Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Lulju 2013 – Chatzianagnostou vs Il-Kunsill et

(Kawża T-383/13)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrent: Antonios Chatzianagnostou (Serres, il-Greċja) (rappreżentant: Ch. Makris, avukat)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Eulex Kosovo, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla fl-intier tagħhom, l-ewwel nett, id-deċiżjoni tal-kap ta’ EULEX Kosovo, tal-10 ta’ Mejju 2013, intitolata “Deċiżjoni finali fil-każ dixxiplinari 02/2013” u nnotifikata lir-rikorrent fis-16 ta’ Mejju 2013, u, it-tieni nett, id-deċiżjoni tal-kap ta’ EULEX, tal-10 ta’ Mejju 2013, intitolata “Deċiżjoni finali fil-każ dixxiplinari 06/2013” u nnotifikata lir-rikorrent fis-16 ta’ Mejju 2013;

tiskaġuna lir-rikorrent minn kull akkuża dixxiplinari fformulata minn Eulex fil-konfront tiegħu;

torna lil Eulex jipprovdi lir-rikorrent, fil-kuntest ta’ din il-kawża, kopja tad-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajls dixxiplinari kontenzjużi li jikkonċernawh; u

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż esposti mir-rikorrent, inklużi l-onorarji tal-avukat mandatarju ad litem tiegħu.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-forom proċedurali sostanzjali minħabba n-nuqqas totali ta’ motivazzjoni tal-atti kkontestati u wkoll minħabba l-ksur tal-Artikolu 296 TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Istati Membri tal-UE, li jistabbilixxu li l-atti amministrattivi kollha sfavorevoli għall-individwu għandhom ikunu motivati b’mod suffiċjenti, komplet u speċifiku. F’dan il-każ, ir-rikorrent isostni li l-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija totalment ineżistenti, minkejja li din hija ġuridikament indispensabbli u obbligatorja.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur mill-konvenuti, permezz tal-atti kkontestati, ta’ numru ta’ drittijiet tad-difiża tar-rikorrent li joħorġu mill-KEDB u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt li huma komuni għall-Istati Membri tal-UE. Fil-kuntest tal-każ dixxiplinari 6/2013 li jikkonċernah quddiem EULEX, ġiet imposta fuq ir-rikorrent sanzjoni dixxiplinari għal att li huwa wettaq, li dwaru huwa qatt ma ġie mistieden jippreżenta d-difiża tiegħu u qatt ma ngħata l-possibbiltà li jagħmel dan. Barra minn hekk, ir-rikorrent ġie mċaħħad mid-dritt tiegħu li jkollu aċċess f’ħin xieraq, mingħajr restrizzjonijiet u effikaċji għal assistenza legali sabiex ikun jista’ jiddefendi ruħu faċilment permezz ta’ avukat mandatarju tal-għażla tiegħu li jkun ippreparat b’mod adegwat billi jkollu għarfien sħiħ tal-akkużi dixxiplinari fil-konfront tiegħu fil-kuntest ta’ EULEX.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-iżball ta’ fatt li bih jinsabu vvizzjati l-atti kkontestati. Ir-rikorrent isostni li t-tieni att ikkontestat ġie bbażat fuq premessi u fuq motivazzjoni kontradittorja jew insufffiċjenti, bi ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza tar-rikorrent u tad-dritt tiegħu li ma jinkriminax lilu nnifsu. Barra minn hekk, l-istess att ikkontestat huwa vvizzjat minn żball sa fejn dan ma jirrikonoxxix li r-rikorrent wettaq żball ta’ dritt skużabbli jew sa fejn huwa ma jaċċettax, tal-inqas, l-elementi li jiskaġunaw marbuta mal-kollaborazzjoni attiva u mal-pentiment.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Patt dwar id-drittijiet ċivili u politiċi, tal-Artikolu 10 tal-KEDB, tal-Artikolu 15 TFUE, tar-Regolament Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 1 , tad-Direttiva Nru 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 2 u tal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjonijiet ikkontestati tal-kap ta’ EULEX li jikkonfermaw is-sanzjonijiet dixxiplinari proposti fil-konfront tar-rikorrent huma vvizzjati minn żball ta’ liġi sa fejn, li kieku dawn kienu korretti, huma kienu jilqgħu rikorsi mressqa mir-rikorrent sabiex is-sanzjonijiet dixxiplinari jiġu annullati minħabba, b’mod partikolari, il-ksur tad-dispożizzjonijiet iċċitati iktar ’il fuq dwar id-dritt tar-rikorrent li jkollu aċċess għad-dokumenti kontenzjużi taż-żewġ każi dixxiplinari li jikkonċernawh fil-kuntest ta’ EULEX.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-ksur, permezz tal-atti kkontestati, tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ekwità dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet dixxiplinari fil-konfront tar-rikorrent.

____________

1 Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).

2 Id-Direttiva 2003/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2003 dwar l-użu mill-ġdid ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 701).