Language of document : ECLI:EU:C:2019:529

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl‑20 ta’ Ġunju 2019(1)

Kawża C192/18

IlKummissjoni Ewropea

vs

IrRepubblika talPolonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Proċedura ġudizzjarja effettiva stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE — Indipendenza u imparzjalità tal-qrati — Inammissibbiltà tal-ilment tal-Kummissjoni Ewropea bbażata fuq l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Artikolu 157 TFUE — Artikoli 5(a) u 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE — Introduzzjoni ta’ età tal-irtirar differenti għall-irġiel minn dik għan-nisa għal imħallfin fil-qrati ordinarji, imħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), jew avukati tal-Istat — Tnaqqis tal-età tal-irtirar għal imħallfin fil-qrati ordinarji u l-għoti fl-istess ħin lill-Ministru għall-Ġustizzja tas-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ mħallfin individwali”






I.      Introduzzjoni

1.        F’din il-kawża, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra r-Repubblika tal-Polonja skont l-Artikolu 258 TFUE bbażata fuq żewġ motivi. L-ewwel nett, il-Kummissjoni Ewropea ssostni li bl-introduzzjoni, fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-ustawa z dnia 12 lipca 2017 r. o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2017 li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra, iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2017”) (2) l-età tal-irtirar ta’ 60 sena għan-nisa u ta’ 65 sena għall-irġiel, meta din kienet preċedentement 67 għaż-żewġ sessi, għal imħallfin fil-qrati ordinarji, u avukati tal-Istat u mħallfin fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), il-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 157 TFUE, u skont l-Artikoli 5(a) u 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (3).

2.        It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni li l-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE kkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), bit-tnaqqis, fil-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2017, tal-età tal-irtirar ta’ mħallfin tal-qrati ordinarji, filwaqt li fl-istess ħin, fil-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 ta’ din l-istess liġi, tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ mħallfin individwali ta’ dawn il-qrati.

3.        L-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa ġdid, fis-sens li d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess għadha ma dehritx fil-kawżi li nstemgħu mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-riformi għar-regoli tal-irtirar tal-imħallfin Pollakki li ġew introdotti fl‑2017 (4), riformi li qajmu ħafna kritika fuq livell internazzjonali (5). Dawn ir-riformi kienu s-suġġett, kif indikajt fil-konklużjonijiet ippreżentati minni fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) (6), ta’ proposta mmotivata mill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 7(1) TUE dwar l-istat tad-dritt fil-Polonja (7).

4.        Fir-rigward tat-tieni lment, sal-punt fejn dan jikkonċerna l-awtorità tal-Kummissjoni li tibbaża fuq l-Artikolu 47 tal-Karta fi proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, u l-kontenut tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, din il-kwistjoni ġiet indirizzata fid-dettall fil-konklużjonijiet tiegħi tal‑11 ta’ April 2019 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) (8). F’din is-sentenza kkonkludejt li jekk Stat Membru ma jimplimentax id-ditt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża l-ilment tagħha fuq l-Artikolu 47 tal-Karta f’appell dirett skont l-Artikolu 258 TFUE.

5.        Għalhekk, fir-rigward tat-tieni motiv, l-analiżi tiegħi ser tiffoka fuq jekk ir-regoli inkwistjoni jiksrux it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, peress li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi manifestazzjoni konkreta tar-rispett għall-istat tad-dritt stabbilit fl-Artikolu 2 TUE (9). Sejjer nindika wkoll is-sorsi tad-dritt li fuqhom tista’ tkun ibbażata din l-evalwazzjoni, sorsi li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE għandu komuni ma’ dawk li jiddeterminaw il-kontenut tad-dritt għal “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” li jinsab fl-Artikolu 47 tal-Karta. Dawn is-sorsi komuni jifformaw “pont” kostituzzjonali bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet, kif ser jintwera iktar ’il quddiem fil-Parti VI C, b’tali mod li l-ġurisprudenza żviluppata abbażi ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet inevitabbilment huma marbuta ma’ xulxin (10).

6.        F’din l-istess parti, sejjer neżamina f’iktar dettall id-differenzi bejn it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta u, b’mod partikolari, il-minimu ta’ ksur tal-Artikolu 19(1) TUE li jrid jirriżulta qabel ma din id-dispożizzjoni tista’ tiġi invokata bħala ksur indipendenti tal-irremovabbiltà u tal-indipendenza tal-imħallfin, indipendentement mill-Karta.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

7.        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 TUE jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt ta’ l-Unjoni.”

8.        L-Artikolu 157(1), (2) u (4) TFUE jipprevedi:

“1.      Kull Stat Membru għandu jassigura li l-prinċipju ta’ paga ugwali għall-ħaddiema maskili u femminili għal xogħol ugwali jew xogħol ta’ valur ugwali, għandu jkun applikat.

2.      Għall-għan ta’ dan l-Artikolu, ‘paga’ tfisser il-paga jew is-salarju komuni bażiku jew minimu u kwalunkwe remunerazzjoni oħra, sew jekk fi flus jew in natura, li l-ħaddiem jirċievi direttament jew indirettament, għall-impjieg tiegħu, minngħand min iħaddmu.

Paga ugwali mingħajr diskriminazzjoni ibbażata fuq is-sess tfisser:

a)      dik il-paga għall-istess xogħol bl-imqieta għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi ta’ l-istess unità ta’ kejl;

b)      dik il-paga għal xogħol li jitħallas bil-ħin tkun l-istess għall-istess xogħol.

[…]

4.      Bl-għan li tkun assigurata l-ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol, il-prinċipju ta’ trattament indaqs m’għandux ifixkel lil xi Stat Membru milli jżomm jew jadotta miżuri li jipprovdu għal vantaġġi speċifiċi sabiex jagħmilha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat sabiex jfittex attività professjonali jew sabiex jipprevjeni jew jikkumpensa għal żvantaġġi fil-karrieri professjonali.”

9.        L-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1978 dwar l-implimentazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (11) jipprevedi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-għan tagħha:

(a)      l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra”.

10.      L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54, huwa intitolat “Azzjoni posittiva” u jipprevedi:

“L-Istati Membri jistgħu izommu jew jadottaw mizuri fis-sens ta’ l-Artikolu 141(4) tat-Trattat bil-ħsieb li tiġi żgurata ugwaljanza sħiħa fil-prattika bejn l-irġiel u n-nisa fil-ħajja tax-xogħol.”

11.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2006/54, huwa intitolat “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni” u jipprevedi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4, m’għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni diretta jew indiretta minħabba s-sess fi skemi okkupazzjonali ta’ sigurtà soċjali, b’mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)      il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ tali skemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom;”

[…]”

12.      L-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54 jipprevedi:

“1.      Dispożizzjonijiet kuntrarji għall-prinċipju ta’ trattament ugwali għandhom jinkludu dawk ibbażati fuq is-sess, jew direttament jew indirettament, sabiex:

[…]

(f)      ikunu ffissati etajiet differenti ta’ l-irtirar”.

B.      Id-dritt Pollakk

13.      L-ilment tal-Kummissjoni jirrelata mal-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2017. Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Liġi ta’ Emenda li huma rilevanti għal din il-kawża huma l-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 u l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13, li jikkonċernaw it-tliet liġijiet elenkati hawn isfel.

1.      Il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji

14.      Skont l-Artikolu 69(1) tal-Liġi tas‑27 ta’ Lulju 2001 dwar is-Sistema ta’ Qrati Ordinarji (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qrati Ordinarji”), l-età tal-irtirar normali (12) għall-imħallfin kienet ta’ 67 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Din kienet tista’ tiġġedded fuq talba bil-miktub tal-imħallef ikkonċernat lill-Ministru għall-Ġustizzja, u fuq il-preżentazzjoni lill-istess Ministru ta’ ċertifikat ta’ saħħa tajba. Fis‑16 ta’ Novembru 2016, id-dispożizzjoni rilevanti ġiet emendata (13) u l-età tal-irtirar tnaqqset għal 65 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa, li tista’ tiġġedded għal perijodu qasir fuq talba bil-miktub tal-imħallef ikkonċernat lill-istess Ministru u l-provvista tal-istess ċertifikat mediku. Din l-emenda kellha tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017.

15.      Madankollu, l-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 għal darba oħra emenda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-età tal-irtirar u stabbilixxa din l-età fil-livell ta’ 60 sena għan-nisa u 65 sena għall-irġiel. Skont il-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, dan l-artikolu daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017.

16.      L-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, kif emendat mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 (14), daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Ottubru 2017 u jipprevedi:

“Imħallef, fil-każ tan-nisa, għandha tirtira meta tagħlaq 60 sena jew, fil-każ tal-irġiel, meta jagħlaq 65 sena, sakemm, mhux iktar tard minn sitt xhur u mhux qabel tnax‑il xahar qabel ma jagħlqu din l-età, huwa jew hija jissottomettu stqarrija lill-Ministru għall-Ġustizzja li tindika x-xewqa tiegħu jew tagħha li jkomplu fil-kariga tiegħu jew tagħha u jippreżentaw ċertifikat, maħruġ skont ir-regoli speċifikati għall-kandidati li japplikaw għal kariga ġudizzjarja, li jikkonferma li s-saħħa tiegħu jew tagħha ma hijiex impediment għat-twettiq tal-funzjonijiet ta’ mħallef.”

17.      Il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 żied ukoll paragrafu 1b ġdid mal-Artikolu 69 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji u emenda l-formulazzjoni tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 69. L-Artikolu 69(1b) jipprevedi:

“Il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jagħti l-kunsens tiegħu biex imħallef ikompli fil-kariga tiegħu, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-użu razzjonali tal-persunal tal-qrati ordinarji u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ qrati individwali. F’sitwazzjoni fejn il-proċedura marbuta mal-kontinwazzjoni tal-imħallef fil-kariga tiegħu għadha ma waslitx fi tmiemha wara li jagħlaq l-età msemmija f’§ 1, l-imħallef għandu jibqa’ fil-kariga tiegħu sakemm din il-proċedura tintemm […]”

18.      L-Artikolu 69(3) jipprevedi:

“Fil-każ li l-Ministru għall-Ġustizzja jagħti l-kunsens imsemmi fl-Artikolu 69(1b), imħallef jista’ jkompli fil-kariga tiegħu biss sakemm jagħlaq 70 sena. Dan l-imħallef jista’ jirtira wara li jagħti notifika ta’ tliet xhur, billi jippreżenta stqarrija lill-Ministru għall-Ġustizzja f’dan ir-rigward. Il-perijodu ta’ preavviż għandu jiġi mġedded bil-leave annwali miksub iżda mhux meħud sat-tmiem ta’ dan il-perijodu ta’ preavviż. Fuq it-talba tal-imħallef, il-Ministru għall-Ġustizzja jista’ jagħti l-kunsens tiegħu għall-irtirar ta’ dan l-imħallef qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ preavviż.”

19.      Fir-rigward tar-remunerazzjoni tal-imħallfin, l-Artikolu 91 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi:

“1.      Il-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin li jokkupaw karigi ġudizzjarji ekwivalenti għandu jsirlu distinzjoni skont it-tul ta’ servizz jew il-funzjonijiet imwettqa […]

2.      Is-salarju bażiku ta’ mħallef għandu jkun espress fi gradi, li l-livell tagħhom għandu jiġi ddeterminat permezz tal-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni għall-bażi ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku msemmi f’§ 1(c). Il-gradi tas-salarju bażiku ta’ karigi ġudizzjarji individwali u l-fatturi ta’ multiplikazzjoni użati biex jiġi ddeterminat il-livell tas-salarju bażiku ta’ mħallfin fi gradi individwali huma stabbiliti fl-anness ta’ din il-liġi […].

7.      Iktar minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-imħallfin għandu jsirilha distinzjoni ta’ allowance għall-anzjanità li tammonta, mis-sitt sena ta’ servizz, għal 5 % tas-salarju bażiku u li tiżdied kull sena b’1 % sakemm tilħaq l‑20 % tas-salarju bażiku.

[…]”

20.      L-Artikolu 91a(2) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi:

“Jekk qabel ma jassumi pożizzjoni ġudizzjarja mħallef kien jokkupa kariga ġudizzjarja oħra jew pożizzjoni ta’ avukat tal-Istat ekwivalenti għal dik il-pożizzjoni, huwa għandu jkun intitolat, fil-kariga l-ġdida tiegħu, għal salarju bażiku fi grad mhux inqas mill-grad li kien intitolat fil-kariga li kien jokkupa qabel.”

21.      L-Artikolu 91a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji jipprevedi:

“Is-salarju bażiku ta’ mħallef għandu jiġi stabbilit mill-ogħla grad sussegwenti wara l-konklużjoni ta’ ħames snin servizz f’kariga ġudizzjarja partikolari.”

22.      L-Artikolu 100(1), (2), (4)(a) u (4)(b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, kif emendat mill-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 jipprevedi:

“1.      Imħallef li kellu jirtira minħabba tibdiliet fis-sistema tal-qrati jew tibdiliet fil-konfini tad-distretti ġudizzjarji għandu jkun intitolat, fil-każ tan-nisa, sakemm l-imħallef tagħlaq l-età ta’ 60 sena, u, fil-każ tal-irġiel, sakemm l-imħallef jagħlaq 65 sena, għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ remunerazzjoni rċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti.

2.      Imħallef li rtira jew li kellu jirtira fuq il-bażi ta’ età, mard jew telf ta’ saħħa għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ 75 % tas-salarju bażiku u l-allowance għat-tul ta’ servizz irċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti […]

4a.      Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, imħallef irtirat għandu jirċievi ħlas uniku meta, fil-każ tan-nisa, l-imħallef tagħlaq 60 sena, u fil-każ tal-irġiel, meta l-imħallef jagħlaq 65 sena.

4b.      Imħallef li rritorna għall-kariga li preċedentement kien jokkupa jew għal kariga ekwivalenti li preċedentement kien jokkupa skont l-Artikolu 71c(4) jew l-Artikolu 74(1a), f’każ li jirtira jew li kellu jirtira, huwa intitolat għal ħlas uniku fl-ammont li jikkonsisti fid-differenza bejn l-ammont tal-ħlas ikkalkolat dakinhar tal-irtirar u l-ammont tal-ħlas diġà mogħti. Fis-sitwazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 l-imħallef għandu jkun intitolat għall-ħlas meta, fil-każ tan-nisa, l-imħallef tagħlaq l-età ta’ 60 sena, u fil-każ tal-irġiel, meta l-imħallef jagħlaq 65 sena.”

2.      Il-Liġi tat23 ta’ Novembru 2002 dwar il-Qorti Suprema

23.      L-Ustawa o Sądzie Najwyższym (15) (il-Liġi dwar il-Qorti Suprema, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002”) tat‑23 ta’ Novembru 2002, kif emendata mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

24.      Sat‑3 ta’ April 2018, l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-Qorti Suprema kienet stabbilita, permezz tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-2002, għal 70 sena. Madankollu, f’dik id-data din tbaxxiet għal 65 sena (16).

25.      Minkejja dawn id-dispożizzjonijiet, l-Artikolu 30(2) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jinkludi l-faċilità għall-imħallfin biex jagħmlu talbiet għall-irtirar qabel l-età ta’ 70 sena. L-età li fiha mħallef tal-Qorti Suprema jista’ jressaq talba għall-irtirar ġiet fl-aħħar mill-aħħar emendata bil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, jiġifieri, din l-età ġiet ridotta għal 60 sena, fil-każ tan-nisa, u għal 65 sena, fil-każ tal-irġiel. Fil-verżjoni preċedentement fis-seħħ, l-Artikolu 30(2) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 kien jipprevedi li 67 sena kienet l-età għas-sottomissjoni ta’ talba għall-irtirar. Il-Liġi tas‑16 ta’ Novembru 2016 iffissat din għal 65 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

26.      L-Artikoli 42(4) u (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002, li jikkonċernaw ir-remunerazzjoni tal-imħallfin tal-Qorti Suprema, jipprevedu:

“4.      Ir-remunerazzjoni ta’ mħallef tal-Qorti Suprema għandha tiġi espressa bħala l-grad bażiku jew il-grad ta’ promozzjoni. Il-grad ta’ promozzjoni għandu jkun 115 % tal-grad awtomatiku.

5.      Imħallef tal-Qorti Suprema, mad-dħul tiegħu fis-servizz, għandu jirċievi salarju bażiku ta’ grad awtomatiku. Wara servizz ta’ seba’ snin, is-salarju bażiku ta’ dan l-imħallef għandu jiżdied għall-grad ta’ promozzjoni […]”

27.      L-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jipprevedi:

“Imħallef tal-Qorti Suprema għandu jkun intitolat għal allowance għall-anzjanità li żżid is-salarju bażiku kull sena b’1 %, iżda mingħajr ma jinqabeż l‑20 % ta’ dan is-salarju. Il-perijodu ta’ servizz li fuqu jiddependi l-ammont tal-allowance għandu jinkludi wkoll il-perijodu ta’ servizz jew ir-relazzjoni ta’ impjieg preċedenti għall-għażla tiegħu għal kariga ġudizzjarja fil-Qorti Suprema, kif ukoll il-perijodi ta’ prattika professjonali bħala avukat, konsulent ġuridiku jew nutar.”

28.      L-Artikolu 50 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jipprevedi:

“Imħallef tal-Qorti Suprema rtirat għandu jkun intitolat għal remunerazzjoni fl-ammont ta’ 75 % tas-salarju bażiku u tal-allowance għat-tul ta’ servizz rċevuta fil-kariga okkupata l-iktar reċenti. Il-kundizzjonijiet u l-ammonti ta’ din ir-remunerazzjoni għandhom jiġu aġġustati kif xieraq għat-tibdiliet fis-salarju bażiku tal-imħallfin tal-Qorti Suprema li għadhom jaħdmu”.

3.      L-Ustawa z dnia 28 stycznia 2016 r. Prawo o prokuraturze (il-Liġi tat28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat)

29.      L-Artikolu 127(1) tal-Liġi tat‑28 ta’ Jannar 2016 dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat (17) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat”) jipprevedi, inter alia:

“Sakemm ma huwiex previst mod ieħor f’din il-Liġi, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 69 sa 71, l-Artikolu 73, l-Artikolu 74, l-Artikolu 76, l-Artikolu 85(4), l-Artikoli 99 sa 102 u l-Artikolu 104 tal-[Liġi dwar il-Qrati Ordinarji] għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-avukati tal-Istat.”

30.      Bħala riżultat ta’ dan, l-Artikolu 69 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji japplika għall-età tal-irtirar tal-avukati tal-Istat. Għalhekk, l-età tal-irtirar normali tal-avukati tal-Istat qabel l-emendi magħmulin mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 kienet ta’ 67 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. L-età tal-irtirar tal-avukati tal-Istat tnaqqset għal 65 sena kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa permezz tal-Liġi tas‑16 ta’ Novembru 2016. Din l-emenda kellha tidħol fis-seħħ f’Ottubru 2017. Il-punt 2 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 għal darba oħra emenda d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw l-età tal-irtirar u stabbilixxa din l-età għal 60 sena, fil-każ tan-nisa, u 65 sena, fil-każ tal-irġiel.

31.      Fir-rigward ta’ benefiċċji għall-avukati tal-Istat irtirati, skont l-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw imħallfin tal-qrati ordinarji, b’mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 100 tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji japplikaw ukoll.

32.      Madankollu, ir-remunerazzjoni nnifisha għandha tiġi ddeterminata skont ir-regoli tal-Artikolu 124 tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. Dan jipprevedi, inter alia:

“1.      L-ammont ta’ remunerazzjoni tal-avukati tal-Istat li jokkupaw karigi ekwivalenti ta’ avukati tal-Istat għandu jsirlu distinzjoni skont it-tul ta’ servizz jew il-funzjonijiet imwettqa. Is-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat distrettwali u reġjonali għandu jkun ekwivalenti għas-salarju bażiku tal-imħallfin ta’ dawn l-istess entitajiet tal-qrati ordinarji. Is-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat għandu jkun ekwivalenti għas-salarju bażiku tal-imħallfin tal-qorti tal-appell.

Is-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Avukat tal-Istat għandu jkun ekwivalenti għas-salarju bażiku tal-imħallfin tal-Qorti Suprema. L-allowances tal-Avukat tal-Istat Nazzjonali u tal-assistenti l-oħra tal-Avukat tal-Istat Ġenerali għandhom ikunu ekwivalenti għall-allowances tal-Ewwel President tal-Qorti Suprema u tal-President tal-Qorti Suprema, rispettivament.

2.      Is-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat għandu jiġi espress fi gradi, li l-livell tagħhom għandu jiġi ddeterminat permezz tal-applikazzjoni ta’ fatturi ta’ multiplikazzjoni għall-bażi ta’ determinazzjoni tas-salarju bażiku tal-avukati tal-Istat.

[…]

4.      Jekk qabel ma assuma kariga ta’ avukat tal-Istat, avukat tal-Istat okkupa kariga oħra ta’ avukat tal-Istat jew kariga ġudizzjarja oħra ekwivalenti għal din il-kariga, huwa għandu jkun intitolat, fil-kariga l-ġdida tiegħu, għal salarju bażiku fi grad mhux inqas mill-grad li għalih kien intitolat fil-kariga li okkupa preċedentement.

5.      Is-salarju bażiku ta’ avukat tal-Istat għandu jiġi stabbilit mill-ogħla grad sussegwenti wara l-konklużjoni ta’ ħames snin servizz f’kariga ta’ avukat tal-Istat partikolari.

[…]”

III. Il-proċedura prekontenzjuża

33.      Fit‑28 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lill-Polonja, li fiha kkontestat il-konformità mad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mal-Artikolu 157 TFUE, mad-Direttiva 2006/54, u mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19(1) TUE ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017.

34.      Permezz ta’ ittra tal‑31 ta’ Awwissu 2017, il-Polonja rrispondiet għal din l-ittra ta’ intimazzjoni. Hija kkontestat l-argumenti tal-Kummissjoni.

35.      Fit‑12 ta’ Settembru 2017 il-Kummissjoni indirizzat opinjoni motivata lir-Repubblika tal-Polonja li fiha, fuq il-bażi tal-Artikolu 258 TFUE, l-ewwel nett, allegat li, billi stabbilixxiet fil-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, età ta’ rtirar differenti għall-imħallfin irġiel u nisa tal-qrati ordinarji, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), u għall-avukati tal-Istat, il-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 157 TFUE, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54.

36.      It-tieni nett, il-Kummissjoni allegat li bit-tnaqqis tal-età tal-irtirar, skont il-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, ta’ mħallfin fil-qrati ordinarji, u minħabba li tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat tal-istess imħallfin, skont il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-istess liġi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta.

37.      Fit‑12 ta’ Ottubru 2017 il-Polonja rrispondiet l-opinjoni motivata, fejn tenniet il-pożizzjoni tagħha li n-nuqqas allegat ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha kien infondat u talbet l-għeluq tal-proċedura.

38.      Il-Kummissjoni ddeċidiet li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja għar-raġunijiet li ġejjin (punt 39).

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

39.      Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil‑15 ta’ Marzu 2018, il-Kummissjoni adixxiet lill-Qorti tal-Ġustizzja b’dan ir-rikors skont l-Artikoli 258 TFUE. Hija qiegħda titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tikkonstata li bl-introduzzjoni, permezz tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, ta’ età tal-irtirar differenti għall-imħallfin irġiel u nisa tal-qrati ordinarji, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u għall-avukati tal-Istat, il-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 157 TFUE, l-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54;

–        tikkonstata li billi naqqset, permezz tal-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-imsemmija liġi, l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, u billi tat lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat tal-istess imħallfin, skont il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-istess liġi, il-Polonja kisret l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TFUE u l-Artikolu 47 tal-Karta;

–        tikkundanna lill-Polonja għall-ispejjeż.

40.      Fir-risposta tagħha ppreżentata fil‑31 ta’ Mejju 2018, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

–        tiċħad dan ir-rikors fl-intier tiegħu bħala infondat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tal-proċeduri.

V.      L-argumenti tal-partijiet

A.      Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

41.      Il-Polonja argumentat fil-kontroreplika tagħha li r-rikors fl-intier tiegħu ma għadx għandu skop, u talbet lill-Kummissjoni tirtira l-ilment tagħha minnufih.

42.      Il-Polonja ssostni li l-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 li l-Kummissjoni qiegħda tikkontesta, u li permezz tagħha l-Polonja introduċiet għall-imħallfin tal-qrati ordinarji, tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) u għall-avukati tal-Istat, età tal-irtirar ta’ 60 sena għan-nisa u ta’ 65 sena għall-irġiel, kif emendata mil-l’ustawa z dnia 12 kwietnia 2018 r. o zmianie ustawy – Prawo o ustroju sądów powszechnych, ustawy o Krajowej Radzie Sądownictwa oraz ustawy o Sądzie Najwyższym (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, il-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Liġi dwar is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) tat‑12 ta’ April 2018 (iktar ’il quddiem il-“Liġi tat‑12 ta’ April 2018”) (18). Skont il-punt 4 tal-Artikolu 1, ta’ din il-liġi, li temenda l-Artikolu 69(1) tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, l-imħallfin, irrispettivament mis-sess tagħhom, jirtiraw malli jagħlqu 65 sena. L-età tal-irtirar tal-avukati tal-Istat hija stabbilita bl-istess mod, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li, konformement mal-Artikolu 127 tal-Ustawa prawo o prokuraturze (il-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat) tat‑28 ta’ Jannar 2016 (19), id-dispożizzjonijiet applikabbli għall-imħallfin tal-qrati ordinarji japplikaw mutatis mutandis għall-avukati tal-Istat. Fir-rigward tal-imħallfin tas-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema), l-età tal-irtirar għal dawk li applikaw għaliha ġiet stabbilita permezz tal-Artikolu 37 tal-Ustawa o Sądzie Najwyższym (il-Liġi dwar is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema)) tat‑8 ta’ Diċembru 2017 (20), u tikkorrispondi għal 65 kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa.

43.      Fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-punt 1 tal-Artikolu 13, ikkunsidrat flimkien mal-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, flimkien ma’ liġijiet oħra li naqqsu l-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, u li taw is-setgħa lill-Ministru għall-Ġustizzja li jiddeċiedi dwar il-perijodu tal-estensjoni tal-mandat ta’ mħallef tal-qrati ordinarji, huma ġew suġġetti għal emenda bl-istess mod. Il-punt 4 tal-Artikolu 1 tal-Liġi tat‑12 ta’ April 2018 emenda l-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, sabiex ikun il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura li għandu jawtorizza l-perijodu ta’ mandat ta’ mħallef tal-qrati ordinarji lil hinn mill-età ta’ 65 sena. Il-kriterji li għandhom jiġu applikati mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura ġew emendati wkoll. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura huwa istituzzjoni kostituzzjonali bir-responsabbiltà li jiggarantixxi l-indipendenza tal-imħallfin u tal-qrati. Konsegwentement, il-fatt li d-deċiżjoni tal-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ mħallef titħalla f’idejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura ma tistax tammonta għal att li jikkomprometti l-indipendenza tal-imħallfin.

44.      Fis-seduta l-aġent tal-Kummissjoni qal li l-Kummissjoni se tkompli bir-rikors tagħha. It-tibdil fil-liġi ma rnexxilux isolvi l-kwistjonijiet kollha mressqa fir-rikors tagħha, u hemm interess espress u importanti f’li tingħata deċiżjoni, indipendentement minn jekk u sa liema punt il-Polonja emendat id-dispożizzjonijiet tagħha mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni.

B.      Fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess

1.      Il-Kummissjoni

45.      Il-Kummissjoni ssostni li bit-tnaqqis tal-età tal-irtirar ta’ 67 għal 60 sena għan-nisa u għal 65 sena għall-irġiel, li seħħ permezz tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, il-Polonja naqset milli taġixxi konformement mal-Artikolu 157 TFUE u l-Artikolu 5(a) tad-Direttiva 2006/54, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 9(1)(f) tal-istess direttiva, minħabba li l-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 timponi etajiet differenti ta’ rtirar tal-imħallfin ibbażati fuq is-sess (21).

46.      Il-Kummissjoni tenfasizza li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi ddeterminat jekk arranġament partikolari huwiex sistema professjonali ta’ sigurtà soċjali, u għaldaqstant irregolat mid-Direttiva 2006/54 u mhux mid-Direttiva 79/7, il-kwistjoni deċiżiva hija jekk dan huwiex essenzjali għar-relazzjoni ta’ impjieg; jiġifieri jekk il-pensjoni hijiex marbuta mar-remunerazzjoni tal-persuna kkonċernata, u għalhekk taqa’ taħt l-Artikolu 157 TFUE (22). Ma hemm l-ebda dubju li l-ħlasijiet magħmulin mal-irtirar skont l-arranġamenti inkwistjoni huma magħmulin minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg, mhux għal kunsiderazzjonijiet politiċi, soċjali, etiċi jew baġitarji, bħalma huwa l-każ fir-rigward ta’ skemi ta’ pensjoni li jaqgħu taħt id-Direttiva 79/7. Għalhekk, il-Polonja hija eskluża milli tinvoka kwalunkwe diskrezzjoni ta’ Stat Membru biex tistabbilixxi etajiet differenti ta’ rtirar għal irġiel u nisa f’skemi pubbliċi tas-sigurtà soċjali, hekk kif ipprovdut fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7.

47.      Tliet rekwiżiti huma stabbiliti fil-ġurisprudenza għall-applikazzjoni ta’ din l-esklużjoni: il-miżuri rilevanti għandhom jikkonċernaw kategorija partikolari ta’ ħaddiema, l-ammonti mħallsa wara l-irtirar għandhom ikunu relatati direttament mal-ammont ta’ żmien ta’ servizz imwettaq (li l-Kummissjoni ssostni ma għandux għalfejn ikun awtomatiku jew matematiku), u l-ammont tal-ħlasijiet għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi tar-remunerazzjoni rċevuta għall-kariga li kienet okkupata l-aħħar. Għall-Kummissjoni, dawn kollha huma ssodisfatti fir-rigward tal-miżura kkontestata, u fil-fatt l-oġġezzjonijiet tal-Polonja huma limitati għall-argument li l-benefiċċji taħt l-arranġamenti tal-pensjoni inkwistjoni ma humiex direttament marbutin mal-ammont ta’ żmien ta’ servizz imwettaq.

48.      Iktar speċifikament, il-Kummissjoni ssostni, inter alia, li l-fatt li d-determinazzjoni tal-benefiċċji mħallsa hija marbuta mas-servizz f’karigi pubbliċi li ma humiex karigi ġudizzjarji jissuġġerixxi, kuntrarjament għall-argumenti tal-Polonja, li l-benefiċċji tal-pensjoni huma fil-fatt relatati mat-tul ta’ servizz. L-eżistenza ta’ livelli massimi fis-sistema (23) ma tnaqqasx mill-fatt li s-salarju finali, li fuqu huma bbażati l-benefiċċji, huwa ddeterminat mill-grad (li huwa marbut mat-tul ta’ servizz) u mill-allowance għall-anzjanità (ukoll marbuta mat-tul ta’ servizz). It-tul ta’ servizz huwa fattur fundamentali fid-determinazzjoni kemm tal-grad kif ukoll tat-tul speċifiku ta’ allowance għat-tul ta’ servizz.

49.      Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li seħħet diskriminazzjoni diretta bi ksur tal-Artikolu 157 TFUE, u tad-Direttiva 2006/54 u tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-Artikoli 5(a) u 7(2) tagħha.

50.      Il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti tal-Polonja fis-sens li l-eżistenza ta’ età tal-irtirar iktar baxxa għan-nisa mill-irġiel hija miżura ta’ diskriminazzjoni pożittiva permessa mill-Artikolu 157(4) TFUE u mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54, għaliex il-miżuri kkonċernati ma jassistux lin-nisa fl-avvanzament tal-karrieri tagħhom u f’opportunitajiet ugwali għal promozzjoni (24). Lanqas ma hemm xi rabta bejn it-trobbija tat-tfal, għaliex din il-liġi tapplika għal nisa li ma kellhomx tfal, jew li ma xtaqux jinterrompu l-karrieri tagħhom wara li kellhom it-tfal. L-irġiel jista’ wkoll ikollhom rwol fit-trobbija tat-tfal, iżda huma esklużi mill-età ta’ rtirar ta’ 60 sena.

2.      Ir-Repubblika tal-Polonja

51.      Il-Polonja ssostni li l-arranġamenti tal-pensjoni inkwistjoni huma rregolati mid-Direttiva 79/7 u mhux mid-Direttiva 2006/54, bl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7 li jippermetti lill-Istati Membri jeskludu l-istabbiliment ta’ età tal-irtirar u pensjonijiet tal-anzjanità mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Il-Polonja ssostni sussidjarjament li, anki jekk l-arranġamenti tal-pensjoni inkwistjoni jaqgħu taħt id-Direttiva 2006/54, dawn huma miżura ta’ diskriminazzjoni pożittiva permessa mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54 u mill-Artikolu 157(4) TFUE.

52.      Il-Polonja targumenta li t-tieni kriterju mit-tlieta msemmija iktar ’il fuq ma ġiex issodisfatt, u li l-Kummissjoni fundamentalment ma fehmitx l-iskema Pollakka inkwistjoni għad-determinazzjoni tal-benefiċċji tal-pensjoni. It-tul ta’ servizz jikkostitwixxi biss rwol sekondarju fid-determinazzjoni tal-benefiċċji.

53.      Il-Polonja ssostni li r-rabta neċessarja mat-tul ta’ servizz hija assenti għaliex, inter alia, il-livell massimu tal-primjum tat-tul ta’ servizz ta’ 20 % tal-paga bażika previst fil-leġiżlazzjoni għall-avukati tal-Istat u għall-imħallfin tal-qrati ordinarji, japplika kemm jekk l-imħallef għamel għoxrin jew erbgħin sena ta’ servizz. L-element primarju għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni huwa s-salarju bażiku. Il-Polonja żżid li l-metodu għall-kalkolu tal-pensjoni mħallsa ma jsemmix sess wieħed minflok l-ieħor, u l-fatt li l-perijodi tas-servizz mwettqa li jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-benefiċċji jinkludu l-karigi ta’ servizz pubbliku li ma humiex ġudizzjarji juri li l-benefiċċji tal-pensjoni ma humiex relatati direttament mat-tul ta’ servizz. Pensjoni tal-irtirar tista’ togħla biss bħala funzjoni tal-bidla fir-remunerazzjoni tal-imħallfin b’mandat, li għalhekk turi li t-tul tas-servizz huwa nieqes mir-rilevanza. Fir-rigward tas-salarju bażiku, dak li jgħodd ma huwiex it-tul ta’ servizz iżda l-iskala tar-rati, b’riferiment għall-kariga okkupata, u l-fatturi ta’ multiplikazzjoni. Il-promozzjoni wkoll għandha rwol;

54.      Fir-rigward ta’ azzjoni pożittiva, il-Polonja targumenta li l-pożizzjonijiet għolja fil-ġudikatura huma inqas aċċessibbli għan-nisa minħabba r-responsabbiltajiet tagħhom fit-trobbija tat-tfal. L-irtirar kmieni huwa forma ta’ kumpens għal dan l-iżvantaġġ. Il-maġġoranza l-kbira tan-nisa fil-Polonja jkollhom it-tfal, u jrabbu t-tfal b’mod ħafna iktar komuni mill-irġiel, b’detriment għall-karriera tagħhom.

55.      Finalment, il-Polonja tagħmel riferiment għall-miżuri tranżitorji fis-seħħ mill‑1 ta’ Ottubru 2017 sat‑30 ta’ April 2018, fl-istess ħin mal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 li ppermettew lill-imħallfin jibdew l-irtirar fl-istess età, irrispettivament mis-sess, jiġifieri fl-età ta’ 67. Dawn kienu fis-seħħ mill-mument li d-dispożizzjonijiet ikkontestati mill-Kummissjoni kienu fis-seħħ, u pprevedew arranġament tranżitorju, li permezz tiegħu l-imħallfin li kellhom 60 sena (għan-nisa) jew 65 sena (għall-irġiel) mill‑1 ta’ Ottubru 2017, jew sal‑1 ta’ April 2018 (jiġifieri sitt xhur wara l‑1 ta’ Ottubru 2017), sempliċement kellhom jippreżentaw dikjarazzjoni ta’ xewqa li jirtiraw ta’ 67 sena u ċertifikat mediku li juri l-kompetenza, biex tapplika din l-età ta’ rtirar preċedenti. Dan ma kienx suġġett għal awtorizzazzjoni minn xi awtorità. L-unika rekwiżit ieħor kien terminu fis-sens li dawn id-dokumenti kellhom jiġu pprovduti sal‑1 ta’ April 2018 (25).

C.      Fuq il-ksur allegat tal-Artikolu 19 TUE ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta

1.      Il-Kummissjoni

56.      Il-Kummissjoni targumenta li l-ksur tal-obbligi ta’ Stat Membru skont l-Artikolu 19(1) TUE jirriżulta meta liġi ta’ Stat Membru twaqqaf qrati li japplikaw dritt tal-Unjoni milli jikkonformaw mad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva b’mod sistematiku (26). Dan huwa importanti b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmu tal-Artikolu 267 TFUE (27). L-obbligi marbutin mal-Artikolu 19(1) TUE jinkludu dawk tal-indipendenza, b’mod partikolari meta moqri fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta (28). Dan japplika irrispettivament minn kwalunkwe mudell għall-organizzazzjoni tal-ġustizzja li jagħżel l-Istat Membru, fl-eżerċizzju tal-awtonomija proċedurali nazzjonali f’dan il-qasam.

57.      Il-Kummissjoni toġġezzjona għal tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin li hija akkumpanjata minn diskrezzjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja li jestendiha. Il-Kummissjoni ma toġġezzjonax b’mod usa’ għar-regoli kollha li jistabbilixxu relazzjoni bejn il-ġudikatura u l-eżekuttiv.

58.      Il-possibbiltà li s-sentenzi tal-qrati ordinarji jiġu appellati ma tiggarantixxix protezzjoni ġudizzjarja effettiva, meta l-indipendenza tal-imħallfin fil-livelli kollha tas-sistema ġudizzjarja ma hijiex iggarantita.

59.      Il-kriterji li l-Ministru japplika fit-twettiq ta’ din id-deċiżjoni huma vagi, u l-ebda terminu ma huwa stabbilit fid-dritt tal-Istat Membru biex il-Ministru jieħu din id-deċiżjoni; li għalhekk jagħti lill-Ministru diskrezzjoni eċċessiva u setgħa reali biex jinfluwenza mħallfin individwali. Dan jikser il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, element fundamentali tal-indipendenza tagħhom, li għandha tkun kemm personali kif ukoll funzjonali, u għandha tinkludi protezzjoni kontra tneħħija u interferenza mill-eżekuttiv (29). Dan ma jistax jiġi skużat billi l-età tal-irtirar tiġi bbażata fuq l-età tal-irtirar normali.

2.      Il-Polonja

60.      Il-Polonja ssostni li r-rikors tal-Kummissjoni huwa ġenerali, ipotetiku, astratt, u jikser il-kompetenza tal-Polonja biex torganizza s-sistema tagħha stess għall-amministrazzjoni tal-ġustizzja. L-interpretazzjoni tal-Kummissjoni tal-Artikolu 19(1) TUE hija wiesgħa wisq. Iktar minn hekk, l-Artikolu 47 tal-Karta jista’ japplika biss meta l-Istati Membri qegħdin jimplimentaw dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Dan ma jistax japplika hawnhekk, minħabba l-projbizzjoni għall-użu tal-Karta biex tiġi estiża l-kompetenza tal-Unjoni fl-Artikolu 6(1) TUE u l-Artikolu 51 tal-Karta. L-Artikolu 47 tal-Karta ma huwiex miżura ta’ stħarriġ astratt.

61.      L-imħallfin fl-Polonja jgawdu mill-protezzjoni kostituzzjonali ta’ età tal-irtirar stabbilita legalment. Ma jirriżulta l-ebda ksur tal-irremovabbiltà tal-imħallfin minħabba li l-Ministru jippresjedi biss fuq il-mistoqsija għal estensjoni. Id-diskrezzjoni tal-Ministru hija limitata mill-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Dan jobbliga lill-Ministru biex jieħu d-deċiżjoni fid-dawl tal-użu razzjonali tal-persunal tal-qrati ordinarji, u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ qrati differenti. L-imħallfin huma protetti wkoll mid-dritt Pollakk, inter alia, biż-żamma tal-istatus ta’ mħallef wara l-irtirar, u s-segretezza tad-deliberazzjonijiet.

62.      It-tħassib muri mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tentazzjoni tal-imħallfin biex jintgħoġbu mill-Ministru għall-Ġustizzja, jew b’mod iktar ġenerali mill-eżekuttiv, jista’ jitqajjem fir-rigward tal-liġi fis-seħħ għal ħafna snin li tagħti lill-President tar-Repubblika r-responsabbiltà għall-promozzjonijiet. Is-suġġeriment li l-imħallfin Pollakki huma esposti għar-riskju li jiġu influwenzati huwa offensiv, u hemm miljuni ta’ sitwazzjonijiet li fihom il-ġudikatura hija marbuta mal-eżekuttiv. Il-Polonja tinnota li l-mandati tal-imħallfin tal-Qorti tal-Ġustizzja jiġġeddu kull sitt snin. Jekk dan ma jikkompromettix l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, lanqas il-miżuri kkontestati mill-Kummissjoni ma jistgħu jagħmlu dan. Ma jistax ikun permess li jeżistu maġenb xulxin normi differenti għall-Qorti tal-Ġustizzja u għall-Istati Membri.

63.      Il-Kummissjoni naqset milli tagħmel analiżi globali tas-sistema ġudizzjarja fil-Polonja u tal-protezzjonijiet kollha tagħha, li hija neċessarja qabel ma jiġi allegat ksur “sistematiku” tal-indipendenza ġudizzjarja. Il-Kummissjoni analizzat biss element wieħed tagħha.

VI.    Analiżi

A.      Fuq l-ammissibbiltà

64.      L-ewwel nett, jien mhux tal-fehma li r-rikors tal-Kummissjoni ma għadx għandu skop. Qiegħed nagħmel riferiment għal ġurisprudenza stabbilita fis-sens li l-mistoqsija dwar jekk Stat Membru naqasx milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont l-Artikolu 258 TFUE hija ddeterminata mis-sitwazzjoni li kienet teżisti fl-Istat Membru fi tmiem it-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata (30), li f’dan il-każ huwa t‑12 ta’ Ottubru 2017. F’din id-data, il-Polonja rrispondiet fis-sens li ma kinux se jittieħdu miżuri (ara l-punt 37 iktar ’il fuq). It-tibdiliet fil-liġi li fuqhom tibbaża l-Polonja biex issostni li kwalunkwe ksur allegat tal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-Unjoni, fi kwalunkwe każ, ġew ikkorreġuti, jirrigwardaw il-Liġi tat‑12 ta’ April 2018 (ara l-punti 42 u 43 iktar ’il fuq).

65.      Rigward id-dispożizzjonijiet tranżitorji (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), u li kienu fis-seħħ fid-data rilevanti tat‑12 ta’ Ottubru 2017, fir-rigward tal-ewwel ilment dawn jipprovdu eżenzjoni biss għal numru żgħir ta’ mħallfin għal perijodu qasir ta’ żmien. Iktar minn hekk, l-eżistenza ta’ miżuri tranżitorji tmur fil-qofol tad-determinazzjoni dwar jekk il-prinċipji tal-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin, ġewx miksura, u se jiġu diskussi fil-Parti VI C iktar ’l isfel.

66.      Fi kwalunkwe każ, bħalma kien il-każ fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18), hemm interess qawwi għall-Istati Membri, l-individwi, u l-Unjoni biex il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni fl-ilment quddiemha. Din is-sentenza, bħas-sentenza pendenti fil-Kawża C‑619/18, se tibni fuq l-osservanza tal-istat tad-dritt fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, u tipprovdi gwida dwar dak li huwa meħtieġ sabiex dan jiġi protett. Din se tikkjarifika wkoll il-konfini bejn skemi pubbliċi tas-sigurtà soċjali rregolati mid-Direttiva 79/7, u organi professjonali ta’ previdenza rregolati mid-Direttiva 2006/54.

67.      It-tieni lment tal-Kummissjoni huwa għalhekk ammissibbli, ħlief għall-invokazzjoni tagħha tal-Artikolu 47 tal-Karta.

68.      It-tieni nett, hawnhekk se nagħmel riferiment għall-punti 52 sa 60 u l-punti 65 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi tal‑11 ta’ April 2019 fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) (31). Il-Kummissjoni ma ppreżentatx quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 47, minħabba l-assenza ta’ materjal dwar kif il-Polonja kienet qiegħda timplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta meta hija introduċiet il-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017.

69.      Ma’ dawn l-osservazzjonijiet se nżid biss billi nenfasizza li, filwaqt li l-Kummissjoni hija inkarigata skont l-Artikolu 17(1) TUE biex “tissorvelja l-implimentazzjoni tad-dritt ta’ l-Unjoni”, dan bl-ebda mod ma jfisser liċenzja biex testendi “l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati”, kif prekluż mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE. Kif kien il-każ fil-Kawża C‑619/18, il-Kummissjoni ma pprovatx torbot l-argumenti tagħha fir-rigward tal-Artikolu 47 tal-Karta ma’ dispożizzjoni tad-dritt Pollakk, li kellha l-għan li timplimenta dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni (32) jew tallega li s-sitwazzjoni li tqajmet fl-ilment tagħha hija min-naħa l-oħra “irregolata” mid-dritt tal-Unjoni (33).

70.      Madankollu, nikkonkludi li l-aċċettazzjoni ta’ argumenti tal-Kummissjoni fis-sens li t-tifsira tad-dritt għal protezzjoni legali effettiva skont l-Artikolu 19 TUE tista’ tiġi direttament influwenzata mill-Artikolu 47 tal-Karta, tkun minnha nnifisha tammonta għal indħil mhux iġġustifikat fil-kompetenza tal-Polonja fl-organizzazzjoni u l-amministrazzjoni tal-ġustizzja. Kif ġie osservat mill-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (34), bħala interpretu suprem tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha responsabbiltà li tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali fil-qasam tal-kompetenza tal-Unjoni. Kuntrarjament għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-bniedem, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex, mandat speċifiku sabiex tissanzjona l-ksur kollu tad-drittijiet fundamentali mwettaq minn Stati Membri (35).

71.      Madankollu, kif ser nispjega fil-Parti VI C iktar ’il quddiem, din bl-ebda mod ma tippreġudika rikors għal sorsi ġuridiċi komuni fid-determinazzjoni ta’ jekk il-prinċipju ta’ irremovabbiltà tal-imħallfin, u tal-indipendenza u l-imparzjalità tagħhom, inkisirx f’każ partikolari, irrispettivament minn jekk it-talba inkwistjoni hijiex ibbażata fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, manifestazzjoni speċifika tal-valuri fundamentali riflessi fl-Artikolu 2 TUE, jew is-sitwazzjoni li fiha Stat Membru qed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni, sabiex hekk tiskatta l-protezzjoni mogħtija mill-Artikolu 47 tal-Karta u d-dritt għal “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi”.

72.      Il-limiti inerenti fil-Karta, jiġifieri li tapplika biss għall-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni (Artikolu 51(2) tal-Karta) ma jistgħux iwasslu għal sitwazzjoni fejn jiddgħajjef id-dmir tal-Kummissjoni li tipproteġi l-valuri fundamentali tal-Unjoni kif stabbiliti fl-Artikolu 2 TUE (36), li jagħmlu parti mill-wirt kostituzzjonali Ewropew komuni. Azzjonijiet diretti tat-tip istitwiti fl-ilmenti tal-Kummissjoni f’din il-proċedura ma jinvolvux estensjoni tal-kompetenza tal-Unjoni li hija inkonsistenti mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u mal-Artikolu 51(2) tal-Karta.

73.      It-tielet nett, il-fatt li l-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 tifforma parti mill-opinjoni motivata tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 7(1) TUE fir-rigward tal-istat tad-dritt fil-Polonja (37), bl-ebda mod ma jipprekludi l-Kummissjoni milli tippreżenta rikors dirett skont l-Artikolu 258 TFUE. Qiegħed nagħmel riferiment għall-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18) (38), fejn nispjega għalfejn, bħala kwistjoni ta’ dritt tal-Unjoni, iż-żewġ proċeduri ma humiex esklużivi għal xulxin (39).

B.      Fuq l-ewwel ilment

74.      Nikkunsidra li l-Kummissjoni ressqet l-ilment tagħha, prinċipalment minħabba l-interpretazzjoni preskrittiva żżejjed tal-Polonja tar-rekwiżiti, stabbiliti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għal skema ta’ pensjoni biex tiġi kklassifikata bħala waħda li tissodisfa kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, u għalhekk irregolata mid-Direttiva 79/7 bħala miżura li tappartjeni għas-sigurtà soċjali, iktar milli waħda li tikkonċerna “remunerazzjoni” skont l-Artikolu 157 TFUE, u rregolata mill-projbizzjonijiet f’dan l-artikolu u d-direttivi rilevanti li jirregolaw ir-remunerazzjoni ġusta, f’dan il-każ id-Direttiva 2006/54.

75.      B’mod iktar partikolari, il-Polonja kienet preskrittiva żżejjed fir-rigward tar-rekwiżit li, sabiex skema ta’ pensjoni ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7, il-benefiċċji mħallsa taħt skema ta’ pensjoni għandhom ikunu “direttament relatati” mat-tul ta’ servizz.

76.      Fl-argumenti tal-Polonja hemm nieqsa kwalunkwe analiżi tal-konfini bejn id-Direttivi 2006/54 u 79/7, kif evolviet fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja b’riferiment għat-tifsira ta’ “remunerazzjoni” skont l-Artikolu 157 TFUE. Lanqas ma ġew diskussi l-prinċipji usa’ li jirregolaw dawn il-konfini, bħala distinti mit-tliet fatturi rilevanti biss għall-iskemi professjonali tas-sigurtà soċjali: (i) jiġifieri, jekk dawn jikkonċernawx kategorija partikolari ta’ ħaddiema; (ii) jekk l-ammonti mħallsa wara l-irtirar humiex direttament relatati mal-ammont ta’ żmien ta’ servizz imwettaq; u (iii) jekk il-benefiċċji humiex ikkalkolati fuq il-bażi tar-remunerazzjoni rċevuta għall-kariga li kienet okkupata l-aħħar.

77.      Pereżempju, il-kawża Dimossia Epicheirissi Ilektrismou vs Evrenopoulos, ikkonċernat talba għal pensjoni ta’ armel kontra l-awtorità statali Griega tal-elettriku permezz ta’ skema privata, li fiha r-rikorrent argumenta li din ġiet miċħuda lilu minħabba s-sess (maskili) tiegħu. Fil-kunsiderazzjoni dwar jekk l-iskema kinitx irregolata mill-predeċessur tal-Artikolu 157 TFUE (jiġifieri l-Artikolu 119 tat-Trattat KEE), jew mid-Direttiva 79/7, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-prinċipju ġenerali importanti li “l-uniċi kriterji deċiżivi possibbli huma jekk il-pensjoni titħallasx lill-ħaddiem minħabba r-relazzjoni ta’ impjieg bejnu u bejn il-persuna li kienet timpjegah” (40).

78.      Iktar kmieni fil-kawża Beune, li kkonċernat il-kwistjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-ammont ta’ benefiċċji pagabbli skont organi pubbliċi ta’ previdenza, l-Avukat Ġenerali Jacobs iddeskriva r-relazzjoni ta’ impjieg bħala l-“fattur tassew deċiżiv”, filwaqt li enfasizza li “d-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja […] dwar ir-relazzjoni bejn is-sigurtà soċjali u l-Artikolu 119 [KEE], jipprovaw jagħmlu distinzjoni ċara bejn skemi ġenerali ta’ sigurtà soċjali u dawk li joperaw fil-qafas tar-relazzjoni ta’ impjieg” (41).

79.      Ir-rwol essenzjali tar-relazzjoni ta’ impjieg ġie enfasizzat ukoll mill-Avukat Ġenerali Kokott fil-konklużjonijiet tagħha f’Hlozek(42). F’tilwima fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess u jekk il-pensjoni ta’ tranżizzjoni ammontatx għal “remunerazzjoni” skont l-Artikolu 157 TFUE, l-Avukat Ġenerali kkonkludiet li l-istatus tal-allowance jiddependi “biss fuq il-kriterju tal-impjieg” li jista’ jiġi dedott minn din l-istess dispożizzjoni (43). Għall-Avukat Ġenerali, l-unika mistoqsija kienet jekk l-allowance kinitx waħda mħallsa “fir-rigward ta’ impjieg” (44), filwaqt li enfasizzat ukoll li, ġeneralment, it-tul ta’ servizz huwa immaterjali għat-tifsira ta’ “remunerazzjoni”, kunċett li għandu jiġi interpretat b’mod estensiv (45). Dan iservi biex jenfasizza li r-rekwiżit tat-“tul ta’ servizz” huwa limitat għal tilwim li jikkonċerna benefiċċji mħallsa skont organi ta’ previdenza (46), li min-naħa l-oħra jimmilita kontra interpretazzjoni preskrittiva żżejjed tal-frażi “direttament relatati”.

80.      Għalhekk, huwa taħt l-umbrella tal-prinċipju legali msemmi iktar ’il fuq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar jekk kunsiderazzjonijiet ta’ politika soċjali, ta’ organizzazzjoni statali, ta’ etika, jew saħansitra baġitarji li influwenzaw, jew setgħu jinfluwenzaw, l-istabbiliment ta’ skema partikolari mil-leġiżlatura nazzjonali jirbħux, sabiex skema ta’ pensjoni partikolari taqa’ taħt id-Direttiva 79/7. It-tliet prinċipji elaborati iktar ’il fuq (punt 76) huma gwida għad-determinazzjoni ta’ meta d-Direttiva 79/7 ma tistax tapplika għal skema ta’ pensjoni partikolari, iżda fl-istess ħin il-linji gwida ma jistgħux jiġu kkunsidrati f’vakwu maqtugħ mill-corpus usa’ ta’ prinċipji legali rilevanti. Ikolli nżid li dawn jinkludu l-importanza fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni tar-regola primarja li tipprojbixxi trattament inugwali fir-rigward tar-remunerazzjoni (47).

81.      Għalhekk, ma nistax nikkonkludi li xi wieħed mit-tliet fatturi li jeskludi organu ta’ previdenza mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7 huwa minqux fl-irħam, fis-sens li jista’ jimmerita interpretazzjoni fejn anki tbegħid limitat minn xi wieħed minnhom jeħtieġ il-konklużjoni li l-iskema inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 79/7, u b’mod iktar partikolari d-diskrezzjoni mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1)(a) tagħha li jiġu stabbiliti etajiet tal-irtirar differenti għall-irġiel u għan-nisa (48).

82.      Il-Polonja ma pprovatx tispjega kif l-iskema inkwistjoni hija differenti mid-deċiżjonijiet li fihom, ir-rekwiżit li benefiċċji tal-pensjonijiet imħallsa jkunu “relatati direttament” mat-tul ta’ servizz, ġie stabbilit bħala ssodisfatt. Għandi f’moħħi d-deċiżjonijiet f’kawżi bħal Beune (49) Podesta (50) Griesmar (51) Niemi (52) Schönheit (53) u Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (54). F’dawn is-sentenzi kollha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-benefiċċji mħallsa taħt organi ta’ previdenza ammontaw għal “ħlas” skont id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għal kull kawża, wara li applikat il-linja gwida tar-relazzjoni diretta mat-tul ta’ servizz, flimkien ma’ jekk l-iskema tikkonċernax kategorija partikolari ta’ ħaddiema, u jekk benefiċċji humiex ikkalkolati b’riferiment għas-salarju finali; l-aħħar żewġ fatturi ma humiex kwistjoni f’dan il-każ (55).

83.      Dan kollu jwassalni biex nikkonkludi li għall-benefiċċji taħt organu ta’ previdenza huwa neċessarju biss li dawn ikunu bbażati sa ċertu punt sinjifikattiv fuq it-tul ta’ servizz, qabel ma jkunu preklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7. Fil-fatt, fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-benefiċċji tal-pensjoni inkwistjoni f’dan il-każ ġieli varjaw b’riferiment għad-diffikultà tax-xogħol imwettaq, jew id-diffikultà taċ-ċirkustanzi li fihom huma twettqu, ma kienx biżżejjed biex inaqqsu l-applikabbiltà tar-regola li skontha l-benefiċċji mħallsin huma funzjoni diretta tal-perijodu ta’ servizz imwettaq (56).

84.      Għalhekk, fil-frażi “direttament relatata” l-enfasi tinsab fuq “relatata”, iktar milli fuq “direttament”. Din l-aħħar kelma ma timponix rekwiżit li l-benefiċċju jkun ibbażat jew awtomatikament jew esklużivament fuq it-tul ta’ servizz, bl-esklużjoni ta’ fatturi oħra, bħal dawk imqajma mill-Polonja (u li huma miġbura fil-qosor fil-punt 53 iktar ’il fuq). Dawn jinkludu rikors għal livelli massimi (bħal-livell massimu tal-primjum għas-servizz), l-elementi fattwali li jeħtieġ li jiġu stabbiliti qabel ma salarju jista’ jiżdied wara l-irtirar, il-promozzjoni, il-fatturi ta’ multiplikazzjoni u l-iskali ta’ rati fid-determinazzjoni tas-salarju bażiku. Hawnhekk salarju bażiku huwa sostanzjalment iddeterminat mit-tul ta’ servizz (ara l-punti 86 sa 89 iktar ’il fuq). Għalhekk, l-ebda wieħed minn dawn il-fatturi ma jista’ jikser rabta bejn it-tul ta’ servizz u l-benefiċċji mħallsa.

85.      Iktar minn hekk, naċċetta l-argument tal-Kummissjoni fis-sens li l-aċċettazzjoni li karigi pubbliċi mhux ġudizzjarji jiġu inklużi fil-kalkolu tat-tul ta’ servizz isostni, minflok jiċħad, il-konklużjoni li l-benefiċċji taħt l-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni huma direttament relatati mat-tul ta’ servizz (ara l-punt 48 iktar ’il fuq). Il-fatt li l-iskema għall-kalkolu tal-benefiċċji tal-pensjoni ma ssemmix sess wieħed u mhux l-ieħor ma jneħħix id-diskriminazzjoni kontra l-irġiel minħabba li l-età tal-irtirar tagħhom hija iktar tard minn dik tan-nisa.

86.      Naċċetta wkoll li l-Kummissjoni għamlet ir-rabta bejn il-benefiċċji mħallsa u t-tul ta’ servizz (ara l-punti 46 sa 48 iktar ’il fuq). Qiegħed nagħmel riferiment, pereżempju, għall-Artikolu 91(1) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, li jistabbilixxi li l-livell ta’ remunerazzjoni tal-imħallfin huwa ddeterminat mit-tul ta’ servizz u għall-Artikolu 91(7) li jistabbilixxi li r-remunerazzjoni għandu jsirilha distinzjoni b’allowance għall-anzjanità (punt 19 iktar ’il fuq). Skont l-Artikolu 91a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, is-salarju bażiku huwa wkoll influwenzat mit-tul tas-servizz (punt 21 iktar ’il fuq). Dispożizzjonijiet statutorji ta’ dan it-tip ma jistgħux jiġu skartati b’rikors għal fatturi supplimentari bħal limiti massimi u multiplikaturi (ara l-fatturi msemmija fil-punt 84 iktar ’il fuq), jew inaqqsu mir-realtà statutorja li l-benefiċċji tal-irtirar imħallsa huma bbażati fuq is-salarju finali, b’dan tal-aħħar jiġi rregolat f’grad sostanzjali mit-tul tas-servizz.

87.      B’mod partikolari, l-Artikolu 91a(3) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji (punt 20 iktar ’il fuq) jistabbilixxi li s-salarju bażiku ta’ mħallef għandu jiġi ddeterminat mill-ogħla grad sussegwenti wara ħames snin servizz f’kariga ta’ mħallef partikolari. Dan stabbilixxa r-rabta importanti mat-tul ta’ servizz, għaliex, skont l-Artikolu 100(1) (punt 22 iktar ’il fuq), il-kariga okkupata l-aħħar tiddetermina l-benefiċċji tal-pensjoni mħallsa. Madankollu, il-kariga okkupata l-aħħar tkun ta’ grad partikolari, li huwa marbut mat-tul ta’ servizz. Iktar minn hekk, il-ħlasijiet addizzjonali għall-benefiċċji tal-irtirar elenkati fl-Artikolu 100 (ara l-punt 22 iktar ’il fuq) ma jiksrux ir-rabta bejn it-tul ta’ servizz, l-għoti ta’ grad, u l-kariga okkupata l-aħħar.

88.      Ir-rabta bejn il-grad u t-tul ta’ servizz fis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema hija stabbilita skont l-Artikolu 42(4) sa (5) tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 (punt 26 iktar ’il fuq), bl-Artikolu 42(5) jistabbilixxi li s-salarju bażiku huwa ddeterminat skont is-sena tad-dħul fis-servizz u miżjud wara seba’ snin, filwaqt li l-Artikolu 50 jistabbilixxi li l-benefiċċji tal-pensjoni huma ddeterminati mis-salarji bażiċi u t-tul tal-allowance tas-servizz (punt 28 iktar ’il fuq). L-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-Qorti Suprema tal‑2002 jipprevedi allowance għall-anzjanità li hija ddeterminata parzjalment skont it-tul tas-servizz (punt 27 iktar ’il fuq).

89.      Fir-rigward tal-avukati tal-Istat, ir-rabta diretta mat-tul ta’ servizz hija stabbilita permezz tal-Artikolu 127(1) tal-Liġi dwar l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat (punt 31 iktar ’il fuq), ikkunsidrat flimkien ma’ dispożizzjonijiet speċifiċi oħra li jorbtu l-benefiċċji tal-pensjoni mat-tul ta’ servizz. Hawn qiegħed nagħmel riferiment għal, pereżempju, l-Artikolu 124(1) tal-Liġi dwar tal-Avukat tal-Istat (punt 32 iktar ’il fuq), li jistabbilixxi li t-tul ta’ servizz huwa fattur fid-determinazzjoni tar-remunerazzjoni. Jista’ jsir ukoll riferiment, bħala eżempju, għall-Artikolu 124(4) u (5) (punti 31 u 32 iktar ’il fuq), li skontu karigi preċedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tas-salarju, u fejn it-tul ta’ servizz huwa marbut mal-grad.

90.      Għal dak li jirrigwarda l-argumenti tal-Polonja rigward diskriminazzjoni pożittiva, huwa suffiċjenti li jiġi enfasizzat li huwa stabbilit fil-ġurisprudenza li l-għan ta’ miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva huwa li “jiffavorixxu b’mod speċjali lin-nisa, […] li jtejbu l-kapaċità tagħhom li jikkompetu fis-suq tax-xogħol u li jkollhom karriera taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel” (57). Ladarba mħallfin nisa rtirati ma humiex iktar qegħdin jikkompetu fis-suq tax-xogħol jew ifittxu karriera, il-miżuri kkontestati mill-Kummissjoni bl-ebda mod ma jistgħu jammontaw għal miżuri ta’ diskriminazzjoni pożittiva skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2006/54 u l-Artikolu 157(4) TFUE. Iktar minn hekk, wieħed irid ikun kawt f’każ ta’ regoli li fil-futur se jkomplu jsaħħu d-diviżjoni tradizzjonali tar-rwoli bħala miżuri għall-promozzjoni tal-ugwaljanza (58). Għalhekk, ir-“remunerazzjoni” msemmija fl-Artikolu 157(4) TFUE ma tistax titqies li fil-futur se tkompli ssaħħaħ tali diviżjonijiet, anki jekk mhux intenzjonalment.

91.      Kif ġie argumentat mill-Kummissjoni (punt 50 iktar ’il fuq) il-miżura kkontestata hija nieqsa mid-dettall. Ma hijiex disponibbli għall-irġiel li tilfu opportunitajiet ta’ karriera minħabba t-trobbija tat-tfal, u lanqas ma tieħu inkunsiderazzjoni nisa li qatt ma kienu involuti f’dan.

92.      Għar-raġunijiet preċedenti, l-ewwel ilment imqajjem mill-Kummisjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament fondat.

C.      Fuq it-tieni lment

1.      Regoli legali rilevanti u s-sorsi tagħhom

93.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses (59) li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE jipproteġi kontra t-tneħħija mill-kariga ta’ membri tal-qrati. Huwa jipprovdi garanziji “inerenti għall-indipendenza tal-imħallfin” (60) Irremovibiltà u indipendenza huma marbuta mill-qrib, minħabba li l-ħelsien essenzjali minn influwenzi esterni jirrikjedi ċerti garanziji biżżejjed sabiex jipproteġu lill-persuna minn dawk li għandhom l-inkarigu li jiġġudikaw, bħal garanziji kontra t-tneħħija mill-kariga (61).

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Associação Sindical dos Juízes Portugueses u f’deċiżjonijiet oħrajn, li l-garanzija tal-indipendenza hija inerenti fl-inkarigu tal-aġġudikazzjoni (62). Il-kunċett ta’ indipendenza kif protett mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) jippreżumi li l-istanza kkonċernata teżerċita l-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha b’awtonomija sħiħa, mingħajr ma tkun suġġetta għal ebda rabta ġerarkika jew issuġġettar għal kwalunkwe korp ieħor u mingħajr ma tirċievi ordnijiet jew istruzzjonijiet minn xi ħadd ikun min ikun, u li hija tkun għalhekk protetta minn interventi jew minn pressjonijiet esterni li jistgħu jippreġudikaw l-indipendenza ta’ ġudizzju tal-membri tagħha u li tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħhom (63).

95.      L-ilment tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ mħallfin ta’ qrati ordinarji, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, li jesprimi b’mod konkret l-istat tad-dritt li huwa valur fundamentali tal-Unjoni skont l-Artikolu 2 TUE. Il-qrati ordinarji jistgħu jiddeċiedu kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, u jagħmlu rinviji għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE. L-Artikolu 19(1) TUE għalhekk japplika għalihom (64). Kif tenniet reċentement il-Qorti tal-Ġustizzja, “kull Stat Membru għandu jiżgura li l-istanzi li, bħala ‘qorti’, fis-sens iddefinit mid-dritt tal-Unjoni, jagħmlu parti mis-sistema ta’ rimedji ġudizzjarji tiegħu fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva” (65).

96.      Minbarra dan nixtieq inżid li l-prinċipji ġenerali jibqgħu sors tad-drittijiet fundamentali, (66) minkejja li ġiet stabbilita l-Karta. Fil-fatt, l-Artikolu 6(3) TUE jistabbilixxi li d-drittijiet fundamentali “jagħmlu parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt ta’ l-Unjoni”. Kif osservat f’kummentarju partikolari, “koeżistenza tad-diversi sorsi tad-drittijiet fundamentali tiżgura l-għan ta’ provvista ta’ livell għoli ta’ protezzjoni għad-drittijiet tal-individwi” (67). Għalhekk, il-garanzija tal-istat tad-dritt li tinsab fl-Artikolu 2 u fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, u r-rispett għall-irremovibbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin inerenti fih, huwa ddeterminat, skont l-Artikolu 6(3) TUE, mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (68), u tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri (69).

97.      Għalhekk, jeżisti pont kostituzzjonali bejn l-Artikolu 47 tal-Karta u l-Artikolu 19(1) TUE, minħabba li dawn l-istess sorsi huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-kontenut tad-dritt għal “qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi” taħt l-Artikolu 47 tal-Karta. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta huma iktar marbuta bir-relazzjoni tagħhom mal-prinċipji ġenerali tad-dritt. Huma għandhom jiġu interpretati f’armonija magħhom, sabiex il-ġurisprudenza elaborata taħt iż-żewġ dispożizzjonijiet inevitabbilment tirkeb fuqhom (70).

98.      Minkejja dan, jiena konxju mit-tensjoni inerenti għall-Artikolu 6(1) TUE, fis-sens li l-Karta hija, fil-fatt, rikonoxxuta bħala sors ta’ drittijiet fundamentali ggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, filwaqt li l-istess dispożizzjoni wkoll tiddikjara, fit-tieni subparagrafu tagħha, li d-“d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta m’għandhom bl-ebda mod jestendu l-kompetenzi ta’ l-Unjoni kif definiti mit-Trattati” (71).

99.      Għalhekk jien tal-fehma li għandha tiġi eżerċitata prudenza meta f’rikors dirett jiġi invokat l-Artikolu 47 tal-Karta sabiex tiċċara l-protezzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt previst mill-Artikolu 2 TUE, u l-irrimovabbiltà tal-imħallfin u d-dritt għal qorti indipendenti u imparzjali inerenti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19 (1) TUE, għall-inqas f’sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru mhux qed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, minkejja l-koinċidenza bejn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet li inevitabbilment tqum minħabba sorsi komuni

100. Fil-fatt, il-Karta nnifisha ħafna drabi ssir referenza għaliha bħala sors ta’ drittijiet fundamentali (72), li ma huwiex sorpriż, minħabba l-istatus mogħti lilha taħt l-Artikolu 6(1) TUE. Madankollu minkejja li l-Karta hija dritt primarju tal-Unjoni, li tirrikorri għaliha bħala sors (dirett) tad-drittijiet fundamentali jilħaq il-limiti tiegħu meta jsir użu mill-Artikolu 51(2) tal-Karta u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) TUE, kif inhu l-każ f’dawn il-proċeduri, minħabba li l-Polonja ma hijiex qed timplimenta d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. L-espansjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni tirriżulta, bi ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(1) TUE u tal-Artikolu 51(2) tal-Karta, kieku kellha tiddependi direttament fuq l-Artikolu 47 tal-Karta.

101. Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li s-sorsi tad-drittijiet fundamentali previsti mill-Artikolu 6 TUE huma determinanti, kemm jekk ikun hemm allegat ksur ta’ indipendenza u imparzjalità fil-kuntest ta’ nuqqas strutturali li għandu jiġi eżaminat taħt l-Artikolu 19(1) TUE, jew f’kuntest li fih Stat Membru qed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni taħt l-Artikolu 51(1) tal-Karta (73), sabiex l-Artikolu 47 isir direttament rilevanti.

2.      Applikazzjoni f’din il-kawża

102. Il-Kummissjoni ssostni li t-tnaqqis tal-età tal-irtirar ta’ mħallfin tal-qrati ordinarji għal 60 sena għan-nisa, u għal 65 sena għall-irġiel, filwaqt li fl-istess ħin tingħata lill-Ministru għall-Ġustizzja s-setgħa li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-età tal-irtirar tal-imħalfin affettwati mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, huwa inkonsistenti mal-protezzjoni legali effettiva ggarantita mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, anki jekk din id-diskrezzjoni hija limitata mill-Artikolu 69(1b) tal-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji. Din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Ministru biex jieħu d-deċiżjoni fid-dawl tal-użu razzjonali tal-persunal tal-qrati ordinarji, u l-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol ta’ qrati differenti (punti 17 u 61 iktar ’il fuq). L-imħallfin huma protetti wkoll mid-dritt Pollakk, inter alia, biż-żamma tal-istatus ta’ mħallef wara l-irtirar, u s-segretezza tad-deliberazzjonijiet (punt 61 iktar ’il fuq). Il-Kummissjoni qiegħda tressaq ukoll dan l-ilment minkejja l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni identifikati iktar ’il fuq (punt 55).

103. Wasalt għall-konklużjoni li l-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 tonqos milli tiggarantixxi l-irremovibbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin, kif protetti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, għar-raġunijiet segwenti. Se nagħmel dan fid-dawl tal-importanza tal-bżonn li jiġu kkontestati miżuri li jikkompromettu l-indipendenza istituzzjonali jew operazzjonali tal-imħallfin (74).

104. L-ewwel nett, is-sigurtà tal-mandat huwa hu stess dogma fundamentali ta’ strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (iktar ’il quddiem il-“PIDĊP”) imfassal biex jiggarantixxi l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja, li fuqu kkollaboraw l-Istati Membri (75). Tali strumenti ilhom li ġew stabbiliti bħala sorsi tal-kontenut ta’ prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (76).

105. Għalhekk, ma huwiex insinjifikattiv li l-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti reċentement esprima l-fehma li, skont l-Artikolu 14(1) tal-PIDĊP, “garanziji li jirrigwardaw is-sigurtà tal-mandat [tal-imħallfin] huma rekwiżiti għall-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja” u li “kwalunkwe sitwazzjoni fejn l-eżekuttiv jista’ jikkontrolla jew jidderiġi l-ġudikatura hija inkompatibbli mal-Patt” (77) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Kumitat enfasizza l-importanza ta’ “garanziji li jipproteġuhom minn tneħħija diskrezzjonali” (78) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

106. Għalhekk, it-tnaqqis tal-età tal-irtirar tal-imħallfin għandu jkun akkumpanjat minn kontrolli ta’ sigurtà (79) biex ikun hemm protezzjoni kontra tneħħija de facto ta’ mħallef (80). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja reċentement iddeċidiet li t-tkeċċija ta’ mħallfin “għandha tkun iddeterminata b’dispożizzjonijiet leġiżlattivi espressi” (81).

107. Fis-seduta l-Polonja rrikonoxxiet li għallinqas 26 imħallef ġew rrifjutati estensjoni għall-età ta’ 70 sena (82) skont il-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017. Fuq il-bażi tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet mogħtija mill-aġent għall-Polonja waqt is-seduta, dik iċ-ċifra tista’ tilħaq 112‑il imħallef, skont l-impatt tal-miżuri tranżitorji (ara l-punt 55 iktar ’il fuq).

108. Dan jidher li kellu l-konsegwenza li l-imħallfin nisa ikkonċernati rtiraw seba’ snin qabel l-età stabbilita legalment qabel il-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 daħħlet fis-seħħ, jiġifieri 67 sena, u l-imħallfin irġiel ikkonċernati rtiraw sentejn qabel l-età legali għall-irtirar. Din is-sitwazzjoni ma hija akkumpanjata minn l-ebda obbligu min-naħa tal-Ministru li jagħti raġuni għar-rifjut, u l-ebda stħarriġ ġudizzjarju. Dan jiġri wkoll f’kuntest li fih, kif irrikonoxxut mill-aġent tal-Polonja fis-seduta, sal-bidu ta’ dan is-seklu, estensjoni lil hinn mill-età legali għall-irtirar għall-età ta’ sebgħin sena kienet tiġi deċiża mill-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura. Mill‑2002, il-Ministru għall-Ġustizzja beda jirċievi tali applikazzjonijiet, iżda dawn kellhom jiġu aċċettati fuq il-provvista ta’ ċertifikat mediku dwar il-kapaċità għax-xogħol. Sussegwentement, fl‑2017, il-Ministru għall-Ġustizzja ġie mogħti d-diskrezzjoni inkwistjoni.

109. Fid-dawl ta’ dan kollu, obbligu legali li l-Ministru jagħmel użu razzjonali tar-riżorsi tal-qrati ordinarji, flimkien mal-bżonnijiet li jirriżultaw mill-ammont ta’ xogħol, u fatturi bħas-segretezza tad-deliberazzjoni tal-imħallfin u l-fatt li l-Kostituzzjoni Pollakka tiggarantixxi età tal-irtirar skont il-liġi minn żmien għal żmien, huma insuffiċjenti bħala kontrolli ta’ sigurtà kontra tneħħija de facto ta’ mħallfin affettwati mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017 (83), partikolarment meta dan iseħħ fil-kuntest ta’ riforma governattiva ġenerali tal-ġudikatura tat-tip mibdija fil-Polonja (84).

110. Iktar minn hekk, ebda raġuni urġenti jew konvinċenti ta’ politika ma ġiet prodotta għat-trasferiment tal-awtorità dwar estensjonijiet mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura għall-Ministru, u lanqas ma ġiet ipprovduta spjegazzjoni adegwata dwar għaliex it-tneħħija ta’ mħallef b’ammont ta’ xogħol baxx, minflok ma jiġi ttrasferit jew ma tiġi ttrasferita għal qorti ordinarja oħra, kellha tkun l-unika soluzzjoni vijabbli.

111. Fir-rigward tar-rekwiżit tal-indipendenza, l-arranġamenti inkwistjoni f’dan il-każ, bħall-arranġamenti li kkunsidrajt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18) (85), ifissru t-trasferiment simultanju għal membru tal-eżekuttiv, u f’dan il-każ xejn inqas mill-Ministru għall-Ġustizzja (86), tas-setgħa li jestendi l-perijodu tal-mandat ta’ mħallef, u t-tnaqqis leġiżlattiv tal-età tal-irtirar tal-imħallfin. Dan il-pakkett huwa inkonsistenti mal-element oġġettiv tal-imparzjalità kif protett mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (87). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-indipendenza u l-imparzjalità “jassumu l-eżistenza ta’ regoli, b’mod partikolari għal dak li jikkonċerna l-kompożizzjoni ta’ l-istanza, il-ħatra, it-terminu tal-funzjonijiet kif ukoll il-kawżi ta’ astensjoni, ta’ kontestazzjoni u ta’ revoka tal-membri tagħha, li jippermettu li jitneħħa kull dubju leġittimu, fl-imħuħ tal-persuni suġġetti għall-ġurisdizzjoni tal-qrati, fir-rigward ta’ l-impermeabbiltà ta’ din l-istanza fir-rigward ta’ l-elementi esterni u tan-newtralità tagħha fir-rigward ta’ l-interessi li taffronta” (88).

112. Dak li huwa kkonċernat hawn ma huwiex assunzjoni ta’ nuqqas ta’ professjonaliżmu min-naħa tal-imħallfin Pollakki jew li d-deċiżjonijiet tagħhom se jkunu neċessarjament imtappna bil-parzjalità, sakemm hemm pendenti quddiem il-Ministru għall-Ġustizzja deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-mandat, iżda huwa jekk il-pubbliku jistax leġittimament jipperċepixxi l-arranġamenti inkwistjoni bħala li jtappnu l-imparzjalità tal-proċeduri li fihom l-eżekuttiv huwa parti waqt dan il-perijodu sensittiv, perijodu li jista’ jkompli għal żmien kunsiderevoli, ladarba l-Ministru għall-Ġustizzja ma huwiex kostrett biż-żmien biex jieħu deċiżjoni (89). U hawn ukoll, perċezzjoni leġittima ta’ parzjalità bħal din fir-rigward tal-perċezzjonijiet pubbliċi hija aggravata bin-nuqqas ta’ kontrolli ta’ sigurtà, bħat-trasparenza u l-istħarriġ ġudizzjarju (90).

113. Fir-rigward tal-arranġamenti tranżitorji (ara l-punt 55 iktar ’il fuq), huwa suffiċjenti li jiġi nnotat li dawn ma jinkludux l-imħallfin kollha affettwati mil-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, iżda biss numru żgħir, speċifikament, dawk li kellhom iktar minn 60 sena (nisa) jew 65 sena (irġiel) fil-punt tad-dħul fis-seħħ tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017, jew li għalqu dik l-età bejn l‑1 ta’ Ottubru 2017 u l‑1 ta’ April 2018. Kif konkluż mir-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati fil-missjoni tiegħu lejn il-Polonja (91), huwa meħtieġ li “s-sistema l-ġdida tal-irtirar applikabbli għal imħallfin tal-qrati ordinarji tkun tapplika biss għal imħallfin li assumew il-funzjonijiet tagħhom wara d-dħul fis-seħħ tal-liġi” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (92), ikkunsidrata flimkien mat-tneħħija tad-diskrezzjoni ta’ estensjoni tal-Ministru għall-Ġustizzja (93)

114. Nixtieq nagħlaq, madankollu, billi nenfasizza li, fid-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dak li huwa kkonċernat, fuq livell kostituzzjonali, huwa l-punt sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha kompetenza biex tissostitwixxi qrati kostituzzjonali nazzjonali u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (94) fl-aġġudikazzjoni dwar ksur ta’ drittijiet fundamentali. Ir-rispett għall-konfini bejn il-kompetenzi tal-Unjoni, u dawk tal-Istati Membri, huwa importanti għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni bbażat fuq l-istat tad-dritt daqskemm hija l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali (95).

115. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE huwa limitat, fil-kuntest tal-irremovabbiltà u tal-indipendenza tal-imħallfin, għall-korrezzjoni ta’ problemi fir-rigward ta’ djugħfija strutturali fi Stat Membru partikolari, li huwa l-każ hawn minħabba li l-liġi kkontestata mill-Kummissjoni tolqot livelli sħaħ tal-ġudikatura. Dawn jistgħu jissejħu aħjar bħala nuqqasijiet sistematiċi jew ġeneralizzati (96), li “jikkompromettu l-essenza” (97) tal-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin.

116. Madankollu, inċidenti individwali jew partikolari ta’ ksur tal-irremovabbiltà u l-indipendenza tal-imħallfin għandhom jiġu eżaminati skont l-Artikolu 47 tal-Karta, u dan biss f’kuntesti fejn l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw d-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta. Bħala prinċipju, djugħfija strutturali li tinvolvi addizzjonalment l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni minn Stat Membru għandha tkun iddeterminata miż-żewġ dispożizzjonijiet.

117. Fi kwalunkew każ, għar-raġunijiet preċedenti, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi kkunsidrat bħala manifestament fondat.

VII. L-ispejjeż

118. Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

119. Skont is-soluzzjoni li qiegħed nipproponi, minkejja li l-ilmenti tal-Kummissjoni Ewropea għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli sa fejn dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 47 tal-Karta, il-Kummissjoni hija rebbieħa fiż-żewġ ilmenti sa fejn dawn huma bbażati fuq it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 157 TFUE, flimkien mal-Artikoli 5(a) u 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tal-Kummissjoni.

VIII. Konklużjoni

120. Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha:

(1)      tiddikjara li bl-introduzzjoni permezz tal-punti 1 sa 3 tal-Artikolu 13 tal-Ustawa o zmianie ustawy — Prawo o ustroju sądów powszechnych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji u ċerti liġijiet oħra) tat‑12 ta’ Lulju 2017, ta’ età tal-irtirar differenti għall-imħalfin irġiel u nisa tal-qrati ordinarji, tal-Qorti Suprema, u għall-avukati tal-Istat, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 157 TFUE flimkien mal-Artikolu 5(a) u l-Artikolu 9(1)(f) tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol.

(2)      tiddikjara li bit-tnaqqis permezz tal-punt 1 tal-Artikolu 13 tal-liġi msemmija iktar ’il fuq, tal-età tal-irtirar tal-imħallfin tal-qrati ordinarji, u bl-għoti lill-Ministru għall-Ġustizzja tas-setgħa diskrezzjonali li jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-perijodu tal-mandat ta’ tali mħallfin, skont il-paragrafi (b) u (c) tal-punt 26 tal-Artikolu 1 tal-istess liġi, ir-Repubblika tal-Polonja kisret l-obbligi tagħha skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE;

(3)      tiċħad il-kumplament tar-rikors;

(4)      tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja tbati l-ispejjeż tagħha stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Dz. U. tal‑2017, titlu 1452.


3      ĠU 2006, L 204, p. 23.


4      Hemm diversi iktar kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja relatati mar-riforma tal-ġudikatura Pollakka, inklużi talbiet għal deċiżjonijiet preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) (Kawżi C‑522/18, C‑537/18, C‑585/18, C‑624/18, C‑625/18 u C‑668/18), min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Amministrattiva Suprema) (Kawża C‑824/18) u mill-qrati inferjuri Pollakki (Kawżi C‑558/18, C-563/18 u C‑623/18). Ara wkoll id-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑15 ta’ Novembru 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18, EU:C:2018:910), u l-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża, EU:C:2019:325). Il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-kwistjoni tal-età tat-tmiem obbligatorju tal-impjieg applikabbli għall-imħallfin ġew eżaminati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑286/12, EU:C:2012:687).


5      Ara l-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (imsejħa “Kummissjoni ta’ Venezia”), Opinjoni Nru 904/2017 tal‑11 ta’ Diċembru 2017 dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura; dwar l-Abbozz ta’ Liġi li Jemenda l-Liġi dwar il-Qorti Suprema, proposti mill-President tar-Repubblika tal-Polonja, u dwar il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, CDL‑AD(2017)031; il-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, Rapport tar-Rapporteur Speċjali dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati dwar il-missjoni tiegħu fil-Polonja tal‑5 ta’ April 2018, A/HRC/38/38/Add.1; Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSCE) Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem, Opinjoni dwar Ċerti Dispożizzjonijiet tal-Abbozz ta’ Liġi dwar il-Qorti Suprema tal-Polonja (mis‑26 ta’ Settembru 2017) tat‑13 ta’ Novembru 2017, JUD‑POL/315/2017.


6      EU:C:2019:325.


7      COM(2017)835 final tal‑20 ta’ Diċembru 2017. Ara l-analiżi fil-punti 48 sa 51 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema) (C‑619/18, EU:C:2019:325). F’din il-proposta mmotivata, il-Kummissjoni tikkritika l-liġijiet li ġejjin: il-Liġi tal‑11 ta’ Mejju 2017 li temenda l-Liġi dwar l-Iskola Nazzjonali tal-Ġudikatura u l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, il-Liġi dwar l-Organizzazzjoni tal-Qrati Ordinarji, kif ukoll ċerti liġijiet oħra (Dz. U. tal‑2017, titlu 1139, kif emendata), il-Liġi tat‑12 ta’ Lulju 2017 (Dz. U. tal‑2017, titlu 1452, kif emendata), il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema (Dz. U. tal‑2018, titlu 5, kif emendata) u l-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 li temenda l-Liġi dwar il-Kunsill Nazzjonali għall-Ġudikatura u ċerti liġijiet oħra (Dz. U. tal‑2018, titlu 3, kif emendata).


8      EU:C:2019:325. Jiena ser nuża t-terminu “protezzjoni ġudizzjarja effettiva” matul dawn il-konklużjonijiet, b’konformità mat-test tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, filwaqt li nirrikonoxxi li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, flimkien mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u mal-Artikolu 4(3) TUE, tiggarantixxi “protezzjoni ġudizzjarja effettiva”, (enfasi miżjuda minni). Ara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 34. “[L]-Istati Membri għandhom jipprovdu r-rimedji meħtieġa sabiex jassiguraw lill-partijiet l-osservanza tad-dritt tagħhom għal protezzjoni legali effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni”.


9      Ara, għal analiżi tal-kummentarji reċenti dwar l-ammissjoni tal-Artikolu 2 TUE bħala dispożizzjoni li tiġbor fiha normi suxxettibbli li jiġu ssanzjonati fil-ġustizzja, b’mod partikolari, Jacqué, J.‑P., “État de droit et confiance mutuelle”, RTDE April/Ġunju 2018, p. 239, kif ukoll Adam, S., u Van Elsuwege, P., “L’exigence d’indépendance du juge, paradigme de l’Union européenne comme union de droit”, 2018, 2018, Journal de droit européen, p. 334. Minbarra l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura fil-kuntest tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE, dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet jikkonċernaw il-konsegwenza ta’ dan l-iżvilupp fil-ġurisprudenza għall-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56) u l-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża, EU:C:2018:517.


10      Ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja) (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56).


11      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 215.


12      Fl-ordinament ġuridiku Pollakk, l-imħallfin u l-avukati tal-Istat ma jirtirawx iżda (letteralment) “jgħaddu għal fażi ta’ mistrieħ” — dawn jieqfu mit-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom iżda jżommu ċerti drittijiet u privileġġi.


13      L-Ustawa o zmianie ustawy o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar il-Pensjonijiet tal-Irtirar u Pensjonijiet Oħra li jitħallsu mill-Fond tas-Sigurtà Soċjali) tas‑16 ta’ Novembru 2016 (Dz. U. tal‑2017, titlu 38).


14      L-Artikolu 13 tal-Liġi ta’ Emenda ta’ Lulju 2017.


15      Dz. U. tal‑2001, Nru. 240, titlu 2052.


16      Fl‑20 ta’ Diċembru 2017, il-President tar-Repubblika ffirma l-Ustawa z dnia 8 grudnia 2017 r. o Sądzie Najwyższym (il-Liġi tat‑8 ta’ Diċembru 2017 dwar il-Qorti Suprema, Dz. U. tal‑2018, titlu 5, kif emendata) li daħlet fis-seħħ fit‑3 ta’ April 2018, li permezz tagħha ddaħħlet din l-emenda. Ara l-punti 5 sa 7 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑619/18, EU:C:2019 325).


17      Dz.U. tal‑2016, titlu 177.


18      Dz. U. tal‑2018, titlu 848.


19      Dz. U. tal‑2017, titlu 1767 kif emendata.


20      Dz. U. tal‑2018, titlu 5.


21      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment ukoll għall-Artikoli 1, 2 u 7 tad-Direttiva 2006/54.


22      Sentenzi tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune (C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 46); tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 28), u  tat‑13 ta’ Novembru 2008, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑46/07, EU:C:2008:618, punti 40 u 41).


23      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar  (C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 78), u tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 20).


24      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenzi tas‑17 ta’ Ottubru 1995, Kalanke (C‑450/93, EU:C:1995:322); tal‑11 ta’ Novembru 1997, Marschall (C‑409/95, EU:C:1997:533); tat‑28 ta’ Marzu 2000, Badeck et (C‑158/97, EU:C:2000:163); tad‑19 ta’ Marzu 2002, Lommers (C‑476/99, EU:C:2002:183); tat‑12 ta’ Settembru 2002, Niemi (C‑351/00, EU:C:2002:480); tat‑30 ta’ Settembru 2004, Briheche (C‑319/03, EU:C:2004:574), u tat‑30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez (C‑104/09, EU:C:2010:561).


25      L-Artikolu 26(1) u (2) tal-Ustawa o zmianie ustawy o emeryturach i rentach z Funduszu Ubezpieczeń Społecznych oraz niektórych innych ustaw (il-Liġi li temenda l-Liġi dwar is-Sistemi ta’ Pensjoni u l-Fondi ta’ Sigurtà Soċjali u ċerti liġijiet oħra) tas‑16 ta’ Novembru 2016 (Dz. U. tal‑2017, titlu 38).


26      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment għas-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 40).


27      Ibid., punti 42 u 43.


28      Ibid., punti 41.


29      Il-Kummissjoni tagħmel riferiment, inter alia, għas-sentenza tal‑31 ta’ Mejju 2005, Syfait et (C‑53/03, EU:C:2005:333, punt 31).


30      Sentenzi tal‑4 ta’ Mejju 2006, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Renju Unit (C‑508/03, EU:C:2006:287, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tat‑22 ta’ Frar 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (C‑336/16, EU:C:2018:94, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata))


31      EU:C:2019:325.


32      Sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2017, Florescu et (C‑258/14, EU:C:2017:448, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2017, X u X (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:173, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal sommarju tar-regoli legali dwar meta Stati Membri jkunu qegħdin “jimplimentaw” id-dritt Ewropew skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wahl f’Gullotta u Farmacia di Gullotta Davide & C. (C‑497/12, EU:C:2015:168, punt 55). Ara l-konklużjonijiet iktar reċenti tal-Avukat Ġenerali Bot fil-kawżi magħquda TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:459, punti 72 sa 118).


34      C‑235/17, EU:C:2018:971. Sentenza tal‑21 ta’ Mejju 2019 (EU:C:2019:432).


35      Ibid., punt 111.


36      Għal suġġeriment innovattiv dwar ir-rwol iktar sħiħ li ċ-ċittadini tal-Unjoni jista’ jkollhom għall-iżgurar ta’ infurzar iktar rigoruż tal-valuri fl-Artikolu 2 TUE, ara von Bogdandy, A., Kottmann, M., Antpöhler, C., Dickschein, J., Hentrei, S., u Smrkolj, M., “Reverse Solange – Protecting the essence of fundamental rights against EU Member States”, Common Market Law Review 42, 2012, p. 489. Għal raġunament kostituzzjonali iktar ċar dwar il-Karta bħala strument sabiex tiġi żgura governanza tajba, ara Frantziou, E., “Constitutional reasoning in the European Union and the Charter of Fundamental Rights: in search of public justification”, European Public Law 25, 2019, 183.


37      COM(2017)835 final, tal‑20 ta’ Diċembru 2017.


38      EU:C:2019:325.


39      Ibid., punti 48 sa 51.


40      Sentenza tas‑17 ta’ April 1997, Evrenopoulos (C‑147/95, EU:C:1997:201, punt 19). Din ġiet applikata b’mod konsistenti minn dakinhar. Ara pereżempju, fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess fir-rigward tal-kalkolu tal-benefiċċji tal-pensjoni tal-imħallfin, is-sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara s-sentenza iktar reċenti tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑559/07, EU:C:2009:198, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Konklużjoni tal-Avukat Ġenerali Jacobs fil-kawża Beune (C‑7/93, EU:C:1994:173, punti 38 u 42).


42      C‑19/02, EU:C:2004:204.


43      Ibid., punt 45. L-Avukat Ġenerali għamlet riferiment għall-formulazzjoni tal-Artikolu 141(2) KE (issa l-Artikolu 157 TFUE) kif ukoll għas-sentenzi tad‑9 ta’ Frar 1982, Garland (12/81, EU:C:1982:44, punt 5), tas‑17 ta’ Mejju 1990, Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 12), u tad‑9 ta’ Frar 1999, Seymour-Smith u Perez (C‑167/97, EU:C:1999:60, punt 23).


44      Ibid. Enfasi fl-oriġinal.


45      Ibid., punt 49.


46      Sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Dittrich et (C‑124/11, C‑125/11 u C‑143/11, EU:C:2012:771, punt 38).


47      Ara l-konklużjonijiet tiegħi f’Safeway (C‑171/18, EU:C:2019:272, punt 62), fejn nagħmel riferiment għas-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1994, Coloroll Pension Trustees (C‑200/91, EU:C:1994:348, punt 26).


48      Kif indikat fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Alber fil-kawża Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:117, punt 50). L-Avukat Ġenerali Jacobs fil-konklużjonijiet tiegħu f’Beune (C‑7/93, EU:C:1994:173, punt 22), issuġġerixxa analiżi ta’ ħames fatturi sabiex tiddetermina jekk ġietx applikata d-diskrezzjoni. Dawn kienu dwar jekk fuq l-iskema għandhiex natura statutorja, jekk tirriżultax minn ftehim, kif hija ffinanzjata, jekk tapplikax għal kategoriji ġenerali ta’ impjegati u jekk għandhiex natura supplimentari.


49      Sentenza tat‑28 ta’ Settembru 1994, Beune (C‑7/93, EU:C:1994:350).


50      Sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2000, Podesta (C‑50/99, EU:C:2000:288).


51      Sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2001, Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648).


52      Sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2002, Niemi (C‑351/00, EU:C:2002:480).


53      Sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2003, Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583).


54      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑559/07, EU:C:2009:198).


55      Lanqas ma kien hemm xi diskussjoni dwar kif l-iskema inkwistjoni hija bħall-iskemi inkwistjoni fid-deċiżjonijiet seminali li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li skema ġenerali ta’ pensjoni tal-Istat taqa’ fid-diskrezzjoni li tħalliet lill-Istati Membri skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7. Ara pereżempju s-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 1992, Equal Opportunities Commission (C‑9/91, EU:C:1992:297).


56      Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja (C‑559/07, EU:C:2009:198, punt 57). Għall-finijiet ta’ kompletezza, qiegħed ninnota li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment reċenti ħafna għat-tliet fatturi rilevanti għad-deterimnazzjoni dwar jekk saritx ir-rabta bejn it-tul ta’ servizz u l-benefiċċji tal-irtirar fis-sentenza tagħha tal‑15 ta’ Jannar 2019, E.B. (C‑258/17, EU:C:2019:17, punt 46), iżda ħalliet din il-mistoqsija fil-punt 47 biex tiġi deċiża mill-qorti tar-rinviju.


57      Sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2010, Roca Álvarez (C‑104/09, EU:C:2010:561, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).


58      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Roca Álvarez (C‑104/09, EU:C:2010:254, punt 47). L-Avukat Ġenerali tirreferi għas-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2002, Lommers  (C‑476/99, EU:C:2002:183, punt 41).


59      Sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018 (C‑64/16, EU:C:2018:117).


60      Ibid. punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata.


61      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).


62      Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-koinċidenza bejn il-protezzjoni tal-indipendenza u l-imparzjalità fil-kuntest tal-Artikolu 47 flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(1) TUE hija evidenti fl-Opinjoni 1/17 tal-Qorti tal-Ġustizzja (seduta plenarja) tal‑20 ta’ April 2019 u tirreferi għall-punti 202 sa 204 u l-ġurisprudenza ċċitata. Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 63 sa 65).


63      Associação Sindical dos Juízes Portugueses (C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata). Sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel (C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 66).


64      Ibid., punt 40. Ara f’dan is-sens il-punt 63 tal-konklużjonijiet fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Indipendenza tal-Qorti Suprema)  (C‑619/18, EU:C:2019:325).


65      Sentenza tas‑7 ta’ Frar 2019, Escribano Vindel  (C‑49/18, EU:C:2019:106, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata), u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56, punt 52).


66      Għal diskussjoni reċenti ara Mătuşescu, C., “The scope of application of fundamental rights guaranteed by European Union law on Member States’ action; Some jurisprudential landmarks” Law Review; International Journal of Law and Jurisprudence Open Source Online Publication (2017), p. 22 sa 24. (http://www.internationallawreview.eu/revista/?rev_id=27).


67      Hofmann, H., u Mihaescu, B., “The relation between the Charter’s Fundamental Rights and the unwritten general principles of EU law: Good administration as the test case” 9 (2013) European Constitutional Law Review, 73, p. 83. Ara wkoll Lenaerts, K. U Gutiérrez-Fons, J.A., “The place of the Charter in the EU Constitutional Edifice” f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, 1573. Fil-paġna 1575 et seq. l-awturi jistabbilixxu “paralleli bejn il-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni”.


68      Ara f’dan ir-rigward, pereżemju QEDB, tas‑6 ta’ Novembru 2018, Nunes De Carvalho vs Il‑Portugall (CE:ECHR:2018:1106JUD005539113, punti 144 sa 150); QEDB, tal‑25 ta’ Settembru 2018, Denisov vs L‑Ukraina  (CE:ECHR:2018:0925JUD007663911, punti 60 sa 64). Is-suġġett u l-elementi oġġettivi ta’ indipendenza u imparzjalità huma riflessi wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ara pereżempju s-sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister  for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56, punti 63 sa 65), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għalihom bħala aspetti esterni u interni.


69      Għal analiżi reċenti tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri ara Rossi, L.S. “Droit fondamentaux, primauté et autonomie: la mise en balance entre les principes ‘constitutionnels’ de l’Union européenne”, RTDE, 2019.


70      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56).


71      Ara wkoll l-Artikolu 51(2) tal-Karta. Ara s-sentenza reċenti tal‑25 ta’ Ottubru 2018, Anodiki  Services EPE (C‑260/17, EU:C:2018:864, punt 38). Ara wkoll is-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2014, Julián Hernández et (C‑198/13, EU:C:2014:2055, punti 32 sa 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


72      Ara, reċentement, pereżempju Frantziou, E., “Constitutional reasoning in the European Union and the Charter of Fundamental Rights: in search of public justification”, European Public Law 25, 2019, 183, p. 188; Lenaerts, K. u Gutiérrez-Fons, J.A., “The place of the Charter in the EU Constitutional Edifice” f’Peers, S., Hervey, T., Kenner, J., u Ward, A., The EU Charter of Fundamental Rights: A commentary, Hart Publishing, Oxford, 2014, 1573, p. 1576.


73      Noti ta’ qiegħ il-paġna 32 u 33 iktar ’il fuq.


74      Ara l-kummentarju għal punt 1.5 ta’ The Bangalore Principles on Judicial Conduct, Nazzjonijiet Uniti, Vjenna, 2018, p. 39.


75      Ara pereżempju Kumment Ġenerali Nru 32 dwar l-Artikolu 14 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, CCPR/C/GC/32, ippubblikat fit‑23 ta’ Awwissu 2007, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti, punt 19 u, l-Opinjoni Nru 1 (2001) tal-Kunsill Konsultattiv tal-Imħallfin Ewropej tat‑23 ta’ Novembru 2001, KKIE (2001) OP Nru 1, tistabbilixxi fil-paġna 13 taħt it-titolu “Mandat – irremovabbiltà u dixxiplina” li “Hija dogma fundamentali tal-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja li l-mandat ikun iggarantit sa età tal-irtirar mandatorja jew it-tmiem ta’ terminu fiss tal-uffiċċju” [traduzzjoni mhux uffiċjali] meta tirreferi għall-prinċipju bażiċi tan-NU fuq din il-kwistjoni. Ara wkoll rigward is-sigurtà tal-mandat is-sorsi li ssir referenza għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq.


76      Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża K u B (C‑380/17, EU:C:2018:504, punt 44), u pereżempju s-sentenza tal‑14 ta’ Frar 2008, Dynamic Medien (C‑244/06, EU:C:2008:85, punt 39).


77      Komunikazzjoni Nru 2203/2012 tas‑7 ta’ Novembru 2017, Zamora vs Il‑Venezwela punt 9.3.


78      Ibid.


79      Dwar l-importanza tal-kontrolli ta’ sigurtà, ara pereżempju QEDB tas‑16 ta’ Diċembru 2013, Cooper vs Ir‑Renju Unit (CE:ECHR:2003:1216JUD004884399, punti 123 sa 126).


80      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet li mħallfin ma jistgħux jiġu mġiegħla jirtiraw kmieni mingħajr il-kunsens tagħhom, pereżempju s-sentenza tad‑9 ta’ Ġunju 1998, Incal vs It‑Turkija (CE:ECHR:1998:0609JUD002267893, punt 67).


81      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality  (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56, punt 66).


82      Matul is-seduta, l-aġent għall-Polonja ppreċiża li din kienet l-età sa liema ġew ikkunsidrati estensjonijiet.


83      Fil-paġna 27 tar-rapport tal-Kummissjoni Ewropea għad-Demokrazija permezz tad-Dritt (Kummissjoni ta’ Venezia, Opinjoni Nru 904/2017 tal‑11 ta’ Diċembru 2017), nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, ġie konkluż li l-“Ministru għall-Ġustizzja ma għandux ikollu s-setgħa diskrezzjonali li jestendi l-mandat ta’ mħallef lil hinn mill-età tal-irtirar”.


84      Ara n-noti ta’ qiegħ il-paġna 5 u 7 iktar ’il fuq.


85      EU:C:2019:325.


86      Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem reċentement innotat, fil-kuntest tal-indipendenza tal-ġudikatura, l-importanza dejjem tikber tas-separazzjoni tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura fil-ġurisprudenza tagħha. Pereżempju QEDB, tat‑12 ta’ Marzu 2019, Ástráđsson vs L-Islanda (CE:ECHR:2019:0312JUD002637418, punt 103).


87      Nota ta’ qiegħ il-paġna 68 iktar ’il fuq.


88      Sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2006, Wilson (C‑506/04, EU:C:2006:587, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56, punti 66 u 77).


89      Ir-rapporteur speċjali tan-Nazzjonijiet dwar l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati fil-missjoni tiegħu lejn il-Polonja, nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, irrapporta fil-punt 52 li “in-nuqqas ta’ skadenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni tippermetti lill-Ministru għall-Ġustizzja jżomm l-influwenza fuq l-imħallfin ikkonċernati għall-bqija tal-mandat ġudizzjarju tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


90      Il-Kummissjoni ta’ Venezia, nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, ikkonkludiet f’p. 26 li riformi tal-ġudikatura Pollakka, inkluż il-Liġi dwar il-Qrati Ordinarji, “jippermettu li s-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi jindaħlu b’mod sever u estensiv fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, u b’hekk joħolqu theddida serja għall-indipendenza ġudizzjarja bħala element ewlieni tal-istat tad-dritt” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Ara reċentement QEDB, tat‑12 ta’ Marzu 2019, Ástráđsson vs L‑Islanda (CE:ECHR:2019:0312JUD002637418, punt 103), dwar jekk il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ivvalutatx jekk ksur tar-regoli nazzjonali applikabbli għall-ħatra ta’ mħallfin “ħoloqx riskju reali li l-korpi l-oħra tal-Gvern, b’mod partikolari l-eżekuttiv, eżerċitaw diskrezzjoni żejda li ddgħajjef l-integrità tal-proċess tal-ħatra” [traduzzjoni mhux uffiċjali].


91      Rapport tal‑5 ta’ April 2018, A/HRC/38/38/Add. 1 (nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq).


92      Ibid. paragrafu 83.


93      Ibid. Ara wkoll l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta’ Venezia (nota ta’ qiegħ il-paġna 5 iktar ’il fuq, p. 27).


94      L-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (drittijiet ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punt 68). Ara wkoll Spaventa, E., “Should we ‘harmonize’ fundamental rights in the EU? Some reflections about minimum standards and fundamental rights protection in the EU composite constitutional system”, Common Market Law Review, 997. Fil-paġna 1022, l-awtur jistaqsi kemm “iċ-ċentralizzazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea hija għaqlija”.


95      L-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe fil-konklużjonijiet tiegħu f’Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (drittijiet ta’ użufrutt fuq artijiet agrikoli) (C‑235/17, EU:C:2018:971, punt 101).


96      Sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (C‑216/18 PPU, EU:C:2018:56, punt 60).


97      Ibid.