Language of document : ECLI:EU:T:2012:496

Kawża T-139/09

Ir-Repubblika Franċiża

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat — Settur tal-frott u l-ħaxix — ‘Pjanijiet ta’ kontinġenza’ intiżi insostenn tas-suq tal-frott u tal-ħaxix fi Franza — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni — Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat — Riżorsi tal-Istat — Kofinanzjament minn stabbiliment pubbliku u minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi — Argumenti mhux imqajma matul il-proċedura amministrattiva — Obbligu ta’ motivazzjoni”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) tas-27 ta’ Settembru 2012

1.      Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat

(Artikoli 87 KE u 253 KE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata — Evalwazzjoni tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat fil-każ ta’ miżuri ffinanzjati fl-istess ħin minn kontribuzzjonijiet tal-Istat u minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ professjonisti ta’ settur

(Artikolu 87 KE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Deċiżjoni tal-Kummissjoni — Evalwazzjoni tal-legalità skont elementi ta’ informazzjoni disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni — Dmir ta’ kollaborazzjoni tal-Istat Membru

(Artikolu 87 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 659/1999, Artikolu 13(1))

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat

(Artikolu 87 KE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati — Kunċett — Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat — Miżuri ffinanzjati fl-istess ħin minn kontribuzzjonijiet tal-Istat u minn kontribuzzjonijiet volontarji ta’ professjonisti ta’ settur — Kriterju rilevanti — Livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fid-definizzjonijiet tal-miżuri ffinanzjati mill-partijiet professjonali u l-metodi ta’ kif jiġu ffinanzjati

(Artikolu 87 KE)

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 37-39)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 41-46)

3.      L-Istat Membru li ta jew jixtieq jagħti għajnuna b’deroga mir-regoli tat-Trattat huwa marbut, fil-kuntest tal-proċedura li għaliha huwa jipparteċipa, bid-dmir ta’ kollaborazzjoni mal-Kummissjoni, li abbażi tiegħu huwa għandu, b’mod partikolari, jipprovdi l-elementi kollha li jistgħu jippermettu li din l-istituzzjoni tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga mitluba huma sodisfatti. Il-legalità ta’ deċiżjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat għandha għalhekk tiġi evalwata skont elementi ta’ informazzjoni li l-Kummissjoni setgħet kellha meta hija adottat din id-deċiżjoni. Minn dan b’mod partikolari jirriżulta li meta l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jirrispondi għal sitwazzjoni oġġettiva li għandha tiġi evalwata fid-data ta’ meta l-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni tagħha, huma l-evalwazzjonijiet magħmula f’din id-data li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jitwettaq dan l-istħarriġ ġudizzjarju. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ informazzjoni kuntrarja min-naħa tal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni tista’ tibbaża ruħha fuq il-fatti, anki jekk żbaljati, li hija jkollha fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni finali, sa fejn il-punti ta’ fatt ikkonċernati kienu s-suġġett ta’ ordni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Istat Membru sabiex jipprovdilha l-informazzjoni meħtieġa.

Barra minn hekk, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE, jirriżulta li wara l-proċedura ta’ investigazzjoni formali dwar għajnuna illegali, il-Kummissjoni tadotta d-deċiżjoni abbażi tal-informazzjoni disponibbli, u b’mod partikolari abbażi ta’ dik ipprovduta mill-Istat Membru bi tweġiba għat-talbiet għall-informazzjoni tal-Kummissjoni.

F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-prinċipju tal-effettività tal-proċedura amministrattiva, Stat Membru ma jistax jikkuntesta għall-ewwel darba fl-istadju ġudizzjarju l-kontenut tal-osservazzjonijiet fattwali magħmula minn terz interessat matul il-proċedura amministrattiva, u li kienu ntbagħtulu.

(ara l-punti 52, 53, 55)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 57-60)

5.      Meta skema ta’ sussidji favur ċerti operaturi ekonomiċi ta’ settur speċifiku tiġi ffinanzjata totalment jew parzjalment permezz ta’ kontribuzzjonijiet imposti mill-awtorità pubblika u miġbura mingħand l-operaturi ekonomiċi kkonċernati, dan ma huwiex biżżejjed, waħdu, sabiex din l-iskema titlef in-natura tagħha ta’ għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

Bil-kontra ta’ dan, ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat fondi miġbura minn korp pubbliku permezz ta’ kontribuzzjonijiet miġbura unikament mingħand l-operaturi ekonomiċi li jibbenefikaw mill-miżura inkwistjoni, iżda li qatt ma tħallew għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali u li servew sabiex jiġu ffinanzjati azzjonijiet iddeterminati biss mill-operaturi kkonċernati.

Għalhekk, il-kriterju rilevanti sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ riżorsi pubbliċi, indipendentement mill-oriġini inizjali tagħhom, huwa dak tal-livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri inkwistjoni u tal-metodu ta’ kif jiġu ffinanzjati. Is-sempliċi fatt li l-kontribuzzjonijiet tal-operaturi ekonomiċi kkonċernati intiżi għall-finanzjament parzjali tal-miżuri inkwistjoni huma ta’ natura volontarja u mhux obbligatorja ma huwiex biżżejjed sabiex dan il-prinċipju jitqiegħed f’dubbju. Fil-fatt, il-livell ta’ intervent tal-awtorità pubblika fuq dawn il-kontribuzzjonijiet jista’ jkun kunsiderevoli, anki meta dawn il-kontribuzzjonijiet ma jkunux ta’ natura obbligatorja.

F’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tar-rwol tal-awtorità pubblika fid-definizzjoni tal-miżuri ffinanzjati minn stabbiliment pubbliku u minn kontribuzzjonijiet volontarji mill-organizzazzjonijiet tal-produtturi, hija l-Qorti Ġenerali li għandha twettaq din l-evalwazzjoni b’mod globali, mingħajr ma jkun possibbli li ssir distinzjoni skont il-metodu ta’ finanzjament tagħhom, peress li l-kontribuzzjonijiet pubbliċi u dawk privati tqiegħdu flimkien b’mod funġibbli f’fond operazzjonali.

Fil-kaz fejn id-definizzjoni ta’ dawn il-miżuri u tal-metodi ta’ finanzjament tagħhom tkun responsabbiltà ta’ stabbiliment pubbliku ta’ natura industrijali u kummerċjali taħt it-tutela tal-Istat, u fejn il-benefiċjarji tal-miżuri jkollhom biss is-setgħa li jiddeċiedu jekk jipparteċipawx jew le fis-sistema hekk iddefinita mill-istabbiliment, billi jaċċettaw jew jirrifjutaw li jħallsu l-partijiet professjonali stabbiliti minn dan tal-aħħar, għandu jiġi kkunsidrat li l-imsemmija miżuri jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

(ara l-punti 61-64, 66, 88)