Language of document : ECLI:EU:T:2012:94

Kawża T‑153/10

Schneider España de Informática, SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Unjoni doganali — Importazzjoni ta’ apparat għar-riċezzjoni tat-televiżjoni bil-kulur immuntat fit-Turkija — Irkupru a posteriori ta’ dazji fuq l-importazzjoni — Talba għal nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori u għal maħfra tad-dazji — Artikolu 220(2)(b) u Artikolu 239 tar-Regolament (KEE) Nru 2913/92 — Deċiżjoni ta’ ċaħda min-naħa tal-Kummissjoni — Annullament mill-qorti nazzjonali tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet nazzjonali li jordnaw id-dħul fil-kontijiet a posteriori tad-dazji — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Sommarju tad-digriet

1.      Rikors għal annullament — Rikors kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba intiża għal nuqqas ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori u għal maħfra ta’ dejn doganali kkonstatat mill-awtoritajiet doganali nazzjonali — Annullament, permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja nazzjonali definittiva, tad-deċiżjoni ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori tal-awtoritajiet doganali nazzjonali — Rikors li ma għadx għandu skop — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 113; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92)

2.      Rikors għal annullament — Interess ġuridiku — Rikors intiż sabiex jiġi evitat li l-illegalità li biha att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni jkun allegatament ivvizzjat ma terġax isseħħ fil-futur — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikoli 220(2)(b), 236 u 239)

1.      Rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad it-talba tar-rikorrenti intiża sabiex ma jsirx id-dħul fil-kontijiet a posteriori u sabiex jinħafer id-dejn doganali kkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti permezz ta’ diversi deċiżjonijiet tal-awtoritajiet doganali nazzjonali ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori jitlef is-suġġett tiegħu, peress li, wara l-annullament tad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ dħul fil-kontijiet a posteriori permezz ta’ deċiżjoni ġudizzjarja definittiva ta’ qorti nazzjonali, ir-rikorrent ma jistax jibqa’ jintalab iħallas id-dazji inkwistjoni u li, konsegwentement, l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma huwiex ta’ natura tali li jista’ jkollu effetti fuq ir-rikorrent.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-fatt li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni jista’ jkollha effetti fir-rigward ta’ importaturi oħra. Fil-fatt, l-interess ġuridiku għandu jkun personali u rikorrent ma jistax jippreżenta rikors għal annullament fl-interess ġenerali ta’ terzi jew tal-legalità. Dan l-interess personali għandu jkun suffiċjentement dirett. Is-sempliċi fatt li persuni terzi fil-konfront tar-rikorrenti jibqgħalhom interess fl-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikun biżżejjed, f’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġi konkluż li dan ir-rikors ma tilifx is-suġġett tiegħu.

(ara l-punti 19, 34, 38, 40, 57)

2.      Rikorrent jista’ jżomm interess f’li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni jew ta’ korp tal-Unjoni sabiex ikun jista’ jiġi evitat li l-illegalità li biha dan l-att ikun allegatament ivvizzjat ma terġax isseħħ fil-futur, iżda dan biss sa fejn l-allegata illegalità tista’ terġa’ sseħħ indipendentement mill-fatti tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat minn dan ir-rikorrent.

F’dan id-dawl, il-motivi invokati minn rikorrenti dwar, minn naħa, ilmenti proċedurali li jikkonċernawh personalment u, min-naħa l-oħra, żbalji li l-Kummissjoni allegatament wettqet fl-applikazzjoni tal-Artikolu 220(2)(b), tal-Artikolu 236 u tal-Artikolu 239 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, għas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrent f’kuntest fattwali partikolari ma jikkonċernawx illegalitajiet li jistgħu jerġgħu jseħħu indipendentement mill-fatti tal-kawża.

(ara l-punti 41, 42)