Language of document : ECLI:EU:C:2016:27

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Jannar 2016 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Politika tal-kompetizzjoni — Artikolu 101 TFUE — Regolament (KE) Nru 1/2203 — Settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija — Awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Valur legali tal-istrumenti tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni — Programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemenza — Talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni — Talba sommarja għal immunità mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni — Rabta bejn dawn iż-żewġ talbiet”

Fil-Kawża C‑428/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Settembru 2014, fil-proċedura

DHL Express (Italy) Srl,

DHL Global Forwarding (Italy) SpA

vs

Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato,

fil-preżenza ta’:

Schenker Italiana SpA,

Agility Logistics Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Ewwel Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, J. L. da Cruz Vilaça (Relatur), A. Arabadjiev, C. Lycourgos u J.‑C. Bonichot, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Lulju 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal DHL Express (Italy) Srl u DHL Global Forwarding (Italy) SpA, minn M. Siragusa u G. Rizza, avukati,

–        għal Schenker Italiana SpA, minn G. L. Zampa, G. Barone u A. Di Giò, avukati,

–        għal Agility Logistics Srl, minn A. Lirosi, M. Padellaro u A. Pera, avukati,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino u P. Gentili, avvocati dello Stato,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Lippstreu, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J. Bousin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn C. Pesendorfer, bħala aġent,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn V. Kaye, bħala aġent, assistita minn D. Beard, QC, u minn V. Wakefield, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Malferrari, G. Meeßen u T. Vecchi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-10 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, DHL Express (Italy) Srl u DHL Global Forwarding (Italy) SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, “DHL”) u, min-naħa l-oħra, l-Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato (awtorità għall-osservanza tal-kompetizzjoni u tar-regoli tas-suq, iktar ’il quddiem “AGCM”) dwar id-deċiżjoni li permezz tagħha din l-awtorità imponiet fuq DHL multi minħabba li pparteċipat f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ tranżitu bit-triq internazzjonali ta’ merkanzija li titlaq mill-Italja jew tasal fl-Italja, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2003 tipprovdi:

“Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom jifformaw network ta’ awtoritajiet publiċi flimkien fejn japplikaw liġijiet tal-kompettizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni. Għal dak il-għan huwa neċċessarju li arranġamenti huma mqeda għall-informazzjoni u konsultazzjoni. Aktar modalitajiet għall-koperazzjoni bejn in-networks ħa jiġu stabbiliti u revisti mil-kummissjoni, f’koperazzjoni mal-Istati Membri.”

4        L-Artikolu 11 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Koperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri” jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom japplikaw ir-regoli tal-kompetizzjoni tal-Komunità f’koperazzjoni qariba.

2.      Il-Kummissjoni ħa tittrażmetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri kopji tad-dokumenti l-aktar importanti miġbura bl-għan li japplikaw l-Artikoli 7, 8, 9, 10 u l-Artikoli 29(1). Mat-talba ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tipprovdiha b’kopji ta’ dokumenti eżistenti u neċessarji oħra għall-istima tal-każ.

3.      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa ikollhom, meta jagixxu taħt l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 tat-Trattat, tinforma il-Kummissjoni bil-kitba qabel u mingħajr l-ebda telf ta’ ħin wara il-bidu ta’ l-ewwel miżuri formali investigattivi. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra.

4.      Mhux aktar tard minn 30 ġurnata qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrikjedi li ksur jinġab fit-temm, aċċettazzjoni ta’ rbit jew irtirar tal-benefiċju ta’ l-eżenzjoni ġenerali tar-Regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri ħa tinforma il-Kummissjoni. Għal dak il-għan, ħa jipprovdu l-Kummissjoni b’summarju fuq il-każ, id-deċiżjoni maħsuba jew, fl-assenza ta’ dan, kwalunkwe dokumenti oħra li jindikaw x’azzjoni ħa tiġi meħuda. Din l-informazzjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ Stati Membri oħra. Mat-talba tal-Kummissjoni, l-awtorità tal-kompetizzjoni li qed taggixxi ħa tqiegħed għad-disposizzjoni tal-Kummissjoni dokumenti oħra li huma neċessarji għall-istima tal-każ. L-informazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni tista’ tiġi mqegħda għad-disposizzjoni ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri l-oħra. Awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jistgħu ukoll jiskambjaw informazzjoni neċessarja bejniethom għall-istima ta’ każ li qed jinnegozjawħ taħt l-Artikolu [101 TFUE] jew [102 TFUE].

5      L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri jistgħu jikkonsultaw lil Kummissjoni fuq xi każ li jinvolvi l-applikazzjoni tal-liġi tal-Komunità.

6.      L-inizjazzjoni mil-Kummissjoni tal-proċeduri għall-adottazzjoni ta’ deċiżjoni taħt Kapitolu III jirrileva l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri tal-kompetenzi tagħhom li japplikaw l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE]. Jekk l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru qed tagixxi diġa fuq il-każ, il-Kummissjoni għandha tibda proċeduri wara li tikkonsulta lil dik l-awtorità tal-kompetizzjoni nazzjonali.”

5        L-Artikolu 35(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jipprovdi:

“[L]-Istati Membri ħa jinominaw l-awtorità jew l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni responsabbli għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [101 TFUE] u [102 TFUE] b’tali mod li id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament huma effettivament imħarsa. [...] L-awtoritajiet nominati jistgħu jinkludu qrati.”

6        Il-punt 1 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fi ħdan in-netwerk tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni (ĠU 2004, C 101, p. 43, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”) jipprovdi:

“Ir-Regolament Nru 1/2003 [...] jistabbilixxi sistema ta’ kompetenzi paralleli li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri [...] japplikaw l-Artikolu [101 TFUE] u l-Artikolu [102 TFUE]. Flimkien l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-Kummissjoni jifformaw netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi li jaġixxu fl-interess ġenerali u jikkooperaw mill-qrib għall-protezzjoni tal-kompetizzjoni. Bħala forum ta’ diskussjoni u ta’ kooperazzjoni għall-implementazzjoni tal-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni u l-kontroll tagħha, dan in-netwerk jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni tal-awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fil-każijiet fejn l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] huma applikati, u jikkostitwixxi l-bażi għall-ħolqien u ż-żamma ta’ kultura komuni tal-kompetizzjoni fl-Ewropa. Dan in-netwerk jissejjaħ ‘Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni’ (NEK) [...]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        Fid-dawl ta’ din is-sistema ta’ kompetenzi paralleli, li permezz tagħha l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni kollha jistgħu japplikaw l-Artikolu 101 TFUE, il-punti 8 sa 15 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jelenkaw il-kriterji li jippermettu li jiġu ddeterminati l-awtoritajiet li jkunu “f’pożizzjoni tajba” sabiex jittrattaw każ. B’hekk, konformement mal-punt 14 ta’ din il-komunikazzjoni, “il-Kummissjoni tkun partikolarment f’pożizzjoni tajba meta ftehim jew diversi ftehimiet jew prattiċi [...] ikollhom effetti fuq il-kompetizzjoni f’iktar minn tliet Stati Membri [...]”.

8        Skont il-punt 38 tal-imsemmija komunikazzjoni:

“Fl-assenza ta’ sistema ta’ klemenza kompletament armonizzata li testendi għall-Komunità kollha, talba għall-klemenza lil awtorità partikolari ma tistax titqies li hija talba lil awtorità oħra tal-kompetizzjoni. Minn dan isegwi li l-applikant għandu interess li jitlob il-klemenza mill-awtoritajiet kollha tal-kompetizzjoni li huma kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu [101 TFUE] fit-territorju affettwat mill-ksur u li jistgħu jitqiesu li huma f’pożizzjoni tajba sabiex jaġixxu kontra l-ksur inkwistjoni. Minħabba l-importanza tal-għażla taż-żmien fil-parti l-kbira tas-sistemi ta’ klemenza fis-seħħ, l-applikanti għandhom interess jikkunsidraw jekk ikunx xieraq li jitolbu b’mod simultanju miżuri ta’ klemenza lill-awtoritajiet kompetenti kollha. Huwa l-applikant li għandu jieħu l-passi li huwa jqis xierqa sabiex jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu possibbilment jinbdew minn dawn l-awtoritajiet.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9        Fl-ambitu tan-NEK, ġie adottat matul is-sena 2006 programm mudell fil-qasam tal-klemenza (iktar ’il quddiem il-“programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza”). Dan il-programm, li ma ġiex ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi kkonsultat biss fuq is-sit tal-internet tal-Kummissjoni. Dan ġie rrivedut fix-xahar ta’ Novembru 2012, jiġifieri wara l-fatti tal-kawża prinċipali u, konsegwentement, wara d-deċiżjoni tal-AGCM li tifforma s-suġġett tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju.

10      Il-punt 3 tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza jipprovdi:

“Il-programm mudell tan-NEK [fil-qasam tal-klemenza] jiddefinixxi qafas li jippermetti li l-impriżi, li jkunu partijiet fi ftehimiet u prattiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu, jiġu kkumpensati għall-kooperazzjoni tagħhom. Il-membri tan-NEK huma impenjati sabiex jagħmlu dak kollu possibbli fil-limiti tal-kompetenzi tagħhom, sabiex jallinjaw il-programmi rispettivi tagħhom mal-programm mudell tan-NEK [fil-qasam tal-klemenza]. Dan tal-aħħar ma jipprekludix awtorità tal-kompetizzjoni milli tadotta approċċ iktar favorevoli lejn l-impriżi li jfittxu klemenza fl-ambitu tal-programm tagħha. Fih innifsu, il-programm mudell tan-NEK [fil-qasam tal-klemenza] ma jista’ jagħti lok għal ebda aspettattivi leġittimi favur dawn l-impriżi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11      Il-punt 5 ta’ dan il-programm, dwar l-immunità mill-multi “Tip 1A”, jipprovdi:

“L-awtorità tal-kompetizzjoni teżenta lil impriża minn kull multa li hija kien ikollha tħallas:

a)      meta din l-impriża tkun l-ewwel waħda li tipprovdi provi li, fl-opinjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni, fil-mument li fih teżamina t-talba, jippermettulha twettaq spezzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ akkordju preżunt;

b)      meta l-awtorità tal-kompetizzjoni ma jkollhiex, fil-mument tal-preżentazzjoni tat-talba, provi suffiċjenti sabiex tadotta deċiżjoni li tordna spezzjoni/talba għal mandat ta’ spezzjoni quddiem qorti jew jekk tkun għadha ma wettqitx spezzjoni fir-rigward tal-akkordju preżunt; u

ċ)      meta r-rekwiżiti tal-għoti tal-klemenza jkunu ssodisfatti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12      Il-punt 22 tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza jipprevedi li, “[m]eta l-Kummissjoni tkun ‘partikolarment f’pożizzjoni tajba’ sabiex teżamina każ konformement mal-punt 14 tal-Komunikazzjoni [dwar il-kooperazzjoni], l-impriża li ressqet jew li tkun ser tressaq talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni tista’ tibgħat talba sommarja lil kull awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li din l-impriża tqis li tkun ‘f’pożizzjoni tajba’ sabiex taġixxi fi ħdan il-qafas tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni. It-talbiet sommarji għandhom jinkludu l-informazzjoni li ġejja f’għamla sommarja:

[...]

–        in-natura tal-allegat akkordju;

–        [...]; u

–        l-informazzjoni dwar kull talba għall-klemenza diġà mressqa jew li tkun ser tiġi mressqa fir-rigward tal-allegat akkordju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13      Il-punt 24 tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza jipprovdi:

“Jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni adita b’talba sommarja tiddeċiedi li titlob ċerta informazzjoni addizzjonali, l-impriża hija obbligata li tipprovdiha mingħajr dewmien. Jekk awtorità tal-kompetizzjoni tiddeċiedi li taġixxi f’dan il-każ, hija għandha tistipula t-terminu li fih l-impriża għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha u l-provi neċessarji sabiex jintlaħaq l-istandard ta’ prova meħtieġ. Jekk l-impriża taġixxi fit-terminu mogħti, l-informazzjoni pprovduta titqies li tkun ġiet ikkomunikata fid-data tat-tressiq tat-talba sommarja.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14      Il-punt 7 tan-noti ta’ spjega tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza jipprovdi:

“Il-programm mudell tan-NEK [fil-qasam tal-klemenza] huwa maħsub sabiex isolvi l-problema tat-talbiet multipliċi mressqa b’mod parallel u jippermetti lill-impriżi jipprevedu aħjar l-eżitu tat-talba eventwali. [...] [H]uwa jiddefinixxi l-karatteristiċi ta’ tip uniformi ta’ formularji sommarji msejħa ‘talbiet sommarji’, maħsuba sabiex itaffu l-oneru li t-talbiet multipliċi fil-kartelli transkonfinali ta’ portata kbira jirrappreżentaw għall-impriżi u għall-awtoritajiet tal-kompetizzjoni.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Taljan

15      Fil-15 ta’ Frar 2007, l-AGCM adottat il-Komunikazzjoni dwar l-immunità u dwar it-tnaqqis tal-multi fuq il-bażi tal-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 287 tal-10 ta’ Ottubru 1990 (Communicazione sulla non imposizione e sulla riduzione delle sanzioni ai sensi dell’articolo 15 della legge 10 ottobre 1990, n. 287), li tinkludi l-programm ta’ klemenza Taljan (iktar ’il quddiem il-“programm ta’ klemenza nazzjonali”).

16      L-Artikolu 16 tal-programm ta’ klemenza nazzjonali, intitolat “Talba sommarja”, jipprovdi:

“Jekk il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni aħjar biex tittratta l-każ u tmexxi l-proċedura, l-impriża li tkun diġà ressqet jew li tkun ser tressaq quddiem il-Kummissjoni talba sabiex ma jiġux imposti sanzjonijiet, tista’ tressaq quddiem l-awtorità talba għall-klemenza simili, redatta fil-forma msejħa ‘sommarja’, jekk din tqis li l-awtorità tkun ukoll f’pożizzjoni li tintervjeni f’dan il-każ. Fuq il-bażi tal-[punt] 14 tal-[Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni], il-Kummissjoni tkun tinsab fl-aħjar pożizzjoni meta ftehim jew diversi ftehimiet jew prattiċi, inklużi n-netwerks ta’ ftehimiet jew prattiċi simili, jaffettwaw il-kompetizzjoni f’iktar minn tliet Stati Membri.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17      Fil-5 ta’ Ġunju 2007, DHL ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-immunità minn multi fir-rigward ta’ diversi okkorrenzi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni fis-settur tas-servizzi ta’ tranżitu internazzjonali tal-merkanzija. Fl-24 ta’ Settembru 2007, il-Kummissjoni tat lil DHL l-immunità kundizzjonali għas-settur kollu tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija, jiġifieri għat-tranżitu marittimu, bl-ajru u bit-triq. Barra minn hekk, fl-20 ta’ Diċembru 2007, DHL informat lill-Kummissjoni b’ċerti fatturi dwar aġir osservat fl-Italja fil-qasam tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija bit-triq. Fix-xahar ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni ddeċidiet li tieħu azzjoni biss fir-rigward tal-parti tal-ftehim li tirrigwarda s-servizzi ta’ tranżitu internazzjonali bl-ajru, filwaqt li ħalliet f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-possibbiltà li jieħdu azzjoni fir-rigward tal-okkorrenzi ta’ ksur marbuta mas-servizzi tat-tranżitu marittimu u bit-triq.

18      B’mod parallel, fit-12 ta’ Lulju 2007, DHL ressqet quddiem l-AGCM talba sommarja għall-immunità, skont il-programm ta’ klemenza nazzjonali. F’din it-talba, DHL ipprovdiet informazzjoni dwar aġir illegali fis-suq tal-ispedizzjoni u tat-trasporti internazzjonali ta’ merkanzija. Skont l-AGCM, din id-dikjarazzjoni kienet tikkonċerna biss is-settur tat-trasporti internazzjonali tal-merkanzija bil-baħar u bl-ajru, bl-esklużjoni tat-trasporti bit-triq. Madankollu, skont DHL, din it-talba sommarja kienet tipprevedi aġir illegali osservat fis-suq kollu tal-ispedizzjoni u tat-trasporti tal-merkanzija. DHL speċifikat li jekk it-talba tagħha tat-12 ta’ Lulju 2007 ma kinitx tinkludi eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir osservat fil-kuntest tal-ispedizzjoni bit-triq tal-merkanzija, dan kien minħabba l-fatt li tali każijiet ma kinux għadhom ġew skoperti.

19      Fit-23 ta’ Ġunju 2008, DHL ressqet talba addizzjonali sommarja għall-immunità quddiem l-AGCM, b’żieda mat-talba tagħha mressqa fit-12 ta’ Lulju 2007, sabiex testendiha b’mod espliċitu għas-settur tal-ispedizzjonijiet internazzjonali tal-merkanzija bit-triq. F’din it-talba, DHL iddikjarat li “din id-dikjarazzjoni [kienet] tikkostitwixxi, għal kull skop u għal kull effett, sempliċi żieda kumplimentari għat-talba mressqa fit-12 ta’ Lulju 2007, sa fejn l-aġir addizzjonali li hija [pprevediet ma kienx jikkostitwixxi] ksur distint mhux kopert mid-dikjarazzjoni oriġinali, iżda biss manifestazzjoni ġdida ta’ okkorrenzi ta’ ksur diġà rraportati, u, bħala tali, il-Kummissjoni [kienet] ikkunsidrathom għall-finijiet tal-klemenza mogħtija lill-impriża”.

20      Fil-frattemp, fil-5 ta’ Novembru 2007, Deutsche Bahn AG ressqet quddiem il-Kummissjoni, għan-nom ukoll tas-sussidjarji tagħha, li fosthom tidher Schenker Italiana SpA (iktar ’il quddiem “Schenker”), talba għall-immunità, fl-ewwel lok għall-ispedizzjonijiet marittimi tal-merkanzija u, fit-tieni lok, fid-19 ta’ Novembru 2007, għall-ispedizzjonijiet bit-triq. Barra minn hekk, Schenker ressqet quddiem l-AGCM, fit-12 ta’ Diċembru 2007, talba sommarja għall-klemenza, filwaqt li pprovdiet informazzjoni dwar l-ispedizzjonijiet bit-triq tal-merkanzija fl-Italja.

21      Fl-20 ta’ Novembru 2007, Agility Logistics Srl (iktar ’il quddiem “Agility”) ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għat-tnaqqis tal-multa, fil-kuntest tal-okkorrenzi ta’ ksur fis-suq tal-ispedizzjoni u tat-trasporti internazzjonali tal-merkanzija. Fit-12 ta’ Mejju 2008, Agility Logistics International ressqet quddiem l-AGCM, għan-nom ukoll tas-sussidjarja tagħha Agility, talba sommarja għall-klemenza, fir-rigward tal-akkordju Taljan dwar l-ispedizzjonijiet bit-triq tal-merkanzija.

22      Fit-18 ta’ Novembru 2009, l-AGCM fetħet proċedura bil-għan li tikkonstata okkorrenzi ta’ ksur tal-Artikoli 101 TFUE li seta’ kien hemm fis-settur tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija.

23      Permezz tad-deċiżjoni inkwistjoni, adottata fil-15 ta’ Ġunju 2011, l-AGCM stabbilixxiet li diversi impriżi, fosthom DHL, Schenker u Agility, ipparteċipaw, bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, f’akkordju fis-settur tas-servizzi ta’ tranżitu internazzjonali bit-triq ta’ merkanzija li titlaq mill-Italja u li tasal l-Italja.

24      F’din id-deċiżjoni, l-AGCM irrikonoxxiet li Schenker kienet l-ewwel kumpannija li talbet l-immunità mill-multi fl-Italja għall-ispedizzjonijiet tal-merkanzija bit-triq. Fuq il-bażi tal-programm ta’ klemenza nazzjonali, din il-kumpannija ma ġiet ikkundannata għal ebda multa. Madankollu, DHL kif ukoll Agility ġew ikkundannati jħallsu multi, li sussegwentement tnaqqsu għal 49 % u għal 50 %, rispettivament, tal-ammont inizjali tagħhom. L-AGCM ikkunsidrat ukoll li, fit-talba tagħha tat-12 ta’ Lulju 2007, DHL kienet talbet l-immunità minn multi biss għall-ispedizzjonijiet bl-ajru u marittimi tal-merkanzija, filwaqt li t-talba dwar l-ispedizzjonijiet bit-triq tressqet minn din l-impriża biss fit-23 ta’ Ġunju 2008.

25      DHL adixxiet lit-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Lazio) sabiex tikseb l-annullament parzjali tad-deċiżjoni inkwistjoni, billi sostniet, partikolarment, li din tal-aħħar kienet żbaljata sa fejn ma tathiex l-ewwel post fil-klassifika tal-programm ta’ klemenza nazzjonali u, għalhekk, il-benefiċċju tal-immunità mill-multi. Skont DHL, il-prinċipji tad-dritt tal-Unjoni jobbligaw lill-awtorità nazzjonali li tirċievi talba sommarja għall-klemenza li tevalwa l-istess talba billi tieħu inkunsiderazzjoni t-talba prinċipali li l-istess kumpannija tkun ressqet quddiem il-Kummissjoni. Barra minn hekk, DHL argumentat li t-talbiet sommarji mressqa minn Schenker u Agility quddiem l-AGCM kienu inammissibbli.

26      It-Tribunale amministrativo regionale per il Lazio (tribunal amministrattiv reġjonali ta’ Lazio) ċaħad l-azzjoni mressqa minn DHL billi bbaża ruħu fuq prinċipju ta’ awtonomija u ta’ indipendenza tad-diversi programmi ta’ klemenza u tat-talbiet marbuta magħhom.

27      DHL appellat mid-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza quddiem il-qorti tar-rinviju. Din il-kumpannija ssostni li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tosservax il-prinċipji li joħorġu, senjatament, mill-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u mill-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza. Skont DHL, ir-regoli u l-istrumenti tan-NEK huma vinkolanti għall-AGCM, sa fejn din tal-aħħar hija awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tagħmel parti minn dan in-netwerk.

28      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Consiglio di Stato (kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“L-Artikolu 101 TFUE, l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

1)      l-[awtoritajiet nazzjonali] ma għandhomx il-possibbiltà li jevitaw, fil-prassi tagħhom ta’ applikazzjoni ta’ instrumenti ddefiniti u adottati min-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari, il-programm mudell ta’ klemenza f’każ bħal dak tal-kawża prinċipali, mingħajr ma dan imur kontra dak li ġie ddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-punti 21 u 22 tas-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2011, Pfleiderer (C-360/09, EU:C:2011:389);

2)      bejn it-talba prinċipali għall-immunità li impriża ppreżentat jew li ser tippreżenta lill-Kummissjoni u t-talba simplifikata [sommarja] għall-immunità li hija ppreżentat lil [awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni] għall-istess akkordju, teżisti rabta legali b’tali mod li l-[awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni] – minkejja l-kontenut tal-paragrafu 38 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kooperazzjoni fil-kuntest tan-netwerk tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni – hija obbligata, skont il-paragrafu 22 tal-programm mudell għan-netwerk tal-2006 (li sar il-paragrafu 24 skont in-numerazzjoni tal-programm mudell għan-netwerk tal-2012) u n-nota ta’ spjega 45 (li saret in-nota ta’ spjega 49 skont in-numerazzjoni tal-programm mudell għan-netwerk tal-2012) relatata miegħu:

–        tevalwa t-talba simplifikata għall-immunità fid-dawl tat-talba prinċipali, u taħt il-kunidzzjoni li t-talba [sommarja] tirrifletti b’mod fidil il-kontenut tat-talba prinċipali,

–        sussidjarjament – jekk hija tqis li t-talba simplifikata riċevuta għandha kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae iktar strett minn dak tat-talba prinċipali ppreżentata mill-istess impriża, li abbażi tagħha l-Kummissjoni tat l-immunità kundizzjonali lil din l-impriża – tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża nnifisha, sabiex jiġi stabbilit jekk, wara l-preżentata tat-talba simplifikata, fil-kuntest tat-twettiq tal-missjonijiet tagħha ta’ investigazzjonijiet interni, il-Kummissjoni kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti u speċifiċi ta’ aġir fis-settur allegatament kopert mit-talba prinċipali għall-immunità iżda mhux mit-talba simplifikata għall-immunità;

3)      fuq il-bażi tal-paragrafi 3 u 22 sa 24 tal-programm mudell għan-netwerk tal-2006 u tan-noti ta’ spejga relatati magħhom 8, 41,45 u 46 u fid-dawl tal-emendi introdotti mill-paragrafi 24 sa 26 tal-programm mudell għan-netwerk tal-2012 u min-noti ta’ spjega relatati magħhom 44 u 49, [awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni] li, fiż-żmien tal-fatti tal-kawża prinċipali, kienet tapplika programm ta’ klemenza bħal dak deskritt fl-imsemmija kawża, setgħet legalment tirċievi, għal akkordju sigriet speċifiku li għalih l-ewwel impriża ppreżentat jew ser tippreżenta lill-Kummissjoni talba prinċipali għall-immunità:

–        sempliċement talba simplifikata għall-immunità min-naħa ta’ din l-impriża jew inkella

–        ukoll talbiet sommarji oħrajn għall-immunità ppreżentati minn impriżi oħrajn, li jkunu ppreżentaw lill-Kummissjoni, b’mod prinċipali, talba għall-immunità ‘li ma tistax tiġi aċċettata’ jiġifieri talba għal tnaqqis tal-multa, b’mod partikolari meta t-talbiet prinċipali ta’ dawn l-impriżi tal-aħħar saru wara li l-ewwel impriża ingħatat l-immunità kundizzjonali?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

29      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-istrumenti adottati fl-ambitu tan-NEK, partikolarment il-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza, għandhom effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

30      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li ġie stabbilit fil-Kapitolu IV tar-Regolament Nru 1/2003, huwa intiż sabiex jiggarantixxi applikazzjoni koerenti tar-regoli tal-kompetizzjoni fl-Istati Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi X, C‑429/07, EU:C:2009:359, punt 20, u Tele2 Polska, C‑375/09, EU:C:2011:270, punt 26).

31      Konformement mal-premessa 15 tar-Regolament Nru 1/2203, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri għandhom flimkien jifformaw netwerk ta’ awtoritajiet pubbliċi għall-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’kooperazzjoni mill-qrib. F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni jispeċifika li dan in-netwerk jikkostitwixxi forum ta’ diskussjoni u ta’ kooperazzjoni għall-applikazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-kontroll tagħha.

32      Minn dan jirriżulta li n-NEK, intiż sabiex jippromwovi d-diskussjoni u l-kooperazzjoni fl-implementazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni, ma huwiex vestit bis-setgħa li jadotta regoli ġuridikament vinkolanti.

33      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li la l-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u lanqas il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u t-tnaqqis tal-ammont tagħhom fil-każijiet li jirrigwardaw l-akkordji (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-klemenza”) ma huma vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri (ara s-sentenza Pfleiderer, C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 21).

34      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, adottati fil-kuntest tan-NEK, il-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u l-Komunikazzjoni dwar il-klemenza ġew ippubblikati matul is-sena 2004 u s-sena 2006, rispettivament, fis-Serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, li, kuntrarjament għas-Serje L tiegħu, ma hijiex intiża sabiex tippubblika atti ġuridikament vinkolanti, iżda biss informazzjoni, rakkomandazzjonijiet u avviżi li jikkonċernaw l-Unjoni (sentenzi Polska Telefonia Cyfrowa, C-410/09, EU:C:2011:294, punt 35, u Expedia, C‑226/11, EU:C:2012:795, punt 30).

35      Minn dan isegwi li dawn il-komunikazzjonijiet ma jistgħux joħolqu obbligi fil-konfront tal-Istati Membri.

36      Fir-rigward, senjatament, tas-sistema ta’ klemenza li minnha jibbenefikaw, fi ħdan l-Unjoni, l-impriżi li jikkooperaw mal-Kummissjoni jew mal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni bil-għan li jiġu żvelati l-akkordji illegali, għandu jiġi kkonstatat li la d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE u lanqas ir-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdu regoli komuni għall-klemenza (sentenza Pfleiderer, C‑360/09, EU:C:2011:389, punt 20). B’hekk, fin-nuqqas ta’ sistema ċentralizzata, fil-livell tal-Unjoni, ta’ lqigħ u ta’ evalwazzjoni ta’ talbiet għall-klemenza marbuta ma’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE, it-trattament ta’ tali talbiet indirizzati lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni huwa ddeterminat minnha skont id-dritt tal-Istat Membru li taħtu hija taqa’.

37      F’dan ir-rigward, għandu jiżdied li l-Komunikazzjoni dwar il-klemenza tipprevedi biss il-programmi ta’ klemenza implementati mill-Kummissjoni (sentenza Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 21).

38      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li l-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza ma għandux effett vinkolanti fir-rigward tal-qrati tal-Istati Membri (sentenza Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 22).

39      DHL sostniet, madankollu, li din il-ġurisprudenza tipprevedi biss il-qrati nazzjonali u mhux l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Skont DHL, il-konklużjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja waslet għaliha fil-kawża Pfleiderer (C-360/09, EU:C:2011:389) kienet iġġustifikata biss mill-fatt li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma kellhomx effett dirett u li, għalhekk, il-qrati nazzjonali ma setgħux japplikawhom fit-tilwimiet ċivili jew amministrattivi.

40      Din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’.

41      Min-naħa, ladarba li, konformement mal-Artikolu 35(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-Istati Membri jistgħu jaħtru qrati nazzjonali bħala awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, l-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni fi-Istati Membri tista’ tiġi kompromessa. Fil-fatt, in-natura vinkolanti tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza tvarja skont in-natura, ġudizzjarja jew amministrattiva, tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni tad-diversi Stati Membri.

42      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li l-programm ta’ klemenza stabbilit mill-Kummissjoni, permezz tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, ma huwiex vinkolanti fir-rigward tal-Istati Membri (sentenza Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 36). Din il-konstatazzjoni tapplika wkoll għal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza.

43      Barra minn hekk, il-fatt sostnut minn DHL, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma formalment impenjati sabiex josservaw il-prinċipji stipulati fil-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, ma jbiddilx il-valur ġuridiku, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, ta’ din il-komunikazzjoni, u lanqas dak tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, għall-ewwel domanda għandha tingħata r-risposta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istrumenti adottati fil-kuntest tan-NEK, partikolarment il-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza, ma għandhomx effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

 Fuq it-tieni domanda

45      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li hemm, bejn it-talba għall-immunità li impriża ressqet jew kienet ser tressaq quddiem il-Kummissjoni u t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-istess akkordju, rabta ġuridika li tobbliga lil din l-awtorità tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità, fil-każ fejn it-talba sommarja tirrifletti b’mod fidil il-kontenut tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ li t-talba sommarja jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni hijiex obbligata tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża stess, sabiex tistabbilixxi jekk din l-impriża kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti ta’ aġir illegali fis-settur allegatament kopert mit-talba għall-immunità, iżda mhux mit-talba sommarja.

 Fuq l-ammissibbiltà

46      Agility u l-Gvern Franċiż eċċepew l-inammissibbiltà tal-ewwel parti tat-tieni domanda, minħabba li hija irrilevanti u minħabba li hija ta’ natura ipotetika, rispettivament.

47      Skont din l-impriża u dan il-gvern, fil-kawża prinċipali, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk talba sommarja għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni fil-każ fejn dawn it-talbiet ma jkollhomx l-istess kamp ta’ applikazzjoni materjali. Madankollu, bid-domanda fformulata b’mod prinċipali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-każ fejn it-talba sommarja tirrifletti b’mod fidil il-kontenut tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, it-talba sommarja għandhiex tiġi interpretata fid-dawl tagħha.

48      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 KE, hija biss il-qorti nazzjonali li hija adita bit-tilwima u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li sussegwentement tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress illi d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Kamberaj, C-571/10, EU:C:2012:233, punt 40, u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 34).

49      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rifjut ta’ talba fformulata minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jkun jidher manifestament li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew ukoll meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, partikolarment, is-sentenzi Kamberaj, C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 42, u Banco Privado Português u Massa Insolvente do Banco Privado Português, C‑667/13, EU:C:2015:151, punt 36).

50      Dan ma huwiex il-każ fil-każ ineżami.

51      Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fil-5 ta’ Ġunju 2007, DHL ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-immunità fir-rigward ta’ diversi okkorrenzi ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, fis-settur tas-servizzi tat-tranżitu internazzjonali tal-merkanzija. Min-naħa l-oħra, fit-12 ta’ Lulju 2007, DHL ressqet quddiem l-AGCM talba sommarja għall-immunità dwar aġir illegali fis-suq tal-ispedizzjoni internazzjonali tal-merkanzija li titlaq mill-Italja u li tasal fl-Italja.

52      Fid-dawl tal-fatt li hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-AGCM u DHL, li jikkonċerna l-kontenut materjali tat-talba sommarja u, għalhekk, ix-xebh jew differenzi possibbli fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-talbiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jidhirx b’mod manifest li r-risposta għall-ewwel parti tat-tieni domanda ma hijiex utli għall-qorti tar-rinviju.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni domanda preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

54      Is-sistema ta’ klemenza hija bbażata fuq il-prinċipju li jipprovdi li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni għandhom jeżentaw mill-ħlas ta’ multi lill-impriża li tirrapporta l-parteċipazzjoni tagħha f’akkordju jekk hija tkun l-ewwel waħda li tipprovdi informazzjoni li tista’, senjatament, tippermetti l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

55      Issa, konformement mal-punt 38 tal-komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni, fl-assenza ta’ sistema ta’ klemenza kompletament armonizzata estiża fl-Unjoni kollha, talba għall-klemenza indirizzata lil awtorità partikolari ma tistax titqies li hija talba indirizzata lil awtorità oħra tal-kompetizzjoni. Fil-fatt, kif ġie kkonstatat fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, it-trattament ta’ talba għall-klemenza huwa ddeterminat mid-dritt ta’ kull Stat Membru.

56      F’dan ir-rigward, il-punt 1 tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza jirrileva l-interess li l-impriżi għandhom sabiex jitolbu l-klemenza mill-awtoritajiet kollha tal-kompetizzjoni li huma kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE fit-territorju affettwat mill-ksur ikkonċernat u li jistgħu jitqiesu li huma f’pożizzjoni tajba sabiex jaġixxu kontra dan il-ksur.

57      Għandu jiġi speċifikat ukoll li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni huma liberi li jadottaw programmi ta’ klemenza u kull wieħed minn dawn il-programmi huwa awtonomu meta mqabbel mhux biss mal-programmi nazzjonali l-oħra, iżda wkoll mal-programm ta’ klemenza tal-Unjoni.

58      Il-koeżistenza u l-awtonomija li b’dan il-mod jikkaratterizzaw ir-relazzjonijiet eżistenti bejn il-programm ta’ klemenza tal-Unjoni u dawk tal-Istati Membri huma l-espressjoni tas-sistema ta’ kompetenzi paralleli tal-Kummissjoni u tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003.

59      Minn dan joħroġ li, fil-każ ta’ akkordju li l-effetti antikompetittivi tiegħu jistgħu jilħqu diversi Stati Membri u, konsegwentement, jistgħu jwasslu għal intervent minn diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni u kif ukoll mill-Kummissjoni, l-impriża li tkun tixtieq tibbenefika mis-sistema ta’ klemenza minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju kkonċernat ikollha interess tressaq talbiet għall-immunità, mhux biss quddiem il-Kummissjoni, iżda wkoll quddiem l-awtoritajiet nazzjonali possibbilment kompetenti sabiex japplikaw l-Artikolu 101 TFUE.

60      L-awtonomija tal-programmi ta’ klemenza għandha neċessarjament testendi għad-diversi talbiet għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni u quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, ladarba dawn jifformaw parti integrali minn dawn il-programmi. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-awtonomija ta’ dawn it-talbiet toħroġ direttament mill-fatt li, fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx sistema unika li permezz tagħha l-impriżi li jipparteċipaw f’akkordji bi ksur tal-Artikolu 101 TFUE jirrapportaw lilhom infushom. Barra minn hekk, din l-awtonomija ma tistax tiġi affettwata mill-fatt li d-diversi talbiet ikollhom bħala suġġett l-istess ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

61      Issa, l-allegata eżistenza ta’ rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni u t-talba sommarja mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li tobbliga li dawn l-awtoritajiet jevalwaw din l-aħħar talba fid-dawl tat-talba għall-immunità, tqiegħed f’dubju l-awtonomija tad-diversi talbiet u, konsegwentement, l-iskop tas-sistema stess tat-talbiet sommarji. Fil-fatt, din is-sistema hija bbażata fuq il-prinċipju li, fil-livell tal-Unjoni, ma hemmx talba għall-klemenza unika jew talba “prinċipali” mressqa b’mod parallel ma’ talbiet “aċċessorji”, iżda talbiet għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni u talbiet sommarji mressqa quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li l-evalwazzjoni tagħhom hija esklużivament il-kompitu tal-awtorità destinatarja tagħhom.

62      Fi kwalunkwe każ, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-akkordji ma teżiġi li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom jinterpretaw talba sommarja fid-dawl ta’ talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk din it-talba sommarja tirriflettix b’mod fidil jew le l-kontenut tat-talba mressqa quddiem il-Kummissjoni.

63      Barra minn hekk, fir-rigward tal-eventwali obbligu tal-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża li tkun ressqitilha talba sommarja, meta tali talba jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità, għandu jiġi rrilevat, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 78 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tali obbligu jista’ jnaqqas id-dmir ta’ kooperazzjoni tal-applikanti għal klemenza li huwa wieħed mill-pilastri ta’ kull programm ta’ klemenza.

64      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-impriża li titlob lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni l-benefiċċju tas-sistema ta’ klemenza li għandha tiżgura li kull talba li hija tressaq ma jkollhiex inċertezzi fir-rigward tal-estent tagħha, u dan iktar u iktar peress li, kif ingħad fil-punt 62 ta’ din is-sentenza, ma hemm ebda obbligu, għall-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, li jevalwaw talba sommarja fid-dawl ta’ talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni.

65      Din l-interpretazzjoni, ibbażata fuq l-obbligu tal-impriża li tinforma lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni meta jirriżulta li l-portata effettiva tal-akkordju tkun differenti minn dik iddikjarata lil dawn l-awtoritajiet, jew minn dik mressqa quddiem il-Kummissjoni, hija l-unika waħda li tista’ tiżgura l-osservanza tal-awtonomija tad-diversi sistemi ta’ klemenza.

66      Fil-fatt, jekk is-sempliċi fakultà, li l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom, sabiex jitolbu lill-impriżi li jkun ressqu talbiet sommarji quddiemhom informazzjoni addizzjonali, kellha tiġi ssostitwita b’obbligu li dawn jikkuntattjaw lil dawn l-impriżi jew lill-Kummissjoni, ladarba dawn it-talbiet għandhom kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talbiet għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, tinħoloq ġerarkija bejn it-talbiet ikkonċernati, u dan bi ksur tas-sistema ddeċentralizzata prevista fir-Regolament Nru 1/2003.

67      Konsegwentement, it-tieni domanda għandha tintwieġeb bil-mod segwenti:

–        Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hemm ebda rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità li impriża tkun ressqet jew tkun ser tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-istess ftehim, li tobbliga lil din l-awtorità tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità. Il-fatt li t-talba sommarja tirrifletti jew ma tirriflettix b’mod fidil il-kontenut tat-talba mressqa quddiem il-Kummissjoni huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

–        Meta t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali ma hijiex obbligata li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża stess, sabiex tistabbilixxi jekk din l-impriża kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti ta’ aġir illegali fis-settur allegatament kopert minn dik it-talba għall-immunità, iżda li ma huwiex kopert minn din it-talba sommarja.

 Fuq it-tielet domanda

68      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta l-impriża tal-ewwel tkun ressqet talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni, hija biss din l-impriża li tista’ tressaq talba sommarja għall-immunità quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jew li impriżi oħra, li jkunu ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal tnaqqis ta’ multa, jistgħu wkoll jagħmlu dan.

 Fuq l-ammissibbiltà

69      Il-Gvern Taljan u dak Awstrijak isostnu li t-tielet domanda preliminari hija inammissibbli sa fejn, permezz tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta d-dritt nazzjonali, senjatament il-programm ta’ klemenza nazzjonali.

70      Skont ġurisprudenza stabbilita, fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja la li tevalwa l-konformità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u lanqas li tinterpreta dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali (ara, partikolarment, is-sentenzi Jaeger, C‑151/02, EU:C:2003:437, punt 43, u Consorci Sanitari del Maresme, C‑203/14, EU:C:2015:664, punt 43).

71      Madankollu, f’dan il-każ, mit-tielet domanda jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, senjatament tal-Artikolu 101 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003 fil-kuntest tal-funzjonament tas-sistema ta’ kompetenzi paralleli eżistenti bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, sabiex tiddetermina jekk, skont il-programm ta’ klemenza nazzjonali, l-AGCM “setgħetx legalment” taċċetta ċerti talbiet għall-immunità.

72      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju għandha tingħata risposta utli billi tiġi pprovduta bl-elementi ta’ interpretazzjoni li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, li jippermettulha tiddeċiedi fir-rigward tal-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

73      Minn dan isegwi li t-tielet domanda preliminari għandha titqies ammissibbli.

 Fuq il-mertu

74      Id-dubju tal-qorti tar-rinviju li jikkostitwixxi l-oriġini ta’ din id-domanda preliminari huwa marbut mal-fatt li l-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza kien jipprevedi li l-użu tas-sistema ta’ talbiet sommarji għall-immunità fil-livell nazzjonali kien miftuħ għall-impriża li kienet talbet lill-Kummissjoni l-immunità mill-multi, filwaqt li ma kienx jidher ċar li dan kien miftuħ għall-impriżi li kienu talbu lil din l-istituzzjoni sempliċi tnaqqis tal-multa.

75      Il-possibbiltà għal impriża, li ma kinitx l-ewwel waħda li ressqet talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni u li, konsegwentement, setgħet tibbenefika mhux minn immunità totali, iżda biss minn tnaqqis tal-multa, li tressaq talba sommarja għall-immunità quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni kienet espliċitament prevista biss fil-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza wara emendi introdotti f’dan il-programm matul is-sena 2012.

76      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatt li l-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza, fil-verżjoni tiegħu eżistenti fid-data tal-fatti tal-kawża prinċipali, ma kienx jipprevedi espressament il-possibbiltà għall-impriżi li jkunu ressqu quddiem il-Kummissjoni talba għal tnaqqis tal-multa li jressqu talba sommarja għall-immunità quddiem l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni ma jistax jiġi interpretat bħala li jipprekludi lil dawn l-awtoritajiet milli jaċċettaw, f’dawn iċ-ċirkustanzi, tali talba sommarja.

77      Fil-fatt, kif ingħad fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, l-istrumenti adottati fl-ambitu tan-NEK, partikolarment il-programm mudell tiegħu fil-qasam tal-klemenza, ma għandhomx effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni. Issa, din l-assenza ta’ natura vinkolanti għandha l-effett, minn naħa, li ma tobbligax lill-Istati Membri jinkorporaw fis-sistemi ta’ klemenza tagħhom id-dispożizzjonijiet tal-programm mudell tan-NEK fil-qasam tal-klemenza u, min-naħa l-oħra, li ma tipprekludihomx milli jadottaw, fil-livell nazzjonali, regoli li ma jinsabux f’dan il-programm mudell jew li huma differenti minnu, sa fejn din il-kompetenza hija eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, senjatament tal-Artikolu 101 TFUE u tar-Regolament Nru 1/2003.

78      Il-kompetenza li l-Istati Membri għandhom sabiex jiddefinixxu l-programmi ta’ klemenza tagħhom għandha effettivament tiġi eżerċitata b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment tar-Regolament Nru 1/2003. B’mod partikolari, l-Istati Membri ma jistgħux jirrendu impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-implementazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, speċifikament fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, huma għandhom jiżguraw li r-regoli li huma jistabbilixxu jew japplikaw ma jippreġudikawx l-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (sentenzi Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 24, kif ukoll Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 26).

79      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li l-programmi ta’ klemenza jikkostitwixxu strumenti utli fil-ġlieda effikaċi sabiex jiġu skoperti u mwaqqfa okkorrenzi ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni u jservu, b’dan il-mod, l-għan tal-applikazzjoni effettiva tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE (sentenza Pfleiderer, C-360/09, EU:C:2011:389, punt 25).

80      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-applikazzjoni effettiva tal-Artikolu 101 TFUE ma tostakolax sistema nazzjonali ta’ klemenza li tippermetti l-aċċettazzjoni ta’ talba sommarja għall-immunità minn impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni talba għall-immunità totali.

81      Għall-kuntrarju, tali approċċ huwa konformi mal-iskop u l-ispirtu li wasslu għall-istabbiliment tas-sistema tat-talbiet għall-klemenza. Fil-fatt, din is-sistema tfittex partikolarment li tippromwovi li jiġi skopert l-aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE, billi tinċita lill-parteċipanti f’akkordji sabiex jirrapportaw lil dawn tal-aħħar. Hija tfittex, konsegwentement, li tinkoraġġixxi t-tressiq ta’ tali talbiet u mhux li tillimita n-numru tagħhom.

82      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li l-Komunikazzjoni dwar il-klemenza għandha l-għan li toħloq klima ta’ inċertezza fi ħdan l-akkordji, bil-għan li tinkoraġġixxi li dawn jiġu rrapportati lill-Kummissjoni (sentenza LG Display u LG Display Taiwan vs Il-Kummissjoni, C‑227/14 P, EU:C:2015:258, punt 87). Din l-inċertezza toħroġ partikolarment mill-fatt li parteċipant wieħed f’akkordju huwa f’pożizzjoni li jibbenefika mill-immunità totali u li, f’kull mument, il-Kummissjoni tista’, fuq inizjattiva tagħha, tidentifika l-eżistenza ta’ dan l-akkordju.

83      F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi eskluż li impriża li ma tkunx l-ewwel waħda li ressqet talba għall-immunità quddiem il-Kummissjoni u li, konsegwentement, tkun tista’ tibbenefika biss minn tnaqqis ta’ multa tista’, billi tressaq talba sommarja għall-immunità, tkun l-ewwel waħda li tinforma lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni bl-eżistenza tal-akkordju kkonċernat. F’tali sitwazzjoni, fil-każ fejn il-Kummissjoni ma tkomplix bl-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-istess fatti rrapportati lill-awtorità nazzjonali, l-impriża kkonċernata tkun tista’ tingħata, fuq il-bażi tas-sistema nazzjonali ta’ klemenza, l-immunità totali.

84      Konsegwentement, għat-tielet domanda għandha tingħata r-risposta li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2203, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli taċċetta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, talba sommarja għall-immunità ta’ impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni, talba għall-immunità totali, iżda talba għat-tnaqqis tal-multi.

 Fuq l-ispejjeż

85      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE], għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-istrumenti adottati fil-kuntest tan-netwerk Ewropew tal-kompetizzjoni, partikolarment il-programm mudell ta’ dan in-netwerk fil-qasam tal-klemenza, ma għandhomx effett vinkolanti fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

2)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma hemm ebda rabta ġuridika bejn it-talba għall-immunità li impriża tkun ressqet jew tkun ser tressaq quddiem il-Kummissjoni Ewropea u t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għall-istess ftehim, li tobbliga lil din l-awtorità tevalwa t-talba sommarja fid-dawl tat-talba għall-immunità. Il-fatt li t-talba sommarja tirrifletti jew ma tirriflettix b’mod fidil il-kontenut tat-talba mressqa quddiem il-Kummissjoni huwa, f’dan ir-rigward, irrilevanti.

Meta t-talba sommarja mressqa quddiem awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni materjali iktar ristrett minn dak tat-talba għall-immunità mressqa quddiem il-Kummissjoni, din l-awtorità nazzjonali ma hijiex obbligata li tikkuntattja lill-Kummissjoni jew lill-impriża stess, sabiex tistabbilixxi jekk din l-impriża kkonstatatx l-eżistenza ta’ eżempji konkreti ta’ aġir illegali fis-settur allegatament kopert minn dik it-talba għall-immunità, iżda li ma huwiex kopert minn din it-talba sommarja.

3)      Id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, partikolarment l-Artikolu 101 TFUE u r-Regolament Nru 1/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux lil awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni milli taċċetta, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, talba sommarja għall-immunità ta’ impriża li ma tkunx ressqet quddiem il-Kummissjoni, talba għall-immunità totali, iżda talba għat-tnaqqis tal-multi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.