Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Oberster Gerichtshof (l-Awstrija) fis-26 ta’ Settembru 2023 – LK, AK vs Volkswagen AG

(Kawża C-592/23, Volkswagen)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Oberster Gerichtshof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: LK, AK

Konvenut: Volkswagen AG

Domandi preliminari

Il-punt 6 tal-Artikolu 2 u l-punt 3.13.4. tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 tat-18 ta’ Lulju 2008 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vettura 1 (ikkunsidrat flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 2 ) għandhom jiġu interpretati fis-sens li tagħmir li jnaqqas l-emissjonijiet (programm ta’ kontroll għar-riġenerazzjoni tal-konvertitur katalitiku tal-ħażna, fiċ-ċiklu ta’ preparazzjoni), li huwa meqjus bħala sistema ta’ riġenerazzjoni li taħdem b’mod kontinwu minħabba li riġenerazzjoni (proċess ta’ tindif) isseħħ mill-inqas darba waqt test tat-Tip I wara li tkun diġà saret mill-inqas darba matul iċ-ċiklu ta’ preparazzjoni tal-vettura (“precon” jew prekundizzjonament) bħala tagħmir ta’ riduzzjoni fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007?

a)    L-Artikolu 5(2)(c) tar-Regolament Nru 715/2007 (ikkunsidrat flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll mal-punt 6 tal-Artikolu 2 u mal-punt 3.13.4 tal-Anness III tar-Regolament Nru 692/2008) għandu jiġi interpretat fis-sens li (jekk applikabbli) tali tagħmir ta’ riduzzjoni huwa permess minħabba li l-kundizzjonijiet fil-proċedura ta’ verifika tal-emissjonijiet rilevanti huma sostanzjalment osservati?

b)    L-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 715/2007 (ikkunsidrat flimkien mal-punt 10 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 715/2007 kif ukoll mal-punt 6 tal-Artikolu 2 u mal-punt 3.13.4 tal-Anness III tar-Regolament Nru 692/2008) għandu jiġi interpretat fis-sens li (jekk applikabbli) tali tagħmir ta’ riduzzjoni huwa permess jekk il-mod ta’ tħaddim rilevanti għall-emissjonijiet li jirriżulta fil-proċedura ta’ test (test għal approvazzjoni) ikun preżenti wkoll fi 80 % tal-każijiet taħt kundizzjonijiet operattivi normali (f’sitwazzjoni reali)?

Il-punt 2.20 u l-punt 3 tal-Anness 13 tan-NU/KEE 1 (ikkunsidrat flimkien mal-punt 3.13.1 tal-Anness III u mal-punt 6 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 692/2008) għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ordni standardizzat fit-tieni sentenza tal-punt 3 tal-Anness 13 tan-NU/KEE, li jgħid li l-iswiċċ (sabiex jipprevjeni jew jippermetti l-proċess ta’ riġenerazzjoni) jista’ jiġi attivat biss matul iċ-ċikli ta’ prekundizzjonament sabiex tiġi evitata r-riġenerazzjoni, huwa applikabbli biss għall-proċedura tat-test speċjali skont l-Anness 13 tan-NU/KEE u għalhekk għat-test għall-emissjonijiet ta’ vettura mgħammra b’sistema ta’ riġenerazzjoni perjodika, iżda mhux ukoll għal vettura b’sistema ta’ riġenerazzjoni kontinwa?

____________

1     ĠU 2008, L 199, p. 1.

1     ĠU 2007, L 171, p. 1.

1     Ir-Regolament Nru 83 tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (NU/KEE) — Dispożizzjonijiet uniformi rigward l-approvazzjoni tal-vetturi fir-rigward tal-emissjoni ta’ sustanzi li jniġġsu skont ir-rekwiżiti tal-fjuwil tal-magna [2015/1038] (ĠU 2015, L 172, p. 1).