Language of document : ECLI:EU:T:2015:698

Kawża T‑268/10 RENV

Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG)

u

SNF SAS

vs

L-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

“REACH – Identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Sustanzi intermedji – Rikors għal annullament – Interess dirett – Ammissibbiltà – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla Estiża) tal-25 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Rikors ippreżentat minn grupp Ewropew ta’ interess ekonomiku – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Interess dirett – Kriterji – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Rikors ippreżentat minn kumpanniji produtturi jew importaturi ta’ din is-sustanza – Identifikazzjoni li twassal għall-obbligu li tiġi kkomunikata skeda ta’ data ta’ sigurtà aġġornata lill-utenti tas-sustanza – Ammissibbiltà

(ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 31(9)(a), 57(a) u (b), u 59 u Anness II; Regolament tal-Kummissjoni Nru 453/2010, Artikolu 1)

3.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Applikabbiltà għas-sustanzi użati bħala sustanzi intermedji

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, punt 15 tal-Artikolu 3, Artikoli 57 u 59)

4.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-awtoritajiet tal-Unjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

5.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li tidentifika l-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza

(Artikolu 296 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, premessa 16, Artikoli 1(1), 2(1)(ċ), (8)(b), 55 u 59 u Anness XVII)

6.      Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet – Reġistrazzjoni, valutazzjoni u awtorizzazzjoni ta’ sustanzi kimiċi – Regolament REACH – Sustanzi ta’ tħassib serju ħafna – Proċedura ta’ identifikazzjoni – Obbligu għall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li timmotiva l-għażla tas-sustanza li għandha tiġi identifikata – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1907/2006, Artikoli 57 u 59)

1.      Assoċjazzjoni inkarigata li tiddefendi l-interessi kollettivi tal-membri tagħha bħala prinċipju tista’ tippreżenta rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE unikament jekk l-impriżi li hija tirrappreżenta jew uħud fosthom għandhom locus standi individwali jew jekk hija tista’ tipproduċi prova tal-interess tagħha stess. Din is-soluzzjoni tapplika wkoll fil-każ ta’ grupp Ewropew ta’ interess ekonomiku li kien ġie kkostitwit sabiex jirrappreżenta l-interessi ta’ kategorija ta’ impriżi.

(ara l-punt 32)

2.      Il‑kundizzjoni tal-interess dirett ta’ persuna fiżika jew ġuridika, inkwantu kundizzjoni għall-ammissibbiltà ta’ rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE teħtieġ, l-ewwel nett, li l-att ikkontestat jipproduċi direttament effetti fuq is-sitwazzjoni legali tal-individwu u, it-tieni nett, ma jħalli ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji ta’ dan l-att li huma inkarigati li jimplementawah, peress li għandha natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra.

F’dan ir-rigward, fil-kuntest tal-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi li tidentifika l-akrilammid bħala tali sustanza, peress li tissodisfa l-kriterji previsti fl-Artikolu 57(a) u (b) ta’ dan ir-regolament, tista’ tipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tal-fornituri ta’ din is-sustanza, sa fejn, peress li l-identifikazzjoni tagħha tikkostitwixxi informazzjoni ġdida li tista’ taffettwa l-miżuri ta’ mmaniġġar tar-riskji, jew tirrigwarda perikoli fis-sens tal-Artikolu 31(9)(a) ta’ dan ir-regolament, il-fornituri huma obbligati li jaġġornaw l-iskeda ta’ data ta’ sigurtà, skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-Anness II tar-Regolament Nru 1907/2006 ġie emendat biss, skont l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 453/2010, wara l-preżentata tar-rikors, peress li l-fatt li l-effetti ta’ att iseħħu biss f’data sussegwenti stabbilita f’dan l-istess att ma jipprekludix li individwu jista’ jkun direttament affettwat minħabba obbligu li jirriżulta minnu.

(ara l-punti 34, 42, 43, 47)

3.      Il-fatt li sustanza tista’ jkollha l-istatus ta’ sustanza intermedja fis-sens tal-punt 15 tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), ma jimplikax li din tiġi eżentata mill-identifikazzjoni bħala ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 ta’ dan ir-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, filwaqt li sustanza fis-sens tar-Regolament Nru 1907/2006 hija ddefinita mill-proprjetajiet intrinsiċi tagħha, il-kunċett ta’ sustanza intermedja previst minn dan ir-regolament ma jikkonċernax il-proprjetajiet ta’ sustanza u bl-ebda mod ma jbiddel dawn il-proprjetajiet, iżda jiddefinixxi sustanza intermedja minħabba l-għan previst mill-manifattura u mill-użu ta’ sustanza.

Konsegwentement, sa fejn kull sustanza tista’, bħala prinċipju, tiġi mmanifatturata għal u kkonsmata fi jew użata għal proċessar kimiku sabiex tiġi suġġetta għal sinteżi, u għalhekk ikollha l-istatus ta’ sustanza intermedja, il-fatt li sustanza għandha, fil-każ ineżami, l-istatus ta’ sustanza intermedja ma jistax jeżentaha mill-proċedura ta’ identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006.

(ara l-punti 66, 67)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 73, 74)

5.      F’dak li jikkonċerna l-istħarriġ ġudizzjarju tal-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hemm lok li lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) tiġi rrikonoxxuta setgħa diskrezzjonali wiesgħa f’qasam li jimplika min-naħa tagħha għażliet ta’ natura politika, ekonomika u soċjali, u li fih hija msejħa twettaq evalwazzjonijiet kumplessi. Hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura stabbilita f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-leġiżlatur jixtieq jilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ miżura bħal din. Fid-dawl tal-premessa 16 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), il-leġiżlatur stabbilixxa, bħala għan prinċipali l-ewwel mit-tliet għanijiet previsti fl-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dak li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent.

Ma tiksirx il-prinċipju ta’ proporzjonalità deċiżjoni tal-ECHA li tidentifika l-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna li tirriżulta mill-proċedura prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006. Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali deċiżjoni hija xierqa għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, peress li l-identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna sservi sabiex tittejjeb l-informazzjoni lill-pubbliku u lill-professjonisti dwar ir-riskji u l-perikoli li jistgħu jgħaddu minnhom, u li, għalhekk, din l-identifikazzjoni għandha titqies li hija strument għat-titjib ta’ tali protezzjoni. Minbarra dan, xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li użi tal-akrilammid minbarra bħala sustanzi intermedji huma esklużi, peress li din is-sustanza ma hijiex eżentata mit-Titolu VII tar-Regolament Nru 1907/2006 skont l-Artikolu 2(8)(b) tiegħu.

Fit-tieni lok, din id-deċiżjoni ma taqbiżx il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006, sa fejn il-possibbiltà li ma titteħidx azzjoni ma tikkostitwixxix miżura daqstant xierqa bħall-identifikazzjoni ta’ din is-sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna. L-istess japplika fir-rigward ta’ miżuri restrittivi li jikkonċernaw l-użu tal-akrilammid, peress li, kif jirriżulta mill-Anness XVII tar-Regolament Nru 1907/2006, ir-restrizzjonijiet, adottati skont il-proċedura prevista fit-Titolu VIII ta’ dan ir-regolament, applikabbli għall-manifattura, għat-tqegħid fis-suq u għall-użu ta’ ċerti sustanzi perikolużi u ta’ ċerti taħlitiet u oġġetti perikolużi, jistgħu jvarjaw minn kundizzjonijiet partikolari imposti għall-manifattura jew għat-tqegħid fis-suq ta’ sustanza għal projbizzjoni totali tal-użu ta’ sustanza. Anki jekk il-miżuri restrittivi huma wkoll xierqa sabiex jitwettqu għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, dawn għalhekk ma jikkostitwixxux, inkwantu tali, miżuri inqas vinkolanti meta pparagunati mal-identifikazzjoni ta’ sustanza li timplika biss obbligi ta’ żvelar ta’ informazzjoni. Bl-istess mod, il-leġiżlazzjoni eżistenti fil-qasam ta’ protezzjoni tal-ħaddiema ma tistax tikkostitwixxi miżura xierqa u inqas vinkolanti għat-twettiq tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1907/2006 dwar it-trattament tas-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna u, b’mod partikolari, tal-għan li s-sustanzi ta’ tħassib serju ħafna jiġu ssostitwiti progressivament minn sustanzi jew teknoloġiji xierqa oħra, meta dawn ikunu ekonomikament jew teknikament vijabbli. Fl-aħħar nett, l-identifikazzjoni tal-akrilammid bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna unikament sa fejn ma jintużax bħala sustanza intermedja, ukoll ma tikkostitwixxix miżura xierqa sa fejn il-leġiżlatur stabbilixxa regoli partikolari dwar is-sustanzi intermedji fl-Artikolu 2(1)(ċ) u (8)(b) tar-Regolament Nru 1907/2006.

(ara l-punti 82-86, 88-93)

6.      Peress li l-proċedura ta’ identifikazzjoni ta’ sustanza bħala ta’ tħassib serju ħafna prevista fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH) ma tagħti lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) l-ebda setgħa dwar l-għażla tas-sustanza li għandha tiġi identifikata, peress li din il-prerogattiva tappartjeni esklużivament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri skont l-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1907/2006, l-ECHA ma tistax tiġi kkritikata li kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament billi identifikat l-akrilammid u mhux sustanzi allegatament paragunabbli bħala sustanza ta’ tħassib serju ħafna. Bl-istess mod, peress li, skont l-Artikolu 59(3) tar-Regolament Nru 1907/2006, kull Stat Membru jista’ jipprepara fajl skont l-Anness XV ta’ dan ir-regolament għas-sustanzi li huwa jqis li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, l-ECHA ma tistax tiġi kkritikata li ma ressqet ebda motivazzjoni f’dak li jikkonċerna r-raġunijiet li għalihom l-akrilammid intagħżel minn dan l-Istat Membru u mhux sustanzi oħra li jippreżentaw proprjetajiet identiċi.

(ara l-punti 99-101)