Language of document : ECLI:EU:C:2022:559

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

14 ta’ Lulju 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikoli 49 u 56 TFUE – Sitwazzjoni purament interna – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 2006/123/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 2(2)(j) – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Direttiva 2014/24/UE – Kunċett ta’ ‘kuntratt pubbliku’ – Artikoli 74 sa 77 – Provvista ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni – Ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali – Esklużjoni tal-operaturi bi skop ta’ lukru – Post ta’ stabbiliment tal-entità bħala kriterju ta’ għażla”

Fil-Kawża C‑436/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 FUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Settembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Settembru 2020, fil-proċedura

Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE)

vs

Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos (Relatur), President tal-Awla, S. Rodin, J.‑C. Bonichot, L. S. Rossi u O. Spinean‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: L. Medina,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għall-Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE), minn A. Martínez Gradoli, procuradora, u Y. Puiggròs Jiménez de Anta, abogada,

–        għall-Consejería de Igualdad y Políticas Inclusivas, minn I. Sánchez Lázaro, abogada,

–        għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, S. Jiménez García u J. Rodríguez de la Rúa Puig, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. L. Vitale, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K. Bulterman, M. H. S. Gijzen u M. J. Langer, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Armati, M. Jáuregui Gómez, M. P. Ondrůšek, E. Sanfrutos Cano u M. G. Wils, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Norveġiż, minn J. T. Kaasin u M. H. Røstum, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukata Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tat-3 ta’ Frar 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, tal-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE ((ĠU 2014, L 94, p. 65, rettifika fil-ĠU 2015, L 275, p. 68), moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness XIV tagħha, kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat mill-Asociación Estatal de Entidades de Servicios de Atención a Domicilio (ASADE) (l-Assoċjazzjoni Statali ta’ Fornituri ta’ Kura fid-Dar) fir-rigward tal-legalità tad-Decreto 181/2017 del Consell, por el que se desarrolla la acción concertada para la prestación de servicios sociales en el ámbito de la Comunitat Valenciana por entidades de iniciativa social (id-Digriet 181/2017 tal-Kunsill tal-Komunità ta’ Valencia li jimplimenta l-azzjoni kuntrattwali għall-provvista ta’ servizzi soċjali minn entitajiet ta’ inizjattiva soċjali fit-territorju tal-Komunità ta’ Valencia), tas-17 ta’ Novembru 2017 (iktar ’il quddiem id-“Digriet°181/2017”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Protokoll Nru 26

3        L-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) Dwar is-Servizzi ta’ Interess Ġenerali, anness mat-Trattat FUE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Nru°26”) jipprovdi:

“Il-valuri komuni ta’ l-Unjoni fir-rigward tas-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali fit-tifsira ta’ l-Artikolu 14 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea jinkludu b’mod partikolari:

–        ir-rwol essenzjali u d-diskrezzjoni wiesgħa ta’ l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jipprovdi, jikkummisjonaw u jorganizzaw is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali li jkunu qrib kemm jista’ jkun tal-ħtiġijiet ta’ l-utenti;

–        id-diversità bejn is-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali u d-differenzi fil-ħtiġijiet u l-preferenzi ta’ l-utenti li jistgħu jirriżultaw minn sitwazzjonijiet ġeografiċi, soċjali jew kulturali differenti;

–        livell għoli f’termini ta’ kwalità, sigurtà u affordability, it-trattament indaqs u l-promozzjoni ta’ aċċess universali u tad-drittijiet ta’ l-utenti.”

 Id-Direttiva 2014/24

4        Il-premessi 4, 6 u 114 tad-Direttiva 2014/24 jistipulaw:

“(4)      […] [I]s-sitwazzjonijiet fejn l-operaturi kollha li jissodisfaw ċerti kondizzjonijiet huma intitolati jwettqu kompitu speċifiku, mingħajr ebda selettività, bħall-għażla tal-konsumatur u sistemi ta’ skemi ta’ kupuni, ma għandhomx jitqiesu bħala akkwist iżda sempliċement skemi ta’ awtorizzazzjoni (pereżempju liċenzji għal mediċini jew servizzi mediċi).

[…]

(6)      Huwa wkoll xieraq li jiġi mfakkar li din id-Direttiva m’għandhiex taffettwa l-leġislazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri. Lanqas m’għandha tittratta l-liberalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali, riservat għall-entitajiet pubbliċi jew privati, u lanqas m’għandha tittratta l-privatizzazzjoni tal-entitajiet pubbliċi li jipprovdu s-servizzi.

Għandu jiġi mfakkar bl-istess mod li l-Istati Membri huma liberi li jorganizzaw il-forniment ta’ servizzi soċjali obbligatorji jew ta’ servizzi oħra bħal servizzi postali jew bħala servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali jew bħala servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali jew taħlita tagħhom. Huwa adatt li jiġi ċċarat li servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali ma għandhomx jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

[…]

(114) Ċerti kategoriji ta’ servizzi jibqgħu min-natura tagħhom ikollhom dimensjoni transkonfinali limitata, jiġifieri dawk is-servizzi li huma magħrufa bħala servizzi lill-persuna, bħal ċerti servizzi soċjali, tas-saħħa u edukattivi. Dawk is-servizzi jingħataw f’kuntest partikolari li jvarja ħafna fost l-Istati Membri, minħabba tradizzjonijiet kulturali differenti. Għaldaqstant, għandu jiġi stabbilit reġim speċifiku għall-kuntratti pubbliċi għal dawk is-servizzi, b’limitu ogħla minn dak li japplika għal servizzi oħra.

Servizzi lill-persuna b’valuri inqas minn dak il-limitu stabbilit tipikament mhux ser ikunu ta’ interess għall-fornituri minn Stati Membri oħra, sakemm ma jkunx hemm indikazzjonijiet konkreti għall-kuntrarju, bħall-finanzjament tal-Unjoni għal proġetti transkonfinali.

Il-kuntratti għal servizzi lill-persuna li jaqbżu dak il-limitu għandhom ikunu soġġetti għal trasparenza fl-Unjoni kollha. Fid-dawl tal-importanza tal-kuntest kulturali u s-sensittività ta’ dawn is-servizzi, l-Istati Membri għandhom jingħataw diskrezzjoni wiesgħa sabiex jorganizzaw l-għażla tal-fornituri ta’ servizzi bil-mod li jidhrilhom li jkun l-iżjed xieraq. Ir-regoli ta’ din id-Direttiva jqisu dak l-imperattiv, billi jimponu biss l-osservanza ta’ prinċipji bażiċi ta’ trasparenza u trattament ugwali u billi jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu japplikaw kriterji ta’ kwalità speċifiċi għall-għażla tal-fornituri tas-servizz, bħall-kriterji stipulati fil-Qafas Ewropew volontarju għall-Kwalità għas-Servizzi Soċjali, ippubblikat mill-Kumitat tal-Protezzjoni. Meta jiddeterminaw il-proċeduri li għandhom jintużaw għall-għoti ta’ kuntratti għal servizzi lill-persuna, l-Istati Membri għandhom iqisu l-Artikolu 14 TFUE u mill-Protokoll Nru 26. B’hekk, l-Istati Membri għandhom ifittxu wkoll li jilħqu l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u tħaffif tal-piż amministrattiv fuq l-awtoritajiet kontraenti u l-operaturi ekonomiċi; għandu jiġi ċċarat li meta jagħmlu hekk jista’ jfisser ukoll id-dipendenza fuq ir-regoli applikabbli għal kuntratti ta’ servizzi li mhux soġġetti għar-reġim speċifiku.

L-Istati Membri u l-awtoritajiet pubbliċi jibqgħu liberi li jipprovdu dawk is-servizzi huma stess jew li jorganizzaw is-servizzi soċjali b’mod li ma jġibx miegħu l-konklużjoni ta’ kuntratti pubbliċi, pereżempju permezz tal-finanzjament sempliċi ta’ servizzi bħal dawn jew bl-għoti ta’ liċenzji jew awtorizzazzjonijiet lill-operaturi ekonomiċi kollha li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti minn qabel mill-awtorità kontraenti, mingħajr l-ebda limitu jew kwota, sakemm tali sistema tassigura riklamar suffiċjenti u tikkonforma mal-prinċipji ta’ trasparenza u nondiskriminazzjoni”.

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dwar il-proċeduri għall-akkwist [għoti] mill-awtoritajiet kontraenti fir-rigward tal-kuntratti pubbliċi kif ukoll tal-kompetizzjonijiet ta’ disinn, li l-valur tagħhom huwa stmat li mhuwiex inqas mil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 4. […]

[…]

5.      La Din id-Direttiva ma taffettwax il-mod kif l-Istati Membri jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom.

[…]”.

6        L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

5.      ‘kuntratti pubbliċi’ tfisser kuntratti b’titolu oneruż konklużi bil-miktub bejn operatur ekonomiku wieħed jew aktar u awtorità kontraenti waħda jew aktar u li għandhom bħala s-suġġett tagħhom l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi;

[…]

9.      ‘kuntratti pubbliċi ta’ [għal] servizzi’ tfisser kuntratti pubbliċi li għandhom bħala għan il-forniment ta’ servizzi għajr dawk imsemmija fil-punt 8 [6] […];

10.      ‘operatur ekonomiku’ tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ persuni u/jew entitajiet bħal dawn, inkluża kwalunkwe assoċjazzjoni temporanja ta’ impriżi, li joffru l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-forniment ta’ prodotti jew il-forniment ta’ servizzi fis-suq;

[…]”.

7        Skont kliem l-Artikolu 10 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Esklużjonijiet speċifiċi għal kuntratti ta’ [għal] servizzi”:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi ta’ [għal] servizzi għal:

[…]

h)      id-difiża ċivili, il-protezzjoni ċivili, u s-servizzi ta’ prevenzjoni tal-perikoli li huma pprovduti minn organizzazzjonijiet jew assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ u li huma koperti mill-kodiċi CPV segwenti: 75250000-3, 75251000-0, 75251100-1, 75251110-4, 75251120-7, 75252000-7, 75222000-8, 98113100-9 u 85143000-3 ħlief is-servizzi tat-trasport tal-pazjenti bl-ambulanzi;

[…]”

8        It-Titolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Reġimi Partikolari ta’ Akkwisti [Sistemi Speċjali ta’ għoti ta’ kuntratti]”, jinkludi, b’mod partikolari, il-Kapitolu I, dwar is-“[s]ervizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn”, li jinkludi l-Artikoli 74 sa 77 tal-imsemmija direttiva.

9        L-Artikolu 74 tad-Direttiva 2014/24 jistipula:

“Kuntratti [pubbliċi] għal servizzi soċjali u servizzi speċifiċi oħrajn elenkati fl-Anness XIV għandhom jingħataw skont dan il-Kapitolu, fejn il-valur tal-kuntratti jkun daqs jew akbar mil-limitu indikat fil-punt (d) tal-Artikolu 4.”

10      L-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Awtoritajiet kontraenti li beħsiebhom jagħtu kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 74 jridu jħabbru l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ kwalunkwe waħda minn dawn il-modi:

a)      permezz ta’ notifika kuntrattwali [avviż ta’ kuntratt], li għandu jkun fiha l-informazzjoni msemmija fl-Anness V Parti H, f’konformità mal-formoli standard imsemmija fl-Artikolu 51; jew

b)      permezz ta’ notifika ta’ informazzjoni minn qabel, li għandha tiġi ppubblikata kontinwament u li jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness V Parti I. In-notifika ta’ informazzjoni minn qabel għandha tirreferi b’mod speċifiku għat-tipi ta’ servizzi li ser ikunu s-suġġett tal-kuntratti li għandhom jingħataw. Hija għandha tindika li l-kuntratti ser jingħataw mingħajr aktar pubblikazzjoni u tistieden lill-operaturi ekonomiċi interessati biex jesprimu l-interess tagħhom bil-miktub.

L-ewwel subparagrafu, madankollu, ma għandux japplika fejn proċedura negozjata mingħajr pubblikazzjoni minn qabel setgħet intużat f’konformità mal-Artikolu 32 għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku ta’ [għal] servizz.

2.      Awtoritajiet kontraenti li taw kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Artikolu 74 għandhom iħabbru r-riżultati tal-proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] permezz ta’ avviż dwar għoti ta’ kuntratt, li għandu jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Anness V Parti J, f’konformità mal-formoli standard imsemmija fl-Artikolu 51. Madanakollu jistgħu jiġbru dawn l-avviżi fi gruppi fuq bażi trimestrali. F’dak il-każ, huma għandhom jibagħtu l-avviżi miġbura fi żmien 30 jum mit-tmiem ta’ kull trimestru.

3.      Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-formoli standard imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 89(2).

4.      L-avviżi msemmijin f’dan l-Artikolu għandhom jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 51.”

11      L-Artikolu 76 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jimplimentaw regoli nazzjonali għall-għoti ta’ kuntratti soġġetti għal dan il-Kapitolu biex jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jikkonformaw mal-prinċipji ta’ trasparenza u trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi. L-Istati Membri huma liberi li jiddeterminaw ir-regoli proċedurali applikabbli sakemm it-tali regoli jippermettu lill-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ispeċifiċitajiet tas-servizzi inkwistjoni.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu kont tal-ħtieġa li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività tas-servizzi, il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kategoriji differenti ta’ utenti, inklużi l-gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, l-involviment u s-setgħa tal-utenti u l-innovazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu wkoll li l-għażla tal-fornitur tas-servizzi għandha ssir abbażi tal-offerta li toffri l-aqwa bilanċ bejn prezz u kwalità, b’teħid fil-kont tal-kwalità u l-kriterji tas-sostenibbiltà għas-servizzi soċjali.”

12      Skont kliem l-Artikolu 77 tal-istess direttiva:

“1.      L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jirriżervaw id-dritt li organizzazzjoni tipparteċipa fi proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi esklussivament għal dawk is-servizzi ta’ saħħa, dawk soċjali u dawk kulturali kif imsemmijin fl-Artikolu 74, li huma koperti mill-kodiċi CPV 75121000-0, 75122000-7, 75123000-4„ 79622000-0, 79624000-4, 79625000-1, 80110000-8, 80300000-7, 80420000-4, 80430000-7, 80511000-9, 80520000-5, 80590000-6, minn 85000000-9 sa 85323000-9, 92500000-6, 92600000-7, 98133000-4, 98133110-8.

2.      L-organizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

a)      l-objettiv tagħha huwa t-twettiq ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku marbuta mat-twassil tas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 1;

b)      il-profitti jerġgħu jiġu investiti bil-għan li jinkiseb l-objettiv tal-organizzazzjoni. Fejn il-profitti jkunu mqassma jew jerġgħu jitqassmu, dan għandu jkun ibbażat fuq konsiderazzjonijiet parteċipattivi;

c)      l-istrutturi tal-ġestjoni jew tas-sjieda tal-organizzazzjoni li qed twettaq il-kuntratt għandhom huma bbażati fuq sjieda mill-impjegati jew prinċipji parteċipattivi, jew jeħtieġu l-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati, l-utenti jew il-partijiet interessati; u

d)      l-organizzazzjoni ma tkunx ingħatat kuntratt għas-servizzi konċernati mill-awtorità kontraenti konċernata skont dan l-Artikolu fl-aħħar tliet snin.

3.      It-tul massimu tal-kuntratt ma għandux ikun aktar minn tliet snin.

4.      Is-sejħa għal kompetizzjoni għandha tagħmel referenza għal dan l-Artikolu.

5.      Minkejja l-Artikolu 92, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-effetti ta’ dan l-Artikolu u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-18 ta’ April 2019.”

 Id-Direttiva 2006/123

13      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2006/123 tistipula:

“Din id-Direttiva ma għandhiex tkopri dawk is-servizzi soċjali fil-qasam tad-djar, tal-kura tat-tfal u appoġġ għal familji u persuni fil-bżonn li huma pprovduti mill-Istat f’livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, minn fornituri b’mandat mill-Istat, jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat, bl-għan li jkun żgurat l-appoġġ għal dawk li huma fi stat partikolari ta’ bżonn permanenti jew temporanju minħabba d-dħul insuffiċjenti fil-familja, jew in-nuqqas totali jew parzjali ta’ indipendenza u għal dawk bir-riskju li jiġu emarġinati. Dawn is-servizzi huma essenzjali biex jiggarantixxu d-drittijiet fundamentali lid-dinjità umana u lill-integrità u huma manifestazzjoni tal-prinċipji tal-koeżjoni soċjali u solidarjetà u m’għandhomx jiġu affettwati b’din id-Direttiva.”

14      L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għal servizzi pprovduti mill-fornituri stabbiliti fi Stat Membru.

2.      Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal dawn l-attivitajiet:

a)      servizzi mhux ekonomiċi ta’ interess ġenerali;

[…]

f)      servizzi tal-kura tas-saħħa, kemm jekk huma pprovduti permezz ta’ faċilitajiet tal-kura tas-saħħa kif ukoll jekk le, u jkunu x’ikunu l-mezzi li permezz tagħhom huma organizzati jew iffinanzjati fuq livell nazzjonali u jekk humiex pubbliċi jew privati;

[…]

i)      attivitajiet li huma konnessi ma’ l-eżerċizzju ta’ l-awtorità uffiċjali kif stipulat fl-Artikolu 45 tat-Trattat;

j)      servizzi soċjali li għandhom x’jaqsmu ma’ djar b’għan [akkomodazzjoni] soċjali, kura tat-tfal u appoġġ ta’ familji u persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, minn fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat;

[…]”

 Id-dritt Spanjol

 Il-Liġi Organika 5/1982

15      Abbażi tal-punt 24 tal-Artikolu 49(1) tal-Ley Orgánica 5/1982, de Estatuto de Autonomía de la Comunidad Valenciana (il-Liġi Organika 5/1982 dwar l-Istatus ta’ Awtonomija tal-Komunità ta’ Valencia), tal-1 ta’ Lulju 1982 (BOE Nru 164, tal-10 ta’ Lulju 1982), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali, il-Komunità ta’ Valencia għandha kompetenza esklużiva fil-qasam ta’ servizzi soċjali u ta’ istituzzjonijiet pubbliċi ta’ protezzjoni u ta’ għajnuna għall-minuri, għaż-żagħżagħ, għall-emigranti, għall-persuni tat-tielet età, għall-persuni b’diżabbiltà u għal gruppi oħra jew setturi li jeħtieġu protezzjoni soċjali.

 Il-Liġi 5/1997

16      Il-kompetenzi mogħtija lill-Komunità ta’ Valencia konformament mal-Liġi Organika 5/1982 ġew implimentati permezz tal-Ley 5/1997 de la Generalitat Valenciana por la cual se regula el Sistema de Servicios Sociales en el ambito de la Comunidad Valenciana  (il-Liġi 5/1997 tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia li tirregola s-sistema tas-servizzi soċjali fit-territorju tal-Komunità ta’ Valencia), tas-26 ta’ Ġunju 1997 (BOE Nru 192, tat‑12 ta’ Awwissu 1997, p. 24405).

17      Din il-liġi ġiet emendata bil-Ley 13/2016, de medidas fiscales, de gestión administrativa y financiera, y de organización de la Generalitat (il-Liġi Nru 13/2016 tal-Komunità ta’ Valencia dwar il-Miżuri Fiskali, il-Ġestjoni Amministrattiva u Finanzjarja u l-Organizzazzjoni tal-Komunità ta’ Valencia), tad‑29 ta’ Diċembru 2016 (BOE, Nru 34, tad‑9 ta’ Frar 2017, p. 8694), qabel ma ġiet imħassra bil-Ley 3/2019 de servicios sociales inclusivos de la Comunitat Valenciana (il-Liġi tal-Komunità ta’ Valencia 3/2019, dwar is-Servizzi Soċjali Inklużivi tal-Komunità ta’ Valencia), tat‑18 ta’ Frar 2019 (BOE Nru 61, tat‑12 ta’ Marzu 2019, p. 23249) (iktar ’il quddiem il-“Liġi 3/2019”).

18      L-Artikolu 44 bis tal-Liġi 5/1997, kif emendata bil-Liġi 13/2016 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 5/1997”), intitolat “Metodi ta’ provvista tas-servizzi tas-sistema pubblika tas-servizzi soċjali”, jistipula:

“1.      L-amministrazzjonijiet pubbliċi li jifformaw parti mis-sistema pubblika tas-servizzi soċjali għandhom jipprovdu lill-persuni s-servizzi previsti mil-liġi jew mill-katalogu ta’ servizzi soċjali, skond il-modi li ġejjin:

a)      Il-ġestjoni diretta jew l-użu ta’ mezzi xierqa, li jikkostitwixxu l-mod ta’ provvista preferenzjali.

b)      Il-ġestjoni indiretta konformament ma’ waħda mill-formoli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kuntratti fis-settur pubbliku.

c)      Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali konklużi ma entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali.

2.      Il-provvista ta’ servizzi soċjali minn ċentri jew dipartimenti ta’ amministrazzjoni oħra li ma hijiex l-amministrazzjoni kompetenti titwettaq taħt kwalunkwe forma ta’ kollaborazzjoni u ta’ kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi prevista mil-liġi”.

19      L-Artikolu 53 ta’ din il-liġi, intitolat “Dwar il-konklużjoni ta’ ftehim ma’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali”, jipprevedi:

“1.      L-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti fil-qasam tas-servizzi soċjali jistgħu jafdaw lil entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali l-provvista tas-servizzi previsti fil-katalogu ta’ servizzi soċjali permezz ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, bil-kundizzjoni li dawn l-entitajiet ikollhom l-akkreditazzjoni amministrattiva xierqa u jkunu iskritti bħala tali fir-Reġistru tal-entitajiet, ċentri u servizzi soċjali korrispondenti.

2.      Fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-liġi, is-sistema ġuridika hija stabbilita permezz ta’ regolament għal kull settur ta’ azzjoni speċifiku, billi jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet ta’ azzjoni taċ-ċentri privati li magħhom ġie konkluż ftehim li jipparteċipaw fis-sistema ta’ servizzi soċjali b’responsabbiltà pubblika, billi jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ aċċess, il-kundizzjonijiet ta’ servizz, il-proċeduri ta’ għażla, it-tul massimu u l-kawżi ta’ xoljiment tal-ftehim, kif ukoll l-obbligi tal-partijiet.

3.      Il-ftehim konkluż bejn l-amministrazzjoni u l-entità privata jistabbilixxi d-drittijiet u l-obbligi ta’ kull parti f’dak li jirrigwarda r-reġim ekonomika, it-tul, l-estensjoni jew t-tmiem kif ukoll, jekk ikun il-każ, in-numru jew it-tip ta’ unitajiet li magħhom ġie konkluż ftehim, u l-kundizzjonijiet legali l-oħra.

4.      L-aċċess għall-postijiet li jkunu s-suġġett ta’ ftehim ma’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali dejjem iseħħ permezz tal-amministrazzjoni li kkonkludiet il-ftehim.

5.      Huma entitajiet ta’ inizjattiva soċjali, il-fondazzjonijiet, l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ lukru li jwettqu attivitajiet ta’ servizz soċjali. huma b’mod partikolari meqjusa bħala entitajiet ta’ inizjattiva soċjali s-soċjetajiet koperattivi ikklassifikati bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru konformament mar-regolamentazzjoni speċifika tagħhom.”

20      L-Artikolu 56 tal-imsemmija liġi, intitolat “Dwar il-ftehimiet”, jistipula, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Il-Generalitat [il-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia] jikkontribwixxi finanzjarjament għall-iżvilupp u għat-titjib tal-kompetenzi tal-entitajiet lokali kif ukoll għas-sostenn tal-programmi b’kontenut soċjali mwettqa minn entitajiet mingħajr skop ta’ lukru.

2.      Bl-istess mod, il-Generalitat ta’ kull sena għandha tiddedika, fil-baġits korrispondenti, il-krediti neċessarji għall-finanzjament tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali ma entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali.”

21      L-Artikoli 62 sa 66 tal-istess liġi jinsab taħt it-Titolu VI tagħha, intitolat “Dwar l-azzjoni kuntrattwali”.

22      Skont l-Artikolu 62 tal-Liġi 5/1997, intitolat “Kunċett, skema ġenerali u prinċipji tal-azzjoni kuntrattwali”:

“1.      Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali huma strumenti organizzattivi ta’ natura mhux kuntrattwali li permezz tagħhom l-amministrazzjonijiet kompetenti jistgħu jorganizzaw il-provvista ta’ servizzi lil persuna ta’ natura soċjali li l-finanzjament tagħhom, l-aċċess għalihom u l-kontroll tagħhom jaqgħu taħt il-kompetenza tagħhom, konformement mal-proċedura u mal-eżiġenzi previsti minn din il-liġi u mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli.

2.      L-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom jiżguraw li l-azzjoni kuntrattwali tagħhom ma terzi għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi soċjali lil persuna tkun konformi mal-prinċipji li ġejjin:

a)      Prinċipju ta’ sussidjarjetà, li skontu l-azzjoni kuntrattwali ma entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru hija minn qabel suġġetta għall-iktar użu effiċjenti tar-riżorsi rispettivi.

b)      Prinċipju ta’ solidarjetà, billi jiġi mħeġġeġ l-involviment tal-entitajiet tas-settur terzjarju tal-azzjoni soċjali fil-provvista ta’ servizzi lil persuna ta’ natura soċjali.

c)      Prinċipju ta’ ugwaljanza, billi jiġi ggarantit li l-azzjoni suġġett tal-ftehim konkluż tiżgura li l-utenti jingħataw attenzjoni identika għal dik mogħtija lill-utenti moqdija direttament mill-amministrazzjoni.

d)      Prinċipju ta’ pubbliċità, billi jiġi previst li s-sejħiet għal kandidatura għal azzjonijiet kuntrattwali jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Generalitat Valenciana.

e)      Prinċipju ta’ trasparenza, billi jiġu mxandra fuq il-portal tat-trasparenza l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali fis-seħħ f’kull mument.

f)      Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, billi jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-azzjoni kuntrattwali li jiggarantixxu l-ugwaljanza bejn l-entitajiet li jagħżlu li jipparteċipaw.

g)      Prinċipju ta’ effiċjenza baġitarja, billi jiġi previst li l-korrispettivi ekonomiċi li l-entitajiet li magħhom ġie konkluż ftehim jistgħu jirċievu konformement mat-tariffi massimi u mal-moduli fis-seħħ ikunu limitati għall-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti tal-provvista tas-servizz mingħajr ma jiġu inklużi l-profitti kummerċjali.”

23      L-Artikolu 63 ta’ din il-liġi, intitolat “Ratione materiae u rekwiżiti minn qabel għall-azzjoni kuntrattwali”, jipprevedi:

“1.      Fil-qasam tas-servizzi soċjali, s-servizzi lil persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni kuntrattwali huma ddeterminati permezz ta’ regolament fost is-servizzi previsti fil-katalogu tas-servizzi.

2.      Jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni kuntrattwali:

a)      Ir-riżervazzjoni u l-okkupazzjoni ta’ postijiet bil-għan li jiġu okkupati mill-utenti tas-sistema pubblika tas-servizzi soċjali, fejn l-aċċess għalihom jiġi awtorizzat mill-amministrazzjonijiet pubbliċi kompetenti konformement mal-kriterji stabbiliti minn din il-liġi.

b)      Il-ġestjoni integrali ta’ servizzi, ta’ dipartimenti jew ta’ ċentri konformement mad-dispożizzjonijiet stabbiliti permezz ta’ regolament.

3.      Meta l-provvista ta’ servizz tkun tinvolvi proċessi li jeżiġu diversi tipi ta’ interventi f’diversi ċentri jew dipartimenti, l-amministrazzjoni kompetenti tista’ tikkonkludi ma diversi entitajiet ftehim wieħed ta’ azzjoni kuntrattwali li jimponi mekkaniżmi imperattivi ta’ koordinazzjoni u ta’ kollaborazzjoni.

4.      L-aċċess għas-sistema ta’ azzjoni kuntrattwali huwa miftuħ għall-entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali li jipprovdu servizzi soċjali li għandhom akkreditazzjoni amministrattiva u li huma iskritti fir-Reġistru tal-entitajiet, ċentri u servizzi soċjali korrispondenti.

5.      Is-sistema tal-azzjoni kuntrattwali ma hijiex kompatibbli ma l-għoti ta’ sussidji ekonomiċi għall-finanzjament tal-attivitajiet jew tas-servizzi koperti mill-ftehim.”

24      Skont kliem l-Artikolu 64 tal-imsemmija liġi, intitolat “Proċedura ta’ konklużjoni ta’ ftehim u kriterji ta’ Preferenza”:

“1.      Il-leġiżlazzjoni settorjali għandha torganizza l-proċeduri sabiex l-entitajiet li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti jkunu jistgħu jaderixxu mas-sistema ta’ azzjoni kuntrattwali konformement mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 62 ta’ din il-liġi.

2.      Fir-rigward tal-adozzjoni ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, il-leġiżlazzjoni settorjali tistabbilixxi l-kriterji ta’ għażla tal-entitajiet meta jirriżulta li tali selezzjoni tkun neċessarja minħabba l-limiti baġitarji jew n-numru u l-karatteristiċi tas-servizzi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim.

3.      L-għażla tal-entitajiet tista’ tkun ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin:

a)      l-istabbiliment fil-post tal-provvista tas-servizz;

[…]”.

25      L-Artikolu 65 tal-istess liġi, intitolat “Formalizzazzjoni u effetti tal-azzjoni kuntrattwali”, jipprevedi:

“1.      Il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali huma fformalizzati f’dokumenti amministrattivi ta’ konklużjoni ta’ ftehim li l-kontenut tagħhom huwa stabbilit mil-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli.

2.      Il-ftehimiet ta’ konklużjoni ta’ ftehim jimponu fuq l-entità li magħha ġie konkluż ftehim l-obbligu li tipprovdi lill-persuni s-servizzi ta’ natura soċjali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-leġiżlazzjoni settorjali applikabbli u mill-ftehim adottat konformament ma’ din tal-aħħar.

3.      Minbarra t-tariffi previsti, ma tista’ tinġabar ebda somma mingħand l-utenti għas-servizzi li huma s-suġġett tal-ftehim.

4.      Il-ġbir mingħand l-utenti ta’ kwalunkwe ħlas għall-provvista ta’ servizzi addizzjonali, kif ukoll l-ammont tagħhom, huwa awtorizzat minn qabel mill-amministrazzjoni li tikkonkludi l-ftehim.”

26      L-Artikolu 66 tal-Liġi 5/1997, intitolat “Finanzjament tal-azzjoni kuntrattwali”, jistipula:

“1.      Kull sejħa għal kandidatura għandha tistabbilixxi l-ammont tal-moduli ekonomiċi li jikkorrispondu għal kull servizz li jista’ jkun is-suġġett tal-azzjoni kuntrattwali.

2.      It-tariffi massimi jew moduli ekonomiċi għandhom ikopru sal-massimu l-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti tas-servizzi, filwaqt li jiggarantixxu n-newtralità ekonomika għall-entità li tipprovdi s-servizz, mingħajr l-inklużjoni tal-profitti kummerċjali.

3.      L-ammonti li jirriżultaw mill-azzjoni kuntrattwali jitħallsu wara li l-entità li magħha ġie konkluż ftehim tippreżenta l-fattura korrispondenti, permezz ta’ ġbir mill-partita tal-baġit intiża għall-finanzjament tal-ispejjeż kurrenti tal-amministrazzjoni.”

27      Skont kliem l-Artikolu 67 ta’ din il-liġi, intitolat “Tul tal-ftehimiet”:

“It-tul tal-ftehimiet ma jistax ikun ta’ iktar minn erba’ snin. Meta dawn ikunu espliċitament previsti fil-ftehim, l-eventwali estensjonijiet jistgħu jwasslu sabiex it-tul totali tal-ftehim ikun ta’ għaxar snin. Wara tmiem dan il-perijodu, l-amministrazzjoni kompetenti tista’ tikkonkludi ftehim ġdid.”

 Id-Digriet°181/2017

28      L-għan tad-Digriet°181/2017, li ġie adottat b’eżekuzzjoni tal-Liġi 5/1997, huwa, konformement mal-Artikolu 1 tiegħu, li jirregola l-eżiġenzi, il-proċeduri ta’ għażla, il-kontenut u l-kundizzjonijiet bażiċi għall-implimentazzjoni, l-eżekuzzjoni u l-iżvilupp tal-ftehimiet, bħala metodu ta’ ġestjoni ta’ servizzi soċjali minn entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali sabiex jipprovdu lill-persuni s-servizzi soċjali previsti mil-liġi u mill-katalogu tas-servizzi soċjali, jew permezz tal-atti ta’ eżekuzzjoni tagħhom.

29      L-Artikolu 3(e) ta’ dan id-digriet jirrikonoxxi l-kwalità ta’ entitajiet privati ta’ inizjattiva soċjali lill-“fondazzjonijiet, assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet ta’ volontarjat u entitajiet oħra mingħajr skop ta’ lukru li jwettqu attivitajiet ta’ servizz soċjali”, kif ukoll lil soċjetajiet koperattivi kkwalifikati bħala entitajiet mingħajr skop ta’ lukru konformement mal-leġiżlazzjoni speċifika tagħhom”.

30      Minkejja t-tħassir tal-Liġi 5/1997 bil-Liġi 3/2019, id-Digriet°181/2017 għadu fis-seħħ, konformement mad-dispożizzjoni ta’ tħassir unika tal-liġi msemmija l-aħħar.

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

31      l-ASADE ressqet quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia, Spanja), rikors għall-annullament tad-Digriet°181/2017, li insostenn tiegħu hija ssostni li l-Artikolu 44 bis(1)(c), l-Artikolu 53, l-Artikolu 56(2) u t-titolu VI tal-Liġi 5/1997, li tagħhom dan id-digriet jiżgura l-implimentazzjoni, imorru kontra d-dritt tal-Unjoni minħabba li dawn jeskludu l-entitajiet bi skop ta’ lukru mill-possibbiltà li jipprovdu ċerti servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni fil-kuntest ta’ azzjoni kuntrattwali, filwaqt li jippermettu lill-entitajiet kollha mingħajr skop ta’ lukru, u mhux biss lill-organizzazzjonijiet ta’ volontarjat, li jipprovdu dawn is-servizzi bi ħlas mingħajr ma jkollhom għalfejn jgħaddu minn proċedura ta’ kompetizzjoni trasparenti li tiżgura l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi interessati.

32      Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk l-użu tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali, hekk kif huwa rregolat bil-Liġi5/1997, huwiex konformi mal-Artikoli 49 u 56 TFUE, mal-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 u mal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123. Hija tenfasizza li interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għadha neċessarja, minkejja t-tħassir tal-Liġi 5/1997 bil-Liġi 3/2019, peress li l-liġi msemmija l-aħħar ma emendatx is-sistema tal-azzjoni kuntrattwali għall-provvista ta’ servizzi soċjali. Barra minn hekk, huwa neċessarju, għall-evalwazzjoni tar-regolarità tal-istess digriet, li jiġi vverifikat jekk il-Liġi 5/1997, li tagħha huwa jiżgura l-implimentazzjoni, kinitx jew le konformi mad-dritt tal-Unjoni.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de la Comunidad Valenciana (Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja tal-Komunità ta’ Valencia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness 14) tad-Direttiva [2014/24], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti lill-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mhux biss assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat, għall-provvista ta’ kull tip [ta’] servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva [2014/24] u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż bħala mhux kuntrattwali?

2)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun possibbli, l-Artikolu 49 TFUE u l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u l-Anness 14) tad-Direttiva [2014/24] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermett[u] li l-awtoritajiet kontraenti jidħlu fi ftehim ma’ entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss organizzazzjonijiet ta’ volontarjat) għall-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż, mingħajr ma japplikaw il-proċeduri previsti fid-Direttiva u irrispettivament mill-valur stmat, sempliċement billi jikklassifikaw minn qabel dawn l-ispejjeż bħala mhux kuntrattwali, meta barra minn hekk, l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali ma tinkludix espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tad-Direttiva [2014/24], iżda tirreferi għal żvilupp regolatorju ulterjuri mingħajr ma tinkludi espressament fost il-linji gwida li għandhom jiġu segwiti minn dan l-iżvilupp regolatorju li dan tal-aħħar għandu jelenka espliċitament ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 77 tal-imsemmija direttiva?

3)      Fil-każ li r-risposta tkun ukoll fin-negattiv u, konsegwentement, jekk ikun possibbli, l-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Artikoli 76 u 77 (moqrija flimkien mal-Artikolu 74 u mal-Anness XIV) tad-Direttiva [2014/24] u l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva [2006/123], għandhom jiġu interpretati fis-sens li jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti, għal skopijiet tal-għażla ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru (mhux biss lil assoċjazzjonijiet ta’ volontarjat) li magħha jikkonkludu l-ftehim tal-provvista ta’ kull tip ta’ servizzi soċjali lill-persuni, lil hinn minn dawk iddikjarati fl-Artikolu 2(2)(j) [tad-Direttiva [2006/123]), jinkludu fost il-kriterji ta’ għażla l-istabbiliment fil-lokalità [post] fejn ikun ser jingħata s-servizz?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex punti ta’ fatti u ta’ liġi neċessarji sabiex tagħti risposta b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C‑415/93, EU:C:1995:463, punti 59 u 61, kif ukoll tal-25 ta’ Novembru 2021, État luxembourgeois (Informazzjoni dwar grupp ta’ kontribwenti), C‑437/19, EU:C:2021:953, punt 81).

35      In-neċessità li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi, barra minn hekk, li din tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega l-ipoteżijiet fattwali li fuqhom huma bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha, barra minn hekk, tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal-10 ta’ Marzu 2022, Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (Assigurazzjoni għall-mard komprensiva, C‑247/20, EU:C:2022:177, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata].

36      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari.

 Dwar it-tħassir tal-Liġi 5/1997

37      Il-konvenuta fil-kawża prinċipali tosserva li d-domandi preliminari huma inammissibbli minħabba li l-Liġi 5/1997, li l-konformità tagħha mad-dritt tal-Unjoni hija kkontestata b’mod inċidentali fil-kuntest tar-rikors fil-kawża prinċipali, ġiet imħassra bil-Liġi 3/2019.

38      F’dan ir-rigward, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta b’mod ċar li l-qorti tar-rinviju hija msejjħa tiddeċiedi dwar il-legalità tad-Digriet°181/2017 fid-data tal-adozzjoni tagħha. Issa, f’dik id-data, huwa paċifiku li l-Liġi 5/1997, li tagħha dan id-digriet jiżgura l-implimentazzjoni, kienet għadha fis-seħħ. Barra minn hekk, ma huwiex ikkontestat li l-imsemmija liġi, minn naħa, kienet tirrifjuta lill-entitajiet bi skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali u, min-naħa l-oħra, kienet tippermetti li jsir użu mill-kriterju tal-istabbiliment lokali fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ tali ftehim.

39      F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-domandi preliminari għad għandhom rabta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

 Fuq id-Direttiva 2014/24

40      Il-Gvernijiet ta’ Spanja, tal-Italja u tal-Pajjiżi l-Baxxi jesprimu dubji dwar l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24 għall-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali previsti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, meta, bħal f’din il-kawża, ma jidhirx b’mod manifest li l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jkollha ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-oġġezzjoni bbażata fuq in-nuqqas ta’ applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għall-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tikkonċernax l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda taqa’ taħt il-mertu tad-domandi (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2019, Slovenské elektrárne, C‑376/18, EU:C:2019:1068 punt 29, u tat-28 ta’ Ottubru 2021, Komisia za protivodeystvie na koruptsiyata i za otnemane na nezakonno pridobitoto imushtestvo, C‑319/19, EU:C:2021:883, punt 25).

 Fuq id-Direttiva 2006/123

42      Skont kliem l-Artikolu 2(2)(j) tagħha, id-Direttiva 2006/123 ma tapplikax għas-servizzi soċjali relatati mal-akkomodazzjoni soċjali, il-kura tat-tfal u appoġġ għall-familji u għall-persuni bżonnjużi b’mod permanenti jew temporanju li huma pprovduti mill-Istat, permezz ta’ fornituri li għandhom mandat mill-Istat jew minn karitajiet rikonoxxuti bħala tali mill-Istat.

43      Issa, minn naħa, hekk kif osservat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 145 sa 150 tal-konklużjonijiet tagħha, il-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermettix li jiġi żgurat li s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni kkonċernati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jinstabux elenkati fost is-servizzi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123 abbażi tal-Artikolu 2(2)(j) tagħha, hekk kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 42 sa 49 tas-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2013, Femarbel (C‑57/12, EU:C:2013:517).

44      Min-naħa l-oħra, l-assenza ta’ kull speċifikazzjoni f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni tar-rinviju lanqas ma tippermetti li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk, fil-każ li jitqies li wħud mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni msemmija fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma humiex koperti mill-esklużjoni prevista fl-Artikolu 2(2)(j), ta’ din id-direttiva, dawn jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjoni oħra prevista f’dan l-Artikolu 2(2) u b’mod partikolari fil-punti (f) u (i) tiegħu.

45      F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn il-qorti tar-rinviju ma qegħditx lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tiżgura li l-ipoteżi fattwali li fuqha hija bbażata t-tielet domanda preliminari taqa’ effettivament taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2006/123, din id-domanda hija inammissibbli sa fejn din tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(2) tagħha.

 Fuq l-Artikoli 49 u 56 TFUE

46      Għandu jiġi osservat, fl-aħħar, li, għalkemm l-elementi kollha tat-tilwima fil-kawża prinċipali huma limitati internament għal Stat Membru wieħed, id-domandi preliminari jirrigwardaw b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

47      F’tali kuntest, huwa l-obbligu tal-qorti tar-rinviju li tindika lill-Qorti tal-Ġustizzja, konformement mar-rekwiżit tal-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif, minkejja n-natura purament interna tagħha, it-tilwima pendenti quddiemha għandha element ta’ konnessjoni mad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar il-libertajiet fundamentali li jrendi l-interpretazzjoni preliminari mitluba neċessarja għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima (sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874, punt 55 u d-digriet tas-6 ta’ Mejju 2021, Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca et, C‑571/20, mhux ippubblikat, EU:C:2021:364, punt 23).

48      Issa, il-qorti tar-rinviju ma tispjegax għaliex, minkejja n-natura purament interna tat-tilwima pendenti quddiemha, għandu jkun hemm l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE. B’mod iktar partikolari, din il-qorti ma ssostnix espliċitament li hija tinsab f’wieħed mill-każijiet msemmija fil-punti 50 sa 53 tas-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2016, Ullens de Schooten (C‑268/15, EU:C:2016:874).

49      Barra minn hekk, għalkemm, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-kuntratti li, fid-dawl tal-valur tagħhom, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi huwa madankollu suġġett għar-regoli fundamentali u għall-prinċipji ġenerali tat-Trattat FUE, b’mod partikolari għall-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif ukoll għall-obbligu ta’ trasparenza li jirriżulta minnhom, dejjem sakemm dawn il-kuntratti jippreżentaw interess transkonfinali ċert, il-qorti tar-rinviju ma tistax tillimita ruħha li tressaq, f’dan ir-rigward, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja elementi li ma jippermettux li tiġi eskluża l-eżistenza ta’ tali interess iżda għandha, bil-kontra ta’ dan, tipprovdi d-data li tista’ tipprova l-eżistenza ta’ tali interess (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-12 ta’ Novembru 2020, Novart Engineering, C‑170/20, mhux ippubblikat, EU:C:2020:908, punti 33 u 35). Issa, il-qorti tar-rinviju baqgħet, f’dan il-każ, ma pprovdietx tali data lill-Qorti tal-Ġustizzja.

50      Għaldaqstant, id-domandi preliminari huma inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li d-domandi preliminari huma ammissibbli, ħlief sa fejn dawn jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 u 56 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 2006/123.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

52      Permezz tal-ewwel żewġ domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu ftehimiet li abbażi tagħhom dawn l-entitajiet għandhom jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni, b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż li huma jsostnu, irrispettivament mill-valur stmat ta’ dawn is-servizzi, u mingħajr ma din il-leġiżlazzjoni ma teżiġi li l-imsemmija entitajiet josservaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu 77.

 Fuq l-applikabbiltà tad-Direttiva 2014/24

53      Sabiex tingħata risposta għal dawn id-domandi, għandu, preliminarjament, jiġi ddeterminat jekk ftehimiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex kuntratti pubbliċi msemmija mid-Direttiva 2014/24.

54      F’dan ir-rigward, konformement mal-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti minn awtoritajiet kontraenti f’dak li jirrigwarda l-kuntratti pubbliċi, kif ukoll il-kompetizzjonijiet, li l-valur stmat tagħhom jilħaq jew jaqbeż il-livelli stabbiliti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(1)(5) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi l-kuntratti pubbliċi, għall-finijiet tagħha, bħala li huma kuntratti bi ħlas konklużi bil-miktub bejn operatur jew diversi operaturi ekonomiċi u awtorità jew diversi awtoritajiet kontraenti u li bħala suġġett għandhom l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi.

55      F’din il-perspettiva, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li peress li l-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku” huwa kunċett ta’ dritt tal-Unjoni, il-klassifikazzjoni li d-dritt Spanjol jagħti tal-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali hija irrilevanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑264/03, EU:C:2005:620, punt 36, u tat-22 ta’ April 2021, Il-Kummissjoni vs l-Awstrija (Kiri ta’ bini li għadu ma nbniex), C‑537/19, EU:C:2021:319, punt 43).

56      Għaldaqstant, l-ispeċifikazzjoni li tinsab fl-Artikolu 62(1) tal-Liġi 5/1997, li tgħid li tali ftehimiet jikkostitwixxu “strumenti organizzattivi ta’ natura mhux kuntrattwali”, ma hijiex suffiċjenti sabiex dawn ma jkunux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24.

57      Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li jissuġġerixxi l-Gvern Olandiż, mit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jirriżultax li dawn il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali għandhom, effettivament, jiġu assimilata għal atti amministrattivi unilaterali imposti, bis-sempliċi rieda tal-awtoritajiet kontraenti, fuq l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru li huma l-kontraenti tagħhom (ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad-19 ta’ April 2007, Asemfo, C‑295/05, EU:C:2007:227, punti 52 sa 55, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2007, Asociación Profesional de Empresas de Reparto y Manipulado de Correspondencia, C‑220/06, EU:C:2007:815, punti 51 sa 55).

58      Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/24, il-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhom ikunu jikkonsistu f’kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1)(9) ta’ din id-direttiva.

59      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-kunċett ta’ “servizzi”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi sanċit fl-Artikolu 56 TFUE u li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat għall-attivitajiet ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑160/08, EU:C:2010:230, punti 73 u 74, kif ukoll tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs l-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punt 154).

60      B’mod iktar partikolari, għandu jiġi osservat li l-provvisti ta’ servizzi pprovduti normalment bi ħlas jikkostitwixxu attivitajiet ekonomiċi, fejn il-karatteristika essenzjali tar-remunerazzjoni hija l-fatt li din tikkostitwixxi l-korrispettiv ekonomiku tas-servizz inkwistjoni, mingħajr madankollu ma dan ma għandu jitħallas mill-benefiċjarju tiegħu (sentenza tat-23 ta’ Frar 2016, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C‑179/14, EU:C:2016:108, punti 153 sa 155). Barra minn hekk, mill-Artikolu 62 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 51 ta’ dan it-trattat, jirriżulta li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jestendix għall-attivitajiet li, fi Stat membru, jifformaw parti, anki jekk okkażjonalment, mill-eżerċizzju tal-awtorità pubblika.

61      Hekk kif ikkonfermat fil-premessa 6 tad-Direttiva 2014/24, huma biss l-attivitajiet ta’ natura ekonomika, fis-sens tal-punt preċedenti, li jistgħu, għalhekk, ikunu s-suġġett ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(1(9) ta’ din id-direttiva. Tali interpretazzjoni hija, mill-bqija, ikkonfermata mill-Artikolu 2(1)(10) tal-imsemmija direttiva, li jipprevedi li operatur ekonomiku, fis-sens tagħha, huwa kkaratterizzat mill-fatt li joffri l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet u/jew xogħol, il-provvista ta’ prodotti jew il-provvista ta’ servizzi fis-suq.

62      Dan espost, il-fatt li l-kuntratt jiġi konkluż ma entità li ma għandhiex skop ta’ lukru ma jeskludix li din l-entità tista’ teżerċita attività ekonomiku, fis-sens tad-Direttiva 2014/24, b’tali mod li din iċ-ċirkustanza hija irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-19 ta’ Ġunju 2014, Centro Hospitalar de Setúbal u SUCH, C‑574/12, EU:C:2014:2004, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 52).

63      Barra minn hekk, jistgħu jitqiesu bħala attivitajiet ekonomiċi s-servizzi pprovduti bi ħlas li, mingħajr ma jaqgħu taħt l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika, jiġu żgurati fl-interess pubbliku u mingħajr skop ta’ lukru u li jinsabu f’kompetizzjoni ma dawk proposti minn operaturi bi skop ta’ lukru (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2011, Scattolon, C‑108/10, EU:C:2011:542, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      It-tieni, f’dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, il-provvisti ta’ servizzi li, bħal f’dan il-każ, għandhom għan soċjali, huwa minnu li l-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 2014/24 jispeċifika li din id-direttiva ma għandhiex effett fuq il-mod li bih l-Istati Membri jorganizzaw is-sistema ta’ sigurtà soċjali. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-attivitajiet tal-organi li jamministraw sistema ta’ sigurtà soċjali ma jikkostitwixxux, bħala prinċipju, attivitajiet ekonomiċi meta dawn ikunu bbażati fuq il-prinċipju ta’ solidarjetà u meta dawn l-attivitajiet huma suġġetti għal kontroll mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2020, Il-Kummissjoni u r-Repubblika Slovakka vs Dôvera zdravotná poist’ovňa, C‑262/18 P u C‑271/18 P, EU:C:2020:450, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65      Dan espost, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tas-servizzi soċjali speċifiċi li jiġu pprovduti minn operaturi privati u li r-responsabbiltà għall-ispiża tagħhom tittieħed jew mill-Istat innifsu, jew minn dawn il-organi ta’ sigurtà soċjali. Fill-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li t-tfittxija li jintlaħaq għan soċjali jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi ma jipprekludix, bħala tali, li dawn is-servizzi jitqiesu bħala attività ekonomika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Novembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑119/06, mhux ippubblikata, EU:C:2007:729, punti 36 sa 41, u tat-12 ta’ Settembru 2000, Pavlov et, C‑180/98 sa C‑184/98, EU:C:2000:428, punt 118).

66      F’dan il-każ, hekk kif osservat l-Avukata Ġenerali fil-punti 55 sa 61 tal-konklużjonijiet tagħha, jidher li, minn tal-inqas, uħud mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jiġu pprovduti kontra remunerazzjoni u ma jipparteċipawx fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’tali mod li tali attivitajiet jistgħu jitqiesu li għandhom natura ekonomika u, għaldaqstant, bħala li jikkostitwixxu servizzi, fis-sens tad-Direttiva 2014/24.

67      Fit-tielet lok, in-natura bi ħlas ta’ kuntratt pubbliku tippreżupponi li kull waħda mill-partijiet timpenja ruħha li tipprovdi servizz b’korrispettiv għal ieħor, mingħajr madankollu ma huwa eskluż li l-korrispettiv tal-awtorità kontraenti jkun jikkonsisti biss fir-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz miftiehem (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2020, Tax-Fin-Lex, C‑367/19, EU:C:2020:685, punti 25 u 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, kuntratt ma jistax jevita li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kuntratt pubbliku għal servizzi” biss minħabba l-fatt li, hekk kif donnu huwa l-każ f’din il-kawża, ir-remunerazzjoni prevista hija limitat għar-rimbors tal-ispejjeż sostnuti għall-provvista tas-servizz miftiehem (sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 52).

68      Fir-raba’ lok, hekk kif ikkonfermat fil-premessa 4 u fl-aħħar paragrafu tal-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, il-proċeduri li permezz tagħhom l-awtorità kontraenti tirrinunzja li tqabbel u tikklassifika l-offerti ammissibbli u taħtar l-operatur jew l-operaturi ekonomiċi li lilhom jingħata, b’mod esklużiv, il-kuntratt ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-2 ta’ Ġunju 2016, Falk Pharma, C‑410/14, EU:C:2016:399, punti 37 sa 42, u tal-1 ta’ Marzu 2018, Tirkkonen, C‑9/17, EU:C:2018:142, punti 29 sa 35).

69      Dan espost, mit-tweġibiet tal-ASADE, tal-Gvern Spanjol u tal-konvenuta fil-kawża prinċipali għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-għoti ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali huwa, fil-prattika, ippreċedut minn proċess ta’ għażla bejn l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru li jkunu wrew l-interess tagħhom li jipprovdu s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jikkostitwixxu s-suġġett tagħhom, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

70      Fil-ħames lok, mill-ewwel domanda preliminari jirriżulta espliċitament li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika għall-ftehimiet kollha ta’ azzjoni kuntrattwali, irrispettivament mill-valur stmat tagħhom. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi eskluż li din il-leġiżlazzjoni, li tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja qiegħdha tintalab tistħarreġ il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, tista’ tkun tirrigwarda ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali li l-valur stmat tagħhom huwa daqs jew akbar mil-limiti previsti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24.

71      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, jidher li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirregola, minn tal-inqas parzjalment, l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi suġġetti għad-Direttiva 2014/24.

72      Għandu, fl-aħħar, jingħad ukoll li, għalkemm huwa ta’ dispjaċir, l-assenza ta’ elenkar, fit-talba għal deċiżjoni preliminari, tal-kategoriji preċiżi ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li huma koperti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja, bil-kontra ta’ dak li donnu jsostni l-Gvern Taljan, milli tiżgura ruħha li l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2014/24 hija nieqsa minn kull relazzjoni mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

73      Fil-fatt, minn naħa, mill-fajl li jinsab għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li minn tal inqas parti mis-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali huma koperti mis-servizzi elenkati fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 u, min-naħa l-oħra, id-domandi preliminari ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ġeneralment applikabbli għall-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, iżda biss tal-Artikoli 74 sa 77 tal-imsemmija direttiva, li jistabbilixxu speċifikament sistema ssimplifikata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huma servizzi koperti minn dan l-anness.

74      Għaldaqstant, dawn il-kwistjonijiet għandhom jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24.

 Fuq ir-rekwiżiti li jirriżultaw tad-Direttiva 2014/24

75      Sabiex jiġi vverifikat jekk l-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24 jipprekludux leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li s-sistema simplifikata ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi prevista f’dawn l-artikoli hija ġġustifikata, hekk kif indikat fil-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, kemm mid-dimensjoni transkonfinali limitata tas-servizzi msemmija fl-Anness XIV tal-imsemmija direttiva kif ukoll mill-fatt li dawn is-servizzi jiġu pprovduti f’kuntest speċifiku li jvarja kunsiderevolment minn Stat membru għal ieħor, minħabba t-tradizzjonijiet kulturali differenti.

76      Fit-tieni lok, l-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi li, għal uħud mis-servizzi msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti jirriżervaw għall-“organizzazzjonijiet”, kif iddefiniti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li s-suġġett tagħhom huwa l-provvista ta’ tali servizzi.

77      L-Artikolu 77(2) tad-Direttiva 2014/24 jispeċifika r-rekwiżiti stretti li fihom operatur ekonomiku jista’ jitqies bħala li huwa “organizzazzjoni”, fis-sens ta’ dan l-artikolu. Għalhekk, huwa meħtieġ li l-objettiv ta’ dan l-operatur ekonomiku jkun li jassumi missjoni ta’ servizz pubbliku marbuta mal-provvista tas-servizzi soċjali jew speċjali msemmija f’dan l-artikolu, li l-profitti tal-imsemmi operatur jerġgħu jiġu investiti sabiex jintlaħaq tali objettiv u li, meta dawn il-benefiċċji jiġu ddistribwiti jew iddistribwiti mill-ġdid, tali operazzjoni tkun ibbażata fuq prinċipji parteċipattivi. Barra minn hekk, l-istrutturi ta’ ġestjoni u ta’ proprjetà tal-istess operatur ekonomiku għandhom ikunu msejjsa fuq sjieda mill-impjegati u fuq prinċipji parteċipattivi u jeżiġi l-parteċipazzjoni attiva tal-impjegati, tal-utenti u tal-partijiet interessati.

78      Barra minn hekk, mill-Artikolu 77(2)(d), u (3) tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li awtorità kontraenti tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil “organizzazzjoni” fuq il-bażi tal-proċedura prevista f’dan l-artikolu biss għal perijodu li ma jaqbiżx it-tliet snin u biss bil-kundizzjoni li din l-awtorità kontraenti ma tkunx diġà attribwiet lil din l-“organizzazzjoni” kuntratt għal servizzi msemmija fl-imsemmi artikolu matul it-tliet snin ta’ qabel.

79      F’dan il-każ, hekk kif tikkonferma l-formulazzjoni tal-ewwel domanda preliminari, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali timponi li l-possibbiltà ta’ parteċipazzjoni fil-proċeduri ta’ għoti ta’ ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali tiġi rriżervata għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, mingħajr ma teżiġi li dawn l-entitajiet josservaw il-kundizzjonijiet kollha previsti fl-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/24.

80      Dan espost, minn din iċ-ċirkustanza ma jistax jiġi konkluż li tali leġiżlazzjoni hija neċessarjament inkompatibbli mas-sistema simplifikata prevista fl-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24.

81      Fil-fatt, l-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva għandu portata speċifika ħafna peress li jiggarantixxi espliċitament li l-Istati Membri jistgħu, għal uħud mis-servizzi li huma s-suġġett ta’ din is-sistema simplifikata, jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti jirriżervaw, ipso jure, biss għall-operaturi ekonomiċi li jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha previsti f’dan l-artikolu l-possibbiltà li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett tali servizzi.

82      Għalhekk, fid-dawl tal-aspetti speċifiċi tas-sistema ġuridika li huwa jistabbilixxi u meqjusa l-formulazzjoni tal-Artikoli 74 sa 77 tad-Direttiva 2014/24, l-Artikolu 77 tagħha ma jistax jitqies bħal l i jkopri, b’mod eżawrjenti, il-każijiet li fihom il-kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ servizz imsemmi fl-Anness XIV tal-imsemmija direttiva jistgħu jiġu rriżervati għal ċerti kategoriji ta’ operaturi ekonomiċi.

83      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 jistabbilixxi r-regoli, li jidderogaw mid-dritt normali, applikabbli għall-għoti tal-kuntratti pubbliċi kollha li jirrigwardaw is-servizzi soċjali u servizzi oħra speċifiċi elenkati fl-Anness XIV tagħha.

84      Dan l-Artikolu 76 jobbliga lill-Istati Membri, minn naħa, li jipprevedu regoli ta’ għoti li jimponu fuq l-awtoritajiet kontraenti l-obbligu li josservaw il-prinċipji ta’ trasparenza u ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, li jiżguraw li dawn ir-regoli jkunu jippermettu li l-awtoritajiet kontraenti jieħdu inkunsiderazzjoni l-aspetti speċifiċi tas-servizzi li huma s-suġġett ta’ tali proċeduri ta’ għoti. F’dan l-aħħar rigward, l-Istati membri għandhom jawtorizzaw lill-awtoritajiet kontraenti sabiex jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiżguraw il-kwalità, il-kontinwità, l-aċċessibbiltà, l-aċċessibbiltà tal-prezz, id-disponibbiltà u l-komprensività ta’ dawn is-servizzi, il-bżonnijiet speċifiċi tad-diversi kategoriji ta’ utenti, il-parteċipazzjoni u l-involviment tal-utenti kif ukoll l-innovazzjoni.

85      Għalhekk, kif ikkonfermat fil-premessa 114 tad-Direttiva 2014/24, is-sistema legali li din tistabbilixxi fl-Artikolu 76 tagħha hija kkaratterizzata mis-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Istati Membri għandhom sabiex jorganizzaw, bil-mod li huma jqisu l-iktar xieraq, l-għażla tal-fornituri tas-servizzi elenkati fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva. Minn din il-premessa jirriżulta wkoll li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-Protokoll Nru°26, li jissanċixxi, b’mod partikolari, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jeżegwixxu s-servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali b’mod li kemm jista’ jkun jissodisfa l-bżonnijiet tal-utenti.

86      Għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ trasparenza, hekk kif imsemmija fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva lill-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, inkluż meta dawn ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 77 ta’ din id-direttiva, id-dritt li jipparteċipaw fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jaqgħu taħt l-Anness XIV tal-imsemmija direttiva.

87      F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, il-fatt li l-entitajiet privati bi skop ta’ lukru jiġu mċaħħda mill-possibbiltà li jipparteċipaw f’tali proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi jikkostitwixxi differenza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi li tmur kontra dan il-prinċipju, sakemm din id-differenza ma tkunx iġġustifikata minn kunsiderazzjonijiet oġġettivi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 52, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 56).

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li Stat Membru jista’, fil-kuntest tal-kompetenza li huwa żamm sabiex jorganizza s-sistema ta’ sigurtà soċjali tiegħu, jikkunsidra li sistema ta’ assistenza soċjali neċessarjament timplika, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tagħha, li l-ammissjoni ta’ operaturi privati f’din is-sistema inkwantu fornituri ta’ servizz ta’ assistenza soċjali tkun suġġetta għall-kundizzjoni li dan ma jkollu ebda skop ta’ lukru (sentenzi tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C‑70/95, EU:C:1997:301, punt 32, kif ukoll tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 58).

89      F’dan il-każ, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u mit-tweġibiet għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ftehimiet ta’ azzjoni kuntrattwali previsti minn din il-leġiżlazzjoni għandhom ikunu konformi, b’mod partikolari, mal-prinċipji ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja. B’mod partikolari, minn naħa, is-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ tali ftehimiet għandhom jiġu offruti lill-kulħadd, bħala prinċipju bla ħlas, u l-ammont tal-eventwali tariffa li tista’ tinġabar b’mod addizzjonali mingħand l-utenti tiddependi fuq il-kapaċità finanzjarja tagħhom. Min-naħa l-oħra, l-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru kkonċernati mill-imsemmija ftehimiet jistgħu jiksbu biss ir-rimbors tal-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti sostnuti sabiex jiġu pprovduti s-servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni li huma s-suġġett ta’ dawn l-istess ftehimiet, il-ksib ta’ benefiċċju kummerċjali huwa espliċitament eskluż.

90      Għalhekk, l-użu esklużiv tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru sabiex jiżguraw il-provvista ta’ tali servizzi soċjali jista’ jkun motivat kemm mill-prinċipji ta’ universalità u ta’ solidarjetà, speċifiċi għal sistema ta’ assistenza soċjali, kif ukoll minn raġunijiet ta’ effiċjenza ekonomiku u ta’ adegwazzjoni, inkwantu dan jippermetti li dawn is-servizzi ta’ interess ġenerali jiġu żgurati f’kundizzjonijiet ta’ bilanċ ekonomiku fuq il-livell baġitarju, minn entitajiet li ġew essenzjalment stabbiliti bil-għan li jservu l-interess ġenerali u li d-deċiżjonijiet tagħhom ma humiex iggwidati, hekk kif josserva l-Gvern Spanjol, minn kunsiderazzjonijiet purament kummerċjali (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 57).

91      Meta tkun immotivata minn tali kunsiderazzjonijiet, l-esklużjoni tal-entitajiet privati bi skop ta’ lukru mill-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li għandhom bħala suġġett il-provvista ta’ tali servizzi soċjali ma tmurx kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza, sakemm din l-esklużjoni tikkontribwixxi effettivament kemm għall-għan soċjali kif ukoll għall-ilħuq tal-għanijiet solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din is-sistema (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C‑113/13, EU:C:2014:2440, punt 60, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 63).

92      F’dan ir-rigward, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-opportunità li tispeċifika, fir-rigward ta’ kuntratti pubbliċi li fir-rigward tagħhom id-Direttiva 2014/24 kienet għadha ma tapplikax, li, sabiex jissodisfaw dawn ir-rekwiżiti, l-entitajiet privati li lilhom, abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kkonċernat, huma rriżervati tali kuntratti la jista’ ikollhom għanijiet oħra ħlief dawk imsemmija fil-punt preċedenti, u lanqas ma jistgħu jagħmlu xi profitt, anki jekk indirett, mis-servizzi li jipprovdu, indipendentement mir-rimbors tal-ispejjeż varjabbli, fissi u permanenti, neċessarji għall-provvista tal-imsemmija servizzi. Dawn lanqas ma jistgħu jiġġeneraw xi profitt lill-membri tagħhom. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi estiża b’tali mod li tkopri prattiki abbużivi ta’ dawn l-entitajiet jew tal-membri tagħhom. Għalhekk, l-imsemmija entitajiet għandhom jużaw ħaddiema biss fil-limiti neċessarji għall-funzjonament regolari tagħhom u fl-osservanza tar-rekwiżiti imposti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fir-rigward tagħhom, fejn il-volontarji jistgħu, min-naħa tagħhom, jiġu rrimborsati biss dawk l-ispejjeż effettivament sostnuti għall-attività pprovduta, fil-limiti stabbiliti minn qabel mill-entitajiet privati nfushom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2014, Azienda sanitaria locale n. 5 “Spezzino” et, C 113/13, EU:C:2014:2440, punti 61 u 62, kif ukoll tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C 50/14, EU:C:2016:56, punti 64 u 65).

93      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, applikabbli fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment sanċita fl-Artikoli 49 sa 55 TFUE, ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirriżerva l-kwalità ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ assistenza soċjali lill-operaturi privati mingħajr skop ta’ lukru, inklużi dawk li ma humiex strettament ta’ volontarjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 1997, Sodemare et, C‑70/95, EU:C:1997:301, punti 32 sa 34).

94      Din il-ġurisprudenza tibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, li issa jipprevedi espliċitament l-eżistenza ta’ sistema simplifikata ta’ għoti għall-kuntratti pubbliċi soċjali.

95      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi, hekk kif huwa issa sanċit fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, jawtorizza lill-Istati Membri li jirriżervaw id-dritt ta’ parteċipazzjoni għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni għal entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru, inklużi dawk li ma humiex strettament ta’ volontarjat, sa kemm, minn naħa, l-eventwali profitt li jirriżultaw mill-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti jiġu investiti mill-ġdid minn dawn l-entitajiet bil-għan li jintlaħaq l-għan soċjali ta’ interess ġenerali mfittex minnhom u, min-naħa l-oħra, li l-kundizzjonijiet kollha mfakkra fil-punti 90 u 91 ta’ din is-sentenza jkunu ssodisfatti.

96      Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 jipprekludi, bil-kontra ta’ dan, li tali kuntratti pubbliċi jistgħu jiġu attribwiti direttament, mingħajr kompetizzjoni, lil entità mingħajr skop ta’ lukru, li ma hijiex entità ta’ volontarjat (ara, f’dan l-aħħar rigward, is-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2016, CASTA et, C‑50/14, EU:C:2016:56, punt 70). Bil-kontra ta’ dan, dan l-artikolu jeħtieġ li, qabel ma jkun hemm tali għoti, l-awtorità kontraenti tqabbel u tikklassifika l-offerti rispettivi tad-diversi entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li jkunu wrew l-interess tagħhom, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tal-prezz ta’ dawn l-offerti, minkejja li dan il-prezz ikun kompost, bħal f’dan il-każ, mill-ispejjeż kollha li r-rimbors tagħhom għandu jiġi żgurat mill-awtorità kontraenti.

97      F’dak li jirrigwarda, it-tieni, il-prinċipju ta’ trasparenza, dan jeżiġi min-naħa tal-awtorità kontraenti livell xieraq ta’ pubbliċità, li jkun jippermetti, minn naħa, ftuħ għall-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, il-kontroll tal-imparzjalità tal-proċedura ta’ għoti sabiex kull operatur interessat ikun jista’ jiddeċiedi li jagħmel offerta abbażi tal-informazzjoni kollha rilevanti kif ukoll sabiex tiġi ggarantita l-assenza ta’ riskju ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà min-naħa tal-awtorità kontraenti. L-obbligu ta’ trasparenza għalhekk jimplika li l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet kollha tal-proċedura tal-għoti jkunu fformulati b’mod ċar, preċiż u univoku, b’mod, minn naħa, li jippermetti lill-offerenti kollha raġonevolment informati u b’diliġenza ordinarja jifhmu l-portata eżatta tagħhom u li jinterpretawhom bl-istess mod u, min-naħa l-oħra, b’mod li jiċċirkoskrivi s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti u li jqegħdha f’pożizzjoni li tivverifika b’mod effettiv jekk l-offerti tal-offerenti jikkorrispondux għall-kriterji li jirregolaw il-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, EU:C:2012:80, punt 73, u tal-4 ta’ April 2019, Allianz Vorsorgekasse, C‑699/17, EU:C:2019:290, punti 61 u 62 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

98      F’dan il-każ, minn naħa, mill-fajl li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma toffrix garanziji suffiċjenti li jippermettu l-protezzjoni tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru kontra r-riskji ta’ favoritiżmu u ta’ arbitrarjetà tal-awtorità kontraenti matul il-proċedura ta’ għoti ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali.

99      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24 jippreċiża, fir-rigward tal-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi li jaqgħu taħt is-sistema simplifikata stabbilita fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva, ir-rekwiżiti ta’ pubbliċità meħtieġa mill-prinċipju ta’ trasparenza, hekk kif imfakkar fil-punt 97 ta’ din is-sentenza.

100    Issa, skont l-imsemmi Artikolu 75, l-awtoritajiet kontraenti li għandhom l-intenzjoni li jagħtu kuntratt pubbliku għas-servizzi msemmija fl-Anness XIV tad-Direttiva 2014/24 għandhom, bħala prinċipju, jgħarrfu l-intenzjoni tagħhom permezz ta’ avviż ta’ kuntratt jew ta’ notifika ta’ informazzjoni minn qabel li tiġi ppubblikata, konformement mal-Artikolu 51 ta’ din id-direttiva, mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward tan-notifiki ta’ informazzjoni minn qabel, fuq il-profili tagħhom ta’ xerrej.

101    F’dan il-każ, hekk kif osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tagħha, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali donnu jirriżulta li l-pubbliċità tal-avviżi ta’ kuntratt li hija tipprevedi hija żgurata bis-sempliċi pubblikazzjoni fid-Diari Oficial de la Generalitat Valenciana (il-Ġurnal Uffiċjali tal-Gvern tal-Komunità ta’ Valencia). Jekk dan ikun il-każ, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, tali pubblikazzjoni ma tikkostitwixxix miżura ta’ pubbliċità konformi mal-Artikolu 75 tad-Direttiva 2014/24.

102    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu, permezz ta’ kompetizzjoni bejn l-offerti tagħhom, ftehimiet li abbażi tagħhom dawn l-entitajiet għandhom jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni, b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż li huma jsostnu, irrispettivament mill-valur stmat ta’ dawn is-servizzi, anki jekk dawn l-entitajiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 77, sakemm, minn naħa, il-kuntest legali jew ta’ ftehim li fih titwettaq l-attività tal-imsemmija entitajiet jikkontribwixxi effettivament kemm għall-għan soċjali kif ukoll għat-tiftix li jintlaħqu għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, sakemm il-prinċipju ta’ trasparenza, hekk kif huwa b’mod partikolari ppreċiżat fl-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, huwa osservat.

 Fuq it-tielet domanda

103    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont kliem l-Artikolu 64(3) tal-Liġi 5/1997, l-istabbiliment tal-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru fil-post tal-provvista tas-servizz jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji ta’ għażla li jistgħu jintużaw mill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-konklużjoni ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali. Għalhekk, u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi, fuq il-bażi ta’ tali kriterju, li l-offerenti jkunu, mill-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, stabbiliti fit-territorju tal-post ikkonċernat mis-servizzi soċjali li għandhom jiġu pprovduti.

104    Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, essenzjalment, jekk l-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jippermettu, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi soċjali msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, li l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla tal-operaturi ekonomiċi, minn qabel l-eżami tal-offerti tagħhom.

105    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie enfasizzat fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 76 tal-imsemmija direttiva jeżiġi li dan il-kriterju ta’ stabbiliment ikun kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi ekonomiċi.

106    Issa, tali kriterju jistabbilixxi differenza fit-trattament bejn l-operaturi ekonomiċi, skont jekk għandhomx jew le stabbiliment fil-post tal-provvista tas-servizz soċjali inkwistjoni. Peress li s-sitwazzjoni ta’ dawn l-operaturi hija paragunabbli fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku li għandu bħala suġġett servizz msemmi fl-Anness XIV tal-istess direttiva, tali differenza fit-trattament hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza biss sakemm din tista’ tkun iġġustifikata min għan leġittimu.

107    Fit-tieni lok, mill-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kriterju ta’ għażla bbażat fuq l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi huwa, b’mod partikolari, intiż li tiġi żgurata l-prossimità u l-aċċessibbiltà tas-servizzi soċjali li huma s-suġġett ta’ ftehim ta’ azzjoni kuntrattwali.

108    Ċertament, dan l-oġġettiv jikkostitwixxi għan leġittimu fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u huwa, barra minn hekk, rikonoxxut kemm fl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru°26 kif ukoll fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24, sa fejn dan l-aħħar artikolu jimponi fuq l-Istati Membri, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 84 ta’ din is-sentenza, l-obbligu li jiżguraw li l-awtoritajiet kontraenti jkunu jistgħu jieħdu inkunsiderazzjoni n-neċessità li jiġu żgurati, b’mod partikolari, l-aċċessibbiltà u d-disponibbiltà tas-servizzi msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva.

109    Dan espost, kriterju li jimponi, bħal f’dan il-każ, li l-offerenti jkunu stabbiliti, mill-mument tal-preżentazzjoni tal-offerti tagħhom, fit-territorju tal-post ikkonċernat mis-servizzi soċjali li għandhom jiġu pprovduti huwa manifestament sproporzjonat meta mqabbel mal-ilħuq ta’ tali objettiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Ottubru 2005, Contse et, C‑234/03, EU:C:2005:644, punt 43). Fill-fatt, anki jekk jitqies li l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fit-territorju tal-post fejn huwa għandu jipprovdi s-servizzi soċjali inkwistjoni huwa neċessarju sabiex jiġu ggarantiti l-prossimità u l-aċċessibbiltà ta’ dawn is-servizzi, tali objettiv jista’, f’kull każ, jintlaħaq b’mod daqstant effettiv billi fuq dan l-operatur jiġi impost l-obbligu li jissodisfa din il-kundizzjoni biss fl-istadju tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni.

110    Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi soċjali msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla tal-operaturi ekonomiċi, minn qabel l-eżami tal-offerti tagħhom.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 76 u 77 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tirriżerva għall-entitajiet privati mingħajr skop ta’ lukru l-possibbiltà li jikkonkludu, permezz ta’ kompetizzjoni bejn l-offerti tagħhom, ftehimiet li abbażi tagħhom dawn l-entitajiet għandhom jipprovdu servizzi soċjali ta’ appoġġ għall-persuni, b’korrispettiv ta’ rimbors tal-ispejjeż li huma jsostnu, irrispettivament mill-valur stmat ta’ dawn is-servizzi, anki jekk dawn l-entitajiet ma jissodisfawx ir-rekwiżiti previsti f’dan l-Artikolu 77, sakemm, minn naħa, il-kuntest legali jew ta’ ftehim li fih titwettaq l-attività tal-imsemmija entitajiet jikkontribwixxi effettivament kemm għall-għan soċjali kif ukoll għat-tiftix li jintlaħqu għanijiet ta’ solidarjetà u ta’ effiċjenza baġitarja li fuqhom hija bbażata din il-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, sakemm il-prinċipju ta’ trasparenza, hekk kif huwa b’mod partikolari ppreċiżat fl-Artikolu 75 ta’ din id-direttiva, huwa osservat.

2)      L-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tgħid li, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi soċjali msemmija fl-Anness XIV ta’ din id-direttiva, l-istabbiliment tal-operatur ekonomiku fil-post fejn għandhom jiġu pprovduti s-servizzi jikkostitwixxi kriterju ta’ għażla tal-operaturi ekonomiċi, minn qabel l-eżami tal-offerti tagħhom.

Firem,


*      Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.