Language of document : ECLI:EU:C:2017:717

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

21 ta’ Settembru 2017 (*)

“Appell – Akkordji – Produtturi Taljani ta’ vireg għar-rinfurzar tal-konkrit – Iffissar tal-prezzijiet kif ukoll limitazzjoni jew kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ – Ksur tal-Artikolu 65 KEFA – Annullament tad-deċiżjoni inizjali mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea – Deċiżjoni adottata mill-ġdid abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 – Assenza ta’ ħruġ ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida – Assenza ta’ seduta wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali – Terminu inkors fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali”

Fil-Kawżi magħquda C-86/15 P u C-87/15 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq l-20 ta’ Frar 2015,

Ferriera Valsabbia SpA, stabbilita f’Odolo (l-Italja) (C-86/15 P),

Valsabbia Investimenti SpA, stabbilita f’Odolo (l-Italja) (C-86/15 P),

Alfa Acciai SpA, stabbilita fi Brescia (l-Italja) (C-87/15 P),

irrappreżentati minn D. M. Fosselard, avukat, D. Slater, solicitor, Me A. Duron, avukat,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Malferrari u P. Rossi, bħala aġenti, assistiti minn P. Manzini, avukat, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn E. Juhász, President tal-Awla, C. Vajda (Relatur) u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Ottubru 2016,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Diċembru 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Ferriera Valsabbia SpA u Valsabbia Investimenti SpA (iktar ’il quddiem, flimkien, “Valsabbia”), fil-Kawża C-86/15 P, kif ukoll Alfa Acciai SpA (iktar ’il quddiem “Alfa”), fil-Kawża C-87/15 P (dawn il-partijiet flimkien li huma msemmija iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), jitolbu l-annullament, rispettivament, tas-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropew tad-9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T-92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032) kif ukoll Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T-85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037) (iktar ’il quddiem, flimkien, is-“sentenzi appellati”), li permezz tagħhom il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikorsi tagħhom intiżi għall-annullament tad deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar ksur tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit – adozzjoni mill-ġdid, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009”), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li temenda”) (Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, kif emendata bid-deċiżjoni li temenda, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-fatti li wasslu għall-kawżi u d-deċiżjoni kkontestata

2        Il-fatti li wasslu għall-kawżi huma spjegati fid-dettall fil-punti 20 sa 25 tas-sentenzi appellati:

“20      Minn Ottubru sa Diċembru 2000, il-Kummissjoni wettqet verifiki skont l-Artikolu 47 KEFA fl-impriżi Taljani li jipproduċu vireg għar-rinfurzar tal-konkrit u f’assoċjazzjoni ta’ impriżi siderurġiċi Taljani. Hija bagħtitilhom ukoll talbiet għal informazzjoni, skond l-Artikolu 47 KEFA […]

21      Fis-26 ta’ Marzu 2002, il-Kummissjoni fetħet proċedura amministrattiva u fformulat ilmenti skont l-Artikolu 36 KEFA (iktar ’il quddiem la “dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet”) […]. Ir-rikorrenti [ppreżentaw] osservazzjonijiet bil-miktub dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Inżammet seduta fit-13 ta’ Ġunju 2002 […]

22      Fit-12 ta’ Awwissu 2002, il-Kummissjoni fformulat ilmenti addizzjonali (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali”), indirizzati lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17 tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel Regolament li jimplimenta l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), il-Kummissjoni spjegat il-pożizzjoni tagħha fir-rigward l-osservanza tal-proċedura wara l-iskadenza tat-Trattat KEFA. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu għall-preżentata tal-osservazzjonijiet tagħhom u t-tieni seduta fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri seħħet fit-30 ta’ Settembru 2002 […]

23      Fi tmiem il-proċedura, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2002) 5087 finali, tas-17 ta’ Diċembru 2002, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 65 KEFA (COMP/37.956 – Vireg għar-rinfurzar tal-konkrit) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), li permezz tagħha hija kkonstatat li l-impriżi destinatarji tagħha kienu implementaw akkordju uniku, kumpless u kontinwu fis-suq Taljan tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellu bħala għan jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u li kien ukoll wassal għal limitazzjoni jew għal kontroll miftiehem tal-produzzjoni jew tal-bejgħ, bi ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA […]. F’din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq [Valsabbia, in solidum, u fuq Alfa multi f’ammont rispettiv ta’ EUR 10.25 miljun u ta’ EUR 7.175 miljun].

24      Fil-5 ta’ Marzu 2003, ir-rikorrenti [ppreżentaw] rikors[i] quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal-2002. B’sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2007, SP et vs Il-Kummissjoni (T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03, [EU:T:2007:317], il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-2002. Il-Qorti Ġenerali rrilevat, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li d-deċiżjoni tal-2002 ma kienet tinkludi fiha ebda riferiment għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) KEFA […]. Peress li dawn id-dispożizzjonijiet kienu skadew fit-23 ta’ Lulju 2002, il-Kummissjoni ma setgħetx iktar teżerċita kompetenza abbażi tagħhom, peress li ma kinux japplikaw fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, biex tikkonstata ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA u biex timponi multi fuq l-impriżi li pparteċipaw fil-ksur imsemmi […]

25      B’ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li terġa’ tadotta deċiżjoni, billi tibdel il-bażi legali meta mqabbel ma’ dik li kienet intgħażlet għad-deċiżjoni tal-2002. Barra minn hekk, hija ppreċiżat li, fid-dawl tal-portata limitata tas-sentenza [tal-25 ta’ Ottubru 2007,] SP et vs Il-Kummissjoni [(T-27/03, T-46/03, T-58/03, T-79/03, T-80/03, T-97/03 u T-98/03, EU:T:2007:317)], id-deċiżjoni adottata mill-ġdid kellha tkun ibbażata fuq il-provi ppreżentati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali. L-impriżi kkonċernati ngħataw terminu sabiex jissottomettu l-osservazzjonijiet tagħhom […] [ir-rikorrenti ppreżentaw] l-osservazzjonijiet.”

3        Fid-Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, il-Kummissjoni kkunsidrat, b’mod partikolari, li r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 TFUE] [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205) kellu jiġi interpretat fis-sens li jippermettilha tikkonstata u tissanzjona, wara t-23 ta’ Lulju 2002, l-akkordji fis-setturi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat KEFA ratione materiae u ratione temporis. Hija indikat li din id-deċiżjoni ġiet adottata konformement mar-regoli proċedurali tat-Trattat KE kif ukoll mill-imsemmi regolament u li d-dispożizzjonijiet sostantivi li ma kinux għadhom fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ att, jistgħu jiġu applikati skont il-prinċipji li jirregolaw is-suċċessjoni tar-regoli fil-ħin, suġġett għall-applikazzjoni tal-prinċipju ġenerali tal-lex mitior.

4        L-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni jipprevedi, b’mod partikolari, li r-rikorrenti kisru l-Artikolu 65(1) KEFA, billi f’dak li jirrigwarda Valsabbia pparteċipat, fis-6 ta’ Diċembru 1989 sas-27 ta’ Ġunju 2000, u mis-6 ta’ Diċembru 1989 sal-4 ta’ Lulju 2000, f’dak li jirrigwarda Alfa, fi ftehim kontinwu u/jew fi prattiki miftiehma fir-rigward tal-vireg jew tar-rombli għar-rinfurzar tal-konkrit, li kellhom bħala suġġett u/jew bħala effett l-iffissar tal-prezzijiet u l-limitazzjoni u/jew il-kontroll tal-produzzjoni jew tal-bejgħ fis-suq komuni. Permezz tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni, il-Kummissjoni imponiet fuq Valsabbia u fuq Alfa multi fl-ammont ta’ rispettivament EUR 10.25 miljuni u ta’ EUR 7.175 miljuni.

5        Permezz ta’ ittri mibgħuta bejn l-20 u t-23 ta’ Novembru 2009, tmienja mill-ħdax-il kumpannija destinatarja tad-Deċiżjoni tat-30 ta’ Settembru 2009, inklużi r-rikorrenti, indikaw lill-Kummissjoni li l-anness ta’ din id-deċiżjoni, kif innotifikata lid-destinatarji tagħha, ma fihiex it-tabelli li juru l-varjazzjonijiet fil-prezz.

6        Fit-8 ta’ Diċembru 2009, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni li temenda, li kienet tintegra t-tabelli nieqsa fl-anness tagħha u li kienet tikkoreġi r-referenzi nnumerati fit-tabelli msemmija fit-tmien noti ta’ qiegħ il-paġna Id-deċiżjoni li temenda ġiet innotifikata lir-rikorrenti fid-9 ta’ Diċembru 2009.

 Il-Proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

7        Permezz ta’ rikorsi ippreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali, rispettivament, fis-17 u t-18 ta’ Frar 2010, ir-rikorrenti ppreżentaw rikorsi intiżi, prinċipalment, sabiex tiġi annullata din id-deċiżjoni kkontestata fil-partijiet li jikkonċernawhom.

8        Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti invokaw formalment erba’ motivi bbażati, fl-ewwel lok, fuq eċċess ta’ poter tal-Kummissjoni, fit-tieni lok, ta’ ksur tal-Artikoli 14 u 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tal-Artikoli 10 u 14 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 TFUE] sa [102 TFUE] tat-Trattat tal-KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81) kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża, fit-tielet lok, fuq ksur tal-Artikolu 65(1) tal-KEFA u ta’ interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu u, fir-raba’ lok, fuq illegalitajiet imwettqa fl-iffissar tal-ammont tal-multa (iffissar tal-ammont ta’ tluq u assenza ta’ rikonoxximent ta’ ċirkustanzi attenwanti) u tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva. F’parti introduttiva dwar id-“dettalji tal-kontenut tad-deċiżjoni” ikkontestata, ir-rikorrenti invokaw ukoll ksur potenzjali tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità.

9        Permezz tas-sentenzi appellati, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrent.

 It-talbiet tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

10      Permezz tal-appelli tagħhom, l-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenzi appellati;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonċerna lill-appellanti;

–        sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa imposta fuq l-appellanti skont l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tirriżerva l-ispejjeż u li tirrinvija l-kawżi quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawżi fid-dawl tal-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli, u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2016, il-Kawżi C-86/15 P u C-87/15 P ingħaqdu għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

 Fuq it-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura

13      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fit-8 ta’ Diċembru 2016 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali. Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Jannar 2017, ippreżentata fl-istess jum fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tiftaħ mill-ġdid il-fażi orali tal-proċedura u li tinfilza fil-proċess provi ta’ fatt esposti fit-talba tagħha kif ukoll id-dokumenti annessi magħha.

14      Insostenn għat-talba tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex suffiċjentement ċara fuq iċ-ċirkustanzi fattwali dwar is-seduti tat-13 ta’ Ġunju u tat-30 ta’ Settembru 2002, li fuqhom l-Avukat Ġenerali jibbaża l-konklużjonijiet tiegħu, peress li dawn iċ-ċirkustanzi ma kinux speċifikament dibattuti bejn il-partijiet.

15      L-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jippermettulha, li wara li jkun instema’ l-Avukat Ġenerali, tordna fi kwalunkwe mument il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument ta’ liġi li ma kienx ġie indirizzat mill-partijiet.

16      Madankollu, għandu jitfakkar, li l-għan tal-appell huwa, fil-prinċipju, iddefinit mill-aggravji u mill-argumenti mqajma mill-partijiet. f’dan il-każ, dawn tal-aħħar kellhom il-possibbiltà li jiddibattu suffiċjentement dawn l-aggravji u dawn l-argumenti fin-noti u s-seduti komuni tagħhom tal-20 ta’ Ottubru 2016 fil-Kawżi C-85/15 P sa C-89/15 P.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

 Fuq l-appelli

18      Insostenn tal-appelli tagħhom, ir-rikorrenti jqajmu seba’ aggravji bbażati, fl-ewwel lok, fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 773/2004, u tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-assenza ta’ tressiq ta; dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, fit-tieni lok, fuq ksur tal-Artikolu 14 tar-regolament Nru 773/2004 u tad-drittijiet tad-difiża minħabba l-assenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri waqt is-seduti, fit-tielet lok fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġġjalità minħabba l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mhux sħiħa, fir-raba’ lok, ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”, interpretat fid-dawl tal-Artikolu 6 tal- Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ ġudizzju f’terminu raġonevoli, fil-ħames lok, fuq ksur tal-Artikolu 65(1) KEFA, fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ akkordju kontinwu kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni u ta’ motivazzjoni kontradittorja, fis-sitt lok, fuq ksur tal-Artikolu 47 tal-Karta sa fejn il-Qorti Ġenerali rrifjutat li tnaqqas l-ammont tal-multa minħabba t-tul eċċessiv tal-proċedura amministrattiva kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni kontradittorja, u, fis-seba’ lok, fuq ksur tal-Artikoli 23 u 31 tar-Regolament Nru 1/2003, tal-Linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi [i]mposti skond l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) tat-Trattat KEFA (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 171), tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament kif ukoll ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

 Fuq l-ewwel u t-tieni aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

19      Permezz tal-ewwel u t-tieni aggravji tagħhom li għandhom jiġu eżaminati flimkien, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tal-Artikoli 10 u 14 tar-Regolament Nru 773/2004 kif ukoll tad-drittijiet tad-difiża sa fejn il-Qorti Ġenerali tqis, fis-sentenzi appellati, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li nnotifikatilhom dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida u li torganizza seduta fil-preżenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri. Huma jikkunsidraw li, billi ddikjaraw, fl-ittra tagħhom tat-30 ta’ Ġunju 2008, l-intenzjoni li jadottaw din id-deċiżjoni konformement mar-regoli proċedurali previsti bir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, il-Kummissjoni kienet obbligata li tosserva dawn ir-regoli.

20      Fir-rigward tal-assenza ta’ dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida, il-Kummissjoni targumenta li d-deċiżjoni kkontestata, inkluża s-sanzjoni adottata fir-rigward tar-rikorrenti, tikkonforma mal-evalwazzjonijiet legali esposti fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali, li fuqhom ir-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jesprimu ruħhom. Huwa għaldaqstant ġust li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 128 tas-sentenzi appellati tenfasizza li l-Kummissjoni kienet diġà infurmat lill-impriżi konċernati bil-konsegwenzi, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-għażla tal-bażi legali, li hija kellha l-intenzjoni li toħroġ mill-iskadenza tat-Trattat KEFA fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali u li r-rikorrenti kellhom il-possibbiltà li jinvokaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett. Skont il-Kummissjoni, dawn il-kunsiderazzjonijiet huma suffiċjenti, waħedhom, sabiex jiċħdu l-argumenti skont liema l-Qorti Ġenerali kellha tikkritika lill-Kummissjoni talli adottat id-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma bagħtet dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida lill-impriżi.

21      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li r-riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, li ġie wara l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, imsemmi fid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali, u li huwa l-ekwivalenti tiegħu, hija l-konsegwenza tal-annullament tad-deċiżjoni tal-2002. Huwa għaldaqstant ġust li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 133 u 134 tas-sentenzi appellati, li meta wara l-annullament ta’ deċiżjoni, il-Kummissjoni tagħżel li tirranġa l-illegalitajiet ikkonstatati fiha u li tadotta deċiżjoni identika li ma hijiex ivvizzjata b’dawn l-illegalitajiet, din id-deċiżjoni tirrigwarda l-istess ilmenti, li fuqhom l-impriżi diġà esprimew ruħhom, b’tali mod li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tagħti l-possibbiltà lill-impriżi inkwistjoni li jinstemgħu fuq l-għażla tal-bażi legali użata sabiex jiġu imposti l-multi deċiżi fid-deċiżjoni kkontestata.

22      F’dak li jirrigwarda l-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li hija pproteġiet id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti lil hinn mir-rekwiżiti stabbiliti permezz tar-Regolament Nru 773/2004. Huwa għal raġunijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 129 tas-sentenzi appellati, li l-imsemmija ittra kienet, fi kwalunkwe każ, toffri lir-rikorrenti l-possibbiltà li jressqu l-osservazzjonijiet tagħhom.

23      Skont il-Kummissjoni, sa fejn it-tieni aggravju jirrigwarda l-punt ta’ jekk ir-rappreżentanti tal-Istati Membri sa fejn it-tieni aggravju jirrigwarda l-punt ta’ jekk ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ġew jew ma ġewx mistiedna għas-seduti li nżammu, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004, dan l-aggravju huwa inammissibbli billi huwa bbażat fuq konstatazzjoni fattwali.

24      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali kkonfermat ġustament, fil-punti 147 u 148 tas-sentenzi appellati, li hija osservat b’mod sħiħ ir-regoli proċedurali fis-seħħ, peress li l-passi li ħadu kienu konformi mar-regoli li jirregolaw l-istandards proċedurali fiż-żmien. Fil-fatt, l-assenza ta’ rappreżentanti tal-Istati Membri waqt is-seduta tat‑13 ta’ Ġunju 2002, dwar id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, hija spjegata permezz tal-fatt li parteċipazzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma hijiex prevista mir-regoli tat-Trattat KEFA. Bl-istess mod, il-preżenza ta’ dawn ir-rappreżentanti waqt is-seduta tat-30 ta’ Settembru 2002, wara li ntbagħtet id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali, hija konformi mar-regoli proċedurali tat-Trattat KE, li saru applikabbli.

25      Il-Kummissjoni ssostni wkoll, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, hija ma ddikjaratx, fl-ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, li kellha wkoll l-intenzjoni li tapplika r-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004 għall-proċedura segwita qabel l-iskadenza tat-Trattat KEFA, ħaġa li kienet impossibbli. Lanqas ma kienet segwiet proċedura sui generis iżda kienet issegwi l-proċedura applikabbli fil-mument tal-att skont il-prinċipju tas-suċċessjoni tar-regoli proċedurali fiż-żmien.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

26      Fir-rigward tal-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni dwar it-tieni aggravju, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din ma tirrigwardax il-kwistjoni, ta’ natura fattwali, ta’ jekk l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri kinux jew le mistiedna għas-seduti tat-13 ta’ Ġunju u tat-30 ta’ Settembru 2002, iżda fuq il-kwistjoni legali li tikkonsisti f’jekk il-Kummissjoni kisritx l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 773/2004 billi ma organizzatx seduta konformement ma’ din id-dispożizzjoni qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

27      F’dak li jirrigwarda il-mertu tal-ewwel u t-tieni aggravji, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura intiża għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, il-Kummissjoni, fis-26 ta’ Marzu 2002, bagħtet lill-impriżi konċernati, inkluża lir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet, skont l-Artikolu 36 tal-KEFA. Is-seduta dwar dan seħħet fit-13 ta’ Ġunju 2002. Huwa stabbilit li r-rappreżentanti tal-Istati Membri ma kinux ġew mistiedna sabiex jipparteċipaw għal din is-seduta, peress li din il-parteċipazzjoni ma kinitx prevista mir-regoli tat-Trattat KEFA li kien fis-seħħ dak iż-żmien.

28      Wara l-iskadenza ta’ dan it-trattat, il-Kummissjoni, fit-12 ta’ Awwissu 2002, bagħtet lill-imsemmija impriżi d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, li fiha hija spjegat il-pożizzjoni tagħha fid-dawl ta’ din il-bidla fil-kuntest legali u stiednet lil dawn tal-aħħar sabiex jesponu l-fehma tagħhom dwar is-suġġett tal-imsemmija oġġezzjonijiet addizzjonali. Fit-30 ta’ Settembru 2002 inżammet seduta fil-preżenza tar-rappreżentanti tal-Istati Membri, b’applikazzjoni tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 2842/98 tal-Kummissjoni, tat-22 ta’ Diċembru 1998, dwar is-smigħ tal-partijiet f’ċerti proċedimenti taħt l-Artikoli [81 KE] u [82 KE] Trattat KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 4, p. 204).

29      Wara l-annullament tad-deċiżjoni 2002, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ġunju 2008, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti u lill-impriżi kkonċernati l-oħra bl-intenzjoni tagħha li tadotta mill-ġdid din id-deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq ir-Regolament Nru 1/2003 bħala bażi legali, konformement għar-regoli ta’ proċedura previsti mir-regolament.

30      Fid-dawl ta’ dan l-iżvolġiment proċedurali, għandu jiġi eżaminat jekk, kuntrarjament għal dak li kkonkludiet il-Qorti Ġenerali, b’mod partikolari, fil-punti 142 u 152 tas-sentenzi appellati, il-Kummissjoni kisret l-Artikoli 10 u 14 tar-Regolament Nru 773/2004 billi ma bagħtitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet ġdida lir-rikorrenti u billi ma organizzatx seduta fil-preżenza tal-awtoritajiet ta’ kompetizzjoni tal-Istati Membri qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

31      Hija ġurisprudenza stabbilita li r-regoli ta’ proċedura għandhom ġeneralment jiġu applikati fid-data li fiha huma jidħlu fis-seħħ (is-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2011, ArcelorMittal Luxembourg vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs ArcelorMittal Luxembourg et, C-201/09 P u C-216/09 P, EU:C:2011:190, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata; ThyssenKrupp Nirostavs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, EU:C:2011:191, punt 88, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-610/10, EU:C:2012:781, punt 45), anki fi proċedura li nbdiet qabel dik id-data, iżda li għadha pendenti wara dik id-data (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2012, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punt 47).

32      F’dan il-każ, id-deċiżjoni kkontestata li ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 7(1) u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, peress li l-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni għandha titwettaq konformement ma’ dan ir-regolament kif ukoll mar-Regolament Nru 773/2004 li r-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi l-bażi legali tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, EU:C:2011:191, punt 90), minkejja l-fatt li din il-proċedura kienet inbdiet qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003.

33      L-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament Nru 773/2004, moqri fid-dawl tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Nru 1/2003 li huwa jimplementa, jipprevedi li, qabel ma tiġi adottata deċiżjoni skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 ta’ dan l-aħħar regolament, il-Kummissjoni tinnotifika lill-partijiet ikkonċernati bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet billi tagħtihom il-possibbiltà li jinformawha bil-fehma tagħhom f’terminu li hija tiffissa.

34      Madankollu, kif essenzjalment irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 125 u 126 tas-sentenzi appellati, li, f’dan il-każ, il-Kummissjoni diġà nnotifikat lir-rikorrenti bid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet u bid-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali u li ma huwiex ikkontestat li d-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda biss l-aġir li fuqu r-rikorrenti spjegaw ruħhom fuqu b’risposta għal dawn id-dikjarazzjonijiet. Barra minn hekk, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma teżistix differenza kbira, f’dak li jirrigwarda l-kontenut, bejn dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata taħt is-sistema tat-Trattat KEFA au dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet adottata konformement mar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003. In-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida ma hijiex għaldaqstant imposta.

35      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali rreferiet, ġustament, għall-punt 73 tas-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582), li fiha jitfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura għas-sostituzzjoni tal-miżura annullata tista’, fil-prinċipju, tissokta fil-punt stess li fih seħħet l-illegalità.

36      Fil-fatt, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 141 tas-sentenza appellata, id-deċiżjoni tal-2002 ġiet annullata għal nuqqas ta’ kompetenza min-naħa tal-Kummissjoni li tadottaha fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat tal-KEFA, li ma kienx għadu fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni ta’ dik id-deċiżjoni, b’tali mod li kienet preċiżament f’dik id-data li seħħet dik l-illegalità. Konsegwentement, dan l-annullament ma jaffettwax id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u lanqas id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali.

37      Kuntrarjament għal dak li jargumentaw ir-rikorrenti, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 ta’ din is-sentenza ma ssirx inapplikabbli f’dan il-każ minħabba l-bidla tal-bażi legali li fuqha ġew adottati l-multi, sa fejn il-konsegwenzi ta’ din il-bidla tal-bażi legali kienu diġà ġew antiċipati fl-atti preparatorji. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 22 u 128 tas-sentenzi appellati, il-Kummissjoni kienet infurmat lir-rikorrenti, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 17, bil-konsegwenzi li hija kellha l-intenzjoni li tasal għalihom mal-iskadenza tat-Trattat KEFA u r-rikorrenti kellhom l-possibbiltà li jsostnu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar dan is-suġġett.

38      Barra dan, ma huwiex ikkontestat li dawn il-konsegwenzi ma ssubixxew ebda bidla minħabba t-tħassir tar-Regolament Nru 17 u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1/2003, ċerti dispożizzjonijiet jikkostitwixxu l-bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. Fi kwalunkwe każ, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-Artikolu 34(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 773/2004 jipprevedu, bħala dispożizzjonijiet tranżitorji, li l-atti u l-miżuri ta’ proċedura miksuba b’applikazzjoni, rispettivament, tar-Regolament Nru 17 u tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2842/98, jippreżervaw l-effetti tagħhom għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel regolamenti.

39      Huwa wkoll neċessarju li jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti skont liema l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 minħabba l-bażi legali li fuqha hija bbażata timplika li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet addizzjonali adottat approċċ żbaljat f’dan ir-rigward. Huwa suffiċjenti li jitfakkar, fil-fatt, li d-deċiżjoni tal-2002 kienet ibbażata biss fuq l-Artikolu 65(4) u (5) tal-KEFA, filwaqt li l-imsemmija dikjarazzjoni kienet ibbażata fuq ir-Regolament Nru 17.

40      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 141 u 142 tas-sentenzi appellati, li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tadotta dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.

41      Madankollu, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 773/2004, il-Kummissjoni għandha tagħti lill-partijiet li nnotifikatilhom dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom f’seduta, jekk huma jitolbu dan fis-sottomissjonijiet miktuba tagħhom. Għalhekk, sa fejn, kif jirriżulta mill-punt 36 ta’ din is-sentenza, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali ma humiex affettwati mill-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni tatx lill-imsemmija partijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom matul is-seduta mmexxija konformement mar-rekwiżiti proċedurali tar-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, b’mod partikolari dawk imsemmija fl-Artikolu 14 ta’ dan l-aħħar regolament, kif inhi obbligata li tagħmel.

42      Madankollu, fir-rigward tas-seduti li seħħew matul is-sena 2002, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma attendewx għal dik tat-13 ta’ Ġunju 2002, peress li tali attendenza ma kinitx prevista mit-Trattat KEFA li kien fis-seħħ dak iż-żmien, kienet tirrigwarda l-mertu tal-kawża, jiġifieri tirrigwarda l-aġir li l-Kummissjoni qed tilmenta dwaru mal-impriżi destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Dan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-punti 379 sa 382 tad-deċiżjoni kkontestata u huwa kkonfermat fil-punt 148 tas-sentenzi appellati.

43      Min-naħa l-oħra, is-seduta tat-30 ta’ Settembru 2002, li għaliha kienu ġew mistiedna r-rappreżentanti tal-Istati Membri konformement mar-regoli tat-Trattat KE issa applikabbli, b’mod partikolari konformement mal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 2842/98, li jirrigwarda d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali, jiġifieri l-konsegwenzi legali tal-iskadenza tat-Trattat KEFA għall-prosegwiment tal-proċedura. Dan jirriżulta, minn naħa, minn din id-dikjarazzjoni li stiednet espressament id-destinatarji tagħha sabiex jinformawha bil-fehma tagħhom dwar is-suġġett tal-imsemmija oġġezzjonijiet addizzjonali. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni indikat, fil-punt 382 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma qisitx neċessarju li tirrepeti s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2002, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nri 17 u 1/2003, peress li din is-seduta, li għaliha ma attendewx ir-rappreżentanti tal-Istati Membri, ġiet miżmuma konformement mar-regoli tat-Trattat KEFA applikabbli f’din id-data. Barra dan, matul is-seduta komuni tal-Kawżi C-85/15 P sa C-89/15 P, il-Kummissjoni kkonfermat, b’risposta għal domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali ma kinitx tirrigwarda l-fatti jew il-provi li kienu s-suġġett tal-proċedura.

44      Minn dan jirriżulta li f’din il-proċedura, ir-rappreżentanti tal-Istati Membri ma attendewx għal seduta li tirrigwarda l-mertu tal-kawża, iżda attendew biss għal dak li dwar il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-iskadenza tat-Trattat KEFA.

45      Madankollu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, meta tiġi adottata deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003, il-proċedura li twassal għal din id-deċiżjoni għandha tkun konformi mar-regoli ta’ proċedura previsti minn dan ir-regolament, anki jekk din il-proċedura bdiet qabel id-dħul fis-seħħ tiegħu.

46      Minn dan isegwi, li qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet obbligata, b’applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 14 tar-Regolament Nru 773/2004, li tagħti lill-partijiet l-opportunità li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom matul seduta li għaliha ġew mistiedna l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-istati Membri. Għalhekk, ma jistax jiġi kkunsidrat li s-seduta tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mertu tal-kawża, issodisfat ir-rekwiżiti proċedurali dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni abbażi tar-Regolament Nru 1/2003.

47      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punti 147 u 148 tas-sentenzi appellati, li l-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li żżomm seduta ġdida, konformement mal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru. 773/2004, minħabba li s-seduta dwar il-mertu, tat-13 ta’ Ġunju 2002, li għaliha l-Istati Membri ma pparteċipawx, tmexxiet konformement mar-regoli tat-Trattat KEFA fis-seħħ dak iż-żmien, fl-osservanza tal-prinċipji li jirregolaw l-applikazzjoni tal-liġi fiż-żmien.

48      Inkunsiderazzjoni, kif enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 56 u 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, tal-importanza, fil-kuntest tal-proċedura prevista mir-Regolamenti Nri 1/2003 u 773/2004, taż-żamma, fuq talba tal-partijiet ikkonċernati, ta’ seduta li għaliha, konformement mal-Artikolu 14(3) tat-tieni regolament, l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri huma mistiedna, l-ommissjoni ta’ din is-seduta tikkostitwixxi ksur tal-forom proċedurali sostanzjali.

49      Sa fejn id-dritt għal tali seduta, previst mir-Regolament Nru°773/2004, ma huwiex irrispettat, ma huwiex neċessarju għall-impriża li d-drittijiet tagħha ġew b’hekk miksura li turi li dan il-ksur seta’ influwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

50      Għaldaqstant, l-imsemmija proċedura hija neċessarjament ivvizzjata, indipendentement mill-konsegwenzi eventwalment dannużi għar-rikorrenti li jistgħu jirriżultaw minn dak il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Il-Kummissjoni vs Éditions Odile Jacob, C-553/10 P u C-554/10 P, EU:C:2012:682, punti 46 sa 52, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2016, CEPSA vs Il-Kummissjoni, C-608/13 P, EU:C:2016:414, punt 36).

51      Minn dak li ntqal jirriżulta li għandu jintlaqgħu l-ewwel u t-tieni aggravji mqajma mir-rikorrenti u, għaldaqstant, li jiġu annullati s-sentenzi appellati, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati t-tielet u l-ħames sas-seba’ aggravji tal-appell.

 Fuq ir-raba’ aggravju

 L-argumenti tal-partijiet

52      Permezz tar-raba’ aggravju, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali kisret l-Artikolu 47(2) tal-Karta, sa fejn it-tul tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali kienet erba’ snin u għaxar xhur, li minnu l-perijodu bejn it-tmiem tal-fażi miktuba u d-dikjarazzjoni tal-ftuħ tal-fażi orali kopra tliet snin.

53      Fir-rigward tal-kumplessità tal-kawżi, ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Qorti Ġenerali billi kien diġà sar jaf bihom fl-appelli mressqa kontra d-deċiżjoni tal-2002, li l-erba’ aggravji mqajma dak iż-żmien ma kinux jippreżentaw xi diffikultajiet partikolari, peress li tnejn minnhom huma ta’ natura proċedurali, li l-aggravju dwar l-eċċess ta’ poter għat-teħid tar-Regolament Nru 1/2003 bħala bażi legali diġà ġiet eżaminata mill-Qorti Ġenerali u kkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li disa’ rikorsi kienu ġew ippreżentati kontra d-deċiżjoni kkontestata u kollha kienu fl-istess lingwa tal-kawża.

54      Fir-rigward tal-aġir tal-partijiet, ma ntalbet ebda proroga minnhom matul il-kawża. Barra minn dan, il-Qorti Ġenerali ma adottatx ebda miżura organizzattiva. Anki jekk matul l-istanza ġew issostitwiti żewġ imħallfin, l-Imħallef relatur baqa’ l-istess.

55      Konsegwentement, ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tannulla s-sentenzi appellati billi tikkundannahom għall-ħlas ta’ multa jew, sussidjarjament, li tnaqqas l-ammont ta’ din il-multa. Peress li tali talba ġiet miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C‑40/12 P, EU:C:2013:768), huma jsostnu li, f’dan il-każ, l-eżitu jista’ jkun differenti kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tilqa’ aggravji oħra differenti minn dan l-aggravju. Ir-rikorrenti jitolbu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta u li dan huwa ksur li huwa suffiċjentement serju ta’ regola legali li għandha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

56      Il-Kummissjoni ssostni li dan l-aggravju huwa inammissibbli billi jikkontradixxi dak li r-rikorrenti affermaw quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri, kif jirriżulta mill-punt 362 tas-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T-92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032) kif ukoll mill-punt 345 tas-sentenza Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T-85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037), li huma jikkunsidraw bħala eċċessiv biss it-tul tal-proċedura quddiem il-Kummissjoni, iżid mhux dik quddiem il-Qorti Ġenerali.

57      Fuq il-mertu, il-Kummissjoni titlob sabiex il-motiv imsemmi jiġi miċħud.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

58      L-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni għandha tiġi miċħuda. Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tikkonstata, f’dak li jirrigwarda qbiż, mill-Qorti Ġenerali, tat-terminu raġonevoli sabiex tiddeċiedi, l-appellanti li tikkunsidra li din is-sitwazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tippreġudika l-interessi tagħha ma hijiex meħtieġa tinvoka immedjatament dan il-preġudizzju. Jekk ikun il-każ, hija tista’ tistenna li tintemm il-proċedura sabiex tkun taf it-tul totali ta’ din il-proċedura u sabiex b’hekk ikollha l-elementi neċessarji kollha sabiex tidentifika l-preġudizzju li tikkunsidra li ġarrbet (is-sentenza tas-26 ta’ Novembru 2013, Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni, C-40/12 P, EU:C:2013:768, punt 78). Minn dan isegwi li d-dikjarazzjonijiet imsemmija mir-rikorrenti matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali dwar it-tul tagħha ma jostakolawhiex milli ssostni n-natura rraġonevoli ta’ dan it-tul tal-imsemmija proċedura.

59      Fir-rigward tat-talba tar-rikorrenti intiża jew għall-annullament tas-sentenzi appellati, jew għal tnaqqis tal-ammont tal-multa minħabba t-tul allegatament eċċessiv tal-istess proċedura, jew inkella sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddikjara ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li ksur, minn qorti tal-Unjoni, tal-obbligu tagħha, li jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, li tiddeċiedi l-kawżi mressqa quddiemha f’terminu raġonevoli, għandu jiġi ssanzjonat permezz ta’ rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali peress li tali rikors jikkostitwixxi rimedju effettiv. Għalhekk, talba intiża sabiex jinkiseb kumpens għad-danni kkawżati min-nuqqas ta’ osservanza, mill-Qorti Ġenerali, ta’ terminu raġonevoli għall-għoti ta’ deċiżjoni ma tistax titressaq direttament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell, iżda għandha titressaq quddiem il-Qorti Ġenerali stess. Din ikollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 256(1) TFUE, u li tkun adita b’talba għall-kumpens, hija obbligata li tagħti deċiżjoni fuq tali talba f’kompożizzjoni differenti minn dik li biha tkun ħadet konjizzjoni tal-kawża li tat lok għal proċedura li t-tul tagħha jkun ikkritikat (is-sentenza tal-9 ta’ Ġunju 2016, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, C-617/13 P, EU:C:2016:416, punti 98 u 99 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60      Konsegwentement, ir-raba’ aggravju tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali

61      Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. Hija b’hekk tista’ tiddeċiedi hija stess definittivament il-kawża meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

62      F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament ir-rikorsi intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentati mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali.

63      F’dan ir-rigward, huwa suffiċjenti li jiġi osservat li, għar-raġunijiet stabbiliti fil-punti 27 sa 50 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata f’dak li jirrigwarda lir-rikorrenti, għal ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali.

 Fuq l-ispejjeż

64      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

65      L-Artikolu 138(1) ta’ dawn Regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess Regoli, jipprovdi li l-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti rebħu fil-kuntest tal-appelli u peress li r-rikorsi quddiem il-Qorti Ġenerali ntlaqgħu, hemm lok, konformement mat-talbiet tar-rikorrenti, li tikkundanna lill-Kummissjoni tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kemm fl-ewwel istanza kif ukoll fil-kuntest tal-appelli.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-9 ta’ Diċembru 2014, Ferriera Valsabbia u Valsabbia Investimenti vs Il-Kummissjoni (T‑92/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1032), kif ukoll tad-9 ta’ Diċembru 2014,Alfa Acciai vs Il-Kummissjoni (T‑85/10, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1037), huma annullati.

2)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C (2009) 7492 finali, tat-30 ta’ Settembru 2009, dwar ksur tal-Artikolu 65 KEFA (Każ COMP/37.956 – Vireg tal-ħadid li jsaħħu l-konkrit – adozzjoni mill-ġdid), fil-verżjoni tagħha emendata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9912 finali, tat-8 ta’ Diċembru 2009, hija annullata f’dak li jirrigwarda Ferriera Valsabbia SpA, Valsabbia Investimenti SpA u Alfa Acciai SpA.

3)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata tħallas, minbarra l-ispejjeż tagħha, l-ispejjeż ta’ Ferriera Valsabbia SpA, de Valsabbia Investimenti SpA kif ukoll ta’ Alfa Acciai SpA, inkorsi kemm għall-proċedura fl-ewwel istanza kif ukoll għal dawn l-appelli.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.