Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta’ Frar 2022 minn Jean-François Jalkh mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-230/21, Jalkh vs Il-Parlament

(Kawża C-82/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Jean-François Jalkh (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-1 ta’ Diċembru 2021 fil-Kawża T-230/21, Jalkh vs Il-Parlament;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew P9_TA(2021)0092 tal-25 ta’ Marzu 2021 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità tal-appellant (2020/2110 (IMM));

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell, l-appellant jinvoka tliet aggravji.

L-ewwel aggravju jinvoka ksur tar-regola “Il-liġi kriminali trażżan il-liġi amministrattiva u ċivili”. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni li wassalha twarrab mill-analiżi tagħha dispożizzjonijiet ġuridiċi fis-seħħ fl-Unjoni Ewropea u ġurisprudenza ta’ pajjiż tal-Unjoni, li setgħu u kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ tal-appellant, sabiex tiġi sospiża l-proċedura ta’ tneħħija tal-immunità tiegħu, fid-dawl tal-ilment kontra X bil-kostituzzjoni ta’ parti ċivili ppreżentata fil-15 ta’ Diċembru 2020 f’idejn il-juge d’instruction de Bruxelles (il-Qorti Istruttorja ta’ Brussell, il-Belġju), tal-kap ta’ falsifikazzjoni u tal-użu ta’ dokumenti ffalsifikati.

It-tieni aggravju jallega żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni billi ġie injorat il-ksur, mill-Parlament Ewropew, permezz tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tiegħu, tal-Artikolu 7 tal-Komunikazzjoni 0011/2019 tad-19 ta’ Novembru 2019.

Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u tal-prinċipji ġenerali tiegħu, bħall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li kellu importanza partikolari għall-proċedura għaliex l-appellant argumenta li n-nota miktuba bl-idejn “attent ħafna” li tissupplimenta t-tislima ttajpjata fuq l-ittra ta’ min għandu l-kustodja tas-siġilli tas-16 ta’ Ġunju 2020 kellha titqies bħala li turi ħeġġa min-naħa tal-Gvern Franċiż sabiex juża l-proċedura ġudizzjarja inkwistjoni fid-dibattitu politiku u bħala tali tikkostitwixxi fumus persecutionnis.

It-tielet aggravju jqajjem ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar l-Immunitajiet. Skont l-appellant, il-Qorti Ġenerali tirrikonoxxi li l-fatti kkritikati, l-użu minn Jean-François Jalkh tal-baġit tiegħu ta’ spejjeż ta’ assistenza parlamentari, huma koperti mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll, iżda tillimita ruħha għal formola ġenerali sabiex tiċħad l-ilment mingħajr ma tispjega l-motivi tagħha.

____________