Language of document : ECLI:EU:F:2013:172

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(L-Ewwel Awla)

5 ta’ Novembru 2013

Kawża F‑103/12

Margaret Doyle

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-Europol — Nuqqas ta’ tiġdid ta’ kuntratt — Rifjut li jingħata kuntratt għal żmien indeterminat — Annullament mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat bis-saħħa tal-Artikolu 270 TFUE, li bih M. Doyle titlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li bih l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (EUROPOL) taha s-somma ta’ EUR 3 000 sabiex jeżegwixxi s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Ġunju 2010, Doyle vs Europol (F‑37/09, iktar ‘il quddiem is-“sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2010”).

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2011 li permezz tagħha l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija ta lil M. Doyle s-somma ta’ EUR 3 000 bil-għan li tiġi eżegwita s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, tad-29 ta’ Ġunju 2010, fil-kawża Doyle vs Europol (F‑37/09), hija annullata. L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż sostnuti minn M. Doyle.

Sommarju

Rikorsi tal-uffiċjali — Sentenza ta’ annullament — Effetti — Obbligu li jiġu adottati miżuri ta’ eżekuzzjoni — Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba — Diffikultajiet partikolari — Kumpens ekwu għall-iżvantaġġ li rriżulta għar-rikorrent mill-att annullat — Kundizzjonijiet

(Artikolu 266 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41)

Ir-regoli li jikkonċernaw l-eżekuzzjoni tas-sentenzi ta’ annullament għandhom ukoll jinqraw, fir-rigward b’mod partikolari ta’ sentenza fil-qasam tas-servizz pubbliku, fid-dawl tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li tistabbilixxi l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, u b’mod partikolari tal-paragrafu (1) tal-imsemmi artikolu, dwar id-dritt ta’ kull persuna li tara li l-kwistjonijiet li jirrigwardawha jiġu ttrattati imparzjalment, ekwament u f’terminu raġonevoli mill-istituzzjonijiet, organi u korpi tal-Unjoni.

Huwa biss meta l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament toħloq diffikultajiet partikolari li l-istituzzjoni kkonċernata tista’ allura tieħu kull deċiżjoni li tkun ta’ natura li tikkumpensa ekwament l-iżvantaġġ li jirriżulta għall-persuni interessati mid-deċiżjoni annullata u tista’, f’dan il-kuntest, tistabbilixxi djalogu magħhom sabiex tfittex tasal għal ftehim li jagħtihom kumpens ekwu għall-illegalità li tiegħu huma kienu l-vittmi.

Meta sentenza tal-qorti tal-Unjoni tannulla deċiżjoni tal-amministrazzjoni minħabba ksur tad-drittijiet tad-difiża, hija l-amministrazzjoni kkonċernata li għandha turi li hija adottat il-miżuri kollha possibbli li jistgħu jkunu jxejnu l-effetti ta’ din l-illegalità kkonstatata mill-qorti. L-amministrazzjoni għaldaqstant ma tistax sempliċement tafferma li ma huwiex iktar possibbli li tqiegħed il-vittma ta’ dan il-ksur ta’ dritt fundamentali fil-kundizzjonijiet li tinvoka d-drittijiet tad-difiża tagħha, fuq kollox, minħabba deċiżjonijiet li hija stess tkun adottat, fl-istess qasam. Jekk wieħed jaċċetta dan it-tip ta’ aġir ikun qed ixejjen minn kull sustanza l-obbligu li jiġi żgurat l-ewwel nett ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u li tiġi eżegwita s-sentenza li tikkonstata l-ksur tagħhom. Huwa biss meta, għal raġunijiet li ma jkunux imputabbli lill-amministrazzjoni kkonċernata, ikun oġġettivament diffiċli, jew impossibbli, li jixxejnu l-effetti tal-ksur tad-drittijiet tad-difiża ssanzjonati mis-sentenza ta’ annullament li dan tal-aħħar ikun jista’ jagħmel ħlas ta’ indennizz kumpensatorju.

(ara l-punti 38, 39 u 50)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 24 ta’ Ġunju 2008, Andres et vs BĊE, F‑15/05, punt 132, u l-ġurisprudenza ċċitata