Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' April 2010 - Stichting Woonpunt et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-203/10)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Stichting Woonpunt (Beek, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stichting Com.wonen (Rotterdam, il-Pajjiżi il-Baxxi), Woningstichting Haag Wonen ('s-Gravenhage, il-Pajjiżi l-Baxxi), Stichting Woonbedrijf SWS.Hhvl (Eindhoven, il-Pajjiżi l-Baxxi); (rappreżentanti: Elske Henny, Tom Ottervanger u Paul Glazener, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-iskema tal-għajnuna eżistenti, skont l-Artikolu 263 TFUE;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda l-għajnuna l-ġdida, skont l-Artikolu 263 TFUE;

tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikkorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009)9963 finali, tal-15 ta' Diċembru 2009, dwar għajnuna E 2/2005 u N 642/2009 (il-Pajjiżi l-Baxxi) - għajnuna eżistenti u għajnuna favur progett speċjali maħsub ghal kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali.

Ir-rikorrenti jinvokaw tmien motivi insostenn tal-ewwel talba tagħhom. Dawn il-motivi jikkorrispondu ma' dawk li ġew invokati fil-Kawza T-202/10, Stichting Woonlinie et vs Il-Kummissjoni.

Insostenn tat-tieni talba tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi supplimentari.

Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 107 u 108 TFUE u r-Regolament Nru 659/1999 1 billi kkunsidrat l-għajnuna favur il-proġett dwar żoni urbani li huma fil-bżonn bħala waħda li tifforma parti minn skema ta' għajnuna eżistenti u billi imponiet formalment xi kundizzjonijiet mingħajr ma segwiet il-proċedura prevista fir-Regolament Nru 659/1999.

Fit-tieni lok , ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kkunsidrat b'mod żbaljat li r-raba' kriterju stabbilit fis-sentenza Altmark2 ma ġiex sodisfatt, inkwantu l-kumpanniji ta' akkomodazzjoni soċjali ma ntagħżlux permezz ta' sejħa għal offerti. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni kellha sempliċement tivverifika li l-miżura m'hijiex ineffikaċi.

Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kellha teżamina jekk kienx hemm kumpens żejjed għas-servizz ta' interess ekonomiku ġenerali.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol.1, p. 339).

2 - Sentenza tal-24 ta' Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C-280/00, Ġabra 2003 p. I-7747).