Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-29 ta’ Jannar 2021 – O.T. E. vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-66/21)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Zwolle

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: O.T. E.

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

1.    (a)    Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jistabbilixxi konformement mad-dritt nazzjonali l-punt li fih jibda l-perijodu ta’ riflessjoni ggarantit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta’ azzjoni għall-faċilitazzjoni ta’ immigrazzjoni illegali, li jikkoperaw ma’ l-awtoritajiet kompetenti 1 , din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodu ta’ riflessjoni jibda ipso iure fil-mument li fih iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinnotifika (jikkomunika) t-traffikar ta’ bnedmin lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi?

    (b)    Peress li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jistabbilixxi konformement mad-dritt nazzjonali t-tul ta’ żmien tal-perijodu ta’ riflessjoni ggarantit fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2004/81/KE, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-perijodu ta’ riflessjoni jintemm ipso iure wara li jitressaq ilment dwar traffikar ta’ bnedmin jew wara li ċ-ċittadin ikkonċernat ta’ pajjiż terz jindika li jirrinunzja li jressaq tali lment?

2.    Ordnijiet ta’ tneħħija fis-sens tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81/KE għandhom jinftiehmu fis-sens li jinkludu ordnijiet intiżi għat-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz mit-territorju tal-Istat Membru lejn it-territorju ta’ Stat Membru ieħor?

3.    (a)    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81/KE jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment matul il-perijodu ta’ riflessjoni ggarantit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu?

(b)    L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2004/81/KE jipprekludi, matul il-perijodu ta’ riflessjoni ggarantit fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, l-infurzar ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment li diġà ttieħdet, jew it-tħejjija għal tali infurzar?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 69.