Language of document : ECLI:EU:T:2018:966

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

14 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu – Iffriżar ta’ fondi – Possibbiltà għal awtorità ta’ Stat terz li tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK – Bażi fattwali tad-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball ta’ evalwazzjoni – Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva – Drittijiet tad-difiża – Dritt għall-proprjetà”

Fil-Kawża T‑400/10 RENV,

Hamas, stabbilita f’Doha (il-Qatar), irrappreżentata minn L. Glock, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn B. Driessen, M. Bishop u A. Sikora‑Kalėda, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn D. Colas u F. Fize, bħala aġenti,

u minn

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn F. Castillo de la Torre, M. Konstantinidis u R. Tricot, sussegwentement minn Castillo de la Torre, L. Baumgart u C. Zadra, bħala aġenti,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament, l-ewwel nett, tal-Avviż tal-Kunsill għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU 2010, C 188, p. 13), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/386/PESK tat‑12 ta’ Lulju 2010 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2010, L 178, p. 28), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 tat‑12 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU 2010, L 178, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/70/PESK tal‑31 ta’ Jannar 2011 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2011, L 28, p. 57), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 83/2011 tal‑31 ta’ Jannar 2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011, L 28, p. 14), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/430/PESK tat‑18 ta’ Lulju 2011 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2011, L 188, p. 47), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 687/2011 tat‑18 ta’ Lulju 2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 u (UE) Nru 83/2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; ir-raba’ nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/872/PESK tat‑22 ta’ Diċembru 2011 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/430/PESK (ĠU 2011, L 343, p. 54), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1375/2011 tat‑22 ta’ Diċembru 2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; il-ħames nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/333/PESK tal‑25 ta’ Ġunju 2012 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/872/PESK (ĠU 2012, L 165, p. 72), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 542/2012 tal‑25 ta’ Ġunju 2012 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1375/2011 (ĠU 2012, L 165, p. 12), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; is-sitt nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/765/PESK tal‑10 ta’ Diċembru 2012 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/333/PESK (ĠU 2012, L 337, p. 50), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1169/2012 tal‑10 ta’ Diċembru 2012 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 542/2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; is-seba’ nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/395/PESK tal‑25 ta’ Lulju 2013 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/765/PESK (ĠU 2013, L 201, p. 57), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 714/2013 tal‑25 ta’ Lulju 2013 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1169/2012 (ĠU 2013, L 201, p. 10), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; it-tmien nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/72/PESK tal‑10 ta’ Frar 2014 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/395/PESK (ĠU 2014, L 40, p. 56), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 125/2014 tal‑10 ta’ Frar 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; id-disa’ nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/483/PESK tat‑22 ta’ Lulju 2014 li taġġorna u temenda l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/72/PESK (ĠU 2014, L 217, p. 35), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 790/2014 tat‑22 ta’ Lulju 2014 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti; u, l-għaxar nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2017/1426 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiċi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/1420 tal‑4 ta’ Awwissu 2017 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul (Relatur), J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti sussegwenti għall-introduzzjoni ta’ dan ir-rikors

A.      Ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti.

1        Fit‑28 ta’ Settembru 2001, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), li tistabbilixxi strateġiji sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu bil-mezzi kollha u, b’mod partikolari, il-finanzjament tiegħu. Il-paragrafu 1(c) ta’ din ir-riżoluzzjoni jipprovdi, b’mod partikolari, li l-Istati kollha għandhom jiffriżaw mingħajr dewmien il-fondi u l-assi finanzjarji jew ir-riżorsi ekonomiċi l-oħra tal-persuni li jwettqu, jew jippruvaw iwettqu, atti ta’ terroriżmu, jiffaċilitawhom jew jipparteċipaw fihom, tal-entitajiet li jappartjenu lil dawn il-persuni jew li huma kkontrollati minnhom, u tal-persuni u tal-entitajiet li jaġixxu f’isem, jew fuq istruzzjonijiet ta’, dawn il-persuni u entitajiet.

2        Din ir-riżoluzzjoni ma tistabbilixxix lista ta’ persuni, ta’ entitajiet jew ta’ gruppi li għalihom għandhom jiġu applikati dawn il-miżuri.

B.      Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

3        Fis‑27 ta’ Diċembru 2001, billi qies li azzjoni tal-Unjoni Ewropea kienet neċessarja sabiex tiġi implimentata r-Riżoluzzjoni 1373 (2001), il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931/PESK dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 217). B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jipprevedi l-iffriżar tal-fondi u tal-assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni, gruppi u entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu u li jidhru fil-lista li tinsab fl-anness ta’ din il-Pożizzjoni Komuni.

4        Fl-istess jum, sabiex jimplimenta fil-livell tal-Unjoni l-miżuri deskritti fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 207), kif ukoll id-Deċiżjoni 2001/927/KE li tistabbilixxi l-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2001, L 344, p. 83).

5        L-isem “Hamas-Izz al-Din al-Qassem (il-fergħa armata tal-Hamas)” kien jidher fil-listi annessi mal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mad-Deċiżjoni 2001/927. Dawn iż-żewġ atti ġew aġġornati regolarment, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u l-isem “Hamas-Izz al-Din al-Qassem (il-fergħa armata tal-Hamas)” baqa’ jidher f’dawn il-listi.

6        Fit‑12 ta’ Settembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/651/PESK, li taġġorna l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2003, L 229, p. 42), u d-Deċiżjoni 2003/646/KE li timplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tħassar id-Deċiżjoni 2003/480/KE (ĠU 2003, L 229, p. 22). L-isem tal-organizzazzjoni inkluż fil-listi annessi ma’ dawn l-atti huwa “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)”.

7        Isem din l-organizzazzjoni inżamm fil-listi annessi mal-atti sussegwenti.

C.      L-atti kkontestati

1.      L-Atti ta’ Lulju 2010

8        Fit‑12 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2010/386/PESK li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2010, L 178, p. 28), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 610/2010 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 (ĠU 2010, L 178, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Lulju 2010”).

9        L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010”).

10      Fit‑13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-avviż għall-attenzjoni tal-persuni, il-gruppi u l-entitajiet fil-lista prevista fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 (ĠU 2010, C 188, p. 13, iktar ’il quddiem l-“Avviż ta’ Lulju 2010”).

11      Permezz ta’ dan l-avviż, il-Kunsill, b’mod partikolari, informa lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati, l-ewwel nett, li huwa kien iddetermina li r-raġunijiet li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi adottati skont ir-Regolament Nru 2580/2001 kienu għadhom validi u għalhekk kien iddeċieda li jżomm isimhom fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010; it-tieni nett, li huma setgħu jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni sabiex jużaw il-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet; it-tielet nett, li huma setgħu jippreżentaw talba lill-Kunsill sabiex jiksbu espożizzjoni tal-motivi għall-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi; ir-raba’ nett, li huma setgħu wkoll iressqu fi kwalunkwe ħin talba lill-Kunsill sabiex id-deċiżjoni li permezz tagħha isimhom kien ġie inkluż fil-lista tiġi eżaminata mill-ġdid; il-ħames nett, li sabiex it-talbiet jiġu kkunsidrati fl-eżami mill-ġdid li jmiss, skont l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, dawn kellhom jitressqu f’terminu ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-imsemmi avviż; u, is-sitt nett, li huma setgħu jippreżentaw rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

12      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal dan l-avviż.

2.      L-Atti ta’ Jannar 2011

13      Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea tal‑20 ta’ Novembru 2010, il-Kunsill informa lill-persuni, lill-gruppi u lill-entitajiet imsemmija fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 li huwa kien irċieva informazzjoni ġdida rilevanti b’relazzjoni ma’ dawn il-listi u li għalhekk huwa kien emenda l-espożizzjoni tal-motivi dwar dan ir-regolament. Skont l-imsemmi avviż, talba sabiex tinkiseb l-espożizzjoni tal-motivi setgħet tiġi ppreżentata lill-Kunsill fi żmien ġimagħtejn mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

14      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2010, il-Kunsill li, minħabba l-preżentata ta’ dan ir-rikors fit‑12 ta’ Settembru preċedenti, kellu l-indirizz tal-avukat tar-rikorrenti, ikkomunika lil dan l-avukat ir-raġunijiet li għalihom kien qiegħed jikkunsidra li jżomm l-isem tar-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u indikalu li, f’terminu ta’ xahar mid-data tal-ittra, hija setgħet tippreżentalu osservazzjonijiet dwar dik iż-żamma u tibgħatlu kull dokument ta’ sostenn.

15      Ir-rikorrenti ma wriet l-ebda reazzjoni għal dan l-avviż u għal din l-ittra.

16      Fil‑31 ta’ Jannar 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/70/PESK li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2011, L 28, p. 57) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 83/2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 610/2010 (ĠU 2011, L 28, p. 14) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Jannar 2011”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011”).

17      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Frar 2011, il-Kunsill ikkomunika lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011.

18      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet ifformulata bil-mod segwenti.

19      L-ewwel nett, il-Kunsill ġabar fil-qosor l-istorja tal-attivitajiet tal-“Hamas, inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem”. B’mod partikolari, din l-organizzazzjoni kienet wettqet attentati numerużi kontra miri Iżraeljani mill-1988 sal-2010, ikklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

20      It-tieni nett, il-Kunsill innota li l-“Hamas-Izz al-Din al-Qassem” kienet is-suġġett, matul is-sena 2001, ta’ żewġ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u ta’ żewġ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti tal-Amerika.

21      L-ewwel deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit inħarġet mis-Secretary of State for the Home Department (il-Ministru għall-Intern, iktar ’il quddiem il-“Home Secretary”). Din id-deċiżjoni tad‑29 ta’ Marzu 2001 ġiet adottata skont l-UK Terrorism Act 2000 (il-Liġi tar-Renju Unit tal-2000 fuq it-Terroriżmu) u kienet tipprojbixxi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, ikkunsidrata bħala organizzazzjoni involuta f’atti ta’ terroriżmu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-Home Secretary”). It-tieni deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet tar-Renju Unit inħarġet mill-UK Treasury (il-Ministeru għall-Finanzi). Permezz ta’ din id-deċiżjoni tas‑6 ta’ Diċembru 2001, l-UK Treasury ffriża l-assi tal-Hamas-Izz al-Din al-Qassem u tat istruzzjonijiet f’dan is-sens skont il-kompetenzi mogħtija lilu bl-Artikolu 4 tat-Terrorism (United Nations Measures) Order 2001 (l-Ordni fuq it-Terroriżmu (Miżuri tan-Nazzjonijiet Uniti) tal-2001). Il-Kunsill innota li d-deċiżjoni tal-Home Secretary ġiet regolarment eżaminata mill-ġdid minn kummissjoni tal-gvern nazzjonali u li l-ordni li fuqha kienet ibbażata d-deċiżjoni tal-UK Treasury kienet tinkludi dispożizzjonijiet fil-qasam tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ dik id-deċiżjoni u tar-rimedji kontriha.

22      Id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti kienu jikkonsistu, minn naħa, f’deċiżjoni tal-Gvern li tikklassifika lill-Hamas bħala “organizzazzjoni terroristika barranija”, skont l-Artikolu 219 tal-US Immigration and Nationality Act (il-Liġi tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità), kif emendata, u, min-naħa l-oħra, f’deċiżjoni li tikklassifika lill-Hamas bħala “entità identifikata espressament bħala entità terroristika internazzjonali”, skont l-Executive Order 13224 (l-Ordni Presidenzjali 13224) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, id-“deċiżjonijiet tal-Istati Uniti”). Il-Kunsill kien innota li l-ewwel klassifikazzjoni kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju u t-tieni għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti.

23      Il-Kunsill ikklassifika dawn id-deċiżjonijiet bħala “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

24      It-tielet nett, il-Kunsill ikkonstata li dawn id-deċiżjonijiet kienu għadhom fis-seħħ u qies li r-raġunijiet li kienu jiġġustifikaw l-inklużjoni tal-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” f’dawn il-listi ta’ ffriżar kienu għadhom validi.

25      Fl-ittra tiegħu tat‑2 ta’ Frar 2011, il-Kunsill indika, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet fi kwalunkwe ħin tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid tal-Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011 fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, it-talbiet kellhom jintbagħtulu f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ dik l-ittra; it-tielet nett, li r-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

3.      L-Atti ta’ Lulju 2011

26      Fit‑30 ta’ Mejju 2011, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti ittra li tinformah li huwa kien irċieva informazzjoni ġdida rilevanti għall-istabbiliment tal-listi tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li kienu s-suġġett tal-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 2580/2001 u li konsegwentement huwa kien emenda l-espożizzjoni tal-motivi. Huwa ta lir-rikorrenti terminu ta’ tliet ġimgħat sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

27      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

28      Fit‑18 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/430/PESK li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2011, L 188, p. 47) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 687/2011 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 u Nru 83/2011 (ĠU 2011, L 188, p. 2) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“atti ta’ Lulju 2011”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2011”).

29      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Lulju 2011, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2011 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, it-talbiet kellhom jintbagħtulu f’terminu ta’ xahrejn mid-data ta’ dik l-ittra; it-tielet nett, li hija setgħet tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

30      L-imsemmija espożizzjoni tal-motivi kienet l-istess bħal dik li kienet tikkonċerna l-Atti ta’ Jannar 2011, bid-differenza li tneħħiet ir-referenza għad-deċiżjoni tal-UK Treasury.

31      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

4.      L-Atti ta’ Diċembru 2011

32      Fil‑15 ta’ Novembru 2011, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti ittra fejn informah li huwa kien irċieva informazzjoni ġdida rilevanti għall-istabbiliment tal-listi tal-persuni, tal-gruppi u tal-entitajiet li kienu s-suġġett tal-miżuri restrittivi previsti mir-Regolament Nru 2580/2001 u li konsegwentement huwa kien emenda l-espożizzjoni tal-motivi. Huwa ta lir-rikorrenti terminu ta’ ġimagħtejn sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha.

33      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

34      Fit‑22 ta’ Diċembru 2011, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2011/872/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/430 (ĠU 2011, L 343, p. 54) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1375/2011, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 687/2011 (ĠU 2011, L 343, p. 10) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Diċembru 2011”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Diċembru 2011”).

35      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Jannar 2012, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Diċembru 2011 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel id‑29 ta’ Frar 2012; it-tielet nett, li hija setgħet tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

36      F’din l-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill ikkompleta l-espożizzjoni tal-fatti użati sabiex jikklassifika lir-rikorrenti (inkluż il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem) bħala organizzazzjoni terroristika bi tliet fatti ġodda, li jiddataw mill-2011.

37      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

5.      L-Atti ta’ Ġunju 2012

38      Fil‑25 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/333/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/872 (ĠU 2012, L 165, p. 72), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 542/2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1375/2011 (ĠU 2012, L 165, p. 12) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Ġunju 2012”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Ġunju 2012”).

39      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2012, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Ġunju 2012 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel is‑27 ta’ Awwissu 2012; it-tielet nett, li hija setgħet tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

40      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik dwar l-Atti ta’ Diċembru 2011.

41      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

6.      L-Atti ta’ Diċembru 2012

42      Fl‑10 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/765/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/333 (ĠU 2012, L 337, p. 50), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1169/2012, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 542/2012 (ĠU 2012, L 337, p. 2) (iktar ’il quddiem l-“Atti ta’ Diċembru 2012”). Il-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżammet fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Diċembru 2012”).

43      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Diċembru 2012, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Diċembru 2012 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel il‑11 ta’ Frar 2013; it-tielet nett, li hija setgħet tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

44      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik dwar l-Atti ta’ Ġunju 2012.

45      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

7.      L-Atti ta’ Lulju 2013

46      Fil‑25 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2013/395/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2012/765 (ĠU 2013, L 201, p. 57), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 714/2013, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1169/2012 (ĠU 2013, L 201, p. 10) (iktar ’il quddiem l-“Atti ta’ Lulju 2013”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2013”).

47      Permezz ta’ ittra tas‑26 ta’ Lulju 2013, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2013 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel l‑10 ta’ Settembru 2013; it-tielet nett, li hija setgħet tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

48      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik dwar l-Atti ta’ Diċembru 2012.

49      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

8.      L-Atti ta’ Frar 2014

50      Fl‑10 ta’ Frar 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/72/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/395 (ĠU 2014, L 40, p. 56), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 125/2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 714/2013 (ĠU 2014, L 40, p. 9) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Frar 2014”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Frar 2014”).

51      Permezz ta’ ittra tal‑11 ta’ Frar 2014, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Frar 2014 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel it‑28 ta’ Frar 2014; it-tielet nett, li hija setgħet tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

52      Din l-espożizzjoni tal-motivi kienet identika għal dik dwar l-Atti ta’ Lulju 2013.

53      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

9.      L-Atti ta’ Lulju 2014

54      Fit‑22 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/483/PESK, li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni 2014/72 (ĠU 2014, L 217, p. 35), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 790/2014, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 125/2014 (ĠU 2014, L 217, p. 1) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Lulju 2014”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2014”).

55      Permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Lulju 2014, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2014 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel it‑30 ta’ Settembru 2014; it-tielet nett, li hija setgħet tressaq rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

56      Fl-espożizzjoni tal-motivi, il-Kunsill żied li l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika barranija mid-deċiżjoni tal-Istati Uniti bbażata fuq l-Artikolu 219 tal-Liġi tal-Istati Uniti dwar l-Immigrazzjoni u n-Nazzjonalità kienet inżammet permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2012.

57      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

10.    L-Atti ta’ Awwissu 2017

58      Fl‑4 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2017/1426 li taġġorna l-lista ta’ persuni, gruppi u entitajiet suġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li tħassar id-Deċiżjoni (PESK) 2017/154 (ĠU 2017, L 204, p. 95), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/1420 li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/150 (ĠU 2017, L 204, p. 3) (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“Atti ta’ Awwissu 2017”). L-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” inżamm fil-listi annessi ma’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Awwissu 2017”).

59      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill bagħat lill-avukat tar-rikorrenti l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma tal-isem “Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)” fil-Listi kontenzjużi ta’ Awwissu 2017 fejn indikalu, l-ewwel nett, li r-rikorrenti setgħet, fi kwalunkwe ħin, tressaqlu talba għall-eżami mill-ġdid ta’ dawn il-listi fil-kuntest tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 u tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931; it-tieni nett, li, konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami sussegwenti, dawn it-talbiet kellhom jintbagħtulu qabel l‑4 ta’ Settembru 2017; it-tielet nett, li hija setgħet tippreżenta rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni; u, ir-raba’ nett, li hija setgħet titlob lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li tuża l-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet.

60      Din l-espożizzjoni tal-motivi ġiet emendata b’mod sinjifikattiv meta mqabbla ma’ dik tal-atti preċedenti.

61      Ir-rikorrenti ma rreaġixxietx għal din l-ittra.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet qabel ma ntbagħtet lura l-kawża

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ressqet dan ir-rikors.

63      Fir-rikors, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Avviż ta’ Lulju 2010;

–        tannulla l-Atti ta’ Lulju 2010;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

64      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑21 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. B’digriet tas‑7 ta’ Frar 2011, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

65      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2011, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti rreferiet għall-Atti ta’ Jannar 2011 u għall-ittra tat‑2 ta’ Frar 2011. Hija indikat li kienet żammet il-motivi tar-rikors kontra dawn l-“atti” u li fir-replika hija kienet ser tiżviluppa l-kritiki tagħha kontra r-raġunijiet taż-żamma ta’ isimha fil-Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011, kif innotifikati permezz tal-ittra tat‑2 ta’ Frar 2011.

66      Wara li nstemgħu l-partijiet l-oħra, permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal‑15 ta’ Ġunju 2011 mibgħuta lir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lil din il-parti tadatta, fir-replika, il-motivi u t-talbiet tar-rikors għal dak li jikkonċerna l-Atti ta’ Jannar 2011, jekk ikun il-każ fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija fl-ittra tat‑2 ta’ Frar 2011. Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma awtorizzatx lir-rikorrenti tadatta t-talbiet tagħha għal dak li jikkonċerna l-ittra tat‑2 ta’ Frar 2011. It-terminu għall-preżentata tar-replika ġie stabbilit għas‑27 ta’ Lulju 2011.

67      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrenti rreferiet għall-atti ta’ Lulju 2011 u għall-ittra tad‑19 ta’ Lulju 2011, bħala li jissostitwixxu l-atti inizjalment ikkontestati. Hija osservat li l-pubblikazzjoni jew in-notifika ta’ dawn l-atti wasslet sabiex beda jiddekorri terminu ġdid ta’ xahrejn għall-preżentata ta’ rikors u indikat ir-raġunijiet li għalihom ir-replika ma ġietx ippreżentata.

68      L-ittra tas‑27 ta’ Lulju 2011 tqiegħdet fil-proċess bħala talba għall-proroga tat-terminu għall-preżentata tar-replika.

69      Permezz tal-ittri mir-Reġistru tas‑16 ta’ Settembru 2011, il-Qorti Ġenerali informat lill-partijiet bid-deċiżjoni tagħha li ma tilqax din it-talba għal proroga u ffissat għat‑2 ta’ Novembru 2011 it-terminu għall-preżentata tan-nota ta’ intervent mill-Kummissjoni.

70      Fit‑28 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali nota supplimentari. F’din in-nota, ir-rikorrenti ddikjarat li “qiegħda testenti t-talbiet tagħha għal annullament kontra [l-Atti ta’ Lulju 2011]”, sa fejn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem. Hija ddikjarat ukoll li, fid-dawl tar-rikors inizjali, tal-ittra tas‑17 ta’ Frar 2011 u tan-nota supplimentari, dan ir-rikors kellu minn dak il-mument jitqies li ġie ppreżentat kontra l-Atti ta’ Lulju 2010, kif ukoll kontra l-Atti ta’ Jannar 2011 u ta’ Lulju 2011. Ir-rikorrenti żiedet li nżammu wkoll it-talbiet imressqa kontra l-Avviż ta’ Lulju 2010 u speċifikat li t-talbiet għal annullament tagħha kienu jirrigwardaw l-atti inkwistjoni biss sa fejn jikkonċernawha.

71      Fit‑28 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni ppreżentat in-nota ta’ intervent tagħha.

72      Permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tat‑8 ta’ Diċembru 2011, in-nota supplimentari tqiegħdet fil-proċess.

73      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Diċembru 2011, il-Qorti Ġenerali informat lill-partijiet li, fid-dawl tal-iskadenza, qabel il-preżentata tan-nota supplimentari, tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra l-Atti ta’ Jannar 2011, l-adattament tat-talbiet tar-rikors kontra dawn l-atti, li fih innifsu kien ammissibbli, peress li kien diġà ntalab u twettaq b’mod suffiċjenti fid-dritt permezz tal-ittra tar-rikorrenti tas‑17 ta’ Frar 2011, ser jiġi eżaminat biss fid-dawl tal-motivi u tal-argumenti mressqa minn din il-parti qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors għal annullament kontra dawn l-atti, jiġifieri dawk imressqa fir-rikors promotur.

74      Il-Qorti Ġenerali ffissat għas‑17 ta’ Frar 2012 it-terminu għall-preżentata, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni, tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Jannar 2011, u fil‑5 ta’ Marzu 2012, estendiet għat‑3 ta’ April 2012 it-terminu għall-preżentata, minn dawn l-istess partijiet, tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar in-nota supplimentari.

75      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑1 ta’ Frar 2012, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Diċembru 2011, sa fejn dawn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

76      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 u fis‑16 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Jannar 2011, sa fejn dawn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

77      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑3 ta’ April 2012, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota supplimentari.

78      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha b’risposta għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ April 2012.

79      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑10 ta’ Lulju 2012, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Ġunju 2012, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

80      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 u fit‑23 ta’ Lulju 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Ġunju 2012.

81      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑5 u fis‑6 ta’ Settembru 2012, il-Kummissjoni u l-Kunsill irrispondew, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat‑28 ta’ Ġunju 2012.

82      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Frar 2013, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Diċembru 2012, sa fejn dawn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

83      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 u fit‑13 ta’ Marzu 2013, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Diċembru 2012.

84      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Settembru 2013, ir-rikorrenti adattat it-talbiet ta’ dan ir-rikors kontra l-Atti ta’ Lulju 2013, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

85      Permezz ta’ ittra tal‑4 ta’ Ottubru 2013, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-Kunsill, li rrisponda għal din it-talba permezz ta’ att tat‑28 ta’ Ottubru 2013, sabiex jipproduċi ċerti dokumenti u għamlet ċerti mistoqsijiet lill-partijiet għall-finijiet tas-seduta.

86      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑28 u fit‑30 ta’ Ottubru 2013, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Lulju 2013.

87      Fit‑28 ta’ Frar 2014, ir-rikorrenti adattat it-talbiet ta’ dan ir-rikors sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Frar 2014, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

88      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑4 u fil‑5 ta’ Marzu 2014, il-Kummissjoni u l-Kunsill ippreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Frar 2014.

89      Fil‑21 ta’ Settembru 2014, ir-rikorrenti adattat it-talbiet tagħha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Lulju 2014, sa fejn dawn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

90      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru u fit‑3 ta’ Novembru 2014, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-adattament tat-talbiet kontra l-Atti ta’ Lulju 2014.

91      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li permezz ta’ dan ir-rikors, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Avviż ta’ Lulju 2010 u l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, sa fejn dawn jikkonċernawha, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż.

92      Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

93      Permezz tas-sentenza tas‑17 ta’ Diċembru 2014, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10, iktar ’il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2014:1095), il-Qorti Ġenerali:

–        iddikjarat it-talba għall-annullament tal-Avviż ta’ Lulju 2010 inammissibbli;

–        annullat l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw lir-rikorrenti (inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem);

–        żammet l-effetti tal-Atti ta’ Lulju 2014 għal perijodu ta’ tliet xhur mid-data li fiha ngħatat din is-sentenza jew, jekk kellu jiġi ppreżentat appell minn dik is-sentenza fit-terminu stabbilit fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, sa meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwaru;

–        ikkundannat lill-Kunsill sabiex iħallas, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk tar-rikorrenti, filwaqt li l-Kummissjoni kellha tħallas l-ispejjeż tagħha stess.

94      Sabiex iddeċidiet f’dan is-sens, il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-raba’ u s-sitt motiv indirizzati kontra l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, ibbażati, rispettivament, fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba l-iżvolġiment taż-żmien u l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 101 u 125 tas-sentenza inizjali, li l-lista ta’ atti terroristiċi li r-rikorrenti allegatament wettqet sa mis-sena 2005, inkluża fl-espożizzjonijiet tal-motivi relatati mal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, kellha rwol determinanti għaż-żamma, mill-Kunsill, tal-iffriżar ta’ fondi. Fil-punti 110 u 127 tas-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li r-riferiment għal kull att terroristiku ġdid li l-Kunsill kien inkluda fil-motivazzjoni tiegħu fl-okkażjoni ta’ eżami mill-ġdid abbażi tal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 kellu jkun is-suġġett ta’ eżami u ta’ deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti. Billi kkonstatat, b’mod partikolari fil-punti 109 u 131 tas-sentenza inizjali, li l-Kunsill kien ibbaża l-allegazzjonijiet tiegħu dwar l-atti terroristiċi mwettqa mill-Hamas sa mis-sena 2005 mhux fuq tali deċiżjonijiet iżda fuq informazzjoni miġbura minnu mill-istampa u mill-internet, il-Qorti Ġenerali għalhekk annullat l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

95      Fil-punt 141 tas-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali annullat ukoll l-Atti ta’ Lulju 2010 u ta’ Jannar 2011, għar-raġuni li kienu jinvolvu l-istess assenza ta’ referenza għad-deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti dwar il-fatti imputati lir-rikorrenti u għaldaqstant kienu vvizzjati bl-istess ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

96      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑20 ta’ Frar 2015, il-Kunsill ippreżenta rikors kontra s-sentenza inizjali, li ġie rreġistrat bir-referenza C‑79/15 P.

97      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil‑11 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Franċiża talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat dan l-intervent.

98      Permezz ta’ sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs Hamas (C‑79/15 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza mogħtija fl-appell”, EU:C:2017:584), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali.

99      Fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li:

–        il-Qorti Ġenerali ma kinitx wettqet żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti u/jew id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Intern ma kinux jikkostitwixxu, fihom innifishom, bażi suffiċjenti għall-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014 (punt 33);

–        il-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kunsill kien kiser l-Artikolu 1 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta bbaża ruħu, fl-espożizzjonijiet tal-motivi relatati mal-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, fuq elementi miksuba minn sorsi li ma humiex deċiżjonijiet nazzjonali adottati minn awtoritajiet kompetenti (punt 50);

–        il-Qorti Ġenerali wettqet, minħabba f’hekk, żball ta’ liġi fil-konstatazzjoni tagħha tal-ksur mill-Kunsill tal-obbligu ta’ motivazzjoni (punt 53).

100    Peress li l-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet biss fuq ir-raba’ u s-sitt motiv tat-talba tar-rikorrenti intiża għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 u li l-motivi l-oħra invokati mill-Qorti Ġenerali jqajmu, min-naħa tagħhom, kwistjonijiet ta’ evalwazzjoni ta’ fatti, fis-sentenza mogħtija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u rriżervat l-ispejjeż (punt 56).

III. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara li ntbagħtet lura l-kawża

101    Il-kawża li ntbagħtet lura quddiem il-Qorti Ġenerali ġiet irreġistrata fir-Reġistru ta’ din tal-aħħar bir-referenza T‑400/10 RENV u assenjata, fis‑27 ta’ Settembru 2017, lill-Ewwel Awla.

102    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali rispettivament fit‑3 ta’ Settembru, fl‑4 u fil‑5 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq l-eżitu tal-proċedura, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

103    Fl-osservazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, sa fejn dawn jikkonċernawha, “inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem”;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha, inklużi dawk relatati mal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

104    Fl-osservazzjonijiet tagħhom, il-Kummissjoni u l-Kunsill jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala manifestament infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

105    Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru fit‑3 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentat, abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, nota ta’ adattament tar-rikors intiża sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-Atti ta’ Awwissu 2017.

106    Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑27 ta’ Ottubru u fit‑23 ta’ Novembru 2017, il-Kunsill u l-Kummissjoni ppreżentaw, fuq stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ adattament tat‑3 ta’ Ottubru 2017.

107    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad in-nota ta’ adattament bħala manifestament inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħadha bħala infondata;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill fl-ewwel istanza, fl-appell u fil-kuntest ta’ din il-proċedura li permezz tagħha l-kawża ntbagħtet lura.

108    Fis‑27 ta’ Marzu 2018, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) għamlet, skont l-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet prinċipali u stidnithom jipproduċu ċerti dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti.

109    Fil‑15 ta’ Mejju 2018, il-Qorti Ġenerali awtorizzat lir-rikorrenti sabiex tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq it-tweġibiet mogħtija mill-Kunsill. Ir-rikorrenti wieġbet fit-terminu mogħti.

110    Fuq proposta tal-Ewwel Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat lura l-kawża quddiem l-Ewwel Awla Estiża.

111    Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑11 ta’ Lulju 2018.

IV.    Id-dritt

A.      Kunsiderazzjonijiet preliminari fuq is-suġġett tar-rikors kif ukoll fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat28 ta’ Ġunju 2012

1.      Fuq it-talbiet ta’ adattament tat-talbiet tar-rikors li jikkonċernaw l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014

112    Kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti, l-Atti ta’ Lulju 2010 tħassru u ġew issostitwiti, suċċessivament, bl-Atti ta’ Jannar, ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Lulju 2013, u sussegwentement bl-Atti ta’ Frar u ta’ Lulju 2014.

113    Ir-rikorrenti sussegwentement adattat it-talbiet inizjali tagħha b’mod li r-rikors tagħha huwa intiż għall-annullament ta’ dawn l-atti differenti.

114    Barra minn hekk, hija żammet espressament it-talbiet tagħha għall-annullament tal-atti mħassra.

115    Skont l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li għandu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid. Skont il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, din it-talba għandha tiġi ppreżentata fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE.

116    F’dan il-każ, it-talbiet għall-adattament tar-rikors imsemmija fil-punt 112 iktar ’il fuq jirrigwardaw atti li jħassru u jissostitwixxu atti li l-annullament tagħhom intalab preċedentement fil-kuntest tar-rikors. Barra minn hekk, huma ġew ippreżentati qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura qabel ma ntbagħtet lura l-kawża, fl‑20 ta’ Novembru 2014, u fit-terminu previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Għaldaqstant it-talbiet għall-adattament tar-rikors huma ammissibbli.

117    Skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tar-rikorsi indirizzati kontra miżuri suċċessivi ta’ ffriżar ta’ fondi, u kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni fin-nota ta’ intervent tagħha fir-rigward tal-Atti ta’ Lulju 2010, rikorrent jibqagħlu interess li jikseb l-annullament ta’ deċiżjoni li timponi miżuri restrittivi li tkun ġiet imħassra u ssostitwita minn deċiżjoni sussegwenti, sa fejn it-tħassir ta’ att ta’ istituzzjoni ma huwiex rikonoxximent tal-illegalità tiegħu u jipproduċi effett ex nunc, b’differenza minn sentenza ta’ annullament li bis-saħħa tagħha l-att annullat jitħassar retroattivament fl-ordni ġuridiku u jitqies li qatt ma eżista (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 35; ara, ukoll, is-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 45 sa 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2009:372, punti 47 u 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

118    Konsegwentement, ir-rikorrenti jibqagħlha interess li taġixxi kontra l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014, minkejja li dawn tħassru u ġew issostitwiti matul il-proċedura.

119    Għaldaqstant, dan ir-rikors huwa ammissibbli sa fejn jirrigwarda l-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014.

2.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal  annullament imressqa kontra l-Avviż ta’ Lulju 2010

120    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, joġġezzjona li t-talba għall-annullament tal-Avviż ta’ Lulju 2010 hija inammissibbli għaliex dan jillimita ruħu li jistieden lill-persuni u lill-entitajiet sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom mingħajr ma jaffettwaw is-sitwazzjoni legali tagħhom. Għalhekk, dan ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat skont l-Artikolu 263 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza.

121    Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors huma l-atti “maħsuba sabiex jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ partijiet terzi”.

122    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament huma biss dawk il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jibdlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu (ara d-digriet tal‑14 ta’ Mejju 2012, Sepracor Pharmaceuticals (Ireland) vs Il‑Kummissjoni, C‑477/11 P, mhux ippubblikat, EU:C:2012:292, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

123    F’dan il-każ, iż-żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010 seħħet bl-Atti ta’ Lulju 2010.

124    Kif jirriżulta mill-punt 11 iktar ’il fuq, l-uniku għan tal-Avviż ta’ Lulju 2010, ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-għada tal-adozzjoni ta’ dawn l-atti, kien li jipprova jinforma lill-persuni, lill-gruppi u lill-entitajiet li l-fondi tagħhom baqgħu ffriżati skont dawn l-atti bil-possibbiltajiet ipprovduti lilhom li jitolbu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-awtorizzazzjoni li jużaw il-fondi ffriżati għal ċerti ħtiġijiet, li jitolbu lill-Kunsill l-espożizzjoni tal-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimhom fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010, li jitolbu lil din l-istituzzjoni sabiex teżamina mill-ġdid id-deċiżjoni tagħha ta’ żamma u, fl-aħħar nett, li jiġi ppreżentat rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Avviż tal‑2010 ma pproduċiex effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni ġuridika tagħha.

126    Għaldaqstant, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli f’dak li jikkonċerna l-Avviż tal‑2010.

3.      Fuq il-portata u l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat28 ta’ Ġunju 2012

127    Fit‑28 ta’ Ġunju 2012, ir-rikorrenti ppreżentat, bi tweġiba għal stedina tal-Qorti Ġenerali, l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-osservazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, tat‑3 ta’ April 2012, dwar in-nota supplimentari.

128    Peress li r-rikorrenti sejħet l-osservazzjonijiet tagħha bħala “replika”, il-Kunsill oġġezzjona, fl-osservazzjonijiet tiegħu tas‑6 ta’ Settembru 2012, li r-rikorrenti ma setgħetx titħalla tippreżenta replika li tirrigwarda l-kawża kollha, kif oriġinarjament introdotta permezz tal-preżentata tar-rikors, u li dwarha hija ma kinitx ippreżentat replika fit-terminu mogħti.

129    Il-Kunsill qies li l-iskambji ta’ noti li jirrigwardaw il-mertu tal-kawża kellhom jintemmu fil-mument tal-preżentata, mir-rikorrenti, tan-nota supplimentari u dik, mill-Kunsill, tal-osservazzjonijiet tiegħu fuq din in-nota.

130    Għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti tat‑28 ta’ Ġunju 2012, ippreżentati fuq l-istedina tal-Qorti Ġenerali, ma jistgħux jikkostitwixxu replika, fis-sens tal-Artikolu 83(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, f’din il-kawża.

131    Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 67 sa 70 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma ppreżentatx, f’din il-kawża, replika fit-termini mogħtija u t-talba għall-proroga tat-terminu għall-preżentata ta’ replika, dedotta mill-Qorti Ġenerali mill-ittra tar-rikorrenti tas‑27 ta’ Lulju 2011, ġiet miċħuda.

132    Madankollu, jibqa’ l-fatt li għalkemm l-osservazzjonijiet tat‑28 ta’ Ġunju 2012 ma għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni f’dan ir-rikors sa fejn jitolbu l-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2010 u ta’ Jannar 2011 (ara, f’dan ir-rigward, il-punt 73 iktar ’il fuq), huma ammissibbli fil-kuntest tat-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2011 (introdotti bil-preżentata tan-nota supplimentari), sa fejn huma jwieġbu għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill fuq il-motivi l-ġodda tan-nota supplimentari indirizzati kontra l-Atti ta’ Lulju 2011, kif ukoll fil-kuntest tat-talbiet għall-annullament tal-atti sussegwenti tal-Kunsill.

133    Barra minn hekk, huwa preċiżament għaliex il-Qorti Ġenerali qieset li kien neċessarju li r-rikorrenti tingħata permess li twieġeb, f’dan il-kuntest, għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill, tat‑3 ta’ April 2012, fuq in-nota supplimentari, li hija stidnitha tippreżenta osservazzjonijiet.

134    Fl-aħħar nett, mill-kliem stess tal-punt 1 tal-osservazzjonijiet tat‑28 ta’ Ġunju 2012 jirriżulta li dawn huma intiżi sabiex iwieġbu għall-osservazzjonijiet tal-Kunsill, tat‑3 ta’ April 2012, fuq in-nota supplimentari.

135    Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet dwar il-portata tal-osservazzjonijiet tat‑28 ta’ Ġunju 2012, għandhom jiġu miċħuda l-oġġezzjonijiet tal-Kunsill dwar l-ammissibbiltà ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

4.      Fuq it-talba għall-adattament tat-talbiet tar-rikors li jikkonċernaw l-Atti ta’ Awwissu 2017

136    Permezz ta’ nota ta’ adattament tat‑3 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti talbet li r-rikors jiġi estiż għall-Atti ta’ Awwissu 2017.

137    Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq din in-nota, il-Kunsill jargumenta li din it-talba kienet inammissibbli għar-raġuni, minn naħa, li, kuntrarjament għal dak li jipprevedi l-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li għalih kien jirreferi l-Artikolu 218 tal-istess regoli, l-adattament tar-rikors kien sar wara l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura, fil‑21 ta’ Novembru 2014, u, min-naħa l-oħra, li l-Atti ta’ Awwissu 2017 ma ssostitwixxewx l-atti kkontestati f’din il-kawża.

138    Fis-seduta, il-Kunsill iddikjara li kien qiegħed jirrimetti ruħu, dwar dan il-punt ta’ inammissibbiltà, għall-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali.

139    F’kull każ, għandu jiġi nnotat li, billi hija kwistjoni ta’ ordni pubbliku, l-ammissibbiltà tar-rikors għandha tiġi eżaminata ex officio mill-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Frar 2006, Standertskjöld-Nordenstam u Heyraud vs Il‑Kummissjoni, T‑437/04 u T‑441/04, EU:T:2006:62, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

140    Skont l-Artikolu 218 tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tannulla sentenza tal-Qorti Ġenerali u tibgħat lura l-kawża quddiem din tal-aħħar, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, adita bil-kawża permezz tad-deċiżjoni li tibgħatha lura quddiemha, għandha tiżvolġi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 217 tal-istess regoli, konformement mad-dispożizzjonijiet, skont il-każ, tat-Titolu III jew tat-Titolu IV ta’ dawn ir-regoli.

141    Billi t-Titolu IV tar-Regoli tal-Proċedura jikkonċerna l-kontenzjuż dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, f’dan il-każ għandu jsir riferiment għat-Titolu III tar-Regoli tal-Proċedura. Fit-Titolu III tar-Regoli tal-Proċedura, l-Artikolu 86(1) jistabbilixxi żewġ kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex tkun ammissibbli talba intiża sabiex jinkiseb adattament tar-rikors. Minn naħa, l-adattament tar-rikors għandu jintalab qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, l-atti milquta bit-talba għal adattament għandhom jissostitwixxu u jemendaw att wieħed jew iktar li l-annullament tagħhom ikun intalab preċedentement.

142    Mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel kundizzjoni, għandu jiġi nnotat li t-tieni kundizzjoni ma hijiex issodisfatta f’dan il-każ. Fil-fatt, l-atti mħassra bl-Atti ta’ Awwissu 2017 la ssemmew fir-rikors u lanqas fin-noti ta’ adattament li kienu ġew ippreżentati preċedentement.

143    Ir-rikorrenti ssostni li konklużjoni differenti għandha titnissel abbażi tas-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2016, Klyuyev vs Il‑Kunsill (T‑341/14, EU:T:2016:47, punt 33), fejn il-Qorti Ġenerali aċċettat it-talba ta’ adattament ippreżentata f’sitwazzjoni analoga.

144    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li s-sentenza ċċitata mir-rikorrenti ma hijiex rilevanti fuq dan il-punt, għaliex, f’dik il-kawża, b’differenza minn dan il-każ, it-tieni kundizzjoni imposta bl-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura kienet issodisfatta, billi l-atti li ssemmew fin-nota ta’ adattament kienu jemendaw l-atti li kienu ġew ikkontestati, effettivament, fir-rikors promotur.

145    Minn dawn l-elementi, jirriżulta li t-talba għall-adattament tar-rikors imressqa mir-rikorrenti fit‑3 ta’ Ottubru 2017 għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

B.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2010

146    Insostenn tat-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2010, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, it-tieni nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, it-tielet nett, fuq ksur tad-dritt għall-proprjetà u, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-applikabbiltà għar-rikorrenti tal-miżuri ta’ ffriżar tafondi

147    Fl-ewwel motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, bħall-Istati u l-gvernijiet leġittimi, bħala prinċipju hija ma taqax taħt il-possibbiltà ta’ inklużjoni fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi.

148    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li hija kisbet il-leġittimità tagħha mill-votazzjonijiet, tikkostitwixxi partit politiku li attwalment jinsab fil-poter u fl‑2007 pparteċipat fi gvern ta’ għaqda nazzjonali, u dawn it-tliet ċirkustanzi jimplikaw li hija wkoll għandha tgawdi mill-eċċezzjoni li hija rrikonoxxuta lill-Istati u lill-gvernijiet leġittimi.

149    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

150    Għandu jiġi nnotat li, skont l-Artikolu 1(1) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-miżuri meħuda fil-qasam ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom jiġu applikati għall-persuni, għall-gruppi u għall-entitajiet involuti f’atti ta’ terroriżmu.

151    Skont l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, “att terroristiku” għandu jfisser att intenzjonali li, min-natura jew mill-kuntest tiegħu, jista’ joħloq dannu lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali, iddefinit bħala reat fid-dritt nazzjonali, meta jitwettaq bi skop li jintimida serjament lill-popolazzjoni, jostakola organizzazzjoni governattiva jew internazzjonali li twettaq jew tastjeni mit-twettiq ta’ att, jew jiddestabilizza serjament jew ikisser l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali.

152    Fost l-atti li huma meqjusa li jiddestabilizzaw serjament jew ikissru l-istrutturi politiċi, kostituzzjonali, ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiż jew ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, l-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 isemmi b’mod partikolari attakki fuq il-ħajja ta’ persuna li jistgħu jikkaġunaw mewt, l-attakki fuq l-integrità fiżika ta’ persuna, is-sekwestru jew it-teħid ta’ ostaġġi, kif ukoll il-manifattura, il-pussess, l-akkwist, it-trasport, il-provvista jew l-użu ta’ armi.

153    Minn dawn id-dispożizzjonijiet, jirriżulta li, skont il-Pożizzjoni Komuni 2001/931, l-element rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk għandhomx jiġu applikati r-regoli li jinsabu fiha għal persuna jew għal entità huwa marbut mal-atti li jkunu twettqu minnhom u mhux man-natura ta’ dik il-persuna jew entità.

154    F’dawn il-kundizzjonijiet, iċ-ċirkustanzi li jissemmew mir-rikorrenti, jiġifieri ż-żamma ta’ poter wara elezzjonijiet, in-natura politika tal-organizzazzjoni jew il-parteċipazzjoni fi gvern, ma jistgħux jitqiesu li jippermettu li tiġi evitata l-applikazzjoni tar-regoli li jinsabu fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

155    F’kull każ, anki jekk jitqies li l-argument tar-rikorrenti, li jgħid li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi previsti bil-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jistgħux jiġu applikati għal Stati jew gvernijiet leġittimi, huwa fondat, ir-rikorrenti ma tinsabx f’sitwazzjoni li tippermettilha titlob l-applikazzjoni ta’ din l-allegata eċċezzjoni.

156    Fil-fatt, ir-rikorrenti ma tikkostitwixxix Stat fis-sens tad-dritt internazzjonali, għaliex dan il-kunċett huwa użat, f’dan il-qasam tad-dritt, sabiex jindika entitajiet territorjali u mhux organizzazzjonijiet bħal dik ifformata minnha.

157    Fir-rigward tal-kwalità ta’ gvern leġittimu, din tagħti, skont il-każ, lill-gvernijiet ċerta protezzjoni, mingħajr madankollu ma hija tista’ tiġi estiża għall-gruppi jew għall-organizzazzjonijiet li, kif tippretendi li tagħmel ir-rikorrenti, ikollhom ċerti membri tagħhom delegati hemmhekk (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

158    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża

159    Permezz tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża meta naqas li jinnotifikaha, qabel ma adotta l-Atti ta’ Lulju 2010, bil-provi li kien hemm kontra tagħha u ma ppermettilhiex li tinstema’, konformement mal-Artikolu 6(3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u mal-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

160    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

161    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, għandha ssir distinzjoni bejn, minn naħa, l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità f’lista ta’ ffriżar ta’ fondi u, min-naħa l-oħra, iż-żamma ta’ din l-inklużjoni għall-istabbiliment tal-obbligi rikjesti mill-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża.

162    Meta huwa jinkludi għall-ewwel darba l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq lista msemmija fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, il-Kunsill ma huwiex obbligat li jinnotifika, minn qabel, lil dik il-persuna jew entità, il-motivi li fuqhom biħsiebu jibbaża ruħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

163    Din ir-regola hija spjegata bil-fatt li, sabiex tkun effettiva, din id-deċiżjoni għandha tkun tista’ tibbenefika minn element ta’ sorpriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

164    Għalhekk, fil-kuntest tal-ewwel inklużjoni, huwa suffiċjenti, bħala prinċipju, li l-persuna jew l-entità kkonċernata tiġi nnotifikata bil-motivi li jispjegaw id-deċiżjoni flimkien ma’, jew immedjatament wara, l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni, li jippermettilha li tinstema’ f’dak il-mument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 61).

165    Is-sitwazzjoni hija differenti għad-deċiżjonijiet li jżommu l-inklużjoni tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fuq din il-lista, għaliex, f’dan il-każ, ma għadux neċessarju element ta’ sorpriża.

166    Skont il-ġurisprudenza, l-obbligi għal deċiżjonijiet bħal dawn huma differenti skont jekk l-espożizzjoni tal-motivi tinvolvix jew le provi ġodda.

167    Fil-preżenza ta’ provi ġodda, l-adozzjoni tal-miżura għandha tkun ippreċeduta minn notifika, lill-persuna jew lill-entità kkonċernata, tal-provi kontra tagħha, sabiex hija tkun tista’ tinstema’ fir-rigward tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, Franza vs People’s Mojahedin Organization of Iran, C‑27/09 P, EU:C:2011:853, punt 63, u tat-28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 67).

168    Għall-kuntrarju, dan l-obbligu ma huwiex applikabbli fl-assenza ta’ dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2013, Makhlouf vs Il‑Kunsill, T‑383/11, EU:T:2013:431, punti 43 u 44, u tat‑18 ta’ Settembru 2017, Uganda Commercial Impex vs Il‑Kunsill, T‑107/15 u T‑347/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:628, punt 97), billi huwa preżunt li l-persuna jew l-entità kkonċernata kienet taf bir-raġunijiet preċedenti u kellha l-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha.

169    F’dan il-każ, jidher li l-Atti ta’ Lulju 2010 jaqgħu taħt din l-aħħar kategorija, għaliex il-motivi li fuqhom huma bbażati dawn l-atti ma humiex differenti minn dawk li jissemmew fl-espożizzjoni tal-motivi relatati mal-atti adottati fit‑22 ta’ Diċembru 2009, jiġifieri d-Deċiżjoni 2009/1004/PESK tal-Kunsill li taġġorna l-lista tal-persuni, gruppi u entitajiet soġġetti għall-Artikoli 2, 3 u 4 tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ĠU 2009, L 346, p. 58), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1285/2009 tal-Kunsill, li jimplimenta l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 501/2009 (ĠU 2009, L 346, p. 39), li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti permezz tal-avviż, li jikkonċerna r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1285/2009, ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tat‑23 ta’ Diċembru 2009 (ĠU 2009, C 315, p. 11, iktar ’il quddiem l-“Avviż ta’ Diċembru 2009”).

170    Fir-rigward tal-Avviż ta’ Diċembru 2009, għandu jitfakkar li l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tad-dispożittiv u ta’ motivazzjoni ġenerali ta’ miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi ġiet meqjusa suffiċjenti, fid-dawl tal-fatt li pubblikazzjoni ddettaljata tal-ilmenti kontra l-persuni u l-entitajiet ikkonċernati tista’ tkun kunfliġġenti ma’ kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, imma wkoll tippreġudika l-interessi leġittimi tagħhom, fejn madankollu huwa sottointiż li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ din id-deċiżjoni għandha, barra minn hekk, tiġi fformalizzata u miġjuba għall-konoxxenza tal-persuni kkonċernati b’kull mezz ieħor adegwat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 147).

171    Fil-każ ta’ miżuri restrittivi, dan il-mezz ieħor għandu bħala prinċipju jikkonsisti f’notifika individwali, għaliex miżuri bħal dawn huma ta’ natura li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati u jistgħu jirrestrinġu l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 86).

172    F’dan ir-rigward, il-Kunsill jargumenta li huwa ma setax iwettaq notifika personali għaliex ma setax jidentifika indirizz li fih setgħet tintbagħat ittra lir-rikorrenti. Barra minn hekk, din baqgħet qatt ma bagħtitlu indirizz fejn tista’ tiġi kkuntattjata u qatt ma kkuntattjatu sabiex tingħata spjegazzjonijiet fuq l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi.

173    Fuq dan il-punt, l-avukat tar-rikorrenti indika, fis-seduta, bi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu mill-Qorti Ġenerali, li huwa ma setax jikkomunika dan l-indirizz lill-Kunsill, għaliex, għal raġunijiet ta’ sigurtà, lanqas huwa stess ma kellu dan l-indirizz.

174    Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni nnotat li, anki għall-proċedura ppreżentata quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ebda indirizz li seta’ jiġi vverifikat ma ġie pprovdut mir-rikorrenti.

175    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-obbligu ta’ notifika individwali ta’ motivazzjoni konkreta u preċiża lill-persuni u lill-entitajiet li kontra tagħhom jiġu adottati miżuri restrittivi huwa intiż essenzjalment sabiex jikkompleta l-pubblikazzjoni ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, fejn dan tal-aħħar jindika lill-persuni jew lill-entitajiet ikkonċernati li miżuri restrittivi jkunu ġew adottati fil-konfront tagħhom u jistidinhom jitolbu l-komunikazzjoni tal-espożizzjoni tal-motivi ta’ dawn il-miżuri billi jipprovdu l-indirizz preċiż fejn tista’ tintbagħat din it-talba. Għaldaqstant, in-notifika individwali lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati ma hijiex l-uniku mekkaniżmu użat sabiex jinformahom bil-miżuri meħuda fil-konfront tagħhom.

176    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-obbligu ta’ notifika individwali tal-espożizzjoni tal-motivi tal-miżuri restrittivi ma huwiex applikabbli f’kull każ imma biss meta dan ikun possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2014, Hassan vs Il‑Kunsill, T‑572/11, EU:T:2014:682, punt 37).

177    Issa, f’dan il-każ, jidher li, saħansitra fil-kuntest ta’ din il-proċedura, l-indirizz tar-rikorrenti baqa’ mhux magħruf, billi l-uniċi indikazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti lill-Qorti Ġenerali huma limitati għal isem ta’ belt u ta’ raħal, u barra minn hekk, din l-informazzjoni nbidlet f’żewġ okkażjonijiet wara l-preżentata tar-rikors (Bejrut fil-Libanu, imbagħad Damas fis-Sirja, u fl-aħħar nett Doha fil-Qatar).

178    Fis-seduta, ir-rikorrenti sostniet, barra minn hekk, li billi l-Unjoni għandha netwerk ta’ rappreżentanti fl-esteru, il-Kunsill kellu l-mezzi sabiex jidentifika l-indirizz fejn notifika individwali setgħet issir u li kienet din l-istituzzjoni, u mhux hija stess, li kellha tieħu inizjattivi f’dan is-sens, billi l-miżuri adottati fl-Atti ta’ Lulju 2010 setgħu jipproduċu effettivi negattivi fil-konfront tagħha.

179    Fuq dan il-punt, għandu jitfakkar li l-obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet, fil-limiti mfakkra fil-punt 176 iktar ’il fuq, li jipproċedu għal notifika individwali ma jistax ikollu l-effett li jeżenta lir-rikorrenti minn kwalunkwe obbligu li tinforma ruħha fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u, b’mod partikolari, li tidentifika l-ilmenti ppreżentati kontra tagħha. Kif jirriżulta mill-punti 4 u 5 iktar ’il fuq, l-isem tar-rikorrenti huwa inkluż fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi sa minn Diċembru 2001. Billi kienet taf li kienu saru diskussjonijiet fil-Kunsill fir-rigward taż-żamma ta’ isimha fuq dawn il-listi, hija kienet libera li tieħu l-passi meħtieġa ma’ din l-istituzzjoni sabiex takkwista informazzjoni preċiża u konkreta fuq ir-raġunijiet li jiġġustifikaw il-miżuri li kienu jolqtu lilha, billi tindika, jekk ikun il-każ, avukat sabiex tiżgura r-rappreżentanza tagħha kif għamlet, fl-aħħar mill-aħħar, fil-proċedura li hija ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali u sabiex tiżgura d-difiża tagħha fil-kuntest tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Billi ma użatx din il-possibbiltà, ir-rikorrenti ma tistax tilmenta lill-Kunsill dwar il-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha stess.

180    Għaldaqstant, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jikser il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jgħaqqad il-pubblikazzjoni tal-Atti ta’ Diċembru 2009 fil-Ġurnal Uffiċjali mal-pubblikazzjoni ta’ avviż li jistieden lir-rikorrenti titolbu l-espożizzjoni tal-motivi dwar dawn l-atti, mingħajr ma jipproċedi għal notifika individwali, peress li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma kienx jidher possibbli li jwettaq din in-notifika.

181    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq  ksur tad-dritt all-proprjetà

182    Fit-tielet motiv tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-iffriżar tal-fondi mwettaq bl-Atti ta’ Lulju 2010 jikser id-dritt għall-proprjetà ggarantit bl-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u bl-Artikolu 1 tal-Protokoll Nru 1 tal-KEDB. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għas-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), u tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑318/01, EU:T:2009:187).

183    Il-fondatezza ta’ dan il-motiv hija kkontestata mill-Kunsill li huwa sostnut, fuq dan il-punt, mill-Kummissjoni.

184    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-drittijiet fundamentali, b’mod partikolari d-dritt għall-proprjetà, ma jgawdux, fid-dritt tal-Unjoni, minn protezzjoni assoluta. Jista’ jkun hemm restrizzjonijiet għall-użu ta’ dawn id-drittijiet bil-kundizzjoni, l-ewwel nett, li dawn ir-restrizzjonijiet effettivament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali mfittxija mill-Unjoni u, it-tieni nett, li ma jikkostitwixxux, fid-dawl tal-għan imfittex, intervent sproporzjonat, jew intollerabbli, li jippreġudika s-sustanza stess tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

185    Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, għandu jitfakkar li l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra tal-persuni u tal-entitajiet identifikati, skont ir-regoli previsti mir-Regolament Nru 2580/2001 u mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931, bħala involuti fil-finanzjament tat-terroriżmu jfittex għan ta’ interess ġenerali, peress li jifforma parti mill-ġlieda kontra t-theddid fir-rigward tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali li jikkawżaw l-atti ta’ terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

186    Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni, għandu jiġi nnotat li l-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi u, b’mod partikolari, għaż-żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010 ma jidhrux li huma sproporzjonati, intollerabbli jew jippreġudikaw is-sustanza tad-drittijiet fundamentali jew xi wħud fosthom.

187    Fil-fatt, din it-tip ta’ miżura hija neċessarja, f’soċjetà demokratika, fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 129 u l-ġurisprudenza ċċitata).

188    Barra minn hekk, il-miżuri li jwasslu għall-iffriżar ta’ fondi ma humiex assoluti, imma jipprevedu l-possibbiltà, minn naħa, li jiġi awtorizzat l-użu ta’ fondi ffriżati sabiex jiġu ssodisfatti ħtiġijiet essenzjali jew ċerti impenji u, min-naħa l-oħra, li jingħataw awtorizzazzjonijiet speċifiċi li jippermettu, f’kundizzjonijiet speċifiċi, li jitneħħa l-iffriżar ta’ fondi, ta’ assi finanzjarji oħra u ta’ riżorsi ekonomiċi oħra (ara s-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 127 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    Barra minn hekk, iż-żamma tal-isem tal-persuni u tal-entitajiet fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi hija suġġetta għal eżami mill-ġdid perjodiku sabiex jiġi żgurat li jitħassru dawk li ma jissodisfawx iktar il-kriterji sabiex jibqgħu jidhru (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 129).

190    Dawn l-elementi ma humiex affettwati mill-ġurisprudenza żviluppata fis-sentenzi ċċitati mir-rikorrenti.

191    F’dawn is-sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat restrizzjoni mhux iġġustifikata għar-raġuni li l-miżuri restrittivi kienu ġew stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti kontra r-rikorrenti mingħajr ma din kellha l-benefiċċju ta’ garanziji proċedurali li jippermettulha tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha quddiem l-awtoritajiet tan-Nazzjonijiet Uniti fdati bl-adozzjoni tagħhom jew, fi ħdan l-Unjoni, quddiem il-Kunsill, li kien implimentahom fuq it-territorju tal-Istati Membri.

192    Sitwazzjoni bħal din hija differenti minn dik ta’ din il-kawża, fejn l-Atti ta’ Lulju 2010 ma jikkonċernawx inklużjoni inizjali, ma humiex ibbażati fuq riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, u fejn, minħabba l-pubblikazzjoni tal-Avviż ta’ Diċembru 2009, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà li tressaq l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-elementi imputati lilha (ara l-punti 170 sa 180 iktar ’il fuq).

193    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

194    Permezz tar-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma inkludiex, fl-Atti ta’ Lulju 2010 kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, il-motivi li jiġġustifikaw iż-żamma ta’ isimha fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2010.

195    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

196    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fit‑13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali, minn naħa, id-dispożittiv u l-motivi ġenerali tal-Atti ta’ Lulju 2010 u, min-naħa l-oħra, l-Avviż ta’ Lulju 2010 li jistieden lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati sabiex jitolbuh l-espożizzjoni tal-motivi dwar dawn l-atti.

197    Kif ġie indikat fil-punt 170 iktar ’il fuq, diġà ġie deċiż li, fil-każ ta’ miżuri restrittivi, il-Kunsill seta’, mingħajr ma jikser l-obbligu ta’ motivazzjoni u l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, jillimita l-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-atti li jinkludu l-miżuri restrittivi għad-dispożittiv u għall-motivazzjoni ġenerali li sservi ta’ sostenn għal dawn il-miżuri, fejn huwa sottointiż li l-motivazzjoni speċifika u konkreta kellha tiġi fformalizzata u tinġab għall-konoxxenza tal-persuni kkonċernati b’kull mezz ieħor adegwat.

198    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kunsill ma kienx obbligat, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, li jinkludi fl-Atti ta’ Lulju 2010 kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali, il-motivi speċifiċi u konkreti li jiġġustifikaw l-adozzjoni tagħhom.

199    Ir-rikorrenti ssostni madankollu li l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-Atti ta’ Lulju 2010 kellha tiġi nnotifikata lilha u mhux tkun is-suġġett ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali. Hija ssostni wkoll li dan l-avviż, billi ma jsemmihiex espressament, kien diffiċilment aċċessibbli għaliha. Fl-aħħar nett, hija ssostni li dan l-avviż naqqas għal xahrejn il-perijodu li matulu l-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2010 setgħet tintalab lill-Kunsill, u dan ma kienx terminu raġonevoli.

200    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 176 sa 180 iktar ’il fuq, peress li l-Kunsill ma kellux l-indirizz eżatt tar-rikorrenti, huwa ma setax jipproċedi għan-notifika individwali tal-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2010, b’mod li huwa seta’ jillimita ruħu għall-pubblikazzjoni tal-Avviż ta’ Lulju 2010.

201    Barra minn hekk, il-fatt li l-Avviż ta’ Lulju 2010 ma kienx isemmi espressament l-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati minnu ma jistax jitqies, fih innifsu, bħala ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, billi dan l-avviż kien jirreferi għar-Regolament ta’ Lulju 2010 li fih kienu jissemmew dawn l-ismijiet.

202    Fl-aħħar nett, ma huwiex korrett li, skont l-Avviż ta’ Lulju 2010, it-talba intiża sabiex tikseb l-espożizzjoni tal-motivi tal-atti kkonċernati kellha titressaq fi żmien xahrejn mill-pubblikazzjoni tiegħu. Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, l-Avviż ta’ Lulju 2010 ma jillimitax għal xahrejn it-terminu li matulu l-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2010 setgħet tintalab, imma kien jippreċiża biss li l-Kunsill kien ser jipproċedi regolarment għall-eżami mill-ġdid tal-listi ta’ ffriżar ta’ fondi konformement mal-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, u li, jekk il-persuni u entitajiet ikkonċernati ressqu talba għal eżami mill-ġdid u jekk huma xtaqu li din tiġi ttrattata waqt l-eżami mill-ġdid sussegwenti, din it-talba kellha tintbagħat lilu f’terminu ta’ xahrejn mid-data tal-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż.

203    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie osservat mill-Kunsill, b’mod li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Konklużjoni

204    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi miċħud ir-rikors sa fejn dan jikkonċerna l-Atti ta’ Lulju 2010.

C.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Jannar 2011

205    Mill-punt 73 iktar ’il fuq jirriżulta li, insostenn tat-talba intiża għall-annullament tal-Atti ta’ Jannar 2011, ir-rikorrenti tinvoka l-istess motivi għall-annullament bħal dawk imqajma kontra l-Atti ta’ Lulju 2010.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni

206    Billi l-ewwel motiv huwa l-istess bħal dak invokat kontra l-Atti ta’ Lulju 2010 u l-evalwazzjoni ta’ dan il-motiv ma tiddependix fuq ċirkustanzi partikolari għall-adozzjoni ta’ dawn l-atti, dan għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 150 sa 157 iktar ’il fuq.

207    L-ewwel motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tarispett tad-drittijiet tad-difiża

208    F’dan it-tieni motiv, ir-rikorrenti tqis li l-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ġie miksur għall-motiv li l-elementi imputati lilha, bħala bażi għall-Atti ta’ Jannar 2011, ma kinux ġew innotifikati lilha qabel l-adozzjoni ta’ dawn l-atti.

209    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

210    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Jannar 2011, il-Kunsill ippubblika fil-Ġurnal Uffiċjali tal‑20 ta’ Novembru 2010 avviż li jindika lill-persuni u lill-entitajiet ikkonċernati bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 610/2010 li, wara informazzjoni ġdida, huwa kien emenda l-espożizzjoni tal-motivi dwar dan ir-regolament u stieden lil dawn il-persuni u entitajiet sabiex jitolbuh din l-espożizzjoni tal-motivi (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

211    Fil-punti 176 sa 180 iktar ’il fuq, ġie deċiż li l-assenza ta’ notifika individwali lir-rikorrenti tal-espożizzjoni tal-motivi dwar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1285/2009 ma setgħetx, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-każ, titqies bħala ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża. Dan jgħodd ukoll għall-espożizzjoni tal-motivi dwar l-Atti ta’ Jannar 2011.

212    Ir-rikorrenti tindika li l-Kunsill innotifika lill-avukat tagħha, permezz tal-ittra tal‑10 ta’ Diċembru 2010 li tissemma fil-punt 14 iktar ’il fuq, l-espożizzjoni tal-motivi li wassluh sabiex jikkunsidra ż-żamma ta’ isimha fil-Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011. Skont ir-rikorrenti, ittra bħal din messha ntbagħtet lilha u mhux lill-avukat, li ma kienx irċieva mandat li jawtorizzah jirċievi ittri bħal dawn.

213    Mistoqsi fuq dan is-suġġett waqt is-seduta, il-Kunsill irrikonoxxa li huwa kien bagħat l-ittra lill-avukat tar-rikorrenti sabiex jinformah, mingħajr ma qies din l-ittra bħala notifika individwali.

214    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 176 iktar ’il fuq, notifika individwali hija rikjesta biss meta hija possibbli, li ma kienx il-każ f’dan il-każ kif indikat fil-punti 177 sa 180 iktar ’il fuq, għaliex l-ebda indirizz ma jidher li kien jeżisti jew kien ġie nnotifikat lill-Kunsill u għaliex ir-rikorrenti ma kinitx dehret sabiex tikseb l-espożizzjoni tal-motivi.

215    Din il-konklużjoni ma hijiex affettwata bil-fatt li ittra ġiet indirizzata lill-avukat tar-rikorrenti mingħajr ma kien irċieva mingħand ir-rikorrenti mandat li jawtorizzah jirċeviha. Fil-fatt, l-assenza ta’ mandat tikkonferma, pjuttost milli tikkontradixxi, il-konstatazzjoni magħmula fil-punt preċedenti li l-Kunsill ma kellu l-ebda mod kif seta’ jwassal l-espożizzjoni tal-motivi b’mod individwali lir-rikorrenti.

216    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

3.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt all-proprjetà

217    Billi dan il-motiv huwa l-istess bħal dak invokat kontra l-Atti ta’ Lulju 2010, dan il-motiv għandu jiġi miċħud għall-istess motivi bħal dawk esposti fil-punti 184 sa 189 iktar ’il fuq.

218    F’dak li jikkonċerna r-referenza għas-sentenzi tat‑3 ta’ Settembru 2008, Kadi u Al Barakaat International Foundation vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑402/05 P u C‑415/05 P, EU:C:2008:461), u tal‑11 ta’ Ġunju 2009, Othman vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑318/01, EU:T:2009:187), għandu jiġi ppreċiżat li ċ-ċirkustanzi tal-każ huma ugwalment differenti minn dawk li wasslu għal dawn is-sentenzi, għaliex, kif jirriżulta mill-punti 210 sa 215 iktar ’il fuq, l-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Jannar 2011 tqiegħdet regolarment għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti qabel l-adozzjoni tagħhom.

219    Għaldaqstant it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

220    Fir-raba’ motiv tagħha, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma inkludiex il-motivi li jispjegaw iż-żamma ta’ isimha fil-Listi kontenzjużi ta’ Jannar 2011 fl-Atti ta’ Jannar 2011, kif ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali.

221    F’dan ir-rigward, ġie mfakkar fil-punti 170 u 197 iktar ’il fuq li, skont il-ġurisprudenza, huwa permissibbli, għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, li l-verżjoni ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali tal-atti li jinkludu dawn il-miżuri tkun tinkludi biss id-dispożittiv u motivazzjoni ġenerali, fejn huwa sottointiż li l-motivazzjoni speċifika u konkreta ta’ dawn il-miżuri għandha tinġab għall-konoxxenza tal-persuni kkonċernati b’kull mezz adegwat ieħor.

222    Fil-punt 200 iktar ’il fuq, ġie ammess li għall-Atti ta’ Lulju 2010, il-Kunsill seta’ għar-raġunijiet esposti fil-punti 176 sa 180, jissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza billi jġib il-motivazzjoni speċifika u konkreta tal-miżuri restrittivi għall-konoxxenza tar-rikorrenti permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż fil-Ġurnal Uffiċjali, billi stedinha titolbu din il-motivazzjoni. Dan jgħodd ukoll għall-Atti ta’ Jannar 2011.

223    Għar-raġunijiet indikati fil-punt 215 iktar ’il fuq, l-impossibbiltà li titwettaq notifika ma hijiex affettwata, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, biċ-ċirkustanza li ntbagħtet ittra lill-avukat tar-rikorrenti mingħajr ma kien ingħata mandat mir-rikorrenti sabiex jirċievi dawn in-notifiki.

224    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Konklużjoni

225    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-rikors għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-Atti ta’ Jannar 2011.

D.      Fuq it-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014

226    Insostenn tat-talba għall-annullament tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, ir-rikorrenti tinvoka, fin-nota supplimentari u fin-noti ta’ adattament, tmien motivi għal annullament, ibbażati rispettivament:

–        fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931;

–        fuq żbalji fir-rigward tal-materjalità tal-fatti;

–        fuq żball ta’ evalwazzjoni dwar in-natura terroristika tar-rikorrenti;

–        fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba l-iżvolġiment taż-żmien;

–        fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil;

–        fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni;

–        fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva;

–        fuq il-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

227    Għandu jiġi eżaminat qabelxejn l-ewwel motiv, imbagħad is-sitt motiv u t-tieni motiv, billi dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, imbagħad it-tieni motiv, billi dan huwa bbażat fuq żball fuq il-materjalità tal-fatti, u fl-aħħar nett it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-seba’ u t-tmien motiv.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931

228    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti, wara li bbażat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija rispettivament mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, tikkritika lill-Kunsill talli kiser l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 meta kklassifika dawn id-deċiżjonijiet bħala deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

229    Iż-żamma tal-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-lista ta’ ffriżar ta’ fondi tikkostitwixxi, essenzjalment, l-estensjoni tal-inklużjoni inizjali u tippreżupponi, għalhekk, il-persistenza tal-perikolu ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi, kif ikun ġie kkonstatat inizjalment mill-Kunsill, abbażi tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet ta’ bażi għal dik l-inklużjoni inizjali (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 61, u Il‑Kunsill vs Hamas, C‑79/15 P, EU:C:2017:584, punt 39).

230    Għaldaqstant dan il-motiv huwa effettiv.

231    Fid-dawl tas-sentenza mogħtija fl-appell, għandhom, qabelxejn, jiġu ddeterminati l-organizzazzjonijiet imsemmija rispettivament mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti, imbagħad jiġu eżaminati, fl-ewwel lok, il-kritiki applikabbli għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u, fit-tieni lok, il-kritiki komuni għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u tal-Istati Uniti.

a)      Fuq l-identifikazzjoni tal-organizzazzjonijiet imsemmija mid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tar-Renju Unit u minn dawk tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti

232    Ir-rikorrenti tinnota li, skont l-espożizzjonijiet tal-motivi nnotifikati mill-Kunsill, l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 huma bbażati fuq deċiżjoni tal-Home Secretary, li tipprojbixxi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, fergħa armata tal-Hamas, u fuq żewġ deċiżjonijiet tal-Istati Uniti, li jsemmu lill-Hamas, mingħajr iktar preċiżazzjonijiet.

233    Ir-rikorrenti tiddubita li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom l-intenzjoni li jelenkaw lill-Hamas fit-totalità tagħha u tqis li, meta qies li dan kien il-każ, il-Kunsill ta interpretazzjoni wiesgħa tad-deċiżjonijiet tagħhom, li ma tirriżultax b’mod ċar mil-listi ppubblikati mill-awtoritajiet ta’ dan l-Istat.

234    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti jsemmu espressament lill-Hamas, fejn din id-denominazzjoni hija arrikkita, fid-deċiżjoni li tikklassifikaha bħala organizzazzjoni terroristika barranija, minn tużżana denominazzjonijiet oħra, – fosthom “Izz-Al-Din Al-Qassam brigades” – li bihom il-Hamas hija wkoll magħrufa (also known as).

235    Din iċ-ċirkustanza ma tistax tiġi interpretata, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, fis-sens li timplika li l-awtoritajiet tal-Istati Uniti kellhom l-intenzjoni għalhekk li jirrestrinġu d-deżinjazzjoni għal “Hamas-Izz al-Din al-Qassem” biss. Qabelxejn, fost dawn id-denominazzjonijiet supplimentari jidhru denominazzjonijiet li jirreferu għall-Hamas fit-totalità tagħha, bħal “Islamic Resistance Movement”, li tikkostitwixxi t-traduzzjoni bl-Ingliż ta’ “Harakat Al-Muqawama Al-Islamia”, denominazzjoni oħra li hija wkoll preżenti u li tagħha “Hamas” hija l-akronimu. Imbagħad, it-tismija ta’ dawn id-denominazzjonijiet differenti hija intiża biss sabiex tiżgura l-effettività konkreta tal-miżura meħuda kontra l-Hamas, billi tippermetti li din il-miżura tolqotha permezz tad-denominazzjonijiet u tal-fergħat kollha li bihom hija magħrufa.

236    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li d-deċiżjoni tal-Home Secretary ssemmi lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, filwaqt li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti jsemmu lill-Hamas, inkluż lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

b)      Fuq il-kritiki speċifiċi għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti

237    Ir-rikorrenti tqis li l-Kunsill ma setax jibbaża l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti għaliex l-Istati Uniti huma Stat terz u għaliex, bħala prinċipju, l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat ma humiex “awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

238    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti targumenta, prinċipalment, li s-sistema stabbilita bl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 hija bbażata fuq il-fiduċja mogħtija lill-awtoritajiet nazzjonali, liema fiduċja hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn il-Kunsill u l-Istati Membri tal-Unjoni, il-qsim ta’ valuri komuni, inskritti fit-Trattati, u s-sottomissjoni għal regoli kondiviżi, fosthom il-KEDB u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. L-awtoritajiet ta’ Stati terzi ma jistgħux jibbenefikaw minn din il-fiduċja.

239    Sussidjarjament, fil-każ li jkun ammess li l-awtorità ta’ Stat terz tista’ tikkostitwixxi awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ir-rikorrenti targumenta li huwa d-dmir tal-Kunsill li jwettaq diversi verifiki li ma sarux f’dan il-każ.

240    Għalhekk, il-Kunsill kellu, meta bbaża ruħu fuq deċiżjoni ta’ awtorità ta’ Stat terz, jivverifika jekk dik l-awtorità rrispettatx id-drittijiet tad-difiża u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, fejn l-ewwel fost dawn il-prinċipji jimplika li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni tal-awtorità tal-Istat terz tkun innotifika lill-persuna kkonċernata malajr kemm jista’ jkun, u li din titqiegħed f’sitwazzjoni li tressaq l-opinjoni tagħha fuq din id-deċiżjoni.

241    Issa, l-eżami tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Uniti rilevanti juri li l-proċedura nazzjonali ma tissodisfax l-istandards tal-Unjoni. Fil-fatt, huma ma kienu jipprevedu l-ebda obbligu ta’ notifika tad-deċiżjonijiet adottati u iktar u iktar ta’ trażmissjoni tal-motivi tagħhom, u saħansitra lanqas li dawn ikunu motivati, filwaqt li, barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors kien qasir wisq. Billi ma jkunux informati la dwar ir-raġunijiet u lanqas dwar l-eżistenza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-konfront tagħhom, il-persuni kkonċernati ma jkunux f’qagħda li jressqu l-opinjoni tagħhom jew jevalwaw jekk kienx opportun li jippreżentaw rikors. Dan kien il-każ tar-rikorrenti li għalhekk ma kienet irċeviet l-ebda notifika jew informazzjoni dwar is-suġġett tal-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika barranija u entità espressament identifikata bħala entità terroristika internazzjonali, u ma kinitx f’pożizzjoni li tiddefendi d-drittijiet tagħha.

242    Barra minn hekk, il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Uniti ma jipprevedux dritt ta’ aċċess għall-fajl u l-possibbiltajiet għal eżami amministrattiv mill-ġdid tas-sitwazzjoni tal-persuni kkonċernati kienu ristretti ħafna. Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-azzjonijiet amministrattivi ma jistax jiġi kkumpensat bl-aċċess għall-fajl fil-kuntest tal-azzjonijiet ġudizzjarji minħabba l-fatt li l-qorti jkollha tibbaża ruħha fuq il-fajl ikkostitwit mill-amministrazzjoni, li l-persuni kkonċernati jistgħu jipproduċu provi biss f’terminu qasir ħafna u li dawn jistgħu jiġu injorati mill-amministrazzjoni. Saħansitra fil-kuntest tal-azzjonijiet ġudizzjarji, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ikun parzjali ħafna u l-partijiet ikkonċernati jistgħu jinvokaw il-ksur tad-drittijiet kostituzzjonali tagħhom biss jekk huma għandhom rabta partikolari mal-Istati Uniti.

243    Il-Kunsill jikkontesta dan l-argument.

244    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat, f’dak li jikkonċerna l-argument imqajjem prinċipalment mir-rikorrenti, li, fis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 22), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kunċett ta’ “awtorità kompetenti” użat fl-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma huwiex limitat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, imma jista’, bħala prinċipju, jinkludi wkoll l-awtoritajiet ta’ Stati terzi.

245    L-interpretazzjoni adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja hija ġġustifikata, minn naħa, abbażi tal-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li ma jillimitax il-kunċett ta’ “awtoritajiet kompetenti” għall-awtoritajiet tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, abbażi tal-għan ta’ din il-pożizzjoni komuni, li ġiet adottata sabiex timplimenta r-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li hija intiża sabiex tintensifika l-ġlieda kontra t-terroriżmu fuq livell dinji, permezz tal-kooperazzjoni sistematika u mill-qrib tal-Istati kollha (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 23).

246    Fir-rigward tal-argument sussidjarju, għandu jiġi kkonstatat li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-Kunsill jibbaża ruħu fuq id-deċiżjoni ta’ Stat terz, huwa għandu jivverifika, qabelxejn, jekk din id-deċiżjoni ġietx adottata fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva u jagħti, fl-espożizzjonijiet tal-motivi dwar id-deċiżjonijiet tiegħu, l-indikazzjonijiet li jippermettu li jitqies li huwa wettaq din il-verifika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 31).

247    Għal dan l-għan, il-Kunsill għandu jispjega, jekk ikun il-każ fil-qosor, fl-espożizzjoni tal-motivi relatata ma’ deċiżjoni ta’ ffriżar ta’ fondi, ir-raġunijiet li għalihom huwa qies li d-deċiżjoni tal-Istat terz li fuqha jkun biħsiebu jibbaża ruħu ġiet adottata fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il-Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 33).

248    Fil-punt 36 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), il-Qorti tal-Ġustizzja evalwat fid-dawl ta’ dawn ir-regoli l-espożizzjoni tal-motivi tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 790/2014, li fih il-Kunsill, minn naħa, kien ikkonstata li l-Gvern Indjan kien ipprojbixxa lil-Liberation Tigers of Tamil Eelam (LTTE) matul l‑1992, bis-saħħa tal-Unlawful Activities Act 1967 (il-Liġi dwar l-Attivitajiet Illegali tal‑1967) u kien, imbagħad, inkludieha fil-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi li jidhru fl-anness tal-Unlawful Activities Prevention (Amendment) Act 2004 (l-Att li Jemenda l-Liġi dwar il-Prevenzjoni tal-Attivitajiet Illegali tal‑2004) u, min-naħa l-oħra, kien semma li l-Artikoli 36 u 37 tal-Liġi dwar l-Attivitajiet Illegali tal‑1967 kienu jinkludu dispożizzjonijiet fil-qasam tal-appell u tar-reviżjoni tal-lista Indjana tal-persuni u tal-entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi, li d-deċiżjoni li tipprojbixxi lil-LTTE, bħala assoċjazzjoni illegali, kienet ġiet irreveduta perjodikament mill-Ministeru għall-Intern Indjan, li l-aħħar reviżjoni kienet twettqet fl‑14 ta’ Mejju 2012 u li, wara reviżjoni mwettqa mill-qorti stabbilita bis-saħħa tal-Liġi dwar l-Attivitajiet Illegali tal‑1967, l-indikazzjoni tal-LTTE bħala entità involuta f’atti ta’ terroriżmu kienet ġiet ikkonfermata mill-Ministeru għall-Intern Indjan fil‑11 ta’ Diċembru 2012.

249    Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset, fil-punt 37 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), li r-Regolament Nru 790/2014 ma kienx jinkludi l-iċken element li jippermetti li jitqies li l-Kunsill kien ivverifika jekk id-deċiżjonijiet Indjani kinux ġew adottati fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva u li, għaldaqstant, il-motivazzjoni ta’ dan ir-regolament ma kinitx tippermetti li jkun magħruf jekk il-Kunsill kienx issodisfa l-obbligu ta’ verifika impost fuqu.

250    Fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, għal kull indikazzjoni fuq dan is-suġġett, il-Kunsill jiddikjara li l-klassifikazzjoni tar-rikorrenti bħala organizzazzjoni terroristika barranija “hija suġġetta għal azzjoni ġudizzjarja skont il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Uniti” u li l-klassifikazzjoni tagħha bħala entità identifikata espressament bħala entità terroristika internazzjonali “hija suġġetta għal stħarriġ amministrattiv u ġudizzjarju skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti”.

251    Għandu jiġi kkonstatat li, bħal fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583), dawn id-dikjarazzjonijiet ma jippermettux li jitqies li l-Kunsill ivverifika li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti kienu ġew adottati fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati.

252    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti ma jistgħux iservu ta’ bażi għall-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

253    Madankollu, billi l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma jeżiġix li l-atti tal-Kunsill ikunu bbażati fuq pluralità ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti, l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 setgħu jirreferu biss għad-deċiżjoni tal-Home Secretary u għaldaqstant għandu jitkompla l-eżami tar-rikors sa fejn l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 huma bbażati fuq din id-deċiżjoni.

c)      Fuq il-kritiki komuni għad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u għal dawk tal-awtoritajiet tar-Renju Unit

254    Ir-rikorrenti targumenta li, għal tliet raġunijiet, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit, li fuqhom huma bbażati l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, ma jikkostitwixxux “deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

255    Dawn ir-raġunijiet ser jiġu eżaminati iktar ’il quddiem sa fejn huma jikkonċernaw lid-deċiżjoni tal-Home Secretary, konformement mal-punt 253 iktar ’il fuq.

1)      Fuq il-preferenza li għandha tingħata lill-awtoritajiet ġudizzjarji

256    Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jibbaża ruħu fuq deċiżjonijiet amministrattivi biss jekk l-awtoritajiet ġudizzjarji ma għandhom l-ebda kompetenza fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu. Issa, dan ma huwiex il-każ f’dan il-każ, peress li, fir-Renju Unit, l-awtoritajiet ġudizzjarji għandhom kompetenza f’dan il-qasam. Għaldaqstant id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma setgħetx tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kunsill fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

257    Il-Kunsill jikkontesta dan l-argument.

258    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, in-natura amministrattiva u mhux ġudizzjarja ta’ deċiżjoni ma hijiex determinanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għaliex il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi espliċitament li awtorità mhux ġudizzjarja tista’ tiġi kklassifikata bħala awtorità kompetenti fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punti 144 u 145, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 105).

259    Anki jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 jinkludi preferenza għad-deċiżjonijiet minn awtoritajiet ġudizzjarji, bl-ebda mod ma jeskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ deċiżjonijiet minn awtoritajiet amministrattivi, meta, minn naħa, dawn l-awtoritajiet huma effettivament investiti, fid-dritt nazzjonali, bil-kompetenza li jadottaw deċiżjonijiet restrittivi kontra gruppi involuti fit-terroriżmu u, min-naħa l-oħra, meta dawn l-awtoritajiet, għalkemm biss amministrattivi, jistgħu madankollu jitqiesu bħala “ekwivalenti” għall-awtoritajiet ġudizzjarji (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107).

260    Skont il-ġurisprudenza, dawn l-awtoritajiet amministrattivi għandhom jitqiesu bħala ekwivalenti għal awtoritajiet ġudizzjarji meta d-deċiżjonijiet tagħhom huma suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja (sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 145).

261    Konsegwentement, il-fatt li l-qrati tal-Istat ikkonċernat ikollhom kompetenzi fil-qasam tar-repressjoni tat-terroriżmu ma jostakolax li l-Kunsill jieħu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet mogħtija mill-awtorità amministrattiva inkarigata mill-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fil-qasam tat-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 108).

262    F’dan il-każ, mill-informazzjoni pprovduta mill-Kunsill jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu suġġetti għal appell quddiem il-Proscribed Organisations Appeal Commission (il-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti, ir-Renju Unit), li għandha tiddeċiedi billi tapplika l-prinċipji li jirregolaw l-istħarriġ ġudizzjarju, u li kull parti tista’ tressaq appell mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Appell dwar l-Organizzazzjonijiet Ipprojbiti fuq punt ta’ liġi quddiem qorti tal-appell jekk hija takkwista l-awtorizzazzjoni ta’ din il-kummissjoni jew, fin-nuqqas, tal-qorti tal-appell (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 2).

263    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jidher li d-deċiżjonijiet tal-Home Secretary jistgħu jkunu suġġetti għal azzjoni ġudizzjarja u għalhekk, skont il-ġurisprudenza esposta fil-punti 259 u 260 iktar ’il fuq, din l-awtorità amministrattiva għandha titqies bħala l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja u, għaldaqstant, bħala awtorità kompetenti, kif isostni l-Kunsill, fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 konformement mal-ġurisprudenza li diġà ddeċidiet f’dan is-sens f’diversi okkażjonijiet (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il-Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, u tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885).

264    Ir-rikorrenti tirrikonoxxi li, f’diversi sentenzi, il-Qorti Ġenerali ammettiet li l-Home Secretary kien jippreżenta l-kwalità ta’ awtorità kompetenti, imma ssostni li, f’dawk il-kawżi, id-deċiżjonijiet tiegħu kienu magħquda ma’ deċiżjoni ġudizzjarja, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

265    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, konformement ma’ dak li sssostni r-rikorrenti, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet amministrattivi inkwistjoni ma kinux akkumpanjati, f’ebda waħda mis-sentenzi li jikkonċernaw l-atti bbażati fuq deċiżjoni tal-Home Secretary, minn deċiżjoni ġudizzjarja. B’hekk, din id-deċiżjoni kienet nieqsa fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 107). F’dik li wasslet għas-sentenza tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill (T‑256/07, EU:T:2008:461), il-Qorti Ġenerali rreferiet għal deċiżjoni ġudizzjarja minbarra għad-deċiżjoni amministrattiva. Madankollu, din ir-referenza seħħet f’kuntest ferm partikolari fejn id-deċiżjoni amministrattiva kienet ġiet ikkontestata fuq livell nazzjonali mir-rikorrenti, li ma huwiex il-każ f’dan il-każ.

266    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 ma jistgħux jiġu annullati għar-raġuni li, fl-espożizzjoni tal-motivi tagħhom, il-Kunsill irrefera għal deċiżjoni tal-Home Secretary, li jikkostitwixxi awtorità amministrattiva.

2)      Fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Home Secretary tikkonsisti f’lista ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi

267    Barra minn hekk, ir-rikorrenti targumenta li l-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, fosthom il-Home Secretary, tikkonsisti, fil-prattika, fl-istabbiliment ta’ listi ta’ organizzazzjonijiet terroristiċi sabiex jimponu sistema ristrettiva fuqhom. Din l-attività ta’ stabbiliment ta’ listi ma tikkostitwixxix kompetenza kriminali simili għal “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni [ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali]” jew anki għal “kundanna”, sabiex jiġu ċċitati l-poteri li, skont il-kliem tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, għandha tgawdi l-“awtorità kompetenti”.

268    Il-Kunsill jikkontesta dan l-argument.

269    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-ġurisprudenza, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tirrikjedix li d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tidħol fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali stricto sensu, sakemm, fid-dawl tal-għanijiet imfittxija mill-Pożizzjoni Komuni 2001/931 fil-kuntest tal-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, il-proċedura nazzjonali inkwistjoni jkollha bħala għan il-ġlieda kontra t-terroriżmu fis-sens wiesa’ (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 113).

270    F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-protezzjoni tal-persuni ma kinitx ippreġudikata jekk id-deċiżjoni meħuda mill-awtorità nazzjonali ma kinitx tifforma parti minn proċedura intiża sabiex timponi sanzjonijiet kriminali, iżda minn proċedura li jkollha bħala għan miżuri ta’ natura preventiva (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 70).

271    Fl-istess linja, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li deċiżjoni ta’ “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni [ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali]” għandha, sabiex tkun tista’ tiġi invokata mill-Kunsill b’mod validu, tkun tifforma parti minn proċedura nazzjonali intiża direttament u prinċipalment sabiex timponi miżura ta’ natura preventiva jew punittiva kontra l-parti kkonċernata bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu u minħabba l-involviment tagħha fih (sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Sison vs Il‑Kunsill, T‑341/07, EU:T:2009:372, punt 111).

272    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary tipprovdi miżuri ta’ projbizzjoni kontra l-organizzazzjonijiet meqjusa bħala terroristiċi.

273    Deċiżjoni bħal din ma tikkostitwixxix fil-veru sens tal-kelma deċiżjoni ta’ “bidu għall-investigazzjonijiet jew il-prosekuzzjoni [ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali] għall-att terroristiku” jew ta’ “kundanna għal dawn l-atti” fis-sens strett kriminali tat-terminu, iżda twassal għall-projbizzjoni tar-rikorrenti fir-Renju Unit u tidħol, għaldaqstant, kif tirrikjedi l-ġurisprudenza, fi proċedura nazzjonali intiża sabiex timponi miżuri ta’ natura preventiva jew punittiva kontra r-rikorrenti, bħala parti mill-ġlieda kontra t-terroriżmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 115).

274    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li l-attività tal-awtorità inkwistjoni wasslet għall-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, għandu jiġi enfasizzat li dan ma jimplikax, fih innifsu, li din l-awtorità ma wettqitx evalwazzjoni individwali fir-rigward ta’ kull waħda minn dawn il-persuni jew entitajiet qabel l-inklużjoni tagħhom f’dawn il-listi, u lanqas li din l-evalwazzjoni hija neċessarjament waħda arbitrarja jew infondata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

275    Għalhekk, il-kwistjoni ma tirrigwardax wisq jekk l-attività tal-awtorità inkwistjoni twassalx għall-istabbiliment ta’ lista ta’ persuni jew ta’ entitajiet involuti fit-terroriżmu, iżda pjuttost jekk din l-attività hijiex eżerċitata b’garanziji suffiċjenti sabiex jippermettu lill-Kunsill jibbaża ruħu fuqha għad-deċiżjoni tiegħu ta’ inklużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 118).

276    Konsegwentement, ir-rikorrenti ma hijiex korretta meta tgħid li l-ammissjoni li s-setgħa ta’ stabbiliment ta’ lista tista’ tikkaratterizza awtorità kompetenti tikkontradixxi, bħala prinċipju, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

277    Din il-pożizzjoni ma hijiex imdgħajfa bl-argumenti l-oħra mressqa mir-rikorrenti.

278    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, huma biss il-listi stabbiliti mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kunsill.

279    Dan l-argument ma jistax jiġi ammess, billi l-għan tal-aħħar sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 huwa biss li l-Kunsill jingħata l-possibbiltà ta’ deżinjazzjoni addizzjonali, flimkien mad-deżinjazzjonijiet li huwa jista’ jagħmel abbażi ta’ deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti.

280    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn hija tirriproduċi l-listi proposti mill-awtoritajiet kompetenti, il-lista tal-Unjoni tista’ tiġi deskritta bħala lista ta’ listi, u b’hekk testendi fir-rigward tagħha l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri amministrattivi nazzjonali adottati, jekk ikun il-każ, mill-awtoritajiet ta’ Stati terzi, mingħajr ma l-persuni inkwistjoni jkunu informati u mingħajr ma huma jkunu f’qagħda li jiddefendu ruħhom b’mod effettiv.

281    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tindika r-rikorrenti, meta huwa jidentifika l-persuni jew l-entitajiet li għandhom jiġu suġġetti għall-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq il-konstatazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti.

282    Fil-kuntest tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, ġiet stabbilita forma ta’ kooperazzjoni speċifika bejn l-awtoritajiet tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet Ewropej, li, għall-Kunsill, ħolqot l-obbligu li jirrimetti ruħu sa fejn possibbli għall-evalwazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (ara s-sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

283    Bħala prinċipju, ma għandux ikun il-Kunsill li jiddeċiedi fuq ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-awtoritajiet tal-Istati Membri, billi din is-setgħa tappartjeni lill-qrati nazzjonali kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2007, Sison vs Il‑Kunsill, T‑47/03, mhux ippubblikata, EU:T:2007:207, punt 168).

284    Huwa biss eċċezzjonalment, meta r-rikorrenti tikkontesta, abbażi ta’ elementi konkreti, li l-awtoritajiet tal-Istati Membri rrispettaw id-drittijiet fundamentali li l-Qorti Ġenerali għandha tivverifika jekk dawn ġewx effettivament irrispettati.

285    Min-naħa l-oħra, meta huma involuti awtoritajiet ta’ Stati terzi, il-Kunsill huwa obbligat, kif ġie nnotat fil-punti 246 u 247 iktar ’il fuq, li huwa għandu jiżgura ex ufficio li dawn il-garanziji ġew effettivament implimentati u jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt.

3)      Fuq l-assenza ta’ indikazzjoni ta’ provi u ta’ indizji serji u kredibbli li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-Home Secretary

286    Ir-rikorrenti tqis li, meta bbaża ruħu fuq deċiżjoni amministrattiva u mhux fuq deċiżjoni ġudizzjarja, il-Kunsill kellu jistabbilixxi, fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, li din id-deċiżjoni kienet ibbażata “fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet [fuq provi u indizji serji u kredibbli]”, kif jeżiġi l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

287    Billi ma jikkonċernax il-klassifikazzjoni ta’ “deċiżjoni meħuda minn awtoritajiet kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li huwa s-suġġett ta’ dan il-motiv, iżda l-motivazzjoni tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv, li fih huwa wkoll invokat.

d)      Konklużjoni

288    Mill-punti 246 sa 252 iktar ’il fuq, jidher li d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti ma setgħux iservu ta’ bażi għall-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, u għalhekk il-Kunsill naqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni għal dak li jikkonċerna l-verifika tal-osservanza tal-prinċipju ta’ drittijiet tad-difiża u ta’ dak ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva fl-Istati Uniti.

289    Barra minn hekk, mill-punti 234 sa 236 iktar ’il fuq jirriżulta li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti msemmija f’dan il-motiv jikkonċernaw lill-Hamas fl-intier tagħha, filwaqt li d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit issemmi biss lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

290    Skont ir-rikorrenti, din iċ-ċirkustanza timplika li l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 għandhom jiġu annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lill-Hamas u jistgħu jibqgħu jeżistu biss sa fejn dawn jolqtu lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

291    Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iqis li ma tista’ ssir l-ebda distinzjoni bejn dawn iż-żewġ “movimenti” jew “partijiet ta’ moviment”, billi, fir-rikors, ir-rikorrenti kienet ippreżentat l-organizzazzjoni bħala li tinkludi t-tnejn li huma.

292    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont il-punti 7 u 8 tar-rikors:

“il-Hamas tinkludi Bureau Politiku u fergħa militari: il-Brigati Ezzedine Al-Qassam. […] ‘Minkejja li l-fergħa militari tgawdi minn ammont ta’ indipendenza, hija tibqa’ suġġetta għall-istrateġiji ġenerali mfassla mill-Bureau Politiku’. Il-Bureau Politiku jieħu d-deċiżjonijiet, u l-Brigati josservawhom grazzi għas-solidarjetà b’saħħitha kkreata mill-komponent reliġjuż tal-moviment.”

293    Din il-preżentazzjoni għandha saħħa probatorja sinjifikattiva, għaliex, minn naħa, kif isostni l-Kunsill, toriġina mir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, hija qegħditha qabel l-argument tagħha fil-kuntest tar-rikors.

294    Fil-bqija tan-noti tagħha, ir-rikorrenti spjegat li, fil-verità, iż-żewġ “movimenti” jew “partijiet ta’ moviment” ma jistgħux jiġu konfużi, lanqas assoċjati, għaliex huma jiffunzjonaw b’mod kompletament awtonomu.

295    Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lir-rikorrenti tipprovdi provi tal-istqarrijiet tagħha, iżda din tal-aħħar ma pprovdiet l-ebda dokument f’dan ir-rigward.

296    F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex jiġu ddeterminati l-effetti tat-tweġiba li għandha tingħata għall-ewwel motiv fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, ma jistax jitqies li l-Hamas-Izz al-Din al-Qassem hija organizzazzjoni distinta mill-Hamas (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2015, National Iranian Gas Company vs Il‑Kunsill, T‑9/13, EU:T:2015:236, punti 163 u 164, u Bank of Industry and Mine vs Il‑Kunsill, T‑10/13, EU:T:2015:235, punti 182, 183 u 185).

297    Dan japplika iktar u iktar għaliex, filwaqt li l-miżuri ta’ ffriżar ta’ fondi kienu ilhom jittieħdu fil-konfront tagħha għal diversi snin, il-Hamas ma ppruvatx turi lill-Kunsill li hija ma kinitx involuta fl-atti li wasslu għall-adozzjoni tal-miżuri billi tiddisassoċja ruħha, b’mod li jneħħi kull eżitazzjoni, mill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem li, skont hi, kienet l-unika waħda responsabbli.

298    Għaldaqstant dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq is-sitt motiv u t-tieni motiv, sa fejn dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

299    Mill-punti 19 sa 24 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ibbaża ż-żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011, ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2012, ta’ Lulju 2013, kif ukoll ta’ Frar u ta’ Lulju 2014 (iktar ’il quddiem il-“Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014”), minn naħa, fuq iż-żamma fis-seħħ ta’ deċiżjonijiet ikklassifikati bħala deċiżjonijiet ta’ awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u, min-naħa l-oħra, fuq l-evalwazzjonijiet tiegħu dwar sensiela ta’ inċidenti imputati lir-rikorrenti u kklassifikati bħala atti ta’ terroriżmu fis-sens tal-Artikolu 1(3) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

300    Il-Qorti Ġenerali ser teżamina l-kritiki dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni relatati, minn naħa, mad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti u, min-naħa l-oħra, mal-fatti sussegwenti invokati mill-Kunsill.

a)      Fuq id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti

301    Kif diġà indikat fil-punt 286 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ssostni li, fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, il-Kunsill kellu jindika “il-provi u l-indizji serji u kredibbli” li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

302    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, iqis li dan l-argument huwa infondat.

303    Fid-dawl tal-punt 253 iktar ’il fuq, dan il-motiv għandu jiġi eżaminat biss għal dak li jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

304    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-listi ta’ ffriżar ta’ fondi għandhom jiġu stabbiliti abbażi ta’ informazzjoni preċiża jew ta’ elementi tal-fajl li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fir-rigward tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati, irrispettivament minn jekk tirrigwardax il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali għal att terroristiku, it-tentattiv ta’ twettiq, parteċipazzjoni fi jew iffaċilitar ta’ tali att, ibbażati “fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet [fuq provi u indizji serji u kredibbli]”, jew il-kundanna għal dawn l-atti.

305    Mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li r-rekwiżit li d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu bbażati “fuq xhieda serja u kredibbli jew indikazzjonijiet [fuq provi u indizji serji u kredibbli]” jikkonċerna d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali, iżda ma huwiex applikabbli għad-deċiżjonijiet li jinvolvu kundanna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 64).

306    Fid-deċiżjonijiet li jirrigwardaw il-ftuħ ta’ investigazzjonijiet jew ta’ proċeduri kriminali, dan ir-rekwiżit jipproteġi lill-persuni kkonċernati billi jiżgura li l-inklużjoni ta’ isimhom fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi tkun seħħet fuq bażi fattwali suffiċjentement solida (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il‑Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punt 68), filwaqt li, fid-deċiżjonijiet ta’ kundanna, dan ir-rekwiżit ma għandux jibqa’ applikabbli, għaliex l-elementi miġbura preċedentement matul l-investigazzjoni jew il-proċeduri kriminali kellhom bħala prinċipju jkunu s-suġġett ta’ eżami fid-dettall.

307    F’dan il-każ, id-deċiżjoni tal-Home Secretary hija definittiva fis-sens li hija ma għandhiex tiġi segwita minn investigazzjoni. Barra minn hekk, kif jirriżulta mit-tweġiba li ngħatat mill-Kunsill għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, hija għandha l-għan li tipprojbixxi lir-rikorrenti fir-Renju Unit, b’konsegwenzi kriminali għall-persuni li jkollhom, mill-qrib jew mill-bogħod, rabta magħha.

308    F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-deċiżjoni tal-Home Secretary ma tikkostitwixxix deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ investigazzjoni jew ta’ proċeduri kriminali u għandha tiġi assimilata ma’ deċiżjoni ta’ kundanna b’mod li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill ma kellux jindika, fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, il-provi u l-indizji serji li jifformaw il-bażi tad-deċiżjoni li toriġina minn din l-awtorità.

309    F’dan ir-rigward, il-fatt li l-Home Secretary jikkostitwixxi awtorità amministrattiva huwa irrilevanti, għaliex, kif jirriżulta mill-punti 262 u 263 iktar ’il fuq, dawn id-deċiżjonijiet jistgħu jkunu s-suġġett ta’ azzjoni ġudizzjarja u li, għaldaqstant, huwa għandu jitqies bħala l-ekwivalenti ta’ awtorità ġudizzjarja.

b)      Fuq il-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill

310    Fil-kuntest tat-tieni motiv tagħha, ir-rikorrenti targumenta li l-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 huma wisq impreċiżi sabiex iservu ta’ bażi għal deċiżjoni ta’ żamma, billi wħud fosthom ma humiex iddatati, ma humiex lokalizzati jew ma kinux imputati lilha.

311    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, fil-punt 32 tas-sentenza mogħija fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, f’ċerti sitwazzjonijiet, fid-dawl taż-żmien li għadda u taċ-ċirkustanzi tal-każ, is-sempliċi fatt li tibqa’ fis-seħħ id-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ma jippermettix iktar li jiġi konkluż li ppersista r-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata f’attivitajiet terroristiċi.

312    F’dan l-istess punt tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat li, f’dawn is-sitwazzjonijiet, il-Kunsill huwa obbligat li jibbaża ż-żamma tal-isem ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi fuq evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni, filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali iktar reċenti li juru li l-imsemmi riskju għadu jeżisti.

313    Il-Qorti tal-Ġustizzja qieset ukoll, fil-punt 33 tas-sentenza mogħtija fl-appell, li, f’dan il-każ, kien laħaq iddekorra żmien twil bejn, minn naħa, l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet nazzjonali li servew bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-isem tar-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u din l-inklużjoni inizjali, li jmorru lura għas-sena 2001, u, min-naħa l-oħra, l-adozzjoni tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

314    Għaldaqstant, hija qieset li l-Kunsill kien obbligat li jibbaża ż-żamma tal-isem tar-rikorrenti f’dawn il-listi fuq elementi iktar reċenti, li juru li kien għadu jeżisti r-riskju ta’ involviment ta’ din l-entità f’attivitajiet terroristiċi, liema elementi setgħu jkunu bbażati fuq sorsi oħra li ma humiex id-deċiżjonijiet nazzjonali adottati mill-awtoritajiet kompetenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza mogħtija fl-appell, punt 33 u punti 35 sa 50; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punti 55 u 57 sa 72).

315    Fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, sabiex iddeċieda dwar iż-żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi, kif ukoll dwar iż-żamma tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istati Uniti u tar-Renju Unit, il-Kunsill invoka l-fatti li ġejjin:

–        “mill-1988, il-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem) regolarment wettqet u rrikonoxxiet responsabbiltà għal attentati kontra miri Iżraeljani, b’mod partikolari ħtif ta’ persuni, attakki bi skieken u b’armi tan-nar kontra persuni ċivili, kif ukoll attentati suwiċida b’bomba fit-trasport pubbliku u f’postijiet pubbliċi. Il-Hamas organizzat attentati kemm fuq in-naħa Iżraeljana tal-‘Linja l-Ħadra’ kif ukoll fit-territorji okkupati” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fil‑21 ta’ Settembru 2005, ċellola tal-Hamas ħatfet u wara qatlet Iżraeljan. F’reġistrazzjoni vidjo, il-Hamas iddikjarat li ħatfet lil dan ir-raġel sabiex tipprova tinnegozja l-liberazzjoni ta’ priġunieri Palestinjani miżmuma mill-Iżrael” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “militanti tal-Hamas ħadu sehem fl-isparar ta’ rokits immirati lejn in-Nofsinhar tal-Iżrael mill-Istrixxa ta’ Gaza” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fil-passat, sabiex twettaq attentati kontra persuni ċivili fl-Iżrael, il-Hamas irreklutat kamikażi billi offriet għajnuna lill-familja tagħhom” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “f’Ġunju 2006, il-Hamas (inkluż il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem) kienet involuta fl-operazzjoni li wasslet għall-ħtif tas-suldat Iżraeljan Gilad Shalit, li għadu miżmum bħala ostaġġ” (Atti ta’ Lulju 2011). “Fit‑18 ta’ Ottubru 2011, dan inħeles mill-Hamas, wara li nżamm għal ħames snin, fil-kuntest ta’ skambju ta’ priġunieri mal-Iżrael” (Atti ta’ Diċembru 2011 sa Lulju 2014);

–        “fl‑20 ta’ Awwissu 2011, il-Hamas irrikonoxxiet responsabbiltà għall-isparar ta’ rokits fin-Nofsinhar tal-Iżrael li weġġa’ żewġ persuni fost il-popolazzjoni Iżraeljana” (Atti ta’ Diċembru 2011 sa Lulju 2014);

–        “fis‑7 ta’ April 2011, attakk b’rokit imwettaq mill-Hamas kontra xarabank tal-iskola qatel persuna ċivili” (Atti ta’ Diċembru 2011 sa Lulju 2014);

–        “fit‑2 ta’ Settembru 2010, saret sparatura fuq vettura li weġġgħet żewġ Iżraeljani” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fil‑31 ta’ Awwissu 2010, inqatlu erba’ settlers Iżraeljani minn abitanti ta’ Hebron” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fl‑14 ta’ Ġunju 2010, attakk minn ċellola li kienet issuspettata li hija tal-Hamas qatel pulizija u weġġa’ tnejn oħra fl-għoljiet tan-Nofsinhar ta’ Hebron” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fis‑26 ta’ Marzu 2010, żewġ suldati Iżraeljani nqatlu fl-Istrixxa ta’ Gaza” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014);

–        “fil‑5 ta’ Jannar 2010, gwardja tal-fruntiera Eġizzjana nqatel wara ġlied armat fit-Tramuntana tas-Sinai” (Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014).

316    Fir-rigward ta’ dawn il-fatti, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika, b’mod partikolari, l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE u, għaldaqstant, in-natura suffiċjentement preċiża u konkreta tar-raġunijiet invokati (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u fl-appell, punt 48).

317    Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament segwit mill-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuna kkonċernata li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet tal-miżuri meħuda u lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

318    Ma huwiex rikjest li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn in-natura suffiċjenti ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 53, u tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

319    B’mod partikolari, att li jikkawża preġudizzju għandu jkun suffiċjentement motivat meta dan ikun seħħ f’kuntest magħruf mill-persuna kkonċernata, li jippermettilha tifhem il-portata tal-miżura meħuda fil-konfront tagħha (sentenzi tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 54, u tal‑14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, T‑390/08, EU:T:2009:401, punt 82).

320    F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li dawn seħħew f’kuntest magħruf, għandu jitqies li l-fatti li jissemmew mill-Kunsill fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 huma deskritti b’mod suffiċjentement preċiż u konkret sabiex jiġu kkontestati mir-rikorrenti u mistħarrġa mill-Qorti Ġenerali, għalkemm il-post eżatt fejn seħħew ma kienx indikat.

321    Barra minn hekk, ir-rabta bejn dawn il-fatti u l-Hamas jew il-Hamas-Izz al-Din al-Qassem tista’ titqies bħala stabbilita, peress li mill-kliem li jippreċedi l-enumerazzjoni tagħhom jirriżulta li dawn għandhom jiġu attribwiti lill-“Hamas (inkluż Hamas-Izz al-Din al-Qassem)”.

322    L-uniċi eċċezzjonijiet għal din il-konstatazzjoni huma l-fatti li jissemmew fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ lok fil-punt 315 iktar ’il fuq li ma humiex iddatati b’mod li r-rikorrenti diffiċilment setgħet tikkontestahom u l-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ rikjest mill-Qorti tal-Ġustizzja, billi d-data tikkostitwixxi element essenzjali għall-identifikazzjoni ta’ azzjonijiet iddeterminati.

323    Madankollu, il-fatti l-oħra barra dawk li jissemmew fl-ewwel, fit-tielet u fir-raba’ lok fil-punt 315 iktar ’il fuq jipprovdu motivazzjoni awtonoma u suffiċjenti tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

324    Għalkemm, fost dawn il-fatti, dawk tal‑2005 u 2006 jistgħu jitqiesu bħala pjuttost qodma, mhux l-istess jgħodd għall-fatti tal‑2010 li jissemmew fl-Atti ta’ Lulju 2011 u għall-fatti tal‑2010 u tal‑2011 li jissemmew fl-Atti ta’ Diċembru 2011 sa Lulju 2014.

325    Konsegwentement, is-sitt motiv u t-tieni motiv, sa fejn ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3.      Fuq it-tieni motiv, sa fejn ibbażat fuq żball fuq il-materjalità tal-fatti

326    Fin-nota supplimentari, ir-rikorrenti tesponi li għandu jkun il-Kunsill li jipprova l-materjalità tal-fatti li jissemmew fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 u li huma enumerati fil-punt 315 iktar ’il fuq. Issa, din il-prova ma ġietx prodotta f’dan il-każ. Ċerti azzjonijiet ġew attribwiti lill-militanti tal-Hamas, mingħajr ma huwa magħruf kif dan l-istatus ġie stabbilit. Barra minn hekk, dawn il-fatti ma jippermettux li jittieħdu miżuri restrittivi fil-konfront tagħha.

327    B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt tal‑5 ta’ Jannar 2010 għar-raġuni li l-Hamas intervjeniet biss sabiex iżżomm l-ordni wara l-mewt tal-uffiċjal u l-fatt tal‑14 ta’ Ġunju 2010, li ġie imputat lil ċellola “ssuspettata” tal-Hamas, għar-raġuni li din il-preżunzjoni hija insuffiċjenti.

328    Fis-seduta, l-avukat tar-rikorrenti stqarr li l-Hamas tikkontesta l-fatti kollha li ssemmew mill-Kunsill fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 u riprodotti fil-punt 315 iktar ’il fuq.

329    Bi tweġiba għal mistoqsija li saret mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kunsill ipprovda diversi artikoli u pubblikazzjonijiet intiżi sabiex juru r-realtà tal-fatti msemmija fil-punt 315 iktar ’il fuq u l-imputazzjoni tagħhom lill-Hamas jew lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem.

330    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għad-deċiżjonijiet sussegwenti ta’ ffriżar ta’ fondi, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-qorti tal-Unjoni hija obbligata tivverifika, minbarra l-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni, liema kwistjoni ġiet indirizzata fil-motiv preċedenti, il-kwistjoni dwar jekk dawn il-motivi humiex sostnuti (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 70, u fl-appell, punt 48).

331    Il-Qorti tal-Ġustizzja tqis ukoll li l-persuna jew l-entità kkonċernata tista’, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat kontra ż-żamma ta’ isimha fil-Listi kontenzjużi, tikkontesta l-elementi kollha li fuqhom il-Kunsill ibbaża ruħu sabiex juri l-persistenza tar-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi, irrispettivament mill-kwistjoni dwar jekk dawn l-elementi humiex ibbażati fuq deċiżjoni nazzjonali adottata minn awtorità kompetenti jew fuq sorsi oħra (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u fl-appell, punt 49).

332    Il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li, f’każ ta’ kontestazzjoni, għandu jkun il-Kunsill li jistabbilixxi l-fondatezza tal-fatti allegati u li għandha tkun il-qorti tal-Unjoni li tivverifika l-eżattezza materjali tagħhom (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 71, u fl-appell, punt 49).

333    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, meta tikkontesta l-provi prodotti minn parti, il-parti l-oħra għandha tissodisfa żewġ rekwiżiti kumulattivi.

334    Fl-ewwel lok, il-kontestazzjonijiet tagħha ma jistgħux ikollhom natura ġenerika, iżda għandu jkollhom natura konkreta u ddettaljata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Duravit et vs Il‑Kummissjoni, T‑364/10, mhux ippubblikata, EU:T:2013:477, punt 55).

335    Fit-tieni lok, il-kontestazzjonijiet rigward il-materjalità tal-fatti għandhom jinsabu b’mod ċar fl-ewwel att proċedurali dwar l-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ April 2015, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, T‑190/12, EU:T:2015:222, punt 261). Dan jimplika, f’dan il-każ, li huma biss il-kontestazzjonijiet li jidhru fin-nota supplimentari u fin-noti ta’ adattament sussegwenti li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Dawn in-noti jikkostitwixxu, fil-fatt, l-ewwel atti proċedurali li fihom ir-rikorrenti ddikjarat il-motivi tagħha kontra l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

336    F’dan il-każ, fost il-fatti msemmija fil-punt 315 iktar ’il fuq, huma biss il-fatti tal‑5 ta’ Jannar u tal‑14 ta’ Ġunju 2010 li jifformaw is-suġġett, min-naħa tar-rikorrenti, ta’ kritika li tissodisfa dawn iż-żewġ rekwiżiti.

337    Madankollu, dawn il-kontestazzjonijiet huma ineffettivi, għaliex, anki jekk jiġi preżunt li huma fondati, l-atti l-oħra msemmija mill-Kunsill fl-Atti ta’ Lulju 2010 sa Lulju 2014 huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw in-natura persistenti tar-riskju ta’ parteċipazzjoni tar-rikorrenti f’attivitajiet terroristiċi. Dan jgħodd ukoll, b’mod partikolari, għall-fatti enumerati fil-punt 315 iktar ’il fuq, li huma ddatati s‑26 ta’ Marzu 2010, il‑31 ta’ Awwissu 2010, is‑7 ta’ April 2011 u l‑20 ta’ Awwissu 2011.

338    Barra minn hekk, dawn il-fatti huma suffiċjentement reċenti sabiex jiġġustifikaw l-atti adottati bejn Lulju 2011 u Lulju 2014.

339    Fir-rigward taċ-ċirkustanza li dawn ma humiex imputati b’mod ċar lill-Hamas jew lill-Hamas-Izz al-Din al-Qassem, l-argument huwa wkoll ineffettiv, għaliex, kif jirriżulta mill-punti 292 sa 297 iktar ’il fuq, dawn iż-żewġ entitajiet għandhom jitqiesu, f’dan l-istadju, li jikkostitwixxu l-istess organizzazzjoni għall-applikazzjoni tar-regoli dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu.

340    It-tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq żball fuq il-materjalità tal-fatti, għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

4.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-iżball ta’ evalwazzjoni dwar in-natura terroristika tar-rikorrenti

341    Ir-rikorrenti tqis li, meta adotta l-Atti ta’ Lulju 2011 sa 2014, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni dwar il-klassifikazzjoni tagħha bħala organizzazzjoni terroristika. Hija tgħid li l-kompetenza tal-Qorti Ġenerali testendi għall-verifika tal-klassifikazzjoni mogħtija mill-Kunsill għall-fatti li huwa jinvoka bħala atti ta’ terroriżmu u dan l-istħarriġ għandu jitwettaq kemm għall-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill kif ukoll għall-fatti invokati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

a)      F’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti

342    Għall-fatti invokati fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti, il-Qorti Ġenerali għandha, skont ir-rikorrenti, tivverifika li l-klassifikazzjoni mwettqa hija bbażata fuq id-definizzjoni tat-terroriżmu li tidher fil-Pożizzjoni Komuni 2001/931. F’dan il-każ, dan l-istħarriġ ma jistax jiġi effettwat, minħabba n-nuqqas, min-naħa tal-Kunsill, li jipprovdi informazzjoni fuq dan il-punt.

343    Minħabba t-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv, din il-parti ma għandhiex tiġi eżaminata sa fejn tikkonċerna d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

344    Peress li, bi tweġiba għall-ewwel u għas-sitt motiv, ġie deċiż li l-provi u l-indizji li fuqhom hija bbażata din id-deċiżjoni ma għandhomx jiġu indikati fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, ma jistax jintalab mingħand il-Kunsill li huwa jivverifika l-klassifikazzjoni tal-fatti mwettqa mill-awtorità nazzjonali u li jindika, f’dawn l-atti, ir-riżultat ta’ din il-klassifikazzjoni.

345    F’dan il-każ, dan jgħodd iktar u iktar peress li d-deċiżjoni toriġina minn Stat Membru li għalih l-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 2580/2001 stabbilixxew forma ta’ kooperazzjoni speċifika mal-Kunsill, li toħloq, għal din l-istituzzjoni, l-obbligu li jirrimetti ruħu sa fejn possibbli għall-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tat‑23 ta’ Ottubru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑256/07, EU:T:2008:461, punt 133, u tal‑4 ta’ Diċembru 2008, People’s Mojahedin Organization of Iran vs Il‑Kunsill, T‑284/08, EU:T:2008:550, punt 53).

b)      F’dak li jikkonċerna l-fatti invokati b’mod awtonomu mill-Kunsill

346    Fl-espożizzjoni tal-motivi tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, il-Kunsill ikklassifika l-fatti msemmija fil-punt 315 iktar ’il fuq bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Artikolu 1(3)(iii)(a), (b), (ċ), (d), (f) u (g) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-Pożizzjoni Komuni.

347    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tqis li din il-klassifikazzjoni hija ġenerali u impreċiża wisq.

348    Dan l-argument ma jistax jiġi milqugħ, għaliex, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ikkonċernati, din il-motivazzjoni, għalkemm qasira, hija suffiċjentement ċara sabiex tippermetti lir-rikorrenti tifhem ir-raġunijiet li għalihom l-inklużjoni ta’ isimha inżammet fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 u tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-klassifika, kif effettivament għamlet fil-kumplament ta’ dan il-motiv.

349    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill wettaq żball meta kklassifika l-fatti kkonċernati bħala atti terroristiċi. Qabelxejn, il-fatt li l-atti inkwistjoni lkoll seħħew fil-kuntest tal-gwerra ta’ okkupazzjoni mmexxija mill-Iżrael fil-Palestina kellu jwassal lill-Kunsill sabiex ma jadottax din il-klassifikazzjoni fir-rigward tagħha. Imbagħad, anki jekk dawn il-fatti jiġi stabbiliti, ma jirriżultax li dawn twettqu bl-għanijiet iċċitati mill-Kunsill u msemmija fl-Artikolu 1(3)(i), (ii) u (iii) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

350    Dawn iż-żewġ argumenti jirreferu għall-kwistjoni dwar jekk il-Kunsill għandux jieħu inkunsiderazzjoni, fil-klassifikazzjoni tal-fatti msemmija fil-punt 315 iktar ’il fuq, iċ-ċirkustanza li l-kunflitt Iżraeli-Palestinjan jaqa’ fl-ambitu ta’ kunflitt armat.

351    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-eżistenza ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali ma teskludix l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiżi għall-prevenzjoni tat-terroriżmu għall-eventwali atti ta’ terroriżmu mwettqa f’dan il-kuntest, bħall-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u r-Regolament Nru 2580/2001 (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 57; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2017, A et, C‑158/14, EU:C:2017:202, punti 95 sa 98).

352    Fil-fatt, minn naħa, il-Pożizzjoni Komuni 2001/931 ma tagħmel l-ebda distinzjoni dwar il-kamp ta’ applikazzjoni skont jekk l-att inkwistjoni twettaqx jew le fil-kuntest ta’ kunflitt armat fis-sens tad-dritt umanitarju internazzjonali. Min-naħa l-oħra, l-għanijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha huma l-ġlieda kontra t-terroriżmu, ikunu xi jkunu l-forom li dan jista’ jieħu, konformement mal-għanijiet tad-dritt internazzjonali fis-seħħ (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 58).

353    B’mod partikolari, huwa sabiex jimplimenta, fuq livell tal-Unjoni, ir-Riżoluzzjoni 1373 (2001) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (ara l-punt 1 iktar ’il fuq), li “tafferma mill-ġdid il-ħtieġa tal-ġlieda bil-mezzi kollha, skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, kontra t-theddid għall-paċi u għas-sigurtà internazzjonali kkawżat mill-atti ta’ terroriżmu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u “titlob lill-Istati Membri li jikkompletaw il-kooperazzjoni internazzjonali billi jieħdu l-miżuri supplimentari sabiex jipprevjenu u jrażżnu fuq it-territorju tagħhom, bil-mezzi kollha legali, il-finanzjament u l-preparazzjoni ta’ kwalunkwe att terroristiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li l-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-premessi 5 sa 7 ta’ din il-Pożizzjoni Komuni), imbagħad, konformement ma’ din il-Pożizzjoni Komuni, ir-Regolament Nru 2580/2001 (ara l-premessi 3, 5 u 6 ta’ dan ir-regolament) (sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 59).

354    Għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

5.      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq it-teħid inkunsiderazzjoni insuffiċjenti tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba l-iżvolġiment taż-żmien

355    Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill għaliex ma ħax inkunsiderazzjoni suffiċjentement fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, l-iżvilupp tas-sitwazzjoni minħabba l-iżvolġiment taż-żmien. Hija ssostni li l-Kunsill kellu jistudja d-deċiżjonijiet nazzjonali meħuda fil-kuntest tal-proċeduri ta’ eżami mill-ġdid, jivverifika jekk kinux ibbażati fuq provi jew indizji serji u kredibbli, u jekk il-fatti imputati kinux għadhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931.

356    Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija għall-ewwel motiv, hija biss id-deċiżjoni tal-Home Secretary li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni ta’ dan ir-raba’ motiv.

357    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE (C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 51), u fl-appell (punt 29), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-kuntest tal-eżami mill-ġdid taħt l-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, il-Kunsill jista’ jżomm l-isem tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi jekk huwa jikkonkludi li kompla jippersisti r-riskju tal-involviment tagħha f’attivitajiet terroristiċi li jkun iġġustifika l-inklużjoni inizjali tagħha f’dawn il-listi.

358    Fl-istess sentenzi, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li, fil-kuntest tal-verifika tal-persistenza tar-riskju ta’ involviment tal-persuna jew tal-entità kkonċernata fl-attivitajiet terroristiċi, l-eżitu sussegwenti tad-deċiżjoni nazzjonali li tkun serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali tal-isem ta’ din il-persuna jew ta’ din l-entità fil-lista kontenzjuża għandu debitament jittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari t-tħassir jew l-irtirar ta’ din id-deċiżjoni nazzjonali minħabba fatti jew elementi ġodda jew tibdil tal-evalwazzjoni tal-awtorità nazzjonali kompetenti (sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Il‑Kunsill vs LTTE, C‑599/14 P, EU:C:2017:583, punt 52, u fl-appell, punt 30).

359    F’dan il-każ, mill-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jirriżulta li l-Kunsill osserva l-parametri imposti mill-Qorti tal-Ġustizzja billi indika li d-deċiżjoni tal-Home Secretary kienet għadha fis-seħħ.

360    La jirriżulta mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja ċċitati fil-punti 357 u 358 iktar ’il fuq u lanqas mill-Artikolu 1(6) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 li l-Kunsill kellu jindika, fid-deċiżjonijiet ta’ ffriżar ta’ fondi, il-modalitajaiet tal-eżami mill-ġdid tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti.

361    Barra minn hekk, ladarba ġie deċiż li l-Kunsill ma kellux jindika, fid-deċiżjonijiet tiegħu, il-fatti li minnhom oriġinaw id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li jiġġustifikaw l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti (ara l-punti 304 sa 309 iktar ’il fuq), u lanqas jivverifika l-klassifikazzjoni tagħhom bħala atti terroristiċi fis-sens tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 (ara l-punti 344 u 345 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi obbligat jindika l-fatti li jservu ta’ bażi għad-deċiżjonijiet ta’ reviżjoni, u lanqas li jivverifika l-klassifikazzjoni.

362    Fl-aħħar nett, l-affermazzjoni taż-żamma fis-seħħ tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti kienet suffiċjenti sabiex tippermetti lir-rikorrenti li tikkontestaha u lill-qorti tal-Unjoni li teżerċita l-istħarriġ tagħha u għalhekk l-obbligu ta’ motivazzjoni ġie osservat.

363    F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kunsill ħa debitament inkunsiderazzjoni, fl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, l-eżitu sussegwenti tad-deċiżjoni nazzjonali li serviet bħala bażi għall-inklużjoni inizjali ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi u li dawn l-atti huma suffiċjentement immotivati fuq dan il-punt.

364    Ir-raba’ motiv għandu għaldaqstant jiġi miċħud bħala infondat.

6.      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil

365    Ir-rikorrenti targumenta li, meta adotta l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, il-Kunsill kiser il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li jirriżulta mill-Artikolu 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u li jikkostitwixxi prinċipju ta’ jus cogens, li jirriżulta mill-ugwaljanza sovrana tal-Istati fid-dritt internazzjonali, u li jipprojbixxi li Stat ikun jista’ jitqies bħala entità terroristika, l-istess bħall-Gvern ta’ Stat.

366    Issa, ir-rikorrenti ma hijiex sempliċi organizzazzjoni mhux governattiva, u inqas u inqas moviment informali, iżda moviment politiku legali li rebaħ l-elezzjonijiet fil-Palestina u li tifforma l-qalba tal-Gvern Palestinjan. Billi l-Hamas waslet sabiex tokkupa funzjonijiet li jeċċedu dawk ta’ partit politiku ordinarju, l-atti tagħha f’Gaza huma fil-verità simili għal dawk ta’ awtorità statali u ma jistgħux, minħabba f’hekk, jiġu kkundannati mill-perspettiva tal-miżuri antiterroristiċi. Minn fost il-persuni u l-entitajiet li ismijiethom huma inklużi fil-Listi kontenzjużi ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, ir-rikorrenti ser tkun l-unika waħda li tinsab f’din is-sitwazzjoni.

367    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnotat li l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil, li huwa prinċipju ta’ dritt internazzjonali konswetudinarju, imsejjaħ ukoll prinċipju ta’ nuqqas ta’ intervent, jinvolvi d-dritt ta’ kull Stat sovran li jwettaq l-affarijiet tiegħu mingħajr indħil barrani u jikkostitwixxi korollarju għall-prinċipju ta’ ugwaljanza sovrana tal-Istati.

368    Kif innota l-Kunsill, dan il-prinċipju tad-dritt internazzjonali huwa stabbilit favur Stati sovrani, u mhux favur gruppi jew movimenti (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ottubru 2014, LTTE vs Il‑Kunsill, T‑208/11 u T‑508/11, EU:T:2014:885, punt 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

369    Billi la tikkostitwixxi Stat u lanqas Gvern ta’ Stat, il-Hamas ma tistax tibbenefika mill-prinċipju ta’ nuqqas ta’ ndħil.

370    Għaldaqstant il-ħames motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

7.      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

371    Is-seba’ motiv huwa maqsum f’żewġ partijiet.

a)      Fuq l-ewwel parti

372    Fl-ewwel parti tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti targumenta, fil-każ li l-Qorti Ġenerali jkollha tqis, bi tweġiba għall-ewwel motiv, li l-proċeduri tal-Istati Uniti jipproteġu suffiċjentement id-drittijiet proċedurali u li l-Gvern tal-Istati Uniti jista’ għaldaqstant jitqies bħala awtorità kompetenti fis-sens tal-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931, li, f’dan il-każ, id-drittijiet tad-difiża u d-dritt tagħha għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva nkisru matul il-fażi Amerikana tal-proċedura, jiġifieri matul il-fażi li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti li jikkonċernawha. Għaldaqstant l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 għandhom jiġu annullati minħabba ksur tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti u ta’ dak ta’ dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva.

373    Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel parti tas-seba’ motiv billi din għandha natura sussidjarja fil-konfront tal-ewwel motiv li ġie milqugħ f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet tal-Istati Uniti.

b)      Fuq it-tieni parti

374    Fit-tieni parti tas-seba’ motiv, ir-rikorrenti ssostni li, għal żewġ raġunijiet, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża nkiser matul il-fażi Ewropea tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni, mill-Kunsill, tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014.

375    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kunsill talli ma bagħtilhiex il-provi u l-indizji serji li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti li fuqhom huwa bbaża ruħu.

376    Fid-dawl tat-tweġiba li ngħatat għall-ewwel motiv, dan l-argument għandu jiġi eżaminat biss sa fejn jikkonċerna d-deċiżjoni tal-Home Secretary.

377    Għalhekk, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk din id-deċiżjoni kellhiex tiġi kkomunikata mill-Kunsill lir-rikorrenti.

378    F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza, mill-Artikolu 1(4) tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931 u mill-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 296 TFUE jirriżulta li l-Kunsill għandu jindika, fl-atti tiegħu, l-informazzjoni preċiża u l-elementi tal-fajl li juru li ttieħdet deċiżjoni minn awtorità kompetenti fil-konfront tal-persuni kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2006, Organisation des Modjahedines du peuple d’Iran vs Il‑Kunsill, T‑228/02, EU:T:2006:384, punt 120).

379    Min-naħa l-oħra, ladarba tkun ġiet ikkomunikata informazzjoni preċiża biżżejjed, li permezz tagħha l-persuna kkonċernata setgħet tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha dwar l-elementi imputati kontriha mill-Kunsill, il-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża ma jimplikax li l-Kunsill huwa obbligat jagħti, b’mod spontanju, aċċess għad-dokumenti li jinsabu fil-fajl tiegħu.

380    Huwa biss meta ssir talba mill-parti kkonċernata li l-Kunsill huwa obbligat jagħti aċċess għad-dokumenti amministrattivi mhux kunfidenzjali kollha li jkunu jikkonċernaw il-miżura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Novembru 2011, Bank Melli Iran vs Il‑Kunsill, C‑548/09 P, EU:C:2011:735, punt 92; tal‑15 ta’ Novembru 2012, Il‑Kunsill vs Bamba, C‑417/11 P, EU:C:2012:718, punt 87; u tat‑28 ta’ Lulju 2016, Tomana et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑330/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2016:601, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

381    F’dan il-każ, fl-espożizzjonijiet tal-motivi kkomunikati lir-rikorrenti, il-Kunsill indika r-referenza għad-deċiżjoni tal-Home Secretary.

382    Għandu jiġi dedott minn din iċ-ċirkustanza li r-rikorrenti kellha informazzjoni suffiċjentement preċiża fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 378 iktar ’il fuq.

383    F’dawn iċ-ċirkustanzi, jekk hija xtaqet li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha d-deċiżjoni tal-Home Secretary, kellha tkun hi li, konformement ma’ din il-ġurisprudenza, titlob lill-Kunsill sabiex jibagħtilha d-deċiżjoni, u dan ma għamlitux.

384    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-fatti adottati b’mod awtonomu mill-Kunsill, ir-rikorrenti tikkritika lil din l-istituzzjoni talli ma kkomunikatilhiex, qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, l-informazzjoni li kellha għad-dispożizzjoni tagħha. Għaldaqstant, ma setgħetx tressaq l-osservazzjonijiet tagħha dwar din l-informazzjoni.

385    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-elementi tal-fajl adottati mill-Kunsill sabiex iżomm l-isem ta’ persuna jew ta’ entità fil-listi ta’ ffriżar ta’ fondi kellhom jiġu kkomunikati lilha qabel id-deċiżjoni ta’ żamma biss jekk huma jkollhom natura ġdida meta mqabbla ma’ dawk li kienet tinkludi l-espożizzjoni tal-motivi dwar l-atti preċedenti (ara l-punt 167 iktar ’il fuq).

386    Fost l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014, huma biss l-espożizzjonijiet tal-motivi dwar l-Atti ta’ Lulju 2011 u ta’ Diċembru 2011 li jinkludu modifiki meta mqabbla ma’ dawk dwar l-atti preċedenti.

387    Issa, l-abbozzi ta’ dawn l-espożizzjonijiet tal-motivi kienu ġew innotifikati mill-Kunsill lill-avukat tar-rikorrenti permezz tal-ittri tat‑30 ta’ Mejju u tal‑15 ta’ Novembru 2011, u għaldaqstant qabel l-adozzjoni tal-Atti ta’ Lulju u ta’ Diċembru 2011.

388    Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, din il-komunikazzjoni ma kellhiex tkun akkumpanjata mill-provi li kellu għad-dispożizzjoni tiegħu l-Kunsill. Konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 380 iktar ’il fuq, jekk ir-rikorrenti riedet li jkollha dawn il-provi għad-dispożizzjoni tagħha, kellha tkun hija li titlobhom lill-Kunsill, u dan ma għamlitux.

389    Barra minn hekk, għar-raġunijiet indikati fil-punti 214 u 215, il-Kunsill lanqas ma jista’ jiġi kkritikat talli indirizza dawn l-abbozzi ta’ espożizzjonijiet tal-motivi lill-avukat tar-rikorrenti.

390    Għal dawn ir-raġunijiet, it-tieni parti, u għaldaqstant is-seba’ motiv, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

8.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt all-proprjetà

391    Ir-rikorrenti targumenta li l-iffriżar ta’ fondi li sar bl-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-proprjetà tagħha li ma huwiex iġġustifikat peress li dawn l-atti huma illegali għar-raġunijiet spjegati fil-motivi preċedenti. Għaldaqstant, dawn l-atti għandhom jiġu annullati minħabba l-ksur tad-dritt għall-proprjetà.

392    Il-Kunsill, sostnut mill-Kummissjoni, jikkontesta din il-pożizzjoni.

393    Mit-tweġibiet li ngħataw għall-motivi preċedenti ma jirriżultax li l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 huma illegali. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li d-dritt għall-proprjetà ġie miksur għal din ir-raġuni.

394    Barra minn hekk, għar-raġunijiet indikati fl-eżami tar-raba’ motiv dwar l-Atti ta’ Lulju 2010 (ara l-punti 184 sa 192 iktar ’il fuq), ma jistax jiġi ddikjarat li l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014 jiksru d-dritt għall-proprjetà tar-rikorrenti.

395    Konsegwentement, it-tmien motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.

9.      Konklużjoni

396    Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud f’dak li jikkonċerna l-Atti ta’ Lulju 2011 sa Lulju 2014

397    Għalhekk ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

V.      Fuq l-ispejjeż

398    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

399    Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill, kif mitlub minn dan tal-aħħar.

400    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

401    Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Hamas għandha tbati l-ispejjeż tagħha stess kif ukoll dawk sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess.

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

 

Öberg


Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑14 ta’ Diċembru 2018.

Firem



Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.