Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tat-18 ta' Ottubru 2012 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit) - Football Dataco Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League, PA Sport UK Ltd vs Sportradar GmbH, Sportradar AG

(Kawża C-173/11)

"Direttiva 96/9/KE - Protezzjoni legali ta' databases - Artikolu 7 - Dritt sui generis - Database dwar partiti tal-kampjonati tal-futbol filwaqt li jkunu qed jintlagħbu - Kunċett ta' 'użu mill-ġdid' - Lokalizzazzjoni tal-att ta' użu mill-ġdid"

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Qorti tar-rinviju

Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Football Dataco Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League, PA Sport UK Ltd

Konvenuti: Sportradar GmbH, Sportradar AG

Suġġett

Talba għal deċiżjoni preliminari - Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) - Interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13,Vol. 15, p. 459), b'mod partikolari tal-Artikolu 7 tagħha - Dritt tal-persuna li tkun ħolqot id-database li tipprojbixxi l-estrazzjoni u/jew l-użu mill-ġdid ta' parti mill-kontenut tad-database - Kunċetti ta' "estrazzjoni" u ta' "użu mill-ġdid" (Artikolu 7(2) tad-Direttiva) - Database li tinkludi informazzjoni fuq il-logħob tal-futbol filwaqt li dan ikun qed jintlagħab ("Football Live")

Dispożittiv

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trażmissjoni minn persuna, permezz ta' web server li jinsab fi Stat Membru A, ta' data li diġà tniżżlet minn din il-persuna minn database protetta bid-dritt sui generis skont din l-istess direttiva, fuq il-kompjuter ta' persuna oħra stabbilita fi Stat Membru B, fuq talba ta' din tal-aħħar, għal finijiet ta' ħażna fil-memorja ta' dan il-kompjuter u sabiex tintwera fuq l-iskrin tiegħu, tikkostitwixxi att ta' "użu mill-ġdid" tal-imsemmija data mill-persuna li wettqet din it-trażmissjoni. Għandu jiġi kkunsidrat li dan l-att iseħħ, tal-inqas, fl-Istat Membru B, meta jkunu jeżistu ħjiel li jippermettu li jiġi konkluż li tali att jiżvela l-intenzjoni tal-awtur tiegħu sabiex jitfa' l-mira tiegħu fuq il-membri tal-pubbliku stabbiliti f'dan l-aħħar Stat Membru, liema ħaġa hija l-qorti nazzjonali li għandha tevalwaha.

____________

1 - ĠU C 194, 02.07.2011.