Language of document : ECLI:EU:C:2016:149

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

10 ta’ Marzu 2016 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Suq għas-‘siment u prodotti relatati’ – Proċedura amministrattiva – Regolament (KE) Nru 1/2003 – Artikolu 18(1) u (3) – Deċiżjoni ta’ talba għall-informazzjoni – Motivazzjoni – Preċiżjoni fit-talba”

Fil-Kawża C‑247/14 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fl-20 ta’ Mejju 2014,

HeidelbergCement AG, stabbilita f’Heidelberg (il-Ġermanja), irrappreżentata minn U. Denzel, C. von Köckritz u P. Pichler, avukati,

appellanti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Kellerbauer, L. Malferrari u R. Sauer, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas, imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Ġunju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Ottubru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, HeidelbergCement AG (iktar 'il quddiem “HeidelbergCement”) titlob għall-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Marzu 2014, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (T‑302/11, EU:T:2014:128, iktar 'il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha hija ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2361 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (Kawża COMP/39520 – Siment u prodotti relatati) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

2        Il-premessa 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-[101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), tistabbilixxi:

“Il-Kummissjoni għandha jkollha is-saħħa madwar [l-Unjoni] li tirrekwiżixxi l-informazzjoni li tiġi mogħtija kif neċċessarju biex tiskopri xi ftehim, deċiżjonijiet jew prattiċi miftiehma projbiti mil-Artikolu [101 TFUE] [...]”

3        L-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, intitolat “Talba għall-informazzjoni”, jipprovdi, fl-ewwel u fit-tielet paragrafi tiegħu:

“1. Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża li tipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja.

[...]

3. Fejn il-Kummissjoni tirrikjedi l-impriża u l-assoċjazzjoni ta’ l-impriża biex tiffornixxi informazzjoni b’deċiżjoni, hi ħa tiddikjara il-bażi legali u ir-raguni għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hi rikjesta u twaħħal [tistabbilixxi] il-limitu ta’ ħin li fiħ irrid jiġi provduta. Hi ħa tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23 u tindika jew timponi il-pieni previsti mil-Artikolu 24. Hi ħa tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja.

[...]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kkontestata

4        Il-Qorti Ġenerali ddeskriviet il-fatti li wasslu għall-kawża kif ġej:

“1      Matul ix-xhur ta’ Novembru 2008 u ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wettqet, skont l-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament [Nru 1/2003], diversi spezzjonijiet fis-siti tal-kumpanniji attivi fis-settur tas-siment, inkluż f’dawk tar-rikorrenti, HeidelbergCement AG. Dawn l-ispezzjonijiet kienu segwiti b’talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-rikorrenti għalhekk ġiet indirizzata b’talbiet għal informazzjoni fit-30 ta’ Settembru 2009, fid-9 ta’ Frar u fis-27 ta’ April 2010.

2      B’ittra tat-8 ta’ Novembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-intenzjoni tagħha li tibgħatilha deċiżjoni li kienet titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u kkomunikatilha l-abbozz ta’ kwestjonarju li hija kien biħsiebha li tehmeż ma’ dik id-deċiżjoni.

3      B’ittra tas-16 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrenti ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq dan il-proġett ta’ kwestjonarju.

4      Fis-6 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti li hija kienet iddeċidiet li tibda proċedura fir-rigward tagħha abbażi tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll fir-rigward ta’ seba’ impriżi oħra attivi fis-settur tas-siment, għal ksur preżunt tal-Artikolu 101 TFUE minħabba ‘restrizzjonijiet fil-fluss kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), inklużi restrizzjonijiet ta’ importazzjonijiet fiż-ŻEE bi provenjenza minn pajjiżi esterni għaż-ŻEE, tqassim tas-swieq, koordinament tal-prezzijiet u prattiki antikompetittivi konnessi fis-suq tas-siment u s-swieq ta’ prodotti relatati' (iktar ’il quddiem id-‘deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura’).

5      Fit-30 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni [kkontestata].

6      Fid-deċiżjoni [kkontestata], il-Kummissjoni tindika li, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha mill-imsemmi regolament, hija tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew ta’ deċiżjoni, tirrikjedi lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi li jipprovdu l-informazzjoni kollha neċessarja (premessa 3 tad-deċiżjoni [kkontestata]). Wara li fakkret li r-rikorrenti kienet ġiet informata bl-intenzjoni tagħha li tadotta deċiżjoni konformement mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u li din kienet ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq proġett ta’ kwestjonarju (premessi 4 u 5 tad-deċiżjoni [kkontestata]), il-Kummissjoni rrikjediet permezz ta’ deċiżjoni lir-rikorrenti kif ukoll lis-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-Unjoni Ewropea u kkontrollati direttament jew indirettament minnha li jirrispondu għall-kwestjonarju li jinsab fl-Anness I, li jinkludi fih 94 paġna u huwa kkostitwit minn ħdax-il sensiela ta’ domandi (premessa 6 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

7      Il-Kummissjoni fakkret ukoll id-deskrizzjoni tal-allegati ksur, li tidher fil-punt 4 iktar ’il fuq (premessa 2 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

8      Filwaqt li għamlet riferiment għan-natura u għall-kwantità tal-informazzjoni mitluba kif ukoll għall-gravità tal-allegati ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni qieset li kien jixraq li r-rikorrenti tingħata terminu sabiex tingħata risposta ta’ tnax-il ġimgħa għall-ewwel għaxar serje ta’ mistoqsijiet u ta’ ġimagħtejn għal ħdax-il serje, dwar il-‘Kuntatti u l-laqgħat’ (premessa 8 tad-deċiżjoni [kkontestata]).

9      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni [kkontestata] tipprovdi li ġej:

“Artikolu 1

[Ir-rikorrenti,] (flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-[Unjoni Ewropea] u li huma kkontrollati direttament jew indirettament minnha), għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Anness I ta’ din id-deċiżjoni, fil-forma rikjesta fl-Anness II u fl-Anness III ta’ din tal-aħħar, f’terminu ta’ risposta ta’ tnax-il ġimgħa għad-domandi 1-10 u ta’ ġimgħatejn għad-domanda 11, mid-data ta’ notifika ta’ din id-deċiżjoni. L-annessi kollha jiffurmaw parti integrali ta’ din id-deċiżjoni.

Artikolu 2

[Ir-rikorrenti] flimkien mas-sussidjarji tagħha li jinsabu fl-[Unjoni Ewropea] u li huma kkontrollati direttament jew indirettament minnha, hija destinatarja ta’ din id-deċiżjoni.’

10      Fit-18 ta’ April 2011, ir-rikorrenti rrispondiet id-domanda 11. Fis-6 ta’ Mejju 2011, hija kkompletat ir-risposta tagħha.

11      Permezz tal-ittra tas-26 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti talbet estensjoni tat-terminu biex tagħti risposta ta’ 18-il ġimgħa fir-rigward tal-ewwel għaxar serje ta’ domandi. Permezz tal-ittra tal-31 ta’ Mejju 2011, ir-rikorrenti ġiet informata li din it-talba ma set[għ]atx tiġi milqugħa. F’din l-ittra tagħha, il-Kummissjoni madankollu enfasizzat li estensjoni limitata tkun eventwalment possibbli abbażi ta’ talba motivata li tirrigwarda d-domandi rilevanti.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

5        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-10 ta’ Ġunju 2011, HeidelbergCement ressqet rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

6        Insostenn tar-rikors tagħha, hija invokat ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq il-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, it-tieni nett, fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet nett, fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raba’ nett, fuq il-ksur tal-“prinċipju ta’ preċiżjoni” u l-ħames nett, fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha.

7        Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li kull wieħed minn dawn il-motivi ma kienx fondat u, konsegwentement, ċaħdet ir-rikors.

 It-talbiet tal-partijiet

8        HeidelbergCement titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi konformement mal-punti ta’ liġi deċiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja; u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-appellanti quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

9        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        sussidjarjament, f’każ ta’ annullament tas-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors; u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

10      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka seba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq kontroll insuffiċjenti u fuq l-applikazzjoni żbaljata tar-rekwiżiti dwar l-indikazzjoni tal-għan tat-talba għall-informazzjoni, prevista fl-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. It-tieni aggravju jirrigwarda żball ta’ liġi li allegatament wettqet il-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-għażla tal-miżura ta’ istruzzjoni u tal-istabbiliment tat-terminu għar-risposta. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq l-eżami, tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni żbaljata tan-“natura neċessarja” tal-informazzjoni mitluba, fis-sens tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-raba’ aggravju jirrigwarda l-ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, fid-dawl tal-assenza tal-obbligu ta’ preparazzjoni, ta’ preżentazzjoni u ta’ trattament tal-informazzjoni mitluba. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq il-kontradizzjoni tal-aggravji msemmija mill‑Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-ilment ibbażat fuq iż-żmien qasir għar-risposta għat-talba għall-informazzjoni. Permezz tas-sitt aggravju, l-appellanti tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kisret ir-rekwiżit ta’ preċiżjoni tal-atti legali u ma tatx motivazzjoni lis-sentenza appellata għal dak li jirrigwarda l-ilment ibbażat fuq in-nuqqas ta’ preċiżjoni. Fl-aħħar nett, is-seba’ aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-obbligu li l-informazzjoni tiġi evalwata.

11      Jaqbel li qabel kollox jiġi eżaminat l-ewwel aggravju.

 L-argumenti tal-partijiet

12      Permezz tal-ewwel aggravju, indirizzat kontra l-punti 23 sa 43 u 47 tas-sentenza appellata, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta vverifikat l-osservanza tar-rekwiżiti dwar l-indikazzjoni tal-għan tat-talba għall-informazzjoni, li jirriżultaw mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. Is-sentenza appellata, barra minn hekk, ma hijiex motivata b’mod suffiċjenti, peress li hija ma tispeċifikax suffiċjentement il-kontenut tad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura u tad-deċiżjoni kkontestata li tirreferi għalihom u li hija ma ssemmix jekk huwiex possibbli li jiġi identifikat, fl-imsemmija deċiżjonijiet, wieħed jew diversi ksur speċifiċi.

13      Il-Kummissjoni tirrepeti li l-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għall-kuntest li fih huwa ġie adottat, u li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi adattat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni. Talba għall-informazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni ġeneralment użata fil-kuntest tal-istadju ta’ investigazzjoni preliminari, għall-istadju fejn il-Kummissjoni għad ma għandhiex informazzjoni preċiża dwar il-ksur preżunt, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tar-rekwiżiti legali dwar il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003. L-obbligu li jiġi indikat l-għan tal-informazzjoni bi preċiżjoni suffiċjenti għalhekk bl-ebda mod ma jfisser li huwa meħtieġ li jiġi deskritt fid-dettall il-ksur preżunt fir-rigward tan-natura tiegħu, tal-portata ġeografika tiegħu, tat-tul tiegħu jew tat-tip ta’ prodotti speċifikament ikkonċernati. Huwa biss fl-istadju tal-komunikazzjoni tal-ilmenti li ksur determinat u ċirkoskritt fiż-żmien huwa stabbilit.

14      Il-Kummissjoni tqis li kemm id-deċiżjoni kkontestata kif ukoll id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura jinkludu indikazzjonijiet konkreti dwar in-natura tal-ksur preżunt, il-portata ġeografika tiegħu u l-prodotti li jkopri. Skont id-destinatarji tagħha, id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura fiha indikazzjonijiet konkreti dwar il-parteċipanti preżunti f’dan il-ksur. Minn dan isegwi li ġustament u mingħajr ma kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi, flimkien ma’ din id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, indikazzjonijiet suffiċjenti dwar l-għan tat-talba għall-informazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet, fid-deċiżjoni kkontestata, limitat il-kuntest ġeografiku tal-investigazzjoni għat-territorju taż-ŻEE, filwaqt li żammet b’mod iktar partikolari, fil-kwestjonarju, ċerti pajjiżi speċifiċi.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

15      HeidelbergCement essenzjalment issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi qieset li l-motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma kienx fondat u kellu jiġi miċħud. Huwa jirrigwarda kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Salzgitter, C‑408/04 P, EU:C:2008:236, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod illi jippermetti lill-persuni kkonċernati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti lill-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha rilevanti ta’ fatt u ta’ dritt, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fir-rigward mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest tagħha kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63, kif ukoll Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 31 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għal talba għall-informazzjoni, għandu jitfakkar li l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jiddefinixxi l-elementi essenzjali.

18      Din id-dispożizzjoni tipprovdi fil-fatt li l-Kummissjoni “tiddikjara l-bażi legali u r-raġuni [għan] għat-talba, tispeċifika liema informazzjoni hija rikjesta u tiffissa t-terminu li fih trid tiġi pprovduta”. Hija tippreċiża barra minn hekk li l-Kummissjoni “tindika ukoll il-pieni previsti mil-Artikolu 23”, “tindika jew timponi il-pieni previsti mill-Artikolu 24 u hija “tindika ukoll id-dritt ta’ reviżjoni tad-deċiżjoni mil-Qorti tal-Ġustizzja”.

19      Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni speċifika jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali sabiex mhux biss tiġi enfasizzata n-natura ġġustifikata tat-talba għall-informazzjoni, iżda wkoll sabiex l-impriżi kkonċernati jkunu jistgħu jifhmu l-portata tad-dmir ta’ kollaborazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jiġu ppreżervati d-drittijiet tagħhom tad-difiża (ara, b’analoġija, għal dak li jirrigwarda d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, is-sentenzi Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni, 97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 26; Roquette Frères, C‑94/00, EU:C:2002:603, punt 47; Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 34; kif ukoll Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C‑583/13 P, EU:C:2015:404, punt 56).

20      Fir-rigward tal-obbligu li jiġi indikat l-“għan tat-talba”, dan ifisser li l-Kummissjoni għandha tindika s-suġġett tal-investigazzjoni tagħha fit-talba tagħha, u għalhekk tidentifika l-ksur allegat tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEP vs Il-Kummissjoni, C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 21).

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma hijiex obbligata tikkomunika lid-destinatarja ta’ deċiżjoni ta’ talba għall-informazzjoni l-informazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tagħha dwar l-allegat ksur jew li tagħmel analiżi legali preċiża ta’ dak il-ksur, bil-kundizzjoni li hija tindika b’mod ċar il-fatti preżunti li hija tkun biħsiebha tinvestiga (ara, b’analoġija, is-sentenza Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C‑37/13 P, EU:C:2014:2030, punt 35 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

22      Tali obbligu jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari, miċ-ċirkustanza li, kif jirriżulta mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1/2003 u mill-premessa 23 ta’ dan tal-aħħar, għall-kisba tad-doveri li huma assenjati lilha minn dan ir-regolament, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ sempliċi talba jew permezz ta’ deċiżjoni, titlob lill-impriżi u lill-assoċjazzjonijiet tal-impriżi sabiex jipprovdu “l-informazzjoni kollha neċessarja”.

23      Kif osservat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 34 tas-sentenza appellata, “l-unika ħaġa li tista’ tiġi mitluba mill-Kummissjoni għalhekk hija l-informazzjoni li tista’ tippermettilha li tivverifika l-preżunzjonijiet ta’ ksur li jiġġustifikaw il-kondotta tal-investigazzjoni u li huma indikati fit-talba għall-informazzjoni”.

24      Issa, peress li n-natura neċessarja tal-informazzjoni għandha tiġi evalwata skont l-għan imsemmi fit-talba għall-informazzjoni, dan il-għan għandu jiġi indikat bi preċiżjoni suffiċjenti għaliex inkella jkun impossibbli li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni hijiex neċessarja u l-Qorti tal-Ġustizzja ma tkunx tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza SEP vs Il-Kummissjoni, C‑36/92 P, EU:C:1994:205, punt 21).

25      Huwa għalhekk ukoll ġustament li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 39 tas-sentenza appellata, iddeċidiet li n-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tiddependi “fuq li jsir magħruf jekk il-preżunzjonijiet ta’ ksur li l-Kummissjoni tixtieq tistħarreġ humiex preċiżi u ċari biżżejjed”.

26      Fir-rigward tal-kwistjoni li jsir magħruf jekk l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali skont liema d-deċiżjoni kkontestata hija suffiċjentement motivata, li tissemma’ fil-punt 43 tas-sentenza appellata, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, għandu jiġi osservat, preliminarjament, li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, enfasizzat li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet “imfassla f’termini ġenerali ħafna li kienu jimmeritaw li jiġu ppreċiżati u [jkunu] għalhekk ikkritikati”, iżda li seta’ “madankollu jiġi kkunsidrat li r-riferiment għal restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), għat-tqassim tas-swieq kif ukoll għal koordinazzjoni tal-prezzijiet fis-suq tas-siment u fi swieq ta’ prodotti relatati, moqrija flimkien mad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, [jekwipara] għal-livell minimu ta’ ċarezza li tippermetti li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003”.

27      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni titlob lill-appellanti sabiex tirrispondi l-kwestjonarju tal-Anness I tiegħu. Issa, kif essenzjalment indika l-avukat ġenerali, fil-punt 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-mistoqsijiet imsemmija f’dan l-anness huma ħafna u jkopru tipi diversi ħafna ta’ informazzjoni. B’mod partikolari, il-mistoqsijiet li jissemmew fl-imsemmi anness jirrikjedu l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni vasta ħafna u ddettaljata dwar numru kunsiderevoli ta’ tranżazzjonijiet, kemm nazzjonali kif ukoll internazzjonali, dwar tnax-il Stat Membru u li jikkonċernaw perijodu ta’ għaxar snin. Madankollu, id-deċiżjoni kkontestata ma turix, b’mod ċar u mhux ekwivoku, is-suspetti ta’ ksur li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni u ma tippermettix li jiġi stabbilit jekk l-informazzjoni mitluba hijiex neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni.

28      Fil-fatt, l-ewwel żewġ premessi tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu biss motivazzjoni eċċessivament qasira, vaga u ġenerika, fid-dawl b’mod partikolari tad-daqs kunsiderevoli tal-kwestjonarju flimkien mal-Anness I ta’ din id-deċiżjoni li, kif diġà tfakkar fil-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni, tieħu diġà inkunsiderazzjoni s-sottomissjonijiet tal-impriżi li qed jiġu investigati matul l-investigazzjoni.

29      Dawn iż-żewġ premessi huma fformulati kif ġej:

“(1)      Il-Kummissjoni tinvestiga attwalment l-aġir antikompetittiv allegat fis-settur tas-siment, tal-prodotti abbażi tas-siment u ta’ materjali oħra użati fil-produzzjoni tas-siment u fil-prodotti bbażati fuq is-siment [...] fi ħdan l-Unjoni Ewropea/ż-Żona Ekonomika Ewropea (UE/ŻEE).

(2)      [...] Il-ksur preżunt dwar ir-restrizzjonijiet fl-iskambji fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), b’mod partikolari restrizzjonijiet fuq l-importazzjoni fiż-ŻEE minn pajjiżi li ma humiex parti miż-ŻEE, prattiki ta’ tqassim tas-swieq u ta’ koordinazzjoni tal-prezzijiet kif ukoll ta’ prattiki oħra antikompetittivi li huma marbuta magħhom fis-swieq tas-siment u tal-prodotti konnessi. Għalkemm l-eżistenza tagħhom kellha tiġi kkonfermata, dawn l-attivitajiet jistgħu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u/jew tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE.”

30      Il-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata żżid li “fl-Anness I hija mitluba informazzjoni addizzjonali neċessarja wkoll sabiex tkun tista’ tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-prattiki li qed jiġu investigati mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-[Unjoni Ewropea] filwaqt li tittieħed deċiżjoni b’għarfien sħiħ tal-fatti u tal-kuntest ekonomiku eżatt tagħhom”.

31      Tali motivazzjoni ma tippermettix li jiġi stabbilit bi grad suffiċjenti ta’ preċiżjoni la l-prodotti li huma suġġett tal-investigazzjoni u lanqas is-suspetti ta’ ksur li jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Minn dan isegwi li tali motivazzjoni ma tippermettix lill-impriża inkwistjoni tivverifika jekk l-informazzjoni mitluba hijiex neċessarja għall-finijiet tal-investigazzjoni u lanqas li l-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha.

32      Ċertament, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 16 ta’ din is-sentenza, il-kwistjoni li jsir magħruf jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll tal-kuntest li fih din id-deċiżjoni hija inkluża, li jinkludi b’mod partikolari, kif osserva l-avukat ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura.

33      Madankollu, il-motivazzjoni ta’ din l-aħħar deċiżjoni ma tippermettix li tiġi kkumpensata n-natura limitata, vaga u ġenerika tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

34      Fil-fatt, qabel kollox, il-ksur preżunt fid-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura huwa wkoll ifformulat b’mod partikolarment limitat, vag u ġeneriku, fejn dan jirreferi għar-“restrizzjonijiet fil-fluss kummerċjali fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) inkluż restrizzjonijiet ta’ importazzjoni fiż-ŻEE li ġejjin minn pajjiżi esterni għaż-ŻEE, mit-tqassim tas-swieq, mill-koordinazzjoni tal-prezzijiet u mill-prattiċi antikompetittivi konnessi”.

35      Sussegwentement, għal dak li jirrigwarda l-prodotti li huma s-suġġett tal-investigazzjoni, id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura tirreferi, l-istess bħad-deċiżjoni kkontestata, għas-swieq tas-siment u tal-prodotti konnessi. Għalkemm din id-deċiżjoni tippreċiża li “s-siment u l-prodotti konnessi għandhom jinftiehmu bħala li jinkludu s-siment, il-prodotti abbażi tas-siment (pereżempju l-konkrit imħallat lest) u materjal ieħor użat sabiex jipproduċi direttament jew indirettament prodotti abbażi tas-siment (pereżempju gagazza, aggregat, gagazza ta’ kalkara tal-funderija, gagazza tal-kalkara ta’ funderija mrammla, gagazza tal-kalkara ta’ funderija mrammla tal-art, irmied li jtir)”, hemm lok jiġi osservat li l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni huma msemmija biss bħala eżempji.

36      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-portata ġeografika tal-ksur preżunt, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, hija ambigwa. Fil-fatt, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-ksur preżunt jifrex mat-territorju tal-Unjoni u taż-ŻEE. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, adottata tliet xhur qabel, tirreferi għall-ksur preżunt fejn il-firxa ġeografika tikkonċerna, “b’mod partikolari”, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, Spanja, Franza, l-Italja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, l-Awstrija u r-Renju Unit. L-ambigwità tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, moqrija flimkien mad-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura, hija f’dan ir-rigward rafforzata permezz tal-kontenut tal-kwestjonarju anness mad-deċiżjoni kkontestata li, minbarra l-għaxar Stat Membri ċċitati iktar 'il fuq, jirrigwarda wkoll l-operazzjonijiet kummerċjali mwettqa fid-Danimarka u fil-Greċja.

37      Huwa minnu li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, talba għall-informazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ investigazzjoni li hija ġeneralment użata fil-kuntest tal-fażi ta’ istruzzjoni li tippreċedi l-adozzjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u għandha biss bħala għan li tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor l-informazzjoni u d-dokumenti neċessarji sabiex tivverifika r-realtà u l-portata ta’ sitwazzjoni ta’ fatt u ta’ dritt stabbilit (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Orkem vs Il-Kummissjoni, 374/87, EU:C:1989:387, punt 21).

38      Barra minn hekk, minkejja l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ikkunsidrat, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjonijiet, li, għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata tindika, b’mod preċiż kemm jista’ jkun, il-prova li tkun qed tfittex u l-kwistjonijiet li tkun relatata magħhom l-investigazzjoni, min-naħa l-oħra ma huwiex essenzjali f’deċiżjoni li tordna spezzjoni sabiex jiġi identifikat b’mod preċiż is-suq rilevanti, in-natura legali tal-allegat ksur jew il-perijodu li matulu jkun seħħ dak il-ksur, hija ġġustifikat din il-kunsiderazzjoni permezz tal-fatt li l-ispezzjonijiet iseħħu fil-bidu tal-investigazzjoni, f’perijodu li matulu l-Kummissjoni għad ma għandhiex informazzjoni preċiża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni, C-37/13 P, EU:C:2014:2030, punti 36 kif ukoll 37).

39      Madankollu, motivazzjoni eċċessivament limitata, vaga u ġenerika u, kultant, ambigwa, ma tistax tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni stabbiliti mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, sabiex tiġġustifika talba għall-informazzjoni li, bħal f’din il-kawża, seħħet iktar minn sentejn wara l-ewwel żewġ spezzjonijiet, filwaqt li l-Kummissjoni kienet diġà indirizzat bosta talbiet għall-informazzjoni lill-impriżi ssuspettati li kienu pparteċipaw fi ksur u ħafna xhur wara d-deċiżjoni ta’ tressiq tal-proċedura. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata f’data fejn il-Kummissjoni diġà kellha informazzjoni li kienet tippermettilha tesponi bi preċiżjoni ta’ livell għoli s-suspetti ta’ ksur li kienu jistrieħu fuq l-impriżi inkwistjoni.

40      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kkontestata kienet suffiċjentement motivata skont il-liġi.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar 'il fuq, hemm lok li l-ewwel ilment jiġi milqugħ.

42      Konsegwentement, għandha tiġi annullata s-sentenza appellata sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-allegata insuffiċjenza ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata u l-aggravji l-oħra invokati mill-appellanti.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

43      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża. Dan huwa l-każ hawnhekk.

44      Mill-punti 27 sa 40 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors fl-ewwel istanza huwa fondat u li hemm lok li d-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata minħabba fi ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003.

 Fuq l-ispejjeż

45      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

46      Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba.

47      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-kawża T‑302/11 kif ukoll tal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-14 ta’ Marzu 2014, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni (T-302/11, EU:T:2014:128), hija annullata.

2)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2011) 2361 finali, tat-30 ta’ Marzu 2011, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 (Kawża COMP/39520 – Siment u prodotti relatati), hija annullata.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż ta’ HeidelbergCement AG kemm fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza fil-Kawża T‑302/11 kif ukoll tal-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.