Language of document : ECLI:EU:C:2021:155

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑2 ta’ Marzu 2021(1)

Kawża C-94/20

Land Oberösterreich

vs

KV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesgericht Linz (il‑Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari ‑ Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul ‑ Direttiva 2003/109/KE ‑ Artikolu 11(1)(d) ‑ Ugwaljanza fit-trattament ‑ Deroga ‑ Artikolu 11(4) ‑ Limitazzjoni tal-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali għal benefiċċji prinċipali ‑ Kunċett ta’ ‘benefiċċji prinċipali’ ‑ Għajnuna għall-akkomodazzjoni ‑ Ħtieġa ta’ prova li wieħed ikollu profiċjenza bażika fil-lingwa tal-Istat Membru ‑ Kundizzjoni applikabbli biss għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul ‑ Applikazzjoni tal-Karta u tal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ deroga skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109/KE”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, bid-data tas‑6 ta’ Frar 2020, kienet ippreżentata mil-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) fir-Reġistru tal-Qorti fil‑25 ta’ Frar 2020. Saret fil-kuntest ta’ proċeduri quddiem il-qrati Awstrijaċi li kienu jikkontestaw ir-rekwiżit impost mid-dritt nazzjonali fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom l-istatus ta’ residenti fit-tul li jipprovdu tip partikolari ta’ prova ta’ profiċjenza fil-lingwa (Ġermaniża) sabiex ikunu intitolati għal benefiċċju soċjali fil-forma ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni.

2.        KV (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”) ippreżenta rikors fl-ewwel istanza quddiem il-Bezirksgericht Linz (il-Qorti Distrettwali ta’ Linz, l-Awstrija) kontra l-Land Oberösterreich (iktar ’il quddiem il-“konvenut’) għas-somma ta’ EUR 4 096.94 flimkien ma’ mgħaxijiet għal danni li rriżultaw mit-telf ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni minn Jannar sa Novembru 2018 minħabba n-nuqqas ta’ prova formali meħtieġa ta’ profiċjenza fil-lingwa (2). Il-Bezirksgericht Linz (il-Qorti Distrettwali ta’ Linz) laqgħet it-talba tar-rikorrent fit-totalità tagħha. Ir-rikors imsemmi għal deċiżjoni preliminari kien ippreżentat tul proċeduri ta’ appell ippreżentati mill-konvenut quddiem il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz).

3.        Fit-talba tagħha l-qorti tar-rinviju titlob interpretazzjoni tal-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (3), tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad‑29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (4) u tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

4.        It-talba għal deċiżjoni preliminari, għaldaqstant, teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina, inter alia, jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxix “benefiċċju prinċipali” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 u, fil-każ li ma tikkostitwixxix, jekk l-għoti ta’ tali għajnuna lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi status ta’ residenti fit-tul jistax ikun suġġett għall-kundizzjoni li tinġieb prova, f’forma partikolari, ta’ profiċjenza fil-lingwa tal-Istat Membru inkwistjoni. Qabel ma nikkunsidra din il-kwistjoni, jeħtieġ l-ewwel nett li nsemmi d-dispożizzjonijiet legali rilevanti li jifformaw il-kuntest għal dan ir-rinviju preliminari.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Id-Direttiva 2000/43

5.        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43, bit-titolu “L-Għan”, jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità, bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali.”

6.        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Il-kunċett tad-diskriminazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, il-prinċipju ta’ trattament ugwali għandu jfisser illi ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta msejsa fuq l-oriġini tar-razza jew l-etniċità.

2.      Għall-għanijiet tal-paragrafu 1:

(a)      diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità;

(b)      diskriminazzjoni indiretta għandha tittieħed li tiġri fejn dispożizzjonijiet, kriterju jew prattika apparentement newtrali, jitfgħu persuni ta’ oriġini, ta’ razza jew grupp etniku fi żvantaġġ partikolari pparagunati ma’ persuni oħra, għajr jekk din id-dispożizzjoniji, dan il-kriterja jew din il-prattika jkunu ġġustifikati oġġettivament minn mira leġittima u jekk il-mezzi għall-kisba ta’ din il-mira jkunu sewwa u meħtieġa.

[…]”

7.        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2000/43, bit-titolu “Il-Qasam ta’ Applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Din id-Direttiva ma’ tkoprix id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità u hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet u l-kondizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mad-dħul u r-residenza ta’ ċittadini minn pajjiżi terzi u ta’ persuni mingħajr stat fit-territorju tal-Istati Membri, u għal kull trattament li jinħoloq mill-istat legali taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u l-persuni bla stat interessati.”

2.      Id-Direttiva 2003/109

8.        Il-premessi 2, 4, 12 u 13 tad-Direttiva 2003/109 jipprovdu:

“(2)      Il-Kunsill Ewropew, fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, iddikjara li l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea.

[…]

(4)      L-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità dikjarata fit-Trattat.

[…]

(12)      Sabiex jikkostitwixxi strument ġenwin għall-integrazzjoni ta’ residenti għal perjodu twil fis-soċjetà fejn ikunu jgħijxu, ir-residenti għat-tul għandhom igawdu ugwaljanza ta’ trattament bħal taċ-ċittadini ta’ l-Istat Membru f’firxa wiesa’ ta’ kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali, taħt il-kondizzjonijiet relevanti definiti f’din id-Direttiva.

(13)      Fir-rigward ta’ l-assistenza soċjali, il-possibbiltà li jiġu limitati l-benefiċċji għar-residenti ta’ pejodu twil ta’ żmien għall-benefriċċji prinċipali għandha tiftiehem fis-sens li din l-ideja tkopri ta’ l-anqas dħul minimu ta’ sostenn, assistenza fil-każ ta’ mard, tqala, assistenza tal-ġenituri u kura f’perjodu twil ta’ żmien. Il-modalitajiet għall-għoti ta’ dawk il-benefiċċji għandhom ikunu stabbiliti bil-liġi nazzjonali.

[…]”

9.        L-Artikolu 5 tad-Direttiva 2003/109, bit-titolu “Kondizzjonijiet għall-kisba ta’ status ta’ residenti għat-tul”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“L-Istati membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jikkonformaw ma’ kondizzjonijiet ta’ integrazzjoni, skond il-liġi nazzjonali.”

10.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, bit-titolu “Trattament ugwali”, jipprovdi:

“1.      Ir-residenti għat-tul għandhom igawdu trattament ugwali ma’ dak taċ-ċittadini fir-rigward ta’:

[…]

(d)      sigurtà soċjali, assistenza soċjali u protezzjoni soċjali kif definiti bil-liġi nazzjonali;

[…]

4.      L-Istati Membri jistgħu jillimitaw it-trattament ugwali fir-rigward ta’ assistenza soċjali u protezzjoni soċjali għall-benefiċċji prinċipali.

[…]”

B.      Id-dritt nazzjonali

11.      Il-konvenut, il-Land Oberösterreich, jagħti għajnuna għall-akkomodazzjoni. Il-kundizzjonijiet sabiex tingħata din l-għajnuna kienu rregolati, fiż-żmien rilevanti, minn ċerti dispożizzjonijiet tal-Oberösterreichisches Wohnbauförderungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich dwar Appoġġ għall-Kostruzzjoni ta’ Akkomodazzjoni, iktar ’il quddiem l-“oöWFG”) (5)).

12.      L-Artikolu 6 ta’ dik il-liġi jipprovdi:

“[…]

(9)      Sostenn b’din il-liġi għandu jingħata liċ-ċittadini Awstrijaċi li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru taż-[Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE)] u liċ-ċittadini tal-Unjoni u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE]. Sakemm konvenzjoni internazzjonali ma teżiġix li huma jingħataw sostenn bl-istess mod bħaċ-ċittadini Awstrijaċi, ikun jista’ jingħata sostenn biss lil persuni oħra jekk huma:

1.      ikollhom legalment ir-residenza prinċipali tagħhom għal perijodu kontinwu ta’ iktar minn ħames snin fit-territorju Awstrijak,

2.      jirċievu dħul taxxabbli fl-Awstrija jew kontribuzzjonijiet imħallsa għall-iskema obbligatorja ta’ assigurazzjoni soċjali fl-Awstrija għax ikunu segwew attività okkupazzjonali u fil-mument ikunu jirċievu benefiċċji minn dik l-iskema, u jkunu rċevew dak id-dħul jew benefiċċju għal erbgħa u ħamsin xahar matul il-ħames snin preċedenti, u

3.      iġibu prova li jkunu jafu l-lingwa Ġermaniża skont is-subparagrafu 11.

[…]

(11)      Il-kundizzjoni stabbilita fis-subparagrafu 9(3) għandha titqies issodisfatta jekk l-applikant

1.      jipproduċi ċertifikat mill-Österreichischer Integrationsfonds (il-Fond ta’ Integrazzjoni Awstrijak) (ÖIF) jew minn istituzzjoni ta’ evalwazzjoni ċertifikata mill-ÖIF li juri li tkun irnexxiet evalwazzjoni ta’ integrazzjoni; jew

2.      jipproduċi diploma jew ċertifikat ta’ lingwa ġeneralment irrikonoxxuti ta’ profiċjenza fil-Ġermaniż Livell‑A 2 maħruġa minn ċentru ta’ evalwazzjoni ċċertifikat skont l-Integrationsvereinbarungs-Verordnung (il-Konvenzjoni ta’ Integrazzjoni) (BGBl. II, 242/2017) jew

3.      jipproduċi prova li l-persuna tkun segwiet edukazzjoni obbligatorja fl-Awstrija għal mill-inqas ħames snin u tkun kisbet punti biżżejjed fis-suġġett tal-“Ġermaniż” jew is-suġġett “Ġermaniż” tlesta b’suċċess fil-livell tad‑9 grad, jew

4.      li tkun għaddiet mill-eżami fi tmiem apprendistat skont il-Berufsausbildungsgesetz (il-Liġi dwar Taħriġ Vokazzjonali għal Apprendistat) (BGBl. 142/1969).

[…]”

13.      L-Artikolu 23 ta’ dik il-liġi jipprovdi:

“(1)      Għajnuna għall-akkomodazzjoni tista’ tingħata lill-kerrej prinċipali, lix-xerrej li jkun mistenni jlesti fil-ġejjieni u lis-sid ta’ dar li fir-rigward tagħha jkun ingħata sostenn, jekk

1.      l-ispiża tal-akkomodazzjoni tikkostitwixxi piż mhux raġonevoli għall-applikant;

2.      l-applikant ikun jgħix b’mod permanenti fid-dar imsemmija sabiex jissodisfa l-ħtiġijiet tiegħu ta’ akkomodazzjoni; u

3.      l-applikant ikun applika għal għajnuna oħra biex inaqqas l-ispiża għall-akkomodazzjoni (Artikolu 24(1)) li huwa jkun intitolat jirċievi, u

4.      ikun beda l-ħlas lura ta’ self ta’ sostenn (Artikolu 9) jew self issussidjat għal ipoteka (Artikolu 10).

(2)      L-għajnuna għall-akkomodazzjoni tista’ tingħata lill-kerrej prinċipali ta’ dar li fir-rigward tagħha jkun ingħata benefiċċju jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-subparagrafu 1(1) sa (3) ikunu ssodisfatti u l-kirja ma tkunx ġiet konkluża ma’ persuna relatata.

[…]”

14.      Skont l-Artikolu 2(3) tal-oberösterreichische Wohnbeihilfen-Verordnung (l-Ordinanza ta’ Oberösterreich dwar l-Għajnuna Soċjali għall-Akkomodazzjoni), l-ammont ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni ma kienx jaqbeż EUR 300 fix-xahar.

15.      Skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fiż-żmien rilevanti, persuni f’sitwazzjoni ta’ faqar soċjali setgħu jirċievu garanzija ta’ riżorsi minimi sabiex ikopru l-ħtiġijiet tagħhom skont l-Oberösterreichisches Mindestsicherungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich dwar Benefiċċji Minimi Ggarantiti, iktar ’il quddiem l-“oöBMSG” (6)).

16.      L-Artikolu 1(1) tal-oöBMSG jgħid li l-għan tal-garanzija minima huwa li lil dawk li jkun jeħtiġilhom għajnuna tkun iggarantita ħajja dinjituża u sabiex tkun żgurata l-integrazzjoni permanenti fis-soċjetà li dan jimplika. Taħt ċerti kundizzjonijiet dan il-benefiċċju wieħed seta’ jirċevih flimkien ma’ għajnuna għall-akkomodazzjoni jew billi parzjalment jikkumpensa għaliha skont l-oöWFG. Il-benefiċċju skont l-oöBMSG seta’ jinkiseb minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, huwa kien marbut ma’ rekwiżiti ta’ indiġenza soċjali ferm iktar stretti milli kienet l-għajnuna għall-akkomodazzjoni skont il-oöWFG. L-ammont bażiku skont l-oöBMSG fl‑2018 kien ta’ EUR 921.30 fix-xahar għal persuna li tgħix waħedha, u EUR 649.10 għal adulti li jgħixu taħt saqaf wieħed, b’benefiċċji komplementari għat-tfal.

17.      L-Artikolu 4 ta’ dik il-liġi jipprovdi:

“(1)      Sa fejn din il-liġi ma tipprovdix mod ieħor, il-garanzija ta’ riżorsi minimi biex ikunu koperti ħtiġijiet tista’ tingħata biss lil dawk li

1.      ikollhom ir-residenza abitwali tagħhom f’Oberösterreich […] u

2.      (a)      ikunu ċittadini Awstrijaċi jew membri tal-familja ta’ ċittadini Awstrijaċi;

(b)      ikollhom id-dritt għal ażil jew għal protezzjoni sussidjarja;

(c)      ikunu ċittadini tal-Unjoni, ċittadini ta’ Stat Membru taż-[ŻEE], ċittadini Svizzeri jew membri tal-familja tagħhom, sakemm ma jitilfux id-dritt tagħhom ta’ residenza;

(d)      ikollhom permess ta’ residenza fil-Komunità ta’ residenti fit-tul jew ‘residenti fit-tul ‑ membru tal-familja’, jew ċertifikat ta’ stabbiliment jew permess ta’ residenza indefinita;

(e)      ikollhom dritt differenti ta’ residenza fit-territorju Awstrijak, bil-kundizzjoni li jekk jirċievu dawk il-benefiċċji huma ma jitilfux id-dritt tagħhom ta’ residenza.”

18.      Skont l-Artikolu 5 ta’ din il-liġi:

“L-għoti ta’ garanzija ta’ riżorsi minimi biex tkopri ħtiġijiet għandha tkun bla ħsara għall-kundizzjoni li persuna tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4

(1)      tkun f’sitwazzjoni ta’ faqar soċjali (Artikolu 6) u

(2)      tkun lesta tevita, ittaffi jew tegħleb diffikultà soċjali (Artikolu 7).”

19.      L-Artikolu 6 tal-oöBMSG jipprovdi:

“(1)      Persuni jkunu f’sitwazzjoni ta’ faqar soċjali meta ma jkunux jistgħu jipprovdu

1.      għas-sussistenza u għall-akkomodazzjoni tagħhom stess; jew

2.      għas-sussistenza u għall-akkomodazzjoni tal-membri dipendenti tal-familja li jkunu jgħixu magħhom taħt l-istess saqaf,

jew li jipprovdu, f’dik il-qagħda, sabiex ikunu koperti kif meħtieġ fil-każ ta’ mard, tqala jew twelid.

(2)      Il-ħtiġijiet ta’ sussistenza msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu nfiq b’rabta ma’ ħtiġijiet perjodiċi relatati ma’ ħajja dinjituża, b’mod partikolari ikel, ilbies, għamara u tagħmir tad-dar, tisħin, elettriku, u ħtiġijiet oħra personali, bħall-ħtieġa li wieħed jieħu parti b’mod xieraq fil-ħajja soċjali u kulturali.

(3)      Il-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu kera kull tant żmien, ħlasijiet u taxxi ġenerali meħtieġa sabiex tkun żgurata akkomodazzjoni xierqa.

[…]”

20.      L-Oberösterreichisches Antidiskriminierungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich kontra d-Diskriminazzjoni, iktar ’il quddiem l-“oöADG”) (7) ittrasponiet id-Direttiva 2000/43. L-Artikolu 1 ta’ din il-liġi, bit-titolu “Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni”, jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra persuni fiżiċi minħabba, inter alia, oriġini etnika. Dan l-artikolu ma japplikax, skont l-Artikolu 3 ta’ din il-liġi, għal inugwaljanzi fit-trattament minħabba nazzjonalità, bil-kundizzjoni li dawn ikunu imposti mil-liġi jew ikunu ġġustifikati oġġettivament u li ma jkunux preklużi minn regoli tal-Unjoni jew minn konvenzjonijiet internazzjonali li jagħmlu parti mill-qafas ta’ integrazzjoni Ewropea b’rabta mal-ugwaljanza tal-persuni.

21.      Skont l-Artikolu 8 ta’ din il-liġi:

“(1)      Fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1, il-persuna inkwistjoni […] ikollha d-dritt għal kumpens xieraq […].

Minbarra l-kumpens għal ħsara materjali, [huwa jew hija] jkunu intitolati għal kumpens xieraq għal offiża personali mġarrba. L-ammont ta’ kumpens għall-offiża personali mġarrba ma jistax ikun inqas minn EUR 1 000.

[…]”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u t-talba għal deċiżjoni preliminari

22.      Ir-rikorrent huwa ċittadin Tork imwieled fl‑1981. Madankollu, huwa għex fl-Awstrija sa mill‑1997 u huwa “ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti fit-tul” fis-sens tad-Direttiva 2003/109. Huwa jgħix ma’ martu u mat-tliet uliedhom fil-Land Oberösterreich (l-Istat tal-Awstrija ta’ Fuq) u, sa tmiem l‑2017, huwa rċieva għajnuna għall-akkomodazzjoni skont l-oöWFG.

23.      Mill‑1 ta’ Jannar 2018 lil hawn ‑ mhux bħal għaċ-ċittadini tal-Unjoni, għaċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u għal membri tal-familja fis-sens tad-Direttiva 2004/38/KE ‑ l-eliġibbiltà għal għajnuna għall-akkomodazzjoni għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi hija suġġetta għal prova ta’ ċerta profiċjenza bażika fil-Ġermaniż skont l-Artikolu 6(9)(3) u l-Artikolu 6(11) tal-öoWFG.

24.      Ir-rikorrent jaf il-Ġermaniż fil-livell meħtieġ iżda ma għandu ebda waħda mill-provi formali meħtieġa tal-profiċjenza tiegħu f’din il-lingwa, li hija r-raġuni għaliex ġiet miċħuda l-applikazzjoni tiegħu għal għajnuna għall-akkomodazzjoni. Huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha, pereżempju, huwa kien jirċievi għajnuna għall-akkomodazzjoni kieku kien ċittadin taż-ŻEE.

25.      Ir-rikorrent qiegħed jitlob għad-danni mingħand il-Land Oberösterreich f’somma għat-telf ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni minn Jannar sa Novembru 2018, jiġifieri EUR 281.54 kull xahar, flimkien ma’ danni għal ħsara mhux materjali fis-somma ta’ EUR 1 000. Ir-rikorrent jibbaża t-talba tiegħu fuq l-Artikolu 8 tal-oöADG li ttrasponiet id-Direttiva 200/43. Ir-rikorrent sostna li l-Artikolu 6(9)(3) u l-Artikolu 6(11) tal-oöWFG qiegħduh fi żvantaġġ minħabba l-etniċità tiegħu mingħajr ebda ġustifikazzjoni oġġettiva. Barra minn dan, huwa argumenta li għajnuna għall-akkomodazzjoni kienet benefiċċju prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

26.      Il-Land Oberösterreich ikkunsidra li ma kienx hemm differenza ta’ trattament minħabba etniċità; li r-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-Ġermaniż kien iġġustifikat oġġettivament u li għajnuna għall-akkomodazzjoni ma tikkostitwixxix benefiċċju prinċipali fis-sens tad-Direttiva 2003/109.

27.      Il-Bezirksgericht Linz (il-Qorti Distrettwali ta’ Linz), il-qorti tal-ewwel istanza, laqgħet ir-rikors tar-rikorrent f’kull aspett. Għalhekk, hija ddeċidiet li għajnuna għall-akkomodazzjoni kien benefiċċju prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Barra minn dan, hija ddeċidiet li r-rekwiżit ta’ prova ta’ ċerta profiċjenza fil-Ġermaniż ma kienx floku u kien jiddiskrimina kontra r-rikorrent minħabba l-“etniċità” tiegħu. Għalhekk hija ddeċidiet li t-talbiet tar-rikorrent ibbażati fuq l-oöADG kellhom bażi tajba.

28.      Il-Land Oberösterreich appella minn dik id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

29.      Il-qorti tar-rinviju tqis li jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni hija benefiċċju prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, din għandha, mill-aspett tad-dritt tal-Unjoni, tingħata lir-rikorrent għal din ir-raġuni biss, indipendentement minn jekk ikunx hemm ukoll diskriminazzjoni. Minbarra t-telf ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, ir-rikorrent, madankollu, jitlob ukoll għal danni għal ħsara mhux materjali minn diskriminazzjoni minħabba l-etniċità tiegħu. Il-qorti tar-rinviju tqis ukoll li, billi tapplika l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, il-Land Oberösterreich ikun jeħtieġlu, meta jirristruttura tali dispożizzjoni, ikun konformi ma’ rekwiżiti oħra tad-dritt tal-Unjoni bħad-Direttiva 2000/43 u tal-Karta, u ma għandu japplika ebda kriterju diskriminatorju meta jagħmel hekk.

30.      F’dawn il-proċeduri huwa konċepibbli li d-Direttiva 2000/43 ma tapplikax minħabba, b’mod partikolari, l-Artikolu 3(2) tagħha. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju dan ma jfissirx bilfors li ma hemmx ukoll diskriminazzjoni kif ipprojbita mill-Karta. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Karta ma fiha ebda eċċezzjoni simili għall-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG jista’ jkun kontra d-dritt tal-Unjoni għax jikser il-Karta.

31.      Il-qorti tar-rinviju tinnota li skont l-Ausschuss für Wohnbau, Baurecht und Naturschutz (il-Kumitat għall-Akkomodazzjoni, il-Liġi tal-Kostruzzjoni u l-Protezzjoni tal-Ambjent, iktar ’il quddiem il-“Kumitat”) tal-Landtag (il-Parlament tal-Istat) tal-Awstrija ta’ Fuq, għajnuna għall-akkomodazzjoni ma hijiex benefiċċju soċjali prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Ir-rekwiżiti stabbiliti mid-Direttiva 2003/109 fir-rigward ta’ benefiċċji prinċipali huma koperti mill-oöBMSG. Skont il-qorti tar-rinviju, il-Kumitat kien biħsiebu juża l-eċċezzjoni tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Madankollu, filwaqt li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul ma kinux ġeneralment esklużi milli jkollhom dritt għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, kienu imposti fuqhom kundizzjonijiet addizzjonali. Il-qorti tar-rinviju ma hijiex, madankollu, marbuta mal-interpretazzjoni tal-Kumitat tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

32.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-applikazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233) u tal-Artikolu 34 tal-Karta għad-dispożizzjonijiet dwar għajnuna għall-akkomodazzjoni tal-Awstrija ta’ Fuq ma humiex ċari. L-għan ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni ma huwiex li jkunu evitati piżijiet eċċessivi minħabba spejjeż ta’ akkomodazzjoni. F’termini ta’ ammont u f’termini tal-kundizzjonijiet biex tingħata, għajnuna għall-akkomodazzjoni tikkostitwixxi sussidju għal spejjeż ta’ akkomodazzjoni li jiddependu, inter alia, mid-dħul, mill-għadd ta’ membri tal-familja u mid-daqs tad-dar, u li ma jistax jaqbeż is-somma ta’ EUR 300. Għajnuna għall-akkomodazzjoni ma hijiex intiża biex tkopri għalkollox l-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni ta’ min jirċievi l-ħlas, iżda tipikament tkopri parti mill-ispejjeż ta’ akkomodazzjoni sabiex ikun evitat li persuni li jkollhom dħul baxx ikun jeħtiġilhom jonfqu proporzjon wisq kbir tad-dħul tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata.

33.      Il-benefiċċji minimi ggarantiti previsti fl-oöBMSG, madankollu, huma intiżi sabiex bihom persuni li ġeneralment ibatu minn diffikultajiet soċjali jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża, inkluż li jkunu koperti l-ħtiġijiet tagħhom ta’ akkomodazzjoni. Id-dispożizzjonijiet ta’ benefiċċji minimi ggarantiti huma suġġetti għal kundizzjonijiet iktar stretti b’mod sinjifikanti minn dawk ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni u jistgħu jingħataw lil persuni li ma jkollhom ebda dħul jew li jkollhom dħul estremament baxx. F’ċerti każijiet ikun possibbli li tingħata kemm għajnuna għall-akkomodazzjoni kif ukoll benefiċċji minimi ggarantiti (fejn ikun japplika, dawn jikkumpensaw parzjalment lil xulxin). Madankollu, il-gruppi eliġibbli għal dawn iż-żewġ benefiċċji soċjali ma humiex identiċi.

34.      Meqjus dan il-qafas regolatorju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk (u, jekk huwa hekk, f’liema ċirkustanzi addizzjonali) jistgħux jitqiesu biss benefiċċji msemmija mill-oöBMSG bħala benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, jew jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG tistax tikkwalifika wkoll bħala benefiċċju prinċipali għal dan l-għan minħabba li hija intiża tikkumpensa għal piżijiet eċċessivi f’dak li għandhom x’jaqsmu spejjeż ta’ akkomodazzjoni. Dan huwa minkejja l-fatt li, mhux bħall-benefiċċji minimi ggarantiti, l-oöWFG ma titlobx li l-benefiċjarju jkun ibati minn diffikultajiet soċjali.

35.      Dwar il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni minħabba “oriġini razzjali jew etnika” fis-sens tad-Direttiva 2000/43, il-qorti tar-rinviju tistqarr li l-oöADG tittrasponi d-Direttiva 2000/43. Din il-qorti tqis li differenza fit-trattament ibbażata fuq il-kriterju ta’ status bħala ċittadin ta’ pajjiż terz ma hijiex, bħala prinċipju, tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva minħabba l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2000/43 (8) Tinqala’ l-kwistjoni, madankollu, jekk ir-riferiment għaċ-ċittadinanza jistax, minkejja dan, taħt ċerti kundizzjonijiet, jikkostitwixxi għamla ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq oriġini etnika.

36.      F’dan il-każ il-qorti tar-rinviju hija mħassba dwar l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG. Dawn id-dispożizzjonijiet mhux biss jagħmlu distinzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz iżda huma relatati wkoll mar-rekwiżit ta’ ċertu livell ta’ profiċjenza fil-Ġermaniż, li prova tagħha tista’ biss tinġieb b’ċerti modi, iddefiniti b’mod ċar.

37.      Jekk l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG jitqies li jikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta jew “moħbija”, il-qorti tar-rinviju tqis li jeħtieġ tkun eżaminata l-ġustifikazzjoni oġġettiva ta’ din id-dispożizzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/43.

38.      Barra minn hekk, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li d-Direttiva 2000/43 ma tapplikax għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali – b’mod partikolari minħabba l-Artikolu 3(2) ta’ din id-direttiva – il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regola stabbilita fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG għandhiex tkun evalwata fid-dawl tal-Karta. L-Artikolu 51(1) tal-Karta jipprovdi li r-regola għandha titqies meta l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li dispożizzjoni bħall-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG tista’ tiġi applikata biss fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Il-Karta tista’, inter alia, tkun applikabbli minħabba li hemm prinċipji tad-dritt tal-Unjoni dwar l-għoti ta’ benefiċċji soċjali lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul, u l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ titqies bħala li timplimenta dawk il-prinċipji.

39.      L-Artikolu 21 tal-Karta jipprovdi, inter alia, projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba oriġini etnika. Kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet irrikonoxxuti mill-Karta għandha tkun prevista b’liġi u għandha tħares il-qofol ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, limitazzjonijiet għandhom isiru biss jekk ikunu meħtieġa u ġenwinament jissodisfaw l-għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jkunu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn (9).

40.      F’dawk iċ-ċirkustanzi, il-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tirrinvija d-domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      L-Artikolu 11 tad-[Direttiva 2003/109] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-[oöWFG], li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru [ŻEE] u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-[Direttiva 2004/38] l-benefiċċju soċjali ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109, teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku, jekk din l-għajnuna għall-akkomodazzjoni tkun intiża sabiex ittaffi l-piż li jirriżulta mill-ispejjeż tal-akkomodazzjoni meta l-imsemmi piż ma jkunx raġonevoli, minkejja li benefiċċju soċjali ieħor (il-garanzija ta’ riżorsi minimi sabiex jiġi żgurat li jiġu koperti l-bżonnijiet kif previst taħt l-oöBMSG huwa intiż ukoll sabiex jiggarantixxi lill-persuni li jkunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ diffikultà soċjali minimu għall-għajxien (inklużi l-bżonnijiet ta’ akkomodazzjoni)?

2)      Il-projbizzjoni ta’ ‘diskriminazzjoni diretta jew indiretta’ bbażata fuq ‘l-oriġini tar-razza jew l-etniċità’ stabbilita fl-Artikolu 2 tad-[Direttiva 2000/43] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?

3)      Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda:

Il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-oriġini etnika stabbilita fl-Artikolu 21 tal-[Karta] għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li tagħti liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ Stat Membru taż-ŻEE u lill-membri tal-familja tagħhom fis-sens tad-Direttiva 2004/38 benefiċċju soċjali (l-għajnuna għall-akkomodazzjoni taħt l-oöWFG) mingħajr ma huma meħtieġa jipproduċu l-prova tal-għarfien lingwistiku tagħhom, filwaqt li, fir-rigward taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi (inklużi ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fis-sens tad-Direttiva 2003/109), teżiġi għarfien bażiku tal-lingwa Ġermaniża, u l-prova ta’ dan għandha tiġi prodotta b’mod speċifiku?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

41.      Osservazzjonijiet bil-miktub kienu sottomessi mir-rikorrent (KV), mill-konvenut (il-Land ta’ Oberösterreich) u mill-Kummissjoni.

42.      Kif mitluba mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawn il-konklużjonijiet ser jiffokaw fuq l-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

43.      L-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 jitlob li l-Istati Membri jiżguraw li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul igawdu minn ugwaljanza fit-trattament ma’ ċittadini fir-rigward ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali ddefiniti b’leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva jipprovdi, madankollu, li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali għal dak li huwa jsejjaħ “benefiċċji prinċipali” (10). Ma nistax ma naħsibx li sfortunatament il-leġiżlatura tal-Unjoni ma ppruvatx tagħti iktar gwida dwar din il-kwistjoni. Virtwalment, ħlasijiet kollha bħal dawn jistgħu jitqiesu “prinċipali” minn dawk li jkunu dipendenti fuq l-għajnuna soċjali u fuq bosta benefiċċji soċjali mogħtija mill-Istati Membri. Meqjus minn dan l-aspett ikun diffiċli li wieħed jagħmel differenza bejn ħlasijiet ta’ din ix-xorta.

44.      Madankollu, hija ġurisprudenza stabbilita li d-Direttiva 2003/109 tagħti dritt għall-ugwaljanza fit-trattament, li hija r-regola ġenerali, u telenka d-derogi minn dak id-dritt li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, li għandha tkun interpretata b’mod strett. Barra minn hekk, wieħed jista’ joqgħod fuq dawk id-derogi biss jekk l-awtoritajiet fl-Istat Membru kkonċernat, li huma responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ din id-direttiva jkunu ddikjaraw b’mod ċar li jkun biħsiebhom joqogħdu fuqhom (11).

45.      Huwa evidenti mit-talba għal deċiżjoni preliminari li r-rikorrent huwa “ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti fit-tul” skont it-termini stabbiliti tad-Direttiva 2003/109. Meqjus dan l-istatus, ir-rikorrent huwa, għalhekk, bħala prinċipju, intitolat jitlob, skont l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva, ugwaljanza fit-trattament ma’, inter alia, ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat (l-Awstrija) fir-rigward ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali.

46.      Fil-kawża prinċipali r-rikorrent jgħid li huwa intitolat għal benefiċċju soċjali fl-għamla ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni. Filwaqt li huwa ċertament impliċitu, fil-fehma tiegħi, fit-talba għal deċiżjoni preliminari li l-benefiċċju inkwistjoni fl-għamla ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni (12) huwa skont it-termini tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 (13), din hija fl-aħħar mill-aħħar kwistjoni għall-qorti tar-rinviju li tiddetermina minħabba n-nuqqas ta’ definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni tal-kunċetti ta’ “sigurtà soċjali”, “għajnuna soċjali” u “protezzjoni soċjali” (14) kif jixhed dan, b’mod partikolari, ir-riferiment għad-dritt nazzjonali kemm fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 kif ukoll fl-Artikolu 34(3) tal-Karta (15).

47.      Minkejja n-nuqqas ta’ definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni ta’ tali kunċetti, l-Istati Membri jistgħu, madankollu, ma jikkompromettux l-effikaċja tad-Direttiva 2003/109 meta japplikaw il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament previst fl-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva (16).

48.      Barra minn hekk, meta jiddeterminaw il-miżuri ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali ddefiniti mid-dritt nazzjonali tagħhom, u bħal ħsara għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sanċit fl-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni skont l-Artikolu 51(1) tal-Karta u għandhom ikunu konformi mad-drittijiet u jħarsu l-prinċipji msemmija fil-Karta, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikolu 34 tagħha (17).

49.      Huwa evidenti mit-talba għal deċiżjoni preliminari li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul ma kinux ġeneralment esklużi milli jkunu intitolati għal għajnuna għall-akkomodazzjoni skont l-oöWFG, iżda pjuttost kienu suġġetti għal ċerti kundizzjonijiet addizzjonali. Ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul kienu, għaldaqstant, ittrattati b’mod differenti minn ċittadini Awstrijaċi, tal-Unjoni u taż-ŻEE fir-rigward ta’ dan il-benefiċċju (18). Tali inugwaljanza fit-trattament tmur kontra l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 jekk l-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG tikkostitwixxi benefiċċju prinċipali skont l-Artikolu 11(4) ta’ din id-direttiva. Issa nipproponi nqis jekk għajnuna għall-akkomodazzjoni ta’ din ix-xorta hijiex benefiċċju prinċipali għal dan l-għan.

B.      Il-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” – l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109

50.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, ikkonċentrat fuq il-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Dwar dan il-qorti qalet li skont il-Kumitat (19), il-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG ma huwiex benefiċċju soċjali prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, u li benefiċċji prinċipali huma dawk stabbiliti fl-oöBMSG. Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, dak il-Kumitat kien, għalhekk, esprima l-opinjoni li l-Parlament Statali tal-Awstrija ta’ Fuq kellu l-ħsieb juża l-eċċezzjoni msemmija fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

51.      Huwa evidenti mir-rinviju għal deċiżjoni preliminari li l-qorti tar-rinviju tqis li l-oöBMSG huwa benefiċċju prinċipali minħabba li jiggarantixxi benefiċċji minimi sabiex persuni li jkunu jbatu minn diffikultajiet soċjali jkunu jistgħu jgħixu ħajja dinjituża, inkluż li jkopri l-ħtiġijiet tagħhom ta’ akkomodazzjoni. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji, madankollu, dwar jekk il-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG jistax, wara kollox, jikkostitwixxi benefiċċju prinċipali.

52.      Fil-punti 90 sa 92 tas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li t-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “benefiċċji prinċipali” fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 wieħed għandu jsibhom meta jqis il-kuntest ta’ dan l-artikolu u l-għan segwit minn din id-direttiva, jiġifieri, l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti legalment u kontinwament fl-Istati Membri (20). Skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu stabbilixxew lilhom innifishom legalment u fuq bażi fit-tul, “bl-eċċezzjoni tal-benefiċċji ta’ għajnuna soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali mogħtija mill-awtoritajiet pubbliċi, kemm jekk fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, li jikkontribwixxu sabiex l-individwu jkun jista’ jieħu ħsieb il-bżonnijiet bażiċi tiegħu bħall-ikel, l-akkomodazzjoni u s-saħħa” (21). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punt 92 ta’ dik is-sentenza, li, skont l-Artikolu 34 tal-Karta, l-Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għall-akkomodazzjoni sabiex tkun żgurata ħajja deċenti għal dawk kollha li jkunu jonqsuhom riżorsi biżżejjed. Jekk benefiċċju jissodisfa l-għan stabbilit fl-Artikolu 34 tal-Karta, huwa ma jkunx jista’ jitqies, skont id-dritt tal-Unjoni Ewropea, li ma jkunx jagħmel parti minn benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109. Il-Qorti tal-Ġustizzja, għaldaqstant, iddeċidiet li kien għall-qorti tar-rinviju li tasal għall-konstatazzjonijiet meħtieġa, billi tqis l-għan ta’ dak il-benefiċċju, l-ammont tiegħu, il-kundizzjonijiet li sabiex jingħata huwa jkun suġġett għalihom u l-pożizzjoni ta’ dak il-benefiċċju fis-sistema ta’ għajnuna soċjali nazzjonali jew reġjonali.

53.      Fid-dawl tas-siltiet iktar ’il fuq mis-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), huwa evidenti li benefiċċji li jgħinu lil persuni li jkunu jonqsuhom riżorsi biżżejjed biex ilaħħqu mal-ħtiġijiet tagħhom ta’ akkomodazzjoni sabiex jiżguraw ħajja deċenti jikkostitwixxu benefiċċji prinċipali fis-sens tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109.

54.      Fil-fehma tiegħi, huwa importanti jkun enfasizzat mill-bidu nett li l-Istati Membri jew ir-reġjuni jistgħu jagħtu varjetà ta’ tali benefiċċji prinċipali li huma mfassla apposta biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ persuni u familji skont iċ-ċirkustanzi ekonomiċi u familjari tagħhom. Dan huwa partikolarment il-każ fil-qasam kumpless ta’ benefiċċji għal djar u akkomodazzjoni fejn jista’ jitqies li tkun meħtieġa firxa diversa ta’ miżuri mil-leġiżlatur (22).

55.      Filwaqt li studju komparattiv tal-benefiċċji soċjali differenti mogħtija minn Stat Membru fil-qasam tad-djar u l-akkomodazzjoni jkun ta’ interess u għajnuna sabiex jiżvela n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk il-benefiċċji u l-pożizzjoni tagħhom fis-sistema reġjonali ta’ għajnuna soċjali, inqis li l-attenzjoni f’dawn il-proċeduri għandha tkun fuq in-natura tal-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG u, inter alia, fuq l-għanijiet segwiti minn dan il-benefiċċju u l-kundizzjonijiet applikabbli sabiex isir użu minnhom (23).

56.      Il-fatt biss li l-oöBMSG, li tagħti għajnuna għall-akkomodazzjoni lil persuni mingħajr ebda dħul jew li jkollhom dħul tassew baxx, tikkostitwixxi benefiċċju prinċipali u għandha l-għan li tipproteġi lil dawk li jkunu l-iktar fil-bżonn, minnha nnifisha ma tfissirx li benefiċċji ta’ akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG ma għandhomx ukoll jikkostitwixxu benefiċċju prinċipali bil-għan li jiżgura ħajja deċenti lil dawk li jibbenefikaw minnu skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 u, tabilħaqq, skont l-Artikolu 34(3) tal-Karta.

57.      Il-qorti tar-rinviju qalet li l-għan tal-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG huwa li jkunu evitati piżijiet eċċessivi fuq persuni bi dħul baxx minħabba spejjeż ta’ akkomodazzjoni. Għaldaqstant, il-benefiċċju, tipikament ikopri parti (24) mill-ispejjeż tal-akkomodazzjoni sabiex tali persuni ma jitħallewx ikunu jeħtieġu jonfqu proporzjon wisq kbir tad-dħul tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata. Għalhekk jidher mill-ispjegazzjoni mogħtija mill-qorti tar-rinviju, mir-rikorrent u mill-konvenut, li, bla ħsara għal verifika minn dik il-qorti, l-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG (li hija, inter alia, ittestjata skont il-mezzi) tiddependi mill-għadd ta’ membri tal-familja u mid-daqs tad-dar u għandha massimu ta’ EUR 300. Għaldaqstant bħala tali ma għandhiex l-għan li persuni jingħataw ammont minimu ta’ sussistenza (inklużi l-ħtiġijiet tagħhom ta’ akkomodazzjoni), iżda pjuttost li tiżgura li familji bi dħul baxx ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata billi tagħmel dak l-aċċess wieħed iktar affordabbli. Tabilħaqq, donnu jidher li l-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG jista’ f’ċerti ċirkustanzi speċifiċi jingħata, għall-inqas parzjalment, flimkien mal-benefiċċju mogħti skont l-oöBMSG.

58.      Il-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG, li huwa mfassal apposta sabiex jiżgura li persuni u familji bi dħul baxx ma jonfqux proporzjon wisq kbir tad-dħul tagħhom għal akkomodazzjoni adegwata, għalhekk, donnu jidher, bla ħsara għal verifika mil-qorti tar-rinviju, li l-benefiċċju għandu l-għan li jiggarantixxi li l-benefiċjarji tiegħu jkollhom ħajja deċenti billi jiżgura aċċess aħjar minnhom, mhux biss għal akkomodazzjoni adegwata, li mod ieħor huma ma kinux jistgħu jaffordjaw, iżda wkoll, imbagħad, għal ħtiġijiet bażiċi oħra bħall-ikel u l-ilbies li xorta oħra setgħu jiġu ppreġudikati kieku kellhom jonfqu proporzjon akbar tad-dħul tagħhom fuq akkomodazzjoni. Għal darba oħra, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, donnu jidher li l-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG huwa skont it-termini tal-Artikolu 34(3) tal-Karta bħala benefiċċju intiż sabiex “jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar” sabiex tkun żgurata ħajja deċenti għal dawk li jkunu jonqsuhom riżorsi suffiċjenti.

59.      F’dawn iċ-ċirkustanzi nqis li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fi Stat Membru jkunu intitolati sabiex jaċċedu, fuq l-istess livell, inter alia, maċ-ċittadini ta’ dak l-Istat Membru, għal akkomodazzjoni adegwata, li huma xorta oħra ma kinux jistgħu jaffordjaw mingħajr ma jissagrifikaw ħtiġijiet oħra bażiċi, huwa benefiċċju strumentali sabiex tkun żgurata integrazzjoni ekonomika u soċjali kontinwa ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Billi l-benefiċċju tal-oöWFG huwa mfassal b’dan l-għan intenzjonat, huwa għandu, għalhekk, jitqies li huwa benefiċċju prinċipali skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 (25).

C.      Rekwiżit ta’ forma partikolari ta’ prova ta’ profiċjenza bażika fil-lingwa Ġermaniża

60.      Jekk, madankollu, il-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG jitqies mill-Qorti tal-Ġustizzja li ma huwiex benefiċċju prinċipali skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, tinqala’, imbagħad, il-kwistjoni jekk Stat Membru, pjuttost milli jeskludi aċċess għal dak il-benefiċċju minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom status ta’ residenti fit-tul, jistax jikkundizzjona l-aċċess tagħhom għal dak il-benefiċċju billi jkollu jinġieb tip partikolari ta’ prova ta’ profiċjenza bażika fil-lingwa ta’ dak l-Istat Membru, f’dan il-każ il-Ġermaniż.

61.      Biex neżaminaw din il-kwistjoni, l-ewwel nett, jeħtieġ jiġi ddeterminat jekk Stat Membru, meta japplika d-deroga skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, ikunx jimplimenta d-dritt tal-Unjoni u, għalhekk, għandux jirrispetta, b’mod partikolari, il-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni bħall-prinċipju ta’ proporzjonalità.

62.      Jew, fi kliem differenti, meta Stat Membru jeżerċita l-għażla mogħtija speċifikament mill-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 li jidderoga mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ ċerti benefiċċji li ma jkunux prinċipali, previsti skont l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva, ikunx qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni u, jekk hu hekk, sa fejn dak l-Istat Membru jkun ħieles jistabbilixxi l-kriterji sabiex ikun hemm aċċess għal tali benefiċċji?

63.      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-drittijiet fundamentali ggarantiti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni Ewropea huma applikabbli fis-sitwazzjonijiet kollha rregolati mid-dritt tal-Unjoni (26), iżda mhux ’il barra minn tali sitwazzjonijiet (27). Għalhekk l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni timplika l-applikabbiltà tad-drittijiet fundamentali ggarantiti, inter alia, mill-Karta (28).

1.      L-applikabbiltà tal-Karta u ta’ Prinċipji Ġenerali tad-dritt tal-Unjoni għal leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-deroga skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109

64.      Meta d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam imsemmi ma jirregolawx aspett ta’ sitwazzjoni partikolari u ma jimponu ebda obbligu speċifiku fuq l-Istati Membri f’dan ir-rigward, ir-regola nazzjonali stabbilita minn Stat Membru dwar dan l-aspett tkun taqa’ ’l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta u s-sitwazzjoni msemmija ma tkunx tista’ tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Karta. Għalhekk, meta permezz tad-dritt tal-Unjoni l-Istati Membri speċifikament ikunu jistgħu jadottaw miżuri li jagħtu kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk previsti fid-dritt tal-Unjoni, dawk il-miżuri jkunu skont l-eżerċizzju tas-setgħat miżmuma mill-Istati Membri, mingħajr ma jkunu rregolati mid-dritt tal-Unjoni jew li jkunu skont il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (29).

65.      Eżempju ta’ din is-sitwazzjoni huwa l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2003/109 bit-titolu “Dispożizzjonijiet nazzjonali aktar favorevoli” li jippermetti lill-Istati Membri joħorġu permessi ta’ residenza b’validità permanenti jew illimitata lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’termini iktar favorevoli minn dawk stabbiliti minn dik id-direttiva (30). Fis-sentenza tagħha tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 43) il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li permess ta’ residenza li jingħata minn Stat Membru b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, ma jista’ bl-ebda mod ikun permess ta’ residenza tal-Unjoni għal residenti fit-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109 (31).

66.      Għall-kuntrarju, meta att leġiżlattiv tal-Unjoni jagħti lill-Istati Membri l-libertà jagħżlu bejn diversi metodi ta’ implimentazzjoni jew jagħtihom marġni ta’ diskrezzjoni li jkun parti integrali tas-sistema stabbilita b’dak l-att, jew jawtorizza l-adozzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri speċifiċi maħsuba sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-għan ta’ dak l-att (32), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li f’tali ċirkustanzi, fejn l-Istati Membri jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-għażla mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni huma jkunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni, sabiex b’hekk jirrendu applikabbli l-Karta u l-prinċipju ta’ proporzjonalità (33).

67.      L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 jawtorizza lill-Istati Membri joħorġu, jew jidderogaw minn, obbligu li inkella kien ikun applikabbli skont l-Artikolu 11(1)(d) ta’ din id-direttiva. Tali deroga, li tkun speċifikament prevista jew ikkontemplata mid-dritt tal-Unjoni, tkun hija stess, għalhekk, irregolata mid-dritt tal-Unjoni. Għaldaqstant, meta Membru jistrieħ fuq id-deroga tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, huwa jkun qiegħed jimplimenta d-dritt tal-Unjoni. Huwa, għalhekk, għandu jkun konformi mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (34).

68.      F’dan ir-rigward il-Qorti tal-Ġustizzja qalet f’diversi okkażjonijiet li meta Stat Membru jistrieħ fuq deroga prevista fit-Trattat għal libertà fundamentali jew għal rekwiżiti importanti ħafna fl-interess pubbliku sabiex jiġġustifika regoli li jistgħu jfixklu l-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali (35), tali ġustifikazzjoni, prevista fid-dritt tal-Unjoni, għandha tkun interpretata fid-dawl tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (36). Għalhekk, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni jistgħu jaqgħu fil-portata tal-eċċezzjonijiet previsti biss jekk ikunu kompatibbli mad-drittijiet fundamentali li l-osservanza tagħhom hija żgurata mill-Qorti tal-Ġustizzja (37).

69.      Fir-rigward ta’ derogi li hemm fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, fis-sentenza tagħha tas‑27 ta’ Ġunju 2006, Il‑Parlament vs Il‑Kunsill (C‑540/03, EU:C:2006:429), il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat jekk għadd ta’ derogi speċifiċi tad-Direttiva 2003/86 jirrispettaw id-drittijiet fundamentali. Il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li analizzat il-kontenut u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, sabet li d-derogi tad-direttiva inkwistjoni ma kinux jawtorizzaw lill-Istati Membri, direttament jew indirettament, biex jadottaw dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li kienu jmorru kontra d-drittijiet fundamentali. Fil-punti 104 u 105 ta’ dik is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li filwaqt li d-Direttiva 2003/86 tħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni, dan huwa biżżejjed wiesa’ sabiex huma jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli tad-direttiva b’mod konsistenti mar-rekwiżiti li jirriżultaw mill-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali (38).

70.      L-opinjoni tiegħi hija li huwa ċar mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq li meta Stat Membru jadotta leġiżlazzjoni abbażi ta’ deroga jew għażla fit-Trattat jew f’leġiżlazzjoni tal-Unjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 (39), dak l-Istat Membru jkun jimplimenta d-dritt tal-Unjoni u għandu, għalhekk, ikun konformi mal-Karta u mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

71.      Id-dispożizzjonijiet tal-Karta ma jistgħux ikunu interpretati b’mod li l-Istati Membri jiċċaħħdu mid-diskrezzjoni li huma għandhom meta jiddeċiedu li jimplimentaw l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 (40). Għalhekk huwa ċar li l-Istati Membri jistgħu, skont it-termini tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, jillimitaw l-ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ għajnuna soċjali u protezzjoni soċjali għal benefiċċji prinċipali. Jekk, wara kollox, Stat Membru jadotta miżuri inqas restrittivi, huwa għandu, madankollu, ikun konformi mal-Karta.

72.      Flimkien ma’ dan, meta jistrieħu fuq id-deroga tal-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri, ma jistgħux japplikaw regoli nazzjonali li jkunu jistgħu jippreġudikaw il-kisba tal-għanijiet segwiti minn din id-direttiva u, għalhekk, iċaħħduha mill-effikaċja tagħha (41).

2.      Applikazzjoni għaċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali

73.      Il-qorti tar-rinviju wriet tħassib dwar l-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG. Din il-qorti qalet li skont it-travaux préparatoires tal-Liġi tal-2017 li kienet timmodifika l-oöWFG, l-għan tal-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG kien li jingħata aċċess iktar ristrett għal għajnuna għall-akkomodazzjoni, għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi bl-argument ewlieni jkun speċifikament favur il-profiċjenza meħtieġa fil-Ġermaniż billi dan kien element importanti għal integrazzjoni soċjali. Il-qorti tar-rinviju għandha dubju dwar il-ħtieġa tar-rekwiżit tal-lingwa flimkien mal-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti mill-oöWFG, minħabba li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu, f’kull każ, jirċievu għajnuna għall-akkomodazzjoni biss jekk ikunu għexu fl-Awstrija għal iktar minn ħames snin u, bħala regola ġenerali, ikunu diġà ħadmu għal għadd ta’ snin. Barra minn hekk, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109 diġà jkollhom jissodisfaw kundizzjonijiet relatati ma’ integrazzjoni stipulati mill-österreichisches Niederlassungs- und Aufenthaltsgesetz (il-Liġi Awstrijaka dwar Stabbiliment u Residenza) sabiex jiksbu dak l-istatus (42). Barra minn dan, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar għaliex il-livell meħtieġ ta’ profiċjenza fil-Ġermaniż relattivament bażiku jista’ jintwera biss permezz ta’ prova speċifika formali imposta mil-liġi.

74.      Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, il-legalità ta’ tali rekwiżiti ta’ profiċjenza f’lingwa tkun bla ħsara għall-kundizzjoni li r-rekwiżiti jkunu xierqa u meħtieġa sabiex jinkisbu l-għanijiet segwiti b’mod leġittimu; meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, l-għażla għandha tkun dik l-inqas oneruża, u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet segwiti (43).

75.      L-għan ewlieni tad-Direttiva 2003/109 huwa l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu stabbiliti fuq bażi fit-tul fl-Istat Membru. Meta huma jsiru jafu jitkellmu bil-lingwa tal-Istat Membru li jilqagħhom dan iħaffef bil-bosta l-komunikazzjoni bejn ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat, jinkoraġġixxi l-mod kif huma jirrelataw ma’ xulxin u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejniethom u jagħmilha inqas diffiċli għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali (44).

76.      Jidher, għalhekk, mit-talba għal-deċiżjoni preliminari li wieħed mill-għanijiet iddikjarati tar-riforma tal‑2017 tal-oöWFG huwa trawwim tal-integrazzjoni soċjali. F’ċirkustanzi bħal dawn l-impożizzjoni ta’ rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa ma jmurx kontra u, minnu nnifsu, ma jipperikolax il-kisba tal-għanijiet segwiti mid-Direttiva 2003/109, iżda, għall-kuntrarju, jista’ jikkontribwixxi għall-kisba tagħhom (45). Tabilħaqq, fis-sentenza tagħha tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Stat Membru jista’, bħala prinċipju, jimponi fuq ċittadin ta’ pajjiż terz li diġà jkollu status ta’ residenza fit-tul li jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika, bil-kundizzjoni li l-mezzi għall-implimentazzjoni ta’ dak l-obbligu ma jkunux jistgħu jipperikolaw il-kisba tal-għanijiet segwiti minn dik id-direttiva (46).

77.      F’dan l-isfond jeħtieġ, għalhekk, li jkun eżaminat il-mod li bih jiġi implimentat ir-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa.

78.      Donnu jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li n-nuqqas ta’ prova tal-livell meħtieġ ta’ profiċjenza fil-lingwa jġib miegħu t-telf minnufih tal-ammont totali tal-benefiċċju inkwistjoni. L-ammont imsemmi seta’ jkun sa EUR 300 fix-xahar. Minħabba li dan il-benefiċċju ta’ akkomodazzjoni jingħata biss lil persuni bi dħul baxx, l-ammont mitluf seta’ jkun kunsiderevoli skont iż-żmien meħud għall-konformità mar-rekwiżit. Kif osserva r-rikorrent, it-telf tad-dħul involut jista’ jwassal biex l-għan mixtieq ikun l-oppost u jkun hemm ostaklu għall-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u b’hekk ikun hemm perikolu għall-għanijiet tad-Direttiva 2003/109. L-għan ta’ integrazzjoni seta’ f’kull każ jinkiseb b’mezzi inqas onerużi, bħal, pereżempju, billi l-benefiċċju jkun sospiż jew l-ammont tiegħu jitnaqqas b’mod gradwali sakemm ikun issodisfatt ir-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa. Donnu jidher, għalhekk, li l-miżura inkwistjoni ma hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

79.      Fir-rigward tar-rekwiżit stess ta’ profiċjenza fil-lingwa, il-qorti tar-rinviju qalet li l-livell meħtieġ – il-livell A2 tal-Qafas Komuni Ewropew ta’ Riferiment għal Lingwi – huwa “relattivament” bażiku (47) Għalhekk jidher, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li r-rekwiżit huwa tant oneruż li jikkostitwixxi ostakolu diffiċli li jkun megħlub, li ma jħallix, fil-prattika (48), ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul ikunu eliġibbli għall-benefiċċju ta’ akkomodazzjoni inkwistjoni (49).

80.      Madankollu nistaqsi għaliex hemm bżonn fil-każijiet kollha ta’ tali rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa, meqjus li, skont il-qorti tar-rinviju, ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109 diġà kien ikollhom jissodisfaw diversi kundizzjonijiet b’rabta ma’ integrazzjoni stipulati mil-liġi Awstrijaka sabiex jiksbu dak l-istatus. Ma huwiex ċar, madankollu, jekk dawk il-kundizzjonijiet kinux jeħtieġu livell ta’ profiċjenza fil-lingwa. Tabilħaqq, il-konvenut wera fl-osservazzjonijiet tiegħu li mhux il-persuni kollha milquta bil-miżura inkwistjoni diġà kellhom jagħtu prova ta’ profiċjenza adegwata fil-lingwa skont dispożizzjonijiet legali oħra; dan huwa dovut b’mod partikolari fit-tul limitat tal-perijodi li matulhom ikunu applikabbli dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra, bħalma huwa l-każ tal-Liġi Awstrijaka dwar Stabbiliment u Residenza.

81.      Isegwi, fil-fehma tiegħi, li r-rekwiżit inkwistjoni ta’ profiċjenza fil-lingwa jista’, bħala prinċipju, jitqies mill-Istati Membri bħala meħtieġ sabiex jinkiseb l-għan meħtieġ ta’ integrazzjoni segwit b’dan il-mod. Sabiex tali rekwiżit ikun validu, madankollu, ikun jeħtieġ jiġi stabbilit li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti fit-tul u li xorta oħra kien ikun eliġibbli għall-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG ma jkunx preċedentement issodisfa dak ir-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa skont dritt nazzjonali sabiex jakkwista dak l-istatus.

82.      Fir-rigward tal-implimentazzjoni materjali tar-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa, minbarra li indikat il-livell meħtieġ skont l-oöWFG, il-qorti tar-rinviju kkonċentrat fuq in-natura esklużiva tal-prova aċċettata hemmhekk sabiex tistabbilixxi dak il-livell (50).

83.      Fil-fehma tiegħi, ma huwiex sewwa li ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun residenti fit-tul li japplika għal għajnuna għall-akkomodazzjoni skont din il-liġi jkollu jġib prova tal-profiċjenza tiegħu jew tagħha fil-lingwa esklużivament permezz ta’ ċerti ċertifikati jew diplomi identifikati skont ir-rekwiżit previst fl-oöWFG (51), jekk dak il-livell ikun jista’ jiġi stabbilit b’mod raġonevoli (52) b’metodi ekwivalenti oħra li jkunu affidabbli u li jkunu suġġetti għal prova oġġettiva (53). Din, madankollu, hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju li taċċerta.

84.      L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109 għandu għalhekk jiġi interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6(9) u (11) tal-oöWFG, li jippermetti liċ-ċittadini tal-UE, liċ-ċittadini taż-ŻEE u lill-membri tal-familja fis-sens tad-Direttiva 2004/38 tirċievi benefiċċju soċjali fil-forma ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr prova ta’ profiċjenza fil-lingwa, filwaqt li fl-istess ħin teħtieġ li ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi status ta’ residenti fit-tul fit-tifsira tad-Direttiva 2003/109 jipprovdu prova formali speċifika ta’ kmand bażiku tal-Ġermaniż

VI.    Konklużjoni

85.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula mil-Landesgericht Linz (il-Qorti Reġjonali ta’ Linz, l-Awstrija) bil-mod li ġej:

Il-fatt li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fi Stat Membru jkunu intitolati jiksbu b’mod ugwali ma’, inter alia, ċittadini ta’ dak l-Istat akkomodazzjoni adegwata li huma ma jkunux jistgħu xorta oħra jlaħħqu magħha mingħajr ma jissagrifikaw ħtiġijiet bażiċi oħra, huwa l-element ewlieni li jiżgura l-integrazzjoni ekonomika u soċjali kontinwa ta’ tali ċittadini ta’ pajjiżi terzi..

Benefiċċju li huwa mmirat li jiżgura l-aċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti fit-tul ta’ Stat Membru għal akkomodazzjoni adegwata għandu għalhekk jitqies “benefiċċju prinċipali” skont l-Artikolu 11(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul għandu, għalhekk, ikun interpretat bħala li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 6(9) u (11) tal-Oberösterreichisches Wohnbauförderungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich dwar Appoġġ għall-Kostruzzjoni ta’ Akkomodazzjoni), li tippermetti liċ-ċittadini tal-UE, liċ-ċittadini taż-ŻEE u lill-membri tal-familja fis-sens tad-Direttiva 2004/38/KE jirċievu benefiċċju soċjali fl-għamla ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni mingħajr prova ta’ profiċjenza fil-lingwa, waqt li fl-istess ħin teżiġi li ċittadini ta’ pajjiżi terzi bi status ta’ residenti fit-tul fis-sens tad-Direttiva 2003/109/KE jipprovdu prova formali speċifika ta’ profiċjenza bażika fil-Ġermaniż.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      L-azzjoni tar-rikorrent hija bbażata fuq id-dritt tiegħu għal danni skont l-Artikolu 8(1) tal-Oberösterreichisches Antidiskriminierungsgesetz (il-Liġi ta’ Oberösterreich kontra d-Diskriminazzjoni) (BGBl. 2005, P. 50). Flimkien mat-talba tiegħu għal telf ta’ għajnuna għall-akkomodazzjoni, ir-rikorrent jitlob kumpens għal danni li jirriżultaw minn diskriminazzjoni abbażi tal-oriġini etnika tiegħu.


3      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 272.


4      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 20, Vol. 1, p. 23.


5      LGBl. Nru 6/1993.


6      LGBl. Nru 74/2011.


7      LGBl. Nru 50/2005.


8      Sentenzi tal24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 48 sa 50) u tas‑6 ta’ April 2017, Jyske Finans (C‑668/15, EU:C:2017:278).


9      Ara l-Artikolu 52(1) tal-Karta.


10      L-Artikolu 11(4) tad-Direttiva 2003/109 ma jippermettix lill-Istati Membri jidderogaw mill-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward ta’ benefiċċji li jaqgħu taħt is-sigurtà soċjali kif iddefiniti mil-leġiżlazzjoni. Sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 83).


11      Ara s-sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, VR (Benefiċċji għall-familji għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punti 21 sa 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      Fit-Taqsima C tat-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari l-qorti tar-rinviju tgħid li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-oöWFG hija benefiċċju soċjali. Jidher skont il-punt 23 tal-oöWFG li għajnuna għall-akkomodazzjoni tista’ titħallas inter alia lill-kerrej ewlieni jew lis-sid ta’ post ta’ abitazzjoni.


13      Dan huwa partikolarment evidenti mir-riferiment tal-qorti tar-rinviju għall-eċċezzjoni għall-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 li hemm fl-Artikolu 11(4) tagħha. Din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni ma tkun ta’ ebda rilevanza jekk il-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG ma kienx jikkostitwixxi għajnuna soċjali jew ħarsien soċjali skont it-termini tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109. Barra minn dan, il-konvenut ma jikkontestax espliċitament fl-osservazzjonijiet tiegħu lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-benefiċċju mogħti skont l-oöWFG jikkostitwixxi għajnuna soċjali jew ħarsien soċjali skont it-termini tal-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109 iżda pjuttost isostni li dan il-benefiċċju ma huwiex benefiċċju prinċipali skont din id-direttiva. Din fl-aħħar mill-aħħar hija kwistjoni għall-qorti tar-rinviju.


14      Hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Unjoni ma jnaqqasx mis-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali tagħhom. Fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, huwa għal kull Stat Membru li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom jingħataw benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ tali benefiċċji u l-perijodu li għalih jingħataw. Madankollu, meta jeżerċitaw dik is-setgħa, l-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-dritt tal-Unjoni. Sentenza tal‑25 ta’ Novembru 2020, VR (Benefiċċji għall-familji għal residenti fit-tul) (C‑303/19, EU:C:2020:958, punt 20 u l-ġurisprudenza ċitata). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 77 u 78) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qalet inter alia li fin-nuqqas ta’ definizzjoni awtonoma u uniformi skont id-dritt tal-Unjoni tal-kunċetti ta’ sigurtà soċjali, għajnuna soċjali u ħarsien soċjali, il-leġiżlatura tal-Unjoni Ewropea xtaqet tirrispetta d-differenzi bejn l-Istati Membri dwar it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tal-kunċetti inkwistjoni.


15      Fil-punt 81 tas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233) il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li peress li kemm l-Artikolu 11(1)(d) tad-Direttiva 2003/109, kif ukoll l-Artikolu 34(3) tal-Karta jirreferu għad-dritt nazzjonali, huwa għall-qorti tar-rinviju, billi tqis l-għan ta’ integrazzjoni segwit minn din id-direttiva, li tevalwa jekk benefiċċju partikolari jkunx skont waħda mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 11(1)(d). Skont l-Artikolu 34(3) tal-Karta, sabiex jiġu miġġielda l-esklużjoni soċjali u l-faqar, l-Unjoni (u, għalhekk, l-Istati Membri meta jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni) “tirrikonoxxi u tirrispetta d-dritt għal għajnuna soċjali u għal għajnuna għall-akkomodazzjoni sabiex tiżgura l-eżistenza dinjituża għal dawk kollha li huma neqsin minn riżorsi suffiċjenti, skond ir-regoli stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni u mil-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali”.


16      Ara s-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 78).


17      Sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punti 79 u 80). Il-premessa 3 tad-Direttiva 2003/109 tipprovdi li din id-direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rrikonoxxuti b’mod partikolari, mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali u mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.


18      Il-qorti tar-rinviju qalet fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari li fl‑2013 liġi li kienet temenda l-oöWFG kienet tipprovdi, inter alia, li ċittadini ta’ pajjiżi terzikellhom jissodisfaw ċerti rekwiżiti ta’ dħul minimu fil-ħames snin preċedenti; dan ir-rekwiżit ma kienx japplika għal ċittadini Awstrijaċi jew għal persuni ttrattati bħala tali. Il-qorti tar-rinviju ma spjegatx l-għan ta’ dik il-kundizzjoni addizzjonali dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi. Barra minn dan, dik il-qorti ma indirizzatx domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, forsi minħabba l-fatt li dik il-kundizzjoni tidher li tkun issodisfatta f’kull każ mill-applikant. Id-domandi huma relatati biss mal-ħtieġa addizzjonali imposta fuq ċittadini ta’ pajjiżi terzili jġibu prova partikolari ta’ profiċjenza bażika fil-Ġermaniż.


19      Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


20      Ara wkoll is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2019, Y.Z. et (Frodi fir-riunifikazzjoni tal-familja) (C‑557/17, EU:C:2019:203, punt 63), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja qalet li huwa evidenti mill-premessi 2, 4, 6 u 12 tad-Direttiva 2003/109 li l-għan tad-direttiva huwa l-intergrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu stabbilixxew lilhom innifishom legalment u fuq bażi fit-tul fl-Istati Membri u, għal dan l-għan, sabiex id-drittijiet ta’ dawk iċ-ċittadini jinġiebu iktar fil-qrib ma’ dawk li jgawdu ċittadini tal-Unjoni, inter alia billi jkun stabbilit trattament ugwali ma’ dawn tal-aħħar f’firxa wiesgħa ta’ oqsma ekonomiċi u soċjali. Għalhekk, status ta’ residenti fit-tul jgħin persuna li tibbenefika minnu tgawdi trattament ugwali fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2003/109, bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.


21      Sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233, punt 91). Enfasi miżjuda.


22      Kif qalet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, fi Stat Membru jista’ jkun hemm b’mod parallel benefiċċji differenti għall-akkomodazzjoni b’għanijiet simili.


23      Il-konvenut qal fl-osservazzjonijiet tiegħu li l-għajnuna għall-akkomodazzjoni mogħtija skont l-oöWFG tiddependi, bħala prinċipju, minn jekk ikunx hemm riżorsi ’il fuq mil-limitu li jikkaratterizzaw impjieg minuri. Bħala miżura ta’ sostenn, għajnuna għall-akkomodazzjoni hija intiża primarjament għal nies li jsibuha diffiċli jkopru l-ħtiġijiet tagħhom, iżda li, bħala prinċipju, jgħixu b’dak li jdaħħlu. F’dan ir-rigward, ninnota li r-rikorrent qal fl-osservazzjonijiet tiegħu li huwa ma kienx intitolat għall-benefiċċju mogħti skont l-oöBMSG minħabba li d-dħul tiegħu kien għoli wisq. Dawn huma kwistjonijiet ta’ fatt li huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.


24      Il-benefiċċju għall-akkomodazzjoni mogħti skont l-oöWFG għandu massimu ta’ EUR 300 fix-xahar. Għall-kuntrarju l-qorti tar-rinviju qalet li l-benefiċċju mogħti skont l-oöBMSG jista’ jkun ta’ EUR 921.30 fix-xahar għal persuna waħda.


25      Fil-punt 32 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C-579/13, EU:C:2015:369), il-Qorti tal-Ġustizzja saħqet fuq l-importanza li l-leġiżlatura tal-Unjoni tagħti lill-miżuri ta’ integrazzjoni, kif wieħed jista’ jara inter alia mill-premessa 4 tal-preambolu tad-Direttiva 2003/109, li tgħid li l-integrazzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti fit-tul fl-Istati Membri hija element prinċipali fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali, mira fundamentali tal-Komunità ddikjarata fit-Trattat.


26      Għal dikjarazzjoni bikrija ta’ dan il-prinċipju, ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 1989, Wachauf (C‑5/88, EU:C:1989:321, punt 17 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara iktar reċenti s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 43).


27      Ara s-sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2014, Siragusa (C‑206/13, EU:C:2014:126, punti 26 sa 28). Id-dispożizzjonijiet tal-Karta huma, skont l-Artikolu 51(1) tagħha, indirizzati lill-Istati Membri mhux biss meta dawn ikunu qegħdin jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 51(2) tagħha, il-Karta ma testendix il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea lil hinn mis-setgħat tal-Unjoni, u hija ma tistabbilixxi ebda setgħa jew xogħol ġdid għall-Unjoni, jew timmodifika setgħat u xogħlijiet kif iddefiniti fit-Trattati. Sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 71).


28      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punt 34).


29      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punti 52 sa 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 39).


31      Ara wkoll l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224) li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja minn dawk li tipprovdi d-Direttiva 2003/86, u s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-Familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 43).


32      Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Novembru 2019, TSN u AKT (C‑609/17 u C‑610/17, EU:C:2019:981, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-Familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 39 sa 41 u 58 sa 61).


33      Sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-Familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 61 u 67). Ara b’mod partikolari s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punti 41 sa 44). F’din l-aħħar kawża l-Qorti tar-Ġustizzja sabet li l-possibbiltà li Stat Membru, skont l-Artikolu 7(1)(c) tad-Direttiva 2003/86, li jimponi kundizzjonijiet iktar onerużi għal persuna li tissottometti applikazzjoni għal riunifikazzjoni tal-familja billi titlobha ġġib prova li l-promotur ikollu ċerti mezzi, għandha tkun interpretata fid-dawl tad-drittijiet fundamentali u, b’mod iktar partikolari, fid-dawl tad-dritt għar-rispett tal-ħajja familjari stabbilit inter alia mill-Karta.


34      Ara b’analoġija s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal (Riunifikazzjoni tal-Familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punti 61 u 65 sa 67).


35      Bħal-libertà ta’ provvista’ ta’ servizzi.


36      Sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 34 sa 36).


37      Is-sentenza tat‑30 ta’ April 2014, Pfleger et (C‑390/12, EU:C:2014:281, punti 34 sa 36) hija importanti minħabba li essenzjalment tiċċara li d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tat‑18 ta’ Ġunju 1991, ERT (C‑260/89, EU:C:1991:254, punt 43) tapplika fir-rigward tal-Karta wara li daħlet fis-seħħ mill‑1 ta’ Diċembru 2009 bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona. Ara l-Artikolu 6(1) TUE. L-użu minn Stat Membru ta’ eċċezzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni sabiex ikun iġġustifikat ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat jikkostitwixxi implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 51(1) tal-Karta, u leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrestrinġi libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat tista’ tibbenefika mill-eċċezzjonijiet previsti fid-dritt tal-Unjoni biss sakemm dan ikun konformi mad-drittijiet fundamentali. Fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-kawża Ispas (C‑298/16, EU:C:2017:650), l-Avukat Ġenerali Bobek qal li “Mill-aspett funzjonali, awtorità nazzjonali x’aktarx li taġixxi fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni tal-inqas fi tliet xenarji tipiċi. L-ewwel nett, l-awtorità nazzjonali tapplika direttament sors tad-dritt tal-Unjoni għal każ ta’ quddiemha, ħafna drabi regolament (ix-xenarju ta’ applikazzjoni diretta). It-tieni nett, l-awtorità nazzjonali tapplika d-dritt nazzjonali li jittrasponi jew jimplementa miżura jew obbligu tad-dritt tal-Unjoni. Għalkemm l-awtorità nazzjonali x’aktarx tapplika sors ta’ dritt nazzjonali għal każ, id-dritt tal-Unjoni xorta jibqa’ fl-isfond, ċertament għall-finijiet ta’ interpretazzjoni (ix-xenarju ta’ applikazzjoni indiretta). It-tielet nett, l-awtorità nazzjonali ssib ruħha f’sitwazzjoni fejn regola nazzjonali tagħmel użu mid-derogi jew ġustifikazzjonijiet għar-restrizzjonijiet permessi mid-dritt tal-Unjoni (ix-xenarju ta’ deroga).”


38      Ara wkoll is-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2011, Association Belge des Consommateurs Test-Achats et (C‑236/09, EU:C:2011:100, punti 31 u 32) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat‑13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU 2004 L 373, p. 37), li permezz tagħha ċerti Stati Membri jżommu mingħajr limitazzjoni ta’ żmien eżenzjoni jew deroga mir-regola ta’ premiums u benefiċċji unisex, jaħdem kontra l-kisba tal-għan ta’ ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, li huwa l-għan tad-Direttiva 2004/113, u huwa kompatibbli mal-Artikoli 21 u 23 tal-Karta. Fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur, ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Spiegel Online (C‑516/17, EU:C:2019:625, punt 59). Fil-punt 119 tal-konklużjonijiet C‑3/15 (It-Trattat ta’ Marrakesh dwar aċċess għal xogħlijiet ippubblikati) tal‑14 ta’ Frar 2017 (EU:C:2017:114), il-Qorti tal-Ġustizzja qalet essenzjalment li fejn l-Istati Membri jkollhom diskrezzjoni, skont id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230) dwar l-implimentazzjoni ta’ għażla sabiex tipprovdi għal eċċezzjoni jew limitazzjoni għall-benefiċċju ta’ min forsi juża dik l-għażla, dik id-diskrezzjoni tirriżulta mid-deċiżjoni tal-leġiżlatura tal-Unjoni li l-Istati Membri jingħataw dik l-għażla, fil-kuntest ġuridiku armonizzat li d-Direttiva 2001/29 tistabbilixxi u li tiżgura livell għoli u ekwu ta’ ħarsien għad-drittijiet ta’ riproduzzjoni, disponibbiltà għall-pubbliku u distribuzzjoni.


39      Indipendentement minn jekk din l-għażla jew deroga tkunx ta’ vantaġġ jew żvantaġġ għal individwi. Ara l-kuntrast bejn is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N.S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865) u s-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117).


40      Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2019, Bevándorlási és Menekültügyi Hivatal(Riunifikazzjoni tal-Familja – oħt refuġjat) (C‑519/18, EU:C:2019:1070, punt 65).


41      Ara f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 45).


42      Ara wkoll l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109.


43      Ara b’analoġija s-sentenza tal‑25 ta’ Frar 2010, Müller Fleisch (C‑562/08, EU:C:2010:93, punt 43).


44      Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punti 46 u 47). Ara, dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2003/86, is-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 53) u tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 55).


45      Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369), punt 48). Għandu jiġi nnutat li r-rikorrent ma jikkontestax li t-titjib tal-integrazzjoni soċjali ta’ ċittadini mhux Awstrijaċi huwa għan leġittimu u li profiċjenza fil-lingwa tista’ tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dan l-għan. Ir-rikorrent iqis, madankollu, li l-metodu magħżul mill-konvenut sabiex jinkiseb dan l-għan, li għandu jkollu r-riżultat li ma tingħatax l-għajnuna għall-akkomodazzjoni inkwistjoni għax din tkun irtirata jew miċħuda, la huwa xieraq u lanqas meħtieġ partikolarment fil-każ tar-rikorrent minħabba li kien residenti fl-Awstrija mingħajr waqfien għal iktar minn ħames snin u għandu permess ta’ residenza fit-tul.


46      Jekk l-istatus ta’ residenti fit-tul kienx inkiseb qabel jew wara li kien impost l-obbligu li wieħed jgħaddi minn eżami ta’ integrazzjoni ċivika tqies mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala irrilevanti f’dan ir-rigward.


47      Il-konvenuti qal li l-livell inkwistjoni ta’ profiċjenza fil-lingwa huwa tant baxx li seta’ jintlaħaq fi ftit ġimgħat, anki mingħajr ma wieħed kien ikun jaf il-lingwa Ġermaniża u mingħajr ebda ħajra partikolari sabiex jitgħallem il-lingwa.


48      Il-konvenut indika wkoll, bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li hemm ċerti eċċezzjonijiet għar-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa, pereżempju, għal raġunijuiet ta’ saħħa.


49      Ara b’analoġija s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2018, C u A (C‑257/17, EU:C:2018:876, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).


50      F’dak ir-rigward il-qorti tar-rinviju ma indikatx kemm kienet tiswa flus jew kemm kienet aċċessibbli l-prova eliġibbli.


51      Ara b’analoġija s-sentenza tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese (C‑281/98, EU:C:2000:296, punt 44) u tal‑5 ta’ Frar 2015, Il‑Kummissjoni vs Il‑Belġju (C‑317/14, EU:C:2015:63, punt 29).


52      Jiġifieri jkun aċċessibbli għall-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.


53      Il-konvenut sewwa nnota, fil-fehma tiegħi, li l-prova mitluba għandha tiżgura l-applikazzjoni oġġettiva u uniformi tar-rekwiżit ta’ profiċjenza fil-lingwa.