Language of document :

Rikors ippreżentat fl-10 ta' Ġunju 2010 - PPG u SNF vs ECHA

(Kawża T-268/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Polyelectrolyte Producers Group GEIE (PPG) (Brussell, il-Belġju) u SNF SAS (Andrezieux Boutheon, Franza) (rappreżentanti: K. Van Maldegem, R. Cana, avukati u P. Sellar, Solicitor)

Konvenuta: Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA)

Talbiet tar-rikorrenti

tiddikjara r-rikors ammissibbli u fondat;

tannulla l-att ikkontestat;

tikkundanna l-ECHA għall-ispejjeż ta' din il-kawża;

tadotta kull miżura oħra rikjesta mil-liġi.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (iktar 'il quddiem "ECHA") li tidentifika l-akrilamidu (CE Nru 201-173-7)(CAS Nru 79 06 1) bħala sustanza li tissodisfa l-kriterji indikati fl-Artikolu 57 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 1 (iktar 'il quddiem "REACH"), skont l-Artikolu 59 REACH.

Ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat huwa illegali peress li huwa bbażat fuq evalwazzjoni tal-akrilamidu li hija xjentifikament u legalment żbaljata peress li hija bbażata fuq evidenza li ma hijiex suffiċjentement affidabbli u konvinċenti. Ir-rikorrenti jsostnu li l-ECHA wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta adottat l-att ikkontestat, bi ksur tal-Artikoli 2(8) u 59 REACH u bi ksur tad-dmir tagħha li, bi premura u imparzjalità, tevalwa l-evidenza.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-att ikkontestat jikser diversi prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipji ta' proporzjonalità u ta' nondiskriminazzjoni, peress li, mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva, jiddiskrimina kontra l-akrilamidu meta mqabbel ma' sustanzi paragunabbli oħra.

____________

1 - Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat 18 ta' Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, p. 1).