Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta’ Marzu 2018 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Polonja

(Kawża C-192/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Szmytkowska, K. Banks, H. Krämer u C. Valero)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll taħt l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) 1 sa fejn, fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Prawo o ustroju sądów powszechnych (il-Liġi li temenda l-liġi dwar l-istruttura tal-qrati ordinarji) tat-12 ta’ Lulju 2017, introduċiet età tal-irtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel li jokkupaw funzjoni ta’ mħallef fil-qrati ordinarji, funzjoni ta’ mħallef fil-qrati superjuri jew funzjoni ta’ avukat tal-Istat, kif ukoll

tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn, fil-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi naqqset l-età tal-irtirar għall-imħallfin fil-qrati ordinarji u fl-istess ħin tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li, skont l-Artikolu 1(26)(b) u (c) tal-istess liġi, jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ mħallfin.

tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Polonja li, sa fejn fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi tat-12 ta’ Lulju 2017 li temenda l-liġi dwar l-istruttura tal-qrati ordinarji, hija introduċiet dispożizzjonijiet li jipprevedu età tal-irtirar differenti għan-nisa u għall-irġiel li jokkupaw funzjoni ta’ mħallef fil-qrati ordinarji, funzjoni ta’ mħallef fil-qrati superjuri jew funzjoni ta’ avukat tal-Istat, kif ukoll sa fejn, fil-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi, naqqset l-età tal-irtirar għall-imħallfin fil-qrati ordinarji u fl-istess ħin tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li, skont l-Artikolu 1(26)(b) u (c) tal-istess liġi, jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ mħallfin, naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll taħt l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid) u, rispettivament, l-obbligi tagħha taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________

1     ĠU 2006, L 204, p. 23.