Language of document : ECLI:EU:C:2017:709

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Appell – Akkordji – Produtturi Taljani ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit – Iffissar tal-prezzijiet kif ukoll limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ – Ksur tal-Artikolu 65 KEFA – Annullament tad-deċiżjoni inizjali mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni adottata mill-ġdid abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Assenza ta’ ħruġ ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida – Assenza ta’ seduta wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali – Terminu inkors fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawża C-85/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fid-19 ta’ Frar 2015,

Feralpi Holding SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja), irrappreżentata minn G. M. Roberti u I. Perego, avukati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari u P. Rossi, bħala aġenti, assistiti minn P. Manzini u M. Moretto, avukati, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2016,

wara li semgħet il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Feralpi Holding SpA (iktar ’il quddiem “Feralpi”) titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il Kummissjoni (T-70/10, mhux ippubblikata, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2014:1031) li permezz tagħha, din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar ksur tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit – adozzjoni mill-ġdid, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009”), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) (Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, kif emendata bid-deċiżjoni li temenda, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni kontenzjuża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 16 sa 21 tas-sentenza appellata:

“16      Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki skont l-Artikolu 47 KEFA fl-impriżi Taljani li jipproduċu vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi siderurġiċi Taljani [Federacciai]. Hija bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 47 KEFA […]

17      Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni fetħet proċedura amministrattiva u fformulat ilmenti skont l-Artikolu 36 KEFA (iktar ’il quddiem la “dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) […] Ir-rikorrenti ppreżentat osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Inżammet seduta fit-13 ta’ Ġunju 2002 […]

18      Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni fformulat ilmenti addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), indirizzati lid-innotifikati bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet […] Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward l-osservanza tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom u t-tieni seduta fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri seħħet fit-30 ta’ Settembru 2002. […] Ir-rikorrenti rrispondiet għal din id-dikjarazzjoni ta’ l-oġġezzjonijiet addizzjonali fit-13 ta’ Settembru 2002.

19      Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 – Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), li permezz tagħha hija kkonstatat li l-impriżi destinatarji tagħha kienu implementaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u li kien ukoll wassal għal limitazzjoni jew għal kontroll miftiehem tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA […] F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq [Feralpi] multa fl-ammont ta’ EUR 10.25 miljun.

20      Fl-4 ta’ Marzu 2003, [Feralpi] ippreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-2002. Permezz tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-25 ta’ Ottubru 2007, Feralpi Siderurgica Il-Kummissjoni (T-77/03, [mhux ippubblikata, EU:T:2007:319]), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-2002 ma kienet tinkludi fiha ebda riferiment għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA […] Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu skadew fit-23 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar teżerċita kompetenza abbażi tagħhom, peress li ma kinux japplikaw fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur imsemmi […]

21      B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat [Feralpi] u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni, billi tibdel il-bażi legali meta mqabbel ma’ dik li kienet intgħażlet għad-deċiżjoni tal-2002. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li, fid-dawl tal-portata limitata tas-sentenza [tal-25 ta’ Ottubru 2007,] Feralpi Siderurgica vs Il-Kummissjoni [(T-77/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:319)], d-deċiżjoni adottata mill-ġdid kellha tkun ibbażata fuq il-provi ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom […] Feralpi irrispondiet għal din l-ittra fil-31 ta’ Lulju 2008 l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008 ġiet segwita minn diversi talbiet għall-informazzjoni, li [Feralpi] irrispondiet.”

3        Fid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermettilha tikkonstata u tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis. Hija indikat li din id-deċiżjoni ġiet adottata konformement mar-regoli proċedurali tat-Trattat KE kif ukoll mill-imsemmi regolament u li d-dispożizzjonijiet sostantivi li ma kinux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att, jistgħu jiġu applikati skont il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fil-ħin, suġġett għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-lex mitior.

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li Feralpi kienet kisret l-Artikolu 65(1) KEFA, billi pparteċipat, mis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000, fi ftehim kontinwu u/jew fi prattiki miftiehma fir-rigward tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellhom bħala suġġett u/jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u/jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq komuni. Permezz tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Feralpi multa fl-ammont ta’ EUR 10.25 miljuni.

5        Permezz ta’ ittri mibgħuta bejn l-20 u t-23 ta’ Novembru 2009, tmienja mill-ħdax-il kumpannija destinatarja tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, inkluża Feralpi, indikaw lill-Kummissjoni li l-anness ta’ din id-deċiżjoni, kif innotifikata lid-destinatarji tagħha, ma fihiex it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz.

6        Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li temenda, li kienet tintegra t-tabelli nieqsa fl-anness tagħha u li kienet tikkoreġi r-referenzi nnumerati fit-tabelli msemmija fi tmien noti ta’ qiegħ il-paġna.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Frar 2010, Feralpi ppreżentat rikors intiż, minn naħa, sabiex il-Qorti Ġenerali tordna l-miżuri opportuni sabiex tiġi vverifikata l-osservanza ta’ kolleġġjalità fil-proċedura tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni.

8        Insostenn tar-rikors tagħha, Feralpi invokat seba’ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u fuq il-prinċipju ta’ kolleġġjalità kif ukoll fuq ivvizzjar tal-proċedura ta’ adozzjoni mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-2002, fit-tieni lok, fuq in-natura mhux adegwata tal-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata, fit-tielet lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba, tal-proporzjonalità u ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-kriterji ta’ imputazzjoni, ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-fatti u tal-assenza ta’ struzzjonijiet u ta’ motivazzjoni, fil-ħames lok, ta’ definizzjoni żbaljata tas-suq inkwistjoni, fis-sitt lok, ta’ evalwazzjoni żbaljata tal-fatti, ta’ ksur tal-Artikolu 65 KEFA, ta’ ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u tal-Artikolu 296 TFUE u, fis-seba’ lok, ta’ determinazzjoni żbaljata tal-ammont tal-multa.

9        Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10      Permezz tal-appell tagħha, Feralpi titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn din tiċħad ir-rikors ippreżentat minn Eni fil-Kawża T-70/10 u, konsegwentement:

–        tannulla, totalment jew parzjalment, id-deċiżjoni kkontestata;

–        u/jew tannulla, jew minn tal-inqas tnaqqas, il-multa imposta fuq Feralpi bid-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla, totalment jew parzjalment, is-sentenza appellata sa fejn din ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Feralpi fil-Kawża T-70/10 u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–        fi kwalunkwe każ, li tnaqqas il-multa imposta fuq Feralpi mid-deċiżjoni kkontestata, minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell, u

–        tikkundanna Feralpi tbati l-ispejjeż.

 Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

12      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-8 ta’ Diċembru 2016 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2017, ippreżentata fl-istess jum fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura u li tinfilza fil-proċess provi ta’ fatt esposti fit-talba tagħha kif ukoll id-dokumenti annessi magħha.

13      Insostenn għat-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex suffiċjentement ċara fuq iċ-ċirkustanzi fattwali dwar is-seduti tat-13 ta’ Ġunju u tat-30 ta’ Settembru 2002, li fuqhom l-Avukat Ġenerali jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux speċifikament dibattuti bejn il-partijiet.

14      L-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettulha, li wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna fi kwalunkwe mument il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument ta’ liġi li ma kienx ġie indirizzat mill-partijiet.

15      Madankollu, għandu jitfakkar, li l-għan tal-appell huwa, fil-prinċipju, iddefinit mill-aggravji u mill-argumenti mqajma mill-partijiet. F’dan il-każ, dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jiddibattu suffiċjentement dawn l-aggravji u dawn l-argumenti fin-noti u s-seduti komuni tagħhom tal-20 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawżi C-85/15 P sa C-89/15 P.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appell

17      Insostenn tal-appell tagħha, Feralpi tqajjem sitt aggravji bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità, fit-tieni lok, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, l-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004, tas-7 ta’ April 2004, dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101 TFUE] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali kif ukoll fuq u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) minħabba fit-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva, kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, fir-raba’ lok, fuq ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, tal-prinċipji li jirregolaw l-oneru tal-prova, tal-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza kif ukoll ta’ żnaturament tal-fatti u ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni, fil-ħames lok, fuq ksur tal-Artikoli 23 u 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u, fis-sitt lok, ta’ tul eċċessiv tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Fuq it-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

18      Permezz tat-tieni aggravju tagħha, li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok, Feralpi ssostni li, billi tqis li ma huwiex neċessarju li ssir dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha ggarantiti permezz tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004. Sa fejn, kif ikkonfermat l-ittra tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Ġunju 2008 li tistieden l-impriżi interessati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, dawn kellhom id-dritt li jinstemgħu, il-Kummissjoni kellha d-dmir li timplimenta l-istadji proċedurali kollha previsti mir-Regolament Nru 773/2004, jiġifieri n-notifika ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida u l-possibbiltà għal dawn l-impriżi li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għal-proċess kif ukoll, fuq talba, id-dritt tagħhom għal smigħ.

19      Il-Kummissjoni tqis li l-Qorti Ġenerali, ġustament, iddeċidiet li l-ivvizzjar tal-legalità tad-deċiżjoni tal-2002 li twettaq fid-data tal-adozzjoni tagħha, il-validità tal-atti preparatorji ma ġietx affettwata, b’tali mod li l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma kinitx teħtieġ it-tressiq ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Din l-istituzzjoni tirrileva li l-bidla tal-bażi ġuridika f’dak li jirrigwarda l-ġurisdizzjoni tagħha li timponi multi ma kellha ebda konsegwenza fuq il-pożizzjoni ta’ Feralpi u din tal-aħħar kellha l-possibbiltà, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha kemm dwar il-limitu tal-ammont tal-multa li l-Kummissjoni tista’ timponi u kif ukoll fuq il-bażi legali li tawtorizza lill-Kummissjoni sabiex tagħmel dan.

20      F’dak li jirrigwarda l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punt 140 tas-sentenza appellata, li din l-ittra speċifikat li l-Kummissjoni qieset li ma huwiex neċessarju li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida. Min-naħa l-oħra, hija ma kkunsidratx li din l-ittra kienet is-suġġett tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adegwatament redatta. Il-Qorti Ġenerali ġustament ikkunsidrat li, peress li l-annullament tad-Deċiżjoni tal-2002 ma affettwax il-validità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, li fuqhom l-impriżi kkonċernata diġà kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom, il-Kummissjoni setgħet tillimita ruħha, fl-imsemmija ittra, li tinformahom bl-intenzjoni tagħhom li jadottaw mill-ġdid din id-deċiżjoni fuq bażi legali ġdida.

21      Barra dan, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), iċċitata mill-Qorti Ġenerali, hija rilevanti f’dan il-każ peress li l-kawża li tat lok għal din is-sentenza kienet tikkonċerna s-sejba ta’ difett proċedurali fl-istadju tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata u li ma wasslitx għan-nullità tal-atti ta’ proċedura.

22      Il-Kummissjoni tiddefendi wkoll il-validità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. Kif iddeċidiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 135 tas-sentenza appellata, din tal-aħħar kienet ibbażata fuq ir-regoli proċedurali rilevanti tat-Trattat KE fis-seħħ f’dak iż-żmien, b’tali mod li l-validità tagħha ma kinitx affettwata mill-annullament tad-deċiżjoni tal-2002.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

23      Feralpi tikkritika lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, li ma ddeċidietx li l-Kummissjoni kienet kisret l-obbligu li tosserva l-istadji kollha proċedurali previsti mir-Regolament Nru 773/2004, inkluża n-notifika lill-impriżi kkonċernati ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida, konformement mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, kif ukoll il-possibbiltà għal Feralpi li teżerċita d-dritt tagħha għal smigħ bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

24      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-2002, fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni indirizzat lill-impriżi kkonċernati, inkluża Feralpi, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 36 tal-KEFA. Is-smigħ dwar din tal-aħħar seħħ fit-13 ta’ Ġunju 2002. Wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA, fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni bagħtet lill-imsemmija impriżi d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, li fiha hija spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward ta’ din il-bidla tal-kuntest ġuridiku u stiednet lil dawn tal-aħħar sabiex jesponu il-fehma tagħhom dwar l-imsemmija oġġezzjonijiet addizzjonali. Inżammet seduta fit-30 ta’ Settembru 2002 fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri.

25      Wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lil Feralpi l-impriżi l-oħra kkonċernati bl-intenzjoni tagħhom li jadottaw mill-ġdid din id-deċiżjoni billi jibbażaw ruħhom fuq ir-Regolament Nru 1/2003 bħala bażi legali, konformement mar-regoli ta’ proċedura previsti minn dan ir-regolament.

26      Fid-dawl ta’ dan l-iżvolġiment proċedurali għandu jiġi eżaminat jekk, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali fil-punt 142 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni għandhiex l-obbligu, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura u tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida kif ukoll torganizza seduta ġdida.

27      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli proċedurali huma ġeneralment maħsuba sabiex japplikaw fid-data ta’ meta jidħlu fis-seħħ (is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C-201/09 P u C-216/09 P, EU:C:2011:190, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, EU:C:2011:191, punt 88, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 45), anki fil-proċedura li nbdiet qabel din id-data, iżda li għadha pendenti wara din (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 47).

28      F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(1), u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-proċedura hija intiża għal din id-deċiżjoni għandha titmexxa konformement ma’ dan ir-regolament kif ukoll mar-Regolament Nru 773/2004 li għandu l-bażi legali tiegħu fir-Regolament Nru 1/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, EU:C:2011:191, punt 90), Minkejja l-fatt li din il-proċedura inbdiet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.

29      L-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li huwa jimplementa, jipprevedi li, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar regolament, il-Kummissjoni tinnotifika lill-partijiet ikkonċernati bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet billi tagħtihom il-possibbiltà li jinformawh bil-fehma tagħhom f’terminu li hija tiffissa.

30      Madankollu, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 136 u 137 tas-sentenza appellata, f’dan il-każ, il-Kummissjoni diġà indirizzat lill-impriżi kkonċernati bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u, b’riferiment għal dawn id-dikjarazzjonijiet, id-deċiżjoni kkontestata ma imponietx atti ġodda fuq Feralpi u lanqas ma biddlet sensibbilment il-provi tal-ksur akkużat. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma teżistix differenza kbira, f’dak li jirrigwarda l-kontenut, bejn dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata taħt is-sistema tat-Trattat KEFA au dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata konformement mar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003. In-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida ma hijiex għaldaqstant imposta.

31      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rreferiet, ġustament, għall-punt 73 tas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), li fiha jitfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura għas-sostituzzjoni tal-miżura annullata tista’, fil-prinċipju, tissokta fil-punt stess li fih seħħet l-illegalità.

32      Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 134 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-2002 ġiet annullata għal nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni li tadottaha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KEFA, li ma kienx għadu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, b’tali mod li kienet preċiżament f’dik id-data li seħħet dik l-illegalità. Konsegwentement, dan l-annullament ma jaffettwax id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

33      Kuntrarjament għal dak li targumenta Feralpi, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 ta’ din is-sentenza ma ssirx inapplikabbli f’dan il-każ minħabba l-bidla tal-bażi legali li fuqha ġew adottati l-multi, sa fejn il-konsegwenzi ta’ din il-bidla tal-bażi legali kienu diġà ġew antiċipati fl-atti preparatorji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 18 u 138 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni kienet infurmat lil Feralpi, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, bil-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni li tasal għalihom mal-iskadenza tat-Trattat KEFA u Feralpi kellha l-possibbiltà li ssostni l-osservazzjonijiet tagħha dwar dan is-suġġett.

34      Barra dan, ma huwiex ikkontestat li dawn il-konsegwenzi ma ssubixxew ebda bidla minħabba t-tħassir tar-Regolament Nru 17 u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, li ċerti dispożizzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedu, bħala dispożizzjonijiet tranżitorji, li l-atti u l-miżuri ta’ proċedura miksuba b’applikazzjoni, rispettivament, tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81] u [82] tat-Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204) jippreżervaw l-effetti tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel regolamenti.

35      Huwa wkoll neċessarju li jiġi miċħud l-argument ta’ Feralpi skont liema l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 minħabba l-bażi legali li fuqha hija bbażata neċessarjament affettwat l-espożizzjoni, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, tal-bażi legali li fuqha l-Kummissjoni riedet tadotta din id-deċiżjoni. Huwa suffiċjenti li jitfakkar, fil-fatt, li d-deċiżjoni tal-2002 kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) tal-KEFA, filwaqt li l-imsemmija dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 17.

36      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

37      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li indirizzatilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom. Għalhekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 32 ta’ din is-sentenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali ma humiex affettwati mill-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tatx lill-imsemmija partijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom matul is-seduta mmexxija konformement mar-rekwiżiti proċedurali tar-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, kif inhi obbligata li tagħmel.

38      F’dan ir-rigward, għand jiġi rrilevat li, taħt is-sistema proċedurali stabbilita mir-Regolament Nru 1/2003, kif spjegat fir-Regolament Nru 773/2004, huwa previst, Fl-Artikolu 14(3), tiegħu li l-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mistiedna li jattendu s-seduta li, fuq talba tad-destinatarji għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, issegwi l-għoti ta’ din tal-aħħar.

39      Madankollu, fir-rigward tas-seduti li seħħew matul is-sena 2002, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma attendewx għal dik tat-13 ta’ Ġunju 2002, peress li tali attendenza ma kinitx prevista mit-Trattat KEFA li kien fis-seħħ dak iż-żmien. Huwa stabbilit li din is-seduta kienet tirrigwarda l-mertu tal-kawża, jiġifieri tirrigwarda l-aġir li l-Kummissjoni qed tilmenta dwaru mal-impriżi innotifikati bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 379 sa 382 tad-deċiżjoni kkontestata u huwa kkonfermat fil-punt 148 tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tad-9 ta’ Diċembru 2014, Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T-85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T-92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032).

40      Min-naħa l-oħra, is-seduta tat-30 ta’ Settembru 2002, li għaliha kienu ġew mistiedna r-rappreżentanti tal-Istati Membri konformement mar-regoli tat-Trattat KE issa applikabbli, b’mod partikolari konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2842/98, li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, jiġifieri l-konsegwenzi legali tal-iskadenza tat-Trattat KEFA għall-prosegwiment tal-proċedura. Dan jirriżulta, minn naħa, minn din id-dikjarazzjoni li stiednet espressament id-destinatarji tagħha sabiex jinformawha bil-fehma tagħhom dwar is-suġġett tal-imsemmija oġġezzjonijiet addizzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 382 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma qisitx neċessarju li tirrepeti s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2002, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003, peress li din is-seduta, li għaliha ma attendewx ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, ġiet miżmuma konformement mar-regoli tat-Trattat KEFA applikabbli f’din id-data. Barra dan, matul is-seduta komuni tal-Kawżi C-85/15 P sa C-89/15 P, il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali ma kinitx tirrigwarda l-fatti jew il-provi li kienu s-suġġett tal-proċedura.

41      Minn dan jirriżulta li f’din il-proċedura, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma attendewx għal seduta li tirrigwarda l-mertu tal-kawża, iżda attendew biss għal dak li dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA.

42      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 27 u 28 ta’ din is-sentenza, meta tiġi adottata deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, il-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni għandha tkun konformi mar-regoli ta’ proċedura previsti minn dan ir-regolament, anki jekk din il-proċedura bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

43      Minn dan isegwi, li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet obbligata, b’applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament Nru 773/2004, li tagħti lill-partijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom matul seduta li għaliha ġew mistiedna l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-istati Membri. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mertu tal-kawża, issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003.

44      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li żżomm seduta ġdida, minħabba li l-impriżi kkonċernati kellhom diġà l-possibbiltà li jinstemgħu oralment matul is-seduti tat-13 ta’ Ġunju u tat-30 ta’ Settembru 2002.

45      Kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, inkunsiderazzjoni tal-importanza, fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, taż-żamma, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, ta’ seduta li għaliha, konformement mal-Artikolu 14(3) tat-tieni regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mistiedna, l-ommissjoni ta’ din is-seduta tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

46      Sa fejn id-dritt għal tali seduta, previst mir-Regolament Nru°773/2004, ma huwiex irrispettat, ma huwiex neċessarju għall-impriża li d-drittijiet tagħha ġew b’hekk miksura li turi li dan il-ksur seta’ influwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

47      Għaldaqstant, l-imsemmija proċedura hija neċessarjament ivvizzjata, indipendentement mill-konsegwenzi eventwalment dannużi għal Feralpi li jistgħu jirriżultaw minn dak il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C‑553/10 P u C-554/10 P, EU:C:2012:682, punti 46 sa 52, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il-Kummissjoni, C-608/13 P, EU:C:2016:414, punt 36).

48      Minn dak li ntqal jirriżulta li għandu jintlaqa’ t-tieni aggravju mqajjem minn Feralpi u, għaldaqstant, li tiġi annullata s-sentenza appellata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-ewwel u t-tielet sal-ħames aggravji tal-appell.

 Fuq is-sitt aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

49      Permezz tas-sitt aggravju, Feralpi ssostni li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt ta’ smigħ tagħha f’terminu raġonevoli, kif stabbilit fl-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet ta’ erba’ snin u għaxar xhur, li tliet snin u erba’ xhur minnhom bejn it-tmiem tal-fażi bil-miktub u ż-żamma tas-seduta.

50      Fir-rigward tal-kumplessità tal-kawża, Feralpi tqis li l-Qorti Ġenerali diġà kellha konjizzjoni tad-domandi magħmula permezz tal-kawża li wasslet għas-sentenza appellata, b’mod partikolari, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-Imħallef Relatur kien l-istess bħal dak fil-każ li wassal għas-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, Feralpi Siderurgica vs Il-Kummissjoni (T-77/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:319), li l-aggravji invokati minn Feralpi ma kinux jippreżentaw grad ta’ diffikultà partikolari, li d-disa’ rikorsi kontra d-deċiżjoni kkontestata ma humiex ibbażati fuq l-aggravji li jikkoinċidu, u li l-Qorti Ġenerali adottat miżura unika ta’ organizzazzjoni tal-proċedura billi għamlet mistoqsija lill-Kummissjoni dwar aspett wieħed tal-kwistjoni.

51      L-aġir tal-partijiet ma setgħux ikollhom ebda konsegwenza fuq it-tul tal-proċedura, peress li Feralpi u l-Kummissjoni kisbu biss prorogi rispettivi ta’ xahar u ta’ ħmistax-il jum għat-tressiq tan-noti tagħhom.

52      Fid-dawl tal-fatt li għaddew iktar minn erbatax-il sena bejn il-verifiki mwettqa mill-Kummissjoni matul is-sena 2000 u d-deċiżjoni tas-sentenza appellata, Feralpi titlob li, għal raġunijiet ta’ ekonomija tal-ġudizzju, u minkejja l-approċċ segwit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768), kumpens għad-dannu kkawżat mill-ksur tat-terminu raġonevoli tal-proċeduri jingħata lilu fl-istadju tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Sussidjarjament, Feralpi tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara li l-Qorti Ġenerali kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju ta’ regola tal-liġi maħsuba sabiex tagħti drittijiet lill-individwi.

53      Il-Kummissjoni titlob li dan l-aggravju jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

54      Fir-rigward tat-talba ta’ Feralpi intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja, tieħu konjizzjoni tat-talba għal kumpens tad-danni allegatament subiti b’riżultat tal-allegat ksur mill- Qorti Ġenerali, tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta għandu jitfakkar li ksur, minn qorti tal-Unjoni Ewropea, tal-obbligu tagħha li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni li tagħti deċiżjoni fuq il-kawżi li jiġu ppreżentati quddiemha f’terminu raġonevoli għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ir-rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għalhekk, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess. Il-Qorti Ġenerali, li jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, u li tkun adita b’talba għall-kumpens, hija obbligata li tagħti deċiżjoni fuq tali talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għal proċedura li t-tul tagħha jkun ikkritikat (is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C 617/13 P, EU:C:2016:416, punti 98 u 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

55      Konsegwentement, is-sitt aggravju ta’ dan l-appell għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

56      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija b’hekk tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

57      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament ir-rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat minn Feralpi quddiem il-Qorti Ġenerali.

58      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi rrilevat li, għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 23 sa 47 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li tirrigwarda lil Feralpi, għal ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

 Fuq l-ispejjeż

59      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

60      L-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li Feralpi rebħet fil-kuntest tal-appell u peress li r-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqa’, hemm lok, b’mod konformi mat-talbiet ta’ Feralpi, li tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti minn Feralpi, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appell.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2014, Feralpi vs Il-Kummissjoni (T-70/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1031), hija annullata.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – vireg għar-rinfurzar tal-konkrit, adozzjoni mill-ġdid), fil-verżjoni emendata tagħha bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, hija annullata f’dak li jirrigwarda Feralpi Holding SpA.



3)      Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż ta’ Feralpi Holding SpA, inkorsi kemm għall-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll għal dan l-appell.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.