Language of document : ECLI:EU:T:2018:940

Kawża T-167/13

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Comune di Milano

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Servizzi ta’ ground handling – Injezzjonijiet ta’ kapital magħmula minn SEA favur Sea Handling – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern u li tordna l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna – Imputabbiltà lill-Istat – Kriterju ta’ investitur privat – Prinċipju ta’ kontradittorju – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal amministrazzjoni tajba – Aspettattivi leġittimi”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) tat-13 ta’ Diċembru 2018

1.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Atti li jikkonċernawhom direttament u individwalment – Inċidenza individwali – Kriterji – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara għajnuna inkompatibbli mas-suq u tordna l-irkupru tagħha – Rikors ta’ awtorità pubblika, li għandha l-kwalità ta’ fornitur tal-għajnuna – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263, ir-raba’ paragrafu TFUE)

2.      Rikors għal annullament – Persuni fiżiċi jew ġuridiċi – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali

(Artikolu 263, ir-raba’ paragrafu TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Riżorsi tal-impriża suġġetti kontinwament għall-istħarriġ pubbliku – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Interventi konsekuttivi tal-Istat li jżommu bejniethom rabtiet indiviżibbli – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mogħtija minn impriża pubblika – Impriża kkontrollata mill-Istat – Imputabbiltà lill-Istat tal-miżura ta’ għajnuna – Inklużjoni – Għadd ta’ indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

6.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha – Teħid inkunsiderazzjoni tal-elementi disponibbli u tal-evoluzzjonijiet prevedibbli fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni li tirrigwarda l-miżura inkwistjoni

(Artikolu 107 u 108(1) u (3) TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Evalwazzjoni skont il-kriterju ta’ investitur privat – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha tal-operazzjoni kontenzjuża u tal-kuntest tagħha – Oneru tal-prova li jaqa’ fuq il-Kummissjoni – Portata – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 107(1) TFUE)

1.      Il-pożizzjoni legali ta’ organu li ma huwiex Stat Membru, li għandu personalità ġuridika u ħa miżura kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat f’deċiżjoni finali tal-Kummissjoni, jista’ jkun effettwat individwalment minn din id-deċiżjoni jekk din tipprekludih milli jeżerċita kif jidhirlu l-kompetenzi tiegħu, li b’mod partikolari jikkonsistu fl-għoti tal-għajnuna inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, awtorità pubblika li kienet involuta fl-adozzjoni tal-miżuri inkwistjoni sal-punt li dawn il-miżuri huma imputabbli lilha skont il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja, għandha titqies bħala l-persuna li tagħti l-għajnuna.

(ara l-punti 34, 41)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 45, 46)

3.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 60-62)

4.      Billi l-interventi tal-Istat jistgħu jieħdu diversi forom u allura jridu jkunu evalwati skont l-effetti tagħhom, ma jistax ikun eskluż li diversi miżuri konsekuttivi ta’ intervent mill-Istat għandhom, għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE, jitqiesu bħala intervent wieħed. Dan jista’ jkun il-każ b’mod partikolari meta l-interventi konsekuttivi, b’mod speċjali meta wieħed jikkunsidra li l-kronoloġija u l-għan tagħhom u ċ-ċirkostanzi tal-impriża meta saru l-interventi, huma tant relatati ma’ xulxin li huma inseparabbli minn xulxin.

(ara l-punt 71)

5.      L-attribwibbiltà ta’ miżura lill-Istat ma tistax tiġi dedotta mis-sempliċi fatt li l-miżura inkwistjoni ttieħdet minn impriża pubblika. Fil-fatt, anki jekk l-Istat ikun f'pożizzjoni li jikkontrolla impriża pubblika u li jeżerċita influwenza dominanti fuq l-operat tagħha, l-eżerċitar propju ta’ dak il-kontroll f’każ partikolari ma jistax jiġi presupponut b’mod awtomatiku. Impriża pubblika tista’ taġixxi b’aktar jew anqas indipendenza, skont il-grad ta’ awtonomija mogħtija lilha mill-Istat.

Għalhekk, is-sempliċi fatt li impriża pubblika taqa’ taħt il-kontroll tal-Istat mhuwiex biżżejjed sabiex miżuri meħuda minnha jkunu attribwibbli lill-Istat. Jibqa’ meħtieġ li jiġi eżaminat jekk l-awtoritajiet pubbliċi għandhomx jitqiesu bħala li kienu involuti, b’xi mod jew ieħor, fl-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri. F’dam ir-rigward, ma jistax jiġi mitlub li jiġi pprovat, abbażi ta’ talba preċiża, li fil-każ partikolari l-awtoritajiet pubbliċi konkretament ħeġġu lill-impriża pubblika sabiex taddotta l-miżuri ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, wara li jiġi kkunsidrat il-fatt li r-relazzjonijiet bejn l-Istat u l-impriżi pubbliċi huma qrib, hemm riskju reali li l-għajnuna mill-Istat tingħata permezz tal-intermedjarju ta’ dawk l-impriżi b'mod mhux trasparenti u bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat kif stabbiliti mit-Trattat. Min-naħa l-oħra, bħala regola ġenerali, ikun diffiċli ferm għal parti terza, preċiżament minħabba r-relazzjonijiet privileġġjati li jeżistu bejn l-Istat u intrapriża pubblika, li jintwera f’xi każ konkret li l-miżuri ta’ għajnuna li jittieħdu minn tali intrapriża fil-fatt ikunu ġew adottati skont l-istruzzjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi. Għal dawk ir-raġunijiet, irid jiġi aċċettat li l-imputabilità lill-Istat ta’ miżura ta’ għajnuna meħuda minn impriża pubblika tista’ tiġi dedotta minn sett ta’ indikaturi li jirriżultaw miċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kuntest li tkun fih ittieħdet dik il-miżura.

Barra minn hekk, kull indizju ieħor li jindika, fil-każ konkret, involviment tal-awtoritajiet pubbliċi jew l-improbabbiltà tal-assenza ta’ involviment fl-adozzjoni tal-miżura, fid-dawl ukoll tal-portata tagħha, tal-kontenut tagħha u tal-kundizzjonijiet li hija tinvolvi, jista’, jekk ikun il-każ, ikun rilevanti biex jiġi konkluż li l-l-Istat huwa imputabbli għal miżura adottata minn impriża pubblika.

(ara l-punt 75)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 102-105)

7.      Skont il-prinċipji marbuta mal-oneru tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi l-prova ta’ tali għajnuna. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija obbligata li tmexxi proċedura ta’ eżami tal-miżuri inkwistjoni b’mod diliġenti u imparzjali, bil-għan li tikseb, waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, fejn xieraq, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompluti u affidabbli possibbli.Fir-rigward tal-livell ta’ prova meħtieġa, in-natura tal-provi li għandhom jiġu prodotti mill-Kummissjoni, tiddependi, fil-biċċa l-kbira, fuq in-natura tal-miżura statali prevista.

Barra minn hekk, l-eżami mill-Kummissjoni tal-kwistjoni dwar jekk miżuri partikolari jistgħux jitqiesu bħala għajnuna mill-Istat, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi ma jkunux imxew bl-istess mod bħal investitur privat, jirrikjedi li ssir evalwazzjoni ekonomika kumplessa. Issa, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi mwettqa mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ma huwiex l-obbligu tal-qorti tal-Unjoni li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni, u hija għandha tillimita l-istħarriġ tagħha għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, tal-eżattezza materjali tal-fatti kkunsidrati, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

Sabiex jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-fatti li huwa ta’ natura tali li jiġġustifika l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi miġjuba mill-Istat Membru għandhom ikunu suffiċjenti sabiex iwaqqgħu l-kredibbiltà tal-evalwazzjonijiet tal-fatti adottati fl-imsemmija deċiżjoni.

Għaldaqstant, il-qorti tal-Unjoni għandha mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha tistħarreġ ukoll jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet li jirriżultaw minnhom.

B’hekk, meta jiġi applikat il-kriterju ta’ kreditur privat, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni kull element rilevanti tal-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx manifestament tikseb faċilitajiet paragunabbli minn kreditur privat. F’dan ir-rigward, min-naħa, għandha titqies li hija rilevanti kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza, b’mod mhux negliġibbli l-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jipprova jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet sabiex iħallas. Min-naħa l-oħra, huma rilevanti biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli meta ttieħdet din d-deċiżjoni. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li teżamina l-informazzjoni jekk il-provi prodotti ġew stabbiliti wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni biex isir l-investiment inkwistjoni u dawn ma jeżentawx lill-Istat Membru kkonċernat milli jagħmel evalwazzjoni minn qabel tal-profittabbiltà tal-investiment tiegħu, qabel ma jipproċedi għal dak l-investiment.

(ara l-punti 106-110)