Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fit-12 ta’ Settembru 2023 – Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite - Sofia

(Kawża C-563/23, Natsionalna agentsia za prihodite)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite - Sofia

Domandi preliminari

Il-punt 7 tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data1 għandu jiġi interpretat fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ persuni taxxabbli, jiddetermina l-għanijiet jew il-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali u għalhekk jikkostitwixxi “kontrollur” ta’ data personali?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda: l-Artikolu 51 tar-Regolament 2016/679 għandu jiġi interpretat fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ persuni taxxabbli, huwa responsabbli sabiex jiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament u għalhekk għandu l-kwalità ta’ “awtorità superviżorja” fir-rigward ta’ din id-data?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għal waħda mid-domandi preċedenti: l-Artikolu 32(1)(b) tar-Regolament 2016/679 u l-Artikolu 57(1)(a) tal-istess regolament, rispettivament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li korp ġudizzjarju, li jagħti lil korp Statali ieħor aċċess għal data dwar l-eżistenza ta’ kontijiet bankarji ta’ persuni taxxabbli, huwa obbligat, meta jkollu data dwar ksur preċedenti tas-sigurtà ta’ data personali mwettaq mill-korp li lilu jkun ser jagħti aċċess, jitlob informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-protezzjoni tad-data u jevalwa l-adegwatezza ta’ dawn il-miżuri huwa u jieħu deċiżjoni jekk jagħtix tali aċċess?

Irrispettivament mir-risposti [għat-tieni] u [għat-tielet] domanda: l-Artikolu 79(1) tar-Regolament 2016/679, ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni fejn id-dritt nazzjonali ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni jipprevedi li kategoriji speċifiċi ta’ data għandhom jiġu żvelati biss wara awtorizzazzjoni ġudizzjarja, il-qorti li tagħti din l-awtorizzazzjoni hija obbligata tiżgura ex officio l-protezzjoni tas-suġġetti tad-data li d-data tagħhom tkun ser tiġi żvelata, billi tobbliga lill-korp pubbliku, li jkun qiegħed jitlob aċċess għad-data u li jkun magħruf li wara li wettaq ksur tas-sigurtà tad-data personali ngħata istruzzjonijiet obbligatorji mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament 2016/679, jippreżenta informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri imposti fuqu permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva skont l-Artikolu 58(2)(d) tar-Regolament 2016/679?

____________

1     ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2