Language of document : ECLI:EU:F:2011:16

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tieni Awla)

17 ta’ Frar 2011

Kawża F-119/07

Guido Strack

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Proċedura ta’ medjazzjoni — Att li jikkawża preġudizzju — Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal — Konsolidazzjoni — Kumpens provviżorju”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu G. Strack jitlob, min-naħa waħda, l-annullament tar-rifjut tal-Kummissjoni li timplementa l-proċedura ta’ medjazzjoni u li tħallsu kumpens provviżorju skont l-Artikolu 19(4) tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej, kif ukoll l-annullament tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-20 ta’ Lulju 2007, li tirrifjuta l-ilment tiegħu; min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tħallaslu danni bħala kumpens għad-danni morali u mhux materjali kif ukoll għad-danni lis-saħħa li huwa allegatament sofra u, barra minn hekk, interessi moratorji.

Deċiżjoni: Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-26 ta’ Frar 2007, li tirrifjuta l-ħlas lir-rikorrent ta’ kumpens provviżorju skont l-Artikolu 19(4) tar-Regoli komuni hija annullata. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Il-Kummissjoni għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, nofs l-ispejjeż tar-rikorrent. Ir-rikorrent għandu jbati nofs l-ispejjeż tiegħu.

Sommarju

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Rikors ippreżentat kontra r-rifjut li tiġi implementata proċedura ta’ medjazzjoni — Esklużjoni

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Uffiċjali — Dmir ta’ premura tal-amministrazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

3.      Uffiċjali — Sigurtà soċjali — Assigurazzjoni għall-inċidenti u għall-mard ikkaġunati mix-xogħol — Invalidità — Kumpens — Dritt għall-ħlas — Kundizzjonijiet

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 73(2)(ċ); Regoli dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol, Artikoli 18 sa 20)

1. Rikors għal annullament ma huwiex ammissibbli sa fejn ikun dirett kontra r-rifjut tal-konvenuta li timplementa l-proċedura ta’ medjazzjoni.

Fil-fatt, il-medjazzjoni hija proċess volontarju għar-riżoluzzjoni paċifika ta’ kunflitti fejn l-għan, preċiżament, huwa li jagħti l-opportunità lill-partijiet sabiex jaslu għal ftehim extra ġudizzjarju tat-tilwima. Konsegwentement, u jekk jitqies li rifjut minn parti li timplementa tali proċedura jista’ jikkawża preġudizzju lill-kontroparti tagħha, annullament ta’ dan ir-rifjut jirrappreżenta biss interess ipotetiku, minħabba li dan l-annullament ma jistax iġiegħel lill-imsemmija parti sabiex taċċetta medjazzjoni.

(ara l-punti 65 u 66)

2. L-obbligi li joħorġu mid-dmir ta’ premura huma sostanzjalment imsaħħa meta tkun involuta sitwazzjoni ta’ uffiċjal li jkun jirriżulta li s-saħħa psikoloġika tiegħu tkun affettwata. Fl-istess ipoteżi, l-amministrazzjoni għandha teżamina t-talbiet ta’ dan tal-aħħar fi spirtu ta’ onesta’ partikolari. Dan l-obbligu huwa impost b’iktar saħħa, b’mod partikolari, meta l-gravità tal-istat ta’ saħħa tal-uffiċjal ma tkunx ikkontestata u meta psikjatra li jkun qiegħed isegwih jattira l-attenzjoni tal-amministrazzjoni dwar il-fatt li, mil-lat mediku, intervent immedjat sabiex jiġu riżolti u mitmuma l-kunflitti sottostanti jkun rikjest b’mod urġenti.

(ara l-punt 85)

3. Id-dritt għall-ħlas tal-kumpens għal invalidità permanenti parzjali skont l-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal jinħoloq biss meta tiġi kkonsolidata l-marda, fejn tali konsolidazzjoni tirreferi għall-istat tal-vittma fejn il-ġrieħi tal-ġisem ikunu tali li ma jkunx jidher li jistgħu jfiequ jew imorru għall-aħjar u li trattament ma huwiex, fil-prinċipju, rakkomandat ħlief jekk biex jiġi evitat li wieħed imur għall-agħar.

Madankollu, l-Artikolu 19(4) tar-Regoli komuni dwar l-assigurazzjoni għar-riskji ta’ inċidenti u ta’ mard ikkaġunat mix-xogħol tal-uffiċjali jagħti dritt għall-allokazzjoni ta’ kumpens provviżorju preċiżament minħabba li l-kumpens skont l-Artikolu 73(2)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal jitħallas biss wara din il-konsolidazzjoni. Madankollu, l-allokazzjoni ta’ kumpens provviżorju tissoponi l-eżistenza ta’ “frazzjoni mhux ikkontestata tar-rata ta’ invalidità permanenti”.

F’dan ir-rigward, meta uffiċjal iressaq talba għal kumpens provviżorju, qabel ma tiġi miċħuda din it-talba, l-amministrazzjoni u l-Awtorità tal-Ħatra, b’mod partikolari, għandhom jikkonsultaw lill-esperti mediċi, lill-Kunsill Mediku u eventwalment lill-Kumitat Mediku, billi japplikaw b’analoġija l-Artikoli 18 sa 20 tar-Regoli komuni. Fil-fatt, mill-istruttura tar-Regoli komuni u, b’mod partikolari, mill-Artikolu 19(3) u mill-Artikolu 20 ta’ dawn ir-regoli jirriżulta li evalwazzjoni ta’ natura medika tappartjeni biss lit-tobba.

Barra minn hekk, jekk l-amministrazzjoni tiċħad it-talba għal kumpens provviżorju mingħajr ma tikkonsulta lil tabib, hija tinjora l-istruttura tal-Artikolu 19(4) u tal-Artikolu 20 tar-Regoli komuni, u tikser id-dmir ta’ premura tagħha. Barra minn hekk, jekk il-ksur tal-imsemmi Artikolu 19(4) u tal-prinċipju ta’ premura jikkontribwixxu biex jaggravaw il-marda u biex jitfgħu lura l-proċess ta’ konsolidazzjoni tal-marda, il-kumpens ta’ dan id-dannu għandu jsir fil-kuntest tal-proċedura stabbilita għall-implementazzjoni tal-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 88, 89, 93, 95 u 105)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 4 ta’ Ottubru 1991, Il‑Kummissjoni vs Gill, C‑185/90 P, punt 24; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Mejju 1996, W vs Il‑Kummissjoni, T‑148/95, punti 36 u 37; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 2 ta’ Mejju 2007, Giraudy vs Il‑Kummissjoni, F‑23/05, punt 200