Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 ta' Ġunju 2010 - LIS vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-269/10)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: LIS GmbH Licht Impex Service (Mettmann, il-Ġermanja) (rappreżentant: K.-P. Langenkamp, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla, skont l-Artikolu 264 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2010;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti qiegħda tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 2198 finali, tat-12 ta' April 2010, li permezz tagħha l-Kummissjoni ċaħdet it-talba tar-rikorrenti għar-rimbors tad-dazji antidumping imħallsa fuq l-importazzjoni ta' bozoz florexxenti elettroniċi kumpatti u integrati li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tallega li, meta applikat l-Artikolu 11(8) tar-Regolament (KE) Nru 84/96 1, il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni s-sens u l-għan ta' dan l-att u ma rrispettatx il-prinċipji bażiċi tal-loġika.

F'dan ir-rigward huwa indikat, fost argumenti oħra, li fil-każ ineżami qatt ma kien hemm sitwazzjoni ta' dumping peress li n-nefqa tal-produzzjoni kienet inqas mill-prezz tal-esportazzjoni mħallas u peress li impriża Ġermaniża kienet sussegwentement offriet dan l-istess prodott bi prezz inqas mill-prezz tal-esportazzjoni inizjali Ċiniż.

Barra minn hekk, huwa allegat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prodotti inkwistjoni ma kinux bozoz li jiffrankaw l-elettriku fis-sens tal-miżura.

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li, għall-kuntrarju tal-fehma tal-Kummissjoni, ma kienx hemm lok li toġġezzjona għall-klassifikazzjoni tal-prodott magħmula mill-awtoritajiet doganali Ġermaniżi peress li ma kien hemm ebda intestatura oħra li taħtha seta' jiġi inkluż il-prodott.

Barra minn hekk, hija ssostni li l-Kummissjoni injorat il-fatt li, fil-każ ineżami, f'ebda mument ma kien hemm riskju li tinħoloq ħsara għall-Komunità peress li r-rikorrenti kienet l-unika operatriċi fl-Ewropa kollha li kienet tikkummerċjalizza dawn il-prodotti tad-dawl u, għalhekk, ma kienx jeżisti produttur ieħor vulnerabbli.

Fl-aħħar nett, huwa allegat li, għall-finijiet tat-talba għar-rimbors, huwa irrilevanti l-fatt li fil-prattika l-marġni ta' dumping ma kienx tneħħa; li huwa importanti huwa li tali marġni ta' dumping qatt ma kien jeżisti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45).