi għall-kunsens mogħti mis-Sur Oliver, u li kienet biss limitat ruħha li targumenta li hija ma kinitx taf bl-imsemmi kunsens. Minbarra dan, il-fatt li Oliver forsi ma kienx informa lill-intervenjenti bl-eżistenza tad-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 ma jistax jiġi imputat lir-rikorrenti, peress illi din ta' l-aħħar tosserva li ma kienx obbligu tagħha li tivverifika jekk Oliver kienx wera l-eżistenza tad-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996. Fil-fatt, dan in-nuqqas eventwali ta’ informazzjoni jikkonċerna biss il-partijiet għall-ftehim tax-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming, peress illi dawn ta’ l-aħħar kellhom jagħtu prova ta’ diliġenza sabiex l-imsemmi ftehim jiġi konkluż.

31      Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 40/94 ma tindika li t-tul ta’ żmien tal-validità ta’ kunsens huwa limitat fiż-żmien. Konsegwentement, il-fatt li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni saret biss fl-1997 ma jista' bl-ebda mod jaffettwa l-validità tal-kunsens li kien ingħata. Barra minn hekk, il-Bord ta’ l-Appell ma setax isostni l-pożizzjoni tiegħu billi jikkonstata li ma kienx normali li ċessjoni tad-drittijiet ta’ trade mark issir mingħajr ħlas, minħabba li dan iwassal għal kunsiderazzjonijiet ta’ natura kummerċjali li m'għandhomx x'jaqsmu mal-qasam ta’ kompetenza tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tfakkar li d-dikjarazzjoni ta’ kunsens tikkostitwixxi ġustifikazzjoni suffiċjenti tal-preżentazzjoni tat-trade mark mitluba skond l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94.

32      L-UASI huwa ta' l-istess opinjoni tar-rikorrenti rigward id-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, fejn tqis li l-imsemmija dikjarazzjoni tinkludi kunsens ċar u preċiż tal-proprjetarju tat-trade mark ta’ dak iż-żmien, li tawtorizza lir-rikorrenti titlob ir-reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni fl-Ewropa. Minbarra dan, anki li kieku Oliver ma kienx informa lill-intervenjenti rigward l-eżistenza tad-dikjarazzjoni, dan il-fatt ma jistax jaffettwa l-validità tal-kunsens mogħti. Inkwantu d-deċiżjoni kkontestata ma rrikonoxxietx il-validità tal-kunsens li ngħata fl-1 ta’ Ġunju 1996, il-Bord ta’ l-Appell wasal għal konklużjoni żbaljata. Madankollu, dan l-iżball ma jwassalx għan-nullità tad-deċiżjoni kkontestata.

33      Fil-fatt, l-UASI jqis li l-intervenjenti mhijiex marbuta bil-kunsens tal-President tal-kumpannija tal-Wyoming. F’kull każ, l-UASI jqis li l-kwistjoni jekk l-intervenjenti hijiex marbuta bil-kunsens tas-sid preċedenti tiddependi mill-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali rilevanti kif ukoll mid-diversi impenji meħuda mill-partijiet, u dan b’mod partikolari fid-dawl tad-dritt kuntrattwali Amerikan applikabbli. Issa, id-dritt barrani huwa kwistjoni ta’ fatt li ma ġiex eżaminat mill-Bord ta’ l-Appell u, għal din ir-raġuni, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax issostni konklużjoni fuq fatti li ma kinux ġew evalwati fid-deċiżjoni kkontestata.

34      Fl-ewwel lok, anki jekk wieħed jissuponi li l-kunsens baqa’ jeżisti wara x-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming mill-intervenjenti, l-UASI jqis li għandu jiġi stabbilit jekk il-kunsens għandux jitqies bħala rrevokat fil-jum meta r-relazzjonijiet kummerċjali bejn ir-rikorrenti u l-intervenjenti ntemmu. F’dan ir-rigward, l-UASI jsostni li d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 tikkostitwixxi rinunzja għad-dritt ta’ oppożizzjoni għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark in kwistjoni kif effettwata mir-rikorrenti u mhux strettament ċessjoni ta’ drittijiet. Issa, tali rinunzja tista' tirriżulta minn dikjarazzjoni unilaterali li torbot biss il-persuna li effettwatha li, minħabba dan, għandha biss effett inter partes. F’kull każ, jekk jiġi ammess li t-tmiem tar-relazzjonijiet kummerċjali ma’ l-uffiċjal tippriva l-kunsens mir-raison d'être tiegħu, il-kunsens ma jistax jibqa' jeżisti wara l-imsemmi xiri.

35      Fit-tieni lok, u jekk wieħed jissuponi li l-kunsens ma kienx baqa’ jeżisti wara x-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming mill-intervenjenti, l-UASI jqis li allura għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti setgħetx tinvoka motiv ġust sabiex tikkumpensa n-nuqqas ta’ kunsens. Huwa josserva li l-Bord ta’ l-Appell jidher li ammetta li r-rikorrenti kienet taf, jew almenu, kellha tkun taf li l-intervenjenti ma kinitx ġiet informata bl-eżistenza tad-dikjarazzoni tax-xahar ta’ Ġunju 1996, peress illi huwa mifhum li din ta’ l-aħħar ma kinitx mistennija turi li hija ma kinitx marbuta mill-imsemmija dikjarazzjoni. B'hekk, ir-rikorrenti kellha tinformaha jew turiha x-xewqa tagħha li tippreżenta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, peress li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi l-mala fede li biha kienet aġixxiet ir-rikorrenti. Minbarra dan, billi baqgħet volontarjament siekta fir-rigward ta’ l-intervenjenti, ir-rikorrenti tilfet kull possibbiltà li tallega li l-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni kienet saret bil-kunsens tal-proprjetarju. F’kull każ, l-oppożizzjoni magħmula mill-intervenjenti turi li hija b’ebda mod ma taċċetta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni magħmula mir-rikorrenti.

36      Konsegwentement, l-UASI jikkunsidra li l-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tiċħad dan l-appell jekk hija tqis xieraq li tilqa’ l-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata minħabba raġuni oħra jew, jekk dan ma kellux ikun il-każ, tilqa' l-appell biss fuq it-tieni motiv, filwaqt li tirrinvija l-kawża quddiem il-Bordijiet ta’ l-Appell.

37      Min-naħa tagħha, l-intervenjenti tfakkar li huwa l-obbligu tar-rikorrenti li tressaq il-prova ta’ l-eżistenza ta’ kunsens mogħti b'mod validu mill-proprjetarju tat-trade mark. Barra minn hekk, l-intervenjenti ssostni li d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 m’għandhiex tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza, minħabba li traduzzjoni ta’ l-imsemmija dikjarazzjoni bl-Ingliż, il-lingwa tal-proċedimenti adottata f’dan il-każ quddiem l-UASI, ġiet ipprovduta mir-rikorrenti biss fil-kuntest ta’ dan ir-rikors. Issa, skond ir-Regolament Nru 40/94 u r-Regolament ta’ implementazzjoni, meta prova ma tkunx ġiet ippreżentata fil-lingwa tal-proċedimenti, il-parti li tinvokaha għandha tipprovdi t-traduzzjoni fil-lingwa tal-proċedimenti. F’kull każ u minkejja dan il-ksur tar-Regolament Nru 40/94, id-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 ma tistax turi l-eżistenza ta’ kunsens validu mogħti minn Oliver, meta wara kollox kienet taf li r-rikorrenti ma kienet ġabet ebda element ta’ prova li jista’ juri li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet ibbażata fuq motiv ġust.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

38      Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 40/94 huwa intiż sabiex jiġi evitat l-abbuż ta’ trade mark mill-uffiċjal tal-proprjetarju tagħha, peress illi l-uffiċjal jista’ juża’ l-għarfien u l-esperjenza miksuba matul ir-relazzjoni kummerċjali li torbtu ma’ l-imsemmi proprjetarju u, għaldaqstant, illegalment jieħu vantaġġ mix-xogħol u l-investiment li l-proprjetarju tat-trade mark stess ikun għamel.

39      F’dan il-każ, peress illi r-rikorrenti ma kkontestatx quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza l-kwalità tagħha ta’ uffiċjal tal-proprjetarju tat-trade mark, għandu jiġi stabbilit jekk ir-rikorrenti kinitx kisbet kunsens mill-proprjetarju tat-trade mark li jawtorizzaha sabiex tipproċedi għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni antiċipata.

40      B'hekk, fir-rigward ta’ l-eżistenza ta’ kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat mogħti mill-proprjetarju tat-trade mark li jawtorizza lir-rikorrenti sabiex tipproċedi għall-applikazzjoni ta’ reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, għandu jiġi mfakkar li l-Bord ta’ l-Appell jikkunsidra li tali kunsens ma jistax jirriżulta mid-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996.

41      L-UASI jsostni, fl-atti tiegħu, li l-Bord ta’ l-Appell ikkonkluda inġustament li d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 ma fihiex kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat. Issa, għandu jiġi mfakkar, f'dan ir-rigward, f'dak li għandu x'jaqsam mal-pożizzjoni proċedurali ta' l-UASI, li l-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat, fis-sentenza tagħha tal-25 ta’ Ottubru 2005, Peek & Cloppenburg vs UASI (Cloppenburg) (T-379/03, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22), li l-UASI m’għandux ikun marbut li jiddefendi b’mod sistematiku d-deċiżjonijiet ikkontestati kollha tal-Bord ta’ l-Appell jew li jikkonkludi bilfors favur iċ-ċaħda tar-rikorsi kollha mressqa kontra tali deċiżjoni [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 2004, GE Betz vs UASI – Atofina Chemicals (BIOMATE), T-107/02, Ġabra p. II-1845, punt 34]. Madankollu, ma jistax jifformula talbiet għall-annullament jew għall-bdil tad-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell fuq punt mhux imqajjem fir-rikors jew jippreżenta motivi mhux imqajma fir-rikors (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 34).

42      Minn dan jirriżulta li l-UASI għandu d-dritt li jitbiegħed mir-raġunament magħmul mill-Bord ta’ l-Appell filwaqt li jressaq punti ġuridiċi differenti minn dawk żviluppati fid-deċiżjoni kkontestata, bil-kundizzjoni li l-argumenti mressqa mill-UASI ma jammontawx għal motivi ġodda għal annullament.

43      Rigward l-argument ta’ l-intervenjenti li l-Bord ta’ l-Appell ma kellux jieħu in kunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, minħabba li ma kinitx ġiet tradotta fil-lingwa tal-proċedimenti, anki jekk l-imsemmi Bord kien ċaħad dokumenti pprovduti mill-intervenjenti minħabba nuqqas ta’ traduzzjoni, għandu jiġi rrilevat li r-rifjut ta’ l-imsemmija dokumenti ġie deċiż skond ir-Regola 17(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Issa, din ir-regola tidderoga mis-sistema lingwistika ġeneralment applikabbli fil-qasam ta’ produzzjoni u ta’ użu tad-dokumenti fil-proċedimenti quddiem l-UASI, kif deskritta fir-Regola 96(2) ta’ dan ir-Regolament, u li skond din, meta dawn id-dokumenti mhumiex miktuba fil-lingwa tal-proċedimenti, l-UASI tista’ teżiġi li traduzzjoni ssir f’din il-lingwa jew, skond l-għażla tal-parti fil-proċedimenti, f’waħda mill-lingwi ta' l-UASI, fit-terminu ta’ żmien li hija tipprovdi. Ir-Regola 17(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni b’hekk tqiegħed fuq parti li tat bidu għal proċedimenti inter partes oneru akbar minn dak li bħala regola ġenerali jaqa' fuq il-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-UASI. Din id-differenza hija ġġustifikata min-neċessità li tirrispetta b'mod sħiħ il-prinċipju ta’ audi alteram partem kif ukoll ta' "equality of arms" bejn il-partijiet fil-proċedimenti inter partes [sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Ġunju 2002, Chef Revival USA vs UASI – Massagué Marín (Chef), T-232/00, Ġabra p. II-2749, punt 42].

44      Rigward it-traduzzjoni ta’ dokumenti addizzjonali, din tibqa' fid-diskrezzjoni ta' l-UASI, u dan skond ir-Regola 96(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni. Issa, f’dan il-każ, ir-rikorrenti osservat l-eżiġenza stabbilita mir-Regola 96(1) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, minħabba li hija ppreżentat rikors bil-Ġermaniż u pprovdiet traduzzjoni bl-Ingliż tagħha fit-terminu ta’ żmien stabbilit (punti 11 u 14 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-fatt li l-Bord ta’ l-Appell ma kienx qies neċessarju, skond l-Artikolu 96(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, li jikseb traduzzjoni tad-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, dokument anness ma’ l-appell, ma jistax jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, peress illi l-paragrafi 1 u 2 tar-Regola 96 tar-Regolament ta’ implementazzjoni jkopru sitwazzjonijiet oġġettivament differenti.

45      Fid-dawl tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' l-1 ta’ Ġunju 1996, għandu jiġi rrilevat li din kienet tipprovdi li l-kumpannija tal-Wyoming rrinunzjat b'mod espliċitu għad-drittijiet kollha (“expressly waives all of the rights”) fuq it-trade mark in kwistjoni permezz tar-reġistrazzjoni għall-Ewropa. Barra minn hekk, l-anness tad-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, li l-Bord ta’ l-Appell aċċetta li jiġi sottomess fil-proċedimenti, indika b’mod ċar liema kienu t-trade marks koperti mill-imsemmija dikjarazzjoni.

46      Minbarra dan, għandu jiġi mfakkar li r-rikorrenti u l-kumpannija tal-Wyoming kienu daħlu f’relazzjoni kummerċjali reali u effettiva meta d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 kienet ġiet adottata, fatt li għandu mnejn jispjega li l-proprjetarju preċedenti kien iddeċieda li jagħti dan il-kunsens mingħajr kumpens finanzjarju. F’kull każ, il-fatt li tali ftehim jista’ eventalwament ikun atipiku ma jistax, minnu nnifsu, iqajjem dubju, bħalma fisser il-Bord ta’ l-Appell, dwar il-validità tal-kunsens effettivament mogħti.

47      Rigward l-eventwali nuqqas ta' Oliver li jinforma l-intervenjenti bl-eżistenza tad-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, dan ma jistax iqajjem dubju dwar il-validità tal-kunsens miksub f’din id-data.

48      Għaldaqstant, il-kunsens miksub mir-rikorrenti f’Ġunju 1996 għandu jiġi kkunsidrat bħala ċar, preċiż u inkundizzjonat f’din id-data.

49      Rigward il-kwistjoni jekk il-kunsens baqax validu fil-ġurnata ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni, fis-16 ta’ Settembru 1997, għandu jiġi osservat li kien sar bdil ta’ proprjetarju tat-trade mark bejn il-ġurnata meta l-kunsens kien ingħata u dik meta kienet saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li peress li l-Bord ta’ l-Appell kien ikkunsidra inġustament li d-dikjarazzjoni ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996 ma kienx fiha kunsens ċar, preċiż u inkundizzjonat li jawtorizza lir-rikorrenti tipproċedi għall-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, huwa ma kienx ikkunsidra l-kwistjoni jekk l-imsemmi kunsens kienx baqa’ jeżisti wara x-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming. Peress li din il-kwistjoni, li r-riżoluzzjoni tagħha tiddependi mill-qrib fuq id-dritt li għandu jiġi applikat għar-relazzjonijiet ġuridiċi u kummerċjali bejn il-partijiet, ma kinitx ġiet ikkunsidrata matul il-proċedimenti quddiem l-UASI, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tagħti deċiżjoni fuq dan il-punt.

50      Fil-fatt, il-Bord ta’ l-Appell kellu jivverifika, fid-dawl tad-dritt applikabbli għar-relazzjonijiet ġuridiċi u kummerċjali eżistenti bejn il-partijiet, jekk, u, skond il-każ, safejn l-imsemmija relazzjonijiet kienu effettivament baqgħu jeżistu wara x-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming, b’tali mod li l-intervenjenti ġiet sostitwita fid-drittijiet u, eventwalment, fl-obbligi tal-proprjetarju preċedenti tat-trade mark. F’dan il-kuntest, kien obbligu tiegħu li jiddetermina, b’mod partikolari, jekk il-kunsens li nkiseb mir-rikorrenti fl-1 ta’ Ġunju 1996 kienx baqa’ jeżisti wara x-xiri ta’ l-attiv tal-kumpannija tal-Wyoming. Fil-każ ta' risposta affermattiva, huwa kellu jeżamina jekk, fil-ġurnata ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark imsemmija, l-intervenjenti baqgħetx marbuta b'dan il-kunsens. Fl-ipoteżi li l-intervenjenti ma kinitx aktar marbuta bl-imsemmi kunsens, il-Bord ta’ l-Appell kellu allura jevalwa jekk ir-rikorrenti kinitx fil-pożizzjoni li tinvoka motiv ġust sabiex tikkompensa n-nuqqas ta’ tali kunsens.

51      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi milqugħ inkwantu l-Bord ta’ l-Appell ma rrikonoxxiex il-validità tal-kunsens ta’ l-1 ta’ Ġunju 1996, u għaldaqstant id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq l-ispejjeż

52      Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress illi l-UASI tilef, hemm lok li jiġi kkundannat ibati minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk magħmula mir-rikorrenti, minbarra dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ l-intervent, skond it-talbiet tagħha. Peress illi r-rikorrenti ma kinitx talbet li l-intervenjenti tbati l-ispejjeż, kif setgħet għamlet anke matul is-seduta, hija tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ l-intervent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tat-Tieni Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (trade marks u disinni) (UASI) tat-8 ta’ Novembru 2004 (Kawża R 493/2002-2) hija annullata.

2)      L-UASI jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrenti, ħlief dawk relatati ma’ l-intervent.

3)      Ir-rikorrenti tbati l-ispejjeż tagħha relatati ma’ l-intervent.

4)      L-intervenjenti tbati l-ispejjeż tagħha.

Pirrung

Forwood

Papasavvas

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta' Settembru 2006

E. Coulon

 

       J. Pirrung

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.