Language of document : ECLI:EU:T:2005:107

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA (Il-Ħames Awla)

17 ta' Marzu 2005 (*)

"Programm Tacis – Sejħa għall-offerti – Irregolaritajiet fil-proċedura ta' l-għoti – Rikors għal kumpens ta' danni "

Fil-kawża T-160/03,

AFCon Management Consultants, stabbilita fi Bray (L-Irlanda),

Patrick Mc Mullin, residenti fi Bray,

Seamus O'Grady, residenti fi Bray,

irrappreżentati minn B. O'Connor, solicitor, u minn I. Carreño, avukat,

rikorrenti

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Enegren u F. Hoffmeister, bħala aġenti, b'indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta

li għandha bħala suġġett talba għall-kumpens tad-dannu li allegatament kien mġarrab minħabba f'irregolaritajiet tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti ta' proġett iffinanzjat mill-programm Tacis ("Proġett FDRUS 9902 – Agricultural extension services in South Russia"),

IL-QORTI TAL-PRIM'ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn P. Lindh, President, R. García-Valdecasas u J. D. Cooke, Imħallfin,

Reġistratur: D. Christensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta' Lulju 2004,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        AFCon Management Consultants (aktar 'il quddiem "AFCon") hija kumpannija ta' konsulenza speċjalizzata fil-qasam agrikolu fil-pajjiżi b'ekonomija f'transizzjoni; Mc Mullin u O’Grady huma l-amministraturi, l-azzjonisti u l-fondaturi tagħha (aktar 'il quddiem, flimkien, ir-"rikorrenti").

2        Fit-28 ta' Mejju 1999, il-Kummissjoni niedet sejħa għall-offerti ristretta fil-qafas tal-programm Tacis għal kuntratt ta' servizzi ta' assistenza teknika intitolata "Agricultural extension services in South Russia" (Servizzi ta' estensjoni agrikola fin-Nofsinhar tar-Russja ) u li għandha r-referenza FDRUS 9902 (aktar 'il quddiem is-"sejħa għall-offerti kkonċernatakkonċernata").

3        Minn fost il-21 impriża li kienu wrew l-interess tagħhom għal din is-sejħa għall-offerti, il-kumitat ta' evalwazzjoni, fid-29 ta' Lulju 1999, ħejja lista ristretta ta' għaxar impriżi li sussegwentement kienu mistiedna sabiex jippreżentaw offerta.

4        Fis-16 u s-17 ta' Diċembru 1999, il-kumitat ta' evalwazzjoni ltaqa' biex jipproċedi għall-evalwazzjoni tat-tmien offerti li rċieva (aktar 'il quddiem l-"ewwel evalwazzjoni"). Il-kumitat ikkunsidra li l-offerta tal-konsorzju bejn GFA – Gesellschaft für Agrarprojekte mbH (GFA-Agrar) u Stoas Agri-projects Foundation (Stoas) kienet l-aħjar waħda, filwaqt li l-offerta ta' AFCon ġiet fit-tieni post.

5        Il-Kummissjoni sussegwentement skopriet li kien hemm kunflitt ta' interess bejn membru tal-kumitat ta' evalwazzjoni u l-konsorzju bejn GFA-Agrar u Stoas (GFA). Dan il-membru, A, kien fil-fatt impjegat mill-Agriment International BV, sussidjarja ta' Stoas. Il-Kummissjoni temmet il-kollaborazzjoni tagħha ma' A u infurmatu li ma kinitx ser tagħmel aktar użu mis-servizzi tiegħu.

6        Minħabba f'dan il-kunflitt ta' interess, il-Kummissjoni, fit-3 ta' Marzu 2000, iddeċidiet li tannulla l-ewwel evalwazzjoni u li tafda l-proċeduri għat-tieni evalwazzjoni lil kumitat kompost minn membri ġodda. Il-Kummissjoni infurmat lil dawk li kienu tefgħu offerta b'din id-deċiżjoni b'ittra tat-28 ta' Marzu 2000.

7        Fil-15 u s-16 ta' Mejju 2000, il-kumitat ta' evalwazzjoni pproċeda b'tieni evalwazzjoni ta' l-offerti (aktar 'il quddiem it-"tieni evalwazzjoni"). Fi tmiem din l-evalwazzjoni, l-offerta ta' GFA ġiet iddikjarata bħala l-aħjar waħda. L-offerta teknika ta' GFA irċeviet il-punteġġ ta' 72.69 % (it-tielet post); iżda l-offerta finanzjarja tiegħu kienet ta' EUR 2 131 870 (l-ewwel post). L-offerta ta' AFCon ġiet ikklassifikata t-tieni b'offerta teknika li kisbet punteġġ ta' 75.32 % (l-ewwel post) u offerta finanzjarja ta' EUR 2 499 750 (is-sitt post).

8        F'Awwissu 2000, il-Kummissjoni tat il-kuntratt lil GFA. Permezz ta' ttra tas-17 ta' Awwissu 2000, hija infurmat lil AFCon b'dan.

9        Fid-9 ta' Ottubru 2000, AFCon ilmentat mal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni ħażina tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti. Hija sostniet li l-offerta finanzjarja ta' GFA kienet aktar baxxa mill-prezz tas-suq. Il-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment fid-9 ta' Novembru 2000.

10      B'ittri tat-18 ta' Diċembru 2000 u tal-31 ta' Jannar 2001, AFCon allegat li GFA kien kiser il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti. B'ittra tat-28 ta' Frar 2001, il-Kummissjoni ċaħdet din l-allegazzjoni.

11      B'ittra tal-15 ta' Marzu 2001, AFCon fakkret li l-offerta ta' GFA ma kinitx tirrispetta l-proċedura għall-għoti ta' kuntratti tat-Tacis. Il-Kummissjoni ma rrispondietx għal din l-ittra.

12      Fil-15 ta' Mejju 2001, AFCon ippreżentat ilment lill-Ombudsman Ewropew. Skond dan l-ilment:

–        l-offerta finanzjarja ta' GFA ma kinitx konformi mas-sejħa għall-offerti (l-ewwel ilment);

–        wara li skopriet kunflitt ta' interess, il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri mitluba mir-regoli dwar l-għoti ta' kuntratti (it-tieni lment);

–        il-Kummissjoni kisret il-kundizzjonijiet tas-sejħa għall-offerti billi ppermettiet lill-appaltatur li jbiddel il-biċċa l-kbira ta' l-esperti fit-tul b'terzi persuni, ftit ġimgħat wara l-firma tal-kuntratt (it-tielet ilment).

13      Fid-deċiżjoni tiegħu tat-22 ta' April 2002 (deċiżjoni 834/2001/GG), l-Ombudsman ikkunsidra li l-ewwel ilment biss kien jidher fondat. F'dan ir-rigward, huwa indika li:

"Hija prattika amministrattiva tajba fil-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti li l-amministrazzjoni żżomm ruħha mar-regoli stabbiliti għal dawn il-proċeduri. Billi ppermettiet, f'din il-kawża, lil uħud minn dawk li jkunu tefgħu offerta għax-xogħol bl-appalt li jinkludi miżati ta' esperti taħt titoli tal-baġit li jistgħu jitħallsu lura , il-Kummissjoni ma rrispettatx ir-regoli applikabbli għas-sejħa għall-offerti u l-għan ta' dawn ir-regoli. Dan jikkostitwixxi każ ta' amministrazzjoni ħażina."

14      F'dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet ilmenti, l-Ombudsman ikkonkluda li ma kienx hemm atti ta' amministrazzjoni ħażina mill-Kummissjoni.

15      B'ittra tal-25 ta' Mejju 2002, AFCon talbet lill-Kummissjoni biex tħallasha l-ammonti li ġejjin bħala ħlas għad-dannu li ġarrbet minħabba l-kuntratt ma ġiex mogħti lilha:

–        telf ta' qligħ: EUR 624 937;

–        telf ta' "profil ta' proġett": EUR 600 000;

–        telf ta' "żvilupp professjonali": EUR 150 000.

16      B'ittra tal-25 ta' Lulju 2002, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba.

17      B'ittra tat-13 ta' Settembru 2002, AFCon talbet lill-Kummissjoni sabiex tittrażmettilha xi dokumenti li jirrigwardaw l-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni. Il-Kummissjoni laqgħat din it-talba fit-3 ta' Ottubru 2002, ħlief għar-rapporti ta' evalwazzjoni u l-minuti tal-kumitat ta' evalwazzjoni u għall-offerti tal-kompetituri, liema dokumenti jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet previsti, rispettivament, fit-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(3) u l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku lid-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, p. 43).

18      B'ittra tal-11 ta' Ottobru 2002, AFCon introduċiet talba konfermatorja fis-sens tar-Regolament Nru 1049/2001. Hija talbet l-aċċess għal diversi dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni.

19      B'ittra tat-22 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni tat l-aċċess għal ċertu dokumenti u, għall-bqija, ikkonfermat ir-rifjut tagħha li tittrażmetti d-dokumenti mitluba.

20      Parallelament, f'ittra ta' l-4 ta' Settembru 2002 indirizzata lis-Sur Byrne, membru tal-Kummissjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej Irlandiż, D. Roche, esprima ruħu favur AFCon u talab lill-Kummissjoni biex issib soluzzjoni għall-kontroversja ma' AFCon.

21      B'ittri ta' l-10 ta' Ottobru 2002 u ta' l-4 ta' Novembru 2002, il-Kummissjoni reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha dwar il-legalità tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti in kwistjoni.

22      Fil-15 ta' Novembru 2002, B. Crowley, membru tal-Parlament Ewropew, qiegħed mistoqsija bil-miktub (3365/02) lill-Kummissjoni dwar l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni. C. Patten, membru tal-Kummissjoni, wieġbu fit-23 ta' Diċembru 2002. B. Crowley imbagħad indirizza ittra lil Patten li dan ta' l-aħħar wieġeb fit-3 ta' April 2003.

23      B'ittra tat-18 ta' Frar 2003, Roche intervjena għat-tieni darba ma' Byrne favur AFCon. B'ittra tat-8 ta' April 2003, Byrne reġa' tenna l-perspettiva tal-Kummissjoni.

 Proċedura

24      Ir-rikorrenti ressqu dan ir-rikors b'att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim'Istanza fit-12 ta' Mejju 2003,.

25      Fuq rapport ta' l-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim'Istanza (il-Ħames Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-qafas tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, għamlet numru ta' mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni li tipproduċi ċertu numru ta' dokumenti. Il-partijiet ssodisfaw dawn it-talbiet talbiet fit-termini stipulati.

26      It-trattazzjonijiet orali r-risposti tal-partijiet għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza nstemgħu matul is-seduta tas-6 ta' Lulju 2004.

 Talbiet tal-partijiet

27      Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tad-danni u l-imgħax bħala kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-irregolaritajiet matul il-proċedura tas-sejħa għall-offerti tal-proġett Tacis FDRUS 9902, flimkien ma' l-imgħax kompensatorju kkalkulat mill-mument li seħħ id-dannu;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas ta' l-imgħax fuq l-ammont tad-danni u ta' mgħax mis-sentenza li ttemm din l-istanza;

–        tordna lill-Kummissjoni tippreżenta ċertu dokumenti li jirrigwardaw il-proċedura ta' evalwazzjoni ta' l-offerti;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob lil din il-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent jabtu l-ispejjeż.

 Fid-dritt

A –  Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

29      Ir-rikorrenti talbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza tordna lill-Kummissjoni, fuq il-bażi ta' l-Artikolu 65(b), tar-Regoli tal-Proċedura, tipprodużi ċerti dokumenti li jittrattaw il-proċedura tas-sejħa għall-offerti u, jekk ikun il-każ, li tisma' xi xhieda.

30      Il-Qorti tal-Prim'Istanza, fil-qafas tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, talab, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni biex tipproduċi data dwar l-offerti ta' dawk li tefgħu offerta kif ukoll id-dokumentazzjoni dwar l-ewwel u t-tieni evalwazzjonijiet. Dawn it-talbiet jikkoinċidu essenzjalment mat-talbiet għal miżuri istruttorji mitluba mir-rikorrenti. Konsegwentament, il-Qorti tal-Prim'Istanza tqis li għandha biżżejjed informazzjoni mid-dokumenti li jinsabu fl-inkartament biex taqta' l-kawża mingħajr ma tordna la l-produzzjoni ta' dokumenti oħra u lanqas is-smigħ ta' xhieda.

B –  Fuq it-talba għad-danni

31      Id-dritt Komunitarju jagħraf dritt għad-danni meta jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet, jiġifieri li d-dispożizzjoni tad-dritt miksura jkollha bħala għan li tagħti drittijiet lill-individwi, li l-ksur ikun serju biżżejjed u li jkun hemm rabta diretta ta' kawżalità bejn il-ksur ta' l-obbligu li jkollu l-awtur ta' l-att u d-dannu mġarrab mill-persuni offiżi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta' Marzu 1996, Brasserie du pêcheur u Factortame, C-46/93 u C-48/93, Ġabra p. I‑1029, punt 51, ta' l-4 ta' Lulju 2000, Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, C-352/98 P, Ġabra p. I‑5291, punti 41 u 42).

32      Għanfu jiġi vverifikat jekk ir-rikorrenti wrewx li dawn il-kundizzjonijiet differenti kinux kollha sodisfatti f'dan il-każ.

1.     Fuq l-illegalità ta' l-imġiba li l-Kummissjoni hija akkużata biha

33      Ir-rikorrenti qegħdin essenzjalment jallegaw li kien hemm tliet illegalitajiet. L-ewwel nett, l-offerta ta' GFA mhijiex konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt in kwistjoni. It-tieni nett, il-Kummissjoni ħadet fi kunsiderazzjoni kriterji ta' evalwazzjoni illeċiti. It-tielet nett, il-Kummissjoni ma ħaditx il-miżuri li kellha tieħu wara li skopriet l-eżistenza ta' kunflitt ta' interessi.

a)     Fuq ir-regolarità ta' l-offerta ta' GFA

 Argumenti tal-partijiet

34      Ir-rikorrenti jsostnu li l-offerta ta' GFA ma kinitx konformi mar-regoli tal-kuntratt in kwistjoni. Dawn ir-regoli huma komposti:

–        mill-istruzzjonijiet lil dawk li jitfgħu offerta [Kummissjoni Ewropea, SCR(E) Tacis, "Instructions to tenderers", verżjoni tat-22 ta' Ġunju 1999], b'mod partikulari, il-punt C.2.1;

–        mil-linji gwida għall-preparazzjoni ta' l-offerta teknika u finanzjarja [Kummissjoni Ewropea, SCR(E) Tacis, "Guidelines for the preparation of the technical and financial proposal", verżjoni ta' Jannar 1999] (aktar 'il quddiem il-"linji gwida"), b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-preparazzjoni ta' l-annessi B ("Organisation and methods") u D ("Breakdown of prices for Tacis contracts");

–        mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt in kwistjoni (Kummissjoni Ewropea, "Technical assistance to economic reform in the food and agriculture sector, Terms of reference, Project: Russia ‘Agricultural extension services in South Russia – Farm extension project’", ta' l-4 ta' Ġunju 1999).

35      Skond ir-rikorrenti, minn dawn ir-regoli jirriżulta li l-offerta finanzjarja għandha tikkorrispondi għall-offerta teknika u tindika r-remunerazzjoni tal-persuni inkarigati mill-attivitajiet ta' taħriġ fil-post irriservat għal dan il-għan.

36      Dawn ir-regoli mhumiex ambigwi. Huma għandhom il-għan li jqiegħdu l-offerti kollha fuq l-istess livell sabiex ikunu jistgħu jiġu pparagunati. Huma ġew ikkonfermati mill-prattika tal-Kummissjoni f'kuntratt simili u kontemporanju għal dak in kwistjoni (FDRUS 9901).

37      GFA kiser dawn ir-regoli minħabba li:

–        il-kwantità "ta' irġiel/ġranet" inkluża fl-offerta teknika tissupera dik prevista fl-offerta finanzjarja tagħha;

–        fl-offerta finanzjarja tiegħu, GFA alloka parti mir-remunerazzjoni tal-persuni inkarigati bit-taħriġ taħt it-titolu tal-baġit "spejjeż li jistgħu jitħallsu lura", li normalment huma rriservati għall-ħlas lura ta' l-ispejjeż li jirrigwardaw l-attivitajiet ta' taħriġ "bħall-vjaġġi, il-per diem għas-stagiaires, l-ispejjeż ta' iskrizzjoni, eċċ.".

38      GFA għalhekk irnexxielu jnaqqas l-ammont ta' l-offerta finanzjarja tiegħu. Id-differenzi bejn iż-żewġ offerti huma li ġejjin:

Offerta teknika

Offerta finanzjarja

Differenza

2 687 raġel/ġurnata (esperti UE)

2 200 raġel/ġurnata (esperti UE)

(487) raġel/ġurnata

4 615 raġel/ġurnata (esperti lokali)

2 250 raġel/ġurnata (esperti lokali)

(2 365) raġel/ġurnata

5 300 raġel/ġurnata (persunal ta' sostenn)

3 500 raġel/ġurnata (persunal ta' sostenn)

(1 800) raġel/ġurnata

Total 12 602 raġel/ġurnata

7 950 raġel/ġurnata

(4 652) raġel/ġurnata


Dawn id-differenzi ġew mniżżla taħt l-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura.

39      Ir-rikorrenti jenfasizzaw li l-Ombudsman essenzjalment ikkonferma l-argumenti tagħhom billi qies li l-Kummissjoni kienet wettqet att ta' amministrazzjoni ħażina billi ppermettiet lil GFA, bi ksur tar-regoli tal-kuntratt in kwistjoni, li jinkludi l-onorarji għat-taħriġ fost l-ispejjeż li jaqgħu taħt it-titolu tal-baġit irriżervat għall-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura.

40      Fl-aħħarnett, ir-rikorrenti jqisu li l-kritika tagħhom hija kkonfermata mid-diffikultajiet li ltaqgħat magħhom il-Kummissjoni matul l-eżekuzzjoni tal-kuntratt minn GFA..

41      Ir-rikorrenti jiddeduċu minn dawn l-elementi li l-Kummissjoni, billi naqset milli teskludi lil GFA minħabba f'dawn l-irregolaritajiet, kisret il-prinċipji ta' trattament ugwali, ta' proporzjonalità u ta' aspettattivi leġittimi.

42      Il-Kummissjoni ssostni li l-preżentazzjoni ta' l-offerta ta' GFA ma kinitx irregolari, billi:

–        ir-regoli li r-rikorrenti jsostnu li nkisru ma jorbtux legalment; huma ma jippreskrivux b'mod univoku l-mod kif ir-remunerazzjoni ta' l-esperti kellu jiġi ppreżentat fl-offerta finanzjarja;

–        Ir-Regolament Finanzjarju tal-21 ta' Diċembru 1977 applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 356, p. 1), kif emendat mr-Regolament tal-Kunsill (KE, KEFA, Euratom) Nru 2548/98 tat-23 ta' Novembru 1998 (ĠU L 320, p. 1) (aktar 'il quddiem ir-"egolament finanzjarju") (Artikolu 117), u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 1279/96, tal-25 ta' Ġunju 1996, dwar il-provvista ta' assistenza għal riforma ekonomika u rkupru fl-Istati Indipendenti l-Ġodda u l-Mongolja bil-għan li tiġi razzjonalizzata u rettifikata l-ekonomija tagħhom (ĠU L 165, p. 1) (Artikolu 7 u anness III), ma fihom l-ebda dispożizzjoni preċiża dwar il-kwistjoni ta' l-allokazzjoni ta' l-onorarji għal taħriġ fit-titolu tal-baġit irriżervat għall-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura;

–        ma teżisti l-ebda prattika stabbilita min-naħa tal-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni, b'tali mod li r-rikorrenti ma jistgħux jibbażaw rwieħhom fuq vjolazzjoni tal-prinċipju tar-rispett ta' l-aspettattivi leġittimi;

–        peress li l-allokazzjoni tar-remunerazzjoni tat-trejners għat-titolu tal-baġit ta' l-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura mhijiex ipprojbita b'mod espliċitu, GFA kellu dritt juża dan il-metodu;

–        il-preżentazzjoni ta' l-offerta ta' GFA ma għawwġitx it-tqabbil bejn l-offerti, għaliex l-awtorità ġudikatriċi setgħat tieħu in kunsiderazzjoni l-fatt li l-onorarji tat-trejners ġew ittrattati bħala spejjeż li jistgħu jitħallsu lura fl-evalwazzjoni komparattiva tagħha;

–        il-pożizzjoni ta' l-Ombudsman mhijiex determinanti;

–        l-elementi li jseħħu wara l-għoti tal-kuntratt, b'mod partikolari l-eżekuzzjoni tal-kuntratt, mhumiex rilevanti.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

43      Skond il-punt C.2.1 ta' l-istruzzjonijiet lil dawk li jitfgħu offerta għax-xogħol bl-appalt:

"Il-kalkolu tal-prezzijiet għandu jkun mħejji fuq il-mudell ta' l-anness D ta' l-abbozz tal-kuntratt, u l-prezzijiet għandhom ikunu espressi f' [euro]. L-offerti f'xi munita oħra jew preżentazzjoni inkorretta tal-kalkolu tal-prezzijiet tista' twassal għaċ-ċaħda ta' l-offerta."

44      L-anness D tal-linji gwida jinkludi parti introduttiva li fiha huwa espost il-metodu li għandu jiġi segwit fil-preżentazzjoni ta' l-offerta. Dan jinkludi wkoll formularju magħmul minn tabella intiża biex tirċievi d-data ta' dawk li jitfgħu offerta għax-xogħol bl-appalt. Din it-tabella fiha l-erba' titoli tal-baġit li ġejjin:

"1) Onorarji (" Fees "), fosthom

a) Esperti mill-Punent

b) Esperti lokali

c) Persunal ta' sostenn

2) Per diem

3) Spejjeż diretti

4) Spejjeż li jistgħu jitħallsu lura."

45      Skond il-linji gwida:

"In-noti li ġejjin qed jiġu pprovduti sabiex jgħinu lil dawk li jitfgħu offerta fil-preparazzjoni ta' l-anness D (kalkolu finanzjarju) […] Jekk dawn il-linji gwida ma jiġux segwiti, dak li jitfa' offerta għax-xogħol bl-appalt huwa mistieden jiġġustifika d-diverġenza permezz ta' nota ta' spjegazzjoni […]

4. […] Iċ-ċifri indikati fl-anness D (għal kull kategorija jew espert individwali) għandhom jikkorrispondu eżattament għaċ-ċifri tat-tabella taż-żmien ta' ħidma (żmien mgħoddi fuq il-proġett minn kull espert) mogħtija taħt l-anness B (sommarju tax-xogħolijiet tal-persunal)."

46      Il-Kummissjoni għalhekk indikat b'mod ċar u univoku li kellu jkun hemm korrispondenza "eżatta " bejn id-data ta' l-anness B u dik ta' l-anness D, b'kull nuqqas ta' qbil li għandu jkun iġġustifikat b'nota ta' spjegazzjoni.

47      Dan il-prinċipju ta' qbil bejn l-offerta finanzjarja u l-offerta teknika huwa mfakkar ukoll fl-ispjegazzjonijiet li jippreċedu l-formularju ta' l-anness B, annessi flimkien mal-linji gwida, li jipprovdu li:

"Importanti: is-sommarju ta' hawn fuq għandu jikkorispondi maċ-ċifri miġjuba fil-kalkolu tal-remunerazzjonijiet."

48      Sabiex jeżaminaw jekk l-offerta ta' GFA kinitx konformi ma' dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi mfakkar li, f'dak li jirrigwarda s-sezzjoni "taħriġ", l-offerta teknika ta' GFA (anness A) kienet tindika ċ-ċifri li ġejjin:

Tabella 1

Kwantitajiet (rġiel/ġranet)

Assistenza teknika

Taħriġ

Ripetizzzjoni

Disseminazzjoni

Total

Esperti UE

                  2 200

         487

         2 687

Esperti lokali

                  2 250

                  2 365

          4 615

Persunal ta' sostenn

                  3 500

                  1 800

          5 300

Total

                  7 950

                  4 652

         12 602


49      Fl-offerta finanzjarja (anness D), GFA ppreżenta iċ-ċifri li ġejjin taħt it-titolu "A. Miżati":

Tabella 2

 

Kwantitajiet (rġiel/ġranet)

Ammont EUR

Esperti UE

         2 200

         821 000

Esperti lokali

         2 250

          58 750

Persunal ta' sostenn

         3 500

          61 250

Total

         7 950

         941 000


50      Din il-kwantità ta' rġiel/ġranet (7 950) hija anqas minn dik ta' 4 652 indikata fl-offerta teknika (12 602).

51      Madankollu mill-istess termini ta' l-offerta finanzjarja ta' GFA, jirriżulta li din id-differenza ġejja mill-fatt li din il-kwantità ta' 4 652 raġel/ġurnata ġiet imniżżla fost l-ispejjeż li jistgħu jitħallsu lura.

52      Fil-fatt, l-offerta finanzjarja ta' GFA tirrepeti, f'nota ta' qiegħ il-paġna kif ukoll f'nota spjegattiva mehmuża magħha, id-data li tinsab fl-offerta teknika u li ġiet imfakkra hawn fuq (tabella 1). Din il-preċiżazzjoni tispjega li l-oriġini tad-differenza bejn iż-żewġ offerti tirrigwarda t-trattament li ngħata lill-ispejjeż għar-remunerazzjoni tal-persunal allokat għall-attivitajiet ta' taħriġ, ta' replikazzjoni u ta' tixrid. L-offerta finanzjarja ta' GFA fiha, barra minn dan, tabella li tiddeskrivi b'mod dettaljat l-ispejjeż kollha li jistgħu jitħallsu lura li jirrigwardaw dawn l-attivitajiet. Minn din it-tabella jirriżulta li ġew ittrattati total ta' 4 652 raġel/ġurnata fost l-ispejjeż rimborżabbli, għal valur totali ta' EUR 282 425. Kuntrarjament għal dak li tippretendi r-rikorrenti, id-differenza bejn l-offerta finanzjarja u l-offerta teknika hija għalhekk biss formali u m'għandhiex il-konsegwenza li tkun ta' ostakolu għal tqabbil effettiv ta' l-offerti differenti ta' dawk li tefgħu offerta.

53      Barra minn dan, għandu jiġi wkoll ikkonstatat li l-offerta finanzjarja ta' GFA kienet tinkludi, konformement ma' l-ispeċifikazzjonijiet, prestazzjonijiet ta' valur ta' EUR 500 000 għat-taħriġ u ta' EUR 200 000 għall-attivitajiet ta' replikazzjoni u ta' tixrid.

54      Konsegwentement, l-ilmenti li l-Kummissjoni aġixxiet b'mod illegali billi ma ċaħditx l-offerta ta' GFA minħabba l-allegati nuqqasijiet ta' qbil bejn l-offerta teknika u l-offerta finanzjarja għandhom jiġu miċħuda.

b)     Fuq l-użu ta' kriterji ta' evalwazzjoni illeċiti

 Argumenti tal-partijiet

55      Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ppermettiet lill-kumitat ta' evalwazzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni, fit-tieni evalwazzjoni, l-esperjenza preċedenti ta' AFCon għal proġetti Tacis, kontra r-regoli applikabbli. Fil-fatt, il-punt 3 ta' l-anness III tar-Regolament Nru 1279/96, kif ukoll il-punt 3 ta' l-anness IV tar- Regolament (KE, Euratom) Nru 99/2000 tal-Kunsill, tad-29 ta' Diċembru 1999, dwar l-għoti ta' għajnuna lill-Istati sieħba fl-Ewropa tal-Lvant u ta' l-Asja Ċentrali (ĠU 2000, L 12, p. 1), jipprevedu li "[e]sperjenza speċifika fil-programm Tacis ta’ min jagħmel offerta ma titqiesx" fil-valutazzjoni ta' l-offerti. Skond dawn id-dispożizzjonijiet, l-offerta għandha tkun evalwata biss "skond il-qies tal-kwalità teknika mqabbla mal-prezz[; i]l-qies taż-żewġ kriterji għandu jitħabbar f'kull sejħa għal offerti [u ...]l-valutazzjoni teknika għandha ssir l-aktar skond il-kriterji li ġejjin: organizzazzjoni, skeda ta' żmien, metodi u pjani proposti tax-xogħol biex jingħata s-servizz, kwalifiki, esperjenza, il-ħiliet tal-persuni msemmija biex jagħtu s-servizzi u l-użu ta' kumpaniji u esperti lokali, kif dawn jintegraw fil-proġett, u sehemhom biex ir-riżultati tal-proġett ikunu sostenibbli."

56      F'dan il-każ, peress li wieħed mill-membri tal-kumitat li għamel it-tieni evalwazzjoni, G. Rea, qies li ċ-ċentri ta' konsultazzjoni eżistenti stabbiliti minn Mc Mullin u AFCon, fil-qafas tal-proġett Tacis FDRUS 9405 "Appoġġ għal irziezet privati mmexxija individwalment fir-Russja" bejn l-1996 u 1998, ma kienux, fiż-żmien ta' l-intervista, fi stat li joperaw u ma kinux qegħdin jipprovdu pariri tekniċi. Din id-dikjarazzjoni, li hija żbaljata, influwenzat lill-membri l-oħra tal-kumitat.

57      Wara li ntbagħtulhom, b'riżultat tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, diversi dokumenti li jirrigwardaw ix-xogħol tal-kumitat ta' evalwazzjoni, ir-rikorrenti sostnew, waqt is-seduta, li wieħed mill-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni, K. Karttunen, semmiet espressament fir-rapport tagħha li kienet ħadet in kunsiderazzjoni l-fatt li AFCon m'għandhiex esperjenza ta' proġetti oħra fir-Russja.

58      Il-Kummissjoni tiċħad li teżisti xi irregolarità. Hija tagħraf li, skond l-anness III, punt 3, tar-Regolament Nru 1279/96, hija marbuta li ma tieħux in kunsiderazzjoni l-esperjenza f'kuntratti Tacis oħra ta' dawk li jitfgħu offerta għax-xogħol.

59      F'dan il-każ, il-kumitat ta' evalwazzjoni sema' lil kull wieħed minn dawk li tefgħu offerta dwar l-offerta teknika tiegħu. L-ebda lista ġenerali ta' mistoqsijiet ma' ġiet ippreparata għal dan l-għan; il-kontenut ta' l-intervisti kien ivarja fost dawk li tefgħu l-offerta. Matul l-intervista, Mc Mullin kellu l-possibiltà li jiċħad kull allegazzjoni li setgħet tkun ta' ħsara għal AFCon.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

60      L-ilmenti dwar it-teħid fi kunsiderazzjoni ta' l-esperjenza ta' AFCon fil-qafas ta' proġetti preċedenti iffinanzjati mill-programm Tacis mhumiex sostnuti biżżejjed skond id-dritt.

61      Fil-fatt, id-dokumentazzjoni dwar l-evalwazzjoni ta' l-offerti, miżjuda fl-inkartament sussegwentement għall-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura, stabbilixxiet biss li l-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni ħadu in kunsiderazzjoni l-esperjenza preċedenti ta' dawk li tefgħu offerta taħt il-proġetti ffinanzjati mill-programm Tacis fost il-kriterji ta' evalwazzjoni ta' l-offerti. Mid-dokumenti intitolati "Detailed technical evaluation per tenderer" jirriżulta li l-kumitat ta' evalwazzjoni bbaża ruħu fuq tmien kriterji oġġettivi li jirrigwardaw l-esperjenza ta' l-esperti, l-approċċ tal-proġett u l-parteċipazzjoni ta' l-esperti lokali. Barra minn dan, in-nota ta' l-evalwaturi dwar l-evalwazzjoni ta' l-offerta ta' AFCon ma fiha l-ebda ġudizzju negattiv dwar l-allegat nuqqas ta' esperjenza jew fuq diffikultajiet li ltaqgħu magħhom qabel fil-qafas ta' l-eżekuzzjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-programm Tacis. Il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni għalhekk enfasizzaw, fost il-punti pożittivi ta' l-offerta ta' AFCon, il-kwalità tal-kap tal-proġett kif ukoll l-esperjenza tiegħu fir-reġjun kopert mill-proġett. Fost il-punti d-dgħajfa, il-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni, b'mod partikulari, innutaw li l-kap tal-proġett kellu biss għarfien limitat tal-lingwa Russa u li, b'mod ġenerali, l-offerta kienet tidher ambizzjuża wisq u, minn ċertu aspetti, riġida wisq.

62      Rigward l-argumenti dwar l-allegati kummenti ta' G. Rea, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rapport finali tiegħu, dan il-membru tal-kumitat ta' evalwazzjoni m'għamel l-anqas l-iċken rimarka dwar id-diffikultajiet li AFCon ltaqgħet magħhom fil-qafas ta' proġetti preċedenti.

63      Bl-istess mod, ir-rapport ta' l-evalwatur estern, K. Karttunen, invokat mir-rikorrenti matul is-sedut, ma fihx rimarki negattivi bbażati fuq l-esperjenza preċedenti ta' AFCon fil-qafas ta' proġetti ffinanzjati mill-programm Tacis. Dan ir-rapport jenfasizza, b'mod partikulari, l-esperjenza miksuba fir-Russja mill-kap tal-proġett waqt li jinnota li dan ta' l-aħħar, matul l-intervista ta' valutazzjoni, "naqas fit-trasparenza f'dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni attwali taċ-ċentri konsultattivi agrikoli li jeżistu fiż-żona tal-proġett".

64      Konsegwentement, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma wrewx li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq ġudizzju negattiv ta' l-esperjenza ta' AFCon f'proġetti preċedenti fil-qafas tal-programm Tacis fl-evalwazzjoni ta' l-offerta tiegħu. Għalhekk, hemm lok li jiġu miċħuda l-ilmenti li jirrigwardaw il-karattru illeċitu tal-kriterji ta' evalwazzjoni ta' l-offerta ta' AFCon.

c)     Fuq il-konsegwenzi tal-kunflitt ta' interessi

 Argumenti tal-partijiet

65      Ir-rikorrenti jakkużaw lill-Kummissjoni li ma ġibditx il-konsegwenzi tal-kunflitt ta' interessi bejn membru tal-kumitat ta' evalwazzjoni, A, u wieħed minn dawk li tefgħu offerta, GFA. Huma essenzjalment jikkunsidraw, minn naħa, li l-Kummissjoni ma mxietx bid-diliġenża kollha mitluba wara li skopriet l-eżistenza ta' kunflitt ta' interessi u, min-naħa l-oħra, li ma kellhiex tippermetti lil GFA jipparteċipa fit-tkomplija tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti.

66      F'dak li jirrigwarda l-ewwel waħda minn dawn l-akkużi, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma eżerċitatx il-poter diskrezzjonali tagħha b'mod responsabbli meta ċaħdet li tikkunsidra li tieħu sanzjonijiet kemm fir-rigward ta' A kif ukoll fir-rigward ta' GFA. Ir-rikorrenti fil-fatt jikkunsidraw li l-Kummissjoni ma kkunsidratx li teskludi lil GFA saħansitra meta kienet ġiet mgħarrfa mill-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni bir-rabtiet li kienu jeżistu bejn GFA u wieħed mill-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni. Huma ukoll jistaqsu dwar jekk il-Kumissjoni fittxitx li tkun taf jekk GFA kienx taf li A kien jagħmel parti mil-kumitat ta' evalwazzjoni. Wara li analizzaw id-dokumentazzjoni kollha dwar il-proċedura tas-sejħa għall-offerti li ntbagħtitilhom b'riżultat tal-miżuri ta' organizzazzjoni tal-proċedura deċiżi mill-Qorti tal-Prim'Istanza, matul is-seduta, ir-rikorrenti enfasizzaw li ma teżisti l-ebda prova li twassal għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ppruvat ta' l-anqas issir taf jekk kellhiex tadotta sanzjonijiet kontra GFA.

67      Bit-tieni akkuża tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha ta' ġestjoni tajba tal-proġetti ffinanzjati mill-programm Tacis billi ma adottat l-ebda sanzjoni kontra GFA u billi ħalliet lil dan il-konsorzju li jipparteċipa fit-tieni evalwazzjoni. Il-fatt li A kien impjegat full-time minn wieħed mill-membri tal-konsorzju GFA kellu jwassal lill-Kummissjoni li teskludi kemm il-membru tal-kumitat in kwistjoni kif ukoll lil dak li tefa' offerta li kien ikkonċernat.

68      Il-Kummisjoni tqis li aġixxiet legalment, mingħajr ma ssuperat il-limiti tal-poter diskrezzjonali wiesa' tagħha.

69      Fin-nuqqas ta' provi li juru li GFA pprova jinfluwenza l-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt bil-preżenza ta' A fil-kumitat ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni ssostni li ma kien hemm ebda dispożizzjoni li kienet tippermettilha teskludi jew tissanzjona GFA.. Fil-fatt, fl-Artikolu 114(1), ir-regolament finanzjarju jipprevedi li:

"Il-parteċipazzjoni fil-kompetizzjoni hija miftuħa taħt l-istess kundizzjonijiet għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tat-trattati u għall-persuni fiżiċi u ġuridiċi ta' l-Istat benefiċjarju. "

70      Għaldaqstant, GFA setgħa faċilment jikkontesta, minħabba l-ksur ta' l-Artikolu 114(1) tar-regolament finanzjarju, kull deċiżjoni intiża sabiex teskludi l-kuntratt in kwistjoni. Barra minn dan, il-Kummissjoni tikkunsidra li, minħabba fil-prinċipju ta' proporzjonalità, hija tista' biss teskludi impriża minn proċedura ta' sejħa għall-offerti f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

71      Hija tqis li l-kunflitt ta' interessi kien biss imputabbligħall-evalwatur. Dan kiser l-Artikolu 12(4) tar-regoli ġenerali tas-sejħiet għall-offerti u l-għoti ta' kuntratti iffinanzjati mill-fondi Phare u Tacis. Huwa ma kienx marbut ma' GFA iżda ma' waħda mill-impriżi ta' dan il-konsorzju. Peress li GFA ma kellux awtorità fuq l-evalwatur, il-kunflitt ta' interess ma setgħax ikun meqjus bħala responsabbiltà ta' GFA.

72      Barra minn dan, il-Kummissjoni ssostni li l-esklużjoni ta' GFA kienet tagħti vantaġġ indebitu lil AFCon, bi ksur tal-prinċipju ta' trattament ugwali.

73      Wara li eskluda lil A mid-deliberazzjonijiet tiegħu, il-kumitat ta' evalwazzjoni ma għażilx li jagħti l-kuntratt lil FCon. Fil-fatt, filwaqt li r-rappreżentant tal-benefiċjarju tal-kuntratt in kwistjoni kien qiegħed jitlob li AFCon tkun irrakkomandata għall-għoti tal-kuntratt, it-tliet membri l-oħra opponew soluzzjoni bħal din.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

74      Għandu jiġi mfakkar li l-prinċipju ta' trattament ugwali fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, il-bżonn ta' ġestjoni finanzjarja tajba tal-finanzi Komunitarji u l-prevenzjoni tal-frodi jagħmluferm kritikabbli filwaqt li l-liġi kriminali ta' bosta Stati membri tinkrimina, il-fatt li persuna li tipparteċipa fl-evalwazzjoni u fl-għażla ta' l-offerti fil-każ ta' kuntratt pubbliku tingħata dan il-kuntratt (sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Gunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta' l-Awdituri, T-277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 112).

75      Wara li jinstab kunflitt ta' interessi bejn membru tal-kumitat ta' evalwazzjoni u wieħed minn dawk li jkunu tefgħu offerta għax-xogħol bl-appalt, hija l-Kummissjoni li għandha tħejji u li tieħu, bid-diliġenza kollha mitluba u fuq il-bażi tad-data kollha rilevanti, id-deċiżjoni tagħha fuq it-tkomplija tal-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni. Dan l-obbligu jirriżulta, b'mod partikulari, mill-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba u ta' trattament ugwali (ara, b'analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-9 ta' Lulju 1999, New Europe Consulting u Brown vs Il-Kummissjoni, T-231/97, Ġabra p. II‑2403, punt 41). Il-Kummissjoni fil-fatt hija obbligata li tiżgura li f'kull fażi ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti jiġi rrispettat it-trattament ugwali u, konsegwentement, l-opportunitajiet ugwali għal kull min jitfa' offerta (ara, f'dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tad-29 ta' April 2004, Il-Kummissjoni vs CAS Succhi di Frutta, C-496/99 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 108, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza ta' l-24 ta' Frar 2000, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II‑387, punt 164).

76      Għandu jiġi eżaminat jekk, f'dan il-każ, il-Kummission aġixxietx konformement ma' dan l-obbligu.

77      F'dan ir-rigward, għandu jiġi kkunsidrat li, wara li jinstab kunflitt ta' interessi bejn wieħed minn dawk li tefgħu offerta u membru tal-kumitat inkarigat bl-evalwazzjoni ta' l-offerti, il-Kummissjoni għandha minn marġni diskrezzjonali sabiex tistabbilixxi l-miżuri li għandhom jittieħdu dwar kif għandhom jitmexxew l-istadji ulterjuri tal-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt fuq sejħa għall-offerti.

78      Hemm qbil li, wara li ġiet mgħarrfa mill-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni, il-Kummissjoni ma investigatx ir-rabtiet bejn A u GFA sabiex tassigura ruħha li dan il-konsorzju ma kienx ipprova jinfluwenza d-deliberazzjonijiet tal-kumitat ta' evalwazzjoni. Il-Kummissjoni affermat, waqt is-seduta, li ma kienet teżisti l-ebda prova li tippermetti li jiġi megjus li GFA fittex li jinfluwenza l-proċedura, permezz ta' wieħed mill-impjegati tiegħu li kien membru tal-kumitat ta' evalwazzjoni. Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza, il-Kummissjoni madankollu stqarret li ma ħadet l-ebda miżura investigattiva biex tivverifika jekk GFA u A kinux aġixxew flimkien matul il-proċedura ta' għoti tal-kuntratt. Il-Kummissjoni insistiet fuq il-fatt li, fin-nuqqas ta' provi li li jippermettulha tissuspetta l-eżistenza ta' frodi, mhuwiex iġġustifikat li tinvestiga r-rwol ta' GFA.

79      Fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' din il-kawża, valutazzjoni bħal din tidher manifestament żbaljata. Fin-nuqqas ta' investigazzjoni dwar koordinament eventwali bejn GFA u A, il-Kummissjoni fil-fatt ma kellha ebda element li kien jippermettilha teskludi b'ċertezza raġjonevoli li GFA seta' fittex li jinfluwenza l-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt. Għall-kuntrarju, bosta elementi oġġettivi u konkordanti kellhom iwasslu lill-Kummissjoni li tagħti prova ta' attenzjoni partikulari u li teżamina l-possibiltà ta' kollużjoni bejn GFA u A. Dawn l-elementi leġittimament jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-kunflitt ta' interessi seta' jkun ġej mhux biss minn kumbinazzjoni waħda fiċ-ċirkostanzi, iżda minn pjan frawdolenti.

80      Fl-ewwel lok, għandha ssir enfażi fuq il-gravità tal-kliem li bihom il-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni kien iddenunzja il-karattru kontestabbli ta' l-ewwel evalwazzjoni. Dan ta' l-aħħar kien fil-fatt ippropona, f'nota ta' l-4 ta' Jannar 2000, l-annullament ta' din l-evalwazzjoni u ż-żamma ta' fażi ġdida ta' evalwazzjoni quddiem kumitat li jiltaqa' f'kompożizzjoni differenti. Il-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni kien, b'mod partikulari, enfasizza l-karattru "estremament diskutibbli" [traduzzjoni mhux uffiċjali] tar-riżultat ta' l-ewwel evalwazzjoni minħabba l-fatt li A kien dakinhar jaħdem "bħala kap tal-grupp fil-qafas ta' proġett fl-Ukrajna ffinanzjat mill-Gvern Olandiż u li l-implementazzjoni tiegħu kienet żgurata minn Agriment International, li hija membru tal-grupp Stoas " [traduzzjoni mhux uffiċjali].

81      Barra minn din il-konfużjoni ta' interessi, il-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni enfasizza wkoll li kien hemm elementi li jwasslu għall-biża' li A, effettivament, fittex li jiffavorixxi lil GFA għad-detriment ta' dawk l-oħra li tefgħu offerta għax-xogħol. In-nota kienet fil-fatt tindika li "A [kien] qiegħed fir-raba' u l-ħames pożizzjoni l-impriżi li l-evalwaturi l-oħra kienu kklassifikaw fl-ewwel jew fit-tieni post " [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Huwa żied li, " [j]ekk dawn l-aspetti jiġu kkunsidrati flimkien, hemm preżunzjonijiet qawwija ta' ‘kunflitt ta' interess’ u għalhekk ta' punti [eċċessivament] favorevoli għas-sħubija GFA/Stoas " [traduzzjoni mhux uffiċjali].

82      Il-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni kien ukoll innota li l-offerta finanzjarja ta' GFA, ta' ammont ta' EUR 2.13 miljun, "hija nettament aktar baxxa mill-offerti ta' l-ewwel u tat-tieni impriża" u li "offerta daqshekk baxxa tista' tiġi interpretata bħala forma ta' dumping". Għalhekk, mill-konstatazzjonijiet u mill-valutazzjonijiet tal-president tal-kumitat ta' evalwazzjoni jirriżulta li l-karattru suspettuż ta' l-offerta ta' GFA kien ġej mhux biss mill-kunflitt ta' interessi li kien jirriżulta mill-preżenza ta' impjegat ta' dan il-konsorzju fi ħdan il-kumitat, iżda wkoll mill-karattru anormalment baxx ta' l-offerta finanzjarja tiegħu.

83      Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li ċ-ċirkostanzi li leġittimament jippermettu li jkun hemm dubju dwar jekk is-sitwazzjoni ta' kunflitt ta' interessi li fiha kien jinsab A kinitx sempliċiment fortuwita jew kinitx biss imputabbli għan-negliġenza tiegħu.

84      Qabel kollox, A naqas milli jsemmi lill-Kummission l-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-grupp Stoas. Għalhekk, meta ppreżenta l-kandidatura tiegħu għall-post ta' evalwatur estern u matul ta' ħidma ulterjuri tal-kumitat ta' evalwazzjoni, A ma għamilx riferiment għall-fatt li kien jeżerċita, għall-grupp Stoas, xogħolijiet ta' direzzjoni li kienu jirreferu għal proġett ta' assistenza fil-qasam agrikolu (ara n-nota ta' l-4 ta' Jannar 2000). Ir-rilevanza ta' tali informazzjoni għall-finijiet ta' l-ingaġġ ta' A bħala evalwatur kienet saħansitra aktar manifesta minħabba l-fatt li l-kuntratt FDRUS 9902 kien jirrigwarda servizzi ta' assistenza fil-qasam agrikolu li kellhom ċertu xebh ma' dawk li A kien jamministra fl-Ukrajna.

85      Barra minn dan, A, minbarra li llimita ruħu li ma jikxifx l-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-grupp Stoas, espressament iddikjara li ma kellu xejn x'jaqsam, direttament jew indirettament, ma' dawk li tefgħu offerta għax-xogħol, fuq bażi individwali jew fil-kwalità tagħhom ta' membru f'konsorzju. Fil-fatt, jidher li, fis-16 ta' Diċembru 1999, A kien iffirma dikjarazzjoni ta' imparzjalità li fiha afferma li:

"Jien ma għandi l-ebda rabta diretta jew indiretta ma' xi wieħed minn dawk li tefgħu offerta għax-xogħol bl-appalt, kemm jekk huma individwi jew membri ta' konsorzju, li wieġbu għall-inkartament tas-sejħa għall-offerti, u lanqas ma' xi wieħed mis-sottokuntratturi proposti. Jiena nikkonferma li, jekk ikolli niskopri, matul l-evalwazzjoni, li teżisti rabta bħal din, jien niddikjaraha immedjatament u nirriżenja mill-kumitat ta' evalwazzjoni. Jien konxju li, jekk inkun naf bl-eżistenza ta' rabta bħal din u jekk jiena, bi traskuraġni, ma niddikjarahiex, il-Kummissjoni Ewropeja tista' tiddeċiedi li tannulla s-sejħa għall-offerti in kwistjoni, u li jiena nista' ninżamm responsabbli." [traduzzjoni mhux uffiċjali]

86      Fl-aħħarnett, in-natura suspettuża ta' l-elementi preċedenti hija msaħħa mill-fatt li A, wara li beda jeżamina l-offerta ta' GFA, ma setax jippretendi li ma kienx jaf li jinsab f'pożizzjoni inkompatibbli ma' l-impenn tiegħu ta' imparzjalità. Din l-offerta kienet tagħmilha ċara li Stoas kienet waħda mill-membri tal-konsorzju GFA. Barra minn dan, fl-okkażjoni ta' intervista li pparteċipa fiha A, GFA kien, b'mod partikulari, irrappreżentat mid-direttur tad-diviżjoni responsabbli għall-attivitajiet internazzjonali tal-grupp Stoas, B. Minkejja li kien għalhekk quddiem persuna li kienet teżerċita responsabbiltajiet għoljin fil-grupp li kien jimpjegah, A, fi ksur tat-termini tad-dikjarazzjoni ta' imparzjalità msemmija hawn fuq, naqas milli jiddikjara r-rabtiet tiegħu ma' l-imsemmi grupp u li jirriżenja mill-kumitat ta' evalwazzjoni.

87      Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat il-fatt li l-gravità ta' din is-sitwazzjoni kienet raġjonevolment tippermetti li tiġi prevista l-possibbiltà ta' kollużjoni bejn A u GFA.

88      Minn banda, huwa leġittimu li wieħed jeamina l-karattru leċitu ta' l-imġiba ta' GFA. Kif ġie osservat qabel, dan ta' l-aħħar kien irrappreżentat waqt l-intervista mid-direttur tad-diviżjoni responsabbli għall-attivitajiet internazzjonali tal-grupp Stoas, li jħaddem lil A. Skond l-offerta ta' GFA, id-diviżjoni mmexxija minn B kien fiha biss 25 persuna, b'tali mod li l-Kummissjoni setgħat raġjonevolment tikkunsidra li dan kien jaf lil A. Dawn l-elementi kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex teżamina r-raġunijiet li għalihom B ma kienx żvela r-rabtiet li kellu ma wieħed mill-membri tal-kumitat ta' evalwazzjoni.

89      Mill-banda l-oħra, A ġie magħżul mid-dipartimenti tal-Kummissjoni bħala espert estern fil-bidu ta' Settembru 1999, f'mument fejn GFA ma kienx għadu ssottometta l-offerta tiegħu. Minkejja li A ma kienx ipparteċipa fit-tħejjija ta' l-ispeċifikazzjonijiet, huwa possibbli li, matul ix-xahrejn bejn il-ħatra tiegħu bħala espert estern u d-data tad-depożitu ta' l-offerti, dan ta' l-aħħar kien f'kuntatt ma' rappreżentanti tal-konsorzju GFA. F'dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni, waqt is-seduta, ammettiet li, jekk kien hemm tali kuntatti, kienet għalhekk tkun fl-obbligu li teskludi lil GFA mill-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni. Madanakollu l-Kummissjoni ma ppruvatx tistaqsi lil A dwar dan il-punt.

90      Minn dak li jippreċedi jirriżulta li l-Kummissjoni, billi naqset li tinvestiga dwar ir-relazzjonijiet bejn A u l-konsorzju GFA, wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni. Billi kisret il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba b'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll il-prinċipju ta' trattament ugwali fost dawk li jitfgħu offerta, liema prinċipju jobbligaha teżamina kull offerta b'mod imparzjali u oġġettiv fid-dawl tal-kundizzjonijiet u tal-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt, sabiex tiżgura li dawk kollha li jitfgħu offerta jkollhom l-istess possibbiltajiet.

91      Fil-fatt, il-prinċipju tat-trattament ugwali jipprojbixxi li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b'mod differenti jew li sitwazzjonijiet differenti jiġu trattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat. F'dan il-każ, kien hemm dubji serji rigward il-karattru leċitu ta' l-offerta ta' GFA. Sakemm kien għad hemm dawn id-dubji, dan il-konsorzju kien jinsab f'sitwazzjoni differenti minn dik ta' dawk l-oħra kollha li jitfgħu offerta għax-xogħol bl-appalt. Billi ma fetħet l-ebda investigazzjoni biex din is-sitwazzjoni tintemm, il-Kummissjoni ttrattat lil GFA bl-istess mod bħal dawk l-oħra kollha li tefgħu offerta għax-xogħol, għalkemm tali trattament ma kienx oġġettivament iġġustifikat. Billi kisret il-prinċipju tat-trattament ugwali b'dan il-mod, il-Kummissjoni kisret dispożizzjoni legali li kellha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi.

92      Min-naħa l-oħra, peress li ġie stabbilit li l-Kummissjoni ma aġixxietx bid-diliġenza meħtieġa sabiex tħejji l-miżuri intiżi għall-kontinwazzjoni tal-proċedura ta' l-għoti tal-kuntratt, mhuwiex possibli li tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni li GFA ma jiġix ipprojbit milli jipparteċipa fil-bqija ta' din il-proċedura. Fil-fatt, il-legalità ta' din id-deċiżjoni tiddependi direttament mir-riżultat ta' l-investigazzjoni li l-Kummissjoni kellha twettaq biex tiżgura li ma kienx hemm kollużjoni. Peress li l-elementi fattwali li jinstabu fl-inkartament ma jippermettux li wieħed jasal għal konklużjoni dwar l-eżistenza ta' tali kollużjoni jeħtieġ, għalhekk, li l-ilmenti li bihom ir-rikorrenti qegħdin jippruvaw juru li l-Kummissjoni kellha teskludi lil GFA mill-proċedura ta' l-għoti kuntratt jiġu miċħuda.

93      F'dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-illegalità kkonstatata tistax timpenja r-responsabbilità tal-Komunità, għandu jiġi mfakkar li l-kriterju deċisiv biex ksur tad-dritt komunitarju jiġi kkunsidrat li huwa serju biżżejjed huwa li l-ksur, manifest u gravi, mill-istituzzjoni Komunitarja kkonċernata, tal-limiti għall-poter diskrezzjonali tagħha (is-sentenzi Brasserie du Pêcheur u Factortame, iċċitata aktar 'il fuq, punt 55, u Bergaderm u Goupil vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 43). Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba fiċ-ċirkostanzi ta' kunflitt ta' interess li ġew osservati preċedentement u tar-riskji ta' frodi li dan jimplika, l-ommissjoni tal-Kummissjoni għandha karattru manifest u gravi u hija għalhekk ta' natura tali li timpenja r-responsabbiltà tal-Komunità.

2.     Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

94      Ir-rikorrenti jinvokaw diversi kapi ta' dannu, jiġifieri:

–        telf imġarrab matul il-proċedura ta' sejħa għall-offerti;

–        telf ta' profitt;

–        telf ta' "profil";

–        dannu lir-reputazzjoni ta' AFCon u tad-diretturi tagħha, Mc Mullin u O’Grady.

a)     Fuq il-kumpens tad-dannu li jikkorrispondi għat-telf imġarrab minħabba l-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti

 Argumenti tal-partijiet

95      Ir-rikorrenti qegħdin jitolbu kumpens għad-dannu li jikkorrispondi għat-telf imġarrab minħabba fil-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti. Dan id-dannu jirrigwarda l-ispejjeż li AFCon għamlet inutilment billi ppreżentat l-offerta tagħha u l-ispejjeż marbuta ma' l-ilmenti ppreżentati lill-Kummissjoni u l-Ombudsman. Dan it-telf huwa kkostitwit mir-remunerazzjoni tal-persunal impjegat fl-iżvillup tal-proġett u mill-ispejjeż kollha ta' l-ivvjaġġar u ta' soġġorn li għamlu bħala konsegwenza. Fuq il-bażi ta' spejjeż unitarji indikati fl-offerta finanzjarja ta’ AFCon, ir-rikorrenti jevalwaw dan id-dannu bħala EUR 82 570.

96      Il-Kummissjoni kkontestat dawn l-allegazzjonijiet. Hija ssostni li, kieku l-kuntratt ġie mogħti lil AFCon, l-ispejjeż li qiegħed jintalab il-ħlas lura tagħhom kienu xorta waħda jkollhom isiru. Hija għaldaqstant tqisli dan mhux dannu li hija tista' tkun responsabbli tiegħu.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

97      Jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn id-dannu kostitwit mill- infiq u mill-ispejjeż li saru, min-naħa waħda, għall-parteċipazzjoni fil-proċedura għas-sejħa għall-offerti u, min-naħa l-oħra, sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta' din il-proċedura.

–       Fuq l-ispejjeż li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta' l-offerta AFCon

98      Għandu jiġi mfakkar li l-operaturi ekonomiċi għandhom isostnu r-riskji ekonomiċi inerenti għall-attivitajiet tagħhom, fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta' kull każ. Fil-kuntest ta' proċedura ta' l-għoti ta' kuntratt, dawn ir-riskji ekonomiċi jinkludu, b'mod partikulari, l-ispejjeż li jirrigwardaw it-tħejjija ta' l-offerta. Għalhekk l-ispejjeż imġarrba għal dan l-għan jibqgħu a karigu ta' l-impriża li għażlet li tieħu sehem fil-proċedura, billi l-possibbiltà li tikkompeti għal kuntratt ma timplikax ċertezza fl-għoti li jirriżulta. Konformement ma' dan il-prinċipju, l-Artikolu 24 tar-regoli ġenerali tas-sejħiet għall-offerti u l-għoti ta' kuntratti iffinanzjati mill-fondi Phare u Tacis jipprovdi li, fil-każ ta' terminazzjoni jew annullament ta' proċedura ta' sejħa għall-offerti, dawk li jitfgħu offerta mhumiex intitolati għal kumpens. Minn dan isegwi li, fil-prinċipju, l-infiq u l-ispejjeż imġarrba minn dawk li jitfgħu offerta minħabba li ħadu sehem f'sejħa għall-offerti ma jikkostitwixxux dannu li jista' jiġi kkumpensat bil-ħlas ta' danni u ta' mgħax. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata, mingħajr riskju ta' ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-protezzjoni ta' l-aspettattivi leġittimi, fil-każijiet fejn ikun hemm ksur tad-dritt Komunitarju fit-tmexxija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti li jkun affettwa l-possibbiltajiet ta' dak li tefa' offerta li jingħata kuntratt (sentenzi tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T-203/96, Ġabra p. II‑4239, punti 75 u 97, u tad-29 ta' Ottubru 1998, TEAM vs Il-Kummissjoni, T-13/96, Ġabra p. II‑4073, punti 70 sa 72).

99      F'dan il-każ, ir-rikorrenti wrew l-eżistenza ta' ksur tad-dritt Komunitarju fit-tmexxija tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti. Dan il-ksur ivvizzja b'mod fundamentali l-proċedura ta' sejħa għall-offerti u affettwa l-possibbiltajiet ta' AFCon li tikseb il-kuntratt in kwistjoni.

100    Fil-fatt, kieku l-Kummissjoni għamlet inkjesta fuq il-konnessjonijiet bejn GFA u A, huwa possibli li din l-inkjesta kienet tikkonkludi li hemm kollużjoni li tiġġustifika l-esklużjoni ta' GFA mill-bqija tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti. F'dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni fil-fatt ammettiet, waqt l-udjenza, li, kieku dan kien ikun ir-riżultat ta' l-inkjesta, hija kienet tkun obbligata li tissanzjona lil GFA billi teskludih mill-proċedura

101    Bid-deċiżjoni li tkompli bil-proċedura ta' sejħa għall-offerti mingħajr ma tiftaħ inkjesta, il-Kummissjoni ħadet in kunsiderazzjoni l-offerta ta' GFA u tat il-kuntratt lil dan il-konsorzju minkejja l-eżistenza ta' indizji konkordanti li jissuġġerixxu l-possibbiltà ta' kollużjoni ma' membru tal-kumitat ta' selezzjoni. Billi mxiet b'dan il-mod, mingħajr ma żgurat li ma kienx hemm irregolaritajiet fil-parteċipazzjoni ta' GFA, il-Kummissjoni ppermettiet lil dan ta' l-aħħar li jibqa' jikkompeti fis-sejħa għall-offerti u, għaldaqstant affetwat il-possibbiltajiet ta' AFCon li tirbaħ il-kuntratt.

102    Huwa veru li kull min jitfa' offerta f'sejħa għall-offerti għandu, fil-prinċipju, jaċċetta r-riskju li l-ispejjeż marbutin mal-preżentazzjoni ta' l-offerta tiegħu jibqgħu a karigu tiegħu fil-każ li l-kuntratt jingħata lil wieħed mill-konkorrenti l-oħra. Madankollu, l-aċċettazzjoni ta' riskju hija bbażata fuq il-preżunzjoni inerenti għal kull sejħa għall-offerti, jiġifieri li l-Kummissjoni ser taġixxi b'mod imparzjali konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 90 aktar 'il fuq b'mod li tiżgura li dawk li jitfgħu offerta jkollhom opportunità ugwali. Billi ħalliet lil GFA jipparteċipa minkejja l-indizji msemmija qabel u billi naqset milli tiftaħ inkjesta, il-Kummissjoni kisret din il-preżunzjoni u ppreġudikat direttament il-possibbiltajiet ta' AFCon. Konsegwentement, hemm lok li AFCon tkun ikkumpensata għad-dannu li jirrigwarda l-ispejjeż mġarrba għall-parteċipazzjoni fil-proċedura.

103    F'dak li jirrigwarda l-kwantifikazzjoni ta' dan id-dannu, ir-rikorrenti jevalwawh għal EUR 31 070, għall-ispejjeż sostnuti għal vjaġġ ta' stħarriġ fin-nofsinhar tar-Russja (EUR 8 800), għaż-żmien u l-ispejjeż iddedikati għall-preparazzjoni ta' l-offerta (EUR 14 950) kif ukoll għall-ispejjeż ta' l-ivvjaġġar għal Brussell għall-parteċipazzjoni f'żewġ kollokji ta' evalwazzjoni (EUR 7 320). Peress li din il-valutazzjoni ma tidhirx li hija eċċessiva, hemm lok li jiġi stabbilit li d-dannu mġarrab minn AFCon bħala spejjeż għall-preżentazzjoni ta' l-offerta jammontaw għal EUR 31 070.

–       Fuq l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi kkuntestata l-legalità tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti

104    Għandu jiġi ammess li dan id-dannu huwa attwali, reali u ċert u li jirriżulta direttament mill-illegalità ta' l-imġiba li biha hija akkużata l-Kummissjoni. Ir-rikorrenti sostnew li dan il-kap tad-dannu kien jammonta għal EUR 51 500, liema ammont huwa kompost mill-elementi li ġejjin:

–        riżorsi allokati għal diversi lmenti u proċeduri minbarra dan ir-rikors mibdija minn AFCon wara l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni lil GFA (EUR 26 500);

–        spejjeż ta' l-ivvjaġġar u ta' laqgħat fir-Russja, fl-Irlanda u fil-Belġju ma' kuntatti, politiċi kif ukoll avukati (EUR 25 000).

105    Rigward l-infiq relatat ma' l-ispejjeż ta' l-vvjaġġar, ta' laqgħat u ta' avukati, ir-rikorrenti ma ppreżentaw l-ebda element li jippermetti li jiġi vverifikat jekk dawn l-spejjeż jagħmlu parti mid-dannu li jrid jitħallas lura u lanqas xi prova ta' natura li ssostni l-istima tagħhom. Fin-nuqqas ta' provi, dawn l-ispejjeż ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex jiġi kkwantifikat id-dannu sostnut.

106    Rigward ir-riżorsi ddedikati għall-ilmenti differenti li AFCon għamlet lill-Kummissjoni u l-Ombudsman, għandu jiġi kkonstatat li l-valutazzjoni tagħhom tqis żewġ elementi.

107    L-ewwel element jikkonċerna l-kwantità ta' onorarji/ġranet ("fee/days") iddedikati minn AFCon biex tiddefendi l-interessi tagħha sabiex tikkontesta l-validità tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti. Għall-perijodu bejn in-notifika lil AFCon bl-għoti tal-kuntratt fis-17 ta' Awwissu 2000 u l-aħħar intervent tal-Ministru ta' l-Affarijiet Ewropej Irlandiż ma' membru tal-Kummissjoni favur AFCon fi Frar 2003, din il-kwantità hija vvalutata bħala 28 onorarji/ġranet. Ir-rata ta' onorarji għal kull ġurnata hija stabbilita bħala EUR 500 b'riferiment għar-rata użata minn AFCon fl-offerta finanzjarja tagħha. Din l-evalwazzjoni ma tidhirx eċċessiva. Konsegwentement, id-dannu mġarrab minn AFCon minħabba ż-żmien iddedikat għad-difiża ta' l-interessi tagħha għandu jiġi stabbilit bħala EUR 14 000.

108    It-tieni element jikkonċerna spejjeż ta' riċerka, li jammontaw għal EUR 12 500. Madankollu, ir-rikorrenti ma ressqu l-ebda prova li turi eżattament dak li jkopru dawn l-ispejjeż u lanqas dokumenti li jissostanzjaw l-ammont ta' tali spejjeż. Għalhekk it-talba rigward dawn l-allegati riċerki ma tistax tintlaqa'.

109    Konsegwentement, hemm lok li l-Kummissjoni tiġi ordnata tħallas lil AFCon is-somma ta' EUR 14 000, nett mill-imgħax, bħala kumpens għad-dannu sostnut minħabba spejjeż inkorsi minn din ta' l-aħħar għad-difiża ta' l-interessi tagħha.

b)     Fuq il-kumpens tad-dannu li jirrigwarda t-telf ta' profitt

 Argumenti tal-partijiet

110    Rigward it-telf ta' profitt, ir-rikorrenti qegħdin jitolbu 25% tal-valur ta' l-offerta finanzjarja ta' AFCon, jiġifieri EUR 741 591. Dan l-ammont jikkorrispondi għall-marġni ta' profitt li AFCon kienet tagħmel kieku ngħatalha l-kuntratt.

111    Il-Kummissjoni tirriserva l-pożizzjoni tagħha rigward dan il-kalkolu fin-nuqqas tal-produzzjoni minn AFCon ta' dokumenti li jiġġustifikaw dan.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

112    Id-dannu invokat bħala nuqqas ta' qliegħ jippresupponi li AFCon kellha dritt li tingħata l-kuntratt. Issa, anki kieku l-Kummissjoni għamlet inkjesta fuq il-konnessjonijiet li kien hemm bejn A u GFA u kkonkludiet li kien hemm kollużjoni li tiġġustifika l-eklużjoni ta' GFA mill-proċedura, AFCon ma kinitx ċerta li ser tikseb il-kuntratt.

113    Fil-fatt, l-aġġudikant mhuwiex marbut mill-proposta tal-kumitat ta' evalwazzjoni iżda għandu poter diskrezzjonali kbir rigward l-elementi li għandhom jittieħdu in kunsiderazzjoni fit-teħid ta' deċiżjoni li jingħata l-kuntratt (sentenza TEAM vs Il-Kummissjoni, iċċitata aktar 'il fuq, punt 76). Huwa minnu li r-rikorrenti invokaw, f'dan ir-rigward, ir-rapport speċjali tal-Qorti ta' l-Awdituri Nru 16/2000 dwar il-proċeduri għas-sejħiet għall-offerti tal-kuntratti ta' servizzi tal-programmi Phare u Tacis, flimkien mar-risposti tal-Kummissjoni (ĠU 2000, C 350, p. 1), li jgħid li, fuq 120 kuntratt konkluż bis-saħħa ta' dawn il-programmi, il-Kummissjoni segwiet għal ir-rakkomandazzjoni tal-kumitat ta' evalwazzjoni 117-il darba. Madankollu, dawn l-elementi ta' statistika ma jistgħux iwasslu għall-konklużjoni li, f'dan il-każ, il-kuntratt kien jiġi ċertament mogħti lil AFCon kieku GFA ġiet eskluża mill-proċedura.

114    Għaldaqstant, id-dannu li jikkorrispondi għat-telf ta' profitt ta' AFCon mhuwiex attwali, veru u ċert, iżda ipotetiku. Għalhekk ma jistax ikun is-suġġett ta' indennizz.

c)     Fuq il-kumpens tad-dannu li jikkorrispondi għat-telf ta' "profil"

 Argumenti tal-partijiet

115    Ir-rikorrenti jsostnu li l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni kien jippermetti lil AFCon tipparteċipa f'sejħiet oħra għall-offerti. Issa, wara l-proċedura tas-sejħa għall-offerti in kwistjoni, l-attività ta' AFCon bdiet it-triq tan-niżla. L-għoti tal-kuntratt in kwistjoni lil GFA ppreġudika ir-reputazzjoni u l-attività ta' AFCon.

116    Fil-fatt, AFCon ġiet awtomatikament eskluża minn proċeduri ta' sejħiet għall-offerti ulterjuri. Mill-2002, regoli ġodda ta' eleġibbiltà pprojbixxew lil AFCon milli tieħu sehem fi proċeduri ta' sejħa għall-offerti, billi dawn ir-regoli jeżiġu li dawk li jitfgħu offerta jipprovdu fatturat annwali u esperjenza li AFCon m'għadx għandha aktar.

117    Ir-rikorrenti jivvalutaw provviżorjament it-telf ta' "profil" għal EUR 600 000.

118    Il-Kummissjoni tikkontesta dawn l-allegazzjonijiet, li tqis bħala mhumiex issostanzjati.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

119    Id-dannu li qiegħed jiġi mitlub kumpens għalih huwa bbażat fuq l-allegazzjoni li l-għoti tal-kuntratt in kwistjoni lil GFA kkawża sussegwentement, tnaqqis fl-attività ta' AFCon wasslet għall-esklużjoni tagħha, de facto, mill-proċeduri ta' sejħiet għall-offerti għal kuntratti paragunabbli ma' dak in kwistjoni f'din il-kawża. Issa, din l-allegazzjoni ma ġietx ippruvata.

120    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma tistax tinżamm responsabbli għal dan il-kap ta' dannu.

d)     Fuq il-ħlas tad-dannu lir-reputazzjoni ta' AFCon u tad-diretturi tagħha

 Argumenti tal-partijiet

121    Ir-rikorrenti jsostnu li r-reputazzjoni ta' AFCon ġiet imtebba' minħabba li ma ngħatatx il-kuntratt kif ukoll minħabba l-irregularitajiet li affettwaw il-proċedura tas-sejħa għal offerti.

122    Il-Kummissjoni skreditat il-kompetenza teknika u professjonali ta' AFCon. Id-deċiżjoni tagħha li ma tagħżilx lil AFCon kellha riperkussjonijiet kbar, billi, wara li ġiet eskluża minn 27 proċedura ta' sejħa għal offerti, AFCon ħadet id-deċiżjoni li ma tissottomettix aktar offerti għal proġetti Phare u Tacis.

123    Ir-rikorrenti jsostnu li tali fallimenti jikkoinċidu ma' l-ilmenti ta' AFCon dwar il-proġett FDRUS 9902. Huma jindikaw li għandhom provi li juru li AFCon tpoġġiet fuq "lista sewda". Dan il-kap ta' dannu huwa vvalutat għal EUR 600 000..

124    Ir-rikorrenti jsostnu li dan id-dannu lir-reputazzjoni ta' AFCon jaffettwa wkoll lis-Sinjuri Mc Mullin u O’Grady. Huma jevalwaw dan il-kap ta' dannu għal EUR 75 000 għal kull persuna.

125    Il-Kummissjoni ssostni li l-pretensjonijiet tar-rikorrenti mhumiex sostanzjati bi provi. Hemm diversi raġunijiet oħra, minbarra l-għoti tas-sejħa għall-offerti in kwistjoni lil GFA li jistgħu jispjegaw in-nuqqas ta' suċċess ta' AFCon. Hija tiċħad l-eżistenza ta' xi "lista sewda". Hija tiċħad ukoll li kkawżat dannu lir-reputazzjoni tas-Sinjuri Mc Mullin u O’Grady.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

126    Għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppruvawx l-eżistenza ta' xi lista sewda lanqas li kien hemm kummenti jew prassi li kienu jikkawżaw dannu lir-reputazzjoni ta' AFCon li jistgħu jkunu attribwiti lill-Kummissjoni. Għalhekk, l-allegat dannu ma jistax jiġi kkunsidrat bħala attwali, veru u ċert.

127    L-allegazzjonijiet dwar l-allegat dannu lir-reputazzjoni tas-Sinjuri Mc Mullin u O’Grady għandu jiġi miċħud għall-istess motivi.

e)     Fuq l-imgħax

 Argumenti tal-partijiet

128    Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza żżid l-ammont tad-danni mogħtija b'imgħax kumpensatorju bir-rata annwali ta' 8%, ir-rata li hija attwalment fis-seħħ fl-Irlanda.

129    Barra minn dan, ir-rikorrenti jitolbu li l-Kummissjoni tkun ikkundannata tħallas l-imgħax moratorju, bl-istess rata, mid-data tas-sentenza li ttemm din l-istanza.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

130    Rigward il-kalkolu ta' l-imgħax kumpensatorju, dan l-imgħax għandu jibda jiddekorri mill-ewwel ġurnata tax-xahar wara dak li matulu AFCon ħadet l-aħħar passi tagħha qabel ma tat bidu għall-proċeduri kontenzjużi. Billi dawn l-aħħar passi seħħew matul Frar 2003, l-imgħax għandu jibda jiddekorri mill-1 ta' Marzu 2003.

131    Mill-annessi tar-rikors jirriżulta li r-rikorrenti ma talbux, fil-valutazzjoni tagħhom ta' l-allegat dannu, l-applikazzjoni ta' mgħax kompost. Konsegwentement, sabiex jiġi stabbilit l-ammont li l-Kummissjoni għandha tħallas, hemm lok li jiġi applikat il-metodu ta' l-imgħax sempliċi.

132    Rigward id-determinazzjoni tar-rata ta' mgħax kompensatorju, din għandha tiġi kkalkulata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' ffinanzjar mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti, jiġifieri rata annwali ta' 4%. L-ammont tad-dejn li l-Kummissjoni għandha tħallas lil AFCon jammonta, fid-data ta' l-għoti ta' din is-sentenza, għas-somma ta' EUR 48 605, bl-imgħax inkluż.

133    Din is-somma għandha tiżdied bl-imgħax moratorju li jibda jiddekorri minn meta tingħata din is-sentenza sal-ħlas komplut. Ir-rata ta' l-imgħax moratorju applikabbli hija kkalkulata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti. L-ammont ta' mgħax huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-metodu ta' l-imgħax kompost.

 Fuq l-ispejjeż

134    Skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

taqta' u tiddeciedi li:

1)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tħallas lil AFCon is-somma ta' EUR 48 605, flimkien ma' l-imgħax li jibda jiddekorri minn meta tingħata din is-sentenza sal-ħlas komplut. Ir-rata ta' l-imgħax li għandha tiġi applikata hija kkalkulata fuq il-bażi tar-rata ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid, applikabbli matul il-perijodu kkonċernat, miżjuda b'żewġ punti. L-ammont ta' mgħax huwa kkalkulat fuq il-bażi tal-metodu ta' l-imgħax kompost.

2)      Il-bqija tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Kummissjoni hija kkundannata tbati l-ispejjeż.

Lindh

García-Valdecasas

Cooke

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis-17 ta' Marzu 2005.

H. Jung

 

       P. Lindh

Reġistratur

 

       President


Werrej

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Proċedura

Talbiet tal-partijiet

Fid-dritt

A –  Fuq it-talba għal miżuri istruttorji

B –  Fuq it-talba għad-danni

1.  Fuq l-illegalità ta' l-imġiba li l-Kummissjoni hija akkużata biha

a)  Fuq ir-regolarità ta' l-offerta ta' GFA

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

b)  Fuq l-użu ta' kriterji ta' evalwazzjoni illeċiti

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Fuq il-konsegwenzi tal-kunflitt ta' interessi

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

2.  Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

a)  Fuq il-kumpens tad-dannu li jikkorrispondi għat-telf imġarrab minħabba l-parteċipazzjoni fil-proċedura ta' sejħa għall-offerti

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

–  Fuq l-ispejjeż li jirrigwardaw il-preżentazzjoni ta' l-offerta AFCon

–  Fuq l-ispejjeż sostnuti sabiex tiġi kkuntestata l-legalitŕ tal-proċedura ta' sejħa għall-offerti

b)  Fuq il-ħlas għad-dannu li jirrigwarda t-telf ta' profitt

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

c)  Fuq il-ħlas tad-dannu li jikkorrispondi għat-telf ta' "profil"

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

d)  Fuq il-ħlas tad-dannu lir-reputazzjoni ta' AFCon u tad-diretturi tagħha

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

e)  Fuq l-imgħax

Argumenti tal-partijiet

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim'Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.