Language of document : ECLI:EU:C:2021:373

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fis‑6 ta’ Mejju 2021 (1)

Kawża C819/19

Stichting Cartel Compensation,

Equilib Netherlands BV

vs

Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV,

Martinair Holland NV,

Deutsche Lufthansa AG,

Lufthansa Cargo AG,

British Airways plc,

Société Air France SA,

Singapore Airlines Ltd,

Singapore Airlines Cargo Pte Ltd,

Swiss International Air Lines AG,

Air Canada,

Cathay Pacific Airways Ltd,

Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden
SAS AB
SAS Cargo Group A/S

(talba għal deċiżjoni preliminari mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 101 TFUE u Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Regoli ta’ implimentazzjoni tal-Artikolu 103 TFUE – Sistema tranżitorja tal-Artikoli 104 u 105 TFUE – Ftehimiet u prattiki miftiehma dwar diversi elementi għall-iffissar tal-prezz ta’ servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru (impożizzjoni ta’ ħlasijiet supplimentari għal fjuwil u għas-sigurtà, rifjut ta’ ħlas ta’ kummissjoni fuq ħlasijiet supplimentari) – Azzjoni ta’ danni – Effett dirett – Kompetenza tal-qrati nazzjonali”






I.      Introduzzjoni

1.        Stichting Cartel Compensation u Equilib Netherlands BV (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) qegħdin jitolbu sentenza dikjaratorja u danni kontra l-konvenuti (2) minħabba li aġixxew bi ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) billi kkoordinaw diversi elementi tal-prezz li kellu jitħallas għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti fi u mill-Unjoni Ewropea u ż-ŻEE.

2.        Dik il-prattika allegatament seħħet fi żmien meta l-Kunsill kien għadu ma adottax dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni għal ċerti partijiet tas-settur tat-trasport bl-ajru sabiex jagħti “effett sħiħ” lill-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 101 TFUE. Għal dik ir-raġuni, il-konvenuti jsostnu li l-kompetenza għall-infurzar tal-Artikolu 101 TFUE baqgħet unikament għand l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u għand il-Kummissjoni Ewropea skont is-“sistema tranżitorja” prevista fl-Artikoli 104 u 105 TFUE.

3.        Din il-kawża tqajjem il-kwistjoni tal-kompetenza ta’ qrati nazzjonali sabiex japplikaw l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE għal prattiki antikompetittivi li kienu seħħew matul dik is-“sistema tranżitorja”. Madankollu, dik il-kwistjoni forsi teknika u limitata temporanjament, imbagħad, tagħti lok għal kwistjoni iktar fundamentali dwar l-(inter)dipendenza ta’ infurzar pubbliku (amministrattiv) u privat (ġudizzjarju) ta’ regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      It-TFUE

4.        L-Artikoli 101 sa 105 TFUE jistabbilixxu r-regoli dwar il-kompetizzjoni. Id-dispożizzjonijiet li ġejjin huma rilevanti għal din il-kawża:

“Artikolu 101

(ex Artikolu 81 TKE)

1. Is-segwenti għandhom ikunu inkompatibbli mas-suq intern u għandhom ikunu projbiti: l-akkordji kollha bejn impriżi, id-deċiżjonijiet kollha ta’ [deċiżjonijiet ta’] assoċjazzjonijiet bejn impriżi u l-prattiċi kollha miftiehma li jistgħu jolqtu l-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jkollhom bħala għan jew riżultat tagħhom il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern, partikolarment dawk li jinvolvu:

[…]

2. L-akkordji jew deċiżjonijiet projbiti bid-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu jkunu awtomatikament nulli.

3. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu dikjarati inapplikabbli fil-każ ta’ xi wieħed milli ġejjin, jiġifieri:

–        akkordji jew kategoriji ta’ akkordji bejn impriżi,

–        deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jew kategoriji ta’ assoċjazzjonijiet ta’ impriżi,

–        prattiċi miftiehma jew kategoriji ta’ prattiċi miftiehma,

li jikkontribwixxu sabiex itejbu l-produzzjoni jew id-distribuzzjoni ta’ prodotti, jew sabiex jippromwovu progress tekniku jew ekonomiku waqt li fl-istess ħin, jassiguraw li l-konsumaturi jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li joħorġu minnhom, izda li ma:

(a) jimponux fuq l-impriżi interessati restrizzjonijiet li ma jkunux indispensabbli għall-kisba tal-għanijiet ta’ hawn fuq;

(b) jagħtux lil dawn l-impriżi l-possibiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni f’parti sostanzjali tal-prodotti inkwistjoni.

[…]

Artikolu 103

(ex Artikolu 83 TKE)

1. Ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikoli 101 u 102 għandhom jiġu stabbiliti mill-Kunsill fuq proposta tal-Kummissjoni u wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew.

2. Id-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom l-għan, partikolarment:

[…]

(b)      biex jiddeterminaw il-modalitajiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3), b’kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtieġa li jassiguraw superviżjoni adegwata flimkien mal-iktar simplifikazzjoni massima possibbli ta’ kontroll amministrattiv;

(c)      fejn meħtieġ, sabiex jiddefinixxu l-ambitu tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 101 u 102 dwar id-diversi setturi ekonomiċi;

[…]

Artikolu 104

(ex Artikolu 84 TKE)

Sa meta l-miżuri meħuda fl-applikazzjoni tal-Artikolu 103 jidħlu fis-seħħ, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiddeċiedu fuq l-ammissibbiltà ta’ akkordji u fuq kwistjonijiet dwar kull abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-suq intern, skond il-liġijiet tal-pajjiżi tagħhom u d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101, speċjalment il-paragrafu 3, u tal-Artikolu 102.

Artikolu 105

(ex Artikolu 85TKE)

1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 104, il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-applikazzjoni tal-prinċipji li hemm fl-Artikoli 101 u 102. Fuq talba ta’ Stat Membru, jew fuq inizjattiva tagħha stess, hija għandha tinvestiga, flimkien mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li jipprestaw l-assistenza tagħhom, kull ksur suspettat tal-prinċipji msemmija hawn fuq. Jekk issib li dak il-ksur ikun ġara, hija għandha tipproponi mezzi xierqa sabiex twaqqfu.

2. Jekk dak il-ksur ikompli, il-Kummissjoni għandha toħroġ deċiżjoni motivata li tirreġistra l-ksur tal-prinċipji. Il-Kummissjoni tista’ tippubblika d-deċiżjoni tagħha u tista’ tawtorizza lill-Istati Membri sabiex jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni skond il-kondizzjonijiet u fil-modalitajiet li jiġu preskritti mill-Kummissjoni.

3. Il-Kummissjoni tista’ tadotta regolamenti dwar il-kategoriji ta’ ftehim li fir-rigward tagħhom il-Kunsill ikun adotta regolament jew direttiva skond l-Artikolu 103(2)(b).”

B.      Il-Ftehim ŻEE

5.        Il-Ftehim ŻEE għandu l-għan li “jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bilanċjat tal-kummerċ u tar-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti b’kondizzjonijiet ugwali ta’ kompetizzjoni, u l-osservanza tal-istess regoli, bil-ħsieb li tinħoloq [ŻEE] omoġenea […]” (3).

6.        L-Artikolu 6 tal-Ftehim ŻEE jgħid:

“Minghajr pregudizzju ghal żviluppi futuri tal-gurisprudenza, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Ftehim, sa fejn huma identici fis-sustanza ghar-regoli korrispondenti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faham u l-Azzar u ghall-atti adottati fl-applikazzjoni taż-żewg Trattati, ghandhom, fl-implimentazzjoni u fl-applikazzjoni taghhom, jigu interpretati b’konformità mad-deciżjonijiet rilevanti tal-Qorti tal-Gustizzja tal-Komunitajiet Ewropej moghtija qabel id-data tal-firma ta’ dan il-Ftehim.”

7.        L-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huwa essenzjalment identiku għall-Artikolu 101 TFUE.

8.        Skont Artikolu 55 tal-Ftehim ŻEE:

“1. Minghajr pregudizzju ghad-dispożizzjonijiet li jaghtu effett lill-Artikoli 53 u 54 kif jinsabu fil-Protokoll Nru 21 u fl-Anness XIV ta’ dan il-Ftehim, il-Kummissjoni tal-KE u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA msemmija fl-Artikolu 108(1) ghandhom jiżguraw l-applikazzjoni tal-principji stabbiliti fl-Artikoli 53 u 54.

L-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza, kif previst fl-Artikolu 56, ghandha tinvestiga każijiet ta’ suspett ta’ infrazzjoni ta’ dawn il-principji, fuq inizjattiva taghha stess, jew wara applikazzjoni minn Stat fit-territorju rispettiv jew mill-awtorità l-ohra ta’ sorveljanza. L-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza ghandha twettaq dawn l-investigazzjonijiet b’koperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fit-territorju rispettiv u b’koperazzjoni mal-awtorità l-ohra ta’ sorveljanza, li ghandha taghti l-ghajnuna taghha skond ir-regoli interni taghha.

Jekk issib li kien hemm infrazzjoni, ghandha tipproponi miżuri xierqa biex iggib l-infrazzjoni fi tmiem.

2. Jekk l-infrazzjoni ma tingiebx fi tmiem, l-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza ghandha tirregistra din l-infrazzjoni tal-principji f’deciżjoni li fiha jinghataw ir-ragunijiet.

L-awtorità kompetenti ta’ sorveljanza tista’ tippubblika d-deciżjoni taghha u tawtorizza l-Istati fit-territorju rispettiv biex jiehdu l-miżuri, li dwarhom tiddetermina l-kondizzjonijiet u ddettalji, li jinhtiegu biex tigi rimedjata s-sitwazzjoni. Tista’ ukoll titlob lill-awtorità ta’ sorveljanza l-ohra biex tawtorizza Stati fit-territorju rispettiv biex jiehdu dawk il-miżuri.”

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi magħmula

9.        Fid‑9 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea adottat id-Deċiżjoni C(2010) 7694 finali li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 101 [TFUE], l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (4) (Kawża C.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2010”) (5).

10.      Skont l-Artikoli 1 sa 4 tad-Deċiżjoni 2010, instab li kien hemm għadd ta’ trasportaturi li kienu involuti fil-koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezz li kellu jintalab għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti fl-Unjoni u/jew fiż-ŻEE; bejn ajruporti fl-Unjoni u/jew fiż-ŻEE u pajjiżi terzi; u bejn ajruporti fl-Unjoni u fl-Isvizzera, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u tal-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzeru, għal perijodi differenti (iktar ’il quddiem il-“kondotta inkwistjoni”). Skont id-Deċiżjoni 2010, dak il-ksur dam b’kollox minn Diċembru 1999 sa Frar 2006.

11.      Fis-sentenzi tagħha tas‑16 ta’ Diċembru 2015, il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea annullat parzjalment id-Deċiżjoni 2010 fil-konfront tar-rikorrenti fil-kawżi quddiemha (6). Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali sabet li d-Deċiżjoni 2010 kienet ivvizzjata minn kontradizzjonijiet bejn il-motivi u d-dispożittiv tagħha (7).

12.      Fis‑17 ta’ Marzu 2017, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2017) 1742 finali 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (Kawża AT.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni 2017”) (8). Id-Deċiżjoni 2017 żammet is-sustanza tad-Deċiżjoni 2010. Hija kkonfermat ukoll li l-ksur kien dam b’kollox minn Diċembru 1999 sa Frar 2006.

13.      Skont is-Sommarju tad-Deċiżjoni 2017, il-Kummissjoni sabet li għadd ta’ trasportaturi kienu involuti f’kartell dwar il-kondotta inkwistjoni. Dik il-kondotta kienet tikser l-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim Svizzeru. Hija kienet relatata ma’ (i) rotot bejn ajruporti fl-Unjoni (iktar ’il quddiem “rotot intra-Unjoni”); (ii) rotot bejn ajruporti fl-Unjoni u ajruporti barra ż-ŻEE (iktar ’il quddiem “rotot Unjoni-pajjiżi terzi”); (iii) rotot bejn ajruporti fiż-ŻEE (iktar ’il quddiem “rotot intra-ŻEE”); (iv) rotot bejn ajruporti f’pajjiżi li huma partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE, iżda li ma humiex Stati Membri tal-Unjoni, u ajruporti f’pajjiżi terzi (“rotot ŻEE mhux tal-Unjoni-pajjiżi terzi”) u (v) rotot bejn ajruporti fl-Unjoni u fl-Isvizzera (“rotot tal-Unjoni-Svizzeri”).

14.      Is-Sommarju tad-Deċiżjoni 2017 jispeċifika l-ksur u l-impożizzjoni ta’ multi għal perijodi differenti fir-rigward ta’ rotot differenti kif ġej:

–        Għal rotot intra-Unjoni, il-Kummissjoni kienet kompetenti tistabbilixxi ksur u timponi multi għal kondotta fir-rigward ta’ trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-Unjoni qabel l‑1 ta’ Mejju 2004. Dan għaliex, qabel l‑1 ta’ Mejju 2004, ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87 (9) kien ta lill-Kummissjoni setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101 TFUE fir-rigward ta’ trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-Unjoni biss. Trasport bl-ajru bejn ajruporti tal-Unjoni u ajruporti f’pajjiżi terzi kien, madankollu, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dak ir-regolament.

–        Għal rotot Unjoni-pajjiżi terzi, għall-istess raġunijiet, il-kompetenza tal-Kummissjoni kienet limitata għal kondotta li seħħet wara l‑1 ta’ Mejju 2004.

–        Għal rotot intra-ŻEE, il-Kummissjoni kienet kompetenti tikkonstata ksur u timponi multi għall-perijodu kollu mill-1999 sal-2006.

–        Għal rotot ŻEE mhux tal-Unjoni-pajjiżi terzi, id-Deċiżjoni Nru 130/2004 (10) u d-Deċiżjoni Nru 40/2005 (11) daħlu fis-seħħ fid‑19 ta’ Mejju 2005. Minn dik id-data ’il quddiem bdew japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 411/2004 (12) u r-Regolament (KE) Nru 1/2003 (13) fil-qafas tal-Ftehim ŻEE. Għalhekk, il-Kummissjoni ma kkonstatatx ksur u ma imponietx multi għal kondotta fir-rigward ta’ rotot bejn pajjiżi taż-ŻEE li ma kinux Stati Membri tal-Unjoni u li kienu pajjiżi terzi qabel id‑19 ta’ Mejju 2005.

15.      Id-Deċiżjoni 2017 ġiet ukoll ikkontestata quddiem il-Qorti Ġenerali (14) Dawk il-kawżi għadhom pendenti.

16.      Fl-istess waqt, ir-rikorrenti bdew proċeduri ċivili kontra l-konvenuti quddiem ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi). Dik il-qorti tispjega li dawk il-kumpanniji rikorrenti kienu nħolqu speċifikament sabiex isegwu t-talbiet assenjati lilhom għal danni li jirriżultaw minn dak li kkonstatat il-Kummissjoni dwar ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni.

17.      Ir-rikorrenti jitolbu sentenza dikjaratorja u danni. L-ewwel nett, huma jitolbu lill-qorti tikkonstata li l-konvenuti aġixxew illegalment bejn l-1999 u l-2006. Jiġifieri, anki qabel (i) l‑1 ta’ Mejju 2004 (għal rotot Unjoni-pajjiżi terzi); (ii) id‑19 ta’ Mejju 2005 (għal rotot ŻEE mhux tal-Unjoni-pajjiżi terzi) u (iii) l‑1 ta’ Ġunju 2002 għal rotot Unjoni-Svizzera (iktar ’il quddiem il-“perijodi kkontestati”). It-tieni nett, huma jitolbu lill-qorti tar-rinviju tikkundanna lill-konvenuti jħallsu danni u mgħax in solidum għall-kondotta antikompetittiva inkwistjoni.

18.      Skont il-qorti tar-rinviju, fit-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw l-effett dirett tal-Artikolu 101 TFUE li jistabbilixxi l-kompetenza għall-qorti nazzjonali, u għall-perijodi kkontestati, irrispettivament mill-infurzar amministrattiv tal-liġi tal-kompetizzjoni.

19.      Fid-digriet tagħha, il-qorti tar-rinviju tqis li għandha l-kompetenza tapplika l-Artikolu 101 TFUE għall-kondotta inkwistjoni u għall-perijodi kkontestati. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tinnota espressament li dik il-pożizzjoni titbiegħed mis-sentenza tal-Qorti Għolja tal-Ġustizzja (Ingilterra u Wales) fil-kawża Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc (15), kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell (Ingilterra u Wales) fil-kawża La Gaitana Farms SA et vs British Airways Plc (16).

20.      Filwaqt li kellha dubji dwar il-kompetenza tagħha li tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE għall-perijodi kkkontestati, ir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tirrinvija d-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“F’tilwima bejn partijiet leżi (f’dan il-każ, l-ispedituri, riċevituri ta’ servizzi ta’ merkanzija bl-ajru) u kumpanniji tal-ajru, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni – minħabba l-effett dirett tal-Artikolu 101 TFUE, jew mill-inqas tal-Artikolu 53 ŻEE, jew abbażi (l-effett immedjat tal-)Artikolu 6 tar-Regolament 1/2003 – sabiex tapplika b’mod sħiħ l-Artikolu 101 TFUE, jew mill-inqas l-Artikolu 53 ŻEE, fir-rigward tal-ftehimiet/prattiki miftiehma ta’ kumpanniji tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi ta’ merkanzija fuq titjiriet operati qabel l‑1 ta’ Mejju 2004 fuq rotot bejn ajruporti fl-Unjoni Ewropea u ajruporti barra ż-ŻEE, jew, qabel id‑19 ta’ Mejju 2005, fuq rotot bejn l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u ajruporti barra ż-ŻEE, jew, fuq titjiriet operati qabel l‑1 ta’ Ġunju 2002, bejn ajruporti fl-Unjoni u l-Isvizzera, ukoll għall-perijodu li fih kienet tapplika s-sistema tranżitorja tal-Artikoli 104 u 105 TFUE, jew is-sistema tranżitorja tipprekludi dan?”

21.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mir-rikorrenti, mill-konvenuti, mill-Gvern Norveġiż, mill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, kif ukoll mill-Kummissjoni. Ħlief għall-Gvern Norveġiż, dawk il-partijiet ippreżentaw argumentazzjoni orali fis-seduta li saret fil‑21 ta’ Jannar 2021.

IV.    Analiżi

22.      Dawn il-konklużjonijiet huma strutturati kif ġej. L-ewwel, nibda b’diskussjoni dwar il-kuntest legali ta’ dan il-każ (A). Sussegwentement, ngħaddi għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE mill-qorti tar-rinviju (B). Wara dan, nindirizza r-regoli ekwivalenti skont il-Ftehim ŻEE (C). Fl-aħħar nett, nikkonkludi b’osservazzjonijiet iktar ġenerali dwar l-infurzar ġudizzjarju ta’ regoli tal-kompetizzjoni (D).

A.      Il-qafas tat-Trattat u s-“sistema tranżitorja”

23.      Minħabba l-importanza tal-qafas tat-Trattat dwar ir-regoli tal-kompetizzjoni f’dan il-każ, insib li jeħtieġ nibda dawn il-konklużjonijiet billi niddeskrivi d-diversi elementi tal-Artikolu 101 TFUE u li neżamina bir-reqqa “t-tranżizzjonalità” preżunta tas-sistema ta’ infurzar stabbilita fl-Artikoli 104 u 105 TFUE (1). Wara dan, ser niġbor fil-qosor l-argumenti tal-partijiet u nqegħidhom fil-kuntest tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju (2).

1.      Tranżizzjonalità” dwar xiex?

24.      L-Artikolu 101 TFUE għandu struttura sempliċi. L-ewwel paragrafu tiegħu jipprojbixxi kull ftehim li jkollu bħala l-għan jew l-effett tiegħu r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni. It-tieni paragrafu jispjega l-konsegwenzi ta’ dik il-projbizzjoni: li kull ftehim li jinqabad bl-ewwel paragrafu jkun awtomatikament null. It-tielet paragrafu mbagħad jagħti eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-ewwel paragrafu: “[…] id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 jistgħu jiġu ddikjarati inapplikabbli” f’ċerti każijiet.

25.      L-Artikolu 101 TFUE huwa dispożizzjoni essenzjalment kompluta u awtonoma. Huwa fformulat f’termini ġenerali. Ma jirreferi għal ebda miżura ta’ implimentazzjoni, lanqas ma hemm xi ħaġa inerenti fl-Artikolu 101 TFUE li tista’ tissuġġerixxi li huwa ta’ għan jew applikazzjoni limitata. L-iktar importanti għal dan il-każ huwa li l-Artikolu 101 TFUE huwa istituzzjonalment għami. Ma jiffavorixxix istituzzjoni (partikolari) minn oħra. F’dan ir-rigward, wieħed ma jistax jislet kuntrast bejn il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u l-Artikolu 65(4) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar. Dan tal-aħħar jispeċifika li “l-Awtorità Għolja biss għandu jkollha l-ġurisdizzjoni” tiddetermina jekk ftehim ipprojbit ikunx kompatibbli ma’ dik id-dispożizzjoni.

26.      Mill-formulazzjoni tiegħu biss huwa għalhekk diffiċli s-suġġeriment li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi applikat b’mod differenti għal kull dispożizzjoni oħra tat-Trattat li tirreferi għal istituzzjoni li tapplika d-dritt tal-Unjoni, tkunx istituzzjoni tal-Istati Membri jew tal-Unjoni.

27.      Huwa biss bis-saħħa tal-Artikoli 103 sa 105 TFUE li elementi ta’ distinzjoni u “tranżizzjonalità” jiddaħħlu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

28.      Għalhekk, fl-ewwel paragrafu tiegħu, l-Artikolu 103 TFUE jispjega li huwa l-Kunsill li jistabbilixxi “ir-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti” fl-Artikolu 101 TFUE. It-tieni paragrafu jagħti eżempji mhux eżawrjenti dwar kif tista’ tiġi eżerċitata dik is-setgħa. Għall-finijiet ta’ din il-kawża, il-paragrafi (b) u (c) huma tal-ikbar interess. Dawk il-paragrafi jittrattaw, rispettivament, “regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3), meqjusa l-ħtieġa li tkun assigurata s-superviżjoni effettiva […] u s-simplifikazzjoni tal-amministrazzjoni”, u d-definizzjoni ta’, “fid-diversi fergħat tal-ekonomija, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet” tal-Artikolu 101 TFUE. Fi kliem ieħor, bl-Artikolu 103 TFUE, ir-responsabbiltà hija tal-Kunsill li jiddetermina l-għan tal-applikazzjoni u tas-superviżjoni amministrattiva tal-Artikolu 101 TFUE.

29.      Madankollu, x’jiġri sakemm il-Kunsill jiddeċiedi li jeżerċita s-setgħat tiegħu, kif previst fl-Artikolu 103 TFUE?

30.      Dan huwa fejn l-Artikoli 104 u 105 TFUE huma rilevanti. Dawk id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu “is-sistema tranżitorja”. Skont dik is-sistema, l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri kienu inkarigati jinfurzaw il-prinċipji li (preżentement) jinsabu fl-Artikolu 101 TFUE. Dan kien jinkludi l-għoti ta’ eżenzjonijiet skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Fiż-żmien li fih kienet applikata dik is-sistema, il-Kummissjoni kellha biss funzjoni minuri fl-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni, u biss “bla ħsara” għall-impenji tal-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri.

31.      Minħabba l-qafas kostituzzjonali, il-kunċett ta’ sistema “tranżitorja” huwa kważi terminu żbaljat. Huwa minnu li, fil-formulazzjoni oriġinali tiegħu, l-Artikolu 87 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem it-“Trattat KEE”) kien jistipula li l-Kunsill kellu jeżerċita s-setgħat tiegħu skont (dak li llum huwa) l-Artikolu 103 TFUE fi żmien tliet snin. Dak il-perijodu skada mingħajr ma l-Kunsill eżerċita dawk is-setgħat. Minkejja dan, it-Trattat ta’ Amsterdam issostitwixxa r-riferiment (li kien għadda żmienu) għal-limitu ta’ tliet snin għall-implimentazzjoni b’obbligu ġenerali għall-Kunsill li jistabbilixxi r-regolamenti u d-direttivi xierqa sabiex “jimplimenta” (dak li llum huwa) l-Artikolu 101 TFUE (17) B’dan il-mod, il-fatt li saret konferma de iure ta’ dak li de facto kien il-każ għal xi żmien, dik li suppost kienet “it-tranżizzjonalità” tas-sistema “tranżitorja” stabbilita skont (dak li llum huma) l-Artikoli 104 u 105 TFUE sparixxiet.

32.      Meqjus f’dan il-kuntest, l-Artikolu 104 TFUE fil-fatt veru pprovda regola ta’ inadempjenza dwar kif tkun ittrattata l-ammissibbiltà ta’ ftehimiet li jkunu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet tal-Istati Membri jkunu kompetenti jiżguraw konformità mar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni għall-perijodu indefinit sakemm il-Kunsill jieħu l-inkarigu billi jagħmel arranġament amministrattiv differenti ta’ infurzar tar-regoli tat-Trattat dwar il-kompetizzjoni.

33.      Fi kliem ieħor, filwaqt li tabilħaqq hija kienet stabbilita għal żmien limitat, is-sistema “tranżitorja” sfat inqas u inqas “tranżitorja” maż-żmien, minħabba li ma kienx hemm “tranżizzjoni” fis-sens ordinarju ta’ dik il-kelma minn sitwazzjoni għal oħra. Minflok, dik is-sistema kienet aktarx waħda “potenzjalment modulari” fir-rigward ta’ elementi speċifiċi ta’ deċentralizzazzjoni (u riallokazzjoni) tal-kompetenza ta’ infurzar ta’ ċerti partijiet tal-Artikolu 101 TFUE. Dan l-aħħar aspett huwa kkonfermat bl-iżvilupp tas-sistema kollha kemm hi, li baqgħet għaddejja, tul is-snin, lura u ’l quddiem: minn deċentralizzazzjoni għal ċentralizzazzjoni ta’ ċerti elementi, u mbagħad lura għal darba oħra għal deċentralizzazzjoni parzjali, bir-regoli ta’ kompetenza stabbiliti fl-Artikolu 103(2) TFUE jakkomodaw testwalment dawk il-bidliet mingħajr ebda problema.

2.      Il-funzjoni tal-qrati nazzjonali fis-“sistema tranżitorja”

34.      L-Artikoli 103 sa 105 TFUE huma siekta dwar il-funzjoni tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, ikunx fil-kuntest tas-sistema “tranżitorja” jew le. Dan huwa l-għan ta’ din il-kawża. Effettivament, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-projbizzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE tistax tkun applikata mill-qrati nazzjonali, fejn seħħew il-prattiki antikompetittivi inkwistjoni, għall-parti l-kbira minnhom, fiż-żmien tal-applikazzjoni tas-“sistema tranżitorja”.

35.      Mal-ewwel daqqa ta’ għajn, dik id-diskussjoni jista’ jkollha rabta ma’ żmien fl-imgħoddi. Il-partijiet kollha f’din il-kawża jaqblu li r-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew ta lill-qrati nazzjonali s-setgħa japplikaw l-Artikolu 101 TFUE b’mod sħiħ, jew għall-inqas ikkonferma li din kienet teżisti. Madankollu, konkretament, meta l-kwistjoni mqajma mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam) tiġi riżolta, dan għandu jolqot l-invokazzjoni iktar wiesgħa tad-drittijiet privati bil-ħsieb li jkun żgurat li jingħataw danni għal telf minħabba kondotta li setgħet tirrestrinġi jew toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni – indipendentement minn meta tkun seħħet dik il-kondotta u indipendentement minn liema awtorità amministrattiva tkun investigat dik il-kondotta.

36.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali qegħdin jippruvaw jinvokaw drittjiet privati b’dan il-mod. Dan huwa għaliex, fid-Deċiżjoni tagħha tal-2017, il-Kummissjoni sabet evidenza ta’ prattiki ta’ koordinazzjoni kontinwi tal-prezzijiet mill-1999 sal-2006 fis-settur tat-trasport ta’ merkanzija bl-ajru. Madankollu, minħabba s-sistema ta’ leġiżlazzjoni sekondarja stabbilita mill-Kunsill skont l-Artikolu 103 TFUE, il-Kummissjoni llimitat dak li sabet dwar ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE rispettivament, għal rotot Unjoni-pajjiżi terzi mill‑1 ta’ Mejju 2004, u għal rotot ŻEE mhux tal-Unjoni-pajjiżi terzi mid‑19 ta’ Mejju 2005. Konsegwentement, jekk l-oġġezzjonijiet tal-konvenuti għall-kompetenza tal-qorti nazzjonali jintlaqgħu, il-perijodu qabel dawk id-dati jkun, effettivament, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kawżi privati għal rimedju għal kondotta antikompetittiva skont l-Artikolu 101(1) TFUE.

37.      Bil-bosta, il-kwistjoni bażika u ġenerali ta’ din il-kawża hija, għalhekk, jekk l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE mill-qrati nazzjonali tistax tkun limitata jew eskluża għalkollox b’leġiżlazzjoni sekondarja li tirrestrinġi infurzar amministrattiv tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

38.      Fis-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati r-risposta għal dik id-domanda tinsab moħbija taħt ħafna safef ta’ ġurisprudenza u leġiżlazzjoni sekondarja. Essenzjalment, ir-rikorrenti, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Gvern Norveġiż jispjegaw li “is-sistema tranżitorja” rrestrinġiet l-infurzar tal-prinċipji bażiċi tal-Artikolu 101(1) TFUE biss permezz “tar-rotta amministrattiva”. Dak, madankollu, ma llimitax l-effett dirett tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE waqt li jiġu invokati quddiem il-qrati nazzjonali, jiġifieri “r-rotta ġudizzjarja” indipendenti.

39.      Il-konvenuti, il-parti l-kbira minnhom sostnuti mill-Kummissjoni, jikkontestaw dan. Fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-qrati nazzjonali ma kellhomx kompetenza japplikaw l-Artikolu 101(1) TFUE għal żewġ raġunijiet. L-ewwel, il-Kunsill, meta aġixxa skont l-Artikolu 103 TFUE, illimita l-għan tal-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 101 TFUE. Għalhekk is-settur tat-trasport bl-ajru ma kienx espost kompletament għall-“prinċipji” li hemm f’dik id-dispożizzjoni qabel id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni, skont “is-sistema tranżitorja”, tkun biss awtorità nazzjonali dwar il-kompetizzjoni, u f’xi każijiet il-Kummissjoni, li tista’ tieħu pożizzjoni dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim antikompetittivi mal-Artikolu 101 TFUE. Minħabba dawk il-limitazzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, il-prinċipju ta’ omoġeneità jitlob li l-effett dirett tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE jiġi limitat bl-istess mod.

40.      Fil-fehma tiegħi, ir-risposta korretta għal dak il-ħsieb tirriżulta direttament mill-Artikolu 101 TFUE, mill-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u mir-regoli dwar il-kompetizzjoni f’sens wiesa’. Għalhekk, ngħaddi issa għal dik id-diskussjoni.

B.      L-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE mill-qorti tar-rinviju f’din il-kawża

41.      B’mod ġenerali, għandhom jiġu diskussi tliet kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE mill-qrati nazzjonali. L-ewwel, l-effetti ta’ limitazzjoni potenzjali tas-“sistema tranżitorja” stabbilita fl-Artikoli 104 u 105 TFUE fuq l-Artikolu 101 TFUE dwar il-kompetenzi standard ta’ qrati nazzjonali (1). It-tieni, l-estent sa fejn l-effett dirett ta’ prinċipji li issa jinsabu fl-Artikolu 101(1) TFUE huwa invokat mil-parti li titlob l-infurzar tad-drittijiet tagħha quddiem il-qrati nazzjonali (2). It-tielet, l-għan tal-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-każ partikolari inkwistjoni, jiġifieri għas-settur tat-trasport bl-ajru (3). Ser nindirizza kull kwistjoni waħda wara l-oħra.

1.      L-effett tas-“sistema tranżitorja” fuq l-Artikolu 101 TFUE

42.      Fis-sottomissjonijiet tagħhom, il-konvenuti jargumentaw, essenzjalment, li “is-sistema tranżitorja” tal-Artikoli 104 u 105 TFUE tiċħad lill-qrati nazzjonali mill-kompetenza tagħhom li japplikaw l-Artikolu 101 TFUE. B’risposta għal domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni ħadet l-istess pożizzjoni. Fi kliemha, l-Artikoli 104 u 105 TFUE jista’ jkollhom l-effett ta’ “pawża” għall-kompetenza tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE f’ċerti ċirkustanzi.

43.      Ma naqbilx.

44.      Mill-formulazzjoni tal-Artikoli 104 u 105 TFUE, ma nsib xejn li jammonta għal “buttuna pawsa” fir-rigward tal-kompetenza ta’ qrati nazzjonali. Fil-fatt, ebda waħda miż-żewġ dispożizzjonijiet ma tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE għal qrati nazzjonali. L-Artikoli 104 u 105 TFUE sempliċement jistabbilixxu kif għandu jsir l-infurzar amministrattiv tal-Artikolu 101 TFUE matul iż-żmien sakemm il-Kunsill ikun ħa azzjoni skont l-Artikolu 103 TFUE. Madankollu, din l-azzjoni ma tindirizzax l-applikazzjoni ġudizzjarja tal-Artikolu 101 TFUE minn qrati nazzjonali.

45.      Sabiex inkun preċiż: fil-fehma tiegħi, l-applikazzjoni ġudizzjarja tal-Artikolu 101(1) TFUE ovvjament ma hijiex limitata għall-istħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet amministrattivi li qabel kienu applikaw u infurzaw regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. L-istħarriġ ta’ deċiżjoni amministrattiva li tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE ċertament huwa mod li bih qrati nazzjonali jistgħu jintalbu japplikaw dik id-dispożizzjoni. Hemm madankollu oqsma oħra tal-liġi jew mezzi oħra ta’ rimedju li fihom qrati nazzjonali jistgħu, possibbilment, bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali, jintalbu japplikaw l-istess dispożizzjoni: qis, pereżempju, tipi oħra ta’ stħarriġ amministrattiv, kawżi skont il-liġi ċivili jew anki prosekuzzjonijiet kriminali.

46.      Inqis li huwa importanti nenfasizza dan l-element mill-bidu nett. Dan għaliex jidher li teżisti tendenza riduzzjonista distinta fis-sottomissjonijiet tal-konvenuti u tal-Kummissjoni dwar dan. Fil-fehma tagħhom, essenzjalment, “l-applikazzjoni” tal-Artikolu 101 TFUE tfisser “l-infurzar” ta’ dik id-dispożizzjoni, li mbagħad għandha rabta “mal-investigazzjoni u l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi”. Dawn ġew fdati lill-Kummissjoni jew lil awtoritajiet amministrattivi nazzjonali biss. B’dik il-loġika, il-qrati nazzjonali, impliċitament, ikunu qegħdin jingħataw biss kompetenza skont “is-sistema tranżitorja” jekk jintalbu jistħarrġu ġudizzjarjament l-infurzar amministrattiv imwettaq minn awtorità amministrattiva nazzjonali.

47.      Ma naqbilx. Kieku qorti nazzjonali kienet ntalbet tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE fi ħdan il-kompetenza u l-proċeduri eżistenti tagħha qabel ma l-Kunsill kien għamel leġiżlazzjoni sekondarja sabiex “jagħti effett” lill-prinċipji bażiċi tal-Artikolu 101 TFUE, allura, dażgur, dik il-qorti nazzjonali kien ikollha tapplika b’mod sħiħ dik id-dispożizzjoni (18).

48.      Dan huwa eżempju ta’ karatteristika komuni li l-Artikolu 101 TFUE jikkondividi ma’ għadd ta’ dispożizzjonjiet oħra tat-Trattat, bħall-Artikoli 45 u 46 TFUE (il-moviment liberu tal-ħaddiema), l-Artikolu 49 u l-Artikolu 50(2) TFUE (il-libertà tal-istabbiliment) u l-Artikolu 157 TFUE (il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali). F’dawk il-każijiet kollha, kif ukoll f’oħrajn, id-dispożizzjoni tat-Trattat inkwistjoni l-ewwel issemmi l-prinċipju u sussegwentement tindika l-istituzzjoni(jiet) xierqa tal-Unjoni li ser “ilaħħmu” dak il-prinċipju billi jadottaw regoli addizzjonali u speċifiċi li xi drabi jindikaw ukoll eżattament x’għandhom ikopru dawk ir-regoli ta’ “implimentazzjoni”. Madankollu, għal għexieren ta’ snin, din il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, anki fejn ma jkunx għad hemm ir-regoli “ta’ implimentazzjoni” meħtieġa, “il-prinċipju bażi”, kif previst fid-dispożizzjoni tat-Trattat, għandu, jekk ikun minnu nnifsu effettiv direttament, jiġi applikat indipendentement permezz tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali kollha, inklużi, u b’mod partikolari, il-qrati nazzjonali, meta jintalbu japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet għall-każijiet quddiemhom.

49.      L-Artikolu 157 TFUE u l-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali jistgħu jkunu ta’ eżempju f’dan ir-rigward: anki qabel ma kienu saru liġijiet sekondarji għal dan il-għan mil-leġiżlatur tal-Unjoni, kien ċar li l-qrati nazzjonali kienu responsabbli għall-ħarsien tal-effikaċja sħiħa tagħhom u kellhom japplikaw dak il-prinċipju indipendentement minn kull “infurzar amministrattiv” għal kawżi (ċivili) quddiemhom (19). Dik il-konklużjoni ma għandhiex tkun sorprendenti: il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement iddeċidiet li l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, irrispettivament mill-forma, ma tipprekludix lil dak li jkun milli jinvoka dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li għandhom effett dirett (20).

50.      Għaldaqstant, mill-aspett strutturali tat-Trattat, l-applikabbiltà ta’ (dak li issa huwa) l-Artikolu 101 TFUE mill-qrati nazzjonali kienet teżisti mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE. Barra minn hekk, l-ewwel u t-tieni paragrafu ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 101 TFUE ħallew effetti sħaħ anki qabel ma l-Kunsill aġixxa skont “is-setgħa tiegħu” prevista fl-Artikolu 103(1) TFUE (21).

51.      F’dan il-kuntest, huwa madankollu meħtieġ li jiġi eżaminat kemm l-Artikolu 101(1) TFUE kien, tabilħaqq, direttament effettiv qabel ma l-Kunsill stabbilixxa “ir-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) TFUE”.

2.      L-effett dirett tal-Artikolu 101(1) TFUE

52.      B’risposta għad-domanda magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-konvenuti u l-Kummissjoni kienu tal-fehma li ma kienx hemm effett dirett tal-Artikolu 101(1) TFUE qabel ma l-Kunsill aġixxa skont l-Artikolu 103(2)(b) TFUE. Ma tista’ tinsilet ebda konklużjoni oħra minħabba li, diġà fl-1962, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet interpretat l-Artikolu 101 TFUE bħala li jikkostitwixxi “kollox indivisibbli” (22). Barra minn hekk, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Courage u Crehan (23) hija xhieda tal-ħtieġa li għandha tittieħed azzjoni minn qabel mill-Kunsill, minħabba li dik il-kawża kienet fil-fatt irrikonoxxiet li kien jeżisti effett dirett biss wara li l-Kunsill kien adotta miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tal-Artikolu 101 TFUE. Dik id-dispożizzjoni ma setgħetx, għalhekk, tkun, minnha nnifisha, direttament effettiva.

53.      Għall-kuntrarju, ir-rikorrenti jikkontestaw dik il-pożizzjoni billi jinvokaw primarjament fuq is-sentenza SABAM (24) sabiex jargumentaw li l-effett dirett tal-Artikolu 101(1) TFUE ma jeħtiġlux miżuri ta’ implimentazzjoni minn qabel.

54.      Naqbel mar-rikorrenti. Fil-fehma tiegħi, il-pożizzjoni tal-konvenuti u tal-Kummissjoni b’mod figurattiv tqiegħed “il-karettun qabel iż-żiemel”.

55.      Hija ġurisprudenza stabbilita li effett dirett għandu jiġi eżaminat fid-dawl tan-natura, tal-iskema ġenerali u tal-formulazzjoni tad-dispożizzjoni inkwistjoni (25). Dispożizzjoni jkollha effett dirett jekk tkun ċara u preċiża biżżejjed (26) u inkondizzjonata (27). Bħala tali, dispożizzjoni kollha hemm hi ma jeħtiġilhiex tkun direttament effettiva jew applikabbli verbatim. Minflok, il-Qorti tal-Ġustizzja tipproċedi b’estrazzjoni: jiġifieri, tipprova tiddetermina jekk regola speċifika u direttament applikabbli ta’ kondotta tkunx tista’ tiġi estratta mid-dispożizzjoni (x’aktarx itwal u iktar kumplessa) tad-dritt tal-Unjoni (28).

56.      Is-sentenzi SABAMu Courage u Crehanhuma eżempji adatti għal dak il-mod “relazzjonali” għal effett dirett. Fil-kawża SABAM, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-projbizzjoni tal-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 101(1) TFUE) tista’ tintuża bħala “tarka” b’rabta mad-drittijiet speċifiċi ta’ kompożitur ta’ kanzunetti li, f’kuntratt ma’ soċjetà ta’ ġbir ta’ royalties ta’ awturi, ma jkunx hemm klawżola esklużiva ta’ assenjazjoni li tkun infurzata kontrih (29). Bl-istess mod, fil-kawża Courage u Crehan, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik l-istess dispożizzjoni setgħet tintuża bħala “tarka” b’rabta ma’ talba għal danni li rriżultaw minn klawżola kuntrattwali kuntrarja għall-Artikolu 85 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 101 TFUE) (30). Fiż-żewġ kawżi, il-Qorti tal-Ġustizzja, għalhekk, għażlet mill-Artikolu 101 TFUE kollu l-parti tad-dispożizzjoni li tipproduċi effett dirett bejn individwi: il-projbizzjoni ta’ ċerti ftehimiet antikompetittivi, liema projbizzjoni tinsab fl-ewwel paragrafu ta’ dik id-dispożizzjoni (31).

57.      Dik il-projbizzjoni hija inekwivoka, u tistabbilixxi obbligu legali ċar u eżegwibbli: “ma għandekx twettaq akkordju”. Ma hemm ebda kundizzjoni mehmuża ma’ dik id-direzzjoni: kull ftehim bħal dak bejn impriżi jkun “inkompatibbli mas-suq intern”. Huwa dak id-dritt awtoeżegwibbli li individwi jgawdu direttament mit-Trattat, li huma jistgħu jiċċitaw sabiex jinvokaw it-talbiet tagħhom, u li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw (32).

58.      Kuntrarjament għal dak li argumentat il-Kummissjoni fis-seduta, in-natura tad-drittijiet protetti bl-Artikolu 101(1) TFUE ma hijiex affettwata mill-assenjazzjoni proċedurali (skont l-Artikolu 103(2)(b) TFUE) li biha istituzzjoni tista’ proċeduralment “tapprova” ftehim skont l-Artikolu 101(3) TFUE. Tabilħaqq, huwa ċar minnu nnifsu li, f’ċerti każijiet, qorti jkun jeħtiġilha biss tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE sabiex tagħti danni ċivili fil-każ ta’ attività antikompetittiva (33). Bl-istess mod, qorti jista’ jkun jeħtiġilha biss tapplika l-Artikolu 101(2) TFUE sabiex tiddetermina s-separazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali inkompatibbli (34). Fi kliem ieħor, minħabba n-natura speċifika ta’ ċerti talbiet quddiem qorti nazzjonali, il-komponenti individwali tal-Artikolu 101 TFUE jistgħu tabilħaqq ikunu separabbli. F’tali ċirkustanzi, il-qrati nazzjonali ma jkunx jeħtiġilhom japplikaw l-Artikolu 101(3) TFUE.

59.      Fil-fatt, is-sentenzi SABAM u Courage u Crehan huma xhieda perfetta tar-relazzjoni indipendenti tal-ewwel u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 101 TFUE. Iż-żewġ kawżi seħħew fi żmien meta l-Kunsill kien eżerċita s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 103(2)(b) TFUE u kien assenja lill-Kummissjoni l-kompetenza unika li tiddeċiedi skont l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 101(3) TFUE). Il-fatt li istituzzjoni (il-Kummissjoni) kienet responsabbli tiddeċiedi dwar jekk kienx japplika dak li qabel kien l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE ma kienx rilevanti għall-infurzar tad-drittijiet imsemmija fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE (35).

60.      Dik il-konklużjoni ma hijiex affettwata mid-deskrizzjoni ta’ “kollox indivisibbli” tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE fil-kawża de Geus (36). F’dik il-kawża, distributur Ġermaniż ta’ friġġijiet Bosch kien iċċita l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE għad-difiża tiegħu sabiex jannulla klawżola ta’ “projbizzjoni ta’ esportazzjoni” fi ftehim ta’ distribuzzjoni esklużiva li huwa kellu ma’ Bosch. Madankollu, il-fatti ta’ dak il-każ kienu seħħew qabel ma daħal fis-seħħ ir-Regolament Nru 17/62. Dan kien ifisser li ma kienx hemm proċedura amministrattiva sabiex ikunu ttrattati l-effetti riżultanti mill-Artikolu 85(1) u (2) tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 101(1) u (2) TFUE). F’dak il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex għażla oħra ħlief li tissokta tapplika l-ftehim inkwistjoni, sakemm kien hemm proċedura amministrattiva sabiex tittratta possibbilment applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) Trattat KEE (illum l-Artikolu 101(3) TFUE) (37).

61.      Kien f’dawk il-limiti fattwali li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE kien “kollu indiviżibbli” (38). L-interpretazzjoni opposta kienet twassal għal riżultat inammissibbli: “li ftehimiet jisfaw awtomatikament nulli mingħajr ma jkun anki possibbli li jingħad liema jkunu l-ftehimiet li għalihom l-Artikolu 85 japplika kollu kemm hu” (39).

62.      Is-sentenza de Geuskienet, għalhekk, ingħatat meta kien hemm nuqqas istituzzjonali li ma kienx hemm arranġament amministrattiv sabiex jittratta l-effetti “tal-applikabbiltà [tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE] minn meta kien daħal fis-seħħ it-Trattat” (40). Kif l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA sewwa tgħid, f’dak il-waqt il-kwistjoni ta’ effett dirett (u, għalhekk, ir-riferiment individwali għall-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE quddiem il-qrati nazzjonali) ma kienx hemm lok għalih, minħabba li de Geus kienet deċiża qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja kienet l-ewwel ikkjarifikat il-kunċett tal-effett dirett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat KEE (41).

63.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha, nikkonstata li wieħed jista’ tabilħaqq jislet biss gwida limitata ħafna minn sentenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija fl-1962 f’ċirkustanzi legali u kostituzzjonali differenti ħafna. B’mod partikolari, fl-assenza ta’ kull effett dirett ta’ dispożizzjonijiet tat-Trattat, naturalment il-kwistjoni biss ta’ kompetenza ta’ infurzar amministrattiv attribwita espressament, jew pjuttost l-assenza tagħha, kienet, tabilħaqq, tkun konklużiva.

64.      Jiena wkoll ma iniex konvint mis-sottomissjonijiet tal-konvenuti dwar Asjes et (42) u Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (43), li l-konvenuti invokaw sabiex isostnu l-pożizzjoni tagħhom dwar il-kwistjoni ta’ effett dirett tal-Artikolu 101(1) TFUE. Dawk il-kawżi ma kinux deċiżi fil-kuntest ta’ parti li ssemmi l-effett dirett ta’ dik id-dispożizzjoni. Minflok, il-kwistjoni kienet tikkonċerna n-nullità awtomatika skont l-Artikolu 85(2) tat-Trattat KEE ta’ tariffi tal-ajru approvati mill-gvern qabel ma awtorità amministrattiva kienet ħadet deċiżjoni dwar il-kompatibbiltà tagħhom mal-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE, kienx dak skont is-sistema applikabbli matul “il-perijodu tranżitorju” tal-Artikoli 88 u 89 tat-Trattat KEE (illum l-Artikoli 104 u 105 TFUE) jew skont ir-Regolament (KEE) Nru 3975/87) (44). Minħabba li la “l-awtoritajiet tal-Istati Membri” (45) u l-anqas il-Kummissjoni (46) ma kienu ddeċidew dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE għall-ftehimiet inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull nullità ta’ tali ftehimiet ma setgħetx tkun preżunta awtomatikament minħabba l-fatt biss li l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE seta’ possibbilment ikun applikabbli għall-ftehimiet inkwistjoni.

65.      Is-sentenzi Asjes et u Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro, għalhekk, inqabdu f’nassa ta’ loġika ta’ żmienhom: f’ċirkustanzi fejn ma kienet ittieħdet ebda deċiżjoni amministrattiva mill-awtoritajiet tal-Istati Membri jew mill-Kummissjoni dwar ftehimiet allegatament antikompetittivi skont l-Artikolu 85(3) tat-Trattat KEE, iżda approvazzjoni retroattiva futura baqgħet possibbli skont is-sistema fis-seħħ dak iż-żmien; kien ovvju li operaturi ekonomiċi kien jeħtiġilhom ikunu jistgħu jassumu, in bona fide, li r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom ma jkunux awtomatikament nulli sakemm l-awtoritajiet amministrattivi inkwistjoni jkunu ddeċidew dwar il-ftehimiet jew il-prattiki tagħhom (47).

66.      F’dan il-każ, b’mod iktar importanti, il-konvenuti ma jistgħux jinvokaw kunflitt li joriġina minn approvazzjoni retroattiva possibbli tal-kondotta inkwistjoni. Fil-fatt, is-sistema ta’ “eżenzjoni” tar-Regolament Nru 1/2003, kif emendat, li rrevoka s-sistema preċedenti tar-Regolamenti Nri 17/62 u 3975/87, ma tippermettix azzjoni retroattiva. Barra minn hekk, kif juri l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 1/2003, ftehimiet li ma kinux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti Nri 17/62 u 3975/87, u li kienu nnotifikati lill-Kummissjoni, kienu skadew b’effett mill‑1 ta’ Mejju 2004. Fi kliem ieħor, anki jekk il-konvenuti kienu nnotifikaw il-ftehimiet lill-Kummissjoni (48), dawk in-notifiki, f’kull każ, ma kinux japplikaw bħala “waqfa retroattiva” għat-trattament tal-istess ftehimiet skont is-sistema fis-seħħ bir-Regolament Nru 1/2003.

67.      B’hekk, għal darba oħra, tajjeb jiġi innotat b’mod speċifiku li fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, ma hemmx il-koerenza interna ewlenija “tal-obbligu tal-Artikolu 101 TFUE”, kif ukoll tal-ħtieġa ta’ ċertezza legali għal operaturi ekonomiċi. Dik it-tieqa hija magħluqa għal xi żmien.

68.      Fil-qosor, huwa għalhekk ċar li l-Artikolu 101(1) TFUE u l-predeċessuri tiegħu kienu direttament applikabbli mad-dħul fis-seħħ tat-Trattat KEE. Dawn baqgħu direttament effettivi matul dak il-perijodu sabiex l-individwi setgħu jinvokaw id-drittijiet tagħhom quddiem il-qrati kompetenti nazzjonali. Fuq kollox, din is-setgħa indipendenti, inerenti tal-qrati nazzjonali li japplikaw l-Artikolu 101(1) TFUE skont dik is-setgħa u konformement mat-tip ta’ proċeduri li huma kellhom skont id-dritt nazzjonali, fil-fatt qatt ma kienet ristretta mill-Kunsill bl-applikazzjoni ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 103 TFUE.

69.      Madankollu, il-mistoqsija tibqa’ jekk hemmx jew kienx hemm xi restrizzjonijiet dwar l-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 101(1) TFUE għall-każ speċifiku tas-settur tat-trasport bl-ajru.

3.      L-iskop “ratione materiae” tal-Artikolu 101(1) TFUE

70.      Il-konvenuti u l-Kummissjoni jsostnu li minħabba li l-Kunsill ma eżerċitax il-kompetenza tiegħu skont l-Artikolu 103(2)(c) TFUE sabiex jiftaħ is-settur tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu għar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat, il-qrati nazzjonali ma setgħux jaġixxu dwar kawża ppreżentata skont l-Artikolu 101(1) TFUE sabiex jiġi ddikjarat li tali ftehimiet kienu inkompatibbli. Jiġifieri, anki jekk seta’ jkun hemm effett dirett. Dawk il-partijiet jinnotaw l-esklużjoni speċifika tas-settur tat-trasport bl-ajru kollu kemm hu mir-Regolament Nru 17/62 u l-ftuħ limitat tar-regoli tal-kompetizzjoni għal “rotot intra-Unjoni” dwar trasport bl-ajru permezz tar-Regolament Nru 3975/87. Kien biss mill‑1 ta’ Mejju 2004, id-data ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1/2003, kif emendat, li s-settur tat-trasport bl-ajru kellu jinfetaħ għar-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni (49).

71.      Ma naqbilx ma’ dawk is-sottomissjonijiet.

72.      Bis-saħħa tal-Artikolu 103(1) TFUE, il-Kunsill għandu jagħmel “[i]r-regolamenti jew id-direttivi xierqa għall-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti” fl-Artikolu 101 TFUE. L-Artikolu 103(2) TFUE mbagħad jelenka eżempji dwar kif dan jista’ jintlaħaq mill-Kunsill. Il-paragrafu (c) jgħid li l-Kunsill jista’, “fejn meħtieġ […], jiddefinixx[i] […] dwar id-diversi setturi ekonomiċi”, l-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

73.      Hija n-natura espressament fakultattiva ta’ dik l-azzjoni li tagħżel il-paragrafu (c) mill-paragrafu (b) tal-Artikolu 103(2) TFUE u r-rekwiżit li “jitlaħħam” l-Artikolu 101(3) TFUE. Fil-fatt, ir-riferiment fil-paragrafu (c) tal-Artikolu 103(2) TFUE għal “fejn meħtieġ” (50) b’mod ċar jindika li l-għan tal-applikazzjoni tal-prinċipji tal-Artikolu 101 TFUE kien, minħabba inadempjenza, intiż sabiex ikopri l-ekonomija kollha, bil-Kunsill jiddeċiedi jekk jabbandunax dik is-sitwazzjoni ta’ inadempjenza għal fergħat speċifiċi tal-ekonomija.

74.      L-indispensabbiltà tas-suq uniku li ssostni dak l-arranġament hija misterjuża: naturalment, l-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE seta’ kien li ġie abbozzat bil-ħsieb li jkun hemm tkabbir gradwali, b’waqtiet “diġeribbli” li huwa l-għan tal-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. B’dan il-mod, għall-qasam partikolari tat-transport, kif kien sar dwar il-politika agrikola komuni, dawk il-modi settorjali (speċifiċi) setgħu ngħataw preċedenza fuq ir-regoli (ġenerali) tal-kompetizzjoni (51).

75.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ (52). Għalhekk, fil-fehma tiegħi, u partikolarment fid-dawl tal-istruttura tal-Artikoli 101 u 103 TFUE, it-Trattat jibda mill-aspett ta’ applikazzjoni sħiħa ta’ regoli tal-kompetizzjoni għal kull waħda mill-fergħat u għall-fergħat kollha tal-ekonomija. Sabiex jinkiseb dak l-impenn it-Trattat beda b’ratione materiae ġeneralment mingħajr inibizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE fl-interess li jinkiseb suq komuni funzjonabbli (53) suġġett biss għall-possibbiltà ta’ “fejn meħtieġ” tal-esklużjoni settorjali speċifika li hemm fl-Artikolu 103(2)(c)TFUE.

76.      Kuntrarjament għas-sottomissjonijiet tal-konvenuti u tal-Kummissjoni, ir-Regolamenti Nri 17/62 u Nru 3975/87 ma jurux li l-Kunsill ipprova jillimita l-għan tal-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 101(1) TFUE. Fil-fatt, ir-Regolament Nru 17/62 prinċipalment stabbilixxa sistema proċedurali għall-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ dak li qabel kien l-Artikolu 85(1) u (3) tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 101(1) u (3) TFUE) (54). Ma kien jgħid xejn dwar l-għan ratione materiae tal-Artikolu 101(1) TFUE. Bl-istess mod, ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 141/62 li jemenda r-Regolament Nru 17/62 kien jgħid biss li s-sistema amministrattiva stabbilita bir-Regolament Nru 17/62 ma kellhiex tapplika għas-settur tat-transport (u, b’hekk, għat-trasport bl-ajru) (55). Dik l-esklużjoni, madankollu, ma hijiex relatata mal-iskop ratione materiae tal-Artikolu 101(1) TFUE meta dan ikun applikat mill-qrati nazzjonali għas-settur tat-trasport bl-ajru.

77.      Fl-aħħar nett, fir-Regolament Nru 3975/87 hemm parzjalment “inklużjoni fakultattiva” tas-settur tat-trasport bl-ajru biss għall-applikazzjoni amministrattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Kif spjegat fit-tieni premessa ta’ dak ir-Regolament, dik l-inklużjoni fakultattiva parzjali kienet meħtieġa minħabba li “[i]l-Kummissjoni [ma kellha] l-ebda mezz sabiex tinvestiga direttament każijiet ta’ suspett ta’ ksur tal-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat fit-trasport bl-ajru” (56). Għal darba oħra, madankollu, dan ir-regolament bl-ebda mod ma jillimita l-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE f’azzjoni għad-danni privata quddiem il-qrati nazzjonali.

78.      Fi kliem ieħor, l-arranġament kollu kemm hu li allegatament il-qasam tat-trasport bl-ajru jkun eskluż mill-Artikolu 101 TFUE attwali kien limitat għall-infurzar amministrattiv tal-prinċipji msemmija f’dik id-dispożizzjoni (57). Ir-Regolamenti Nri 17/62 u Nru 3975/87 ma affettwawx l-applikazzjoni ġudizzjarja mill-qrati nazzjonali, skont l-iskop tas-setgħat rispettivi, li huma kellhom b’mod indipendenti skont id-dritt nazzjonali, tal-prinċipji li llum jinsabu fl-Artikolu 101(1) TFUE (58). Fil-fatt, f’dan ir-rigward, naqbel mar-rikorrenti u mal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA: dik “ir-rotta parallela” li possibbilment tinforza l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) TFUE baqgħet ma ntlaqtitx mil-leġiżlazzjoni sekondarja magħmula mill-Kunsill.

79.      Għalhekk, il-fatt li ma hemm ebda regoli speċifiċi fid-dritt nazzjonali li tirregola l-applikazzjoni ġudizzjarja tal-Artikolu 101 TFUE ma jistax iżomm lir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam) milli tapplika l-Artikolu 101(1) TFUE fis-settur tat-trasport bl-ajru, fejn dik id-dispożizzjoni tiġi invokata sabiex tinkiseb sentenza dikjaratorja u danni riżultanti minn kondotta antikompetittiva tal-konvenuti għal rotot Unjoni-pajjiżi terzi qabel l‑1 ta’ Mejju 2004.

C.      Ir-rabta bejn l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u r-regoli primarji tal-kompetizzjoni tal-Unjoni

80.      Il-Gvern Norveġiż u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA jsostnu li, minħabba li l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE huwa sostanzjalment identiku għall-Artikolu 101 TFUE, il-prinċipju ta’ omeġeneità jitlob li dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet jiġu interpretati b‘mod uniformi. Fis-seduta, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA spjegat ukoll li l-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 104 TFUE fil-Ftehim ŻEE ma taffettwax tali interpretazzjoni omoġenea tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE minħabba li, fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 104 TFUE ma jillimitax l-Artikolu 101 TFUE.

81.      Il-Kummissjoni taqbel li l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jeħtiġilhom ikunu interpretati b’armonija. Madankollu, fis-seduta hija kellha dubji dwar jekk l-assenza ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 104 TFUE taffettwax dak l-inkarigu, l-iktar minħabba li l-effett tal-Artikoli 104 u 105 TFUE ikun li titneħħa l-kompetenza tal-qrati nazzjonali li japplikaw direttament l-Artikolu 101(1) TFUE.

82.      Essenzjalment, il-konvenuti jieħdu l-istess pożizzjoni bħal dik tal-Kummissjoni. Fil-fehma tagħhom, “is-sistema tranżitorja” skont l-Artikoli 104 u 105 TFUE ma kinitx tippermetti li l-Artikolu 101(1) TFUE ikun direttament effettiv, sabiex b’hekk l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE għandu wkoll jiġi interpretat bħala li ma jkollux effett dirett qabel ma l-Kumitat Konġunt ikun iddikjara li r-Regolament Nru 1/2003 kien applikabbli fiż-ŻEE mid‑19 ta’ Mejju 2005.

83.      Fid-dawl tal-konklużjonijiet tiegħi fit-Taqsima B ta’ dawn il-konklużjonijiet, naqbel mas-sottomissjonijiet tal-Gvern Norveġiż u tal-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

84.      Ma huwiex ikkontestat li l-Ftehim ŻEE jikkostitwixxi parti integrali mid-dritt tal-Unjoni (59). Fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu inkundizzjonati u preċiżi biżżejjed, dawn ikollhom effett dirett fl-Istati Membri (60) Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, skont il-prinċipju ta’ omoġeneità (61), dispożizzjonijiet tal-Ftehim ŻEE, li jkunu sostanzjalment identiċi għal dawk tat-Trattat, għandhom ikunu interpretati b’mod uniformi (62).

85.      L-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE rispettivament jistabbilixxu projbizzjoni, l-effett ta’ dik il-projbizzjoni u, possibbilment, deroga minn dik il-projbizzjoni. Fid-dawl tal-prinċipju ta’ omoġeneità, dawk iż-żewġ dispożizzjonijiet għandhom, għalhekk, jiġu interpretati b’mod uniformi (63). Għaldaqstant, kif inhuwa l-każ għall-Artikolu 101(1) TFUE, l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE għandu wkoll jiġi kkonstatat li jipproduċi effett dirett u joħloq drittijiet fir-rigward tal-individwi kkonċernati, li l-qrati nazzjonali għandhom jissalvagwardjaw (64).

86.      Fid-dawl tal-ekwivalenza bejn l-effett tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, ma narax kif il-konklużjonijiet tiegħi li wasalt għalihom fil-punti 55 sa 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet dwar l-Artikolu 101(1) TFUE għandhom ikunu b’xi mod differenti għall-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Għalhekk, il-qrati nazzjonali jistgħu japplikaw l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE sabiex jikkonstataw ċerta kondotta antikompetittiva bħala inkompatibbli ma’ dik id-dispożizzjoni.

87.      Għal raġunijiet simili għal dawk dwar l-Artikolu 101 TFUE, għandi wkoll nirrifjuta l-argumenti tal-konvenuti dwar l-iskop ratione materiae tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE. Huwa minnu li l-Artikolu 1 tal-Protokoll 21 tal-Ftehim ŻEE jispjega li l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għandha l-ewwel “tagħti effett lill-prinċipji stabbiliti” fl-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. Għal dak il-għan, għall-inqas, huwa jirrifletti l-Artikolu 103 TFUE. Madankollu, ma hemm xejn fil-proċess tal-kawża li jissuġġerixxi li l-Artikolu 1 tal-Protokoll 21 tal-Ftehim ŻEE intuża sabiex jillimita l-għan tal-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE jew il-kompetenza tal-qrati nazzjonali fl-applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni. Fil-fatt, kif spjegajt fil-punti 76 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, id-diversi atti tad-dritt sekondarju ppromulgati mill-Kunsill skont Artikolu 103(2)(c) TFUE, u inkorporati fil-Ftehim ŻEE mid-data tan-notifika tiegħu, qatt ma kellhom l-effett li jillimitaw l-iskop ratione materiae tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.

88.      Il-fatt li ma hemmx dispożizzjoni ekwivalenti għall-Artikolu 104 TFUE fil-Ftehim ŻEE ma jaffettwax dik il-konklużjoni. Kif spjegajt fil-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-effett tal-Artikolu 104 TFUE ma huwiex li jirrestrinġi l-għan jew l-applikazzjoni strutturali tal-Artikolu 101 TFUE. La l-effett ma jeżistix, għalhekk, huwa ma jistax jaffettwa l-iskop jew l-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE. F’kull każ, l-Artikolu 104 TFUE kien intiż sabiex jgħaqqad il-perijodu bejn id-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-kompetizzjoni tat-Trattat u l-mument li fih il-Kunsill jaġixxi sabiex jagħmel arranġament amministrattiv sabiex jittratta l-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, it-tielet paragrafu tiegħu (65).

89.      Madankollu, tali perijodu tranżitorju anzi qatt ma kien jeżisti għall-Ftehim ŻEE. Ir-Regolamenti Nru 17/62, Nru 141/62 u Nru 3975/87 kienu saru parti mill-Ftehim ŻEE skont l-Anness XIV mid-data ta’ notifika ta’ dak il-ftehim. Bl-istess mod, l-Artikolu 56 tal-Ftehim ŻEE ma jaffettwax dik il-konklużjoni minħabba li huwa sempliċement jistabbilixxi l-kompetenza maqsuma (u duopolizzata) bejn il-Kummissjoni u l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA għall-applikazzjoni tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (66).

90.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi, ukoll ma hemmx restrizzjonijiet għall-għan tal-applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE li jistgħu jfixklu lir-rikorrenti milli jinvokaw l-effett dirett tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jitolbu sentenza dikjaratorja u danni b’rabta mal-koordinazzjoni mill-konvenuti ta’ diversi elementi tal-prezz li ntalab għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot ta’ pajjiżi terzi taż-ŻEE mhux tal-Unjoni qabel id‑19 ta’ Mejju 2005.

D.      L-istampa ikbar: l-infurzar pubbliku u privat tar-regoli tal-kompetizzjoni

91.      Għalkemm hija wkoll parti mid-domanda tal-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-konklużjonijiet li diġà wasalt għalihom f’dawn il-konklużjonijiet, ma nqisx li huwa meħtieġ li nindirizza b’mod separat in-natura tal-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003. Fil-fatt, kif issuġġerit fit-taqsimiet preċedenti, il-qrati tal-Istati Membri dejjem kellhom il-kompetenza japplikaw l-Artikolu 101(1) TFUE (bil-projbizzjoni sostantiva tiegħu) skont is-setgħat rispettivi tagħhom u għall-finijiet tal-proċeduri quddiemhom. Hemm, għalhekk, ftit ħtieġa għall-Qorti tal-Ġustizzja li tqis fil-kuntest ta’ din il-kawża jekk, u minn meta eżattament, kienx hemm ukoll “sors” ta’ liġi sekondarja ta’ responsabilizzazzjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1/2003.

92.      Għal darba oħra nixtieq nagħmel enfażi fir-rigward ta’ “skont is-setgħat rispettivi tagħhom” li dawk il-qrati nazzjonali diġà għandhom skont id-dritt nazzjonali. Kif il-konvenuti u l-Kummissjoni jinnotaw b’mod korrett, “is-sistema tranżitorja” tal-Artikoli 103 u 104 TFUE ma tat ebda setgħa espliċita lil qrati nazzjonali. Fil-fatt, il-qrati nazzjonali ma jistgħux ikollhom, fl-assenza ta’ xi liġi nazzjonali li tgħid espliċitament hekk, mill-Artikolu 101(1) TFUE jew mill-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, setgħat ta’ investigazzjoni jew prosekuzzjoni bħal dawk mogħtija lill-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istati Membri normalment imqabbda jinvestigaw ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni fi proċeduri amministrattivi apposta jew anki kriminali. Madankollu, bl-istess mod, dak il-qafas ukoll ma seta’ jieħu xejn mill-qrati nazzjonali. Fi kliem sempliċi, dak il-qafas kostituzzjonali la ta lill-qrati nazzjonali u lanqas ħa xejn mingħandhom. L-ebda għamla ta’ liġi tal-Unjoni primarja jew sekondarja ma pprovat tillimita l-kompetenza ta’ qrati nazzjonali li japplikaw direttament l-Artikolu 101(1) TFUE jew l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim ŻEE, meta parti tinvoka dawk id-dispożizzjonijiet f’kawżi quddiemhom, sabiex tħares id-drittijiet suġġettivi li joriġinaw mid-dritt tal-Unjoni.

93.      L-azzjoni għal responsabbiltà mitluba mir-rikorrenti f’din il-kawża turi dan il-punt. Bħal kull qorti nazzjonali oħra fl-Unjoni, il-qorti tar-rinviju għandha l-kompetenza tiddetermina tali responsabbiltà skont ir-regoli nazzjonali rilevanti. Għall-finijiet ta’ evalwazzjoni ta’ ksur li jagħti lok għal tali responsabbiltà, il-kwistjoni jekk impriża tkunx kisret jew le l-obbligi legali tagħha tipikament hija l-ewwel element li għandu jkun stabbilit f’dak ir-rigward. Madankollu, dik l-evalwazzjoni naturalment tkun parti mid-deċiżjoni (tad-dritt privat) dwar responsabbiltà potenzjali, mhux minn sistema ta’ infurzar tad-dritt pubbliku (u promossa minn awtorità amministrattiva).

94.      Kieku kien mod ieħor, tali azzjonijiet ta’ infurzar kienu jkunu dejjem biss ta’ natura ta’ “kontinwazzjoni”, essenzjalment dipendenti fuq dikjarazzjoni preċedenti tad-dritt pubbliku f’dak is-sens (u preżubbilment identika fir-rigward tal-portata). Fil-każijiet l-oħra kollha, azzjonijiet “awtonomi” kienu jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

95.      Madankollu, dak il-ħsieb (jew ċertament dak ir-riżultat) ikun sempliċement inkompatibbli man-natura tas-sistema u tal-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja (67). Żgur, minħabba l-piż probatorju pjuttost tqil li kull rikorrent aktarx ikollu jiffaċċja f’azzjonijiet “awtonomi” tad-dritt privat għal ksur tal-liġi tal-kompetizzjoni, tali azzjonijiet aktarx ikunu rari fil-prattika. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ awtorità pubblika, bħall-Kummissjoni, f’investigazzjoni attwali jew preċedenti aktarx li tkun tal-ikbar importanza għal azzjonijiet “awtonomi” (68). Madankollu, huwa żbaljat jingħad, bħala kwistjoni ta’ dritt, li l-ħtieġa ta’ konsistenza u koordinazzjoni f’dan il-qasam tad-dritt tfisser li qrati nazzjonali ma jitħallewx jeżerċitaw dmirijiethom skont id-dritt tal-Unjoni u nazzjonali: li jipproteġu drittijiet individwali li joriġinaw ukoll minn dispożizzjonijiet direttament effettivi tad-dritt tal-Unjoni.

96.      In-natura partikolari ta’ tali propożizzjoni ssir anki iktar ovvja jekk wieħed kellu jqis il-mod standard li bih jiġi infurzat kull qasam ieħor tad-dritt amministrattiv, ikunux, pereżempju, il-liġi dwar l-ambjent, is-saħħa pubblika, is-sigurtà pubblika jew ir-regoli relatati mas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. F’dawk l-oqsma aktarx ikun hemm awtorità speċjalizzata pubblika apposta, fil-livell nazzjonali, imqabbda tagħmel superviżjoni u infurzar tal-istandards sostantivi rilevanti. Madankollu, hemm xi ħadd li jissuġġerixxi li sempliċement għax awtorità pubblika partikolari ma tkunx investigat jew ma tkunx ressqet quddiem il-qrati (jew fil-fatt għamlet dan, iżda għal raġuni, kienet liema kienet, ma ssoktatx jew illimitat il-proċeduri amministrattivi), li l-istess imġiba ma setgħetx tagħti lok għal talbiet għal kumpens skont id-dritt privat minn persuni leżi?

97.      Għal dawn ir-raġunijiet kollha ma nistax naqbel mal-analiżi approfondita tal-Qorti Għolja tal-Ingilterra u Wales fis-sentenza Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc (69), iċċitata mill-qorti tar-rinviju u diskussa mill-partijiet f’dawn il-proċeduri. Kif kont qiegħed nipprova nenfasizza fit-taqsimiet preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-ewwel, il-kompetenza tal-qrati nazzjonali li japplikaw is-sustanza tal-Artikolu 101(1) TFUE b’mod independenti, fil-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv tas-setgħat tagħhom diġà previsti fid-dritt nazzjonali, bħall-azzjoni għal danni, ma kinitx, mhux bħall-infurzar amministrattiv, teħtieġ klawżola espliċita ta’ responsabilizzazzjoni skont id-dritt tal-Unjoni (70). It-tieni, is-sentenzi de Geus,Asjesu Saeed, huma, fil-fehma tiegħi, parzjalment barra minn żmienhom. Ma jistgħux jiġu applikati għaċ-ċirkustanzi speċifiċi fil-kawża prinċipali minħbba li ebda waħda mill-kwistjonijiet li tikkondizzjona l-mod adottat hemmhekk fil-fatt ma tissemma dwar il-każ fil-kawża prinċipali (71).

98.      Fi kliem ieħor, filwaqt li nirrikonoxxi kompletament il-ħtieġa ta’ konsistenza interna skont l-Artikolu 101 TFUE, jiena sempliċement ma naqbilx, fil-kuntest speċifiku ta’ dan il-każ, dwar ir-riduzzjoni pars pro toto mressqa minn ċerti partijiet ikkonċernati. Il-fatt li parti mill-proċedura għall-applikazzjoni amministrattiva tal-Artikolu 101 TFUE kienet f’xi stadji ċentralizzata ma jistax ifisser li ħadd ieħor ma seta’ japplika s-sustanza li tinsilet minn dik id-dispożizzjoni, inklużi f’każijiet li fihom b’mod ċar ma jistax ikun hemm eżenzjonijiet jew eċċezzjonijiet.

99.      Fil-fatt, dawn il-proċeduri kienu vjaġġ affaxxinanti lura fiż-żmien, jekk mhux assolutament eżerċizzju fl-arkeoloġija legali, li wassal tant lura sal-1962. Madankollu, filwaqt li dawn il-konklużjonijiet huma fil-biċċa l-kbira ċirkoskritti ħafna minn dak li llum huwa qafas legali mhux ta’ żmienu, il-loġika li tiggwidah ma hijiex. Fil-livell strutturali, dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, li għandhom effett dirett, altrimenti jiġu infurzati quddiem il-qrati nazzjonali, irrispettivament miċ-ċentralizzazzjoni potenzjali tal-kompetenza amministrattiva (jew ta’ parti minnha) ma’ ċerti awtorijiet amministrattivi sabiex id-dispożizzjonijiet ikunu infurzati. Fil-kuntest partikolari tal-liġi tal-kompetizzjoni, dan ifisser li impriżi li jiksru r-regoli ta’ kompetizzjoni ġusta ma jkunux jistgħu jistaħbew għax ma jkunx hemm infurzar amministrattiv, u għandhom jistennew li talbiet għal rimedju jinġiebu direttament quddiem il-qrati kompetenti tal-Istati Membri mill-partijiet li allegatament huma jkunu kkawżawlhom ħsara.

V.      Konklużjoni

100. Nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domanda għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali, Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

Parti li allegatament tkun batiet ħsara minħabba l-koordinazzjoni ta’ diversi elementi tal-prezz mitlub minn kumpanniji tal-ajru għal servizzi ta’ trasport ta’ merkanzija bl-ajru fuq rotot bejn ajruporti fl-Unjoni u/jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea, u bejn ajruporti f’dawk it-territorji u f’pajjiżi terzi, tista’ tinvoka l-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE u tal-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea quddiem qorti nazzjonali sabiex tikseb riassigurazzjoni mingħand dawk it-trasportaturi anki għaż-żmien li matulu l-Artikoli 104 u 105 TEU kienu għadhom japplikaw.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Koninklijke Luchtvaart Maatschappij NV; Martinair Holland NV; Deutsche Lufthansa AG; Lufthansa Cargo AG; British Airways plc; Société Air France SA; Singapore Airlines Ltd; Singapore Airlines Cargo Pte Ltd; Swiss International Air Lines AG; Air Canada; Cathay Pacific Airways Ltd; Scandinavian Airlines System Denmark-Norway-Sweden; SAS AB; u SAS Cargo Group A/S (flimkien, iktar ’il quddiem il-“konvenuti”).


3      Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3), Artikolu 1(1).


4      Iktar ’il quddiem il-“Ftehim Svizzeru”.


5      Kawża C.39258 – Trasport ta’ merkanzija bl-ajru (ĠU 2014 C 371, p. 11).


6      Sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il‑Kummissjoni(T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T-28/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:995); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni(T-36/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:992); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Cathay Pacific Airways vs Il‑Kummissjoni (T-38/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:985); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Cargolux Airlines vs Il‑Kummissjoni (T-39/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:991); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑40/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:986); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑43/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:989); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni (T‑46/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:987); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑48/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:988); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T-56/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:990); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air France-KLM vs Il‑Kummissjoni (T‑62/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:996); tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air France vs Il‑Kummissjoni (T-63/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:993) u tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (T‑67/11, EU:T:2015:984).


7      Ara, pereżempju, is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2015, Air Canada vs Il-Kummissjoni (T‑9/11, mhux ippubblikata, EU:T:2015:994, punt 60).


8      Id-Deċiżjoni 2017 ma ġietx ippubblikata. Madankollu, hemm sommarju tal-konstatazzjonijiet. Ara s-Sommarju tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas‑17 ta’ Marzu 2017 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 8 tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar it-Trasport bl-Ajru (ĠU 2017 C 188, p. 14) (iktar ’il quddiem is-“Sommarju tad-Deċiżjoni 2017”).


9      Regolament tal-Kunsill tal‑14 ta’ Diċembru 1987 li jistabbilixxi l-proċedura għall-applikazzjoni tar-Regoli dwar il-kompetizzjoni għall-impriżi fis-settur tat-trasport bl-ajru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 262).


10      Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE tal‑24 ta’ Settembru 2004 li temenda l-Anness XIV (Kompetizzjoni), il-Protokoll 21 (dwar l-Implimentazzjoni ta’ Regoli tal-Kompetizzjoni Applikabbli għal Impriżi) u l-Protokoll 23 (dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet ta’ Sorveljanza) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005 L 64, p. 57).


11      Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt tal‑11 ta’ Marzu 2005 li temenda l-Anness XIII (Trasport) u l-Protokoll 21 (dwar l-Implimentazzjoni ta’ Regoli tal-Kompetizzjoni Applikabbli għal Impriżi) tal-Ftehim ŻEE (ĠU 2005 L 198, p. 38).


12      Regolament tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2004 li jirrevoka r-Regolament (KEE) Nru 3975/87 u jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 3976/87 u (KE) Nru 1/2003, f’konnessjoni ma’ trasport bl-ajru bejn il-Komunità u pajjiżi terzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 17).


13      Regolament tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).


14      Kawżi Air Canada vs Il‑Kummissjoni (T‑326/17), Koninklijke Luchtvaart Maatschappij vs Il‑Kummissjoni (T‑325/17), Japan Airlines vs Il‑Kummissjoni (T‑340/17), Cathay Pacific Airways vs IlKummissjoni (T‑343/17), Cargolux Airlines vs Il-‑Kummissjoni (T‑334/17), Latam Airlines Group u Lan Cargo vs Il‑Kummissjoni (T‑344/17), Singapore Airlines u Singapore Airlines Cargo PTE vs Il‑Kummissjoni (T‑350/17), Deutsche Lufthansa et vs Il‑Kummissjoni (T‑342/17), British Airways vs Il‑Kummissjoni (T‑341/17), SAS Cargo Group et vs Il‑Kummissjoni (T‑324/17), Air France – KLM vs Il‑Kummissjoni (T‑337/17), Air France vs Il‑Kummissjoni (T‑338/17) u Martinair Holland vs Il‑Kummissjoni (T‑323/17).


15      Sentenza tal-Qorti Għolja tal-Ingilterra u Wales (Sezzjoni tal-Ekwità), tal‑4 ta’ Ottubru 2017 fil-kawża Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc [2017] EWHC 2420 (Ch).


16      Sentenza tal-Qorti Għolja tal-Ingilterra u Wales (Sezzjoni Ċivili) tad‑29 ta’ Jannar 2019 fil-kawża La Gaitana Farms SA et vs British Airways Plc[2019] EWCA Civ 37.


17      Artikolu 6(46) tat-Trattat ta’ Amsterdam li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattati li jistabbilixxu l-Komunitajiet Ewropej u ċerti atti relatati (ĠU 1997, C 340, p. 1).


18      Konformement mas-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz and Rewe-Zentral (33/76, EU:C:1976:188, punt 5).


19      Diġà fis-sentenza tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne(C‑43/75, EU:C:1976:56, punti 12, 24 u 39).


20      Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal (C‑106/77, EU:C:1978:49, punti 19 u 20); tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 80) u tal‑4 ta’ Frar 2016, Ince (C‑336/14, EU:C:2016:72, punt 59).


21      Kif spjegat ukoll iktar ’il quddiem, fil-punti 58 u 70 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill qatt ma rrestrinġa dawk l-effetti.


22      Sentenza tas‑6 ta’ April 1962, de Geus (C‑13/61, EU:C:1962:11, p. 52).


23      Sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465) (iktar ’il quddiem “Courage”).


24      Sentenza tat‑30 ta’ Jannar 1974, BRT u Société belge des auteurs, compositeurs et éditeurs(127/73, EU:C:1974:6) (iktar ’il quddiem “SABAM”).


25      Ara, pereżempju, is-sentenza tal‑4 ta’ Diċembru 1974, Van Duyn (41/74, EU:C:1974:133, punt 12).


26      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑1 ta’ Lulju 2010, Gassmayr(C‑194/08, EU:C:2010:386, punt 45); tas‑7 ta’ Settembru 2017, H. (C‑174/16, EU:C:2017:637, punt 69) u tas‑6 ta’ Novembru 2018, Bauer u Willmeroth (C‑569/16 u C-570/16, EU:C:2018:871, punt 72).


27      Ara, pereżempju, is-sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2014, Almos Agrárkülkereskedelmi(C‑337/13, EU:C:2014:328, punt 32); tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Lombard Ingatlan Lízing (C‑404/16, EU:C:2017:759, punt 36) u tal‑14 ta’ Jannar 2021, RTS infra BVBA u Aannemingsbedrijf Norré-Behaegel (C‑387/19, EU:C:2021:13, punt 46).


28      Sentenza tat‑8 ta’ April 1976,Defrenne (43/75, EU:C:1976:56, punti 30 sa 39). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trabucchi fil-kawża Defrenne (C‑43/75, EU:C:1976:39, id-dispożittiv) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Klohn (C‑167/17, EU:C:2018:387, punt 42).


29      SABAM, punt 16.


30      Courage, punti 24 sa 26.


31      SABAM, punt 16 u Courage, punti 23 u 24.


32      F’dan is-sens, ara s-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punti 20 u 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara, pereżempju,Courage, punt 26.


34      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, VAG France (C‑10/86, EU:C:1986:502, punt 15).


35      Ara wkoll SABAM, punt 21 u Courage, punti 22 u 28.


36      Ara s-sentenzi tas‑6 ta’ April 1962, de Geus(13/61, EU:C:1962:11, punt 52) u tad‑9 ta’ Lulju 1969, Portelange (10/69, EU:C:1969:36, punti 10 u 13).


37      Sentenza tas‑6 ta’ April 1962, de Geus (13/61, EU:C:1962:11, p. 51 sa 53).


38      Ibid., p. 52.


39      Ibid.


40      Ibid., p. 51.


41      Sentenza tal‑5 ta’ Frar 1963, van Gend & Loos (26/62, EU:C:1963:1, p. 13).


42      Sentenza tat‑30 ta’ April 1986, Asjes et (209/84 sa 213/84, EU:C:1986:188). (iktar ’il quddiem “Asjes”).


43      Sentenza tal‑11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (C‑66/86, EU:C:1989:140) (iktar ’il quddiem “Saeed”).


44      Saeed, punt 29, u Asjes, punti 52 sa 56 u 59.


45      Saeed, punti 4 u 29, u Asjes, punt 57.


46      Saeed, punti 4 u 29, u Asjes, punt 59.


47      Ara, b’analoġija, r-raġunament segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs High Authority (42/59 u 49/59, EU:C:1961:5, p. 87).


48      Element li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiċħdu, iżda li fl-aħħar mill-aħħar jibqa’ għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.


49      Ara l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1/2003.


50      Bl-istess mod “v případě potřeby” biċ-Ċek; “in voorkomende gevallen” bl-Olandiż; “eventualmente” bit-Taljan; “le cas échéant” bil-Franċiż; “gegebenfalls” bil-Ġermaniż; jew “eventualmente” fil-verżjoni bil-lingwa Spanjola.


51      Ara, dwar dan, l-Artikolu 42 u s-sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, APVE et (C‑671/15, EU:C:2017:860, punti 36 sa 38).


52      Asjes, punt 45.


53      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ġunju 1999, Eco Swiss (C‑126/97, EU:C:1999:269, punt 36).


54      Ara, pereżempju, it-tieni, is-sitt u t-tmien premessa tar-Regolament Nru 17/62. Ara wkoll l-Artikol 2, Artikolu 6(1), Artikolu 8(1) u Artikolu 9(3) ta’ dak ir-regolament.


55      Kif spjegat fl-ewwel premessa tar-Regolament Nru 141/62 (ĠU 1962, 124, p. 2751). Ara wkoll l-Artikolu 1 tiegħu.


56      It-tieni premessa tar-Regolament Nru 3975/87.


57      Kif il-Kummissjoni stess spjegat fis-sottomissjonijiet tagħha fil-kawża Asjes, “l-assenza ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 87 [b’rabta mar-ratione materiae tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE] ma tfissirx li qrati nazzjonali ma jistgħux, meta tinqala’ l-kwistjoni, jintalbu sabiex jiddeċiedu dwar il-kompatibbiltà ta’ ftehim jew ta’ prattika partikolari mar-regoli tal-kompetizzjoni minħabba li dawk ir-regoli jkollhom effett dirett”.


58      Kif diġà ġie spjegat iktar ’il fuq fil-punti 43 sa 47 ta’ dawn il-konklużjonijiet, billi sempliċement allokaw kompetenza amministrattiva sabiex jiġu ttrattati ċerti investigazzjonijiet ta’ ksur li seta’ kien hemm tal-liġi tal-kompetizzjoni, dawk ir-regolamenti indirettament ukoll allokaw kompetenza sabiex isir stħarriġ ġudizzjarju ta’ dawk id-deċiżjonijiet amministrattivi (ara l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 17/62 u l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3975/87, rispettivament). Madankollu, u għal darba oħra, dawk id-dispożizzjonijiet naturalment ma kellhom ebda effett possibbilment fuq każijiet oħra ta’ applikazzjoni ġudizzjarja tal-Artikolu 101 TFUE, kien x’kien it-tip l-ieħor ta’ proċeduri li fihom dik l-applikazzjoni setgħet inqalgħet quddiem qrati nazzjonali.


59      Sentenzi tal‑15 ta’ Ġunju 1999,Andersson u Wåkerås-Andersson (C‑321/97, EU:C:1999:307, punti 26 u 27) u tat‑2 ta’ April 2020, Ruska Federacija (C‑897/19 PPU, EU:C:2020:262, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


60      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Frar 1976, Conceria Bresciani(87/75, EU:C:1976:18, punt 25) u tas‑26 ta’ Ottubru 1982, Kupferberg (104/81, EU:C:1982:362, punt 23). Dwar il-Ftehim ŻEE, ara s-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 1997, Opel Austria vs Il‑Kunsill (T‑115/94, EU:T:1997:3, punti 101 u 102).


61      Ara l-Artikoli 6, 105 u 106 tal-Ftehim ŻEE u l-Artikolu 3 tal-Ftehim bejn l-Istati tal-EFTA dwar it-Twaqqif ta’ Awtorità ta’ Sorveljanza u Qorti tal-Ġustizzja.


62      Sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C‑452/01, EU:C:2003:493, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tas‑6 ta’ Ottubru 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja (C‑153/08, EU:C:2009:618, punti 48 u 49).


63      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tat‑30 ta’ Mejju 2018, Fjarskipti vs Síminn(E‑6/17, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2018, p. 81, punt 28).


64      Ibid., punti 29 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll is-sentenza tal-Qorti tal-EFTA tas‑17 ta’ Settembru 2018, Nye Kystlink AS vs Color Group AS u Color Line AS (E-10/17, Rapport tal-Qorti tal-EFTA 2018, p. 293, punt 71).


65      Ara iktar ’il fuq, il-punti 30 sa 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


66      Ara l-punt 29 tal-Avviż dwar kooperazzjoni bejn qrati nazzjonali u l-Awtorità ta’ Sorveljanza fl-applikazzjoni tal-Artikoli 53 u 54 tal-Ftehim ŻEE (ĠU 1995, C 112, p. 7).


67      Ara, fost oħrajn, is-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 26); tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 60); tas‑6 ta’ Novembru 2012, Otis et (C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 41); tas‑6 ta’ Ġunju 2013, Donau Chemie et (C‑536/11, EU:C:2013:366, punt 21); tal‑14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 28); tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Kone et (C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 21); tal‑14 ta’ Marzu 2019, Skanska Industrial Solutions et (C‑724/17, EU:C:2019:204, punt 25) u tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Otis Gesellschaft et (C‑435/18, EU:C:2019:1069, punt 22).


68      Ukoll, sabiex tantiċipa kull riskju ta’ deċiżjonijiet kunfliġġenti – ara, b’mod ġenerali, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Masterfoods vs HB (C-344/98, EU:C:2000:689, punti 59 u 60), jekk meħtieġ tagħti lok għal “Talba Zwartveld” – ara d-digriet tat‑13 ta’ Lulju 1990, Zwartveld et (C‑2/88‑IMM, EU:C:1990:315, punt 22).


69      Sentenza tal-Qorti Għolja tal-Ġustizzja tal-Ingilterra u Wales, Chancery Division, tal‑4 ta’ Ottubru 2017 fil-kawża Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc [2017] EWHC 2420 (Ch), kif ikkonfermata mill-Qorti tal-Appell tal-Ingilterra u Wales (Sezzjoni Ċivili), tad‑29 ta’ Jannar 2019 fil-kawża La Gaitana Farms SA & Ors vs British Airways Plc[2019] EWCA Civ 37.


70      Għall-kuntrarju tal-kawża Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc [2017] EWHC 2420 (Ch), [41] sa [52].


71      Għall-kuntrarju tal-kawża Emerald Supplies Ltd vs British Airways Plc [2017] EWHC 2420 (Ch), punti 53 sa 63.