Language of document : ECLI:EU:C:2015:437

Kawża C‑334/14

L-Istat Belġjan

vs

Nathalie De Fruytier

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-cour d’appel de Mons)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Is-Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjonijiet għal ċerti attivitajiet ta’ interess ġenerali – Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) – Viżta fl-isptar u kura medika – Operazzjonijiet marbuta strettament – Attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika – Attività ta’ natura indipendenti – Sptarijiet u ċentri għat-trattament mediku u ta’ dijanjosi – Stabbiliment tal-istess natura”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tat-2 ta’ Lulju 2015

Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet fiskali – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud – Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva – Eżenzjoni tal-għoti ta’ kura lill-persuna fil-kuntest tal-professjonijiet mediċi u paramediċi – Trasport minn terz li jaħdem għal rasu ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika – Esklużjoni – Operazzjonijiet marbuta strettament ma’ provvisti ta’ natura medika – Stabbiliment tal-istess natura – Esklużjoni

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13A(1)(b) u (ċ))

L-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax għal attività ta’ trasport ta’ organi u ta’ kampjuni umani għall-finijiet ta’ analiżi medika jew ta’ kura medika jew terapewtika, eżerċitata minn terz li jaħdem għal rasu, li s-servizzi tiegħu huma koperti mir-rimbors magħmul mis-sigurtà soċjali, lil kliniki u lil laboratorji. B’mod partikolari, tali attività ma tistax tibbenefika minn eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud inkwantu operazzjoni marbuta strettament ma’ servizzi ta’ natura medika bħal dawk previsti fl-imsemmi Artikolu 13A(1)(b), peress li dan it-terz li jaħdem għal rasu la jista’ jiġi kklassifikat bħala “entità rregolata mid-dritt pubbliku” u lanqas jista’ jaqa’ taħt il-klassifikazzjoni ta’ “sptar”, “ċentr[u] għat-trattament mediku” jew għal “dijanjosi” jew kull “stabbiliment ieħor tal-istess natura rrikonoxxut debitament”, li jopera taħt kondizzjonijiet soċjali komparabbli għal dawk applikati għall-entitajiet irregolati mid-dritt pubbliku.

Fil-fatt, minn naħa, din l-attività ma tikkostitwixxix manifestament kura medika jew provvista ta’ kura medika fis-sens tal-Artikolu 13A(1)(b) u (ċ) tas-Sitt Direttiva, peress li hija ma taqax taħt servizzi mediċi li għandhom direttament bħala għan effettiv li jagħmlu dijanjosi, jikkuraw jew li jfejqu l-mard jew l-anomaliji tas-saħħa, jew li għandhom bħala għan effettiv il-protezzjoni, iż-żamma jew il-fejqan tas-saħħa.

Min-naħa l-oħra, trasportatur li jaħdem għal rasu, ma huwiex, b’differenza b’mod partikolari minn laboratorju rregolat mid-dritt privat li jwettaq analiżi mediċi dijanjostiċi li għandhom finalità terapewtika, entità individwalizzata li tissodisfa l-istess tip ta’ funzjoni partikolari bħall-isptarijiet jew iċ-ċentri għat-trattament mediku jew dijanjosi.

(ara l-punti 23, 25, 36, 39 u d-dispożittiv)