Language of document : ECLI:EU:C:2016:526

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

7 ta’ Lulju 2016(*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Ftehim ta’ liċenzja mhux esklużiva – Privattiva – Assenza ta’ vjolazzjoni – Obbligu ta’ ħlas ta’ tariffa”

Fil-Kawża C‑567/14

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour d’appel de Paris (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Settembru 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Diċembru 2014, fil-proċedura

Genentech Inc.

vs

Hoechst GmbH,

Sanofi-Aventis Deutschland GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, A. Arabadjiev, J.-C. Bonichot, C. G. Fernlund (Relatur) u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Jannar 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Genentech Inc., minn E. Kleiman, S. Saleh, C. Ritz, L. De Maria, E  Gaillard, J. Philippe, avukati, kif ukoll minn P. Chrocziel u T. Lübbig, avukati,

–        għal Hoechst GmbH u Sanofi-Aventis Deutschland GmbH, minn A. Wachsmann, A. van Hooft, M. Barbier, A. Fisselier u T. Elkins, avukati,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u D. Segoin kif ukoll minn J. Bousin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn A. Rubio González, bħala aġent,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. Bulterman u M. de Ree, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Dawes u B. Mongin kif ukoll minn F. Castilla Contreras, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Marzu 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Genentech Inc. u Hoechst GmbH u Sanofi-Aventis Deutschland GmbH, rigward l-annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ dwar l-implementazzjoni ta’ kuntratt ta’ liċenzja ta’ drittijiet li joħorġu mill-privattivi.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

3        Fis-6 ta’ Awwissu 1992, Behringwerke AG ikkonċediet lil Genentech liċenzja dinjija mhux esklużiva dinjija (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ liċenzja”) għall-użu tal-katalizzatur taċ-ċitomegalovirus uman (iktar ’il quddiem il-“katalizzatur CMVH”). Din it-teknoloġija kienet is-suġġett tal-privattiva Ewropea Nru EP 0173 177 53, maħruġa fit-22 ta’ April 1992 u revokata fit-12 ta’ Jannar 1999, kif ukoll ta’ żewġ privattivi US 522 u US 140, maħruġa fl-Istati Uniti, fil-15 ta’ Diċembru 1998 u fis-17 ta’ April 2001 rispettivament.

4        Genentech użat il-katalizzatur CMVH biex tiffaċilita l-traskrizzjoni ta’ sekwenza ta’ aċidu deoxyribonuklejiku (DNA) meħtieġa għall-produzzjoni ta’ prodott mediċinali bijoloġiku li l-ingredjent attiv tiegħu huwa rituximab. Genentech tikkummerċjalizza dan il-prodott mediċinali fl-Istati Uniti taħt l-isem kummerċjali ta’ Rituxan u, fl-Unjoni Ewropea, taħt dak ta’ MabThera.

5        Il-ftehim ta’ liċenzja kien irregolat mid-dritt Ġermaniż.

6        Jirriżulta mill-Artikolu 3.1 ta’ dan il-ftehim ta’ liċenzja li Genentech, inkambju għad-dritt għall-użu tal-katalizzatur CMVH, intrabtet li tħallas:

–        tariffa unika ta’ 20 000 Marki Ġermaniżi (DM) (madwar EUR 10 225);

–        tariffa annwali fissa ta’ DM 20 000;

–        tariffa kurrenti daqs 0.5 % tal-bejgħ nett ta’ prodotti lesti mill-persuna liċenzjata u l-kumpanniji affiljati u sub-liċenzjati tagħha.

7        Il-ftehim ta’ liċenzja jiddefinixxi l-“prodotti lesti” bħala “merkanzija li tista’ tiġi nnegozjata kummerċjalment u li tinkludi prodott liċenzjat, li tinbiegħ f’forma li tippermetti li tiġi amministrata lill-pazjenti għal użu terapewtiku jew li tintuża fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dijanjożi, li la għandha l-għan u lanqas ma hija kkummerċjalizzata bl-iskop ta’ formulazzjoni ġdida, ta’ trattament, jew sabiex terġa’ tiġi ppakkjata jew mogħtija tikketta ġdida qabel l-użu tagħha”. Fir-rigward għall-kunċett ta’ “prodotti liċenzjati”, dan huwa ddefinit minn dan il-ftehim bħala “il-materjali (inklużi l-organiżmi) li l-produzzjoni, l-użu u l-bejgħ tagħhom imorru kontra, fin-nuqqas tal-ftehim preżenti, invokazzjoni jew bosta invokazzjonijiet mhux skaduti, inklużi fid-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati”.

8        Genentech ħallset it-tariffa unika u t-tariffa annwali, iżda qatt ma ħallset it-tariffa kurrenti lil Hoechst, kumpannija suċċessur ta’ Behringwerke.

9        Fit-30 ta’ Ġunju 2008, Sanofi-Aventis Deutschland, sussidjarja ta’ Hoechst, staqsiet lil Genentech dwar il-prodotti lesti li hija kkummerċjalizzat mingħajr ma ħallset l-ammont tat-tariffa kurrenti.

10      Fis-27 ta’ Awwissu 2008, Genentech innotifikat lil Sanofi-Aventis Deutschland bid-deċiżjonijiet biex jiġi xolt il-ftehim tal-liċenzja b’effett mit-28 ta’ Ottubru 2008.

11      Fl-24 ta’ Ottubru 2008, peress li Hoechst stmat li Genentech kienet użat il-katalizzatur CMVH mingħajr ma ħallset it-tariffa kurrenti, bdiet proċedura ta’ arbitraġġ kontra din il-kumpannija fuq il-bażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tidher fl-Artikolu 11 tal-ftehim ta’ liċenzja.

12      Fis-27 ta’ Ottubru 2008, Sanofi-Aventis Deutschland adixxiet lil United States District Court for the Eastern District of Texas (tribunal federali tad-distrett tal-Lvant tat-Texas, Stati Uniti) bi proċedimenti ta’ vjolazzjoni tal-privattivi taħt liċenzja kontra Genentech u Biogen Idec Inc. Dawn tal-aħħar, fl-istess jum, ippreżentaw rikors għal annullament ta’ dawn il-privattivi quddiem il-United States District Court for the Northern District of California (tribunal federali tad-Distrett tat-Tramuntana tal-California, l-Istati Uniti). Dawn iż-żewġ rikorsi ngħaqqdu flimkien quddiem din il-qorti tal-aħħar, li ċċaħdithom permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2011.

13      Permezz ta’ sentenza tat-22 ta’ Marzu 2012, il-United States Court of Appeals for the Federal Circuit (qorti tal-appell tal-Istati Uniti b’ġurisdizzjoni federali, l-Istati Uniti) ċaħdet l-appell ta’ Sanofi-Aventis Deutschland minn din id-deċiżjoni.

14      Permez tat-tielet sentenza parzjali, mogħtija fil-5 ta’ Settembru 2012 (iktar ’il quddiem it-“tielet sentenza parjali”), l-arbitru uniku kkonstata r-responsabbiltà ta’ Genentech fir-rigward ta’ Hoechst għall-ħlas tat-tariffa kurrenti.

15      Fl-10 ta’ Diċembru 2012, Genentech adixxiet lill-cour d’appel de Paris (Franza) b’rikors għal annullament tat-tielet sentenza parzjali.

16      Fil-25 ta’ Frar 2013, l-arbitru uniku ta s-sentenza definittiva u r-raba’ sentenza parzjali fuq il-quantum u fuq l-ispejjeż, li biha Genentech ġiet ikkundannata tħallas lil Hoechst, minbarra l-ispejjeż tal-arbitraġġ u ta’ rappreżentazzjoni, is-somma ta’ EUR 108 322 850 għad-danni, flimkien ma’ interessi sempliċi. Din is-sentenza definittiva ġiet ikkompletata permezz ta’ addendum tat-22 ta’ Mejju 2013.

17      Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ Ottubru 2013, il-Cour d’appel de Paris (qorti tal-appell ta’ Pariġi) tat l-exequatur lit-tielet sentenza parzjali u rrifjutat li tgħaqqad ir-rikorsi ppreżentati minn Genentech għal annullament ta’ din it-tielet sentenza parzjali kif ukoll tas-sentenza definittiva tal-25 ta’ Frar 2013, u tal-addendum għal din tal-aħħar mogħti fit-22 ta’ Mejju 2013.

18      Fil-kuntest tal-proċedura għall-annullament tat-tielet sentenza parzjali, il-qorti tar-rinviju għandha d-dubji tagħha dwar il-kompatibbiltà tal-ftehim ta’ liċenzja mal-Artikolu 101 TFUE. Hija tirrileva li l-arbitru uniku qies li, matul il-perijodu ta’ validità ta’ dan tal-aħħar, il-persuna liċenzjata kienet marbuta tħallas it-tariffi kuntrattwali minkejja li l-annullament tal-privattivi kellu effett retroattiv. Hija qed tistqsi jekk dan il-kuntratt jiksirx id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101 TFUE, inkwantu jissuġġetta l-persuna liċenzjata għall-ħlas ta’ tariffi li minn dak il-mument ’il quddiem kienu nieqsa minn kull għan, minħabba l-annullament tal-privattivi marbuta mad-drittijiet konċessi u jpoġġi lil din tal-aħħar fi “żvantaġġ kompetittiv”.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-cour d’appel de Paris iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu [101 TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li, fil-każ ta’ annullament tal-privattivi, jiġi applikat kuntratt ta’ liċenzja li jimponi fuq il-persuna liċenzjata l-obbligu li tħallas ir-royalties għas-sempliċi użu tad-drittijiet marbuta mal-privattivi liċenzjati?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

20      Hoechst u Sanofi Avantis Deutschland (iktar ’il quddiem, flimkien, “Hoechst”) kif ukoll il-Gvern Franċiż jargumentaw li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, liema fatt il-Kummissjoni Ewropea tikkontesta.

21      Fl-ewwel lok, Hoechst issostni, essenzjalment, li r-regoli li jirregolaw il-proċedura nazzjonali ma jippermettux lill-qorti tar-rinviju li tagħmel tali domanda mingħajr ma tmur kontra l-kompetenza tagħha. Hoechst tiddikjara, konsegwentement, li adixxiet lill-Cour de cassation (Franza) b’appell dirett kontra t-talba għal deċiżjoni preliminari.

22      Madankollu, għandu jitfakkar, minn naħa, li, fil-kuntest tal-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi la fuq l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi jew regolatorji nazzjonali u lanqas fuq il-konformità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, min-naħa l-oħra, li ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ rinviju ttieħdet konformement mar-regoli nazzjonali ta’ organizzazzjoni u ta’ proċedura ġudizzjarja (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1982, Reina, 65/81, EU:C:1982:6, punt 8, kif ukoll tat-23 ta’ Novembru 2006, Asnef-Equifax u Administración del Estado, C‑238/05, EU:C:2006:734, punt 14).

23      Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha żżomm mad-deċiżjoni ta’ rinviju mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, sakemm dik id-deċiżjoni ma tkunx ġiet imħassra fil-kuntest tar-rimedji eventwalment previsti mil-liġi nazzjonali (sentenzi tat-12 ta’ Frar 1974, Rheinmühlen-Düsseldorf, 146/13, EU:C:1974:12, punt 3, u tal-1 ta’ Diċembru 2005, Burtscher, C‑213/04, EU:C:2005:731, punt 32). F’dan il-każ, mill-punti li tqajmu fid-dibattiti jirriżulta li, permezz ta’digriet tat-18 ta’ Novembru 2015, il-Cour de cassation ċaħħdet l-appell ippreżentat minn Hoechst kontra t-talba għal deċiżjoni preliminari, b’mod li ma jistax jiġi kkunsidrat li din tal-aħħar ġiet imħassra.

24      Fit-tieni lok, Hoechst targumenta li ebda risposta utli ma tista’ tiġi pprovduta lill-qorti tar-rinviju. Hija ssostni li, fir-rigward ta’ rikors għal annullament ta’ sentenza ta’ arbitraġġ internazzjonali, il-qrati ma humiex awtorizzati li jikkontrollaw l-mod li bih id-domandi ta’ kompetizzjoni ġew imqassma mill-arbitru meta dan ikkunsidra, fis-sentenza definittiva, li ma kien jeżisti ebda ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

25      Il-Gvern Franċiż iżid jgħid li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix punti ta’ fatt jew ta’ liġi li huma meħtieġa sabiex tingħata risposta utli għad-domanda magħmula. B’mod partikolari, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tal-kuntratti inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju naqset milli ssemmi ċerti strumenti normattivi li għandhom x’jaqsmu mad-dritt tal-Unjoni tal-kompetizzjoni għaldaqstant rilevanti, kif ukoll kull punt li jikkonċerna d-dritt Ġermaniż li għalih huwa sottomess il-ftehim ta’ liċenzja.

26      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu esklużiv tal-qorti nazzjonali, li tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża u li jkollha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja sussegwenti, li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun tista’ tagħti s-sentenza tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domanda magħmula tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta tieħu deċiżjoni dwarha. Ir-rifjut li tagħti risposta għal domanda magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod evidenti li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà u mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punti 38 u 39, kif ukoll tat-22 ta’ Ġunju 2010, Melki u Abdeli, C‑188/10 u C‑189/10, EU:C:2010:363, punt 27).

27      F’dan il-każ, peress li l-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 101 TFUE jipprekludi li l-ftehim ta’ liċenzja jkun implementat konformement mal-interpretazzjoni li ngħatatlu mill-arbitru uniku, ma jidhirx b’mod ċar li d-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-interpretazzjoni li għandha tingħata ta’ din id-dispożizzjoni tat-Trattat FUE hija mingħajr rilevanza biex tiġi deċiża t-tilwima fil-kawża prinċipali. Id-deċiżjoni tar-rinviju tesponi, b’mod qasir iżda preċiż, l-oriġini u n-natura ta’ din it-tilwima, li hija tqis li l-eżitu tagħha jiddependi mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE. Minn dan jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ddefinit b’mod suffiċjenti l-kuntest fattwali u legali li fih tiddaħħal it-talba tagħha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni biex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi b’mod utli għall-imsemmija talba.

28      Fit-tielet lok, Hoechst u l-Gvern Franċiż jallegaw li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tikkorrispondix għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn il-privattivi Amerikani, l-uniċi rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, ma ġewx annullati.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju, ċertament, ifformulat id-domanda tagħha fil-kliem li jistgħu jinftehmu bħala li jkopru s-sitwazzjoni partikolari li fiha l-persuna liċenzjata hija obbligata tħallas it-tariffi għall-użu tad-drittijiet marbutin mal-privattivi, u dan minkejja l-annullament ta’ dawn il-privattivi.

30      Madankollu, kif l-Avukat Ġenerali rrilevah fil-punt 36 tal-Konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta ċarament mill-kliem tat-talba għal deċiżjoni preliminari, kif riprodotti, essenzjalment, fil-punti 12 u 13 ta’ din is-sentenza, li l-qorti tar-rinviju hija konxja tal-fatt li l-privattiva US 522, li nħarrġet fil-15 ta’ Diċembru 1998, u l-privattiva US 140, li nħarrġet fis-17 ta’ April 2001, li huwa stabbilit li huma l-uniċi rilevanti għall-finijiet tal-kawża prinċipali, ma ġewx annullati. Ir-riferiment għall-annullament tal-privattivi mill-qorti tar-rinviju jirrepeti biss xi indikazzjonijiet li jidhru fil-punti 193 u 194 tat-tielet sentenza parzjali li l-kontenut tagħha huwa kontradett b’mod ċar kemm mill-bqija ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari l-punti 51 sa 53 tagħha, kif ukoll mill-punti tal-proċess li huwa disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja.

31      Minn dan isegwi li d-domanda preliminari hija ammissibbli.

 Fuq il-mertu

32      Għandu jiġi rrilevat mill-ewwel li jirriżulta mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li Genentech kienet targumenta matul il-proċedura ta’ arbitraġġ li hija ma kinitx obbligata tħallas it-tariffa kurrenti, billi, skont il-kliem tal-ftehim ta’ liċenzja, il-ħlas ta’ dan kien jippreżumi, minn naħa, li l-katalizzatur CMVH kien preżenti fil-prodott lest rituximab u, min-naħa l-oħra, li l-manifattura jew l-użu ta’ dan il-katalizzatur kienu kisru, fl-assenza tal-imsemmi ftehim, id-drittijiet marbutin mal-privattivi taħt liċenzja. L-arbitru uniku madankollu ċaħad dawn l-argumenti li qies ibbażati fuq interpretazzjoni letterali tal-ftehim ta’ liċenzja, kuntrarji għall-għan kummerċjali tal-partijiet, li kien li jippermetti lil Genentech li tuża l-katalizzatur CMVH għall-produzzjoni ta’ proteini mingħajr ma tiġi esposta għar-riskju ta’ proċedimenti ta’ vjolazzjoni min-naħa tal-proprjetarju tad-drittijiet fuq din it-teknoloġija.

33      Bl-istess mod, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta wkoll li, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, Genentech targumenta li, billi tiġi obbligata tħallas it-tariffa kurrenti fl-assenza ta’ kull vjolazzjoni, minkejja li, skont l-istess kliem tal-ftehim ta’ liċenzja, din kienet dovuta biss għall-prodotti li l-manifattura, l-użu jew il-bejgħ tagħhom kienu kisru, fl-assenza ta’ dan il-ftehim, il-privattivi taħt liċenzja, it-tielet sentenza parzjali timponilha xi spejjeż inġustifikati bi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni.

34      Konsegwentement, anki jekk, fuq livell formali, il-qorti tar-rinviju dehret, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li limitat d-domanda preliminari għall-każ ta’ annullament tal-privattivi, għandha tinftiehem din id-domanda bħala li tkopri wkoll il-każ ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattivi taħt liċenzja.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandha tinftiehem id-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju bħala li titlob, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, skont ftehim ta’ liċenzja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ikun impost fuq il-persuna liċenzjata tariffa għall-użu ta’ teknoloġija bi privattiva matul il-perijodu kollu tal-perijodu effettiv ta’ dan il-ftehim f’każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattivi li jipproteġu din it-teknoloġija.

36      Genentech u l-Gvern Spanjol iqiesu li għandha tingħata risposta għal din id-domanda fl-affermattiv. Hoechst, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Olandiż, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ma jaqsmux din l-opinjoni.

37      Genentech tikkritika l-arbitru uniku li kiser il-kliem ċar tal-ftehim ta’ liċenzja u tal-Artikolu 101 TFUE billi imponilha li tħallas it-tariffi fuq il-bejgħ ta’ prodott li ma jiksirx it-teknoloġija bi privattiva. Din il-kumpannija tallega li subiet spejjeż addizzjonali ta’ madwar EUR 169 miljun meta mqabbla mal-kompetituri tagħha minħabba din ir-restrizzjoni skont l-iskop u skont l-effett tal-Artikolu 101 TFUE.

38      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, bħalma l-Avukat Ġenerali Ġenerali rrileva fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, li ma huwiex l-obbligu tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari li tirrevedi l-fatti konstatati mill-arbitru uniku u lanqas l-interpretazzjoni tal-ftehim ta’ liċenzja li din wettqet fid-dawl tad-dritt Ġermaniż, li jipprovdi li Genentech hija obbligata tħallas it-tariffa kurrenti minkejja l-annullament jew l-assenza ta’ vjolazzjoni tal-privattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà rrilevat, fil-kuntest ta’ ftehim ta’ liċenzja esklużiva, li l-obbligu li titħallas tariffa, inkluż wara l-iskadenza tat-tul tal-validità tal-privattiva taħt liċenzja, jista’ jagħti ġudizzju ta’ ordni kummerċjali fuq il-valur attribwit lill-possibbiltajiet ta’ użu mogħtija permezz tal-ftehim ta’ liċenzja, b’mod partikolari meta dan l-obbligu huwa inkluż fi ftehim ta’ liċenzja konkluż qabel l-għoti tal-imsemmija privattiva (sentenza tat‑12 ta’ Mejju 1989, Ottung, 320/87, EU:C:1989:195, punt 11). F’tali ċirkustanzi, meta l-persuna liċenzjata tista’ liberament tirrevoka l-ftehim permezz ta’ avviż raġonevoli, obbligu li jitħallsu t-tariffi matul it-tul kollu ta’ validità tal-ftehim ma jistax jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-projbizzjoni adottata permezz tal-Artikolu 101(1) TFUE (sentenza tat-12 ta’ Mejju 1989, Ottung, 320/87, EU:C:1989:195, punt 13).

40      B’hekk mis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1989, Ottung, (320/87, EU:C:1989:195), jirriżulta li l-Artikolu 101(1) TFUE ma jipprojbix li jiġi impost permezz ta’ kuntratt il-ħlas ta’ tariffa għall-użu esklużiv ta’ teknoloġija li ma hijiex koperta iktar minn privattiva, kundizzjoni li biha l-persuna liċenzjata tista’ liberament tirrevoka dan il-kuntratt. Din l-evalwazzjoni tibbaża fuq il-konstatazzjoni li tipprovdi li din it-tariffa tikkostitwixxi l-prezz li għandu jitħallas biex tintuża kummerċjalment t-teknoloġija taħt liċenzja mal-assigurazzjoni li l-konċedent ma jeżerċitax id-drittijiet tiegħu għall-proprjetà industrijali. Sakemm il-kuntratt ta’ liċenzja kkonċernat jibqa’ fis-seħħ u jista’ jiġi liberament revokat mill-persuna liċenzjata, il-ħlas tat-tariffa huwa dovut, u dan anki jekk id-drittijiet għall-proprjetà industrijali li jirriżultaw minn privattivi konċessi b’titolu esklużiv ma jistgħux jiġu implementati kontra l-persuna liċenzjata minħabba l-iskadenza tat-terminu tagħhom. Fil-fatt, ċirkustanzi ta’ din in-natura, b’mod partikolari dik li tgħid li l-kuntratt ta’ liċenzja jista’ jiġi liberament revokat mill-persuna liċenzjata, tippermetti li jiġi eskluż li l-ħlas ta’ tariffa jippreġudika lill-kompetizzjoni billi jirrestrinġi l-libertà ta’ azzjoni tal-persuna liċenzjata jew billi jikkawżaw effetti ta’ esklużjoni fis-suq.

41      Din is-soluzzjoni, li toħroġ mis-sentenza tat-12 ta’ Mejju 1989, Ottung (320/87, EU:C:1989:195) hija imposta a fortiori f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, jekk, matul il-perijodu effettiv ta’ ftehim ta’ liċenzja, il-ħlas tat-tariffa jibqa’ dovut inkluż wara l-iskadenza tad-drittijiet għall-proprjetà industrijali, dan japplika wkoll, a fortiori, qabel l-iskadenza ta’ dawn id-drittijiet.

42      Il-fatt li l-qrati tal-Istat ta’ ħruġ ta’ privattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġġudikaw, wara r-revoka tal-ftehim tal-liċenzja, li l-użu minn Genentech mit-teknoloġija konċessa ma kinitx tikser id-drittijiet maħruġa minn dawn il-privattivi huwa, skont l-indikazzjonijiet forniti mill-qorti tar-rinviju fuq id-dritt Ġermaniż applikabbli għal dan il-ftehim, mingħajr effett fuq kemm hija dovuta t-tariffa għall-perijodu qabel din ir-revoka. Minn dan isegwi li, peress li Genentech tibqa’ libera li tirrevoka l-imsemmi ftehim f’kull mument, l-obbligu li titħallas it-tariffa matul il-perijodu effettiv ta’ dan l-istess ftehim, li matulu kienu fis-seħħ id-drittijiet li joħorġu mill-privattivi konċessi, ma jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, skont ftehim ta’ liċenzja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun imposta fuq il-persuna liċenzjata li tħallas tariffa għall-użu ta’ teknoloġija bi privattiva matul il-perijodu kollu tal-perijodu effettiv ta’ dan il-ftehim, f’każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattiva taħt liċenzja, peress li l-persuna liċenzjata setgħet liberament tirrevoka l-imsemmi ftehim permezz ta’ avviż raġonevoli.

 Fuq l-ispejjeż

44      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, skont ftehim ta’ liċenzja bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun imposta fuq il-persuna liċenzjata li tħallas tariffa għall-użu ta’ teknoloġija bi privattiva matul il-perijodu kollu tal-perijodu effettiv ta’ dan il-ftehim, f’każ ta’ annullament jew ta’ nuqqas ta’ vjolazzjoni tal-privattiva taħt liċenzja, peress li l-persuna liċenzjata setgħet liberament tirrevoka l-imsemmi ftehim permezz ta’ avviż raġonevoli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.