Language of document :

Rikors ippreżentat fid-29 ta' Settembru 2008 - Performing Right Society vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-421/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Performing Right Society Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: J. Rivas Andrés u M. Nissen, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni datata 16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC) minħabba n-nuqqas ta' data tal-bidu tal-perijodu tal-ksur u konsegwentament ta' indikazzjoni ta' kemm dam għaddej il-ksur;

tannulla l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni datata 16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC);

sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 3 u/jew l-Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni datata 16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC) fir-rigward tal-inklużjoni tar-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 230 KE, titlob l-annullament, totali jew parzjali, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 3435 tas-16 ta' Lulju 2008 dwar proċedura skont l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C2/38.698 - CISAC).

Taħt l-ewwel motiv, ir-rikorrenti tallega li r-raġunament fid-deċiżjoni kkontestata ma jsostnix konstatazzjoni ta' ksur għal xi waħda mit-tliet forom ta' esplojtazzjoni li ġejjin: xandir bis-satellita, ritrażmissjoni on-line u bil-kejbil. Abbażi ta' dan, ir-rikorrenti tħoss li l-Kummissjoni ma pprovdietx provi dwar l-allegata eżistenza ta' prattika miftiehma li kienu involuti fiha l-membri kollha taċ-CISAC miż-ŻEE billi llimitaw il-portata tal-mandati reċiproċi tagħhom għat-territorji rispettivi tagħhom. Skont ir-rikorrenti, dan jikkostitwixxi żball ta' evalwazzjoni u ksur tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 253 KE. Fil-fatt, ir-rikorrenti tissottometti li ma hemmx aġir parallel bejn il-membri kollha taċ-CISAC miż-ŻEE kif juru l-eċċezzjonijiet għad-definizzjoni territorjali msemmija fid-deċiżjoni kkontestata stess. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix raġunament xieraq peress li ma ssemmix id-data meta beda l-ksur, u għalhekk, il-perijodu tal-ksur, partikolarment tal-prattika miftiehma, biex b'hekk tikser ukoll l-Artikoli 2 u 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 1/20031.

Taħt it-tieni motiv, ir-rikorrenti tissottometti li r-raġunament fid-deċiżjoni kkontestata huwa żbaljat għaliex ma jippruvax li r-rikorrenti pparteċipat fl-allegata prattika miftiehma. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, hemm spjegazzjoni plawżibbli għall-aġir tagħha minbarra l-eżistenza ta' prattika miftiehma, speċifikament, li hija tagħżel dawk is-soluzzjonijiet li tħoss li huma preferibbli mill-perspettiva kummerċjali. Hija tissottometti, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, b'mod konformi mal-ġurisprudenza stabbilita, kellha tivverifika jekk huwiex aġir ekonomiku individwali razzjonali li jiġu appuntati collecting society waħda jew aktar addizzjonali sabiex ikunu jistgħu jikkompetu kemm mal-collecting society lokali u mas-soċjetà li toħroġ il-liċenzji direttament.

Taħt it-tielet motiv imressaq mir-rikorrenti, hija tissottometti li r-rimedji mogħtija mill-Artikolu 4(2) tad-deċiżjoni kkontestata huma legalment inċerti, mhux ġustifikati, mhux meħtieġa u/jew sproporzjonati sabiex iwaqqfu l-allegat ksur.

Taħt ir-raba' motiv, ir-rikorrenti tissottometti li l-Kummissjoni kisret id-dritt tagħha għal smigħ billi ma nfurmathiex bir-raġunijiet għalfejn ma aċċettatx l-impenji proposti.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU 2003 L 1, p. 1)