Language of document : ECLI:EU:C:2016:445

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Ġunju 2016 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Akkordji – Artikolu 81 KE – Swieq tat-trab u tal-granuli tal-karbur tal-kalċju kif ukoll granuli tal-manjesju f’parti kbira taż-Żona Ekonomika Ewropa – Iffissar ta’ prezzijiet, qsim ta’ swieq u skambju ta’ informazzjoni – Regolament (KE) Nru 773/2004 – Artikoli 12 u 14 – Dritt għal smigħ – Smigħ in camera”

Fil-Kawża C‑154/14P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit-2 ta’ April 2014,

SKW Stahl-Metallurgie GmbH, stabbilita f’Unterneukirchen (il-Ġermanja),

SKW Stahl-Metallurgie Holding AG, stabbilita f’Unterneukirchen,

irrappreżentati minn A. Birnstiel u S. Janka, Avukati,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Meessen u R. Sauer, bħala aġenti, assistiti minn A. Böhlke, Avukat,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Gigaset AG, li kienet Arques Industries AG, stabbilita f’München (il-Ġermanja),

intervenjenti fl-ewwel istanza,


IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tar-Raba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tal-Ħames Awla, D. Šváby (Relatur), A. Rosas, E. Juhász u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: I. Illéssy, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Mejju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħhom, SKW Stahl-Metallurgie GmbH (iktar ’il quddiem “SKW Holding”) u SKW Stahl-Metallurgie Holding AG (iktar ’il quddiem “SKW”) jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-23 ta’ Jannar 2014, SKW Stahl-Metallurgie Holding u SKW Stahl-Metallurgie vs Il-Kummissjoni (T‑384/09, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:27), li permezz tagħha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors tagħhom intiż, prinċipalment, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 5791 finali, tat-22 ta’ Lulju2007, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/F/39.396 – Reaġenti b’kawża tal-karbur tal-kalċju u manjeżju għall-industriji tal-azzar u l-gass) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”), sa fejn din id-deċiżjoni tapplika għaliha, kif ukoll, sussidjarjament, għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-multa imposta fuqhom mill-imsemmija deċiżjoni.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KE) Nru 1/2003

2        L-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 KE tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), jaqra kif ġej:

“Il-Kummissjoni tista’ b’deċiżjoni timponi multi fuq l-impriża u l-assoċjazzjoni tal-impriża meta, jew b’intenżjoni jew b’negligenza:

(a)      jiksru l-Artikolu 81 jew l-Artikolu 82 [KE]; jew

(b)      jikkontravenju deċiżjoni li tordna miżuri intermedjarji taħt l-Artikolu 8; jew

(ċ)      jonqsu milli iħarsu rabta li ġiet vinkolanti b’deċiżjoni skond l-Artikolu 9.

Għal kull impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża li qed jipparteċipaw fil-ksur, il-multi mhux ser jaqbżu l-10 % tat-total ta’ valur tal-bejgħ fis-sena kmmerċjali preċedenti.

Fejn il-ksur ta’ assoċjazzjoni tirrelta mal-attivitajiet tal-membri tagħhom, il-multa ma taqbiż l-10 % tas-somma totali ta’ valur tal-bejgħ ta’ kull membru attiv fis-suq affetwat mil-ksur ta’ l-assoċjazzjoni.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 773/2004

3        L-Artikolu 12 (1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu 81 u 82 tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81), kif emdendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008, tat-30 ta’ Ġunju 2008 (ĠU L 171, p. 3) (iktar 'il quddiem ir-“Regolament Nru 773/2004”) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li lilhom tkun indirizzat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta orali, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom.”

4        L-Artikolu 14(6) sa (8) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi dan li ġej:

“6.      Is-smigħ orali (seduta) m’għanudx [ma għandux] ikun pubbliku. Kull persuna tista’ tinstema’ separatament jew fil-preżenza ta’ persuni oħra mistiedna biex jattendu, filwaqt li jkunu kkunsidrati l-interessi leġittimi ta’ l-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.

7.      L-Uffiċjal tas-Smigħ (seduta) jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet indirizzata, lil min jagħmel l-ilment, persuni oħra mistiedna għas-smigħ (seduta), is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ l-Istati Membri biex jagħmlu mistoqsijiet matul is-smigħ (seduta).

8.      Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn kull persuna li nstemgħet għandhom ikunu rridordjati [rrikordjati]. Wara talba, l-irrekordjar tas-smigħ (seduta) għandu jintgħamel disponibbli lill-persuni li attendew is-smigħ (seduta). Konsiderazzjoni għandha tingħata lill-interessi leġittimi tal-partijiet fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni konfidenzali oħra.”

 Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

5        Fil-verżjoni tagħha applikabbli għar-rikors għal annullament imressqa mir-rikorrenti, l-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jipprovdi:

“Ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

Jekk, waqt il-proċedura, xi parti tressaq talba ġdida, kif previst fis-subparagrafu preċedenti, il-President jista’, wara li jkunu skadew it-termini normali tal-proċedura, fuq rapport ta’ l-Imħallef Relatur, u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, jagħti lill-parti l-oħra terminu sabiex twieġeb għal din it-talba.

Id-deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tat-talba għandha tibqa’ rriżervata għas-sentenza finali.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

6        Il-fatti li wasslu għat-tilwima huma spjegati fil-punti 2 sa 4, 24 sa 33, 43 u 63 tas-sentenza appellata u jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

7        Il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża nfetħet wara talba għal immunità, fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f’multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 155, ippreżentata fl-20 ta’ Novembru 2006 minn Akzo Nobel NV.

8        Wara spezzjonijiet li saru fis-16 ta’ Jannar 2007, kif ukoll talbiet għal informazzjoni indirizzati lill-kumpanniji involuti fil-proċeduri mill-11 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni, fl-24 ta’ Ġunju 2008, innotifikat lil dawn il-kumpanniji b’dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet. Il-Kummissjoni kkritikat b’mod partikolari lil SKW li pparteċipat f’akkordju fuq il-prezzijiet li jmorru kontra l-Artikolu 81 KE dwar is-suq tal-karbur tal-kalċju u tal-manjesju għall-industriji tal-azzar u tal-gass fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bl-eċċezzjoni tal-Irlanda, ta’ Spanja, tal-Portugall u tar-Renju Unit, matul il-perijodu mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007. Barra minn hekk, minħabba l-fatt li Evonik Degussa GmbH (iktar 'il quddiem “Degussa”) u SKW Holding kienu żammew suċċessivament, direttament jew indirettament, 100 % tal kapital ta’ SKW, il-Kummissjoni indikat ukoll li riedet iżżomm responsabbli għall-aġir ta’ SKW, minn naħa, Degussa, għall-perijodu mit-22 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2004, meta SKW kienet ġiet ċeduta lil SKW Holding, u, min-naħa l-oħra, SKW Holding, għall-perijodu mit-30 ta’ Awwissu 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007.

9        Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom tas-6 ta’ Ottubru 2008 indirizzata lill-Kummissjoni bħala risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-appellanti talbu li jiżviluppaw waqt seduta l-argumenti tagħhom relatati, b’mod partikolari, mal-assenza ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva minn SKW Holding fuq SKW matul il-perijodu tal-ksur, fid-dawl tal-persistenza tal-influwenza deċiżiva minn Degussa fuq SKW, anki wara l-akkwist ta’ din tal-aħħar minn SKW Holding.

10      Permezz ta’ posta elettroniku tal-31 ta’ Ottubru 2008, l-appellanti talbu lill-uffiċjal tas-seduta sabiex jippreżentaw in camera l-argumentazzjoni tagħhom dwar l-influwenza allegatament eżerċitata minn Degussa fuq SKW. Insostenn ta’ din it-talba, huma sostnew li SKW kienet tiddependi, għas-sopravivenza ekonomika tagħha, fuq Degussa, peress li kienet tipprovdilha kważi l-karbur kollha tal-kalċju li kienet tikkummerċjalizza u li dawn iż-żewġ kumpanniji kienu f’negozjati dwar kuntratt ġdid ta’ provvista. Huma żiedu li l-preżentazzjoni ta’ din l-argumentazzjoni fil-preżenza ta’ Degussa tipperikola serjament ir-relazzjoni kummerċjali bejn din il-kumpannija u SKW u tista’ twassal għal ritaljazzjoni min-naħa ta’ Degussa.

11      Fil-5 ta’ Novembru 2008, l-appellanti bagħtu posta elettronika ġdida lill-Kummissjoni, li fiha huma ssuġġerew li “soluzzjoni prattika” tkun li tagħti lil Degussa l-aċċess għall-preżentazzjoni tagħhom in camera wara t-tmiem tal-2008 jew wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ provvista bejn dawn iż-żewġ kumpanniji. Fis-6 ta’ Novembru 2008, l-appellanti pprovdew dettalji dwar ir-raġunijiet li jiġġustifikaw it-talba tagħhom sabiex jippreżentaw xi wħud mill-argumenti tagħhom, waqt is-seduta, in camera, kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din l-argumentazzjoni, u huma tennew il-proposta tagħhom għal soluzzjoni alternattiva.

12      Permezz ta’ ittra tas-6 ta’ Novembru 2008, l-uffiċjal tas-seduta ċaħad it-talba tagħhom. Preliminarjament, ġie osservat li din it-talba ma kinitx strettament ibbażata fuq interess leġittimu fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra. Għalhekk, huwa indika li kien ser jeżaminaha mill-perspettiva tad-dritt tagħhom għal smigħ. F’dan ir-rigward, huwa rrileva li l-argumentazzjoni inkwistjoni tal-appellanti kkonċernat l-aġir ta’ Degussa u, sabiex tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni bħala ċirkustanza attenwanti, il-valur probatorju tagħha għandu jiġi vverifikat permezz ta’ paragun ma’ dikjarazzjoni li għandha tinkiseb minn Degussa. Barra minn hekk, seduta in camera ċċaħħad lil Degussa mid-dritt tagħha li twieġeb oralment għall-allegazzjonijiet tal-appellanti li jikkontestawha għall-inqas indirettament. Huwa żied, rigward is-soluzzjoni alternattiva proposta mill-appellanti, li din ma hijiex possibbli, minħabba li la l-mument meta n-negozjati bejn l-appellanti u Degussa jispiċċaw u lanqas l-eżitu tagħhom ma kienu ċerti.

13      Inżammet seduta fl-10 u fil-11 ta’ Novembru 2005.

14      Permezz ta’ ittra tat-28 ta’ Jannar 2009, l-appellanti, wara li fakkru t-talba tagħhom miċħuda mill-ittra tal-uffiċjal tas-seduta msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, indikaw li, fil-frattemp, in-negozjati bejn SKW u Degussa kienu wasslu għall-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ta’ provvista, b’tali mod li ma kien hemm l-ebda problema għalihom li jippreżentawhom oralment, fil-preżenza ta’ Degussa, il-parti tal-argumentazzjoni tagħhom dwar ir-rwol ta’ din tal-aħħar. Għaldaqstant, huma talbu lill-uffiċjal tas-seduta sabiex iżomm seduta ġdida, sabiex jagħtihom l-opportunità li jippreżentaw oralment din il-parti tal-argumentazzjoni tagħhom, li ma ġietx ippreżentata fis-seduta tal-10 u tal-11 ta’ Novembru 2008.

15      Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Frar 2009, l-uffiċjal tas-seduta ċaħad din it-talba ġdida, peress li d-dritt għal smigħ joriġina mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li dan id-dritt jingħata darba waħda biss. L-uffiċjal tas-seduta madankollu ppermetta lill-appellanti li jikkompletaw bil-miktub, f’terminu li ġie stabbilit, l-argumentazzjoni tagħhom dwar ir-rwol ta’ Degussa.

16      Permezz tal-Artikolu 1(f) tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkonstatat li SKW kienet ipparteċipat fil-ksur mit-30 ta’ Awwissu 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007 u li SKW kienet ipparteċipat fil-ksur mit-22 ta’ April 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007. Rigward SKW, mill-premessa 226 ta’ din id-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, matul dan il-perijodu tal-aħħar, impjegati ta’ din il-kumpannija kienu involuti b’mod dirett fil-ftehimiet u/jew fil-prattiċi miftiehma tal-ftehim ikkontestat tal-akkordju kontenzjuż. Fir-rigward ta’ SKW Holding, mill-premessa 245 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, mit-30 ta’ Awwissu 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, hija kellha sehem ta’ 100 % fl SKW u, għar-raġunijiet esposti fil-premessi 245 sa 250 ta’ din l-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni qieset li kellha parti mill-istess unità ekonomika bħal SKW u għalhekk setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq minn dan tal-aħħar.

17      Permezz tal-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni imponiet fuq l-appellanti kif ukoll fuq Arques Industries AG, li saret Gigaset AG, minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur kontenzjuż, għall-perijodu mit-30 ta’ Awwissu sas-16 ta’ Jannar 2007, multa ta’ EUR 13.3 miljun, filwaqt li identifikathom responsabbli in solidum mill-ħlas tal-multa. Barra minn hekk, permezz tal-Artikolu 2(g) ta’ din id-deċiżjoni, hija imponiet, għall-perijodu mit-22 ta’ April 2004 sat-30 ta’ Awwissu 2004, fuq Degussa, AlzChem Hart GmbH u SKW, indikati bħala responsabbli in solidum, multa ta’ EUR 1.04 miljun.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

18      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Ottubru 2009, SKW Holding u SKW talbu l-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, sa fejn tirrigwarda, sussidjarjament, l-annullament jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti minn din id-deċiżjoni.

19      Insostenn tar-rikors tagħhom, l-appellanti ppreżentaw sitt aggravji bbażati, l-ewwel, fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ tagħhom, it-tieni, fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE, it-tielet, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, il-ħames, fuq ksur tal-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003, kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nulla peona sine lege, u, is-sitt, fuq ksur tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

20      Il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħi.

 It-talbiet tal-partijiet fl-appell

21      Reyrolle, SEHV u Magrini jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha sa fejn tiċħad it-talbiet tal-appellanti u tilqa’ fl-intier tagħhom it-talbiet tal-appellanti li saru fl-ewwel istanza;

–        sussidjarjament, tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

–        iktar sussidjarjament, tnaqqas, ex aequo et bono, il-multi li ġew imposti fuq l-appellanti fl-Artikolu 2(f) u (g) tad-deċiżjoni kontenzjuża;

–        iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u

–        tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

22      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

 Fuq l-appell

23      Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti jressqu erba’ aggravji.

24      L-ewwel aggravju jirrigwarda l-ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u tal-“projbizzjoni tal-evalwazzjoni antiċipata tal-provi”. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 101 u 296 TFUE. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq nuqqas ta’ allokazzjoni mill-Kummissjoni tal-kwoti-partijiet tal-multa bejn id-debituri in solidum bejniethom. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat essenzjalment fuq il-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

 G – Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 101 TFUE u 296 TFUE

 L-argumenti tal-partijiet

25      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, li għandha tiġi eżaminata fl-ewwel lok, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 101 TFUE billi naqset fl-obbligu tagħha, li jirriżulta mill-punt 74 tas-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobelet vs Il-Kummissjoni (C‑97/08 P, EU:C:2009:536), li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha dwar ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu SKW Holding u SKW sabiex tattribwixxilha r-responsabbiltà għall-aġir tat-tieni.

26      Speċifikament, huwa allegat li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ekonomiċi essenzjali tal-kawża, jiġifieri l-assenza ta’ interess ekonomiku ta’ SKW Holding fl-akkordju, in-natura tar-relazzjonijiet bejn l-appellanti u Degussa, jew il-fatt li anki wara l-bejgħ ta’ SKW lil SKW Holding, Degussa żammet interessi ekonomiku u mezzi ta’ kontroll fuq SKW, li jikkostitwixxi indizju ċentrali li Degussa kienet f’pożizzjoni li teżerċita influwenza deċiżiva fuq SKW.

27      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 296 TFUE, peress li jikkonstataw, b’mod partikolari fil-punti 117 sa 119 u 140 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wettqet żball billi ma weġbitx għall-argumentazzjoni żviluppata mill-appellanti sabiex jikkontestaw l-attribuzzjoni tal-aġir ta’ SKW lil SKW Holding, mingħajr madankollu ma tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża, għar-raġuni li l-motivazzjoni inkwistjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża kienet superfluwa.

28      Skont l-appellanti, din il-motivazzjoni ma tistax titqies superfluwa, peress li turi ċirkustanza essenzjali għall-finijiet ta’ evalwazzjoni globali tal-influwenza eżerċitata minn kumpannija parent fuq is-sussidjarja tagħha.

29      Barra minn hekk, it-trattament tal-imsemmija argumentazzjoni juri l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma tagħtix importanza suffiċjenti għad-dritt essenzjali tal-impriżi sabiex il-Kummissjoni tagħti attenzjoni biżżejjed lill-provi li jiskaġunaw li huma jinvokaw sabiex jirribattu l-preżunzjoni ta’ influwenza deċiżiva. Fil-fatt, ikun essenzjali li dawn iċ-ċirkustanzi kollha li jiskaġunaw, ikunu suġġetti għal evalwazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni, kif fakkret il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Jannar 2011, General Química et vs Il-Kummissjoni (C‑90/09 P, EU:C:2011:21).

30      Issa, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kellha tikkonstata li l-Kummissjoni, meta ddikjarat biss b’mod sommarju li SKW Holding kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq SKW matul il-perijodu mit-30 ta’ Awwissu 2004 sas-16 ta’ Jannar 2007, kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa b’mod komprensiv il-fatturi rilevanti kollha li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzazzjonali u ġuridiċi li jgħaqqdu SKW mal-kumpannija tagħha parent, Degussa.

31      Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju huwa inammissibbli peress li, minnha, l-appellanti jikkontestaw l-evalwazzjoni mill-Qorti Ġenerali tal-provi li ġew ippreżentati lilha. Il-Kummissjoni żżid li dan l-aggravju huwa, fi kwalunkwe każ, infondat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

32      Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali talli ma ħaditx biżżejjed inkunsiderazzjoni ċerti punti ta’ fatt fl-evalwazzjoni tal-eżerċizzju minn SKW Holding ta’ influwenza deċiżiva fuq SKW, u b’mod partikolari tal-interess ekonomiku li kellha Degussa fil-ġestjoni tas-sussidjarja preċedenti tagħha, SKW.

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha l-kompetenza li tikkonstata u tevalwa l-fatti u, bħala prinċipju, li teżamina l-provi li hija tkun kkonstatat insostenn ta’ dawn il-fatti. Fil-fatt, ladarba dawn il-provi jkunu nkisbu b’mod regolari u l-prinċipji ġenerali tad-dritt kif ukoll ir-regoli ta’ proċedura applikabbli fir-rigward tal-oneru u tal-produzzjoni tal-prova jkunu ġew osservati, hija biss il-Qorti Ġenerali li tista’ tevalwa l-valur li għandu jingħata lill-provi li jkunu tressqu quddiemha. Għalhekk, din l-evalwazzjoni ma tikkostitwixxix, mingħajr ħsara għall-każ ta’ żnaturament ta’ dawn il-provi, kwistjoni ta’ dritt sottomessa, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tad-9 ta’ Lulju 2015, InnoLux vs Il-Kummissjoni, C‑231/14 P, EU:C:2015:451, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti sempliċement jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-fatti magħmula mill-Qorti dwar l-eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva ta’ SKW Holding fuq SKW, mingħajr ma jikkritikawha li żnaturat dawn il-provi.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

36      Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li kisret l-Artikolu 296 TFUE, billi ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li l-Kummissjoni ma kinitx spjegat ir-raġunijiet għaliex hija kienet qieset li l-provi prodotti mill-appellanti ma kinux suffiċjenti sabiex jirribattu l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju ta’ influwenza deċiżiva minn SKW fuq SKW Holding.

37      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kwistjoni dwar jekk il-Qorti Ġenerali setgħetx, korrettament fid-dritt, tikkonkludi li l-Kummissjoni ma kinitx naqset mill-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha tikkostitwixxi kwistjoni ta’ dritt suġġetta għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiż l-Baxxi vs Il-Kummissjoni, C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punt 44; tat-3 ta’ Settembru 2009, Moser Baer India vs Il-Kunsill, C‑535/06 P, EU:C:2009:498, punt 34; kif ukoll tas-16 ta’ Frar 2012, Il-Kunsill u Il-Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 108).

38      Għaldaqstant, it-tieni parti ta’ dan l-aggravju hija ammissibbli.

39      Għandu jitfakkar li l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 KE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, billi din ta’ l-aħħar tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att ikkontestat. Fil-fatt, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tesprimi formalment il-motivi li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni. Jekk dawn il-motivi jkunu vvizzjati bi żbalji, dawn jivvizzjaw il-legalità sostantiva tad-deċiżjoni, iżda mhux il-motivazzjoni tagħha, li tista’ tkun suffiċjenti filwaqt li jkunu espressi motivi żbaljati. Minn dan isegwi li l-ilmenti u l-argumentazzjoni intiżi sabiex jikkontestaw il-fondatezza ta’ att, ma humiex rilevanti fil-kuntest ta’ aggravju bbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni jew motivazzjoni insuffiċjenti (sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2015, Ipatau vs Il-Kunsill, C‑535/14 P, EU:C:2015:407, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, għalkemm il-motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni meħtiega mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 296(2) TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha, ma huwiex madankollu meħtieġ li hija tispeċifika l-punti ta’ liġi u ta’ fatt kollha rilevanti. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et, C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

41      F’dan il-każ, hemm lok li jitqies li, billi kkonstatat, fil-punti 139 sa 144 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni li għaliha kienet suġġetta, il-Qorti Ġenerali għamlet applikazzjoni ġusta tal-prinċipji stabbiliti fil-punti 37 u 40 ta’ din is-sentenza.

42      Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni, fil-premessa 245 tagħha, attribwiet lil SKW Holding ir-responsabbiltà għall-aġir ta’ SKW billi bbażat ruħha fuq, iż-żamma, mill-ewwel waħda, ta’ 100% tal-kapital tat-tieni, filwaqt li rrilevat, fil-punt 246 ta’ din l-istess deċiżjoni, li l-preżunzjoni li biha, minħabba din iż-żamma, SKW Holding kienet teżerċita fuq SKW influwenza deċiżiva kienet ikkonfermata minn diversi provi oħra.

43      Il-Kummissjoni sussegwentement, fil-premessi 247 sa 250 tad-deċiżjoni kkontestata, ċaħdet kull wieħed mill-argumenti li l-appellanti, sabiex jikkonfutaw il-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva fuq SKW Holding minn SKW, kienu ressqu fl-osservazzjonijiet tagħhom bi tweġiba għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Għalhekk, dwar l-argument ibbażat fuq li SKW Holding ma kinitx taf bil-ksur, il-Kummissjoni, fil-premessa 247 ta’ din id-deċiżjoni, irreferiet għall-motivazzjoni diġà spjegata fid-dettall fil-premessa 224 tal-imsemmija deċiżjoni, motivazzjoni li biha r-riferiment għall-influwenza deċiżiva li SKW Holding kienet allegatament eżerċitat fuq SKW ma kellux jinftiehem fis-sens li hija kienet ikkritikata li użat l-influwenza tagħha sabiex tinkoraġġixxi s-sussidjarja tagħha li tipparteċipa fil-ksur jew, għall-inqas, li ma użatx din l-influwenza sabiex tipprevjeni tali parteċipazzjoni. Fir-rigward tal-argument ibbażat fuq li SKW Holding ma kellha l-ebda interess ekonomiku fl‑akkordju inkwistjoni, għar-raġuni li hija żgurat ir-rwol ta’ rappreżentant kummerċjali għal Degussa, il-Kummissjoni, fil-premessa 248 tad-deċiżjoni kontenzjuża, ċaħdet dan l-argument billi bbażat ruħha fuq l-ittra tal-kuntratt ta’ konsenja u ta’ servizz, imsemmija fil-premessi 28 u 31 ta’ din id-deċiżjoni, li skontha ebda waħda mill-partijiet ma kienet innegozjat f’isem l-oħra. Fir-rigward tal-argument li r-rwol tal SKW Holding ma’ SKW kien limitat għal dak ta’ sempliċi investitur finanzjarju, il-Kummissjoni, fil-premessa 250 tal-imsemmija deċiżjoni, qieset li, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija f’din l-istess deċiżjoni, dan l-argument ma kinitx tali li tikkontesta l-preżunzjoni ta’ eżerċizzju effettiv ta’ influwenza deċiżiva fuq SKW Holding.

44      Għaldaqstant, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 145 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet issodisfat l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

45      Tali konklużjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni, meta adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, l-osservazzjonijiet tagħhom dwar posta elettronika redatta minn membru tal-persunal ta’ SKW u li l-Kummissjoni kienet irreferiet għaliha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex tafferma li l-persunal ta’ SKW Holding kien jaf bl-akkordju inkwistjoni.

46      Fil-fatt, kif ġustament iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 118, 119 u 140 tas-sentenza appellata, tali ċirkustanza ma tistax tikkarratterizza minn din l-istituzzjoni tal-obbligu ta’ motivazzjoni, peress li, sabiex tikkonkludi li SKW Holding kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fuq l-aġir ta’ SKW fis-suq, il-Kummissjoni bbażat ruħha, minn naħa, fuq iż-żamma, minn tal-ewwel, ta’ 100 % tal-kapital tat-tieni, u, min-naħa l-oħra, fuq il-fatt li din l-istituzzjoni kienet semmiet, fil-premessa 246 tad-deċiżjoni kontenzjuża, diversi ċirkustanzi oħrajn, li ġew ipprovati preċiżi u li, huma waħedhom, suffiċjenti sabiex tibbaża l-konklużjoni dwar l-eżerċizzju, minn SKW Holding, ta’ influwenza determinanti fuq SKW.

47      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala, parzjalment, inammissibbli, u, parzjalment, infondat.

 Fuq it-tielet u r-raba’ aggravju, ibbażati rispettivament fuq in-nuqqas ta’ allokazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwoti-partijiet tal-multa imposta mid-deċiżjoni kontenzjuża bejn il-kodebituri in solidum tagħha u l-ksur tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali

48      Permezz tat-tielet aggravju tagħhom, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipji ta’ ċarezza tas-sanzjonijiet kif ukoll ta’ individwalità tal-pieni u tas-sanzjonijiet meta naqset li tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ma ffissatx il-kwota-parti tal-multa in solidum li kellha titħallas minn kull waħda mill-kumpanniji kkonċernati fir-relazzjonijiet tagħhom mal‑kodebituri in solidum tagħhom, bi ksur tal-prinċipji delineati fil-punti 153 u 164 tas-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T-122/07 sa T-124/07, EU:T:2011:70).

49      Permezz tar-raba’ aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 126 sa 130 tas-sentenza appellata, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li qieset li l-argumentazzjoni żviluppata dwar dan il-punt quddiem il-Qorti Ġenerali kienu ġodda u, għaldaqstant, inammissibbli, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ qabel l-1 ta’ Lulju 2015.

50      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda t-tielet aggravju, il-Qorti Ġenerali diġà ddeċidiet, fuq appell mis-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Siemens u VA Tech Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni (T‑122/07 sa T‑124/07, EU:T:2011:70), li fuqhom jibbażaw l-appellanti, invokata mill-appellanti, li s-setgħa ta’ sanzjoni tal-Kummissjoni ma testendix għal dik li tiddetermina l-kwoti-partijiet ta’ multa għal kull wieħed mill-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tagħmel hekk, b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni, fl-applikazzjoni tagħhom tad-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ April 2014 Il-Kummissjoni et vs Siemens Österreich et, C‑231/11 P sa C‑233/11 P, EU:C:2014:256, punti 58 u 67).

51      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ma annullatx id-deċiżjoni kontenzjuża peress li l-Kummissjoni ma kinitx iffissat il-kwoti-partijiet speċifiċi għal kull wieħed mill-kodebituri in solidum fil-kuntest tar-relazzjonijiet reċiproċi tagħhom.

52      It-tielet aggravju għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

53      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju, li permezz tiegħu l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet bħala inammissibbli, abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, l-argumenti tagħhom dwar l-assenza li jiġu ffissati, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwoti-partijiet imsemmija, ma jistax, fi kwalunkwe każ, iwassal għall-annullament tas-sentenza appellata u għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala irrilevanti.

 L-ewwel aggravju, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ kif ukoll tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ “projbizzjoni tal-evalwazzjoni antiċipata tal-provi”

 L-argumenti tal-partijiet

54      Permezz tal-ewwel aggravju tagħhom, dirett kontra l-punti 35 sa 63 tas-sentenza appellata, l-appellanti jilmentaw li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li r-rifjut tal-uffiċjal tas-smigħ tal-Kummissjoni li jorganizza smigħ in camera matul il-proċedura amministrattiva ma kisritx id-dritt tagħhom għal smigħ.

55      Huma jsostnu li tali rifjut jikkostitwixxi ksur tad-dritt proċedurali li tkun magħrufa b’mod utli u komprensiv il-perspettiva tagħhom dwar il-fatti kemm bil-miktub kif ukoll oralment waqt is-seduta, dritt li jipprevali fl-istadju tal-proċedura amministrattiva. Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tilqa’ talba għal seduta in camera speċjalment meta, bħal f’dan il-każ, minn naħa, il-kumpannija kkonċernata għandha tendenza li tikkontesta l-konstatazzjoni ta’ influwenza deċiżiva minnha fuq is-sussidjarja tagħha u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza stess ta’ din il-kumpannija tkun f’perikolu minn seduta fil-preżenza ta’ kumpanniji oħra li wkoll saru proċeduri kontrihom.

56      L-appellanti jqisu li, għalkemm il-Qorti Ġenerali, wara li l-Kummissjoni, ġustament, għamlet ibbilanċjar tal-interessi fil-preżenza, jiġifieri, minn naħa, tal-impriżi li l-informazzjoni kunfidenzjali tagħhom ma għandhomx jiġu żvelati u, min-naħa l-oħra, ta’ impriżi oħra li jkunu jistgħu jiddefendu ruħhom kontra provi possibbli kontrihom, din tal-aħħar madankollu għamlet, f’dan il-każ, evalwazzjoni totalment sproporzjonata ta’ dawn l-interessi għad-detriment tagħhom.

57      Skont l-appellanti, peress li l-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’riżultat differenti li kieku kienu kapaċi jagħti, fi smigħ in camera, l-argumentazzjoni tagħhom fuq ir-rwol ta’ Degussa, il-Qorti Ġenerali kellha tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża.

58      Fil-fatt, meta ddeċidiet, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, li din l-argumentazzjoni ma kinitx tali li jeżentaw lill-appellanti mir-responsabbiltà tagħhom, il-Qorti Ġenerali kisret il-“prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ evalwazzjoni bikrija tal-provi” u bbażat ruħha fuq provi żbaljati, li wassluha sabiex twettaq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-valur probatorju tal-imsemmija argumentazzjoni.

59      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, sa fejn, bih, l-appellanti beħsiebhom jikkontestaw il-konstatazzjonijiet fattwali tal-Qorti Ġenerali kif ukoll l-evalwazzjoni tagħha tal-provi, jew, fi kwalunkwe każ, bħala infondati, peress li l-appellanti kellhom l-opportunità biżżejjed, matul il-proċedura amministrattiva, li jsostni l-perspettiva tagħhom dwar ir-rwol ta’ Degussa fl-akkordju. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sostniet ukoll li hija obbligata li tawtorizza lil kull impriża li tista’ tiġi eżaminata matul seduta sabiex tippermettilha, minn naħa, tkun taf bil-provi li jistgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex topponi l-oġġezzjonijiet addizzjonali u, min-naħa l-oħra, li tiddefendi lilha nnifisha.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

60      Permezz tal-ewwel aggravju, l-appellanti jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li kkonkludiet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni u l-uffiċjal tas-seduta ħadu inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-ħtieġa li jirrispettaw id-dritt tagħhom għal smigħ meta kienu rrifjutaw li jilqgħu t-talba tagħhom li tinżamm seduta in camera, fid-dawl tal-provi li dawn tal-aħħar riedu juru rigward is-sitwazzjoni ta’ SKW lejn Degussa.

61      Preliminarjament u kif jirriżulta mill-punt 56 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi rrilevat li l-appellanti ma jikkontestawx li, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 39 tas-sentenza appellata, huwa l-uffiċjal tas-seduta, meta għandu jevalwa jekk għandhiex tinżamm seduta in camera, li jirrikonċilja l-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tal-impriża mħarrka għal allegat ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-interess leġittimu ta’ terzi, ta’ persuni jew ta’ impriżi, li pprovdew informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ksur allegat, għall-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra.

62      Huma għaldaqstant ikkritikati biss, fil-kuntest ta’ dan l-aggravju, il-modalitajiet li bihom il-Qorti Ġenerali bbilanċjat l-interessi inkwistjoni.

63      F’dan ir-rigward, il-punt 62 tas-sentenza appellata huwa fformulat kif ġej:

“Bħala konklużjoni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti jidhru li jinjoraw il-fatt li l-argumentazzjoni tagħhom rigward ir-rwol ta’ Degussa fl-akkordju, wara ċ-ċessjoni tal-kapital azzjonarju kollu ta’ SKW, kif ukoll it-talba tagħhom li dan l-argument ma inġiebx għall-konjizzjoni ta’ Degussa, teħtieġ li tirrikonċilja r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u dawk ta’ Degussa, kif ukoll ibbilanċjar tal-interessi rispettivi ta’ dawn l-impriżi. Il-fatti spjegati fil-paragrafi 24 sa 32 [tas-sentenza appellata] juru li l-uffiċjal tas-seduta wettaq tali bbilanċjar biss sema’ l-ispjegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar il-kontenut ta’ din l-argumentazzjoni u l-allegata importanza għad-difiża tagħhom. Jidher, barra minn hekk, mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar 'il fuq li huwa ġustament li l-uffiċjal tas-seduta kkonkluda li ma kienx iġġustifikat li tingħata prijorità lill-protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u jaċċetta, b’hekk, ksur possibbli tad-drittijiet analogi ta’ Degussa. [...]”

64      Minn dan il-punt 62 tas-sentenza appellata jirriżulta li, fl-ibbilanċjar tal-interessi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali essenzjalment qieset li d-drittijiet tad-difiża tal-appellanti ma jistgħux jipprevalu fuq dawk ta’ Degussa. F’dan ir-rigward, fil-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza, hija ddeċidiet li d-drittijiet tad-difiża ta’ Degussa kienu jimponu li din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni, matul is-seduta, li tieħu konjizzjoni immedjata tal-akkużi li jikkonċernawha, li jistgħu jitqajmu mill-appellanti, u li tirrispondi għalihom oralment.

65      Mill-punt 55 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punti 9 u 10 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-argumentazzjoni li l-appellanti xtaqu jispjegaw in camera tikkonċerna r-rwol ta’ Degussa għall-perijodu ta’ wara ċ-ċessjoni minnha ta’ SKW lil SKW Holding. Issa, la fil-jum tas-seduta u lanqas wara, Degussa ma kinitx imħarrka mill-Kummissjoni għal dan il-perijodu.

66      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, sabiex jirrifjuta li jilqa’ t-talba tal-appellanti li jżomm seduta in camera, l-uffiċjal tas-seduta ħa inkunsiderazzjoni d-drittijiet tad-difiża ta’ Degussa, minkejja li din tal-aħħar ma setgħetx tibbaża fuqhom minħabba l-kwalità tagħha ta’ terz għall-proċeduri għall-imsemmi perijodu.

67      F’dan ir-rigward, il-fatt li wħud mill-provi kkomunikati lill-Kummissjoni, fil-każ fejn din tal-aħħar kellha tilqa’ t-talba għal seduta in camera, setgħet tkun tali li tippermetti, sussegwentement, li din tal-aħħar iżżomm lil Degussa responsabbli għall-ksur ikkonċernat għal perijodu itwal minn dak oriġinarjament meqjus, huwa irrilevanti, peress li, fi kwalunkwe każ u kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Kummissjoni kienet obbligata, f’tali ċirkustanzi, li tibgħat lil din tal-aħħar dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet komplementari tali li tippermetti lill-imsemmija kumpannija sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fuq dawn il-provi.

68      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u kisret id-dritt tal-appellanti għal smigħ, meta qieset li l-uffiċjal tas-seduta seta’ rrifjuta li jżomm seduta in camera peress li tali seduta setgħet tikser id-drittijiet tad-difiża ta’ Degussa.

69      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament tal-att ikkontestat, huma neċessarju li, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Kamino International Logistics u Datema Hellmann Worldwide Logistics, C‑129/13 u C‑130/13, EU:C:2014:2041, punt 79 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li hija l-impriża kkonċernata li għandha tipprova dan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2006, SGL Carbon vs Il-Kummissjoni, C‑308/04 P, EU:C:2006:433, punt 98).

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 53 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-affermazzjonijiet tal-appellanti dwar l-influwenza Degussa fuq l-aġir ta’ SKW, anki jekk nassumu li huma eżatti, kienu nieqsa minn rilevanza għall-kwistjoni tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur kontenzjuż.

71      L-appellanti jikkontestaw din il-konstatazzjoni billi jsostnu li l-prova tal-kontroll persistenti ta’ Degussa fuq SKW wara l-bejgħ ta’ din tal-aħħar lil SKW Holding kienet pjuttost tali li tikkontesta l-influwenza deċiżiva ta’ din tal-aħħar fuq SKW, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li SKW Holding kienet investitur finanzjarju estern fil-fergħa li kisbet impriża kummerċjali speċjalizzata fil-qasam tal-kimika.

72      Din l-argumentazzjoni ma tistax tintlaqa’. Kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punti 43, 119 u 120 tas-sentenza, il-Qorti Ġenerali sabet, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha tal-fatti, li l-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ksur inkwistjoni lil SKW Holding setgħet, fi kwalunkwe każ, tkun ibbażata fuq diversi ċirkustanzi li kienu, skont il-Qorti Ġenerali, minnhom infushom biżżejjed sabiex tibbaża l-konklużjoni dwar l-eżerċizzju, minn SKW Holding, ta’ influwenza determinanti fuq SKW. Fid-dawl ta’ din il-konstatazzjoni, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, b’mod partikolari fil-punti 48, 49 u 52 tas-sentenza appellata, li, sabiex tikkontesta din l-imputazzjoni ta’ responsabbiltà, SKW Holding kellha turi li hija ma kinitx teżerċita hija stess tali influwenza, hekk li l-kwistjoni dwar jekk entità oħra, bħal Degussa, eżerċitatx influwenza determinanti ma kinitx rilevanti.

73      Sa fejn l-appellanti jikkritikaw ukoll lill-Qorti Ġenerali li kisret il-“prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ evalwazzjoni bikrija tal-provi”, l-argumenti tagħhom ma jistgħux jintlaqgħu. Fil-fatt, meta kkonstatat l-affermazzjonijiet tal-appellanti dwar l-influwenza tal-aġir ta’ Degussa fuq l-aġir ta’ SKW, anki kieku jkunu eżatti, kienu nieqsa minn rilevanza għall-kwistjoni tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur kontenzjuż, peress li l-Qorti Ġenerali ma wettqet evalwazzjoni antiċipata tal-provi, iżda biss ċaħdet l-argumentazzjoni tagħhom dwar l-influwenza ta’ Degussa fuq l-aġir ta’ SKW meta assumiet, favur l-appellanti, li din l-influwenza kienet ipprovata.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fil-punti 214 sa 228 tas-sentenza appellata, li jirreferi għalihom il-punt 56 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tilqa’ l-aggravju tal-appellanti bbażat fuq ir-rifjut allegatament illegali tal-Kummissjoni li tirrikonoxxilhom ċirkustanzi attenwanti, bħal dawn tal-aħħar, kif jirriżulta mill-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li kienet biħsiebha tiżviluppa in camera.

75      Konsegwentement, l-appellanti ma wrewx li l-proċeduri li saru kontrihom setgħu jwasslu, fl-assenza tal-irregolarità mwettqa, għal riżultat differenti.

76      Barra minn hekk, mill-punti 31, 33 u 62 tas-sentenza appellata, li l-kontenut tagħhom tfakkar fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, li, wara l-konklużjoni ta’ kuntratt ġdid ta’ provvista bejn SKW u Degussa, jiġifieri fi żmien meta kien hemm iktar problemi għall-appellanti sabiex jissottomettu l-argumentazzjoni tagħhom dwar ir-rwol ta’ Degussa, li setgħu jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub lill-Kummissjoni.

77      Minn dan isegwi li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

78      Minn dan kollu premess jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

79      Skont l-Artikolu 84(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq l-ispejjeż.

80      Skont l‑Artikolu 138(1) tal-istess regolament applikabbli għall-proċedura tal-appell skont l-Artikolu 184(1) tiegħu, il-parti li titlef tħallas l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

81      Peres li l-Kummissjoni talbet li SKW u SKW Holding jiġu kkundannati għall-ispejjeż, u dawn tal-aħħar tilfu, hemm lok li jiġu kkundannati jbatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      SKW Stahl-Metallurgie Holding AG u SKW Stahl-Metallurgie GmbH għandhom ibatu, minbarra l-ispejjeż tagħhom, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.