Language of document : ECLI:EU:C:2001:523

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

9 ta' Ottubru 2001(*)

“Annullament ─Direttiva 98/44/KE ─ Protezzjoni ġuridika ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi ─ Bażi ġuridika ─Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE) jew l-Artikoli 130 u 130 F tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 157 KE u 163 KE) ─ Sussidjarjetà ─ Ċertezza legali ─ Obbligi ta’ l-Istati Membri taħt id-dritt internazzjonali – Drittijiet fundamentali – Dinjità tal-bniedem – Prinċipju ta’ kolleġjalità għal abbozzi leġiżlattivi tal-Kummissjoni”

Fil-kawża C-377/98,

Ir-Renju ta' l-Olanda, irrappreżentat minn M. A. Fierstra u I. van der Steen, bħala aġenti,

rikorrenti

sostnut minn

Ir-Repubblika Taljana, irrappreżentata minn U. Leanza, bħala aġent, assistit minn P. G. Ferri, avvocato dello Stato, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u minn

Ir-Renju tan-Norveġja, irrappreżentat minn H. W. Longva, bħala aġent,

intervenjenti

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn J. Schoo u E. Vandenbosch, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

u

Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn R. Gosalbo Bono u G. Houttuin u A. Lo Monaco, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuti

sostnuti minn

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn K. Banks u P. van Nuffel, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

intervenjenti

li għandha bħala suġġett l-annullament tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta' Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L 213, p. 13),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

komposta minn G. C. Rodríguez Iglesias, President, P. Jann, F. Macken u N. Colneric, S. von Bahr, Presidenti ta' Awla, C. Gulmann, D. A. O. Edward, A. La Pergola, J.-P. Puissochet (Relatur), L. Sevón, M. Wathelet, V. Skouris u J. N. Cunha Rodrigues, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: H. A. Rühl, Amministratur Prinċipali,

wara li rat ir-rapport tas-seduta,

wara li semgħet it-trattazzjoni tal-partijiet fis-seduta tat-13 ta’ Frar 2001, li matulha r-Renju ta’ l-Olanda kien irrappreżentat minn J. van Bakel, bħala aġent, ir-Repubblika Taljana minn D. Del Gaizo, avvocato dello Stato, ir-Renju tan-Norveġja minn H. Seland, bħala aġent, il-Parlament Ewropew minn J. Schoo u E. Vandenbosch, il-Kunsill minn G. Houttuin u A. Lo Monaco u l-Kummissjoni minn K. Banks u P. van Nuffel,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta' l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta ta' 14 ta' Ġunju 2001,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 1998, ir-Renju ta’ l-Olanda talab, skond l-Artikolu 173 tat-Trattat KE (li wara l-emenda sar l-Artikolu 230 KE), l-annullament tad-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Lulju 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi (ĠU L 213, p. 13, iktar ’il quddiem id-“Direttiva”).

2        Id-Direttiva, li ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 95 KE), għandha bħala għan li ġġiegħel lill-Istati Membri jipproteġu, skond l-impennji internazzjonali tagħhom, l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz tal-liġi nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi.

3        Għal dan l-iskop, id-Direttiva tippreċiża b’mod partikolari liema fost l-invenzjonijiet jirrigwardaw il-pjanti, l-annimali u l-ġisem tal-bniedem jistgħu kif ukoll dawk li ma jistgħux jingħataw privattiva.

4        Ir-rikorrent jindika fuq bażi preliminari li qed jaġixxi fuq talba espressa tal-Parlament Olandiż, wara li ġie kkunsidrat l-ikkontestar li sar fl-istess Parlament dwar manipulazzjoni ġenetika fuq annimali u panti u l-għoti ta’ privattivi fuq il-prodotti ta’ proċessi bijoteknoloġiċi li jistgħu jiffaċilitaw dawk il-manipulazzjonijiet.

5        B’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ April 1999, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tħalliet tintervjeni in sostenn tat-talbiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-Unjoni Ewropea. B’digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Mejju 1999, ir-Repubblika Taljana u r-Renju tan-Norveġja tħallew jintervjenu in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ l-Olanda.

 Fuq l-ammissibbiltà ta’ l-intervent tar-Renju tan-Norveġja

6        Il-Parlament u l-Kunsill isostnu li n-nota ppreżentata fid-19 ta’ Marzu 1999 mir-Renju tan-Norveġja hija limitata sabiex tiġbed l-attenzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ċerti problemi li jistgħu jinqalgħu mill-implementazzjoni tad-Direttiva fil-kuntest tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”), mingħajr ma ttenni t-talbiet li saru fir-rikors jew mingħajr ma titlob l-annullament tad-Direttiva. Għaldaqstant, dan ma jikkostitwixxix intervent in sostenn tat-talbiet tar-Renju ta’ l-Olanda u b’hekk huwa inammissibbli.

7        F’dan ir-rigward, l-Artikolu 37 ta’ l-Istatut KE tal-Qorti tal-Ġustizzja jgħid li rikorsi għal intervent jistgħu jkollhom bħala oġġett biss is-sostenn tat-talbiet ta’ waħda mill-partijiet.

8        In-nota ppreżentata mill-Gvern Norveġiż għandha l-għan, kif intqal fit-talba tiegħu, li tindika li “diversi kwistjonijiet issollevati mill-Gvern Olandiż fir-rikors għal annullament tiegħu tad-Direttiva 98/44 jistgħu jkunu rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-Direttiva tirrigwardax il-Ftehim ŻEE kif ukoll għall-implementazzjoni tad-Direttiva fil-kuntest tal-Ftehim ŻEE” u li tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja “biex tikkunsidra debitament l-argumenti esposti” mill-Gvern Norveġiż f’dan ir-rigward.

9        Anki jekk, litteralment, l-għan kif deskritt jidher li huwa differenti minn dak li jista’ validament jiġi segwit f’nota ta’ intervent, huwa ċar li l-intenzjoni tal-Gvern Norveġiż ma kinitx li jżid talbiet ġodda ma’ dawk diġà ppreżentati mir-rikorrent u lanqas li jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tieħu deċiżjoni dwar kwistjonijiet distinti, iżda li jikkontribwixxi, billi jipprovdi kjarifika addizzjonali għall-kawża, għas-suċċess ta’ l-azzjoni tal-Gvern Olandiż.

10      Din l-analiżi hija kkonfermata miċ-ċirkustanza li l-argumenti kollha li jinsabu fin-nota tal-Gvern Norveġiż itennu, u fir-rigward ta’ ċerti punti jiżviluppaw, il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-rikors tar-Renju ta’ l-Olanda.

11      Għaldaqstant għandu jiġi kkunsidrat li, meta titqies globalment u fil-kuntest tagħha, in-nota ppreżentata mir-Renju tan-Norveġja tikkostitwixxi intervent ammissibbli b’sostenn tat-talbiet tar-rikorrent.

 Fuq il-motivi tar-rikors

12      Ir-rikorrent jippreżenta sitt motivi, ibbażati rispettivament dwar l-għażla żbaljata ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat bħala l-bażi ġuridika tad-Direttiva, il-ksur tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-ksur ta’ l-obbligi taħt id-dritt internazzjonali, il-ksur tad-dritt fundamentali ta’ ħarsien tad-dinjità tal-bniedem u l-ksur ta’ formalitajiet sostantivi fir-rigward ta’ l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni.

 Fuq l-ewwel motiv

13      Ir-rikorrent isostni li d-Direttiva ma taqax taħt il-miżuri dwar l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentarji u amministrattivi ta’ l-Istati Membri li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-iffunzjonar tas-suq intern u li ġiet adottata b’mod żbaljat fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat.

14      Fil-fatt, fl-ewwel lok, id-diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiċi ta’ l-Istati Membri u r-riskju li dawn jiżdiedu, li għalihom issir referenza fil-ħames u s-sitt premessi tad-Direttiva, li jippreċiżaw li dawn jistgħu jimpedixxu l-kummerċ, ma jeżistux jew jirrigwardaw biss punti sekondarji li ma jiġġustifikawx miżura ta’ armonizzazzjoni.

15      F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-użu ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat bħala bażi ġuridika huwa possibbli sabiex jiġi evitat li jinqalgħu ostakli fil-futur għall-kummerċ li jirriżultaw mill-evoluzzjoni eteroġena tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali, kemm-il darba jkun probabbli li ser jinqalgħu dawk l-ostakli u li l-miżura in kwistjoni jkollha bħala skop il-prevenzjoni tagħhom (sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1995, Spanja vs Il-Kunsill, C-350/92, Ġabra p. I 1985, punt 35, u tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C 376/98, Ġabra p. I- 8419, punt 86).

16      Madankollu, minn naħa, l-eżempji mogħtija mill-Parlament u mill-Kunsill huma biżżejjed biex jiġi stabbilit li, minkejja li d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi nazzjonali rilevanti li kienu jeżistu qabel id-Direttiva huma ta’ spiss meħuda mill-Konvenzjoni dwar l-Għoti ta’ Privattivi Ewropej, li ġiet iffirmata fi Munich fil-5 ta’ Ottubru 1973 (iktar ‘il quddiem il-“KPE”), l-interpretazzjonijiet diverġenti li jistgħu jingħataw lil dawk id-dispożizzjonijiet f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li jingħataw privattivi għal invenzjonijiet bijoteknoloġiċi jistgħu jagħtu lok għal diverġenzi fil-prattika u fil-ġurisprudenza li jippreġudikaw il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

17      Minbarra dan, ir-riskju ta’ żviluppi differenti huwa fattur ieħor li jiżdied mal-fatt li, fil-każ ta’ bosta punti partikolari bħall-eliġibbiltà li jingħataw privattivi lil varjetajiet ta’ pjanti u dawk tal-ġisem tal-bniedem, diverġenzi perċepibbli flimkien ma’ konsegwenzi kunsiderevoli kienu diġà dehru bejn ċerti leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-mument meta d-Direttiva kienet ġiet adottata.

18      Min-naħa l-oħra, in kwantu tobbliga lill-Istati Membri li jipproteġu l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar il-privattivi, id-Direttiva effettivament għandha l-għan li tevita li ssir ħsara għall-uniċità tas-suq intern li tista’ tirriżulta mill-fatt li l-Istati Membri jiddeċiedu unilateralment li jagħtu jew jirrifjutaw din il-protezzjoni.

19      Madankollu r-rikorrent isostni, fit-tieni lok, li jekk l-applikazzjoni mill-Istati Membri tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt internazzjonali tagħti lok għal inċertezzi legali, dawn għandhom jiġu indirizzati mhux permezz ta’ miżura Komunitarja ta’ armonizzazzjoni, iżda permezz ta’ negozjar mill-ġdid ta’ l-istrumenti legali internazzjonali bħall-KPE, sabiex tinkiseb kjarifika tar-regoli tagħhom.

20      Dan l-argument m’huwiex fondat. Fil-fatt, l-għan ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni huwa li jitnaqqsu l-ostakli għall-funzjonament tas-suq intern li jinħolqu minħabba d-differenzi fis-sitwazzjoni bejn l-Istati Membri, irrispettivament mill-oriġini tagħhom. Jekk id-diverġenzi jirriżultaw minn interpretazzjoni li tmur kontra, jew li tista’ tmur kontra, kunċetti li jirriżultaw mill-istrumenti legali internazzjonali li tagħhom l-Istati Membri huma firmatarji, fil-prinċipju xejn ma jipprojbixxi l-adozzjoni ta’ Direttiva bħala mezz sabiex tiġi żgurata interpretazzjoni komuni fl-Istati Membri ta’ kunċetti simili.

21      Barra minn hekk, ma jirriżultax fil-każ preżenti li dan il-metodu kien inkompatibbli mal-ħarsien mill-Istati Membri ta’ l-impennji tagħhom taħt il-KPE jew li mhuwiex adattat biex jintlaħaq l-għan ta’ uniformità tal-kundizzjonijiet ta’ jedd għall-privattiva għall-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi.

22      Għaldaqstant, xejn ma jwaqqaf lil-leġiżlatur Komunitarju milli jirrikorri għall-metodu ta’ armonizzazzjoni permezz ta’ Direttiva minflok metodu aktar indirett u imprevedibbli li jipprova jikseb emenda tat-test tal-KPE.

23      Fit-tielet lok, skond ir-rikorrent, id-Direttiva tmur lil hinn minn dak li normalment kellu jaqa’ taħt id-definizzjoni ta’ miżura ta’ approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri peress li, fir-realtà, din toħloq dritt ta’ proprjetà ġdid, li huwa distint f’diversi aspetti mid-drittijiet koperti mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-privattivi. B’mod partikolari, minbarra l-fatt li din tirrigwarda prodotti li sa dak iż-żmien ma kellhomx jedd għall-privattiva f’ċerti Stati Membri bħar-Renju ta’ l-Olanda, id-Direttiva hija differenti mil-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-privattivi in kwantu l-protezzjoni li hija tipprovdi tapplika, skond l-Artikoli 8 u 9 tagħha, mhux biss għal materjal bijoloġiku speċifiku, iżda wkoll għal materjal bijoloġiku imnissel permezz tal-propagazzjoni jew tal-multiplikazzjoni, filwaqt li skond l-Artikolu 11 tagħha, id-dritt ta’ possessur ta’ privattiva huwa limitat fil-konfront tal-bdiewa.

24      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat fil-punt 59 ta’ l-Opinjoni 1/94 tagħha, tal-15 ta’ Novembru 1994 (Ġabra pġ. I 5267), il-Komunità għandha, fil-qasam tal-proprjetà intellettwali, kompetenza li tarmonizza leġiżlazzjonijiet nazzjonali skond l-Artikolu 100 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 94 KE) u l-Artikolu 100 A tat-Trattat u tista’ tibbaża fuq l-Artikolu 235 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 308 KE) biex toħloq drittijiet ġodda li jipprevalu fuq id-drittijiet nazzjonali, kif hija għamlet bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, ta’ l-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU L 11, p. 1).

25      Madankollu, il-privattivi li għandhom jinħarġu skond id-Direttiva huma privattivi nazzjonali, maħruġa b’mod konformi mal-proċeduri applikabbli fl-Istati Membri u jiksbu s-saħħa protettiva tagħhom mil-liġi nazzjonali. Peress li d-Direttiva la għandha l-għan u l-anqas l-effett li toħloq privattiva Komunitarja, din ma tistabbilixxix dritt ġdid li jippresupponi l-applikazzjoni tal-bażi ġuridika ta’ l-Artikolu 235 tat-Trattat. Din il-kostatazzjoni m’hijiex affettwata mill-fatt li l-invenzjonijiet previsti ma kinux sa dak iż-żmien eliġibbli għal privattiva f’ċerti Stati Membri – li hija r-raġuni preċiża għalfejn l-armonizzazzjoni kienet iġġustifikata – u lanqas miċ-ċirkustanza li d-Direttiva tintroduċi ċerti kjarifiki u tipprovdi ċerti derogi għal-liġi applikabbli fil-qasam tal-privattivi f’dak li jirrigwarda l-portata tal-protezzjoni assigurata.

26      Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, il-Gvern Taljan huwa tal-fehma, fl-intervent tiegħu in sostenn tar-rikorrent, li d-Direttiva kellha tiġi adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikoli 130 u 130 F tat-Trattat KE (li saru l-Artikoli 157 KE u 163 KE), u mhux fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat, peress li l-għan ewlieni tad-Direttiva, kif jirriżulta mill-ewwel tliet premessi tagħha, huwa li jingħata appoġġ għall-iżvilupp industrijali tal-Komunità u r-riċerka xjentifika fis-settur ta’ l-inġinerija ġenetika.

27      Il-bażi ġuridika li fuqha għandu jiġi adottat att għandha tiġi ddeterminata skond l-għan prinċipali tiegħu (ara s-sentenza tas-17 ta’ Marzu 1993, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill, C-155/91, Ġabra p. I-939, punti 19 sa 21). Filwaqt li m’huwiex ikkontestat li l-għan tad-Direttiva huwa li tippromwovi r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam ta’ l-inġinerija ġenetika fil-Komunità Ewropea, din tagħmel hekk billi tneħħi l-ostakli ta’ natura legali fi ħdan is-suq waħdieni magħmula mid-differenzi leġiżlattivi u ġurisprudenzjali bejn l-Istati Membri li jistgħu jimpedixxu u jfixklu l-attivitajiet ta’ riċerka u ta’ żvilupp f’dan il-qasam.

28      L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-Istati Membri b’hekk m’hijiex għan inċidentali jew sussidjarju tad-Direttiva, iżda hija l-qofol tiegħu. Il-fatt li din għandha wkoll għan li jirriżulta mill-Artikoli 130 u 130 F tat-Trattat ma jfissirx, f’dawn iċ-ċirkustanzi, li l-użu ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat bħala bażi ġuridika għad-Direttiva mhuwiex xieraq (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 1990, Il-Greċja vs Il-Kunsill, C-62/88, Ġabra p. I-1527, punti 18 sa 20).

29      Jirriżulta minn dak li ntqal li huwa ġust li d-Direttiva ġiet adottata fuq il-bażi ta’ l-Artikolu 100 A tat-Trattat u li l-ewwel motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv

30      Ir-rikorrent isostni li d-Direttiva tmur kontra l-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 3 B tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 5 KE) u, sussidjarjament, li din ma tagħtix raġunijiet suffiċjenti biex jiġi ppruvat li dan ir-rekwiżit ġie kkunsidrat.

31      Għandu jiġi mfakkar li, skond it-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 3 B tat-Trattat, il-Komunità tintervjeni biss fl-oqsma li ma jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tagħha, jekk u sakemm l-għanijiet ta’ l-azzjoni proposta ma jkunux jistgħu jintlaħqu sew mill-Istati Membri u għaldaqstant jistgħu, minħabba l-iskala tad-daqs jew l-effetti ta’ l-azzjoni proposta, jiġu milħuqa aħjar mill-Komunità.

32      L-għan imfittex tad-Direttiva, li jikkonsisti li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern billi jiġu evitati, jew eliminati, diverġenzi bejn il-leġiżlazzjonijiet u l-prattiki tad-diversi Stati Membri fil-qasam tal-protezzjoni ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, ma setax jinkiseb permezz ta’ azzjoni meħuda fuq il-livell ta’ l-Istati Membri biss. Peress li l-applikazzjoni ta’ din il-protezzjoni għandha effetti immedjati fuq il-kummerċ u, għaldaqstant, fuq il-kummerċ intrakomunitarju, huwa barra minn hekk ċar li l-għan in kwistjoni seta’, minħabba d-daqs jew l-effetti ta’ l-azzjoni prevista, jinkiseb b’mod aħjar fuq livell Komunitarju.

33      Fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tal-ħarsien tal-prinċipju tas-sussidjarjetà, din toħroġ impliċitament iżda neċessarjament mill-ħames, is-sitt u s-seba’ premessi tad-Direttiva li jistabbilixxu li, fin-nuqqas ta’ intervent Komunitarju, l-iżvilupp tal-leġiżlazzjonijiet u dispożizzjonijiet amministrativi nazzjonali jostakola l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Għaldaqstant jidher li d-Direttiva tagħti raġunijiet suffiċjenti fuq dan il-punt.

34      It-tieni motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv

35      Skond ir-rikorrent, id-Direttiva, minflok ma tgħin biex jitneħħew l-inċertezzi legali indentifikati fil-premessi tagħha, għandha tendenza li taggravahom, u b’hekk tmur ukoll kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali. Fil-fatt, minn naħa waħda, din tħalli lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenzi diskrezzjonali biex jimplementaw kunċetti fformulati f’termini ġenerali u ekwivoki, bħal dawk ta’ l-ordni pubbliku u l-moralità pubblika, li jinsabu fl-Artikolu 6 tagħha. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll fl-istess Direttiva dispożizzjonijiet li ftit huma ċari u li għandhom relazzjoni ambigwi bejniethom, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-jedd għall-privattiva ta’ varjetajiet ta’ pjanti, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) u (2), fl-Artikolu 8 u 9, kif ukoll fil-wieħed u tletin u t-tnejn u tletin premessa tad-Direttiva.

36      Għandhom jiġu eżaminati separatament iż-żewġ ilmenti speċifiċi invokati mir-rikorrent biex isostni l-argument tiegħu dwar ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

37      Fir-rigward, fl-ewwel lok, ta’ l-Artikolu 6 tad-Direttiva, li jeskludi l-eliġibbiltà għal privattiva ta’ invenzjonijiet li l-isfruttar kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika, m’huwiex ikkontestat li din id-dispożizzjoni tħalli lill-awtoritajiet amministrattivi u lill-qrati ta’ l-Istati Membri marġni ta’ manuvrar wiesa' fl-implementazzjoni ta’ dan il-kriterju ta’ esklużjoni.

38      Madankollu, din il-marġni ta’ manuvrar hija meħtieġa sabiex jiġu kkunsidrati diffikultajiet partikolari li jistgħu jinħolqu mill-isfruttar ta’ ċerti privattivi fil-kuntest soċjali u kulturali ta’ kull Stat Membru, kuntest li l-awtoritajiet nazzjonali, leġiżlattivi, amministrattivi u ġudizzjarji huma f’pożizzjoni aħjar li jifhmu mill-awtoritajiet Komunitarji. Din il-klawżola, li tippermetti li ma jingħatawx privattivi f’każ li jkun hemm theddida għall-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika, hija barra minn hekk magħrufa sew fil-liġi tal-privattivi u tinsab, b’mod partikolari, fl-istrumenti legali internazzjonali rilevanti bħall-KPE.

39      Barra minn hekk, il-marġni ta’ manuvrar mogħtija lill-Istati Membri mhuwiex diskrezzjonarju peress li d-Direttiva tinkludi dawn il-kunċetti, minn naħa, tippreċiża li l-isfruttar kummerċjali ta’ invenzjoni m’għandux jiġi kkunsidrat li jmur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika u, min-naħa l-oħra, billi tagħti erba’ eżempji ta’ proċessi u forom ta’ użu li mhumiex konċessi privattiva. B’hekk, il-leġiżlatur Komunitarju jipprovdi gwida għall-użu tal-kunċetti in kwistjoni li ma teżistix fil-liġi ġenerali dwar il-privattivi.

40      Fl-aħħar nett, Direttiva ma tistax titqies li tmur kontra l-prinċipju taċ-ċertezza legali meta hija tirreferi, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ l-implementazzjoni tagħha, għal kunċetti magħrufa tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri billi tispeċifika, bħal fil-każ preżenti, il-portata u l-limiti tagħhom u li hija tikkunsidra, għal dawn il-finijiet, in-natura speċifika tal-materja in kwistjoni.

41      L-Artikolu 6 tad-Direttiva b’hekk m’huwiex ta’ natura li jaggrava s-sitwazzjoni ta’ inċertezza legali li dan l-att jipprova jtaffi.

42      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-jedd għall-privattiva ta’ varjetajiet ta’ pjanti, l-eżami tad-dispożizzjonijiet imsemmija fir-rikors ma jwassalx għall-konklużjoni li dawn huma inkoerenti.

43      Fil-fatt, kif spjegaw fir-risposta tagħhom il-Parlament u l-Kunsill, l-Artikolu 4 tad-Direttiva jgħid li privattiva ma tistax tingħata għal varjetà ta’ pjanta iżda tista’ tingħata għal invenzjoni li l-vijabbiltà teknika tagħha ma tkunx limitata biss għal varjeta partikolari ta’ pjanta.

44      Din id-distinzjoni toħroġ b’mod ċar mill-premessi disa’ u għoxrin sa tnejn u tletin tad-Direttiva, li minnhom jirriżulta li l-varjetajiet ta’ pjanti fihom infushom jaqgħu taħt il-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni ta’ varjetajiet ġodda ta’ pjanti, iżda li l-protezzjoni tal-varjetajiet ġodda tapplika biss għal varjetajiet li huma ddefiniti mill-integralità tal-ġenomu tagħhom. Għall-gruppi ta’ pjanti b’livell tassonomiku ogħla mill-varjetà, li huma kkaratterizzati minn ġene wieħed u mhux ġenomu sħiħ, m’hemm ebda riskju ta’ kunflitt bejn il-leġiżlazzjoni dwar varjetajiet ġodda u l-leġiżlazzjoni dwar il-privattiva. Barra minn hekk, l-invenzjonijiet li jinkorporaw biss ġene wieħed u jikkonċernaw grupp li jkun aktar wiesa' milli varjetà waħda ta’ pjanti jistgħu jingħataw privattiva.

45      Minn dan jirriżulta li modifika ġenetika ta’ varjetà ta’ pjanta partikolari ma tistax tingħata privattiva, filwaqt li modifika ta’ portata aktar wiesgħa, bħala per eżempju modifika li tirrigwarda speċi, tista’ tingħata privattiva.

46      Fir-rigward ta’ l-Artikoli 8 u 9 tad-Direttiva, dawn ma jirrigwardawx il-prinċipju tal-jedd għall-privattiva iżda l-firxa tal-protezzjoni mogħtija mill-privattiva. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, il-protezzjoni tiġi applikata għal kull materjal bijiloġiku miksub permezz ta’ propagazzjoni jew multiplikazzjoni mnissel minn materjal bijoloġiku li jkun fih l-informazzjoni bi privattiva. Il-protezzjoni mogħtija mill-privattiva b’hekk tista’ tapplika għal varjetà ta’ pjanta, mingħajr ma hija jkollha jedd għal privattiva.

47      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 12 tad-Direttiva huwa intiż li jirregola, permezz ta’ sistema ta’ liċenzja obbligatorja, il-każijiet fejn l-isfruttar ta’ privattiva mogħtija għal invenzjoni bijoteknolġika jikser id-dritt minn qabel ta’ varjetà ta’ pjanta, u viċe versa.

48      B’hekk, iż-żewġ ilmenti mressqa mir-rikorrent biex tiġi stabbilita l-inċertezza legali li tirriżulta mid-Direttiva m’humiex tali li jiġġustifikaw l-annullament tagħha.

49      B’hekk it-tielet motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv

50      Ir-rikorrent isostni li l-obbligi li d-Direttiva toħloq għall-Istati Membri m’humiex kompatibbli ma’ dawk li li jirriżultaw mill-impennji internazzjonali tagħhom, minkejja li, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, din ma taffettwax l-obbligi li jirriżultaw mill-ftehim internazzjonali. B’mod partikolari d-Direttiva tmur kontra l-ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“ftehim ADPIK” – fil-lingwa Ingliża “TRIPs”) li jinsab fl-Anness IC tal-ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (iktar ‘il quddiem il-“ftehim tal-WTO”), approvat f’isem il-Komunità Ewropea, f’dak li jirrigwarda kwistjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tagħha, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 (ĠU L 336, p. 1), il-ftehim dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (iktar ’il quddiem il-“ftehim OTK”), li jinsab fl-Anness IA tal-ftehim tad-WTO, il-KPE u l-Konvenzjoni fuq id-Diversità Bijoloġika ffirmata f’Rio de Janeiro fil-5 ta’ Ġunju 1992 (iktar ‘il quddiem il-“KDB”), approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/626/KEE tal-25 ta’ Ottubru 1993 (ĠU L 309, p. 1).

51      Prinċipalment, il-Parlament u l-Kunsill isostnu li l-KPE ma toħloqx obbligi għall-Komunità, peress li m’hijiex firmatarja tagħha. Fir-rigward tat-tliet strumenti legali oħrajn invokati, il-Kunsill isostni li l-legalità ta’ att Komunitarju tista’ tiġi kkontestata fuq il-bażi ta’ ksur ta’ ftehim internazzjonali ffirmat mill-Komunità biss jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dawn il-ftehim ikollhom effett dirett. Madankollu dan ma jirriżultax fil-każ preżenti.

52      Huwa paċifiku li, bħala regola, il-legalità ta’ att Komunitarju ma tiddependix mill-konformità tiegħu ma’ ftehim internazzjonali li tiegħu l-Komunità ma tkunx firmatarja, bħall-KPE. Il-legalità tiegħu lanqas ma tista’ tiġi evalwata fir-rigward ta’ strumenti ta’ dritt internazzjonali li, bħall-ftehim tad-WTO u l-ftehim ADPIK u OTK li jifformaw parti minnu, li meta titqies in-natura u l-istruttura tagħhom, fil-prinċipju ma jaqgħux taħt ir-regoli li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja meta tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tat-23 ta’ Novembru 1999, Il-Portugall vs Il-Kunsill, C-149/96, Ġabra pġ. I 8395, punt 47).

53      Madankollu esklużjoni simili ma tistax tiġi applikata għall-KDB li, b’differenza mill-ftehim WTO, m’hijiex strettament ibbażata fuq il-prinċipju tar-reċiproċità u tal-vantaġġi reċiproki (ara s-sentenza Il-Portugall vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punti 42 sa 46).

54      Anki jekk nassumu, kif isostni l-Kunsill, li l-KDB fiha dispożizzjonijiet li m’għandhomx effett dirett, fis-sens li dawn ma joħolqux drittijiet li l-individwi jistgħu jinvokaw direttament quddiem qorti, dan il-fatt ma jikkostitwixxix ostaklu għall-istħarriġ ġudizzjarju dwar ir-rispett ta’ l-obbligi imposti fuq il-Komunità bħala parti kontraenti f’dan il-ftehim (ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1998, Racke, C 162/96, Ġabra pġ. I 3655, punti 45, 47 u 51).

55      Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-motiv issollevat fir-rikors għandu jinftiehem li huwa indirizzat mhux kontra ksur dirett mill-Komunità ta’ l-impennji internazzjonali tagħha iżda kontra l-obbligu fuq l-Istati Membri, impost mid-Direttiva, li jiksru l-obbligi tagħhom stess taħt id-dritt internazzjonali, meta kif tgħid hija stess, id-Direttiva mhux suppost taffettwa dawn l-obbligi.

56      Ta’ mill-inqas għal din ir-raġuni, il-motiv huwa ammissibbli.

57      Essenzjalment ir-rikorrent isostni, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 27(3)(b) tal-Ftehim ASPIK iħalli lill-Istati firmatarji l-possibbiltà li ma jagħtux privattivi għal pjanti u annimali minbarra mikro-organiżmi, filwaqt li d-Direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri din il-possibbiltà.

58      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jingħad li għalkemm id-Direttiva ma tippermettix lill-Istati Membri li jagħmlu l-għażla li l-Ftehim ASPIK joffri lill-partijiet kontraenti ta’ dak il-ftehim fir-rigward tal-jedd għall-privattiva għall-pjanti u l-annimali, l-għażla li saret fl-Artikolu 4 tad-Direttiva hija fiha nnifisha kumpatibbli mal-ftehim li, barra min hekk, ma jipprojbixxix lil ċerti Stati firmatarji milli jadottaw pożizzjoni komuni fir-rigward ta’ l-applikazzjoni tiegħu. It-teħid ta’ pożizzjoni komuni fir-rigward ta’ għażla offruta minn att internazzjonali li tiegħu l-Istati Membri huma firmatarji jikkostitwixxi operazzjoni li taqa’ taħt il-qafas ta’ l-approssimazzjoni tal-liġijiet previst mill-Artikolu 100 A tat-Trattat.

59      Fit-tieni lok, id-Direttiva fiha regolamenti tekniċi skond il-Ftehim OTK li kellhom jiġu nnotifikati lis-Segretarjat ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

60      Madankollu, fi kwalunkwe każ huwa stabbilit li d-Direttiva ma fiha ebda regolament tekniku skond il-Ftehim OTK, peress li dan ir-regolament huwa definit fl-Anness I tal-Ftehim OTK bħala dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi ta’ prodott jew il-proċeduri u metodi ta’ fabrikazzjoni relatati. Għaldaqstant m’huwiex meħtieġ li tingħata deċiżjoni dwar sa liema punt il-protezzjoni legali ta’ l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi tista’ tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim OTK.

61      Ir-rikorrent isostni, fit-tielet lok, li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, li jeskludi mill-jedd għall-privattiva l-invenzjonijiet li “l-isfruttament kummerċjali tagħhom imur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika”, huwa inkompatibbli ma’ l-Artikolu 53 tal-KPE, li jeskludi l-jedd għall-privattiva ta’ invenzjonijiet “li l-pubblikazzjoni jew l-implementazzjoni tagħhom tmur kontra l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika”. Huwa jallega li d-differenza fit-termini użati taffettwa, bi ksur ta’ l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, l-obbligi li l-KPE timponi fuq l-Istati Membri.

62      Madankollu, ir-rikorrent b’ebda mod ma jindika kif it-test li huwa ftit differenti tad-Direttiva dwar dan il-punt, li huwa bbażat fuq it-test ta’ l-Artikolu 27(3) tal-ftehim ASPIK, jeħtieġ li l-Istati Membri jiksru l-obbligi tagħhom taħt il-KPE biex jikkonformaw ma’ obbligi tagħhom taħt id-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ eżempji konkreti li jagħtu prova kontra, jidher li huwa raġonevoli li wieħed jaħseb li l-ksur ta’ l-ordni pubbliku jew il-moralità pubblika fir-rigward ta’ invenzjoni partikolari jista’ ugwalment jiġi kkonstatat b’referenza għall-pubblikazzjoni, implementazzjoni jew l-isfruttar kummerċjali tagħha.

63      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrent u aktar u aktar il-Gvern Norveġiż li qed jintervjeni in sostenn tiegħu jsostnu li l-għan stess tad-Direttiva, li huwa li jagħti jedd għall-privattiva lill-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi fl-Istati Membri kollha, imur kontra l-prinċipju tal-qsim ekwu tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu tar-riżorsi ġenetiċi, li huwa wieħed mill-għanijiet tal-KDB.

64      Madankollu, ir-riskji msemmija mir-rikorrent u din il-parti intervenjenti huma espressi f’termini ipotetiċi u ma jirriżultawx direttament mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva iżda, l-aktar, mill-użu li jista’ jsir minnhom.

65      Ma jistax jiġi kkunsidrat bħala stabbilit, fin-nuqqas ta’ prova li ma ngħatatx f’dan il-każ, li s-sempliċi protezzjoni ta’ invenzjonijiet bijoteknoloġiċi permezz ta’ privattiva ser ikollha bħala konsegwenza, skond kif huwa allegat, li l-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw jiġu mċaħħda mill-kapaċità li jikkontrollaw ir-riżorsi bijoloġiċi tagħhom u li jużaw l-għarfien tradizzjoni tagħhom, u wisq inqas li dan ser iħeġġeġ il-kultivazzjoni ta’ prodott wieħed jew li jiġu skoraġġuti l-isforzi nazzjonali u internazzjonali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.

66      Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 1 tal-KDB jiddikjara bħala għan it-tqassim ġust u ekwju tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu ta’ riżorsi ġenetiċi, b’mod partikolari permezz ta’ aċċess sodisfaċenti għar-riżorsi ġenetiċi u għal trasferiment xieraq tat-teknoloġiji relevanti, l-istess Artikolu jispeċifika li dan għandu jitwettaq filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet kollha fuq dawn ir-riżorsi u teknoloġiji. Ebda stipulazzjoni tal-KDB ma timponi b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ privattiva għal invenzjonijiet bijoteknoloġiċi għandhom jinkludu li jiġu kkunsidrati l-interessi tal-pajjiż minn fejn ikun joriġina r-riżors ġenetiku.

67      Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ l-argument li d-Direttiva tista’ tikkostitwixxi ostaklu, fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi tal-KDB, għandu jiġi mfakkar li, skond l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom id-dmir li japplikawha b’mod konformi ma’ l-impennji li huma jkunu daħlu għalihom f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, id-diversità bijoloġika.

68      Jirriżulta minn dak li ntqal hawn fuq li r-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames motiv

69      Skond ir-rikorrent, il-jedd għall-privattiva ta’ elementi iżolati tal-ġisem uman, kif jirriżulta mill-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, huwa ekwivalenti għall-istrumentalizzazzjoni tal-materja ħajja umana, li thedded id-dinjità tal-bniedem. Barra minn hekk, huwa jsostni li n-nuqqas ta’ klawżola li timponi verifika tal-kunsens ta’ min ikun ta jew irċieva l-prodotti miksuba permezz ta’ mezzi bijoteknoloġiċi huwa ta’ theddida għad-dritt tal-bniedem li jiddeċiedi xi jsir minnhom.

70      Huwa fil-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-istħarriġ tagħha tal-konformità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet mal-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju, li tiżgura li jiġu mħarsa d-dritt fundamentali tad-dinjità tal-bniedem u ta’ l-integrità tal-persuna.

71      Fir-rigward tar-rispett dovut għad-dinjità tal-bniedem, dan huwa bħala prinċipju assigurat mill-Artikolu 5(1) tad-Direttiva, li jipprojbixxi li l-ġisem tal-bniedem, fid-diversi stadji tal-formazzjoni u l-iżvilupp tiegħu, ikun jista’ jikkostitwixxi invenzjoni li għandha jedd għall-privattiva.

72      Fir-rigward ta’ l-elementi tal-ġisem tal-bniedem, dawn fihom infushom m’għandhomx jedd għal privattiva u l-iskoperta tagħhom ma tistax tkun suġġetta għal protezzjoni. Għandhom jedd għal talba għal privattiva biss dawk l-invenzjonijiet li jgħaqqdu element naturali ma’ proċess tekniku li jippermetti li dan jiġi iżolat jew li jiġi prodott għal applizzjoni industrijali.

73      B’hekk, kif jingħad fl-għoxrin u fil-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva, element mill-ġisem tal-bniedem jista’ jkun parti minn prodott li jista’ jikseb il-protezzjoni ta’ privattiva iżda ma jistax, fl-ambjent naturali tiegħu, ikun suġġett għal teħid.

74      Din id-distinzjoni tapplika fil-każ ta’ xogħlijiet dwar is-sekwenza jew is-sekwenza parzjali tal-ġenetika tal-bniedem. Ir-riżultat ta’ dawn ix-xogħlijiet jista’ jagħti lok għall-għoti ta’ privattiva biss jekk flimkien ma’ l-applikazzjoni tingħata, minn naħa waħda, deskrizzjoni tal-metodu oriġinali ta’ sekwenzar li jwassal għall-invenzjoni u, min-naħa l-oħra, spjegazzjoni ta’ l-applikazzjoni industrijali li għaliha x-xogħlijiet għandhom iwasslu, kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tad-Direttiva. Fin-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan it-tip, ma jkunx hemm invenzjoni, iżda skoperta ta’ sekwenza ta’ DNA li minnha nifisha ma tagħtix jedd għal privattiva.

75      B’hekk, il-protezzjoni prevista fid-Direttiva tirrigwarda biss ir-riżultat ta’ xogħol inventiv, xjentifiku jew tekniku, u tkopri l-informazzjoni bijoloġika li tkun teżisti fl-istat naturali fil-bniedem biss sakemm tkun meħtieġa għat-twettiq u l-isfruttar ta’ applikazzjoni industrijali partikolari.

76      Protezzjoni addizzjonali tinsab fl-Artikolu 6 tad-Direttiva li jipprovdi li huma kontra l-ordni pubbliku u l-moralità pubblika, u b’hekk esklużi mill-jedd għall-privattiva, il-proċessi għall-cloning tal-persuni umani, il-proċessi li jimmodifikaw l-identità tal-linja ġenetika tal-persuni umani u l-użi ta’ l-embrjonijiet għal għanijiet industrijali jew kummerċjali. Il-wieħed u tletin premessa tad-Direttiva tippreċiża li din il-lista m’hijiex eżawrjenti u li l-proċeduri li l-applikazzjoni tagħhom hija ta’ theddida għad-dinjità tal-bniedem għandhom ukoll ikun ineliġibbli għal jedd għall-privattiva.

77      Jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li, fir-rigward ta’ materja ħajja li toriġina mill-bniedem, id-Direttiva tinkwarda l-liġi tal-privattivi b’mod rigoruż biżżejjed biex tiżgura li l-ġisem tal-bniedem effettivament jibqa’ indisponibbli u inaljenabbli u li b’hekk id-dinjità tal-bniedem tiġi mħarsa.

78      It-tieni parti tal-motiv tikkontesta d-dritt ta’ l-integrità tal-persuna, safejn dan jinkludi, fil-kuntest tal-mediċina u l-bijoloġija, il-kunsens ħieles u informat.

79      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-invokazzjoni ta’ dan id-dritt fundamentali hija ineffettiva fil-konfront ta’ Direttiva li tirrigwarda biss l-għoti ta’ privattivi u li l-qasam ta’ applikazzjoni tagħha b’hekk ma jestendix b’konsegwenza għal attivitajiet li jsiru qabel u wara dan l-għoti, kemm jekk ikunu jinvolvu riċerka jew l-użu tal-prodotti protetti bi privattiva.

80      L-għoti ta’ privattiva huwa bla ħsara għal-limitazzjonijiet jew projbizzjonijiet legali li japplikaw għar-riċerka ta’ prodotti protetti bi privattiva jew l-isfruttar ta’ prodotti protetti bi privattiva, kif huwa mfakkar fl-erbatax-il premessa tad-Direttiva. L-iskop tad-Direttiva m’huwiex li tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet restrittivi li jiggarantixxu, lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, il-ħarsien ta’ ċerti normi etiċi li jinkludu d-dritt tal-bniedem li jiddeċiedi xi jsir minnu b’mod informat.

81      Il-ħames motiv b’hekk għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv

82      Ir-rikorrent isostni fl-aħħar nett li d-Direttiva hija vvizzjata bi ksur ta’ formalitajiet sostantivi in kwantu ma tagħti ebda indikazzjoni li permezz tagħha huwa żgurat li l-proposta tal-Kummissjoni ġiet adottata permezz ta’ deliberazzjoni kolleġjali u fuq il-bażi ta’ test fil-lingwi uffiċjali.

83      Il-Kunsill huwa tal-fehma li dan il-motiv huwa inammissibbli in kwantu r-rikorrent ma jippreċiżax jekk dan huwiex relatat mal-proposta inizjali jew mal-proposta emendata tal-Kummissjoni u li huwa ma jagħti ebda prova in sostenn tal-motiv tiegħu.

84      Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li peress li d-Direttiva tirreferi fil-preambolu tagħha għall-“proposta mill-Kummissjoni” billi tagħmel referenza għan-nota fil- qiegħ il-paġna fl-edizzjonijiet tat-8 ta’ Ottubru 1996 u tal-11 ta’ Ottubru 1997 tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, il-motiv jirrigwarda kemm il-proposta tad-Direttiva 96/C 296/03 ippreżentata mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Jannar 1996 (ĠU C 296, 1996, p. 4), kif ukoll il-proposta emendata tad-Direttiva 97/C 311/05 ippreżentata mill-Kummissjoni fid-29 ta’Awwissu 1997 (ĠU C 311, 1997, p. 12). Barra minn hekk, il-motiv huwa preċiż biżżejjed biex il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tifhem il-portata tiegħu.

85      Peress li l-Kummissjoni pprovdiet, fl-intervent tagħha, indikazzjonijiet li jippermettu li jiġi stabbilit li ġew irrispettati l-prinċipju tal-kolleġjalità u r-regoli lingwistiċi applikabbli għad-deliberazzjonijiet tagħha, ir-rikorrent ippreċiża li l-motiv tiegħu ma kienx ibbażat fuq ksur tal-prinċipju tal-kolleġjalità, iżda fuq nuqqas ta’ ġustifikazzjoni evidenti, fit-test tad-Direttiva, li l-prinċipju ġie rrispettat.

86      F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ motivazzjoni tad-Direttivi li jirriżulta mill-Artikolu 190 tat-Trattat KE (li sar l-Artikolu 253 KE) ma jimponix li l-firem tal-proposti u l-opinjonijiet, imsemmija fl-istess Artikolu, iridu jinkludu sommarju taċ-ċirkustanzi tal-fatti li jippermetti li jiġi stabbilit li kull waħda mill-istituzzjonijiet intervenjenti fil-proċedura leġiżlattiva osservat ir-regoli proċedurali tagħha.

87      Minbarra dan, huwa biss meta jkun hemm dubju serju dwar ir-regolarità tal-proċedura qabel l-intervent tagħha li istituzzjoni hija ġġustifikata li tinvestiga dwar dan. Madankollu, ma ġiex stabbilit, u lanqas allegat, li l-Parlament jew il-Kunsill, fil-każ preżenti, kellhom raġunijiet validi biex jaħsbu li d-deliberazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta tagħha kienet waħda irregolari.

88      Is-sitt motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud, flimkien mar-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

89      Skond l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Renju ta’ l-Olanda tilef, hemm lok li huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż kif mitlub mill-Parlament u l-Kunsill.

90      Skond l-ewwel u t-tieni subparagrafi ta’ l-Artikolu 69(4) ta’ l-istess Regoli, ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tan-Norveġja u l-Kummissjoni, li kienu intervenjenti fil-kawża, għandhom ibatu l-ispejjeż ripettivi tagħhom.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

taqta' u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju ta’ l-Olanda huwa ordnat ibati l-ispejjeż.

3)      Ir-Repubblika Taljana, ir-Renju tan-Norveġja u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew għandhom ibatu l-ispejjeż ripettivi tagħhom.

Rodríguez Iglesias

Jann      Macken

Colneric

von Bahr

Gulmann

Edward

La Pergola       Puissochet

Sevón

Wathelet

Skouris

Cunha Rodrigues

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fid-9 ta' Ottubru 2001.

R. Grass

 

      G. C. Rodríguez Iglesias

Reġistratur                                      Il-President


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż