Language of document : ECLI:EU:C:2016:26

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2016 (*)

“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Artikolu 101(1) TFUE — Suq tat‑transformers tal-elettriku — Ftehim verbali ta’ tqassim tas-swieq (‘Gentlemen’s Agreement’) — Restrizzjoni tal-kompetizzjoni ‘minħabba l-għan’ — Ostakoli għad-dħul — Preżunzjoni ta’ parteċipazzjoni f’akkordju illegali — Multi — Linji gwida għall-kalkolu tal-ammont tal-multi (2006) — Punt 18”

Fil-Kawża C‑373/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2014,

Toshiba Corporation, stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn J. MacLennan, solicitor, A. Schulz, J. Jourdan u P. Berghe, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn F. Ronkes Agerbeek, J. Norris-Usher u K. Mojzesowicz, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ April 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ġunju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Toshiba Corporation (iktar ’il quddiem “Toshiba”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2014, Toshiba vs Il‑Kummissjoni (T‑519/09, EU:T:2014:263, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha dik il-qorti ċaħdet ir-rikors tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 7601 finali, tas-7 ta’ Ottubru 2009, dwar proċediment skont l-Artikolu 81 KE (Każ COMP/39.129 – Transformers tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu 81 [KE] jew l-Artikolu 82 [KE] [...]

[...]”

3        Il-punt 4 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida tal-2006”), jistabbilixxi:

“[...] Il-multi għandhom jiġu ffissati f’livell suffiċjentement dissważiv, mhux biss bil-għan li jiġu ssanzjonati l-impriżi inkwistjoni (effett dissważiv speċifiku), iżda wkoll bil-għan li impriżi oħra jiġu dissważi milli jwettqu aġir li jmur kontra l-Artikoli 81 [KE] u 82 [KE] jew li jissoktaw b’tali aġir (effett dissważiv ġenerali).” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Il-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006 jipprovdi:

“Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta, il-Kummissjoni ser tuża l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi, iġġenerat mill-impriża, b’konnessjoni diretta jew indiretta mal-ksur, fis-settur ġeografiku kkonċernat fit-territorju taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)]. Normalment, il-Kummissjoni ser tuża l-bejgħ tal-impriża matul l-aħħar sena kompleta tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5        Skont il-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006:

“Meta l-firxa ġeografika ta’ ksur taqbeż it-territorju taż-[ŻEE] (pereżempju fil-każ ta’ akkordji dinjija), il-bejgħ ikkonċernat tal-impriża ġewwa ż-ŻEE jista’ ma jirriflettix b’mod xieraq il-piż ta’ kull impriża fil-ksur. B’mod partikolari, dan jista’ jkun il-każ ta’ ftehimiet dinjija ta’ tqassim tas-suq.

F’tali ċirkustanzi, bil-għan li jiġu riflessi fl-istess ħin id-daqs globali tal-bejgħ ikkonċernat fiż-ŻEE u l-piż relattiv ta’ kull impriża fil-ksur, il-Kummissjoni tista’ tistma l-valur totali tal-bejgħ tal-oġġetti jew servizzi b’relazzjoni mal-ksur fis-settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat, tiddetermina s-sehem mill-bejgħ ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur f’dan is-suq u tapplika dan is-sehem għall-bejgħ globali ta’ dawn l-istess impriżi ġewwa ż-ŻEE. Ir-riżultat jintuża bħala valur tal-bejgħ għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

6        Is-settur ikkonċernat f’din il-kawża huwa dak tat-transformers tal-elettriku, tal-autotransformers u tax-shunt reactors b’firxa ta’ vultaġġ ta’ 380 kV u iktar. Transformer tal-elettriku huwa komponent elettriku essenzjali li l-funzjoni tiegħu hija li jnaqqas jew iżid il-vultaġġ f’ċirkwit elettriku.

7        Toshiba hija kumpannija Ġappuniża essenzjalment attiva fi tliet oqsma ta’ attivitajiet: il-prodotti diġitali, l-apparati u l-komponenti elettroniċi kif ukoll is-sistemi ta’ infrastruttura.

8        Fir-rigward tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija fis-settur tat-transformers tal-elettriku, matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-investigazzjoni tagħha, jiġifieri mid-9 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2003, għandha ssir distinzjoni bejn żewġ fażijiet. Bejn id-9 ta’ Ġunju 1999 u t-30 ta’ Settembru 2002, Toshiba kienet attiva f’dan is-settur permezz tas-sussidjarja tagħha Power System Co. Mill-1 ta’ Ottubru 2002, l-attività tal-appellanti tmexxiet permezz ta’ TM T&D, impriża konġunta bejn Toshiba u Mitsubishi Electric, li fiha dawn iż-żewġ impriżi għaqqdu l-produzzjoni tagħhom ta’ transformers tal-elettriku.

9        Fit-30 ta’ Settembru 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċedura dwar is-suq tat-transformers tal-elettriku. Id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġiet adottata fl-20 ta’ Novembru 2008. Toshiba rrispondiet għaliha fid-19 ta’ Jannar 2009. Is-seduta saret fis-17 ta’ Frar 2009.

10      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Toshiba pparteċipat, mid-9 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2003, f’akkordju illegali li jkopri t-territorju kollu taż-ŻEE u l-Ġappun. Dan l-akkordju kien jikkonsisti fi ftehim konkluż oralment bejn, minn naħa, il-produtturi ta’ transformers tal-elettriku Ewropej u, min-naħa l-oħra, il-produtturi Ġappuniżi, li l-għan tiegħu kien l-osservanza tas-swieq fit-territorji ta’ kull waħda minn dawn iż-żewġ gruppi ta’ produtturi ta’ transformers, billi jżommu lura, billi jżommu lura milli jwettqu bejgħ fihom (iktar ’il quddiem il-“gentlemen’s agreement”).

11      Il-Kummissjoni kklassifikat il-gentlemen’s agreement bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”. Fil-punti 165 sa 169 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-istituzzjoni eżaminat, u sussegwentement ċaħdet, l-argument ta’ wħud mill-impriżi kkonċernati mill-proċedura inkwistjoni li l-akkordju ma kellux effett fuq il-kompetizzjoni, peress li l-produtturi Ġappuniżi u Ewropej ma kinux kompetituri minħabba l-ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq taż-ŻEE.

12      Fir-rigward tal-organizzazzjoni stabbilita permezz tal-gentlemen’s agreement, il-Kummissjoni rrilevat li kull grupp kellu jaħtar impriża segretarja. Hija kkonstatat ukoll li l-ftehim ta’ tqassim tas-suq kien issupplimentat bi ftehim intiż sabiex jinnotifika lis-segretarja ta’ kull grupp bis-sejħiet għal offerti li joriġinaw mit-territorju tal-grupp l-ieħor bil-għan li jiġu assenjati mill-ġdid.

13      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet li, matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mid-9 ta’ Ġunju 1999 sal-15 ta’ Mejju 2003, l-impriżi kienu jiltaqgħu darba jew darbtejn fis-sena. Dawn il-laqgħat saru f’Malaga (Spanja), mid-9 sal-11 ta’ Ġunju 1999, f’Singapor fid-29 ta’ Mejju 2000, f’Barcelona (Spanja), mid-29 ta’ Ottubru sal-1 ta’ Novembru 2000, f’Lisbona (il-Portugall), fid-29 u fit-30 ta’ Mejju 2001, f’Tokyo, fit-18 u fid-19 ta’ Frar 2002, fi Vjenna (l-Awstrija), fis-26 u fis-27 ta’ Settembru 2002 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Vjenna”) u fi Zurich (l-Isvizzera), fil-15 u fis-16 ta’ Mejju 2003 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ Zurich”). Skont il-Kummissjoni, dawn il-laqgħat kienu jservu, b’mod partikolari, sabiex jikkonfermaw il-gentlemen’s agreement.

14      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, il-Kummissjoni kkonstatat li Toshiba kienet kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) u, konsegwentement, imponiet multa ta’ EUR 13.2 miljun fuq din il-kumpannija. TM T&D u Mitsubishi Electric ma kinux ikkonċernati mid-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza kkontestata

15      B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Diċembru 2009, Toshiba ressqet rikors għall-annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata billi invokat erba’ motivi.

16      Wara li ċaħdet dawn il-motivi kollha, il-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikors infondat kollu kemm hu.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

17      Toshiba titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata u d-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-ewwel istanza u tal-appell.

18      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell; u

–        tikkundanna lil Toshiba għall-ispejjeż tal-istanza.

 Fuq l-appell

 Fuq l-ewwel aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

19      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jirrigwarda l-punti 230 u 231 tas-sentenza appellata, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kklassifikat il-gentlemen’s agreement bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, billi bbażat ruħha, f’dan ir-rigward, fuq ir-relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali li teżisti bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej. Issa peress li l-partijiet fl-akkordju ma kinux kompetituri potenzjali, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li kienet teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Skont Toshiba, il-Qorti Ġenerali żbaljat meta ddeduċiet l-eżistenza ta’ tali relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali, fl-ewwel lok, mill-assenza ta’ ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq taż-ŻEE u, fit-tieni lok, mill-fatt innifsu tal-eżistenza tal-gentlemen’s agreement.

20      F’dak li jirrigwarda l-assenza ta’ ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq taż-ŻEE, Toshiba ssostni li dan il-kriterju ma huwiex xieraq sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej. Għal dan il-għan, il-Qorti Ġenerali messha wriet, f’dan il-każ, li l-produtturi Ġappuniżi kellhom possibbiltajiet reali u konkreti li jippenetraw fis-suq taż-ŻEE u li tali dħul kien jikkostitwixxi strateġija ekonomikament vijabbli għalihom. Issa, f’dan il-każ, il-karatteristiċi u l-funzjonament tas-suq tat-transformers tal-elettriku jirrendu kwalunkwe dħul fis-suq taż-ŻEE ekonomikament mhux vijabbli.

21      F’dak li jirrigwarda l-gentlemen’s agreement, Toshiba tqis li, billi bbażat ruħha fuq l-eżistenza tiegħu bħala prova ta’ kompetizzjoni potenzjali bejn il-produtturi Ġappuniżi u Ewropej, il-Qorti Ġenerali stabbilixxiet preżunzjoni inkonfutabbli li jekk żewġ impriżi jikkonkludu kwalunkwe ftehim, huma awtomatikament jitqiesu li huma kompetituri potenzjali, u b’hekk ħelset lill-Kummissjoni mill-oneru tal-prova relattiva.

22      Il-Kummissjoni tqis li dawn l-argumenti tal-appellanti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Fil-punt 228 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li ftehim bħall-gentlemen’s agreement, peress li huwa ftehim ta’ tqassim tas-swieq, kellu jiġi kklassifikat bħala “restrizzjoni minħabba l-għan”.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni stabbilita mill-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew riżultat” il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mis-sentenza LTM (56/65, EU:C:1966:38), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, indikata bil-konġunzjoni “jew”, twassal għall-ħtieġa li jiġi kkunsidrat l-għan stess tal-ftehim (sentenza ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 30).

25      Għaldaqstant, meta jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, ma jkunx hemm lok li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 28 u 30, u GlaxoSmithKline Services et vs Il‑Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, EU:C:2009:610, punt 55).

26      F’dak li jirrigwarda l-klassifikazzjoni ta’ prattika bħala restrizzjoni minħabba l-għan, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (sentenza ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 31). Din il-ġurisprudenza tirriżulta mill-fatt li ċerti forom ta’ koordinazzjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament tajjeb tal-kompetizzjoni (sentenza CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 50).

27      Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija wkoll stabbilita fis-sens li, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jippreżentax grad suffiċjenti ta’ dannu sabiex jitqies li huwa “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa jfittex li jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jaqa’ fih (sentenza ING Pensii, C‑172/14, EU:C:2015:484, punt 33).

28      Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li ftehimiet dwar it-tqassim tas-swieq jikkostitwixxu ksur partikolarment gravi tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Solvay Solexis vs Il‑Kummissjoni, C‑449/11 P, EU:C:2013:802, punt 82, u YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 26). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll li l-ftehimiet li huma intiżi għat-tqassim tas-swieq għandhom għan restrittiv tal-kompetizzjoni fihom infushom u jaqgħu f’kategorija ta’ ftehimiet espressament ipprojbiti mill-Artikolu 101(1) TFUE, peress li tali għan ma jistax ikun iġġustifikat permezz ta’ analiżi tal-kuntest ekonomiku li fih jaqa’ l-aġir antikompetittiv inkwistjoni (sentenza Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, EU:C:2013:866, punt 218).

29      F’dak li jirrigwarda tali ftehimiet, l-analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li taqa’ fih il-prattika tista’ għalhekk tkun limitata għal dak li jirriżulta li huwa strettament neċessarju sabiex jiġi konkluż li teżisti restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

30      F’dan il-każ, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kklassifikat il-gentlemen’s agreement bħala “restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan”, mingħajr ma qabel ivverifikat jekk l-eventwali dħul fis-suq taż-ŻEE kienx jirrappreżenta strateġija ekonomikament vijabbli għall-produtturi Ġappuniżi.

31      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-argument ta’ Toshiba li l-gentlemen’s agreement ma kienx ta’ natura li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE minħabba l-fatt li l-produtturi Ewropej u Ġappuniżi ma kinux kompetituri fis-suq Ewropew. Huwa f’dan il-kuntest li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, minn naħa, fil-punt 230 tas-sentenza appellata, li, peress li l-Artikolu 101 TFUE jkopri wkoll il-kompetizzjoni potenzjali, il-gentlemen’s agreement seta’ jirrestrinġi l-kompetizzjoni, sakemm ma kinux jeżistux ostakoli insormontabbli għad-dħul fis-suq Ewropew li jeskludu kull kompetizzjoni potenzjali min-naħa tal-produtturi Ġappuniżi.

32      Min-naħa l-oħra, fil-punti 232 u 233 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li dawn l-ostakoli ma setgħux jiġu kklassifikati bħala insormontabbli u dan intwera bil-fatt li Hitachi kienet aċċettat li joriġinaw minn klijenti li jinsabu fl-Ewropa.

33      Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat ukoll, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, li l-gentlemen’s agreement kien jirrappreżenta “indizju qawwi [tal-]eżistenza ta’ relazzjoni kompetittiva” bejn iż-żewġ kategoriji ta’ produtturi, ħaġa li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, tikkostitwixxi element tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku rilevanti.

34      Issa l-analiżi li għamlet il-Qorti Ġenerali hija konformi mal-kriterji msemmija fil-punti 24 sa 29 ta’ din is-sentenza sabiex tiġi stabbilita n-natura ta’ restrizzjoni minħabba l-għan ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir analiżi iktar dettaljata tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku.

35      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn Toshiba tallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li l-ostakoli għad-dħul fis-suq Ewropew ma kinux insormontabbli u li, konsegwentement, kienet teżisti kompetizzjoni potenzjali bejn il-produtturi Ewropej u Ġappuniżi fl-istess suq, tali argumenti jikkritikaw l-evalwazzjoni tal-fatti min-naħa tal-Qorti Ġenerali, li, fl-assenza ta’ żnaturament manifest tagħhom, u suġġett għall-analiżi li ser issir fil-kuntest tat-tieni aggravju ta’ din is-sentenza, hija eskluża mill-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja adita fil-kuntest ta’ appell.

36      Konsegwentement, l-ewwel aggravju ta’ Toshiba għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

37      Permezz tat-tieni aggravju, indirizzat kontra l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punt 233 tas-sentenza appellata, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-ittra ta’ Hitachi. Fil-fatt, skont Toshiba, filwaqt li Hitachi llimitat ruħha li tipproduċi dikjarazzjoni ġenerali li permezz tagħha hija baqgħetx tikkontesta l-eżistenza tal-gentlemen’s agreement, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minnha li din il-kumpannija kienet qed tirrikonoxxi li aċċettat tliet proġetti li kienu joriġinaw minn klijenti Ewropej tat-transformers tagħha.

38      Mingħajr tali żnaturament tas-sens tal-ittra ta’ Hitachi, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx tikkonkludi li l-ostakoli għad-dħul fis-suq ŻEE ma kinux insormontabbli, b’mod li, f’dan il-każ, ma setax jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

39      Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

40      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija taċċetta insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għalhekk ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41      Sabiex ikun jista’ jiġi ċċensurat mill-Qorti tal-Ġustizzja, żnaturament għandu jirriżulta b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi.

42      Kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-eżami tal-ittra ta’ Hitachi ma jirriżultax li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-punti ta’ fatt rilevanti li joħorġu minnha.

43      Fil-fatt, permezz tal-ittra tagħha, Hitachi ma tillimitax ruħha li tirrinunzja għal kull kontestazzjoni dwar l-eżistenza tal-gentlemen’s agreement, kif issostni Toshiba. Għall-kuntrarju, mill-formulazzjoni tal-ittra ta’ Hitachi jirriżulta li din il-kumpannija kienet qed taċċetta “l-konklużjonijiet [tal-Kummissjoni] dwar l-eżistenza u l-portata tal-gentlemen’s agreement, kif ippreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”. Issa għandu jiġi rrilevat, kif jagħmel l-Avukat Ġenerali fl-istess punt 108 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-kwistjoni tal-aċċettazzjoni ta’ tliet kuntratti minn Hitachi fiż-ŻEE kienet diġà tqajmet fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

44      Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali fil-punt 233 tas-sentenza appellata bl-ebda mod ma tirriżulta minn żnaturament manifest tal-ittra ta’ Hitachi.

45      Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tal-ittra ta’ Hitachi, dan ma jistax iqiegħed fid-dubju l-konklużjoni li l-Kummissjoni pprovat b’mod suffiċjenti skont il-liġi li l-ostakoli għad-dħul fis-suq Ewropew ma kinux insormontabbli.

46      Fil-fatt, din il-konklużjoni hija bbażata mhux biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Hitachi, imsemmija fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, iżda wkoll fuq provi oħra. Għalhekk, minn naħa, il-Qorti Ġenerali indikat, fil-punt 225 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni spjegat, fil-paragrafu 168 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom l-ostakoli għad-dħul ma kinux insormontabbli, jiġifieri, minn naħa, li l-impriża Koreana Hyundai reċentement kienet daħlet fis-suq Ewropew u, min-naħa l-oħra, li l-produtturi Ġappuniżi kienu rreġistraw bejgħ kunsiderevoli fl-Istati Uniti u li l-impriżi kkonċernati ma kienu pproduċew ebda prova li turi li l-ostakoli għad-dħul fis-suq Amerikan kienu differenti ferm minn dawk għad-dħul fis-suq Ewropew. Dawn il-konstatazzjonijiet ma ġewx ikkontestati mill-appellanti fil-kuntest ta’ dan l-appell.

47      Min-naħa l-oħra, fil-punt 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-eżistenza nfisha tal-gentlemen’s agreement kienet tikkostitwixxi argument li jqiegħed serjament fid-dubju l-plawżibbiltà tal-argument sostnut mill-appellanti li l-ostakoli għad-dħul fis-suq Ewropew kienu insormontabbli. Fil-fatt, kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fl-istess punt, ma tantx huwa probabbli li l-produtturi Ġappuniżi u Ewropew kienu jikkonkludu ftehim ta’ tqassim tas-suq li kieku ma kinux iqisu lil xulxin tal-inqas bħala kompetituri potenzjali.

48      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

49      It-tielet aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, Toshiba ssostni, minn naħa, li s-sentenza appellata hija bbażata fuq motivazzjoni kontradittorja f’dak li jirrigwarda l-analiżi tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju u, min-naħa l-oħra, li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-provi li użat f’dan il-kuntest, jiġifieri l-minuti tal-laqgħa ta’ Vjenna, in-nota interna li toriġina minn M., li jaħdem mal-kumpannija Fuji, u n-nota spjegattiva ta’ din il-laqgħa mħejjija minn Fuji (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dokumenti kontenzjużi”). Skont Toshiba, filwaqt li, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonstatat li l-appellanti kienet irrinunzjat, waqt il-laqgħa ta’ Vjenna, milli tieħu sehem fil-laqgħat futuri wara l-ħolqien ta’ TM T&D, hija madankollu ddeċidiet, fil-punti 209 u 211 ta’ dik is-sentenza, li l-parteċipazzjoni ta’ Toshiba fil-gentlemen’s agreement baqgħet dubjuża, peress li kienet tiddependi mill-fatt jekk TM T&D kinitx ser tipparteċipa jew le. Għalhekk il-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nfisha sa fejn l-uniku element li kien baqa’ sospiż wara l-laqgħa ta’ Vjenna kien il-parteċipazzjoni mhux ta’ Toshiba bħala impriża individwali iżda ta’ TM T&D fil-laqgħat futuri u fil-gentlemen’s agreement.

50      It-tieni parti, li tirrigwarda essenzjalment il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 213, 218 u 220 tas-sentenza appellata, hija bbażata fuq applikazzjoni allegatament żbaljata, mill-Qorti Ġenerali, tal-kriterju tad-“tbegħid pubbliku”, sa fejn dik il-qorti bbażat ruħha fuq il-fatt li l-gentlemen’s agreement ġie kkonfermat waqt il-laqgħa ta’ Vjenna sabiex teskludi kull possibbiltà li Toshiba tbiegħdet pubblikament minn dan il-ftehim waqt l-imsemmija laqgħa. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali messha ddeduċiet, mill-fatt li Toshiba ma ħaditx sehem fil-laqgħa ta’ Zurich, li din il-kumpannija kienet irrinunzjat milli tieħu sehem fl-akkordju mil-laqgħa ta’ Vjenna ’l quddiem.

51      Permezz tat-tielet parti, Toshiba tallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, peress li dik il-qorti kkunsidrat li l-appellanti kienet kompliet tipparteċipa fl-akkordju anki wara l-ħolqien ta’ TM T&D, meta wara l-ħolqien ta’ din tal-aħħar, Toshiba ħarġet mis-suq inkwistjoni. F’dan ir-rigward, Toshiba tikkontesta b’mod partikolari l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali li jinsabu fil-punti 218 sa 221 tas-sentenza appellata, sa fejn dik il-qorti wettqet żball meta affermat, essenzjalment, li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-ksur sal-laqgħa ta’ Zurich kienet tirriżulta mill-fatt li hija kienet “tat l-impressjoni lill-parteċipanti l-oħra li hija jew TM T&D kienet għadha qed tipparteċipa fil-gentlemen’s agreement”, mingħajr ma wettqet verifika konkreta tal-preżenza ta’ Toshiba f’din il-laqgħa.

52      Il-Kummissjoni tqis li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

–       Fuq l-ewwel parti tat-tielet aggravju

53      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, l-ilment imqajjem minn Toshiba fil-kuntest tal-ewwel parti tat-tielet aggravju u bbażat fuq kontradizzjoni ta’ motivi, għandu jiġi kkonstatat li dan l-ilment huwa bbażat fuq qari żbaljat tas-sentenza appellata.

54      Huwa minnu li, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat, abbażi tad-dokumenti kontenzjużi, li l-parteċipazzjoni individwali ta’ Toshiba fil-gentlemen’s agreement wara l-laqgħa ta’ Vjenna kienet għadha trid tiġi deċiża, minħabba l-ħolqien ta’ TM T&D. Fil-punt 209 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, f’dan ir-rigward, li d-dokumenti kontenzjużi kienu jippermettu li jiġi dedott li, fi tmiem il-laqgħa ta’ Vjenna, kienu jeżistu “dubji dwar il-parteċipazzjoni futura tar-rikorrenti fil-gentlemen’s agreement u dwar il-kontinwazzjoni ta’ dan tal-aħħar u [...] li kellha ssir laqgħa futura, li matulha din il-kwistjoni kellha tiġi diskussa”.

55      Madankollu, minn naħa, kif jirriżulta mill-istess punt 208, l-impriżi li pparteċipaw fl-akkordju kienu jqisu ma kienx għad hemm interess li jinżamm il-gentlemen’s agreement mingħajr il-parteċipazzjoni tal-appellanti. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonstata, fil-punt 211 tas-sentenza appellata, li l-gentlemen’s agreement u r-regoli ta’ notifika tal-proġetti li jaqgħu taħt dan l-akkordju ġew ikkonfermati mill-parteċipanti fil-laqgħa ta’ Vjenna.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma kkontradixxietx lilha nfisha meta ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li mid-dokumenti kontenzjużi ma setax jiġi dedott li l-intenzjoni ta’ Toshiba li titbiegħed mill-gentlemen’s agreement kienet stabbilita mil-laqgħa ta’ Vjenna u nftiehmet b’mod ċar mill-parteċipanti l-oħra f’din il-laqgħa, peress li minn dawn id-dokumenti kien jirriżulta wkoll li ma kien ikun hemm ebda interess fl-estensjoni tal-akkordju, fid-dawl tal-importanza li l-partijiet kienu jagħtu lill-parteċipazzjoni ta’ Toshiba f’dan l-akkordju. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda, sa fejn hija bbażata fuq motivazzjoni kontradittorja.

57      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, l-argument dwar żnaturament, mill-Qorti Ġenerali, tal-portata tad-dokumenti kontenzjużi, bl-ebda mod ma jirriżulta minn dawn tal-aħħar li Toshiba abbandunat il-gentlemen’s agreement mil-laqgħa ta’ Vjenna ’l quddiem. Fil-fatt, kif ikkonstata l-Avukat Ġenerali fil-punti 119 sa 121 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn naħa, min-nota interna dwar il-laqgħa ta’ Vjenna, li toriġina minn M., li jaħdem mal-kumpannija Fuji, jirriżulta li l-parteċipazzjoni ta’ Toshiba li laqgħat li saru wara li nħolqot TM T&D kienet għadha trid tiġi deċiża. Huwa minnu li min-nota spjegattiva mħejjija mill-kumpannija Fuji dwar din il-laqgħa jirriżulta li “il-possibbiltà li Toshiba tattendi laqgħat wara l-ħolqien ta’ TM T&D (filwaqt li Mitsubishi ma tattendihomx) ġiet ikkonfutata minn Toshiba”. Madankollu, l-imsemmija nota tindika wkoll li, “peress li Mitsubishi ma għadhiex tipparteċipa f’dawn il-laqgħat, jeħtieġ li tittieħed deċiżjoni sabiex isir magħruf jekk TM T&D hijiex awtorizzata tipparteċipa fl-imsemmija laqgħat”.

58      Min-naħa l-oħra, mill-minuti tal-laqgħa ta’ Vjenna jirriżulta ċar li l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni ta’ Toshiba fil-laqgħat futuri kellha tiġi deċiża “fi żmien relattivament qasir” u li din il-kwistjoni kellha tikkostitwixxi l-punt prinċipali tal-laqgħa segwenti. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha.

59      Għaldaqstant, ma jistax jitqies li l-motivi tal-Qorti Ġenerali huma kkaratterizzati minn kontradizzjoni jew li hija żnaturat il-provi li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tieni parti tat-tielet aggravju

60      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju tagħha, Toshiba tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, talli ma kkonkludietx li hija kienet tbiegħdet mill-gentlemen’s agreement waqt il-laqgħa ta’ Vjenna, minkejja d-dikjarazzjonijiet li hija kienet għamlet waqt din il-laqgħa u l-fatt li din il-kumpannija ma kinitx ipparteċipat fil-laqgħa ta’ Zurich.

61      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biżżejjed li l-Kummissjoni turi li l-impriża kkonċernata pparteċipat f’laqgħat li fihom ġew konklużi ftehimiet ta’ natura antikompetittiva, mingħajr ma opponiethom manifestament, sabiex tipprova suffiċjentement il-parteċipazzjoni tal-imsemmija impriża fl-akkordju. Ladarba tiġi stabbilita l-parteċipazzjoni f’tali laqgħat, hija din l-impriża li għandha tressaq provi ta’ natura li jistgħu jistabbilixxu li l-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmija laqgħat kienet nieqsa minn kull għan antikompetittiv, billi turi li hija kienet indikat lill-kompetituri tagħha li hija kienet qed tipparteċipa f’dawk il-laqgħat fi spirtu differenti minn tagħhom (sentenza Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 81).

62      Sabiex jiġi evalwat jekk impriża effettivament tbegħditx, huwa tabilħaqq il-mod kif il-parteċipanti l-oħra f’akkordju jifhmu l-intenzjoni tal-impriża kkonċernata li huwa determinanti sabiex jiġi evalwat jekk din tal-aħħar kellhiex l-intenzjoni li titbiegħed mill-ftehim illegali (sentenza Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑510/06 P, EU:C:2009:166, punt 120).

63      F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-kunċett ta’ “tbegħid pubbliku” jirreferi għal sitwazzjoni fattwali, li l-eżistenza tagħha hija kkonstatata mill-Qorti Ġenerali, każ b’każ, billi tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li jkunu tressqu quddiemha u wara evalwazzjoni globali tal-provi u tal-indizji kollha rilevanti. Ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-provi jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Din l-evalwazzjoni għaldaqstant ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ tal-iżnaturament ta’ dawn il-provi, punt ta’ liġi suġġett, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Comap vs Il‑Kummissjoni, C‑290/11 P, EU:C:2012:271, punt 71).

64      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 208 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali aċċettat, l-ewwel nett, billi bbażat ruħha fuq l-analiżi tad-dokumenti kontenzjużi, li kienu jeżistu dubji dwar il-parteċipazzjoni ta’ Toshiba fil-ksur wara l-laqgħa ta’ Vjenna u li l-partijiet fl-akkordju ma kellhomx interess li jżommu l-gentlemen’s agreement mingħajr il-parteċipazzjoni tal-appellanti.

65      It-tieni nett, fil-punt 209 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet mid-dokumenti kontenzjużi li l-kwistjoni tal-parteċipazzjoni futura ta’ Toshiba fl-akkordju u taż-żamma ta’ din il-parteċipazzjoni kellha tiġi diskussa matul laqgħa futura.

66      Fl-aħħar nett, fil-punt 211 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li mid-dokumenti kontenzjużi kien jirriżulta li l-impriżi li pparteċipaw fil-laqgħa ta’ Vjenna, fosthom Toshiba, kienu kkonfermaw il-gentlemen’s agreement u r-regoli ta’ notifika tal-proġetti li jaqgħu taħt dan l-akkordju.

67      Abbażi tal-evalwazzjoni tal-provi li wettqet, u kif diġà tfakkar fil-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali għalhekk ikkonkludiet, fil-punt 213 tas-sentenza appellata, li Toshiba ma kinitx tbiegħdet definittivament mill-akkordju waqt il-laqgħa ta’ Vjenna, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-konferma tar-regoli ta’ notifika tal-proġetti previsti mill-gentlemen’s agreement.

68      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, Toshiba tipprova, essenzjalment, tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha tal-provi għal dik li twettqet mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata.

69      Konsegwentement, u peress li, kif ġie rrilevat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, l-eżami tad-dokumenti kontenzjużi ma jiżvela ebda żnaturament manifest, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq it-tielet parti tat-tielet aggravju

70      Permezz tat-tielet parti tat-tielet aggravju, Toshiba ssostni, essenzjalment, li, billi kkonkludiet li hija pparteċipat fil-gentlemen’s agreement matul il-perijodu bejn il-laqgħa ta’ Vjenna u dik ta’ Zurich, mingħajr ma vverifikat jekk l-appellanti kinitx effettivament ipparteċipat f’din il-laqgħa, il-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali.

71      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-parteċipazzjoni ta’ impriża f’laqgħa li għandha għan antikompetittiv toħloq preżunzjoni tan-natura illegali ta’ din il-parteċipazzjoni, preżunzjoni li din l-impriża għandha tikkonfuta permezz tal-prova ta’ tbegħid pubbliku, li għandu jiġi pperċepit bħala tali mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju (sentenza Total Marketing Services vs Il‑Kummissjoni, C‑634/13 P, EU:C:2015:614, punt 21).

72      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 218 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-ilmenti tal-appellanti li jfittxu li juru li hija ma pparteċipatx fl-akkordju sal-laqgħa ta’ Zurich kienu ineffettivi.

73      Sabiex tasal għal din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha, billi rreferiet għall-evalwazzjoni tagħha dwar il-punti 205 sa 214 tas-sentenza appellata, fuq il-fatt li Toshiba ma kinitx tbiegħdet mill-akkordju waqt il-laqgħa ta’ Vjenna u li, matul din il-laqgħa tal-aħħar, kien ġie miftiehem bejn il-parteċipanti li l-parteċipazzjoni futura tal-appellanti fil-gentlemen’s agreement kellha tiġi diskussa waqt il-laqgħa segwenti, jiġifieri l-laqgħa ta’ Zurich tal-15 u tas-16 ta’ Mejju 2003.

74      Din il-konstatazzjoni hija deċiżiva għaliex, kif jirriżulta mill-punt 66 ta’ din is-sentenza, waqt il-laqgħa ta’ Vjenna, il-parteċipanti f’din il-laqgħa, fosthom Toshiba, ikkonfermaw il-gentlemen’s agreement kif ukoll ir-regoli ta’ notifika tal-proġetti li jaqgħu taħt dan l-akkordju.

75      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-parteċipazzjoni tal-appellanti fil-laqgħa ta’ Zurich kienet irrilevanti sabiex tikkonkludi li hija żammet il-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju sa din il-laqgħa tal-aħħar.

76      Konsegwentement, it-tielet parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda.

77      Għaldaqstant, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

78      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-ammont bażiku tal-multa, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx korrettament il-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, filwaqt li l-akkordju kien jikkonċerna biss it-territorji taż-ŻEE u tal-Ġappun, il-Qorti Ġenerali ħadet inkunsiderazzjoni, sabiex jiġi rifless b’mod adegwat il-piż tal-partijiet fil-ksur, il-partijiet mis-suq dinjija tal-produtturi ta’ transformers tal-elettriku. Min-naħa l-oħra, billi l-għan tal-akkordju illegali huwa li jipproteġi s-swieq taż-ŻEE u tal-Ġappun, Toshiba tqis, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali messha ħadet inkunsiderazzjoni biss il-partijiet mis-suq f’dawn it-territorji sabiex tikkalkola l-ammont bażiku tal-multa.

79      Kuntrarjament għall-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 276 tas-sentenza appellata, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-partijiet mis-suq fuq livell dinji kien ikun iġġustifikat biss fl-assenza ta’ ostakoli għad-dħul fis-suq taż-ŻEE. Fil-fatt, fil-preżenza ta’ tali ostakoli, li hija s-sitwazzjoni f’dan il-każ, il-produtturi Ġappuniżi ma jistgħux jiksbu f’dan it-territorju partijiet mis-suq li huma ekwivalenti għal dawk miżmuma fuq livell dinji.

80      Toshiba ssostni wkoll li, peress li kull suq ġeografiku għandu l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkunsidrat, fil-punt 228 tas-sentenza appellata, li l-metodu adottat kien ta’ natura li jieħu inkunsiderazzjoni “eventwali ostakoli għad-dħul li jistgħu jeżistu fid-diversi segmenti ġeografiċi tas-suq dinji”.

81      Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

82      Permezz tar-raba’ aggravju tagħha, Toshiba tinvoka, essenzjalment, interpretazzjoni żbaljata tal-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006, sa fejn il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-analiżi tal-Kummissjoni li, f’dan il-każ, is-“settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] previst minn din id-dispożizzjoni seta’ jestendi mhux biss għat-territorji taż-ŻEE u tal-Ġappun, iżda wkoll għad-dinja kollha.

83      Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni adottat il-Linji gwida tal-2006, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, bil-għan li tiżgura t-trasparenza u n-natura oġġettiva tad-deċiżjonijiet tagħha. Din id-dispożizzjoni hija intiża, b’mod partikolari, sabiex tiżgura li l-multa jkollha effett dissważiv suffiċjenti, li jiġġustifika t-teħid inkunsiderazzjoni tal-poter ekonomiku tal-impriża kkonċernata (sentenza Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 142). Fil-fatt, hija l-intenzjoni li jiġi żgurat dan l-effett dissważiv suffiċjenti tal-multa, ripetuta fil-punt 4 tal-Linji gwida tal-2006, li tiġġustifika li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità finanzjarja tal-impriża ssanzjonata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi YKK et vs Il‑Kummissjoni, C‑408/12 P, EU:C:2014:2153, punt 85, u Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 143).

84      Għaldaqstant, il-Kummissjoni għandha tevalwa, f’kull każ speċifiku u fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tal-għanijiet li s-sistema ta’ sanzjonijiet stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003 tfittex li tilħaq, il-konsegwenzi intiżi għall-impriża kkonċernata, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ li jirrifletti s-sitwazzjoni ekonomika ġenwina tagħha matul il-perijodu li fih twettaq il-ksur (ara s-sentenza Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 144).

85      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, li jirrigwarda l-każijiet ta’ ksur li l-firxa ġeografika tagħhom ma taqbiżx dik taż-ŻEE, jipprovdi li l-valur tal-bejgħ li għandu jintuża sabiex jiġi ddeterminat l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta huwa l-valur tal-bejgħ ta’ oġġetti jew servizzi ġġenerat mill-impriża b’konnessjoni mal-ksur. L-għan ta’ dan il-punt huwa li jadotta, bħala punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-multa imposta fuq impriża, ammont li jirrifletti l-importanza ekonomika tal-ksur u d-daqs tal-kontribut ta’ din l-impriża f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 148).

86      Bl-istess mod, meta jidderoga mid-delimitazzjoni tas-settur ġeografiku previst fil-punt 13 tal-Linji gwida tal-2006, il-punt 18 tal-istess linji gwida jfittex li jilħaq l-għan li jirrifletti bl-iktar mod adegwat possibbli l-piż u l-poter ekonomiku tal-impriża inkwistjoni fil-ksur, sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett suffiċjentement dissważiv.

87      F’dan il-każ, interpretazzjoni ta’ “settur ġeografiku (iktar vast miż-ŻEE) ikkonċernat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] li tieħu inkunsiderazzjoni biss it-territorji kkonċernati mill-akkordju illegali tmur kontra l-għan li jfittxu li jilħqu l-punt 18 tal-Linji gwida tal-2006 u, barra minn hekk, l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

88      Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni fir-risposta tagħha, li kieku ttieħed inkunsiderazzjoni biss il-bejgħ fiż-ŻEE, Toshiba kienet tevita kwalunkwe multa, peress li din il-kumpannija ma wettqitx bejgħ fiż-ŻEE matul is-sena ta’ referenza użata mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, anki li kieku ttieħed inkunsiderazzjoni l-bejgħ fil-Ġappun, tali approċċ kien jinjora l-fatt li l-partijiet fil-gentlemen’s agreement huma produtturi ta’ transformers tal-elettriku attivi fuq livell dinji. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 275 tas-sentenza appellata, “ir-riżultat tal-gentlemen’s agreement kien li l-potenzjal kompetittiv dinji tal-impriżi kkonċernati ma kienx intuża għall-benefiċċju tas-suq taż-ŻEE”. Għaldaqstant, li kieku s-settur ġeografiku kkonċernat ġie llimitat għal dawn iż-żewġ territorji, dan ma kienx jirrifletti b’mod adegwat il-piż tal-impriża fil-ksur u ma kienx jiżgura l-effett dissważiv tal-multa.

89      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, kif isostni l-Avukat Ġenerali fil-punt 153 tal-konklużjonijiet tiegħu, li kieku ttieħdu inkunsiderazzjoni biss it-territorji tal-Ġappun jew taż-ŻEE, dan kien iwassal, essenzjalment, sabiex jiġu ppremjati l-parteċipanti fil-gentlemen’s agreement talli osservaw it-termini tal-akkordju illegali, li kien jipprovdi espressament li l-partijiet kellhom iżommu lura milli jwettqu kwalunkwe bejgħ fit-territorju tal-grupp l-ieħor ta’ impriżi.

90      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta kkonfermat, fil-punti 282 u 292 tas-sentenza appellata, il-metodoloġija ta’ kalkolu tal-ammont bażiku tal-multi użata f’dan il-każ mill-Kummissjoni.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud.

92      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

93      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Toshiba tilfet u l-Kummissjoni talbet li din il-kumpannija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Toshiba Corporation hija kkundannata għall-ispejjeż.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.