Language of document :

Rikors ippreżentat fit-30 ta' Settembru 2008 - Sacem vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-422/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Société des auteurs, compositeurs et éditeurs de musique (Sacem) (Neuilly-sur-Seine, Franza) (rappreżentant: H. Calvet, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fis-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ KOMP/C2/38.698 - CISAC sa fejn hija (i) tikkundanna lir-rikorrenti, fl-Artikolu 1 tagħha, skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, minħabba li użat fil-ftehim tagħha ta' rappreżentazzjoni reċiproka r-restrizzjonijiet ta' sħubija inklużi fl-Artikolu 11(II) tal-kuntratt mudell tas-CISAC jew minħabba li applikat de facto dawn ir-restrizzjonijiet ta' sħubija u (ii) tordnaha, konsegwentement, fl-Artikolu 4.1 tagħha, li ttemm immedjatament dan il-ksur, jekk hija mhux diġà għamlet dan, u li tinforma lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li jittieħdu għal dan il-għan ;

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fis-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ KOMP/C2/38.698 - CISAC sa fejn hija (i) tikkundanna lir-rikorrenti, fl-Artikolu 3 tagħha, skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, minħabba li kkoordinat limitazzjonijiet territorjali b'tali mod li rrestrinġiet il-portata ta' liċenzja għat-territorju nazzjonbli ta' kull soċjetà għall-amministrazzjoni kollettiva u (ii) tordnaha, konsegwentement, fl-Artikolu 4.2. tagħha, li ttemm fi żmien mija u għoxrin ġurnata li jibdew jgħoddu mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-ksur u li tinforma lill-Kummissjoni, fl-istess żmien, bil-miżuri kollha li jittieħdu għal dan il-għan ;

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni fis-16 ta' Lulju 2008 fil-Każ KOMP/C2/38.698 - CISAC sa fejn hija tordna lir-rikorrenti, minn dik id-data 'il quddiem, sabiex tibqa' lura minn kull att jew aġir deskritt fl-Artikoli 1 u 3 tad-deċiżjoni kif ukoll minn kull att jew aġir li għandu għan jew effett simili ;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F'din il-kawża, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Lulju 2008, dwar proċedura ta' applikazzjoni tal-Artikolu 81 KE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-Żona Ekonomika Ewropea (Każ KOMP/C2/38.698 - CISAC) intiża għal prattiċi miftiehma dwar il-kundizzjonijiet ta' amministrazzjoni tad-drittijiet ta' eżekuzzjoni pubblika ta' xogħlijiet mużikali, kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta' għoti tal-liċenzji korrispondenti mis-soċjetajiet għall-amministrazzjoni kollettiva, u li jieħdu l-forma ta' restrizzjonijiet ta' sħubija fil-ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka, kif previsti permezz tal-kuntratt mudell tal-Confédération internationale des sociétés d'auteurs et compositeurs (kuntratt mudell CISAC) jew kif huma applikati fil-prattika.

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti l-ewwel nett issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tagħha ta' difiża u l-forom sostanzjali:

meta ddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti ħadet sehem f'allegata prattika miftiehma meta d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta lir-rikorrenti kienet ibbażata fuq it-teorija tal-effet ta' netwerk ; ir-rikorrenti għalhekk ma tqiegħditx fil-kapaċità li tippreżenta d-difiża tagħha fuq is-sehem tagħha fl-allegata prattika miftiehma;

mata ma tatx motivi għalfejn laqgħet l-ilment kontra r-rikorrenti dwar ir-restrizzjonijiet ta' sħubija li kienu jinsabu fil-kuntratti ta' rappreżentazzjoni reċiproka konklużi bejn soċjetajiet ta' awturi Ewropej jew applikati de facto minnhom meta r-rikorrenti ppruvat li hija kienet neħħiet dawn il-klawżoli u li hija ma kinitx għadha tapplikahom;

meta ma tatx definizzjoni tal-attività li jsir riferiment għaliha fid-deċiżjoni kkontestata, rigward il-ksur marbut ma' allegata prattika miftiehma u għalhekk tal-portata tal-ordni tagħha.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE:

meta ddeċidiet li r-rikorrenti wettqet ksur permezz tal-klawżola ta' sħubija filwaqt li r-rikorrenti ġabet il-prova li hija neħħiet dawk il-klawżoli u li ma kinitx tapplikahom;

meta wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni rigward ix-xandir bis-satellita, peress li s-soċjetajiet tal-awturi taw mandati lil xulxin, rispettivament, sabiex jagħtu lill-operaturi ta' xandir bis-satellita awtorizzazzjoni multiterritorjali li tkopri iż-żona kollha ta' trażmissjoni tas-satellita użata għax-xandir tal-programmi tagħhom ;

meta adottat definizzjoni tas-suq li mhijiex eżatta;

meta ddeċidiet li r-rikorrenti ħadet sehem fi prattika miftiehma mingħajr ma ġabet il-prova ta' dan;

meta kkonkludiet li teżisti prattika miftiehma filwaqt li l-allegat ftehim bejn soċjetajiet ta' awturi ma setax jirrestrinġi l-kompetizzjoni;

meta pprojbiet lis-soċjetajiet ta' awturi "kull att jew aġir li għandu għan jew effett identiku jew simili" għall-allegati prattiki miftiehma li wasslu għal-limitazzjonijiet territorjali li jinsabu fil-kuntratti ta' rappreżentazzjoni reċiproka filwaqt li ddikjarat li kull soċjetà hija ħielsa li tistabbilixxi f'kuntest bilaterali l-portata ta' ftehim ta' rappreżentazzjoni reċiproka li hija tikkonkludi, peress li dawn il-kontradizzjonijiet jippreġudikaw iċ-ċertezza legali.

____________