Language of document : ECLI:EU:C:2018:1021

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

17 ta’ Diċembru 2018 (*)

[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat‑2 ta’ Lulju 2019]

“Proċeduri għal miżuri provviżorji – Artikolu 279 TFUE – Talba għal miżuri provviżorji – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 47 – Protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Indipendenza tal-imħallfin”

Fil-Kawża C‑619/18 R,

li għandha bħala suġġett talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, imressqa fit‑2 ta’ Ottubru 2018,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn K. Banks, kif ukoll minn H. Krämer u S. L. Kaleda, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja, irrappreżentata minn B. Majczyna, kif ukoll minn K. Majcher u S. Żyrek, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn:

L-Ungerija, irrappreżentata minn M..Z. Fehér, bħala aġent,

intervenjenti,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Vilaras, T. von Danwitz, C. Toader, F. Biltgen, K. Jürimäe u C. Lycourgos, Presidenti ta’ Awla, L. Bay Larsen, D. Šváby, C. G. Fernlund, C. Vajda u S. Rodin, Imħallfin,

wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, E. Tanchev,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja, sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq il-mertu:

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1) sa (4) u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (Dz. U. tal‑2018, Numru 5), tal-Artikolu 5 tal-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Komuni, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑10 ta’ Mejju 2018 (Dz. U. tal‑2018, Numru 1045, iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendatorja”) (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni”), kif ukoll ta’ kull miżura meħuda skont dawn id-dispożizzjonijiet;

–        tieħu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiżgura li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu jibqgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fil-pożizzjoni li kellhom fid-data tat‑3 ta’ April 2018, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, filwaqt li jgawdu l-istess status u l-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’ impjieg li kienu jibbenefikaw minnhom sat‑3 ta’ April 2018;

–        ma tieħu ebda miżura intiża għall-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minflok dawk ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, kif ukoll ebda miżura intiża li taħtar l-Ewwel President ġdid ta’ din il-qorti jew li tidentifika l-persuna responsabbli sabiex tmexxi l-imsemmija qorti minflok l-Ewwel President tagħha sakemm jinħatar l-Ewwel President ġdid, u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika tad-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja li jordna l-miżuri provviżorji mitluba, u mbagħad regolarment kull xahar, kull miżura meħuda sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

2        Il-Kummissjoni talbet ukoll, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija fil-punt preċedenti qabel ma l-konvenuta tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, minħabba r-riskju immedjat ta’ dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fil-kuntest tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

3        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat mill-Kummissjoni fit‑2 ta’ Ottubru 2018 (iktar ’il quddiem ir-“rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu”), intiż sabiex jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi tnaqqas l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u billi tapplika din il-miżura għall-imħallfin attwali, maħtura f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018 u, min-naħa l-oħra, billi tagħti lill-President tar-Repubblika tal-Polonja s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). Dan ir-rikors ġie rreġistrat bir-referenza C‑619/18.

4        Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura, laqa’ b’mod provviżorju t-talba għal miżuri provviżorji sal-adozzjoni ta’ digriet li jtemm din il-proċedura għal miżuri provviżorji.

5        Skont l-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja rrefera din il-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-importanza tagħha, assenjatha lill-Awla Manja, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija regoli.

6        Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑30 ta’ Ottubru 2018, l-Ungerija ġiet awtorizzata tintervjeni insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Polonja għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura.

7        Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18, EU:C:2018:910), il-Kawża C‑619/18 ġiet suġġetta għall-proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura.

8        Fis‑16 ta’ Novembru 2018, kemm il-partijiet kif ukoll l-Ungerija ppreżentaw l-osservazzjonijiet orali tagħhom matul seduta quddiem l-Awla Manja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Kostituzzjoni Pollakka

9        [Kif rettifikat permezz tad-digriet tat‑2 ta’ Lulju 2019] L-Artikolu 183(3) tal-Kostituzzjoni Pollakka jipprevedi li l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għandu jinħatar għal perijodu ta’ sitt snin.

 Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema

10      L-Artikolu 37(1) sa (4) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jistabbilixxi:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jirtiraw fid-data li fiha jagħlqu 65 sena, ħlief jekk, mhux iktar kmieni minn tnax-il xahar qabel u mhux iktar tard minn sitt xhur wara li jilħqu l-età ta’ [65 sena], jagħmlu dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom u jekk jippreżentaw ċertifikat, stabbilit skont il-kundizzjonijiet applikabbli għall-kandidati li japplikaw għal pożizzjoni fil-ġudikatura, li jattesta li l-istat ta’ saħħa tagħhom jippermettilhom iservu bħala mħallfin, u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizza l-estensjoni tal-funzjonijiet tagħhom fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

1a.      Qabel ma tingħata tali awtorizzazzjoni, il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jibgħat l-opinjoni tiegħu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja fi żmien 30 jum mid-data li fiha ntalab jagħmel dan minn dan tal-aħħar. Jekk il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ma jkunx bagħat l-opinjoni tiegħu fi żmien il-perijodu previst fit-tieni sentenza, din l-opinjoni titqies li hija favorevoli.

1b.      Meta jagħti l-opinjoni msemmija fil-paragrafu 1a, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-interess tas-sistema ġudizzjarja jew interess pubbliku importanti, b’mod partikolari l-assenjazzjoni effiċjenti tal-membri tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jew il-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ ċerti awli tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)].

2.      Id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jintbagħtu lill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li min-naħa tiegħu għandu jittrażmettihom immedjatament, flimkien mal-opinjoni tiegħu, lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jikkomunika d-dikjarazzjoni tiegħu u ċ-ċertifikat tiegħu, flimkien mal-opinjoni tal-Kulleġġ tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

3.      Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] sabiex ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu f’terminu ta’ tliet xhur mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura msemmija fil-paragrafu 1a jew mill-iskadenza tat-terminu li fih għandha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni fit-terminu previst fl-ewwel sentenza, l-imħallef għandu jitqies li rtira b’effett mid-data li fiha jagħlaq 65 sena. Meta mħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jilħaq l-età msemmija fil-paragrafu 1 qabel tmiem il-proċedura ta’ estensjoni tal-mandat tiegħu, dan għandu jibqa’ fil-kariga sal-għeluq tal-imsemmija proċedura.

4.      L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tingħata għal perijodu ta’ tliet snin, li jista’ jiġġedded darba. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Kull imħallef li huwa awtorizzat sabiex jestendi l-funzjonijiet tiegħu fis-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] jista’ jirtira fi kwalunkwe mument wara li jagħlaq 65 sena; sabiex jagħmel dan huwa għandu jibgħat dikjarazzjoni lill-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)], li għandu jibgħatha immedjatament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja. L-Ewwel President tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] għandu jibgħat id-dikjarazzjoni tiegħu direttament lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.”

11      Skont l-Artikolu 111(1) u (1a) ta’ din il-liġi:

“1.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, jew li laħqu din l-età fi żmien tliet xhur mid-data ta’ dan id-dħul fis-seħħ, għandhom jirtiraw b’effett mill-jum ta’ wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu ta’ tliet xhur, ħlief jekk, fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

1a.      L-imħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)] li ser jilħqu l-età ta’ 65 sena wara l-iskadenza ta’ terminu ta’ tliet xhur u qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ tnax-il xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi għandhom jirtiraw tnax-il xahar wara dan id-dħul fis-seħħ, ħlief jekk, f’dan it-terminu, dawn jippreżentaw id-dikjarazzjoni u ċ-ċertifikat imsemmija fl-Artikolu 37(1), u jekk il-President tar-Repubblika tal-Polonja jawtorizzahom ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom ta’ mħallfin tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)]. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1a) sa (4) għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

12      Il-Liġi dwar il-Qorti Suprema daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018.

 Il-Liġi Emendatorja

13      L-Artikolu 5 tal-Liġi Emendatorja huwa fformulat kif ġej:

“Il-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jibgħat immedjatament lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura d-dikjarazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 37(1) u fl-Artikolu 111(1) tal-Liġi [dwar il-Qorti Suprema] li huwa ma eżaminax fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, għall-opinjoni tiegħu. Il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien 30 jum mill-jum li fih intalab jagħmel dan mill-President tar-Repubblika tal-Polonja. Il-President tar-Repubblika tal-Polonja jista’ jawtorizza lil imħallef tas-[Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fi żmien 60 jum mill-jum li fih tkun waslitlu l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jew mill-iskadenza tat-terminu li fih kellha tiġi kkomunikata din l-opinjoni. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(2) sa (4) tal-Liġi [dwar il-Qorti Suprema], kif emendata b’din il-liġi, għandhom japplikaw mutatis mutandis.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-miżuri meħuda fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni

14      Fit‑3 ta’ Lulju 2018, kien hemm 72 imħallef, li 27 minnhom kienu laħqu l-età ta’ 65 sena f’din id-data, li kienu qegħdin jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

15      Fl‑4 ta’ Lulju 2018, ħmistax minn dawn is‑27 imħallef ġew informati dwar l-irtirar tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, peress li ħdax minnhom ma kinux talbu estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tagħhom u erbgħa minnhom kienu ppreżentaw dikjarazzjoni tardiva fejn indikaw ix-xewqa tagħhom li jkomplu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom. Wieħed mill-ħmistax-il imħallef li kellhom jirtiraw huwa l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li l-mandat tiegħu kellu, konformement mal-Kostituzzjoni Pollakka, jintemm fit‑30 ta’ April 2020, li ġie kkonfermat permezz tar-riżoluzzjoni tat‑28 ta’ Ġunju 2018 adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tal-Imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

16      It-tnax-il imħallef l-oħra tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li laħqu l-età ta’ 65 sena fit‑3 ta’ Lulju 2018 ippreżentaw dikjarazzjoni li tindika x-xewqa tagħhom li jkomplu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fis-sens tal-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema. Fit‑12 ta’ Lulju 2018, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ta ħames opinjonijiet pożittivi u seba’ opinjonijiet negattivi, li tnejn minnhom kienu jikkonċernaw żewġ Presidenti ta’ Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), dwar iż-żamma tal-kariga tagħhom. Erbgħa mis-seba’ mħallfin li rċevew opinjoni negattiva mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ppreżentaw rikors kontra din l-opinjoni u talbu lill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura jimmotiva l-imsemmija opinjoni.

17      Peress li kellha dubji dwar il-konformità tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, inter alia, mal-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin u mal-garanzija tal-indipendenza tagħhom, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Awwissu 2018, ressqet talba għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE, fil-Kawża C‑522/18, Zakład Ubezpieczeń Społecznych, attwalment pendenti, li tirrigwarda l-interpretazzjoni, inter alia, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta, fil-kuntest tat-tnaqqis mil-leġiżlatur nazzjonali tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u tal-applikazzjoni ta’ din il-miżura għall-imħallfin attwali. Permezz ta’ din l-istess deċiżjoni, hija ssospendiet l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema sad-deċiżjoni tagħha, wara li tkun irċeviet ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-imsemmija talba għal deċiżjoni preliminari.

18      Fl-istess jum, il-Kanċellerija tal-President tar-Repubblika tal-Polonja indikat li d-deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema “kienet ittieħdet mingħajr bażi legali adatta u ma tipproduċix effetti fir-rigward tal-President tar-Repubblika tal-Polonja u ta’ kwalunkwe korp ieħor” u li kienet, barra minn hekk, “bla effett legali”.

19      Fil‑11 ta’ Settembru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja, minn naħa, iddeċieda li jawtorizza ħames imħallfin mit-tnax imsemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet sabiex jibqgħu fil-kariga tagħhom għal perijodu ta’ tliet snin u, min-naħa l-oħra, permezz ta’ stqarrija, iddeċieda li s-seba’ mħallfin l-oħra, inklużi ż-żewġ Presidenti ta’ Awla tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet, kellhom jirtiraw fit‑12 ta’ Settembru 2018. F’din l-istqarrija, il-President tar-Repubblika tal-Polonja, barra minn hekk, iddikjara li r-rikorsi ppreżentati minn ċerti mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kontra l-opinjoni negattiva tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura sabiex dawn jibqgħu fil-kariga tagħhom ma kellhomx impatt fuq id-deċiżjonijiet tiegħu peress li tali opinjoni ma kinitx meħtieġa għat-teħid ta’ deċiżjonijiet. Barra minn hekk, dan iddikjara li d-deċiżjonijiet tiegħu dwar iż-żamma tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma kellhomx ikunu motivati.

20      Fit‑12 ta’ Settembru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ffirma d-deċiżjonijiet li jirrifjutaw l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tas-seba’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt preċedenti. Dawn id-deċiżjonijiet huma bbażati fuq l-Artikolu 111(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li l-applikazzjoni tagħha ġiet sospiża permezz tad-deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) imsemmija fil-punt 17 ta’ dan id-digriet.

21      Fl-istess jum, inżammet seduta quddiem kulleġġ ġudikanti tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kien jinkludi żewġ imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Dan il-kulleġġ iddikjara li dawn l-imħallfin setgħu jibqgħu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, peress li l-applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet kienet ġiet sospiża permezz tad-deċiżjoni tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), imsemmija fil-punt 17 ta’ dan id-digriet.

 Il-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin ġodda tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)

22      Fid‑29 ta’ Marzu 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja żied in-numru totali ta’ postijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minn 93 għal 120. Fid‑29 ta’ Ġunju 2018, ġew ippubblikati 44 pożizzjoni vakanti ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

23      L-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda s-Sistema Applikabbli għall-Qrati tad-Dritt Ġenerali u Ċerti Liġijiet Oħra) tal‑20 ta’ Lulju 2018 (Dz. U. tal‑2018, Numru 1443) emendat ir-regoli tal-proċedura tranżitorja rigward l-għażla tal-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). B’mod partikolari, din il-Liġi naqqset in-numru ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li għandhom jagħtu l-qbil tagħhom sabiex tinbeda din il-proċedura minn 110 għal 80. Barra minn hekk, hija llimitat l-effett sospensiv tar-rikorsi kontra l-opinjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura ppreżentati mill-kandidati għall-postijiet ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). L-imsemmija liġi daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Awwissu 2018 u hija applikabbli għall-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) mibdija qabel din id-data.

24      Fit‑28 ta’ Awwissu 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ppubblika pożizzjonijiet vakanti ġodda ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fosthom dak tal-Ewwel President ta’ din il-qorti.

25      Bejn l‑20 u t‑28 ta’ Awwissu 2018, il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura stabbilixxa l-lista finali ta’ kandidati sabiex tiġi sottomessa lill-President tar-Repubblika tal-Polonja bil-ħsieb li jiġu maħtura mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

26      Fl‑20 ta’ Settembru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja ddeċieda li jaħtar għaxar imħallfin fl-awla dixxiplinarja tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

27      Skont l-informazzjoni li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑10 ta’ Ottubru 2018, il-President tar-Repubblika tal-Polonja fformalizza l-ħatra ta’ 27 imħallef ġdid fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema).

 Fuq it-talba għal miżuri provviżorji

28      L-Artikolu 160(3) tar-Regoli tal-Proċedura jistabbilixxi li t-talbiet għal miżuri provviżorji għandhom jispeċifikaw “is-suġġett tal-kawża, iċ-ċirkustanzi li jistabbilixxu l-urġenza, kif ukoll il-motivi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġġustifikaw prima facie l-adozzjoni tal-miżura provviżorja mitluba”.

29      Għalhekk, miżura provviżorja tista’ tingħata mill-Imħallef għal miżuri provviżorji biss jekk jiġi stabbilit li l-għoti tagħha jkun iġġustifikat prima facie fil-fatt u fid-dritt (fumus boni juris) u li din tkun urġenti fis-sens li huwa neċessarju, sabiex jiġi evitat dannu serju u irreparabbli għall-interessi tar-rikorrent, li din tiġi adottata u tipproduċi l-effetti tagħha qabel id-deċiżjoni dwar il-mertu. L-Imħallef għal miżuri provviżorji xorta għandu jipproċedi, jekk ikun xieraq, bl-ibbilanċjar tal-interessi kontrapposti. Dawn il-kundizzjonijiet huma kumulattivi, b’tali mod li t-talba għal miżuri provviżorji għandha tiġi miċħuda meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun nieqsa (digriet tal‑20 ta’ Novembru 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, C‑441/17 R, EU:C:2017:877, punti 29 u 30 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-fumus boni juris

30      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kundizzjoni relattiva dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta meta mill-inqas wieħed mill-motivi invokati mill-parti li titlob il-miżuri provviżorji insostenn tar-rikors fuq il-mertu jidher, prima facie, li ma huwiex infondat. B’mod partikolari, dan huwa l-każ meta wieħed minn dawn il-motivi jiżvela l-eżistenza ta’ kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li s-soluzzjoni tagħhom ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma tistax issir mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, iżda għandha tkun is-suġġett tal-proċedura dwar il-mertu, jew meta d-diskussjoni bejn il-partijiet tiżvela l-eżistenza ta’ kontroversja legali importanti li s-soluzzjoni tagħha ma tkunx evidenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il‑Latvja, C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      F’dan il-każ, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ fumus boni juris, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi, imqajma wkoll fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bbażati, l-ewwel, fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (iktar ’il quddiem id-“dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar”), sa fejn dawn japplikaw għall-imħallfin attwali, li ġew maħtura qabel it‑3 ta’ April 2018, jiksru l-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin u, it-tieni, fuq il-fatt li d-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema li jagħtu lill-President tar-Repubblika tal-Polonja s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ mħallfin ta’ din il-qorti lil hinn mill-età tal-irtirar stabbilita mill-ġdid jiksru l-prinċipju ta’ indipendenza ġudizzjarja. Konsegwentement, il-Kummissjoni tqis li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

32      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, il-Kummissjoni tenfasizza, l-ewwel nett, li, qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, jiġifieri t‑3 ta’ April 2018, l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kienet ta’ 70 sena u li din il-Liġi naqqset din l-età għal 65 sena, billi tipprevedi, mingħajr miżuri tranżitorji, l-applikazzjoni immedjata ta’ dan it-tnaqqis mhux biss għall-imħallfin ta’ din il-qorti maħtura wara din id-data, iżda wkoll għal dawk li kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom fl-imsemmija data, li kienu 72.

33      Il-Kummissjoni tirrileva, sussegwentement, li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar diġà wasslet għall-irtirar ta’ 22 imħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li minnhom ħmistax-il imħallef, fosthom l-Ewwel President, fl‑4 ta’ Lulju 2018, u seba’ mħallfin, fosthom żewġ Presidenti ta’ Awla, fit‑12 ta’ Settembru 2018, u dan jirrappreżenta madwar 30 % tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kienu fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

34      Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tqis li t-tnaqqis fl-età tal-irtirar għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u l-applikazzjoni ta’ dan it-tnaqqis għall-imħallfin fil-kariga fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema jwasslu għat-tnaqqis tat-tul tal-funzjoni ġudizzjarja attiva ta’ dawn l-imħallfin. Għalhekk, l-irtirar tal-imsemmija mħallfin li jirriżulta mit-tnaqqis f’salt tal-età tal-irtirar jikkostitwixxi, fil-fatt, revoka ta’ dawn l-istess imħallfin, kuntrarjament għall-prinċipju ta’ irremovibbiltà tal-imħallfin.

35      Fil-kuntest tat-tieni motiv, il-Kummissjoni tirrileva li, konformement mal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, huwa l-President tar-Repubblika tal-Polonja li għandu jawtorizza l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età ta’ 65 sena, u din l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi mġedda darba. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet relatati mal-għoti ta’ din l-awtorizzazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza, b’mod partikolari, minn naħa, li l-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu jitlob l-opinjoni tal-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura, li madankollu ma hijiex vinkolanti, u, min-naħa l-oħra, li d-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja għandha tiġi adottata b’mod diskrezzjonali u ma tistax tiġi appellata.

36      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-President tar-Repubblika tal-Polonja, awtorizza, fil‑11 ta’ Settembru 2018, lil ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li kienu laħqu l-età ta’ 65 sena fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom għal perijodu ta’ tliet snin.

37      Il-Kummissjoni tqis li n-nuqqas ta’ kriterji li abbażi tagħhom il-President tar-Repubblika tal-Polonja jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età ta’ 65 sena, flimkien man-nuqqas ta’ stħarriġ ġudizzjarju ta’ din id-deċiżjoni, għandu l-effett li jagħti lill-President tar-Repubblika tal-Polonja marġni ta’ diskrezzjoni eċċessiva li tista’ tippreġudika l-indipendenza tal-imħallfin fid-dawl, b’mod partikolari, tal-influwenza u tal-pressjonijiet fuq l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jistgħu jirriżultaw minn din is-setgħa mogħtija lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

38      Billi bbażat ruħha fuq il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-indipendenza ġudizzjarja, b’mod partikolari fuq is-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), li minnhom jirriżulta li l-ħarsien tal-indipendenza tal-imħallfin huwa essenzjali sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni ssostni li, billi adottat id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-obbligu tagħha, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jiġi żgurat ir-rispett tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fis-sens tad-dritt tal-Unjoni.

39      Hemm lok li jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-motivi invokati mill-Kummissjoni jqajmu l-kwistjoni dwar il-portata preċiża tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta fil-kuntest tal-eżerċizzju, minn Stat Membru, tal-kompetenza tiegħu ta’ organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja tiegħu. Din hija kwistjoni ġuridika kumplessa, li qiegħda tiġi diskussa bejn il-partijiet u li s-soluzzjoni għaliha ma hijiex ovvja u għalhekk timmerita evalwazzjoni fil-fond, li ma jistax titwettaq mill-Imħallef għal miżuri provviżorji.

40      Fit-tieni lok, mingħajr deċiżjoni f’dan l-istadju dwar il-fondatezza tal-argumenti invokati mill-partijiet fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li taqa’ esklużivament taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-punti ta’ fatt imressqa mill-Kummissjoni kif ukoll tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari s-sentenzi tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117), kif ukoll tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni fil-kuntest taż-żewġ motivi, ma jidhrux, prima facie, infondati.

41      Fil-fatt, skont din il-ġurisprudenza, kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala “qorti”, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 52 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

42      Sabiex tiġi żgurata din il-protezzjoni, il-ħarsien tal-indipendenza tal-imsemmija istanzi huwa essenzjali, kif jikkonferma t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li jsemmi l-aċċess għal qorti “indipendenti” fost ir-rekwiżiti marbuta mad-dritt fundamentali għal rimedju effettiv (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 53 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43      F’dan il-każ, huwa stabbilit bejn il-partijiet li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tista’ tiġi mitluba tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni jew mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Minn dan isegwi li, bħala “qorti”, kif iddefinita mid-dritt tal-Unjoni, din tagħmel parti mis-sistema Pollakka ta’ rimedji ġudizzjarji fl-“oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u li, konsegwentement, għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

44      Ma jistax jiġi eskluż, prima facie, li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiksru l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

45      B’mod partikolari, fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, qegħdin jitqajmu kwistjonijiet ġuridiċi kumplessi li jeħtieġu eżami fil-fond mill-qorti li tiddeċiedi dwar il-mertu, bħal, inter alia, dik dwar jekk, kif issostni l-Kummissjoni, il-garanzija tal-irremovibbiltà tal-imħallfin teħtieġx li d-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar ma japplikawx għall-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kienu diġà nħatru qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, jew dik dwar sa fejn l-intervent ta’ korp ta’ setgħa eżekuttiva fid-deċiżjoni dwar jekk jinżammux fil-kariga, lil hinn mill-età tal-pensjoni stabbilita mill-ġdid, dawn l-imħallfin jew dawk li jinħatru fl-imsemmija qorti wara dan id-dħul fis-seħħ, huwiex ta’ natura li jikser il-prinċipju tal-indipendenza tal-qrati.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivi invokati mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma humiex, prima facie, fondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ dan id-digriet.

47      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argumenti mqajma mir-Repubblika tal-Polonja.

48      L-ewwel nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument li t-talba għal miżuri provviżorji tal-Kummissjoni ma hijiex fondata prima facie, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ppreżentat kontra Stat Membru li adotta dispożizzjonijiet dwar l-organizzazzjoni ta’ qorti suprema nazzjonali.

49      Fil-fatt, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja tintalab tiddeċiedi, għall-ewwel darba, dwar rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu b’suġġett bħal dak tar-rikors prinċipali ma jistax jeskludi l-eżistenza ta’ fumus boni juris. Għall-kuntrarju, in-natura innovattiva tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni għandha t-tendenza li ssaħħaħ il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 39 ta’ dan id-digriet.

50      It-tieni nett, lanqas ma jista’ jintlaqa’ l-argument li, minn naħa, il-Kummissjoni ma setgħetx tirrepeti, fil-kuntest tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji, l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu u li, min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-fondatezza, anki prima facie, ta’ dawn l-argumenti teħtieġ analiżi ċara ħafna tal-pożizzjoni tal-partijiet fil-kawża.

51      Fil-fatt, il-fatt li l-argument tal-Kummissjoni invokat insostenn tat-talba tagħha għal miżuri provviżorji huwa simili għal dak imqajjem fil-kuntest ta’ rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jipprekludix li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris tista’ titqies bħala ssodisfatta, peress li, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ dan id-digriet, din il-kundizzjoni teħtieġ, preċiżament, l-evalwazzjoni, prima facie, mill-Imħallef għal miżuri provviżorji, tal-fondatezza tal-motivi invokati fil-kuntest tal-kawża dwar il-mertu sabiex dan jistabbilixxi li dan ir-rikors ma jkunx manifestament nieqes mill-possibbiltà li jkollu eżitu pożittiv.

52      Barra minn hekk, il-fatt invokat mir-Repubblika tal-Polonja li jsostni li l-evalwazzjoni, anki prima facie, tal-fondatezza tal-argumenti tal-partijiet dwar il-mertu tal-kawża teħtieġ analiżi preċiża ħafna tal-pożizzjoni ta’ dawn il-partijiet jikkorrobora l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ qbil legali li s-soluzzjoni tiegħu ma hijiex evidenti u, għaldaqstant, jikkonferma li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 ta’ dan id-digriet.

53      It-tielet nett, l-argument li, minn naħa, huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk il-motivi invokati mill-Kummissjoni humiex prima facie fondati, minħabba li l-argumenti mressqa fil-kuntest ta’ dawn il-motivi huma vvizzjati minn nuqqas ta’ motivazzjoni u li, min-naħa l-oħra, dawn l-argumenti huma bbażati biss fuq assunzjonijiet, ma huwiex fondat.

54      Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat suffiċjentement il-punti ta’ fatt u ta’ dritt li jiġġustifikaw, prima facie, l-għoti ta’ miżuri provviżorji. Barra minn hekk, il-Kummissjoni pprovdiet spjegazzjonijiet iddettaljati kemm dwar il-kontenut tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll dwar ir-raġunijiet għaliex hija tqis li dawn id-dispożizzjonijiet jiksru l-obbligi imposti fuq ir-Repubblika tal-Polonja skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u tal-Artikolu 47 tal-Karta.

55      Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Polonja li jgħid li l-motivi invokati mill-Kummissjoni huma bbażati fuq sempliċi assuzzjonijiet, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel motiv, li l-Kummissjoni esponiet b’mod ċar ir-rabta li hija kellha l-intenzjoni tistabbilixxi bejn l-applikazzjoni tal-miżura tat-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) għall-imħallfin attwali, li ġew maħtura f’din il-qorti qabel it‑3 ta’ April 2018, u n-nuqqas tar-Repubblika tal-Polonja li twettaq l-obbligu tagħha li tiżgura li l-imsemmija qorti tissodisfa r-rekwiżiti inerenti għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni.

56      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tieni motiv, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan il-motiv, il-Kummissjoni ma ssostnix li l-President tar-Repubblika tal-Polonja ser juża s-setgħa deċiżjonali tiegħu dwar l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) lil hinn mill-età ta’ 65 sena sabiex issir pressjoni fuq dawn l-imħallfin, iżda li, billi tat lill-President tar-Repubblika tal-Polonja tali setgħa, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jqegħduh f’pożizzjoni li jeżerċita tali pressjoni.

57      Finalment, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni l-eżistenza fi Stati Membri oħra, bħar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jew ir-Repubblika Franċiża, kif ukoll fil-Qorti tal-Ġustizzja stess, ta’ regoli simili għal dawk tar-Repubblika tal-Polonja, li permezz tagħhom id-deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin taqa’ esklużivament fil-kompetenza tal-Gvern tal-Istat Membru kkonċernat. Ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi wkoll id-diversi bidliet fl-età tal-irtirar ta’ mħallfin fl-Italja. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, in-nuqqas tal-Kummissjoni li tikkonfuta dawn ir-regoli nazzjonali juri li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

58      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jiġi rrilevat, għall-finijiet ta’ din il-proċedura, li r-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka l-allegata eżistenza ta’ regoli simili għad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-urġenza

60      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-iskop tal-proċeduri għal miżuri provviżorji huwa li tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tad-deċiżjoni definittiva futura, sabiex jiġi evitat li jkun hemm lakuna fil-protezzjoni ġuridika żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja. Huwa sabiex jintlaħaq dan l-għan li l-urġenza għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-bżonn li tingħata deċiżjoni provviżorja, sabiex jiġi evitat li jiġi kkawżat dannu gravi u irreparabbli lill-parti li qed titlob il-miżura provviżorja. Hija din il-parti li għandha tipproduċi l-prova li hija ma tistax tistenna l-eżitu tal-proċedura fil-mertu mingħajr ma ġġarrab dannu ta’ din in-natura (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs RW, C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali dannu gravi u irreparabbli, ma huwiex neċessarju li l-okkorrenza tad-dannu tiġi stabbilita b’ċertezza assoluta. Huwa biżżejjed li dan ikun prevedibbli b’livell ta’ probabbiltà suffiċjenti (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑8 ta’ April 2014, Il‑Kummissjoni vs ANKO, C‑78/14 P‑R, EU:C:2014:239, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Barra minn hekk, l-Imħallef għal miżuri provviżorji għandu jippreżupponi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza biss u mingħajr ma dan jimplika kwalunkwe teħid ta’ pożizzjoni min-naħa tiegħu fir-rigward tal-fondatezza tal-ilmenti mressqa fuq il-mertu mill-applikant għal miżuri provviżorji, li dawn l-ilmenti jistgħu jintlaqgħu. Fil-fatt, id-dannu gravi u irreparabbli li l-okkorrenza probabbli tiegħu għandha tiġi stabbilita huwa dak li jirriżulta, jekk ikun il-każ, mir-rifjut li jingħataw il-miżuri provviżorji mitluba fil-każ fejn ir-rikors fuq il-mertu jintlaqa’ sussegwentement (digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑20 ta’ Lulju 2018, BĊE vs Il‑Latvja, C‑238/18 R, mhux ippubblikat, EU:C:2018:581, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Għaldaqstant, f’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-urġenza, tippreżupponi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom jistgħu jikkompromettu l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u għalhekk jistgħu jmorru kontra l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tiżgura protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta.

63      Għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, hemm lok, barra minn hekk, li jittieħed kont tal-fatt li d-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni diġà bdew jipproduċu l-effetti tagħhom, kif jirriżulta mill-punti 14 sa 21 ta’ dan id-digriet. Fil-fatt, minn naħa, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-età tal-irtirar għall-imħallfin attwali tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), maħtura qabel it‑3 ta’ April 2018, wasslet għall-irtirar ta’ 22 imħallef ta’ din il-qorti, inklużi l-Ewwel President u żewġ Presidenti ta’ Awla, u, min-naħa l-oħra, skont id-dispożizzjonijiet dwar is-setgħa tal-President tar-Repubblika tal-Polonja li jestendi l-funzjonijiet tal-imħallfin, ħames imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), fost it-tnax li ppreżentaw dikjarazzjoni fejn indikaw ix-xewqa tagħhom li jkomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, attwalment jibbenefikaw minn estensjoni ta’ dawn il-funzjonijiet bis-saħħa ta’ deċiżjoni tal-President tar-Repubblika tal-Polonja, filwaqt li s-sebgħa l-oħra ġew informati dwar l-irtirar tagħhom b’effett mit‑12 ta’ Settembru 2018.

64      L-eżami tal-kundizzjoni dwar l-urġenza jimplika l-eżami ta’ jekk, kif issostni l-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sakemm tingħata s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (iktar ’il quddiem is-“sentenza finali”) tistax tikkawża dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea.

65      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punti 41 u 42 ta’ dan id-digriet, il-ħarsien tal-indipendenza ta’ istanzi li, bħala “qorti” fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji ta’ Stat Membru fl-oqsma koperti minn dan id-dritt, huwa essenzjali sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet li l-partijiet f’kawża jisiltu mill-imsemmi dritt.

66      L-indipendenza tal-qrati nazzjonali hija, b’mod partikolari, essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja inerenti għall-mekkaniżmu ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari previst fl-Artikolu 267 TFUE, sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-mekkaniżmu jista’ jiġi attivat biss minn istanza, responsabbli għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li tissodisfa, b’mod partikolari, dan il-kriterju ta’ indipendenza (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 54 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

67      Il-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati huwa wkoll essenzjali fil-kuntest ta’ miżuri adottati mill-Unjoni fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kriminali. Fil-fatt, dawn il-miżuri huma bbażati fuq fiduċja reċiproka partikolari tal-Istati Membri fir-rigward tas-sistemi ġudizzjarji rispettivi tagħhom u huma għalhekk ibbażati fuq il-premessa li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva, li fosthom hemm, b’mod partikolari, l-indipendenza ta’ dawn il-qrati (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 58).

68      Konsegwentement, il-fatt li, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma tistax tiġi żgurata qabel ma tingħata s-sentenza finali jista’ joħloq dannu gravi lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, għaldaqstant, lid-drittijiet li l-partijiet fil-kawża jisiltu mid-dritt tal-Unjoni kif ukoll lill-valuri, stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE, li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, b’mod partikolari, dak tal-istat tad-dritt.

69      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-qrati supremi nazzjonali għandhom rwol essenzjali fis-sistemi ġudizzjarji tal-Istati Membri li jagħmlu parti minnhom, fl-implimentazzjoni, fil-livell nazzjonali, tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li kwalunkwe preġudizzju għall-indipendenza ta’ qorti suprema nazzjonali aktarx jaffettwa s-sistema ġudizzjarja sħiħa tal-Istat Membru kkonċernat.

70      Barra minn hekk, id-dannu gravi msemmi fil-punt 68 ta’ dan id-digriet ukoll aktarx ikun irreparabbli.

71      Fil-fatt, minn naħa, bħala qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tagħti deċiżjonijiet, inkluż fil-kawżi li jagħtu lok għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li huma vestiti bl-awtorità ta’ res judicata u li, minħabba f’hekk, aktarx iwasslu għal effetti irreversibbli fir-rigward tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

72      Il-fatt allegat mir-Repubblika tal-Polonja li s-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma tiddeċidix fuq il-mertu tal-kawżi li jkollha quddiemha bl-ebda mod ma jibdel din l-evalwazzjoni, peress li, kif ġie kkonfermat mir-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tiżgura l-osservanza tal-legalità u tal-uniformità tal-ġurisprudenza, anki meta tapplika regoli nazzjonali adottati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’tali mod li l-qrati inferjuri li sussegwentement ikollhom jagħtu deċiżjonijiet dwar kawżi rrinvijati lilhom mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma marbuta bl-interpretazzjoni ta’ dawn ir-regoli minn din il-qorti.

73      Min-naħa l-oħra, minħabba l-awtorità tad-deċiżjonijiet tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fir-rigward tal-qrati nazzjonali inferjuri, il-fatt li, f’każ ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, l-indipendenza ta’ din il-qorti jista’ jkun li ma tkunx żgurata sakemm tingħata s-sentenza finali jista’ jdgħajjef il-fiduċja tal-Istati Membri u tal-qrati tagħhom fis-sistema ġudizzjarja tar-Repubblika tal-Polonja u, konsegwentement, fl-osservanza tal-istat tad-dritt minn dan l-Istat Membru.

74      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm riskju li jiġu kompromessi l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka u ta’ rikonoxximent reċiproku bejn l-Istati Membri, li huma ġġustifikati mill-premessa li l-Istati Membri jikkondividu sensiela ta’ valuri komuni li fuqhom hija bbażata l-Unjoni, bħalma huwa l-istat tad-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 35 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

75      Kif tirrileva l-Kummissjoni, it-tqegħid inkwistjoni ta’ dawn il-prinċipji jista’ jipproduċi effetti gravi u irreparabbli fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, b’mod partikolari fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja ċivili u kriminali, li huwa bbażat fuq livell għoli ta’ fiduċja bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-konformità tas-sistemi ġudizzjarji tagħhom mar-rekwiżiti tal-protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

76      Fil-fatt, minħabba l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, il-fatt li l-indipendenza tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma tistax tiġi żgurata sakemm tingħata s-sentenza finali jista’ jwassal lill-Istati Membri sabiex jirrifjutaw li jirrikonoxxu u jeżegwixxu s-sentenzi mogħtija mill-qrati tar-Repubblika tal-Polonja, li jista’ jwassal għal dannu gravi u irreparabbli fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni.

77      F’dan ir-rigward, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, ir-riskju ta’ telf ta’ fiduċja fis-sistema ġudizzjarja Pollakka ma huwiex fittizju jew ipotetiku, iżda tabilħaqq reali. Dan jidher mill-fatt li, fil-kuntest tal-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586), it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda) fi proċedura ta’ eżekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej maħruġa mill-qrati Pollakki, minħabba t-tħassib ta’ din il-qorti li, minħabba allegati nuqqasijiet sistematiċi fir-rigward tal-indipendenza tal-qrati tar-Repubblika tal-Polonja li jirriżultaw mir-riformi leġiżlattivi għas-sistema ġudizzjarja mibdija minn dan l-Istat Membru, b’mod partikolari, l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew tista’, fil-każ ta’ konsenja lill-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, iġġarrab ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, b’hekk, tad-dritt tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit bit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta.

78      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-Kummissjoni stabbilixxiet li, fil-każ ta’ rifjut tal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba minnha, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, sakemm tingħata s-sentenza finali, aktarx tikkawża dannu gravi u irreparabbli lill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni.

79      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata mill-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Polonja intiżi sabiex tiġi stabbilita l-assenza ta’ urġenza.

80      Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu iktar minn sitt xhur wara l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema u biss jumejn qabel id-data li fiha l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) kellhom jirtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, li juri li l-kundizzjoni dwar l-urġenza ma hijiex issodisfatta.

81      Madankollu, huwa stabbilit li, qabel il-ftuħ tal-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-Kummissjoni attivat il-mekkaniżmi previsti mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal‑11 ta’ Marzu 2014, intitolata “Qafas ġdid tal-[Unjoni] biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt” (COM (2014) 158 final).

82      F’dan ir-rigward, fl‑20 ta’ Diċembru 2017, id-data tal-iffirmar tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/103 dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja kumplimentari għar-Rakkomandazzjonijiet (UE) 2016/1374, (UE) 2017/146 u (UE) 2017/1520 (ĠU 2018, L 17, p. 50) kif ukoll proposta motivata skont l-Artikolu 7(1) tat-[TUE] dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (COM (2017) 835 final), li fihom din l-istituzzjoni esponiet, b’mod partikolari, il-problemi mqajma mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni fir-rigward tal-indipendenza tal-imħallfin, kif indikati fir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

83      Barra minn hekk, fir-Rakkomandazzjoni 2018/103, il-Kummissjoni talbet lill-awtoritajiet Pollakki jsolvu l-problemi identifikati f’terminu ta’ tliet xhur, u jinformaw lill-Kummissjoni bil-passi li ttieħdu f’dan ir-rigward. Hija sostniet ukoll li kienet lesta li tiddjaloga b’mod kostruttiv mal-Gvern Pollakk. Madankollu, wara diversi skambji ta’ fehmiet ma’ dan il-gvern, hija ddeċidiet li tippreżenta rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba n-nuqqas ta’ suċċess fir-rigward tal-kwistjonijiet li kienet qajmet.

84      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li, konformement mal-proċess stabbilit fil-komunikazzjoni msemmija fil-punt 81 ta’ dan id-digriet, l-adozzjoni mill-Kummissjoni tar-Rakkomandazzjoni 2018/103 kellha tiġi ippreċeduta b’evalwazzjoni dwar il-possibiltà tal-eżistenza, fil-Polonja, ta’ sitwazzjoni ta’ theddida sistemika għall-istat tad-dritt kif ukoll bi djalogu mar-Repubblika tal-Polonja, b’mod li l-Kummissjoni jkollha l-possibbiltà tittrażmetti l-preokkupazzjonijiet tagħha u dan l-Istat Membru jkun jista’ jagħti risposta għalihom. B’hekk, huwa stabbilit li, anki matul il-proċess leġiżlattiv li wassal għall-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, il-Kummissjoni kienet diġà bdiet tieħu passi kontra r-Repubblika tal-Polonja dwar il-kwistjonijiet li huma s-suġġett tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

85      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, li miegħu hija marbuta din it-talba għal miżuri provviżorji, ma jirrigwardax biss il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, iżda jirrigwarda wkoll il-Liġi Emendatorja, adottata fl‑10 ta’ Mejju 2018, jiġifieri inqas minn xahrejn qabel ma l-Kummissjoni indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Polonja dwar il-konformità ta’ dawn iż-żewġ liġijiet mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u mal-Artikolu 47 tal-Karta.

86      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Polonja ma tistax tinvoka l-fatt li l-Kummissjoni stenniet iktar minn sitt xhur qabel ma bdiet il-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

87      Fit-tieni lok, l-allegata eżistenza ta’ regoli simili għad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, applikabbli fi Stati Membri oħra, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura urġenti tal-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba.

88      Fit-tielet lok, il-fatt invokat mir-Repubblika tal-Polonja, matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-Kawża C‑619/18 kienet ġiet suġġetta għall-proċedura mħaffa, b’mod li ma hemm l-ebda urġenza li tiġġustifika l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba, ukoll ma jistax jiġi aċċettat.

89      Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward, li l-fatt li s-sentenza finali ser tinqata’ permezz ta’ proċedura mħaffa ma huwiex ta’ natura li jimpedixxi d-dannu serju u irreparabbli msemmi fil-punt 78 ta’ dan id-digriet qabel l-għoti ta’ din is-sentenza.

90      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-kundizzjoni dwar il-fumus boni juris hija ssodisfatta f’dan il-każ.

 Fuq l-ibbilanċjar tal-interessi

91      Huwa ċar li fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kemm l-għoti kif ukoll ir-rifjut li tingħata s-sospensjoni tal-eżekuzzjoni mitluba jistgħu jipproduċu, sa ċertu punt, ċerti effetti definittivi u huwa l-Imħallef għal miżuri provviżorji, adit b’talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni, li għandu jibbilanċja r-riskji marbuta ma’ kull waħda mis-soluzzjonijiet possibbli (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Ġunju 1998, L‑Antilli Olandiżi vs Il‑Kunsill, C‑159/98 P(R), EU:C:1998:329, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’mod konkret, dan jimplika b’mod partikolari li għandu jiġi eżaminat jekk l-interess tal-parti li qiegħda titlob il-miżuri provviżorji li tikseb is-sospensjoni tal-eżekuzzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali jipprevalix jew le fuq l-interess li dawn jiġu applikati immedjatament. Matul dan l-eżami, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-revoka possibbli ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, wara li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ r-rikors dwar il-mertu, tippermettix li tinqaleb is-sitwazzjoni li tkun ġiet ikkawżata minħabba l-eżekuzzjoni immedjata tagħhom u, bil-maqlub, f’liema punt is-sospensjoni tkun tista’ tostakola l-għanijiet imfittxija mill-imsemmija dispożizzjonijiet f’każ li r-rikors dwar il-mertu jiġi miċħud (ara, b’analoġija, id-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑10 ta’ Jannar 2018, Il‑Kummissjoni vs RW, C‑442/17 P(R), mhux ippubblikat, EU:C:2018:6, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

92      Il-Kummissjoni tqis li, f’dan il-każ, l-ikbar riskju huwa dak li jolqot l-interess ġenerali tal-Unjoni. F’dan ir-rigward hija ssostni li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja ma tordnax il-miżuri provviżorji mitluba u sussegwentement tilqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, il-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jiġi ppreġudikat b’mod sistematiku, filwaqt li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tordna dawn il-miżuri u sussegwentement tiċħad dan ir-rikors, l-effett tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jiġi sempliċement pospost.

93      Sabiex jiġi stabbilit l-interess tagħha għall-applikazzjoni immedjata tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja tikkontesta, l-ewwel nett, li l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni jkunu jistgħu jilħqu l-għan imsemmi, jiġifieri li jiġi żgurat li s-sentenza finali tkun tista’ tiġi infurzata, fil-każ fejn ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu finalment jintlaqa’, b’mod li l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba ma jkunx iġġustifikat bl-interess ġenerali tal-Unjoni invokat mill-Kummissjoni.

94      B’mod partikolari, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, l-ewwel nett, li l-uniku effett tas-sospensjoni tal-Artikolu 37 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li prinċipalment jiddefinixxi età ġdida tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), huwa li tinħoloq lakuna legali fir-rigward tad-definizzjoni tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Sussegwentement, is-sospensjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema li jirregolaw il-proċedura ta’ estensjoni tal-funzjoni ġudizzjarja attiva tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) wara l-età ta’ 65 sena ma għandhiex ikollha effett fuq il-possibbiltà li tiġi eżegwita s-sentenza finali, peress li l-imħallfin ta’ din il-qorti li jmisshom jirtiraw ma humiex ser jilħqu l-età ta’ 65 sena qabel madwar sentejn oħra. Barra minn hekk, sa fejn l-Artikolu 111(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li jikkonċerna l-imħallfin li laħqu l-età ta’ 65 sena bejn it‑3 ta’ April 2018 u t‑3 ta’ Lulju 2018, diġà eżawrixxa l-effetti tiegħu, is-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ kwalunkwe miżura adottata għall-implimentazzjoni tagħha ma hijiex fattibbli, peress li miżura provviżorja ma jistax ikollha effetti retroattivi. Fl-aħħar nett, il-konsegwenza tas-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 111(1a) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, li tirrigwarda l-imħallfin li laħqu l-età ta’ 65 sena bejn l‑4 ta’ Lulju 2018 u t‑3 ta’ April 2019, hija li l-uniku mħallef ikkonċernat minn din id-dispożizzjoni kien jirtira abbażi tal-Artikolu 37(1) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, jiġifieri mingħajr ma jkun jista’ jibbenefika minn perijodu tranżitorju sabiex jesprimi x-xewqa tiegħu li jkompli jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu.

95      Madankollu, l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja huma bbażati fuq interpretazzjoni żbaljata tan-natura u tal-effetti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni f’din il-proċedura għal miżuri provviżorji. Fil-fatt, l-għoti ta’ tali miżuri provviżorji jimplika l-obbligu ta’ dan l-Istat Membru li jissospendi immedjatament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, inklużi dawk li għandhom l-effett li jirrevokaw jew li jissostitwixxu d-dispożizzjonijiet preċedenti dwar l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), b’tali mod li dawn id-dispożizzjonijiet preċedenti jerġgħu jsiru applikabbli sakemm tingħata s-sentenza finali. B’hekk, l-eżekuzzjoni ta’ miżura provviżorja intiża għas-sospensjoni tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni tinkludi l-obbligu li jiġi żgurat ir-restawr tal-istat tad-dritt li kien jeżisti qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, is-sistema legali prevista mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rrevokati jew issostitwiti bid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

96      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-miżura provviżorja intiża għar-reintegrazzjoni tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kellhom jirtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-implimentazzjoni ta’ din il-miżura ma hijiex ser ikollha l-effett li tiżgura l-effikaċja sħiħa tas-sentenza finali. Fil-fatt, peress li l-imsemmija miżura tapplika biss sakemm tingħata s-sentenza finali, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li jiġu reintegrati b’mod provviżorju fil-funzjonijiet tagħhom ikollhom jirtiraw mill-ġdid minn meta tingħata din is-sentenza, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni. Barra minn hekk, ir-reintegrazzjoni provviżorja tal-imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni tinvolvi l-adozzjoni ta’ miżuri b’effett retroattiv, minkejja li miżura provviżorja ma jistax ikollha tali effett.

97      F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, minn naħa, l-allegat effett retroattiv tal-miżuri li għandhom jiġu adottati għall-finijiet tar-reintegrazzjoni temporanja fil-funzjonijiet tagħhom tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kellhom jirtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat, kif jirriżulta mill-punt 95 ta’ dan id-digriet, li l-obbligu tar-Repubblika tal-Polonja li tiżgura tali reintegrazzjoni jikkostitwixxi effett immedjat tal-miżuri provviżorji mogħtija, li jimplikaw l-obbligu li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri, f’dan il-każ, il-miżuri għall-irtirar tal-imħallfin ikkonċernati, u li jiġi żgurat ir-restawr tas-sitwazzjoni ta’ qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

98      Min-naħa l-oħra, l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li jiġu reintegrati b’mod provviżorju, b’eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba, ma jkunux obbligati jirtiraw, jekk ikun il-każ, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, qabel id-data tal-għoti tas-sentenza finali jekk din tiċħad ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

99      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-miżura provviżorja li tobbliga lir-Repubblika tal-Polonja ma tieħu ebda miżura intiża għall-ħatra ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-pożizzjonijiet imbattla mill-imħallfin rtirati, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li din il-miżura provviżorja ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-effikaċja tas-sentenza finali, sa fejn il-mekkaniżmi previsti mid-dritt Pollakk jiżguraw, fi kwalunkwe każ, ir-reintegrazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni f’pożizzjonijiet li kienu fihom qabel l-irtirar tagħhom. Fil-fatt, peress li l-pożizzjonijiet tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma humiex nominattivi, l-imħallfin li jkollhom jirtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu jiġu reintegrati jew fil-pożizzjonijiet ta’ mħallfin vakanti jew inkella, fil-każ fejn il-pożizzjonijiet kollha tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ikunu okkupati fid-data tal-għoti tas-sentenza finali, fil-pożizzjonijiet ta’ mħallfin ġodda li l-President tar-Repubblika tal-Polonja għandu s-setgħa diskrezzjonali li joħloq permezz ta’ digriet.

100    Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Repubblika tal-Polonja, il-mekkaniżmi msemmija minn dan l-Istat Membru ma humiex ta’ natura li jneħħu r-riskju invokat mill-Kummissjoni.

101    Fil-fatt, minn naħa, il-fatt li l-pożizzjonijiet tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma humiex nominattivi jżid, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika tal-Polonja, ir-riskju li l-imħallfin li jkollhom jirtiraw ma jkunux jistgħu jerġgħu jiġu reintegrati fil-pożizzjonijiet li kellhom qabel l-irtirar tagħhom, fil-każ li jerġgħu jitniedu l-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin ġodda ta’ din il-qorti. Peress li l-pożizzjonijiet ta’ mħallfin kollha li għandhom jimtlew fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma inkorporati f’riżerva ġenerali u jiġu okkupati sussegwentement fi tmiem il-proċeduri ta’ ħatra, jista’ jiġi żgurat biss li l-imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu, fid-data tal-għoti tas-sentenza finali, jergħu jibdew jeżerċitaw il-funzjonijiet li dawn kellhom qabel l-irtirar tagħhom.

102    Min-naħa l-oħra, anki jekk jiġi preżunt li ż-żieda fin-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) permezz ta’ digriet tal-President tar-Repubblika tal-Polonja jkollha l-effett li toħloq pożizzjonijiet ta’ mħallfin fl-awli fejn l-imħallfin li kellhom jirtiraw skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kienu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom, madankollu ma jistax jiġi dedott minn dan il-ħolqien ta’ pożizzjonijiet ġodda li l-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u ż-żewġ Presidenti ta’ Awla msemmija fil-punt 16 ta’ dan id-digriet jkollhom il-garanzija li jiġu reintegrati fil-pożizzjonijiet li dawn kellhom qabel l-irtirar tagħhom. Fil-fatt, minħabba l-ħeffa tal-proċeduri ta’ ħatra tal-imħallfin ta’ din il-qorti, li tidher mis-sekwenza tal-avvenimenti msemmija fil-punti 22 sa 26 ta’ dan id-digriet, dawn il-pożizzjonijiet jista’ jkun li jiġu okkupati sad-data tal-għoti tas-sentenza finali.

103    Fl-aħħar nett, il-fatt li, wara d-digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tad‑19 ta’ Ottubru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18, mhux ippubblikat, EU:C:2018:852), il-proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) huma sospiżi, ma jeliminax ir-riskju invokat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li l-miżuri ordnati minn dan id-digriet u li huma intiżi, b’mod partikolari, għas-sospensjoni tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni, għar-reintegrazzjoni tal-imħallfin ikkonċernati minn dawn il-pożizzjonijiet li kienu jokkupaw qabel l-irtirar tagħhom kif ukoll għall-iffriżar ta’ proċeduri ta’ ħatra ta’ mħallfin ġodda minflok l-imsemmija mħallfin ikkonċernati u tal-Ewwel President tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) japplikaw, skont it-termini tad-dispożittiv tal-imsemmi digriet, “sal-għoti tad-digriet li jtemm il-proċeduri għal miżuri provviżorji”. Minn dan isegwi li, fl-assenza tal-għoti minn dan id-digriet li temm din il-proċedura tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni, ma jeżistux garanziji li l-proċeduri ta’ ħatra inkwistjoni ma jerġgħux jinbdew.

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jitqies li l-argument tar-Repubblika tal-Polonja ma jippermettix li jiġi stabbilit li l-miżuri provviżorji mitluba ma humiex iġġustifikati mill-interess ġenerali tal-Unjoni invokat mill-Kummissjoni.

105    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssemmi sensiela ta’ argumenti intiżi sabiex juru l-prevalenza tal-interess tagħha relatat mal-funzjonament tajjeb tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u sabiex tiġġustifika li l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni ma jingħatawx.

106    Fl-ewwel lok, ir-Repubblika tal-Polonja tinvoka l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li jrendu eċċessivament diffiċli r-reintegrazzjoni tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kellhom jirtiraw. Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, b’mod partikolari, li din ir-reintegrazzjoni titlob li l-awtoritajiet Pollakki jimplimentaw intervent leġiżlattiv u jadottaw dispożizzjonijiet ġenerali ta’ natura inċidentali, li ma jkunx kompatibbli mal-Kostituzzjoni Pollakka.

107    Dan l-argument għandu jiġi miċħud. Kif ġie espost fil-punti 95 u 97 ta’ dan id-digriet, l-eżekuzzjoni tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni timplika l-obbligu għar-Repubblika tal-Polonja li tissospendi immedjatament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni kif ukoll tal-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom, li tirriżulta fl-obbligu li tapplika, sakemm tingħata s-sentenza finali, id-dispożizzjonijiet preċedenti dwar l-età tal-irtirar tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u li tistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni li kienet teżisti qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni.

108    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, Stat Membru ma jistax jinvoka dispożizzjonijiet, prattiċi jew ċirkustanzi tal-ordinament ġuridiku intern tiegħu sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 2018, Il‑Kummissjoni vs Is‑Slovakkja, C‑626/16, EU:C:2018:525, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Fit-tieni lok, ir-Repubblika tal-Polonja tallega li r-reintegrazzjoni temporanja fil-funzjoni ġudizzjarja attiva tagħhom tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) li kellhom jirtiraw tippreżenta riskju sistematiku kunsiderevolment ogħla minn dak ippreżentat kieku dawn kellhom jibqgħu rtirati. B’mod partikolari, is-sitwazzjoni ta’ meta mħallef jiġi reintegrat fil-funzjonijiet tiegħu għal perijodu mhux iddefinit minn qabel tippreżenta, skont ir-Repubblika tal-Polonja, ir-riskju li, sakemm tingħata s-sentenza finali, l-indipendenza ta’ din il-qorti ma tkunx żgurata.

110    Madankollu, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Polonja ma pproduċiet l-ebda prova li tippermetti li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali riskju.

111    Fit-tielet lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li r-reintegrazzjoni provviżorja tal-imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni sostanzjalment tikkumplika l-organizzazzjoni tal-ħidma tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema). Hija tosserva, b’mod partikolari, li t-tul medju għat-trattament ta’ kawża minn din il-qorti huwa ta’ seba’ xhur, b’mod li, matul il-perijodu ta’ qabel l-għoti tas-sentenza finali, l-imħallfin li ġew provviżorjament reintegrati ma humiex ser ikunu jistgħu jittrattaw l-ebda kawża fl-intier tagħha.

112    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minkejja l-importanza tiegħu, dan il-fatt, relatat mal-organizzazzjoni tajba tal-ħidma tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), ma jistax jipprevala fuq l-interess ġenerali tal-Unjoni Ewropea li din il-qorti tiffunzjona taħt kundizzjonijiet li jiżguraw ir-rispett tal-indipendenza tagħha.

113    Fir-raba’ lok, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li huwa impossibbli li timplimenta l-miżura provviżorja li tobbligaha ma tieħu l-ebda miżura dwar il-ħatra ta’ mħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) fil-pożizzjonijiet imbattla mill-imħallfin ikkonċernati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni peress li l- pożizzjonijiet tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma humiex nominattivi. Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tirrimarka li l-imblokkar ta’ ħatriet fil-pożizzjonijiet ta’ mħallfin vakanti fl-awli tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) jista’ jippreġudika d-drittijiet tal-persuni li applikaw għal pożizzjoni ta’ mħallef fi ħdan din il-qorti.

114    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, minbarra l-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 108 ta’ dan id-digriet, li d-diffikultajiet organizzattivi u l-inkonvenjenzi mġarrba minn kandidati għal post ta’ mħallef tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), li jkunu marbuta mal-għoti ta’ tali miżura provviżorja, ma jistgħux jipprevalu fuq l-interess ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tagħha.

115    B’hekk, mill-eżami mwettaq, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 ta’ dan id-digriet, jirriżulta li l-interess ġenerali tal-Unjoni fir-rigward tal-funzjonament tajjeb tal-ordinament ġuridiku tagħha jista’ jiġi ppreġudikat b’mod gravi u irreparabbli, sakemm tingħata s-sentenza finali, jekk ma jiġux ordnati l-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni u jekk jintlaqa’ r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

116    Min-naħa l-oħra, l-interess tar-Repubblika tal-Polonja relatat mal-funzjonament tajjeb tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) ma għandux jiġi ppreġudikat b’dan il-mod fil-każ li jiġu miċħuda l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, peress li dan l-għoti kieku jkollu biss l-effett li, għal perijodu limitat, tibqa’ tapplika s-sistema legali li kienet teżisti qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema.

117    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi konkluż li l-bilanċ tal-interessi involuti huwa favur l-għoti tal-miżuri provviżorji mitluba mill-Kummissjoni.

118    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, it-talba tal-Kummissjoni għal miżuri provviżorji, imsemmija fil-punt 1 ta’ dan id-digriet, għandha tintlaqa’.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tordna:

1)      Ir-Repubblika tal-Polonja hija obbligata, immedjatament u sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-Kawża C619/18,

–        tissospendi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 37(1) sa (4) u tal-Artikolu 111(1) u (1a) tal-ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema) tat8 ta’ Diċembru 2017, tal-Artikolu 5 tal-ustawa o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Sądzie Najwyższym oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati tad-Dritt Ġenerali, il-Liġi dwar il-Qorti Suprema u Ċerti Liġijiet Oħra) tal10 ta’ Mejju 2018, kif ukoll ta’ kull miżura meħuda skont dawn id-dispożizzjonijiet;

–        tieħu kwalunkwe miżura neċessarja sabiex tiżgura li l-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja) ikkonċernati mill-imsemmija dispożizzjonijiet jistgħu jibqgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom fil-pożizzjoni li kellhom fid-data tat3 ta’ April 2018, id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema, filwaqt li jgawdu l-istess status u l-istess drittijiet u kundizzjonijiet ta’ impjieg li kienu jibbenefikaw minnhom sat3 ta’ April 2018;

–        ma tieħu ebda miżura intiża għall-ħatra ta’ mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) minflok dawk ikkonċernati mill-istess dispożizzjonijiet, kif ukoll ebda miżura intiża li taħtar l-Ewwel President ġdid ta’ din il-qorti jew li tidentifika l-persuna responsabbli sabiex tmexxi l-imsemmija qorti minflok l-Ewwel President tagħha sakemm jinħatar l-Ewwel President ġdid, u

–        tikkomunika lill-Kummissjoni Ewropea, mhux iktar tard minn xahar wara n-notifika ta’ dan id-digriet, u mbagħad regolarment, kull xahar, kull miżura meħuda sabiex tikkonforma bis-sħiħ ma’ dan id-digriet.

2)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.