Language of document : ECLI:EU:T:2012:138

Kawża T-227/09

Feng Shen Technology Co. Ltd

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja figurattiva FS — Mala fide tal-applikant — Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 52(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Ċessjoni, revoka u invalidità — Raġunijiet assoluti ta’ invalidità — Applikant in mala fide waqt il-preżentata tal-applikazzjoni għal trade mark — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi kollha rilevanti li jeżistu fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 51(1)(b))

2.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Kawża mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni — Possibbiltà għall-Qorti Ġenerali li tirriforma d-deċiżjoni kkontestata — Limiti

(Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009, Artikolu 65(3))

1.      Il-mala fide tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 51(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tkun evalwata ġeneralment, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha tal-każ, u b’mod partikolari:

–        il-fatt li l-applikant jaf jew għandu jkun jaf li terz juża, tal-inqas fi Stat Membru wieħed, sinjal identiku jew li jixxiebah għal prodott identiku jew li jixxiebah li kapaċi jwassal għal konfużjoni mas-sinjal li għalih saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni;

–        l-intenzjoni tal-applikant li jipprekludi lil dan it-terz milli jkompli juża tali sinjal;

–        il-livell ta’ protezzjoni li jgawdu minnha s-sinjal tat-terz u s-sinjal li għalih saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni.

L-intenzjoni li terz jiġi prekluż milli jikkummerċjalizza prodott tista’ f’ċerti ċirkustanzi, tikkaratterizza l-mala fide tal-applikant. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta jirriżulta, sussegwentement, li dan tal-aħħar ikun irreġistra bħala trade mark Komunitarja sinjal mingħajr l-intenzjoni li jużaha, unikament sabiex jipprekludi d-dħul fis-suq ta’ terz. Madankollu, l-applikant jista’ wkoll isegwi għan leġittimu billi jkun jixtieq jipproteġi lilu nnifsu kontra tentattiv ta’ terz li bil-wasla riċenti tiegħu fis-suq ikun qed ifittex li jieħu vantaġġ mir-reputazzjoni tas-sinjal tal-applikant. Minkejja dan, il-fatturi elenkati hawn fuq huma mogħtija biss bħala eżempji fost ġabra ta’ elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni biex tingħata deċiżjoni fuq l-eventwali mala fide ta’ applikant għal reġistrazzjoni, fil-mument tal-preżentata tal-applikazzjoni.

(ara l-punti 33-36)

2.      Is-setgħa ta’ bdil stabbilita fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja ma għandhiex bħala effett li tagħti lill-Qorti Ġenerali s-setgħa li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Bord tal-Appell b’dik tagħha u, lanqas li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-imsemmi Bord tal-Appell għadu ma ddeċidiex. L-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bdil għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, liema deċiżjoni l-Bord tal-Appell kellu jadotta.

(ara l-punt 55)