Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Awwissu 2013 – Doux vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-434/13)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Doux SA (Châteaulin, Franza) (rappreżentant: J. Vogel, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 689/2013, tat- 18 ta’ Lulju 2013, li jiffissa r-rifużjonijiet tal-[l-ħlasijiet lura fuq l-]esportazzjoni fis-settur tal-laħam tat-tjur;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali, peress li r-regolament ikkontestat ma jinkludi ebda motivazzjoni. Ir-rikorrenti ssostni li l-motivazzjoni indikata fir-regolament ikkontestat hija sempliċement motivazzjoni tali li ma tippermettix li jiġi segwit ir-raġunament tal-Kummissjoni, filwaqt li l-Kummissjoni kellha tindika b’mod iktar preċiż il-kunsiderazzjonijiet li jiġġustifikaw li tmur lil hinn mill-ammont ta’ ħlas lura ta’ EUR 108.5 għal kull tunnellata għal EUR 0 u dan speċjalment peress li hija tmur kontra l-prattika deċiżjonali preċedenti tagħha.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ aspettativi leġittimi, peress li l-Kummissjoni kienet żgurat lill-operaturi li l-ħlas lura ser jinżamm sad-dħul fis-seħħ tal-politika agrikola komuni l-ġdida. Ir-rikorrenti ssostni li t-tnaqqis tal-ammont tal-ħlasijiet lura ta’ EUR 108.5 għal kull tunnellata għal EUR 0 ma kienx previst fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-suq tal-laħam tat-tjur.

It-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-indikaturi ekonomiċi kienu jiġġustifikaw li jiġi ffissat l-ammont ta’ ħlasijiet lura għal EUR 0 għalkemm iż-żieda tal-prezzijiet tas-suq ser tiġi l-parti l-kbira assorbita biż-żieda tal-Euro kontra d-Dollaru. Ir-rikorrenti tqis għaldaqstant li l-indikaturi ekonomiċi ma jiġġustifikawx li jitneħħew il-ħlasijiet lura.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni qieset li dħul fis-seħħ immedjat tar-regolament ikkontestat ikun iġġustifikat “sabiex jiġi evitat tfixkil tas-suq, tiġi evitata l-ispekulazzjoni u tiġi żgurata ġestjoni effettiva”. Ir-rikorrenti ssostni li din il-motivazzjoni, li hija identika għal dik f’regolamenti preċedenti, hija partikolarment inadatta għal dan il-każ, peress li t-tneħħija minnufih tal-ħlasijiet lura fuq l-esportazzjoni mingħajr avviż minn qabel li tippermetti l-adattament tal-model ekonomiku tal-operaturi, setgħet għall-kuntrarju twassal għal diżorganizzazzjoni tas-suq intern.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter tal-Kummissjoni, peress li hija ma adottatx ir-regolament ikkontestat għal raġuni pprovduta fir-Regolament Nru 1234/2007 1 .

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).