Language of document : ECLI:EU:T:2022:19

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

26 ta’ Jannar 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Abbuż minn pożizzjoni dominanti – Swieq tal-mikroproċessuri – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 102 TFUE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE – Tnaqqis għal fedeltà – Restrizzjonijiet ‘ovvji’ – Klassifikazzjoni bħala prattika abbużiva – Analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti – Strateġija komprensiva – Ksur uniku u kontinwu”

Fil-Kawża T‑286/09 RENV,

Intel Corporation Inc., stabbilita f’Wilmington, Delaware (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Parr, solicitor, D. Beard, QC, u J. Williams, barrister,

rikorrenti,

sostnuta minn

Association for Competitive Technology, Inc., stabbilita f’Washington, DC (l‑Istati Uniti), irrappreżentata minn J.-F. Bellis u K. Van Hove, avukati,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn T. Christoforou, V. Di Bucci, N. Khan u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir), stabbilita f’Pariġi (Franza), irrappreżentata minn E. Nasry, avukata,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, prinċipalment, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 final, tat‑13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C‑3/37.990 – Intel) jew, sussidjarjament, it-tneħħija jew it-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta minn H. Kanninen, President, J. Schwarcz (Relatur), C. Iliopoulos, I. Reine u B. Berke, Imħallfin,

Reġistratur: E. Artemiou, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 sat‑12 ta’ Marzu 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Intel Corporation, Inc. (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti” jew “Intel”) hija kumpannija stabbilita taħt id-dritt tal-Istati Uniti li tiżgura d-disinn, l-iżvilupp, il-manifattura, u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ mikroproċessuri (iktar 'il quddiem iċ-“CPU”), “chipsets” u komponenti oħra semi-kondutturi kif ukoll soluzzjonijiet għal pjattaformi fil-kuntest tal-ipproċessar tad-data u tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

2        Fi tmiem l-2008, Intel kienet timpjega madwar 94 100 persuna mad-dinja kollha. Fl-2007, id-dħul nett ta’ Intel kien jammonta għal USD 38 334 miljun u l-profitt nett tagħha għal USD 6 976 miljun. Fl-2008, id-dħul nett tagħha kien jammonta għal USD 37 586 miljun u l-profitt nett tagħha għal USD 5 292 miljun.

 Il-proċedura amministrattiva

3        Fit‑18 ta’ Ottubru 2000, Advanced Micro Devices, Inc. (iktar 'il quddiem “AMD”) ippreżentat quddiem il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ilment formali abbażi tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 17, tas-6 ta’ Frar 1962, l-ewwel regolament li jimplimenta l-Artikoli [101 KE] u [102 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 3), li hija kkompletat billi pproduċiet fatti ġodda u allegazzjonijiet ġodda, fil-kuntest ta’ lment addizzjonali tas‑26 ta’ Novembru 2003.

4        F’Mejju tal‑2004, il-Kummissjoni tat bidu għal serje ta’ investigazzjonijiet li jirrigwardaw ċerti elementi inklużi fl-ilment addizzjonali ta’ AMD. Fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni u bl-appoġġ ta’ diversi awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), il-Kummissjoni wettqet, f’Lulju tal‑2005, spezzjonijiet f’erba’ binjiet ta’ Intel fil-Ġermanja, fi Spanja, fl-Italja u fir-Renju Unit, kif ukoll fil-bini ta’ diversi klijenti ta’ Intel fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, fl-Italja u fir-Renju Unit.

5        Fis‑17 ta’ Lulju 2006, AMD ressqet ilment quddiem il-Bundeskartellamt (l‑Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Akkordji), li fih hija kkonfermat li Intel kienet stabbilixxiet, b’mod partikolari, prattiki kummerċjali ta’ esklużjoni ma’ Media‑Saturn‑Holding GmbH (iktar 'il quddiem “MSH”), distributur Ewropew ta’ apparat mikroelettroniku u l-ewwel distributur Ewropew ta’ desktops. L-Uffiċċju Federali Ġermaniż tal-Akkordji skambja informazzjoni mal-Kummissjoni fuq din il-kawża, skont l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1/2003.

6        Fit‑23 ta’ Awwissu 2006, il-Kummissjoni kellha laqgħa ma’ D1 [kunfidenzjali] (1), klijent ta’ Intel. Il-Kummissjoni ma pprovdietx il-lista indikattiva tas-suġġetti ta’ din il-laqgħa fil-fajl tal-każ u ma ħaditx il-minuti tagħha. Membru tal-grupp responsabbli mill-fajl fi ħdan il-Kummissjoni pproduċa nota li tikkonċerna din il-laqgħa li ġiet ikklassifikata bħala interna mill-Kummissjoni. Fid‑19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni pprovdiet lir-rikorrenti verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din in-nota.

7        Fis‑26 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar 'il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal‑2007”) marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ ħames manifatturi kbar tal-informatika (Original Equipment Manufacturer, iktar 'il quddiem l-“OEM”), jiġifieri Dell, Hewlett-Packard Company (HP), Acer Inc., NEC Corp. u International Business Machines Corp. (IBM). Intel wieġbet għal din id-dikjarazzjoni fis‑7 ta’ Jannar 2008 u nżammet seduta fil‑11 u fit‑12 ta’ Marzu 2008. Intel kellha aċċess għall-fajl tliet darbiet, jiġifieri fil‑31 ta’ Lulju 2007, fit‑23 ta’ Lulju u fid‑19 ta’ Diċembru 2008.

8        Il-Kummissjoni wettqet diversi atti ta’ investigazzjoni li jikkonċernaw l-allegazzjonijiet ta’ AMD, inklużi spezzjonijiet fil-bini ta’ diversi bejjiegħa bl-imnut ta’ kompjuters u fil-bini ta’ Intel, fi Frar 2008. Barra minn hekk, hija bagħtet diversi talbiet bil-miktub għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, lil diversi OEM kbar.

9        Fis‑17 ta’ Lulju 2008, il-Kummissjoni nnotifikat lir-rikorrenti b’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali marbuta mal-aġir tagħha fir-rigward ta’ MSH. Din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet (iktar 'il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008”) kienet tirrigwarda wkoll l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ Lenovo Group Ltd (iktar 'il quddiem “Lenovo”) u kienet tinkludi provi ġodda dwar l-aġir ta’ Intel fir-rigward ta’ ċerti OEM ikkonċernati mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2007, li l-Kummissjoni kienet kisbet wara l-pubblikazzjoni ta’ din tal-aħħar.

10      Il-Kummissjoni inizjalment tat lil Intel terminu ta’ tmien ġimgħat sabiex tippreżenta r-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008. Fil-15 ta’ Settembru 2008, dan it-terminu ġie estiż sas‑17 ta’ Ottubru 2008 mill-uffiċjal tas-seduta.

11      Intel ma rrispondietx għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 fit-terminu stabbilit. Madankollu, fl-10 ta’ Ottubru 2008, hija ppreżentat rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, irreġistrat taħt ir-referenza T‑457/08, fejn talbitha, fl-ewwel lok, tannulla żewġ deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta’ terminu sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 u dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tikseb diversi kategoriji ta’ dokumenti li joriġinaw b’mod partikolari mill-proċess tal-kawża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware (l-Istati Uniti) u, fit-tieni lok, testendi t-terminu tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 sabiex ikollha terminu ta’ 30 jum dekorribbli mill-jum li fih hija tkun kisbet aċċess għad-dokumenti rilevanti.

12      Barra minn hekk, Intel ippreżentat talba għal miżuri provviżorji, irreġistrata taħt ir-referenza T‑457/08 R, intiża li tinkiseb is-sospensjoni tal-proċedura tal-Kummissjoni sakemm tingħata s-sentenza marbuta mar-rikors tagħha fuq il-mertu kif ukoll is-sospensjoni tat-terminu stabbilit għall-preżentazzjoni tar-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 u, sussidjarjament, l-għoti ta’ terminu ta’ 30 jum dekorribbli mid-data tal-imsemmija sentenza sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008.

13      Fid-19 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Intel li fiha ġibditilha l-attenzjoni dwar ċertu numru ta’ provi li hija kellha l-intenzjoni tuża fil-każ ta’ deċiżjoni finali eventwali (iktar 'il quddiem l-“ittra fattwali”). Intel ma rrispondietx għal din l-ittra fit-terminu stabbilit tat‑23 ta’ Jannar 2009.

14      Fis‑27 ta’ Jannar 2009, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji bid-digriet tas‑27 ta’ Jannar 2009, Intel vs Il-Kummissjoni (T‑457/08 R, mhux ippubblikat, EU:T:2009:18). Wara dan id-digriet, fid‑29 ta’ Jannar 2009, Intel ipproponiet li tippreżenta r-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 u għall-ittra fattwali fi 30 jum dekorribbli mid-digriet tal-President tal-Qorti Ġenerali.

15      Fit‑2 ta’ Frar 2009, il-Kummissjoni informat lil Intel, permezz ta’ ittra, bil-fatt li d-dipartimenti tagħha kienu ddeċidew li ma jagħtuhiex estensjoni tat-terminu stabbilit sabiex tirrispondi għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 jew għall-ittra fattwali. Din l-istess ittra kienet tindika wkoll li d-dipartimenti tal-Kummissjoni kienu madankollu disposti li jipprevedu r-rilevanza possibbli ta’ nota tardiva sakemm Intel tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fil‑5 ta’ Frar 2009. Finalment, il-Kummissjoni qieset li hija ma kinitx obbligata tilqa’ talba għal seduta ppreżentata wara l-iskadenza tat-terminu u li d-dipartimenti tagħha kienu jqisu li l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura amministrattiva ma kienx jirrikjedi l-organizzazzjoni ta’ seduta.

16      Fit‑3 ta’ Frar 2009, Intel abbandunat ir-rikors prinċipali tagħha fil-Kawża T‑457/08 u l-kawża tħassret mir-reġistru b’digriet tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑24 ta’ Marzu 2009.

17      Fil‑5 ta’ Frar 2009, Intel ippreżentat nota li tinkludi osservazzjonijiet marbuta mad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal-2008 kif ukoll mal-ittra fattwali, li hija kklassifikat bħala “risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali [tal‑2008]” u bħala “risposta għall-[ittra fattwali]”.

18      Fl‑10 ta’ Frar 2009, Intel kitbet lill-uffiċjal tas-seduta sabiex tikseb seduta fuq id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008. L-uffiċjal tas-seduta ċaħad din it-talba permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2009.

19      Fit‑13 ta’ Mejju 2009, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2009) 3726 final, dwar proċediment taħt l-Artikolu [102 TFUE] u l-Artikolu 54 tal-Ftehim taż-ŻEE (Każ COMP/C‑3/37.990 – Intel) (iktar 'il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li hemm sunt tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009 C 227, p. 13).

 Id-deċiżjoni kkontestata

20      Skont id-deċiżjoni kkontestata, Intel wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 102 KE u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007, billi implimentat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetitur, jiġifieri AMD, mis-suq ta’ CPUs ta’ arkitettura x86 (iktar 'il quddiem “CPUs x86”).

 Is-suq rilevanti

21      Il-prodotti inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata huma CPU, li huma komponenti essenzjali ta’ kull kompjuter, kemm għall-prestazzjoni ġenerali tas-sistema kif ukoll għall-ispiża globali tiegħu. Ħafna drabi dan jitqies bħala l-“moħħ” tal-kompjuter. Il-manifattura ta’ CPU tirrikjedi installazzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata u li jiswew ħafna flus.

22      Iċ-CPU użati fil-kompjuters jistgħu jiġu kkategorizzati f’żewġ kategoriji, jiġifieri CPUs x86 u ċ-CPU bbażati fuq arkitettura oħra. L-arkitettura x86 hija standard imfassal minn Intel għaċ-CPU tagħha. Hija tippermetti l-funzjonament tas-sistemi operattivi Windows u Linux. Windows hija prinċipalment marbuta mas-sett ta’ istruzzjonijiet x86. Qabel l‑2000, diversi manifatturi ta’ CPUs x86 kienu fis-suq. Madankollu, il-parti l-kbira ta’ dawn il-manifatturi ma għadhomx fis-suq. Id-deċiżjoni kkontestata tirrileva li b’effett minn din id-data Intel u AMD huma prattikament l-uniċi żewġ impriżi li għadhom jimmanifatturaw CPUs x86.

23      Fl-investigazzjoni tagħha, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li s-suq tal-prodotti inkwistjoni ma kienx ikbar mis-suq ta’ CPUs x86. Id-deċiżjoni kkontestata ma tiddeċidix dwar jekk jeżistix suq uniku ta’ CPUs x86 għall-kompjuters kollha jew jekk għandhiex issir distinzjoni bejn tlett iswieq separati ta’ CPUs x86, jiġifieri dak għad-desktops, dak għal-laptops u dak għas-servers. Skont id-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-partijiet mis-suq li għandha Intel għal kull qasam, il-konklużjonijiet marbuta mal-pożizzjoni dominanti ma jvarjawx.

24      Is-suq ġeografiku huwa ddefinit bħala ta’ daqs dinji.

 Pożizzjoni dominanti

25      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata li, matul il-perijodu ta’ għaxar snin li ġie eżaminat (1997 sa 2007), Intel dejjem kellha partijiet mis-suq ta’ madwar 70 % jew iktar. Barra minn hekk, skont id-deċiżjoni kkontestata jeżistu ostakoli kbar għad-dħul u għall-espansjoni fis-swieq ta’ CPUs x86. Dawn l-ostakoli jirriżultaw minn investimenti li ma jistgħux jiġu rkuprati fir-riċerka u l-iżvilupp, il-proprjetà intellettwali u l-installazzjonijiet ta’ produzzjoni neċessarji għall-manifattura ta’ CPUs x86. Konsegwentement, il-kompetituri kollha ta’ Intel, bl-eċċezzjoni ta’AMD, ħarġu mis-suq jew għandhom biss parti negliġibbli mis-suq.

26      Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-partijiet mis-suq li għandha Intel u fuq l-ostakoli għad-dħul u l-espansjoni fis-suq inkwistjoni, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li Intel kienet f’pożizzjoni dominanti fl-imsemmi suq minn tal-inqas matul il-perijodu kopert mill-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007.

 Aġir abbużiv u multa

27      Id-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi żewġ tipi ta’ aġir adottati minn Intel fir-rigward tas-sħab kummerċjali tagħha, jiġifieri it-tnaqqis kundizzjonali u r-restrizzjonijiet ovvji.

28      Fl-ewwel lok, skont id-deċiżjoni kkontestata, Intel tat tnaqqis lil erba’ OEM, f’dan il-każ, Dell, Lenovo, HP u NEC, bil-kundizzjoni li huma jixtru mingħandha t-totalità jew kważi totalità ta’ CPUs x86 tagħha. Barra minn hekk, Intel għamlet ħlasijiet lil MSH, bil-kundizzjoni li din tal-aħħar tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPUs x86 prodotti minnha.

29      Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li t-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil Intel jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà. Fir-rigward tal-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel lil MSH, id-deċiżjoni kkontestata tikkonstata li l-mekkaniżmu ekonomiku ta’ dawn il-ħlasijiet huwa ekwivalenti għal dak tat-tnaqqis kundizzjonali mogħti lil OEM.

30      Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata tipprovdi wkoll analiżi ekonomika fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur li jkun daqstant effiċjenti bħal Intel (as-efficient-competitor test, iktar 'il quddiem l-“analiżi AEC” jew it-“test AEC”) mingħajr madankollu ma jkun jokkupa pożizzjoni dominanti. B’mod konkret, l-analiżi tistabbilixxi l-prezz li kien jiġi propost minn kompetitur daqstant effiċjenti bħal Intel għaċ-CPU tiegħu sabiex jikkumpensa lil OEM għat-telf ta’ tnaqqis li kieku kien jirċievi mingħand Intel. Analiżi tal-istess tip twettqet fir-rigward tal-ħlasijiet mogħtija minn Intel lil MSH.

31      Abbażi tal-provi li hija ġabret, il-Kummissjoni tasal għall-konklużjoni li t-tnaqqis kundizzjonali u l-ħlasijiet mogħtija minn Intel kellhom il-konsegwenza li jiżguraw il-fedeltà tal-OEM strateġiċi u ta’ MSH. Dawn il-prattiki kellhom effetti addizzjonali, fis-sens li huma naqqsu b’mod kunsiderevoli l-kapaċità tal-kompetituri li jikkompetu abbażi tal-kapaċitajiet ta’ CPUs x86 tagħhom. B’hekk, l-aġir antikompetittiv ta’ Intel ikkontribwixxa sabiex titnaqqas l-għażla offruta lill-konsumaturi kif ukoll l-inċentiv għall-innovazzjoni.

32      Fit-tieni lok, fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji, il-Kummissjoni ssostni li Intel tat pagamenti lil tliet OEM, jiġifieri HP, Acer u Lenovo, bil-kundizzjoni li dawn jipposponu jew jannullaw it-tnedija ta’ prodotti mgħammra b’CPU li joriġina minn AMD jew jimponu restrizzjonijiet fuq id-distribuzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi li dan l-aġir ta’ Intel ukoll ikkawża preġudizzju dirett lill-kompetizzjoni u ma jaqax taħt il-kompetizzjoni normali, bbażata fuq il-merti.

33      Il-Kummissjoni tikkonkludi fid-deċiżjoni kkontestata li kull wieħed mill-aġir ikkontestat ta’ Intel fir-rigward tal-OEM imsemmija iktar 'il fuq u ta’ MSH jikkostitwixxi abbuż fis-sens tal-Artikolu 102 KE, filwaqt li madankollu dan l-abbuż kollu jaqa’ wkoll fil-kuntest ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex teskludi lil AMD, l-uniku kompetitur kbir ta’ Intel, mis-suq ta’ CPUs x86. Għaldaqstant, dan l-abbuż jifforma ksur uniku fis-sens tal-Artikolu 102 KE.

34      Filwaqt li applikat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU 2006, C 210, p. 2), il-Kummissjoni imponiet fuq ir-rikorrenti multa ta’ EUR 1.06 biljun.

 Dispożittiv

35      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara kif ġej:

Artikolu 1

Intel wettqet ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 billi implimentat strateġija maħsuba sabiex teskludi kompetituri mis-suq ta’ CPUs x86, li kien jikkonsisti fil-fatturi li ġejjin:

a)      l-għoti ta’ tnaqqis lil Dell bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li Dell kellha tixtri t-totalità ta’ CPUs x86 tagħha mingħand Intel;

b)      l-għoti ta’ tnaqqis lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li HP kellha tixtri minn tal-inqas 95 % ta’ CPUs x86 maħsuba għad-desktops għall-impriżi mingħand Intel;

c)      l-għoti ta’ tnaqqis lil NEC bejn Ottubru 2002 u Novembru 2005 li l-livell tiegħu kien ikkundizzjonat mill-fatt li NEC kellha tixtri minn tal-inqas 80 % ta’ CPUs x86 maħsuba għall-klijenti PC tagħha mingħand Intel;

d)      l-għoti ta’ tnaqqis lil Lenovo bejn Jannar 2007 u Diċembru 2007 li l-livell tiegħu kien ikkondizzjonat mill-fatt li Lenovo kellha tixtri t-totalità ta’ CPUs x86 maħsuba għall-laptops tagħha mingħand Intel ;

e)      l-għoti ta’ ħlasijiet lil [MSH] bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 li l-livell tagħhom kien ikkundizzjonat mill-fatt li [MSH] kellha tbigħ biss kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’Intel;

f)      tagħmel pagamenti lil HP bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 bil-kundizzjoni li: (i) HP torjenta d-desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju lejn il-klijenti tas-settur pubbliku, edukattiv u mediku minflok lejn l-impriżi l-kbar; (ii) HP tipprojbixxi lill-imsieħba tagħha ta’ distribuzzjoni milli jistokkjaw desktops ta’ HP mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD maħsuba għal impriżi b’tali mod li dwan il-kompjuters ikunu disponibbli biss għall-klijenti li jordnawhom mingħand HP (direttament, jew permezz tas-sieħba ta’ distribuzzjoni ta’ HP li jeżerċitaw il-funzjoni ta’ aġenti kummerċjali); (iii) HP tipposponi b’sitt xhur it-tnedija tad-desktop tagħha mgħammar b’CPUs x86 ta’ AMD maħsub għal impriżi fir-reġjun Ewropa, Lvant Nofsani u Afrika;

g)      l-għoti ta’ ħlasijiet lil Acer bejn Settembru 2003 u Jannar 2004 bil-kundizzjoni li Acer tipposponi t-tnedija ta’ laptop mgħammar b’CPUs x86 ta’AMD;

h)      l-għoti ta’ ħlasijiet lil Lenovo bejn Ġunju 2006 u Diċembru 2006 bil-kundizzjoni li Lenovo tipposponi u fl-aħħar tannulla t-tnedija tal-laptops tagħha mgħammra b’ CPUs x86 ta’AMD.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, hija imposta fuq Intel multa fl-ammont ta’ EUR 1 060 000 000 […]

Artikolu 3

Intel ħandha immedjatament twaqqaf il-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 f’każ li dan għadu ma sarx.

Intel għandha tastjeni milli tirrepeti l-atteġġamenti u l-aġir imsemmi fl-Artikolu 1 kif ukoll atteġġamenti jew aġir li għandhom għan jew effett identiku jew ekwivalenti.

[…]”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

36      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Lulju 2009, Intel ppreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża, billi invokat disa’ motivi.

37      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Ottubru 2009, AMD talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Madankollu, fis‑16 ta’ Novembru 2009, AMD informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qiegħda tirtira t-talba tagħha għal intervent f’din il-kawża. Konsegwentement, permezz ta’ digriet tal-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali tal‑5 ta’ Jannar 2010, AMD ġiet eliminata mill-kawża bħala intervenjenti.

38      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑30 ta’ Ottubru 2009, l’Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) (iktar 'il quddiem l-“UFC”) talbet sabiex tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. Permezz ta’ ittra rreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali tat‑22 ta’ Settembru 2010, l-UFC informat lil Qorti Ġenerali li hija qiegħda tirrinunzja għall-preżentazzjoni ta’ nota ta’ intervent, iżda li kienet ser tippreżenta osservazzjonijiet orali waqt is-seduta.

39      Permezz ta’ att ippreżentat quddiem ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Novembru 2009, l-Association for Competitive Technology (iktar 'il quddiem l-“ACT”) talbet tintervjeni f’din il-proċedura insostenn ta’ Intel. Permezz ta’ digriet tas‑7 ta’ Ġunju 2010, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ dan l-intervent. ACT ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fit-terminu mogħti u l-partijiet prinċipali ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwarha.

40      Intel u l-Kummissjoni talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fir-rikors, fir-risposta, fir-replika, fil-kontroreplika u fl-osservazzjonijiet rispettivi tagħhom dwar in-nota ta’ intervent jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti, lil UFC u ACT. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti proċedurali ġiet ristretta għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma oġġezzjonawx f’dan ir-rigward.

41      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet f’Settembru 2010, u peress li l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Seba’ Awla, din il-kawża ġiet konsegwentement assenjata lil din tal-aħħar.

42      B’deċiżjoni tat‑18 ta’ Jannar 2012, il-Qorti Ġenerali rrinvijat il-kawża quddiem is-Seba’ Awla Estiża skont l-Artikolu 14(1) u l-Artikolu 51(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

43      Is-sottomissjonijiet tal-partijiet instemgħu waqt is-seduta li nżammet mit‑3 sas‑6 ta’ Lulju 2012.

44      Permezz tas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2014, Intel vs Il-Kummissjoni (T‑286/09, iktar’ il quddiem is-“sentenza inizjali”, EU:T:2014:547), il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-intier tiegħu.

45      Insostenn tal-ewwel motiv tagħha, dwar il-kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet legali mwettqa mill-Kummissjoni, Intel ikkontestat it-tqassim tal-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova meħtieġ, il-klassifikazzjoni ġuridika tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet mogħtija bħala korrispettiv għal provvista esklużiva kif ukoll il-klassifikazzjoni ġuridika tal-ħlasijiet, li l-Kummissjoni tirreferi għalihom bħala “restrizzjonijiet ovvji”, intiżi sabiex l-OEM jipposponu, jannullaw jew jirrestrinġu l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti mgħammra b’CPU ta’ AMD. It-tieni, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tissodisfa l-livell ta’ prova meħtieġ fl-analiżi tagħha tal-provi. Għaldaqstant, il-Kummissjoni naqset milli turi li l-arranġamenti ta’ tnaqqis bejn Intel u l-klijenti tagħha kienu suġġetti għall-kundizzjoni li l-klijenti tagħha jixtru ċ-CPU tat-tip x86 kollha jew kważi kollha li kellhom bżonn mingħand Intel. Barra minn hekk, il-Kummissjoni użat test AEC sabiex tiddetermina jekk it-tnaqqis ta’ Intel setax jillimita l-kompetizzjoni iżda wettqet diversi żbalji fl-analiżi u fl-evalwazzjoni tal-provi li jirrigwardaw l-applikazzjoni ta’ dan it-test.

46      Il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punt 79 tas-sentenza inizjali, li t-tnaqqis mogħti lil Dell, lil HP, lil NEC u lil Lenovo kien tnaqqis għal esklużività sa fejn dan kien marbut mal-kundizzjoni li l-klijent jixtri mingħand Intel għall-bżonnijiet kollha tiegħu fil-qasam ta’ CPUs x86 jew għall-parti kbira tal-bżonnijiet tiegħu. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qalet, fil-punti 80 sa 89 tas-sentenza inizjali, li l-klassifikazzjoni ta’ tali tnaqqis bħala abbużiv ma jiddependix fuq analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ maħsub sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tiegħu li jirrestrinġi l-kompetizzjoni.

47      Għall-finijiet ta’ kompletezza, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 172 sa 197 tas-sentenza inizjali, li l-Kummissjoni wriet, sal-grad rikjest mil-liġi u abbażi ta’ analiżi taċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kapaċità tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività mogħtija minn Intel lil Dell, lil Hp, lil NEC, lil Lenovo u lil MSH li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

48      Dwar it-tieni motiv, ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni ma tatx prova tal-ġurisdizzjoni territorjali tagħha sabiex tapplika l-Artikoli 101 u 102 TFUE lill-prattiki implimentati fil-konfront ta’ Acer u ta’ Lenovo, il-Qorti Ġenerali qieset, qabelxejn, fil-punt 244 tas-sentenza inizjali, li, sabiex tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fid-dawl tad-dritt internazzjonali pubbliku, huwa suffiċjenti li jiġu stabbiliti l-effetti kklassifikati tal-prattika jew l-implimentazzjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea. Sussegwentement hija ddeċidiet, fil-punt 296 tas-sentenza inizjali, li l-effetti sostanzjali, prevedibbli u immedjati li l-aġir ta’ Intel seta’ jipproduċi fi ħdan iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) kienu jippermettu li tiġi ġġustifikata l-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni. Fl-aħħar nett, għall-finijiet ta’ kompletezza hija qieset, fil-punt 314 tas-sentenza inizjali, li din il-ġurisdizzjoni kienet iġġustifikata wkoll minħabba l-implimentazzjoni tal-aġir inkwistjoni fit-territorju tal-Unjoni u taż-ŻEE.

49      Insostenn tat-tielet motiv tagħha, dwar id-difetti proċedurali allegati fil-konfront tal-Kummissjoni, Intel qajmet b’mod partikolari ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha minħabba l-assenza ta’ minuti tal-laqgħa ma’ D1, fejn targumenta li ċerti elementi relatati ma’ din il-laqgħa setgħu jintużaw bħala elementi li jiskaġunaw. Ġie sostnut ukoll li l-Kummissjoni rrifjutat b’mod żbaljat l-organizzazzjoni tat-tieni seduta kif ukoll il-komunikazzjoni ta’ ċerti dokumenti ta’ AMD li setgħu jkunu rilevanti għad-difiża ta’ Intel.

50      Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 618 tas-sentenza inizjali, li l-laqgħa inkwistjoni ma kinitx tikkostitwixxi intervista formali fis-sens tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1/2003 u li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata twettaq tali intervista. Minn dan hija ddeduċiet, fl-imsemmi punt, li l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2004, Vol. 123, p. 18), ma kienx applikabbli, b’tali mod li l-argument ibbażat fuq il-ksur tal-formalitajiet preskritti minn din id-dispożizzjoni kien ineffettiv.

51      Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 621 u 622 tas-sentenza inizjali, li, anki jekk il-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi astjeniet milli tistabbilixxi dokument li fih sinteżi qasir tas-suġġetti diskussi fl-imsemmija laqgħa kif ukoll l-ismijiet tal-parteċipanti tagħha, hija madankollu kkoreġiet din l-ommissjoni inizjali billi qiegħdet għad-dispożizzjoni ta’ Intel il-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ nota interna dwar din l-istess laqgħa.

52      Għal dak li jirrigwarda r-raba’ motiv, dwar allegati żbalji ta’ evalwazzjoni tal-prattiki fir-rigward ta’ OEM u ta’ MSH, il-Qorti Ġenerali ċaħdet fl-intier tagħhom l-ilmenti invokati minn Intel dwar Dell, HP, NEC, Lenovo, Acer u MSH fil-punti 665, 894, 1032, 1221, 1371 u 1463 tas-sentenza inizjali.

53      Għal dak li jirrigwarda l-ħames motiv, li permezz tiegħu Intel ikkontestat l-eżistenza ta’ strateġija ġenerali maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punti 1551 u 1552 tas-sentenza inizjali, li l-Kummissjoni kienet, essenzjalment, uriet sal-grad rikjest mil-liġi t-tentattiv ta’ ħabi tan-natura antikompetittiva tal-prattiki ta’ Intel u l-implimentazzjoni ta’ strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien li kellha l-għan li tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-imsemmija mezzi ta’ bejgħ.

54      Għal dak li jirrigwarda s-sitt motiv, li jallega li l-Kummissjoni applikat b’mod żbaljat il-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Qorti Ġenerali qieset b’mod partikolari, fil-punt 1598 tas-sentenza inizjali, li la l-prinċipju ta’ ċertezza legali u lanqas il-prinċipju ta’ nulla poena sine lege ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tiddeċiedi li tadotta u li tapplika linji gwida ġodda għall-kalkolu tal-multi anki wara li jkun twettaq il-ksur. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali qieset, fl-imsemmi punt, li applikazzjoni effiċjenti tar-regoli tal-kompetizzjoni tiġġustifika li impriża għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà ta’ bidla tal-politika ġenerali tal-kompetizzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-multi fir-rigward kemm tal-metodu tal-kalkolu kif ukoll tal-livell tal-multi.

55      Dwar is-seba’ motiv, ibbażat fuq l-allegata assenza ta’ ksur tal-Artikolu 102 TFUE, b’mod intenzjonat jew b’negliġenza, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, essenzjalment, fil-punti 1602 u 1603 tas-sentenza inizjali, li Intel ma setgħetx ma jkollhiex għarfien tan-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha u li l-provi li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża kienu juru sal-grad rikjest mil-liġi li hija implimentat strateġija ġenerali fuq bażi twila ta’ żmien maħsuba sabiex tostakola l-aċċess ta’ AMD għall-mezzi ta’ bejgħ l-iktar importanti mill-perspettiva strateġika u li hija għamlet sforzi sabiex taħbi n-natura antikompetittiva tal-aġir tagħha.

56      Għal dak li jirrigwarda t-tmien motiv, ibbażat fuq in-natura allegatament sproporzjonata tal-multa imposta, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 1614 sa 1616 tas-sentenza inizjali, li l-prassi deċiżjonali preċedenti tal-Kummissjoni ma tistax isservi bħala qafas legali għal multi fil-qasam tal-kompetizzjoni u li, fi kwalunkwe każ, id-deċiżjonijiet invokati f’dan ir-rigward minn Intel ma humiex rilevanti fid-dawl tal-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li sostniet Intel, il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punti 1627 u 1628 tas-sentenza inizjali, li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-effett konkret tal-ksur fuq is-suq bil-għan li tiddetermina l-gravità tiegħu.

57      Fl-aħħar nett, għal dak li jirrigwarda d-disa’ motiv, intiż sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multa impost fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa tal-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar iddeċidiet b’mod partikolari, fil-punt 1647 tas-sentenza inizjali, li ma hemm xejn fl-ilmenti, fl-argumenti u fil-punti ta’ liġi u ta’ fatt ippreżentati minn Intel li jippermetti li jiġi konkluż li l-ammont tal-multa imposta kellha natura sproporzjonata. Fil-fatt, fl-imsemmi punt il-Qorti Ġenerali qieset li din il-multa kienet adatta għaċ-ċirkustanzi tal-każ u enfasizzat li hija kienet inferjuri sew għal-livell ta’ 10 % stabbilit mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

58      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis‑26 ta’ Awwissu 2014, ir-rikorrenti appellat mis-sentenza inizjali.

59      Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tqajjem sitt aggravji. Permezz tal-ewwel aggravju, Intel isostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi ma eżaminatx it-tnaqqis inkwistjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha. Permezz tat-tieni aggravju, Intel tinvoka żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tal-konstatazzjoni tal-ksur għall-2006 u l-2007, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni tal-kopertura tas-suq mit-tnaqqis inkwistjoni matul dawn is-sentejn. Permezz tat-tielet aggravju, Intel tallega żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tat-tnaqqis għal esklużività konkluż minn Intel ma’ HP u Lenovo. Permezz tar-raba’ aggravju, Intel tqis li l-Qorti Ġenerali kkonkludiet b’mod żbaljat li ma kienx hemm difett proċedurali sostanzjali li jaffettwa d-drittijiet tad-difiża tagħha, fit-trattament, mill-Kummissjoni, tal-intervista ma’ D1. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq applikazzjoni żbaljata mill-Qorti Ġenerali tal-kriterji dwar il-ġurisdizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ ftehimiet konklużi minn Intel ma’ Lenovo għall-2006 u l-2007. Fl-aħħar nett, permezz tas-sitt aggravju, Intel titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tannulla jew tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-prinċipju ta’ nuqqas ta’ retroattività tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

60      Il-Kummissjoni Ewropea talbet iċ-ċaħda tal-appell. Fir-rigward ta’ ACT, hija talbet li l-appell jintlaqa’ fl-intier tiegħu.

61      Permezz tas-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza fl-appell”, EU:C:2017:632), kif irrettifikata, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u bagħtet lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

62      Il-kawża ġiet assenjata lir-Raba’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali.

63      Fl‑14, fil‑15 u fis‑16 ta’ Novembru 2017, ACT, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ppreżentaw, rispettivament, l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom dwar ir-riferiment, skont l-Artikolu 217(1) tar-Regoli tal-Proċedura (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet prinċipali”).

64      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fl-osservazzjonijiet prinċipali rispettivi tagħhom jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti proċedurali ġiet ristretta għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma oġġezzjonawx f’dan ir-rigward.

65      Fl‑20 ta’ Frar 2018, ACT u, fil‑5 ta’ Marzu 2018, ir-rikorrenti kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw, rispettivament, osservazzjonijiet bil-miktub addizzjonali skont l-Artikolu 217(3) tar-Regoli tal-Proċedura (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet addizzjonali”).

66      Ir-rikorrenti u l-Kummissjoni talbu li ċerti elementi kunfidenzjali li jinsabu fl-osservazzjonijiet addizzjonali rispettivi tagħhom jiġu esklużi mill-komunikazzjoni lill-intervenjenti. Huma ppreżentaw verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-diversi atti proċedurali. Il-komunikazzjoni tal-imsemmija atti proċedurali ġiet ristretta għal din il-verżjoni mhux kunfidenzjali. L-intervenjenti ma oġġezzjonawx f’dan ir-rigward.

67      Fl-osservazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti, sostnuta minn ACT, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla totalment jew parzjalment id-deċiżjoni kkontestata;

–        sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas b’mod sostanzjali l-ammont tal-multa imposta;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

68      Fl-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni titlob, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

69      Permezz ta’ ittri tas‑7, tal‑15 u tat‑28 ta’ Ottubru 2019, Intel u l-Kummissjoni rrinunzjaw parzjalment għall-kunfidenzjalità għall-finijiet tas-seduta u tad-deċiżjoni li ttemm l-istanza, bil-kundizzjoni li ebda dokument kunfidenzjali ma jiġi nnotifikat lill-intervenjenti. Huma essenzjalment indikaw li d-data kollha tal-proċess setgħet tiġi diskussa f’seduta pubblika, b’żewġ eċċezzjonijiet, jiġifieri li l-Qorti Ġenerali tastjeni milli tiżvela dettalji dwar is-server [kunfidenzjali] u li l-ismijiet tal-persuni fiżiċi msemmija fin-noti ma jsirux pubbliċi.

70      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Jannar 2020, ACT talbet li tiġi awtorizzata tipparteċipa fil-parti tas-seduta li kellha tinżamm in camera minħabba l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li kellha tiġi diskussa, skont id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali tal‑10 ta’ Diċembru 2019.

71      Permezz ta’ ittra tas‑6 ta’ Marzu 2020, UFC informat lill-Qorti Ġenerali li hija kienet qiegħda tirrinunzja milli tipparteċipa fis-seduta prevista mill‑10 sat‑12 ta’ Marzu 2020 (iktar ’il quddiem is-“seduta tal-2020”).

72      Matul is-seduta tal‑2020, il-President tar-Raba’ Awla Estiża rrefera għall-ittra tas‑27 ta’ Jannar 2020 ippreżentata minn ACT, li permezz tagħha din tal-aħħar talbet li tipparteċipa fis-seduta li inizjalment kellha tinżamm in camera. Il-President tar-Raba’ Awla Estiża ddeċieda li jinkludi din l-ittra fil-proċess. Madankollu, peress li s-seduta tal‑2020 żvolġiet interament f’seduta pubblika, huwa indika li ma kienx għad hemm lok li tingħata risposta għat-talba ta’ ACT. Barra minn hekk, huwa kkonferma li l-ismijiet tal-persuni fiżiċi ma kinux ser jiġu żvelati f’seduta pubblika, u lanqas fid-deċiżjoni li ttemm l-istanza.

73      Wara l-mewt tal-Imħallef Berke, fl‑1 ta’ Awwissu 2021, it-tliet Imħallfin li l-firem tagħhom jidhru f’din is-sentenza, issoktaw bid-deliberazzjonijiet, konformement mal-Artikolu 22 u mal-Artikolu 24(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

 Id-dritt

 Fuq l-argumenti tal-partijiet dwar is-suġġett tal-kawża wara rinviju

74      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, permezz tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha ppreżentati skont l-Artikolu 217(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti rrinunzjat għall-motivi tar-rikors ibbażati fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni u fuq difetti proċedurali, li għalhekk ma għadhomx parti mis-suġġett tal-kawża wara rinviju.

75      Il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tal-kawża wara r-rinviju f’dak li jirrigwarda l-motivi l-oħra tar-rikors.

76      Ir-rikorrenti, sostnuta minn ACT, issostni, essenzjalment, li, fid-dawl tal-annullament tas-sentenza inizjali fl-intier tagħha, il-Qorti Ġenerali hija obbligata tagħti sentenza ġdida billi teżamina mill-ġdid l-argumenti u l-motivi kollha invokati fir-rikors tagħha minbarra dawk li hija rrinunzjat għalihom, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fl-appell. Hija żżid, minn naħa, li s-sentenza fl-appell tagħmel kjarifika sostanzjali tal-kuntest li fih il-provi fattwali u ekonomiċi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-fatt li l-ewwel aggravju ntlaqa’ neċessarjament għandu effett fuq l-evalwazzjoni ta’ dawn il-provi u tat-termini li bihom hija fformulata d-deċiżjoni kkontestata.

77      Għall-kuntrarju, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-konstatazzjonijiet tas-sentenza inizjali huma definittivi meta ma jkunux marbuta ma’ żball ta’ liġi rrilevat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fl-appell. Fil-fehma tagħha, dan huwa l-każ b’mod partikolari meta l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali ma jkunux ġew ikkontestati fil-kuntest tal-appell jew meta l-Qorti tal-Ġustizzja tkun ċaħdet il-kontestazzjoni tal-konstatazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza inizjali. Hija żżid, minn naħa, li mill-punti 147 u 149 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li l-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina fil-kuntest tar-rinviju biss il-kapaċità tat-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li mill-punti 109, 137 u 138 tas-sentenza fl-appell jirriżulta b’mod ċar li l-punt ta’ tluq ta’ dan l-eżami huwa l-konstatazzjoni fattwali mhux ikkontestata li t-tnaqqis inkwistjoni jikkostitwixxi tnaqqis għal fedeltà. Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni wkoll li, jekk il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li teżamina mill-ġdid il-motivi u l-argumenti kollha mqajma mir-rikorrenti fir-rikors tagħha, ma jkun hemm ebda raġuni għaliex il-Qorti Ġenerali tasal għal konklużjonijiet differenti minn dawk ifformulati fis-sentenza inizjali tagħha fuq il-kwistjonijiet li ma tqajmux fil-kuntest ta’ appell.

78      F’dan il-każ, l-ewwel, tqum għalhekk il-kwistjoni dwar jekk, fil-kuntest tar-rinviju, il-Qorti Ġenerali hijiex mill-ġdid adita bl-argumenti u l-motivi kollha mqajma mir-rikorrenti fir-rikors tagħha jew jekk, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, konstatazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza inizjali jistgħux jitqiesu li għandhom l-awtorità ta’ res judicata.

79      Ir-risposta għal din id-domanda hija, kif ġustament sostniet l-appellanti fis-seduta tal‑2020, iddeterminata mill-kliem tad-dispożittiv tas-sentenza fl-appell.

80      Fil-fatt, għandu jitfakkar li, wara l-annullament mill-Qorti tal-Ġustizzja u wara r-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar hija adita, skont l-Artikolu 215 tar-Regoli tal-Proċedura, permezz tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u għandha tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-motivi kollha għal annullament imqajma mir-rikorrenti, bl-esklużjoni tal-elementi tad-dispożittiv mhux annullati mill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll tal-kunsiderazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja tal-imsemmija elementi, peress li dawn saru res judicata (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 83).

81      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza fl-appell jipproċedi għall-annullament tas-sentenza inizjali fl-intier tagħha, peress li jistabbilixxi li din is-sentenza “hija annullata”.

82      Minn dan isegwi li, kif isostnu r-rikorrenti u ACT, il-Qorti Ġenerali għandha, f’dan il-każ, tiddeċiedi mill-ġdid fuq l-argumenti u l-motivi kollha tal-partijiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq u bbażati fuq il-kompetenza tal-Kummissjoni u fuq difetti proċedurali, li r-rikorrenti rrinunzjat espressament għalihom.

83      It-tieni, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta l-appell ikun fondat u l-kawża tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi dwar il-kawża, din tkun marbuta mill-punti ta’ liġi deċiżi bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, kif irrilevat il-Kummissjoni u kif enfasizzat, essenzjalment, ACT matul is-seduta tal‑2020, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li l-qorti tar-rinviju tagħmel l-istess evalwazzjoni bħal dik tal-qorti tal-ewwel istanza fir-rigward tal-argumenti u tal-motivi li ma kinux is-suġġett ta’ eżami fil-motivi tas-sentenza fl-appell. Fil-fatt, f’din l-ipoteżi, ma hemmx “punti ta’ liġi deċiżi bid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja”, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li jorbot lill-qorti tar-rinviju (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2011, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, T‑236/02, EU:T:2011:465, punt 86).

84      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-uniku żball li jiġġustifika l-annullament tas-sentenza inizjali huwa l-fatt li l-Qorti Ġenerali “astjeniet b’mod żbaljat, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, milli tieħu inkunsiderazzjoni l-argument ta’ Intel intiż li jesponi allegati żbalji mwettqa mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-test AEC” (sentenza fl-appell, punt 147).

85      Minn dan jirriżulta li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 80 u 83 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina fil-kuntest tal-kawża mibgħuta lura, il-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fid-dawl, minn naħa, tal-preċiżazzjonijiet li jinsabu fil-punti 133 u 141 tas-sentenza fl-appell, fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann‑La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36), u, min-naħa l-oħra, tal-osservazzjonijiet prinċipali u komplementari tal-partijiet fuq il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn dawn il-preċiżazzjonijiet. Għaldaqstant, għalkemm il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina l-argumenti ta’ Intel intiżi sabiex juru li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-analiżi tagħha AEC, hija tista’, għall-bqija, tirriproduċi f’isimha, fil-kuntest tal-eżami tagħha, il-konstatazzjonijiet kollha li ma humiex ikkontestati fil-kuntest tal-appell jew, fi kwalunkwe każ, dawk li jirrigwardaw “punti ta’ liġi mhux deċiżi” mis-sentenza fuq l-appell.

86      Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, tal-konstatazzjonijiet dwar il-klassifikazzjoni legali tal-prattiki msejħa restrizzjonijiet ovvji, taħt it-Titolu II “Fuq it-talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata”, punt A, intitolat “Kwistjonijiet orizzontali li jikkonċernaw l-evalwazzjonijiet legali magħmula mill-Kummissjoni”, punt 3, intitolat “Fuq il-klassifikazzjoni legali tal-prattiki msejħa “restrizzjonijiet ovvji”, tas-sentenza inizjali (punti 198 sa 220 tal-imsemmija sentenza), kif ukoll tal-konstatazzjonijiet tar-restrizzjonijiet ovvji u l-eżistenza ta’ tnaqqis ta’ esklużività, taħt it-Titolu II, punt D “Żbalji ta’ evalwazzjoni dwar il-prattiki marbuta ma’ diversi OEM u MSH” tas-sentenza inizjali (punti 437 sa 1522 tal-imsemmija sentenza).

87      Fir-rigward tal-konstatazzjonijiet dwar ir-restrizzjonijiet ovvji, Intel u ACT isostnu, fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħhom, li mis-sentenza fl-appell jirriżulta li l-Kummissjoni kellha teżamina, fid-deċiżjoni kkontestata, jekk ir-restrizzjonijiet ovvji setgħux jipproduċu l-effetti ta’ esklużjoni attribwiti lir-rikorrenti bl-applikazzjoni tal-elementi elenkati fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell u tat-test AEC. ACT iżżid li r-restrizzjonijiet ovvji jikkostitwixxu, fl-aħħar analiżi, forma ta’ tnaqqis jew ta’ ħlas ta’ esklużività u li l-prinċipju taċ-ċertezza legali jeżiġi li ma ssirx distinzjoni bejn dawn iż-żewġ prattiċi tariffarji.

88      Qabelxejn għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 1641 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ġiet stabbilita distinzjoni bejn l-azzjonijiet ta’ Intel fil-konfront ta’ Acer, HP u Lenovo, li huma kklassifikati bħala restrizzjonijiet ovvji, u l-aġir l-ieħor ta’ Intel, li min-naħa tiegħu jaqa’ taħt it-test AEC imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li din id-distinzjoni tirriżulta mill-fatt li r-restrizzjonijiet ovvji huma bbażati fuq żewġ pilastri, fejn it-tieni wieħed jiddistingwihom mill-azzjonijiet l-oħra ta’ Intel imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, minbarra l-fatt li ġew proposti tnaqqis jew ħlasijiet minn Intel lil OEM ikkonċernati (rispettivament HP, Acer u Lenovo), ġew mitluba astensjonijiet speċifiċi milli jaġixxu, bħala korrispettiv għall-imsemmija ħlasijiet, jiġifieri li jannullaw jew jirrestrinġu b’mod jew ieħor il-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti prodotti mgħammra b’CPU ta’ AMD.

89      B’mod iktar partikolari, kif dawn il-prattiki ġew deskritti mill-Qorti Ġenerali fil-punt 198 tas-sentenza inizjali, l-għoti tal-ħlasijiet minn Intel kien suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

–        fl-ewwel lok, HP kellha torjenta d-desktops tagħha maħsuba għal impriżi u mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD lejn l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju u l-klijenti tas-settur tal-gvern, edukattiv jew mediku, iktar milli lejn l-impriżi l-kbar;

–        fit-tieni lok, HP kellha tipprekludi lis-sħab tagħha tad-distribuzzjoni milli jistokkjaw id-desktops maħsuba għall-impriżi u mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD, b’tali mod li dawn il-kompjuters ikunu disponibbli biss għall-klijenti li jordnawhom mingħand HP direttament jew permezz tas-sħab ta’ distribuzzjoni ta’ HP li jeżerċitaw funzjoni ta’ aġenti kummerċjali;

–        fit-tielet lok, Acer, HP u Lenovo kellhom jipposponu jew jannullaw it-tnedija ta’ kompjuters mgħammra b’CPU ta’ AMD.

90      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, qabelxejn, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li xejn fis-sentenza fl-appell ma jippermetti li jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-metodu ddefinit fil-punti 138 et seq. tas-sentenza fl-appell għandu japplika wkoll għar-restrizzjonijiet ovvji. Bl-istess mod, bl-ebda mod ma jirriżulta minn din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja eżiġiet it-twettiq ta’ test AEC għar-restrizzjonijiet ovvji kif issostni l-appellanti fl-ewwel istanza. Għalkemm dawn il-prattiki kienu distinti b’mod ċar kemm fid-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni kif ukoll fis-sentenza inizjali tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li s-sentenza fl-appell ma analizzatx dawn il-prattiki bħala tali, iżda ssemmihom sempliċement fil-punti 11 u 15 tagħha, fil-kuntest tal-fatti li wasslu għall-kawża u tas-sommarju tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, mingħajr evalwazzjoni oħra.

91      Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni, il-mod kif il-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, ġabret fil-qosor l-ewwel aggravju tal-appell u, min-naħa l-oħra, immotivat l-evalwazzjoni tagħha fil-punti 137 et seq. tas-sentenza tagħha jikkorrobora l-argument li hija bl-ebda mod ma għamlet evalwazzjoni dwar ir-restrizzjonijiet ovvji inkwistjoni. Fil-fatt, mill-imsemmija punti jirriżulta mingħajr ambigwità li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet l-evalwazzjoni tagħha biss fuq it-tnaqqis għal fedeltà fis-sens tas-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36).

92      Dan jidher iktar evidenti mill-qari tal-punt 141 tas-sentenza fl-appell, li jgħid li “[j]ekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq [analiżi AEC], hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis ikkonċernata”. Fil-fatt, peress li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma wettqet analiżi AEC fir-rigward tar-restrizzjonijiet ovvji u peress li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ivvalidat dan l-approċċ fil-punti 198 sa 220 tas-sentenza inizjali, ma hemm l-ebda dubju li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha bħala għan it-“test ġuridiku” li għandu jiġi applikat għat-tnaqqis u ħlasijiet mogħtija rispettivament lill-OEM u lil MSH u mhux għar-restrizzjonijiet ovvji.

93      Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu Intel u ACT, mis-sentenza fl-appell ma jirriżultax li r-restrizzjonijiet ovvji għandhom ikunu suġġetti, fir-rigward tal-istabbiliment tan-natura abbużiva tiegħu, għall-istess prinċipji bħat-tnaqqis inkwistjoni.

94      Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li ssostni ACT, ir-restrizzjonijiet ovvji kif identifikati mill-Kummissjoni huma kkaratterizzati mill-fatt li dawn huma prattiki bbażati fuq żewġ pilastri, li t-tieni wieħed minnhom jiddistingwihom mill-azzjonijiet l-oħra ta’ Intel imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, kif ġie espost fil-punt 88 iktar ’il fuq. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludix li t-tnaqqis kundizzjonali u r-restrizzjonijiet ovvji jkunu suġġetti għal testijiet legali differenti, minħabba li distinzjoni bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ aġir ma tistax tiġi applikata b’mod koerenti mill-awtoritajiet u l-qrati kompetenti.

95      Fl-aħħar nett, fl-osservazzjonijiet prinċipali u komplementari tagħhom, Intel u ACT ma jsostnu ebda argument ta’ natura li juri li ċerti elementi fattwali eżaminati fis-sentenza inizjali u li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet ovvji għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid wara li l-kawża tintbagħat lura.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 198 sa 220, 799 sa 873, 1043 sa 1144, 1222 sa 1361 u 1371 tas-sentenza inizjali, biss sa fejn jikkonċernaw ir-restrizzjonijiet ovvji u n-natura illegali tagħhom fir-rigward tal-Artikolu 102 TFUE.

97      Fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala “tnaqqis għal esklużività” li jinsab taħt il-punt D tat-Titolu II tas-sentenza inizjali, il-Qorti Ġenerali tqis ukoll li dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni. L-ewwel, huma ma kinux is-suġġett ta’ eżami fil-motivi tas-sentenza fl-appell u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala punt ta’ liġi deċiż mid-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. It-tieni, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet il-Kummissjoni waqt is-seduta tal-2020, li r-rikorrenti ma ressqet ebda argument ta’ natura li juri li ċerti elementi fattwali eżaminati fis-sentenza inizjali għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala “tnaqqis għal esklużività” għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid, b’mod partikolari wara preċiżazzjonijiet magħmula fis-sentenza fl-appell fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36).

98      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kunsiderazzjonijiet li jinsabu taħt it-Titolu II, punt D tas-sentenza inizjali li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, kienet stabbilixxiet li, l-ewwel, ir-rikorrenti kienet indikat lil Dell li, minn Diċembru 2002 sa Diċembru 2005, il-livell inizjali ta’ tnaqqis mogħti bis-saħħa ta’ programm ta’ allinjament fuq il-kompetizzjoni (Meet Competition Programme) kien suġġett għal kundizzjoni ta’ esklużività (sentenza inizjali, punti 444 sa 584), it-tieni, iż-żewġ ftehimiet konklużi bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 (iktar ’il quddiem il-“ftehimiet HPA”) kienu jikkonsistu fi tnaqqis ta’ esklużività (sentenza inizjali, punti 673 sa 798), it-tielet, ir-rikorrenti kienet tat tnaqqis ta’ esklużività lil NEC bejn Ottubru 2002 u Novembru 2005 (sentenza inizjali, punti 900 sa 1018), ir-raba’, ir-rikorrenti u Lenovo kienu kkonkludew dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, il-Memorandum of Understanding tal‑2007 (iktar ’il quddiem il-“MoU 2007”), li ġie suġġett għal kundizzjoni mhux miktuba ta’ esklużività (sentenza inizjali, punti 1045 sa 1208) u, il-ħames, ir-rikorrenti għamlet pagamenti bejn Ottubru 2002 u Diċembru 2007 li l-livell tagħhom kien ikkundizzjonat għall-fatt li MSH tbigħ esklużivament kompjuters mgħammra b’CPU ta’ Intel (sentenza inizjali, punti 1372 sa 1502).

99      Għandu jingħad ukoll li l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq huma riprodotti bla ħsara għal żewġ preċiżazzjonijiet.

100    Qabelxejn, il-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 98 iktar’ il fuq li skonthom il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikkwantifika b’mod eżatt il-parti tat-tnaqqis li jikkostitwixxi l-korrispettiv għal esklużività (sentenza inizjali, punti 453, 538, 916 u 1500) jgħoddu biss sa fejn dawn jintervjenu insostenn tal-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala “tnaqqis għal esklużività”.

101    Sussegwentement, peress li l-Qorti Ġenerali hija marbuta mill-punt ta’ liġi deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza fl-appell espost fil-punt 84 iktar ’il fuq, hija tirrikonoxxi l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li minnhom jirriżulta, minn naħa, li l-applikazzjoni tat-test AEC ma kinitx neċessarja fil-kuntest tal-analiżi tal-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, min-naħa l-oħra, li l-klassifikazzjoni tat-tnaqqis inkwistjoni bħala tnaqqis għal esklużività kienet biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati wkoll bħala abbużivi abbażi tal-Artikolu 102 TFUE.

102    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies, b’risposta għall-argumenti tal-partijiet, li s-suġġett tat-tilwima jirrigwarda, essenzjalment, l-analiżi mill-Qorti Ġenerali tal-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fid-dawl, minn naħa, tal-preċiżazzjonijiet magħmula fir-rigward tal-prinċipji stabbiliti fis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36), li jinsabu fil-punti 133 et seq. tas-sentenza fl-appell u, min-naħa l-oħra, tal-osservazzjonijiet tal-partijiet dwar il-konklużjonijiet li għandhom jinsiltu minn dawn il-preċiżazzjonijiet.

 Fuq l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti li jinsabu fl-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti u taACT

103    Fl-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti huma fil-parti l-kbira inammissibbli jew, minn tal-inqas, irrilevanti. Fil-fehma tagħha, ir-rwol veru tal-osservazzjonijiet ifformulati skont l-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura huwa li jiġu kkummentati l-effetti li s-sentenza fl-appell għandha fil-kuntest tar-rinviju. Issa, fid-dawl tal-fatt li fis-sentenza fl-appell ġie meqjus li l-assenza ta’ eżami tal-argumenti mressqa minn Intel dwar it-test AEC kienet żball, iżda li ebda konklużjoni ma ġiet misluta fir-rigward tal-fondatezza tat-test AEC li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, ma hemm xejn fis-sentenza fl-appell li jiġġustifika li r-rikorrenti stabbilixxiet il-parti essenzjali tal-osservazzjonijiet tagħha li tirrepeti l-argumenti mressqa dwar it-test AEC.

104    Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-sentenza fl-appell ma tikkostitwixxix element ġdid li jiġġustifika li r-rikorrenti tista’ tbiddel jew testendi l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza inizjali u ssostni, f’dan ir-rigward, li ċerti argumenti li jinsabu fl-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti jew tal-ACT huma inammissibbli.

105    F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita li tgħid li, skont l-Artikolu 76(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha l-obbligu li tiddefinixxi s-suġġett tal-kawża u li tippreżenta t-talbiet tagħha fl-att promotur. Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, applikabbli skont l-Artikolu 218 ta’ l-istess regoli meta din il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi, bħal dan il-każ, sentenza ta’ rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, ebda raġuni ma tista’ tiġi ppreżentata matul il-kawża sakemm din ir-raġuni ma tkunx ibbażata fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Għalkemm l-Artikolu 84(2) tal-imsemmi regolament jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi, il-produzzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża, din id-dispożizzjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lir-rikorrenti tressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni talbiet ġodda u tibdel għalhekk is-suġġett tal-kawża jew in-natura tar-rikors (sentenzi tal‑20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il-Parlament, T‑89/07, EU:T:2009:163, punt 110, u tat‑13 ta’ Ġunju 2012, Insula vs Il-Kummissjoni, T‑246/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:287, punti 100 u 103).

106    Minn dan jirriżulta li, wara s-sentenza ta’ rinviju tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-partijiet ma’ jistgħux, bħala prinċipju, jinvokaw motivi li ma kinux ġew issollevati matul il-proċedura li tat lok għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali annullata mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2008, Chronopost u La Poste vs UFEX et, C‑341/06 P u C‑342/06 P, EU:C:2008:375, punt 71). Huwa biss motiv li jikkostitwixxi estensjoni ta’ motiv imressaq preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li jkun marbut mill-qrib ma’ dan il-motiv, li għandu jiġi ddikjarat ammissibbli (sentenza tal‑11 ta’ Marzu 2020, Il-Kummissjoni vs Gmina Miasto Gdynia u Port Lotniczy Gdynia Kosakowo, C‑56/18 P, EU:C:2020:192, punt 66).

107    Għandu jitfakkar ukoll li huma biss l-argumenti ta’ intervenjent li jaqgħu fil-kuntest iddefinit mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet prinċipali li huma ammissibbli (sentenza tal‑4 ta’ Frar 2020, Uniwersytet Wrocławski u Il-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, EU:C:2020:73, punt 51).

108    F’dan il-każ, ir-rikors fil-Kawża T‑286/09 ġie ddelimitat abbażi tar-rikors, imsemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fir-rikors, ir-rikorrenti sostniet li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kienet wettqet sensiela ta’ “żbalji manifesti” fl-applikazzjoni tat-test AEC, u sussegwentement spjegat fid-dettall l-allegazzjonijiet tagħha dwar l-imsemmija żbalji fir-rigward tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet mogħtija rispettivament lil Dell, lil Lenovo, lil HP, lil NEC u lil MSH. Għaldaqstant, l-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura ma jipprekludix li r-rikorrenti tistabbilixxi l-parti essenzjali tal-osservazzjonijiet prinċipali tagħha li tirrepeti l-argumenti tar-rikors dwar it-test AEC, jew anki li twettaq amplifikazzjoni tal-imsemmija argumenti. Fil-fatt, tali prassi ma tistax tiġi assimilata mal-preżentata ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża.

110    F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi miċħud l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq l-Artikolu 217 tar-Regoli tal-Proċedura li jgħid li l-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti huma fil-parti l-kbira inammissibbli jew, minn tal-inqas, irrilevanti.

111    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament issostni li, minkejja l-fatt li, skont l-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti Ġenerali hija marbuta bl-interpretazzjoni tad-dritt magħmula mis-sentenza mogħtija fl-appell, xorta jibqa’ l-fatt li l-Qorti Ġenerali hija wkoll marbuta bil-motivi mqajma mill-appellanti fir-rikors u li l-appell ma jikkostitwixxix, bħala tali, element ġdid li jiġġustifika modifika jew estensjoni tal-ilmenti ta’ Intel kontra d-deċiżjoni kkontestata. Huwa wkoll ġustament li l-Kummissjoni ssostni li l-ACT ma tistax issostni, wara r-rinviju, argumenti in sostenn tar-rikorrenti li ma jikkorrispondux ma’ motivi mqajma minn din ta’ l-aħħar fir-rikors.

112    L-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni li ċerti argumenti fformulati fl-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti jew fl-osservazzjonijiet prinċipali tal-ACT biddlu jew estendew l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza oriġinali ser ikunu, jekk dan jirriżulta neċessarju għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta’ din il-kawża, eżaminati sussegwentement f’din is-sentenza (ara b’mod partikolari l-punti 401 u 506 iktar ’il quddiem).

 Fuq il-mertu

 Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

113    Ir-rikorrenti, sostnuta minn ACT, issostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata, minħabba li, l-ewwel, hija bbażata fuq analiżi ġuridika żbaljata, it-tieni, hija ma analizzatx debitament u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell u, it-tielet, hija tinkludi analiżi AEC ivvizzjata b’diversi żbalji.

114    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata għandha tinżamm fl-intier tagħha, minħabba li, l-ewwel, hija konformi mal-approċċ adottat mis-sentenza fl-appell, it-tieni, hija ħadet inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha msemmija fil-punt 139 ta’ din is-sentenza u, it-tielet, l-analiżi AEC ma hija vvizzjata minn ebda żball.

115    F’dan il-każ, kif ġie ppreċiżat fil-punt 102 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina, fid-dawl tas-sentenza fl-appell, il-fondatezza tal-motivi u tal-argumenti invokati mill-appellanti sabiex tiċħad il-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni. Għal dan il-għan, hemm lok, l-ewwel, li jitfakkar il-metodu ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġi analizzat jekk tnaqqis, bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ, jistax jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, fit-tieni lok, li minnu jinsiltu t-tagħlim prinċipali.

I.      Fuq il-metodu ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis li tirrestrinġi l-kompetizzjoni

116    Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret, fil-punti 133 sa 137 tas-sentenza fl-appell, liema kienu n-natura u l-għan tal-Artikolu 102 TFUE. Billi rreferiet b’mod partikolari għas-sentenza tas‑27 ta’ Marzu 2012, Post Danmark (C‑209/10, EU:C:2012:172), il-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, enfasizzat li l-kompetizzjoni fuq il-merti setgħet twassal sabiex teskludi mis-suq il-kompetituri inqas effiċjenti (sentenza fl-appell, punt 134), filwaqt li fakkret ir-responsabbiltà partikolari li kienet taqa’ fuq l-impriżi f’pożizzjoni dominanti sabiex ma tippreġudikax kompetizzjoni effettiva u mhux distorta (sentenza fl-appell, punt 135). Barra minn hekk, hija enfasizzat li kull kompetizzjoni fil-prezzijiet ma setgħetx titqies bħala leġittima (sentenza fl-appell, punt 136).

117    Fit-tieni lok, fil-punt 137 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret il-ġurisprudenza stabbilita tagħha li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36) (iktar ’il quddiem il-“ġurisprudenza Hoffmann-La Roche”), li tgħid li, essenzjalment, it-tnaqqis għal fedeltà kien jikkostitwixxi sfruttament abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE.

118    Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu ddeċidiet, fil-punt 138 tas-sentenza fl-appell, li l-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche għandha tiġi ċċarata iktar fil-każ fejn l-impriża kkonċernata ssostni, matul il-proċedura amministrattiva u abbażi ta’ provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi effetti ta’ esklużjoni allegati.

119    F’tali sitwazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat, fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell, liema kienu l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni mhux biss hija obbligata tanalizza, minn naħa, l-importanza tal-pożizzjoni dominanti tal-impriża fis-suq rilevanti u, min-naħa l-oħra, ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif ukoll il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet għall-għoti tat-tnaqqis inkwistjoni, it-tul tiegħu u l-ammont tiegħu, iżda hija obbligata wkoll tevalwa l-eżistenza eventwali ta’ strateġija intiża li teskludi l-kompetituri li tal-inqas huma daqstant effiċjenti.

120    Fir-raba’ lok, fil-punt 141 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, “jekk, f’deċiżjoni li tikkonstata n-natura abbużiva ta’ sistema ta’ tnaqqis, il-Kummissjoni twettaq tali [analiżi tal-kapaċità ta’ esklużjoni], hija l-Qorti Ġenerali li għandha teżamina l-argumenti kollha tar-rikorrent intiżi li jqiegħdu inkwistjoni l-fondatezza tal-konstatazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis ikkonċernata”.

121    Fir-raba’ lok, fil-punt 142 tas-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, minkejja li l-Kummissjoni enfasizzat fid-deċiżjoni kkontestata li t-“tnaqqis [inkwistjoni] kellu, min-natura tiegħu stess, il-kapaċità li jirrestrinġi il-kompetizzjoni b’mod li analiżi taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u, b’mod partikolari, test AEC ma kinux neċessarji sabiex jiġi kkonstatat abbuż minn pożizzjoni dominanti (ara, b’mod partikolari, il-punti 925 u 1760 ta’ din id-deċiżjoni), wettqet xorta waħda eżami fil-fond ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, billi pprovdiet, fil-punti 1002 sa 1576 ta’ din id-deċiżjoni, żviluppi ddettaljati ħafna fir-rigward tal-analiżi tagħha mwettqa fil-kuntest tat-test AEC, liema analiżi wasslitha sabiex tikkonkludi, fil-punti 1574 u 1575 tal-imsemmija deċiżjoni, li kompetitur daqstant effettiv kien ikollu joffru prezzijiet li ma kinux vijabbli u li, għaldaqstant, il-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni seta’ jkollha effetti ta’ esklużjoni ta’ tali kompetitur”.

122    Din hija r-raġuni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punti 143 u 144 tas-sentenza fl-appell, li, peress li t-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika tat-tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti, il-Qorti Ġenerali kienet obbligata teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel dwar it-test AEC applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, ħaġa li hija naqset milli tagħmel.

II.    Fuq il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza mogħtija fl-appell

123    Hemm lok li jiġi rrilevat, bħalma jagħmlu l-partijiet, li s-sentenza fl-appell tippreċiża l-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche, li minnha jistgħu jinsiltu tliet punti.

124    L-ewwel, mill-punti 137 u 138 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li, għalkemm sistema ta’ tnaqqis stabbilita minn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, peress li, fid-dawl tan-natura tagħha, l-effetti restrittivi tagħha fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu preżunti, xorta jibqa’ l-fatt li din hija, f’dan ir-rigward, preżunzjoni sempliċi u mhux ksur per se tal-Artikolu 102 TFUE, li teħles lill-Kummissjoni f’kull każ milli teżamina l-effetti tiegħu.

125    It-tieni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn impriża f’pożizzjoni dominanti “tipproduċi, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni [li huma allegati fil-konfront tagħha]”, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni tas-sistema ta’ tnaqqis billi tapplika l-ħames kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell (ara l-punt 119 iktar ’il fuq). Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-punt 139 tas-sentenza fl-appell, il-Kummissjoni hija, tal-inqas, obbligata teżamina dawn il-ħames kriterji sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ esklużjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis, bħal dik inkwistjoni, f’dan il-każ.

126    Fl-aħħar u t-tielet, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx li test AEC kellu neċessarjament jitwettaq sabiex tiġi eżaminata l-kapaċità ta’ esklużjoni ta’ kull sistema ta’ tnaqqis, mis-sentenza fl-appell jirriżulta, essenzjalment, li, meta test AEC twettaq mill-Kummissjoni, dan jagħmel parti mill-elementi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-kapaċità tas-sistema ta’ tnaqqis li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

127    Huwa fid-dawl ta’ dan it-tagħlim u tal-metodu ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja li l-Qorti Ġenerali ser teżamina l-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrenti sabiex tikkontesta l-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, billi tibda qabelxejn bl-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti u tal-ACT li, essenzjalment, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq analiżi legali żbaljata li tista’, waħedha, twassal għall-annullament tagħha.

III. Fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti u ACT

A.      Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq analiżi ġuridika żbaljata

128    L-ewwel, kif sostnew fl-ewwel istanza, ir-rikorrenti u ACT isostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq analiżi ġuridika vvizzjata bi żball fundamentali li kellu konsegwenzi fuq id-deċiżjoni kkontestata kollha u għandha, waħedha, twassal għall-annullament tagħha.

129    Skont ir-rikorrenti u ACT, il-konstatazzjoni ta’ ksur fid-deċiżjoni kkontestata tista’ tiġi sostnuta biss jekk jista’ jintwera li hija bbażata fuq analiżi ġuridika li tikkorrispondi għal dik deskritta fil-punti 138 u 139 tas-sentenza fl-appell. Madankollu, fil-fehma tagħhom, ma hemm l-ebda dubju li dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża. Fil-fatt, minflok ma interpretat il-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche, fis-sens li hija toħloq sempliċi preżunzjoni ta’ illegalità, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li t-tnaqqis inkwistjoni kien min-natura tiegħu abbużiv, b’tali mod li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat u, a fortiori, li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ esklużjoni tiegħu sabiex jiġi konkluż li dan huwa ta’ natura abbużiva.

130    It-tieni, ACT iżżid, essenzjalment, li, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi konstatazzjonijiet dwar il-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, tali konstatazzjonijiet addizzjonali bl-ebda mod ma jagħmlu parti mill-analiżi legali mwettqa sabiex jiġi stabbilit li dan it-tnaqqis kien abbużiv u kien jikser l-Artikolu 102 TFUE. Barra minn hekk, hija tosserva li l-Kummissjoni qieset li kriterji bħall-kopertura tas-suq, it-tul tat-tnaqqis u l-ammont tiegħu ma kinux rilevanti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż, li jikkonfermaw li ma kinux ittieħdu inkunsiderazzjoni għal dan il-għan. Issa, fid-dawl tal-metodu ddefinit fis-sentenza fl-appell, dan huwa suffiċjenti sabiex jitqies li l-analiżi kollha tad-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball, li jiġġustifika l-annullament tagħha.

131    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq analiżi ġuridika żbaljata li tista’, waħedha, twassal għall-annullament tagħha.

132    Matul is-seduta tal‑2020, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni essenzjalment enfasizzat li d-deċiżjoni kkontestata kienet ibbażata prinċipalment fuq interpretazzjoni klassika tal-ġurisprudenza Hoffman-La Roche. Huwa għalhekk li hija sostniet fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza li d-deċiżjoni kkontestata ma kellhiex bżonn tibbaża ruħha fuq it-test AEC, minħabba li dan kien irrilevanti. Madankollu, hija osservat li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet indikat, fil-punt 143 tas-sentenza fl-appell, li t-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni tagħha tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti, li kien koerenti mal-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni essenzjalment osservat li, minkejja li hija ma bbażatx ruħha fl-ewwel lok fuq it-test AEC fid-deċiżjoni kkontestata, dan it-test kien twettaq b’mod komplementari u kien ippermetta li jintwera li t-tnaqqis inkwistjoni kien kapaċi jwassal għal esklużjoni antikompetittiva.

133    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li huwa paċifiku, f’dan il-każ, li l-appellanti pproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li tipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni attribwiti lilha, li jobbliga lill-Kummissjoni, kif jirriżulta mill-punti 138 u 139 tas-sentenza fl-appell, tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni mis-sistema ta’ tnaqqis. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li mill-premessi 920 sa 926, 950, 972, 981, 989, 1000 u 1001 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll mill-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza u waqt is-seduta tal-2020 jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36), ma kienx neċessarju li tintwera kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis inkwistjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE, peress li dawn tal-aħħar kienu min-natura tagħhom antikompetittivi.

134    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-premessi msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata, li kollha jinsabu fil-parti ta’ din id-deċiżjoni li tittratta l-kundizzjonalità tat-tnaqqis u qabel l-analiżi AEC, il-Kummissjoni indikat b’mod partikolari fil-premessa 923 tad-deċiżjoni kkontestata li, “[k]untrarjament għal dak li [kienet] issostni Intel, il-prova ta’ esklużjoni reali ma [kellhiex] tiġi prodotta” u li, “[b]arra minn hekk, ksur tal-Artikolu [102 TFUE] [seta’] jirriżulta wkoll mill-għan antikompetittiv tal-prattiki ta’ impriża dominanti”.

135    Barra minn hekk, fil-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat is-segwenti:

“Jekk il-konstatazzjonijiet preċedenti huma, fl-assenza ta’ kwalunkwe ġustifikazzjoni oġġettiva, fihom infushom suffiċjenti sabiex jiġi kkonstatat ksur skont l-Artikolu [102 TFUE] konformement mal-ġurisprudenza, il-Kummissjoni ser turi wkoll, fit-Taqsimiet 4.2.3 sa 4.2.6, li, minbarra li tissodisfa l-kundizzjonijiet iddefiniti mill-ġurisprudenza msemmija fil-premessi 920, 921 u 923, it-tnaqqis kundizzjonali li Intel tat il-kunsens tagħha lil Dell, HP, NEC u Lenovo, u l-ħlasijiet kundizzjonali konċessi lil MSH, kienu fil-fatt f’pożizzjoni li jistgħu jipproduċu jew jistgħu jikkawżaw dannu lil Dell, HP, NEC u Lenovo, u l-ħlasijiet kundizzjonali konċessi lil MSH. Għalkemm mhux indispensabbli għall-konstatazzjoni ta’ ksur tal-Artikolu [102 TFUE], il-possibbiltà li jintwera li l-prattiki ta’ Intel kienu kapaċi jew setgħu jipprovokaw l-esklużjoni tal-kompetituri twassal għal analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti (Taqsima 4.2.3). Abbażi tar-riżultati ta’ din l-analiżi u tal-provi kwalitattivi u kwantitattivi (Taqsimiet 4.2.4 u 4.2.5), u fid-dawl tal-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva u ta’ żieda fl-effiċjenza (Taqsima 4.2.6), il-Kummissjoni tikkonkludi li t-tnaqqis kundizzjonali mogħti minn Intel lil Dell, HP, NEC u Lenovo, kif ukoll il-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel lil MSH, kienu jikkostitwixxu prattika abbużiva skont l-Artikolu [102 TFUE] li jistħoqqlu attenzjoni partikolari tal-Kummissjoni.”

136    Fil-premessa 926 tad-deċiżjoni kkontestata, li introduċiet l-analiżi tan-natura u tal-funzjonament tat-tnaqqis imwettaq mill-Kummissjoni, huwa indikat b’mod partikolari li, “minkejja li dan ma huwiex indispensabbli skont il-ġurisprudenza msemmija fil-premessi 920, 921 u 923 [tal-imsemmija deċiżjoni], il-Kummissjoni turi li s-sistemi ta’ tnaqqis kundizzjonali kienu jipprekludu jew jirrendu iktar diffiċli għal kull wieħed minn dawn l-OEMs milli jixtru l-provvisti tagħhom mingħand AMD b’CPUs x86 [u] turi b’liema mod il-ħlasijiet mogħtija lil MSH kienu jipprekludu jew jagħmlu iktar diffiċli l-bejgħ minn MSH ta’ kompjuters mgħammra b’[CPU] ta’ AMD”.

137    Fir-rigward tal-premessi 950 (dwar Dell), 972 (dwar HP), 981 (dwar NEC), 989 (dwar Lenovo) u 1000 (dwar MSH) tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonkludu l-analiżi tal-kundizzjonalità tat-tnaqqis mogħti lil kull OEM jew lil MSH, il-Kummissjoni sistematikament qieset, qabelxejn, li kien hemm lok li jitqies li l-ammont tat-tnaqqis jew tal-ħlasijiet mogħti minn Intel lil dawn l-OEM jew lil MSH kien de facto marbut mal-kundizzjoni li huma li huma jiksbu l-bżonnijiet tagħhom kollha ta’ CPUs x86 mingħand Intel, sussegwentement, li dan it-tnaqqis jew dawn il-ħlasijiet kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza msemmija fil-premessi 920, 921 u 923 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex jikklassifikawhom bħala abbużivi u, fl-aħħar, li dan it-tnaqqis jew dawn il-ħlasijiet kellhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà tal-OEM jew ta’ MSH li jagħżlu s-sors tagħhom ta’ provvista ta’ CPUs x86 u li jipprekludu kompetituri oħra milli jipprovdu dawn l-OEM jew MSH b’CPU x86.

138    Fl-aħħar, fil-premessa 1001 tad-deċiżjoni kkontestata, li tikkonkludi l-analiżi tat-Taqsima 4.2.2, intitolata, “Natura u funzjonament tat-tnaqqis”, il-Kummissjoni qieset dan li ġej:

“Fid-dawl tal-provi ppreżentati fit-taqsimiet 4.2.2.2 sa 4.2.2.6 [li jirrigwardaw in-natura u l-funzjonament tat-tnaqqis għall-OEM u MSH] u tal-ġurisprudenza mfakkra fit-Taqsima 4.2.1 [jiġifieri l-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche], ġie konkluż li t-tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell, HP u NEC, tar-raba’ trimestru tal‑2002 sa Diċembru 2005, kien de facto marbut mal-kundizzjoni li dawn il-klijenti jiksbu l-provvisti tagħhom ta’ CPUs x86 esklużivament (Dell) jew, f’segmenti rilevanti, kważi esklużivament (HP u NEC), mingħand Intel [...]. It-tnaqqis u l-pagamenti inkwistjoni kienu jikkostitwixxu tnaqqis ta’ fedeltà li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ġurisprudenza rilevanti sabiex jiġi kklassifikati bħala abbużivi (ara l-premessi 920, 921 u 923). Barra minn hekk, huma kellhom l-effett li jirrestrinġu l-libertà tal-għażla tal-OEMs informatiċi rispettivi u ta’ MSH.”

139    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha fl-ewwel istanza u waqt is-seduta tal‑2020, il-Kummissjoni indikat, l-ewwel, fil-punt 144 tar-risposta, dan li ġej:

“Kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti [...], mill-istruttura u mit-test tad-deċiżjoni jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tipprova l-effetti potenzjali tal-prattiki ta’ Intel. Il-premessi 920 sa 925 jispjegaw b’mod ċar ħafna r-rwol tal-analiżi AEC fil-kuntest tad-deċiżjoni [kkontestata], li ma jħallu ebda dubju dwar il-fatt li l-analiżi tal-premessi preċedenti tistabbilixxi, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, in-natura illegali tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività ta’ Intel, sa fejn dawn jikkostitwixxu tnaqqis għal fedeltà fis-sens [tal-ġurisprudenza] Hoffmann-La Roche u jsegwu għan antikompetittiv jew jagħmlu parti minn strateġija antikompetittiva. Għal kull waħda minn dawn ir-raġunijiet, id-deċiżjoni [kkontestata] tikkonkludi (fil-premessa 925) li ma kienx neċessarju li jiġi stabbilit l-effett potenzjali ta’ esklużjoni tat-tnaqqis u tal-ħlasijiet għal esklużività ta’ Intel sabiex jiġi ddeterminat li dawn il-prattiki kienu jmorru kontra l-Artikolu 102 [TFUE].”

140    It-tieni, fil-punt 145 tar-risposta, hija enfasizzat li d-“deċiżjoni kkontestata (fil-premessa 925) [kellha] b’mod ċar [li hija] tistabbilixxi l-effetti potenzjali tat-tnaqqis ta’ Intel biss sabiex turi li dawn il-prattiki kienu jistħoqqilhom attenzjoni partikolari”.

141    It-tielet, fil-punt 283 tar-risposta, il-Kummissjoni sostniet li, “kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, [hija] ma kinitx obbligata turi li t-tnaqqis għal esklużività ta’ Intel kien f’pożizzjoni li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti” u li, “[b]’ hekk kif imsemmi fil-premessi 925 u 926 tad-deċiżjoni [kkontestata], il-konstatazzjonijiet [tagħha] dwar l-effetti potenzjali tat-tnaqqis għal esklużività ta’ Intel fis-suq ma kinux jagħmlu parti mill-analiżi legali mwettqa sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva tiegħu, iżda pjuttost wieħed mill-fatturi li [kienu] wassluha sabiex tikkonkludi li l-ksur kien jimmerita l-attenzjoni partikolari tagħha”.

142    Ir-raba’, fil-punt 109 tal-kontroreplika, il-Kummissjoni rrilevat li, “[m]ingħajr indikat fid-deċiżjoni [kkontestata], l-isforzi ddedikati għall-analiżi [AEC] ma kellhomx jitqiesu bħala indikazzjoni [li hija] kellha l-intenzjoni li titbiegħed minn ġurisprudenza għal żmien twil dwar it-tnaqqis għal fedeltà”.

143    Fl-aħħar, il-ħames, fir-rigward tar-rata ta’ kopertura, tat-tul u tal-ammont tat-tnaqqis, il-Kummissjoni, qabelxejn, enfasizzat fil-punt 68 tar-risposta li l-“kwistjoni li [kienet] Intel dwar it-tul [tagħha] ma [kinitx] rilevanti fid-dritt”, peress li, “[fil-fatt, id-deċiżjoni fil-kawża Hoffmann-La Roche ma [kinitx] ikkunsidrat it-tul bħala fattur rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni [tagħha] tan-natura abbużiva tal-aġir”. Sussegwentement, fil-punt 166 tar-risposta, hija rrilevat li “l-argument tar-rikorrenti [li hija naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-portata tat-tnaqqis] [kien] imur lil hinn mill-mira tagħha [minħabba li,] kif intqal fil-premessa 1620 [tad-deċiżjoni kkontestata], dan ma [kienx] il-portata tat-tnaqqis li [kien] ikkontestat fid-deċiżjoni iżda l-esklużività li bħala korrispettiv tagħha [kienu] ġew segwiti, bl-istess mod bħall-għan antikompetittiv.” Fl-aħħar nett, fil-punti 169 u 170 tal-istess risposta, il-Kummissjoni sostniet li, “[i] Intel [kienet] qed issostni li t-tnaqqis għal esklużività tagħha [kien] jirrestrinġi l-kompetizzjoni biss għal ċerti tipi [ta’ CPU] x86, [hija] [kienet mistennija] pjuttost issib tali proposti fis-sezzjoni tar-rikors iddedikata għall-ammont tal-multi”, peress li “ma hemm xejn fil-ġurisprudenza dwar it-tnaqqis għal fedeltà li [kien] jirrappreżenta biss in-natura illegali tiegħu”.

144    Għalhekk mill-punti 134 sa 143 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni ddeduċiet mill-ġurisprudenza Hoffmann-La Roche, l-ewwel, li t-tnaqqis inkwistjoni kien min-natura antikompetittiv, b’tali mod li ma kien hemm l-ebda neċessità li tintwera kapaċità ta’ esklużjoni sabiex jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 102 TFUE. It-tieni, minkejja li d-deċiżjoni kkontestata tinkludi analiżi addizzjonali tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-imsemmi tnaqqis, il-Kummissjoni qieset li, skont din il-ġurisprudenza, hija ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni din l-analiżi sabiex tikkonkludi li dan it-tnaqqis huwa ta’ natura abbużiva. Fl-aħħar nett, it-tielet, dejjem billi bbażat ruħha fuq din l-istess ġurisprudenza, il-Kummissjoni b’mod partikolari qieset ċertu numru ta’ kriterji sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ abbuż, b’mod partikolari, irrilevanti.

145    Għandu jiġi kkonstatat li din il-pożizzjoni ma hijiex konformi mal-ġurisprudenza Hoffman-La Roche, kif ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 137 sa 139 tas-sentenza fl-appell. Għaldaqstant, għandu jitqies li r-rikorrenti u ACT isostnu ġustament li, billi telqet mill-premessa li, essenzjalment, il-ġurisprudenza Hoffman-La Roche tippermettilha tillimita ruħha li tikkonstata li t-tnaqqis inkwistjoni jikser l-Artikolu 102 TFUE, minħabba li kien, min-natura tiegħu, abbużiv, mingħajr ma neċessarjament jieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċità ta’ dan it-tnaqqis li jirrestrinġi l-kompetizzjoni sabiex jikkonkludi li dan kien ta’ natura abbużiva, il-Kummissjoni vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata bi żball ta’ liġi.

146    Huwa minnu li l-Kummissjoni affermat fil-premessa 925 tad-deċiżjoni kkontestata li hija kienet uriet ukoll li t-tnaqqis li Intel kienet tat lill-OEM kif ukoll il-ħlasijiet kundizzjonali mogħtija lil MSH kienu f’pożizzjoni jew setgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni billi twettaq analiżi AEC, esposta fit-Taqsima 4.2.3 tad-deċiżjoni kkontestata, u billi ħadet inkunsiderazzjoni provi kwalitattivi u kwantitattivi, esposti fit-Taqsimiet 4.2.4 u 4.2.5 ta’ din l-istess deċiżjoni. Madankollu, għandu jiġi rrilevat li mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-konstatazzjonijiet magħmula fit-Taqsimiet 4.2.3 sa 4.2.5 tad-deċiżjoni kkontestata ma tqisux bħala neċessarji għall-analiżi legali mwettqa sabiex tiġi stabbilita n-natura abbużiva tal-prattiki ta’ Intel.

147    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, qieset li t-test AEC ma kienx neċessarju għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva tal-prattiki ta’ Intel u sabiex jiġi konkluż li l-imsemmija prattiki huma ta’ natura abbużiva.

148    F’dan ir-rigward, għandu jiġi miċħud l-argument invokat mill-Kummissjoni waqt is-seduta tal‑2020 li skontu, essenzjalment, din il-konklużjoni tikkontradixxi l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja affermat, fil-punt 143 tas-sentenza fl-appell, li t-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti. Fil-fatt, moqri fid-dawl tal-punt 142 tas-sentenza fl-appell, l-imsemmi punt 143 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet l-importanza tat-test AEC fid-dawl tal-iżviluppi ddettaljati u tan-numru ta’ premessi ddedikati għat-test fid-deċiżjoni kkontestata. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li timplika l-Kummissjoni, il-kliem tal-punt 143 tas-sentenza fl-appell ma jikkorroborax l-argument li, essenzjalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-test AEC kien għamel parti mill-elementi li l-Kummissjoni kienet qieset bħala neċessarji sabiex tikkonkludi li t-tnaqqis huwa ta’ natura abbużiva.

149    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi. Madankollu, kif jirriżulta mill-punti 143 u 144 tas-sentenza fl-appell, it-test AEC kellu importanza reali fl-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li tipproduċi effett ta’ esklużjoni ta’ kompetituri daqstant effiċjenti u, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali hija obbligata teżamina l-argumenti kollha ta’ Intel dwar dan it-test.

B.      Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li fiha analiżi AEC ivvizzjata b’diversi żbalji

1.      Fuq is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

150    Is-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE (ara sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-portata ta’ dan l-istħarriġ testendi għall-elementi kollha tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE li l-qorti tal-Unjoni tiżgura stħarriġ fil-fond, fid-dritt kif ukoll fil-fatt, fid-dawl tar-raġunijiet imqajma mir-rikorrenti u b’kunsiderazzjoni tal-elementi kollha rilevanti mressqa minn din tal-aħħar (ara sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2018, Infineon Technologies vs Il-Kummissjoni, C‑99/17 P, EU:C:2018:773, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, għandu jitfakkar li l-qrati tal-Unjoni ma jistgħux, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità msemmi fl-Artikolu 263 TFUE, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom stess ma’ dik tal-awtur tal-att inkwistjoni (ara sentenza tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

151    Qabel ma tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti, għandhom, minn naħa, jiġu esposti kunsiderazzjonijiet ġenerali dwar it-test AEC, u min-naħa l-oħra, għandhom jitfakkru r-regoli dwar l-oneru tal-prova u dwar il-livell ta’ prova meħtieġ.

2.      Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-analiżi AEC

152    Il-punt tat-tluq tat-test AEC, kif ġie ddefinit fil-premessi 1003 et seq. tad-deċiżjoni kkontestata u applikat mill-Kummissjoni f’din il-kawża, huwa li, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura tal-prodott tagħha, tal-immaġni tagħha tat-trade mark u tal-profil tagħha, Intel kienet sieħba kummerċjali inevitabbli u li l-OEM kienu dejjem xtraw mill-inqas parti mill-bżonnijiet tagħhom għal CPU mingħand Intel, indipendentement mill-kwalità tal-offerta tal-fornitur alternattiv. Konsegwentement, huwa biss għal parti mis-suq li l-klijenti kienu disposti u f’pożizzjoni li jipposponu l-provvista tagħhom fuq dan il-fornitur alternattiv (iktar’ il quddiem il-“parti kontestabbli”). Minn din il-kwalità ta’ soċju kummerċjali inevitabbli kienet tirriżulta s-setgħa ta’ Intel li tuża l-parti inkontestabbli bħala lieva sabiex tnaqqas il-prezz fuq il-parti kontestabbli tas-suq.

153    Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 141 tas-sentenza inizjali, it-test AEC imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata jieħu bħala punt tat-tluq li kompetitur daqstant effiċjenti, li jfittex li jikseb il-parti kontestabbli tal-ordnijiet li sa dak il-punt ikunu ssodisfatti minn impriża dominanti li hija soċju kummerċjali inevitabbli, għandu joffri kumpens lill-klijent għat-tnaqqis għal esklużività li huwa jitlef jekk huwa jixtri parti inqas minn dik definita mill-kundizzjoni ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività. It-test AEC huwa maħsub sabiex jiddetermina jekk il-kompetitur daqstant effiċjenti bħall-impriża f’pożizzjoni dominanti, li jsostni l-istess spejjeż bħal din tal-aħħar, jistax ikopri l-ispejjeż tiegħu f’dan il-każ.

154    B’mod konkret, l-analiżi tistabbilixxi l-prezz li kien jiġi propost minn kompetitur effiċjenti daqs Intel għaċ-CPU ×86 tiegħu sabiex jikkumpensa lil OEM għat-telf ta’ tnaqqis li kieku kien jirċievi mingħand Intel. Dan il-prezz huwa msejjaħ fit-test AEC “prezz effettiv” jew “PE”.

155    Bħala prinċipju, il-parti tat-tnaqqis totali, li għaliha kompetitur daqstant effiċjenti għandu joffri kumpens, tinkludi biss l-ammont tat-tnaqqis li huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ provvista esklużiva billi jeskludi tnaqqis ta’ kwantità (iktar ’il quddiem il-“parti kundizzjonali” tat-tnaqqis). Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1460 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni biss il-parti kundizzjonali ta’ ħlas, it-test AEC jagħmel riferiment, f’dan il-każ, għall-prezz medju tal-bejgħ (iktar ’il quddiem il-“PBM”), jiġifieri l-prezz ikkatalogat, wara t-tnaqqis tal-iskontijiet ta’ kwantità.

156    Iktar ma l-parti kontestabbli u, konsegwentement, il-kwantità tal-prodotti li magħhom il-fornitur alternattiv jista’ jidħol f’kompetizzjoni huwa żgħir, iktar il-probabbiltà li l-ħlas ta’ esklużività jkollu l-kapaċità li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti hija kbira. Fil-fatt, għalkemm it-telf tal-pagamenti mogħtija minn Intel lill-klijent tagħha għandu jinqasam fuq kwantità żgħira ta’ prodotti offruti mill-fornitur alternattiv fuq il-parti kontestabbli, dan iwassal għal tnaqqis kunsiderevoli tal-prezz effettiv. Dan tal-aħħar ikun għalhekk iktar probabbli inqas mill-miżura vijabbli tal-ispiża ta’ Intel.

157    Il-prezz effettiv għandu jiġi pparagunat mal-miżura vijabbli tal-ispiża ta’ Intel. Il-miżura vijabbli tal-ispiża ta’ Intel adottata fid-deċiżjoni kkontestata hija dik tal-ispiża evitabbli medja (iktar ’il quddiem l-“IEM”).

158    Kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa permess li jiġi konkluż li sistema ta’ ħlasijiet ta’ esklużività tista’ tostakola l-aċċess għas-suq għall-kompetituri daqstant effiċjenti meta l-prezz effettiv ikun inqas mis-CEM ta’ Intel. F’dan il-każ, dan huwa riżultat negattiv tat-test AEC. Jekk, min-naħa l-oħra, il-prezz effettiv ikun ogħla minn CEM, kompetitur daqstant effiċjenti huwa mistenni li jkun jista’ jkopri l-ispejjeż tiegħu u għalhekk ikun f’pożizzjoni li jaċċedi għas-suq. F’dan il-każ, it-test AEC iwassal għal riżultat pożittiv.

159    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet ġenerali li għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-analiżi AEC hija vvizzjata b’diversi żbalji.

3.      Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova rikjesta

160    Ir-rikorrenti tagħmel riferiment għall-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni u tenfasizza, b’mod partikolari, li l-kawżi ta’ kompetizzjoni tal-istess natura bħal dik tal-kawża inkwistjoni huma ta’ natura kriminali, fatt li jfisser li huma jirrikjedu livell għoli ta’ prova u li tapplika l-preżunzjoni tal-innoċenza.

161    Kif tfakkar fil-punt 62 et seq. tas-sentenza inizjali, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1/2003, fil-proċeduri ta’ applikazzjoni kollha tal-Artikolu 102 TFUE, l-oneru tal-prova ta’ ksur ta’ dan l-artikolu huwa fuq il-parti jew l-awtorità li tallegah, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq il-Kummissjoni. Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita sew, l-eżistenza ta’ dubju f’moħħ il-qorti għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur. Għaldaqstant, il-qorti ma tistax tikkonkludi li l-Kummissjoni stabbilixxiet l-eżistenza tal-ksur inkwistjoni suffiċjentement għall-finijiet tal-liġi jekk jibqa’ dubju f’moħħ il-qorti dwar din il-kwistjoni, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ rikors għall-annullament ta’ deċiżjoni li timponi multa (sentenzi tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 177, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Hitachi et vs Il-Kummissjoni, T‑112/07, EU:T:2011:342, punt 58).

162    Fil-fatt, f’din l-aħħar sitwazzjoni, huwa neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata). Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li dan il-prinċipju japplika għall-proċeduri dwar ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti perjodiċi ta’ penalità (ara sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

163    Għalkemm huwa neċessarju li l-Kummissjoni tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-konvinzjoni soda tagħha li l-ksur twettaq, għandu jiġi enfasizzat li kull prova prodotta mill-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa suffiċjenti li s-sensiela ta’ ħjiel invokati mill-istituzzjoni, evalwati globalment, jissodisfaw dan ir-rekwiżit, kif ġie deċiż fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE (ara sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Il-Kummissjoni vs Keramag Keramische Werke et, C‑613/13 P, EU:C:2017:49, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju japplika wkoll għall-kawżi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-Artikolu 102 TFUE (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, AstraZeneca vs Il-Kummissjoni, T‑321/05, EU:T:2010:266, punt 477).

164    Fir-rigward tas-saħħa probatorja tal-provi prodotti mill-Kummissjoni, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn żewġ sitwazzjonijiet.

165    Minn naħa, meta l-Kummissjoni tikkonstata ksur tar-regoli dwar il-kompetizzjoni billi tibbaża ruħha fuq is-suppożizzjoni li l-fatti stabbiliti ma jistgħux jiġu spjegati għajr bl-eżistenza ta’ aġir antikompetittiv, il-qorti tal-Unjoni jkollha tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni meta l-impriżi kkonċernati jargumentaw b’mod li jagħti dawl differenti fuq il-fatti stabbiliti mill-Kummissjoni u li għalhekk jippermetti l-bdil ta’ spjegazzjoni plawżibbli oħra tal-fatti minflok dik adottata mill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi għall-eżistenza ta’ ksur. Fil-fatt, f’każ bħal dan, ma jistax jitqies li l-Kummissjoni pproduċiet il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 1984, Compagnie royale asturienne des mines u Rheinzink vs Il-Kummissjoni, 29/83 u 30/83, EU:C:1984:130, punt 16, u tal‑31 ta’ Marzu 1993, Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, C‑89/85, C‑104/85, C‑114/85, C‑116/85, C‑117/85 u C‑125/85 sa C-129/85, EU:C:1993:120, punti 126 u 127).

166    Min-naħa l-oħra, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq provi li, fil-prinċipju huma suffiċjenti sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ ksur, ma huwiex biżżejjed li l-impriża kkonċernata ssemmi l-possibbiltà li seħħ fatt li jista’ jaffettwa l-valur probatorju ta’ dawn il-provi sabiex il-Kummissjoni ssostni l-oneru li tipprova li dan il-fatt ma setax jaffettwa l-valur probatorju tagħhom. Kuntrarjament, ħlief fil-każ li tali prova ma tkunx tista’ tiġi pprovduta mill-impriża kkonċernata minħabba l-aġir tal-Kummissjoni nnifisha, hija l-impriża kkonċernata li għandha tistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi, minn naħa, l-eżistenza tal-fatt li hija tinvoka u, min-naħa l-oħra, li dan il-fatt jikkontesta l-valur probatorju tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Diċembru 2010, E.ON Energie vs Il-Kummissjoni, T‑141/08, EU:T:2010:516, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata)

4.      Fuq il-fondatezza tal-argumenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji fir-rigward tat-test AEC

167    Ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-analiżi AEC magħmula għall-OEM kollha u għal MSH fiha diversi żbalji, b’mod partikolari fir-rigward tal-parti kontestabbli, tal-parti kundizzjonali tat-tnaqqis u taċ-CEM. Hija tippreżenta argumenti ġenerali li hija sussegwentement tippreċiża fir-rigward ta’ kull OEM u MSH, u dan għal kull waħda mit-tliet partijiet imsemmija iktar ’il fuq.

a)      Argumenti ġenerali fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal Dell

168    Fir-rigward tat-test AEC imwettaq fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil Dell, Intel issostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni twettaq żbalji meta tevalwa kull wieħed mit-tliet elementi prinċipali tat-test AEC, jiġifieri l-parti kontestabbli, il-parti kundizzjonali tat-tnaqqis u l-ispejjeż. Skont Intel, fil-parti l-kbira tal-każijiet, il-korrezzjoni ta’ wieħed biss minn dawn l-iżbalji tkun biżżejjed sabiex turi li hija tissodisfa l-kriterju tat-test AEC, u dan anki jekk l-iżbalji l-oħra ma kinux ikkoreġuti. Intel issostni li l-Kummissjoni għażlet data minn sorsi kontradittorji sabiex tħeġġeġ ir-riżultati b’mod sfavorevoli għaliha u li hija tisfrutta d-dokumenti b’mod selettiv u inkoerenti. Dan jintwera, b’mod partikolari, jekk wieħed iqabbel ir-riżultati tal-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fil-kuntest tat-test AEC mal-fatti kif realment seħħew meta Dell bdiet tikseb il-provvisti tagħha mingħand AMD fl‑2006.

169    Barra minn hekk, Intel issostni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi, fid-deċiżjoni kkontestata, li t-tnaqqis issodisfa t-test AEC matul l-ewwel erba’ trimestri msemmija (bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003). Minkejja dan il-fatt, fil-premessa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonkludi b’mod inspjegabbli li t-tnaqqis mogħti minn Intel “minn Diċembru 2002 sa Diċembru 2005” seta’ “jeżerċita, jew anki li kien probabbli li kien jeżerċita, effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi”. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata lanqas biss tipprova tispjega jew tiġġustifika din l-inkoerenza fir-raġunament tagħha.

170    Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li d-deċiżjoni kkontestata turi li t-tnaqqis għal esklużività mogħti fil-konfront ta’ Dell kien ta’ natura li jelimina kompetitur daqstant effiċjenti. Hija ma tindikax b’mod partikolari li t-tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell kien jissodisfa l-analiżi AEC bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003. Skont il-Kummissjoni, il-kalkoli ta’ Intel kienu bbażati biss fuq ipoteżi ottimisti li kienu favorevoli għaliha. Il-Kummissjoni ssostni li Intel ma pprovdietx dokumenti kontemporanji li jsostnu l-allegazzjonijiet tagħha dwar il-parti kontestabbli. Fir-rigward tal-avvenimenti li seħħew wara li Dell ħabbret li hija kienet ser tibda, minn Mejju 2006, tixtri parzjalment mingħand AMD, il-Kummissjoni ssostni li dawn jikkonfermaw il-konstatazzjonijiet li t-tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell seta’ jkollu effett ta’ esklużjoni fuq kompetitur effiċjenti daqs Intel. Hija ssostni wkoll li l-għan tal-analiżi AEC ma huwiex li tipprovdi prediviżjonijiet fir-rigward tal-iżvilupp effettiv tas-suq, iżda li tiddetermina l-grad ta’ inċentiv ekonomiku maħluq mis-sistemi ta’ tnaqqis f’sitwazzjoni teoretika.

1)      Fuq l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli

171    Id-deċiżjoni kkontestata użat parti kontestabbli ta’ 7.1 % għall-analiżi AEC dwar it-tnaqqis li Intel kienet tat lil Dell. Skont il-Kummissjoni, din iċ-ċifra tirriżulta minn spreadsheet ta’ Jannar 2004 (iktar ’il quddiem l-“ispreadsheet tal‑2004”) li Dell kienet ipprovditilha matul il-proċedura amministrattiva.  Il-Kummissjoni enfasizzat fil-premessi 1202 sa 1208 tad-deċiżjoni kkontestata li l-ispreadsheet tal‑2004 kienet tinkludi, fost l-oħrajn, analiżi speċifika tad-dimensjoni temporali ta’ trasferiment ta’ provvisti lejn AMD, filwaqt li preżentazzjonijiet preċedenti, fosthom waħda tas‑26 ta’ Frar 2003, intitolata “AMD Update – Dimension LOB”, u l-oħra tas‑17 ta’ Marzu 2003, intitolata “AMD update”, ma kienx fiha tali analiżi u għalhekk kienu ġew esklużi minnha.

172    Fil-premessi 1209 sa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-ispreadsheet tal-2004 kienet tikkostitwixxi dokument intern ta’ Dell, li jippreżenta ipoteżijiet, li fihom ir-relazzjoni bejn Dell u AMD setgħet tevolvi, b’penetrazzjoni ta’ AMD li żżid fid-diversi setturi ta’ attività evalwati, din l-ispreadsheet għandha tinqara flimkien mal-ittra ta’ akkumpanjament tat‑18 ta’ April 2007 indirizzata minn Dell lill-Kummissjoni, li tirreferi għaliha n-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1542 taħt il-premessa 1209 tad-deċiżjoni kkontestata.

173    Id-deċiżjoni kkontestata enfasizzat, fil-premessi 1210 sa 1213, li, fiż-żmien meta ġiet redatta l-ispreadsheet tal‑2004, kien previst bdil ta’ fornitur ta’ CPUs x86 minn Dell għal ċerti segmenti ta’ prodotti mmanifatturati. Skont id-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-istima tal-volum totali f’kull wieħed minn dawn is-setturi, huwa possibbli li jiġi kkalkolat li l-parti totali ta’ AMD matul l-erba’ snin inkwistjoni, jiġifieri fis-snin fiskali 2005 sa 2008, kienet tammonta għal 7.1 % tal-ewwel sena u għal 17.3 %, għal 22.5 % u għal 24.2 % matul it-tliet snin sussegwenti. Il-Kummissjoni tikkonkludi li kien għalhekk xieraq li tintuża parti kontestabbli ta’ 7.1 % għall-finijiet tal-analiżi tat-test AEC.

174    Fil-premessi 1214 sa 1254 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet ċertu numru ta’ argumenti mqajma minn Intel dwar il-parti kontestabbli, li jirrigwardaw, l-ewwel, id-determinazzjoni tad-data tat-tluq tal-kalkoli fl-ispreadsheet tal‑2004, it-tieni, il-preżentazzjoni interna ta’ Dell intitolata “MAID status review” tas‑17 ta’ Frar 2004 (iktar ’il quddiem il-“preżentazzjoni ta’ Dell tas‑17 ta’ Frar 2004”), it-tielet, l-istimi interni ta’ Intel, ir-raba’, it-trasferiment effettiv minn Dell ta’ parti mill-bżonnijiet tagħha ta’ provvista lejn AMD fl‑2006 u, fl-aħħar, il-ħames, id-dispożizzjonijiet tad-diriġenti ta’ Dell fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża privata bejn AMD u Intel fl-Istat ta’ Delaware.

175    Fil-premessi 1255 sa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet paragun tal-parti rikjesta mal-parti kontestabbli. Essenzjalment, il-Kummissjoni ħadet is-7.1 % indikati fil-premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata bħala perċentwali rilevanti li għandha tiġi applikata għall-parti kontestabbli u pparagunatha mal-parti meħtieġa li tirriżulta mit-tabella Nru 22 li tinsab fil-premessa 1194 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem it-“tabella Nru 22”). Hija għalhekk qieset li għal 9 trimestri fuq 13 il-parti rikjesta kienet ogħla mill-parti kontestabbli. Hija osservat li din il-konklużjoni ma kinitx invalidata mill-użu tal-evalwazzjoni magħmula minn Intel tal-proporzjon bejn iċ-CEM u l-PBM, anki jekk iċ-CEM kien sottovalutat.

176    Il-Kummissjoni sussegwentement fakkret, fil-premessa 1257 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-valur ta’ 7.1 % mogħti lill-parti kontestabbli kien ġie stabbilit abbażi tal-istimi interni ta’ Dell imwettqa f’Jannar 2004, jiġifieri bi previżjoni ta’ bdil ta’ fornitur li seta’ jseħħ l-iktar kmieni matul l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2005 ta’ Dell, filwaqt li l-parti meħtieġa korrispondenti kienet ta’ 7.9 %. Il-Kummissjoni indikat ukoll, fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom, qabel l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2005, kien possibbli li l-parti kontestabbli kienet inqas minn 7.1 %. Hija qieset ukoll li d-differenza bejn il-parti rikjesta u l-parti kontestabbli matul l-ewwel trimestri tal-perijodu rilevanti setgħet tkun inqas minn dak li kien jirriżulta prima facie miċ-ċifri li jidhru fit-tabella Nru 22.

177    Fil-premessi 1260 sa 1265 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal ċertu numru ta’ fatturi ta’ tisħiħ li, kienu inklużi fl-analiżi, isaħħu, skont id-deċiżjoni kkontestata, il-kapaċità ta’ esklużjoni stmata tat-tnaqqis. Skont id-deċiżjoni kkontestata, dawn il-fatturi jikkonsistu, essenzjalment, l-ewwel, sa fejn Dell qieset b’mod ċar li kull telf ta’ tnaqqis minn Intel huwa wkoll akkumpanjat minn żieda fit-tnaqqis mogħti minn Intel lill-OEM kompetituri ta’ Dell u, it-tieni, sa fejn l-istima tal-parti kontestabbli ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li Dell kienet tixtri wkoll mingħand Intel prodotti oħra minbarra l-mikroproċessuri CPUs x86, b’mod partikolari tal-logħob tal-azzard.

178    Fl-aħħar nett, fil-premessi 1266 sa 1280 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni użat metodu alternattiv ta’ kalkolu tal-parti kontestabbli.

179    L-allegazzjonijiet tar-rikorrenti jirrigwardaw, minn naħa, l-użu tal-ispreadsheet tal-2004 u l-evalwazzjoni tal-kontenut tagħha mill-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, ċerti provi oħra li, fil-fehma tagħha, kellhom iservu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli.

180    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża l-evalwazzjoni tagħha tal-parti kontestabbli fuq dokument li Intel ma kinitx taf bih. Tali approċċ jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli abbażi tal-ispreadsheet tal-2004 hija żbaljata, minħabba l-fatt li din iċ-ċifra ta’ 7.1 % hija bbażata biss fuq tmien xhur ta’ bejgħ ta’ CPUs x86 ta’ AMD u li l-analiżi selettiva u inkoerenti tal-ispreadsheet tal‑2004 tneħħi l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni minn kull kredibbiltà. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tirrikonoxxi li t-tnaqqis ta’ Intel favur Dell issodisfa t-test AEC matul l-ewwel erba’ trimestri msemmija, jiġifieri, bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003.

181    Ir-rikorrenti tirreferi, fir-rigward tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni fl-ispreadsheet tal-2004, ukoll għall-punti 82 sa 86 u 121 sa 131 tar-rapport tal-Professur Shapiro tal‑4 ta’ Jannar 2008, billi ssostni li, li kieku Dell kellha biża’ li ssofri miżuri ta’ ritaljazzjoni min-naħa ta’ Intel, wara bidu ta’ provvista mingħand AMD, hija kienet tevita li turi d-deċiżjoni tagħha li tirrikorri għal kompetitur u kienet iżżomm sigrieta din id-deċiżjoni sal-aħħar mument, wara li tkun ikkonkludiet ftehim magħha dwar il-kundizzjonijiet u l-perċentwali ta’ tnaqqis tat-trimestru segwenti.

182    Skont ir-rikorrenti, il-punti 82 sa 86 tar-rapport tal-Professur Shapiro tal‑4 ta’ Jannar 2008 jenfasizzaw l-importanza tad-data li fiha d-deċiżjoni ttieħdet minn Dell li tixtri CPUs x86 mingħand AMD u din id-data hija relatata ma’ dik li fiha l-ewwel kunsinni ta’ CPUs x86 ta’ AMD favur Dell setgħu realment iseħħu. Il-Professur Shapiro jibbaża ruħu fuq il-preżentazzjoni ta’ Dell tas‑17 ta’ Frar 2004 sabiex jindika li dawn iż-żewġ dati setgħu kienu ta’ tliet jew erba’ xhur ta’ intervall (b’mod partikolari, Frar 2004 għall-ewwel data u Ġunju 2004 għat-tieni waħda). Skont il-Professur Shapiro, billi tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll id-data reali tal-bidu tal-provvista ta’ CPUs x86 ta’ AMD (u għalhekk il-fatt li l-ispreadsheet tal-2004 tikkorrispondi, fil-fehma tiegħu, għal tmien xhur biss tal-ewwel sena indikata), il-parti kontestabbli ta’ Dell hija iktar minn 10.65 %.

183    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli fid-deċiżjoni kkontestata hija żbaljata minħabba l-fatt li l-Kummissjoni ċaħdet b’mod żbaljat provi prodotti mid-diretturi ta’ Dell li juru li l-parti kontestabbli kienet ferm ogħla minn dik użata mill-Kummissjoni, bejn 12.5 % u 17.5 %, provi li juru li Intel kienet taħseb li l-parti kontestabbli ta’ Dell kienet tvarja bejn 15 u 25 %, u, fl-aħħar, provi marbuta mat-trasferiment ta’ Dell lejn AMD fl‑2006.

184    Il-Kummissjoni twieġeb, essenzjalment, fl-ewwel lok, li l-ispreadsheet tal-2004 hija iktar affidabbli sabiex tiġi evalwata l-parti kontestabbli mid-dokumenti ppreżentati minn Intel, peress li dan huwa dokument kontemporanju ta’ Dell li jinkludi analiżi kwantitattiva fid-dettall u ddettaljata tat-trasferiment potenzjali tal-provvisti ta’ CPUs x86 ta’ din l-impriża lejn AMD.

185    Fir-risposta, il-Kummissjoni ssostni li l-analiżi tad-dokumenti li jmorru lura għall-perijodu bejn Mejju u Lulju 2006, jiġifieri wara l-avviż tat-trasferiment parzjali tal-provvisti ta’ Dell mingħand AMD, minkejja li għandhom biss piż limitat meta mqabbel mat-test AEC imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata, tikkonferma li Intel kienet f’pożizzjoni li tnaqqas it-tnaqqis mogħti lil Dell immedjatament wara l-avviż tat-trasferiment parzjali tal-provvisti tagħha mingħand AMD, jiġifieri erba’ xhur qabel ma Dell bdiet tbigħ prodotti mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD. Il-Kummissjoni tindika wkoll li, minkejja li huwa korrett li jiġi affermat li l-ispreadsheet tal-2004 kienet tirrigwarda biss, għall-ewwel sena, pjanijiet ta’ bejgħ ta’ Dell għal prodotti mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD li jibdew wara d-dekorriment tal-ewwel erba’ xhur tas-sena 2004, Dell kienet madankollu tistenna telf ta’ 50 % tat-tnaqqis għas-sena 2004 kollha, inklużi l-erba’ xhur qabel il-bidu tal-bejgħ.

186    Il-Kummissjoni tressaq ukoll, fil-punt 46 tal-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, dan li ġej:

“[I]d-deċiżjoni kkontestata tqis li l-perijodu rilevanti għall-analiżi AEC jibda mhux iktar tard minn meta Intel kienet tkun f’pożizzjoni li tissospendi t-tnaqqis mogħti lill-klijent tagħha. meta l-klijenti ta’ Intel analizzaw il-vantaġġi u l-inkonvenjenzi tal-bidla għal AMD, huma kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-perijodu kollu li matulu din id-deċiżjoni kellha konsegwenzi finanzjarji.”

187    Fit-tieni lok, skont il-Kummissjoni, Intel ma pprovdiet ebda dokument li jmur lura għaż-żmien tal-fatti sabiex issostni l-affermazzjoni tagħha li hija qieset li l-parti kontestabbli kienet ta’ bejn 15 % u 25 %. L-uniku dokument li Intel ipprovdiet huwa dokument ad hoc redatt minn wieħed mill-eżekuttivi tagħha għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva u li jinkludi informazzjoni li tikkontradixxi, tal-inqas parzjalment, dokument li jmur lura għaż-żmien tal-fatti u redatt mill-istess qafas ta’ Intel. Il-Kummissjoni ssostni li, għal din ir-raġuni, id-deċiżjoni kkontestata ma tiħux pożizzjoni fuq il-kwistjoni dwar jekk l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli kellhiex tkun ibbażata fuq l-aspettattivi tal-impriża dominanti.

188    Qabelxejn għandhom jiġu eżaminati l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali u sussegwentement dawk dwar l-ispreadsheet tal‑2004, li fuqha huwa bbażat, essenzjalment, il-kalkolu tal-parti kontestabbli kkontestata mir-rikorrenti.

–       Fuq l-argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

189    Ir-rikorrenti tinvoka l-prinċipju ta’ ċertezza legali sabiex tilmenta li l-Kummissjoni stabbilixxiet il-parti kontestabbli ta’ Dell bħala 7.1 % billi bbażat ruħha fuq l-ispreadsheet tal‑2004, ikkomunikata lill-Kummissjoni fl-anness għall-ittra ta’ akkumpanjament ta’ Dell tat‑18 ta’ April 2007, filwaqt li dan huwa dokument intern ta’ Dell li kien fih elementi kunfidenzjali li hija ma kinitx taf bihom matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri minn Diċembru 2002 sa Diċembru 2005.

190    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punti 198 sa 202), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi evalwat jekk il-prattiki tariffarji ta’ impriża dominanti setgħux jeliminaw kompetitur bi ksur tal-Artikolu 102 TFUE, għandu jiġi applikat kriterju bbażat fuq l-ispejjeż u l-istrateġija tal-impriża dominanti nnifisha. Għaldaqstant, peress li n-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji inkwistjoni fl-imsemmija kawża tirriżulta mill-effett tagħhom ta’ esklużjoni tal-kompetituri tal-impriża dominanti, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Kummissjoni setgħet tibbaża l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prattiki tariffarji tal-impriża dominanti biss b’riferiment għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha. Peress li tali kriterju jippermetti li jiġi vverifikat jekk l-impriża dominanti stess kinitx f’pożizzjoni li toffri s-servizzi bl-imnut tagħha lill-abbonati mingħajr telf, jekk hija kinitx preċedentement obbligata tħallas il-prezzijiet bl-ingrossa tagħha għas-servizzi intermedjarji ta’ aċċess għan-netwerk lokali, kien xieraq sabiex jiġi ddeterminat jekk il-prattiki tariffarji tar-rikorrenti kinux iwasslu għal effett ta’ esklużjoni għall-kompetituri permezz tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali approċċ huwa barra minn hekk a fortiori ġġustifikat peress li, kif kienet indikat il-Qorti Ġenerali essenzjalment fil-punt 192 tas-sentenza tal‑10 ta’ April 2008, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni (T‑271/03, EU:T:2008:101), huwa wkoll konformi mal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali fid-dawl tal-fatt li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-impriża dominanti jippermettilha, fid-dawl tar-responsabbiltà partikolari li għandha skont l-Artikolu 102 KE, tevalwa l-legalità tal-aġir tagħha stess, peress li, filwaqt li impriża dominanti kienet taf bl-ispejjeż u tariffi tagħha stess, bħala prinċipju hija ma kinitx taf b’dawk tal-kompetituri tagħha.

191    Din il-ġurisprudenza ġiet ippreċiżata fis-sentenza tas‑17 ta’ Frar 2011, TeliaSonera Sverige (C‑52/09, EU:C:2011:83, punti 41 sa 46). Ċertament, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza li ma jistax jiġi eskluż li l-ispejjeż u l-prezzijiet tal-kompetituri jistgħu jkunu rilevanti fl-eżami tal-prattika tariffarja inkwistjoni. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan jista’ jkun il-każ, b’mod partikolari, meta l-istruttura tal-ispejjeż tal-impriża dominanti ma tkunx identifikabbli b’mod preċiż minħabba raġunijiet oġġettivi jew meta s-servizz ipprovdut lill-kompetituri jikkonsisti fl-użu sempliċi ta’ infrastruttura fejn l-ispejjeż ta’ produzzjoni diġà jkunu ġew assorbiti, fis-sens li l-aċċess għal tali infrastruttura ma jibqax jirrappreżenta spiża għall-impriża dominanti, li hija ekonomikament simili għall-ispiża li l-kompetituri tagħha jkollhom isostnu sabiex ikollhom aċċess għaliha, jew ukoll meta l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni speċifiċi tas-suq jeħtieġu dan minħabba, pereżempju, sitwazzjoni fejn il-livell tal-ispejjeż tal-impriża dominanti huwa dipendenti b’mod preċiż fuq is-sitwazzjoni ta’ vantaġġ kompetittiv li tgawdi din l-impriża minħabba l-pożizzjoni dominanti tagħha. Għaldaqstant, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura abbużiva ta’ prattika tariffarja li twassal għall-kompressjoni tal-marġni, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala prinċipju u qabelxejn, il-prezzijiet u l-ispejjeż tal-impriża kkonċernata fis-suq tas-servizzi bl-imnut. Huwa biss meta ma jkunx possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li jsir riferiment għal dawn il-prezzijiet u għal dawn l-ispejjeż li għandhom jiġu eżaminati dawk tal-kompetituri f’dan l-istess suq (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018 Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, T‑827/14, EU:T:2018:930, punt 165).

192    Anki jekk jitqies li din il-ġurisprudenza, adottata fil-kawżi relatati ma’ prattiki ta’ prezzijiet predatorji jew ta’ kompressjoni tal-marġni, tista’ tiġi trasposta għal din il-kawża, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-parti kontestabbli fil-kuntest tat-test AEC applikat għal prattiki ta’ tnaqqis tariffarju, l-argumenti ta’ Intel ma jistgħux jintlaqgħu.

193    Fil-fatt, mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 191 iktar ’il fuq jirriżulta li hemm eċċezzjoni mill-prinċipju li jgħid li wieħed għandu jibbaża ruħu bi prijorità fuq id-data magħrufa tal-impriża dominanti għall-finijiet tal-eżami tan-natura abbużiva ta’ aġir meta ma jkunx possibbli, fid-dawl taċ-ċirkustanzi, li wieħed jibbaża ruħu fuq l-imsemmija data u li għalhekk wieħed għandu jibbaża ruħu fuq data magħrufa minn operaturi ekonomiċi oħra.

194    F’dan il-każ, Intel tindika li, matul il-perijodu rilevanti, hija tqis li l-parti kontestabbli ta’ Dell kienet ta’ bejn 15 % u 25 % “u li d-dokumenti ta’ Dell datati fiż-żmien tal-fatti [kienu] jikkonkordaw ma’ din l-istima, ikkonfermata” mid-dikjarazzjoni ta’ I1, il-persuna responsabbli mir-relazzjoni ma’ Dell għand Intel fiż-żmien tal-fatti, tal‑21 ta’ Diċembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007”).

195    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 saret minn rappreżentant tar-rikorrenti u hija intiża sabiex tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur ikkonstatat. Din id-dikjarazzjoni għandha għalhekk valur probatorju dgħajjef u, minn tal-inqas, inferjuri għal dak ta’ provi dokumentali prodotti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva jew quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il-Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punt 379).

196    Fir-rigward tad-“dokumenti ta’ Dell li jmorru lura għaż-żmien tal-fatti” li tirreferi għalihom ir-rikorrenti, dawn jikkonsistu f’dokument intern ta’ Dell, jiġifieri posta elettronika ta’ D1, tal‑10 ta’ Novembru 2005 (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005”), ippreżentata bħala dokument ta’ konvinzjoni prodott fit‑18 ta’ Frar 2009 u li Intel ma ssostnix li kellha għarfien tagħha matul il-perijodu rilevanti, kif ukoll f’dikjarazzjonijiet ta’ D3 magħmula fil‑11 ta’ Frar 2009 fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware, li huma datati wara l-perijodu rilevanti.

197    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha li hija kienet taf b’ċerti stimi tal-parti kontestabbli ta’ Dell, li hija setgħet tirreferi għalihom sabiex tevalwa l-legalità tal-prattiki tagħha matul il-perijodu rilevanti, l-uniku element rilevanti li tinvoka r-rikorrenti jikkonsisti f’dikjarazzjoni ta’ wieħed mid-diretturi tagħha intiż sabiex titnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur ikkonstatat.

198    Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tipproduċi quddiem il-Qorti Ġenerali ebda prova dokumentali li tirrigwarda stima tal-parti kontestabbli ta’ Dell li hija kienet taf biha matul il-perijodu rilevanti. Fil-fatt, sabiex issostni l-kontenut tad-dikjarazzjoni msemmija fil-punt 197 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq dokumenti interni ta’ Dell jew dikjarazzjonijiet ta’ direttur ta’ Dell minkejja li ma huwiex stabbilit li hija kienet taf bihom matul il-perijodu rilevanti.

199    Minn dan isegwi li, li kieku kien hemm lok, f’dan il-każ, kif issostni Intel, li jiġi applikat il-prinċipju ta’ ċertezza legali, il-Kummissjoni jkollha l-obbligu li tibbaża ruħha biss fuq dikjarazzjoni magħmula minn rappreżentant tar-rikorrenti u intiża sabiex tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur ikkonstatat sabiex tiġi ddeterminata l-parti kontestabbli ta’ Dell, mingħajr ma tkun tista’ tibbaża ruħha fuq dokumenti interni ta’ Dell, li wħud minnhom huma, mill-bqija, a priori rilevanti fil-fehma ir-rikorrenti, peress li hija stess tibbaża ruħha il-fondatezza tal-imsemmija dikjarazzjoni.

200    Għaldaqstant, ħlief jekk jiġi aċċettat li jkun biżżejjed għal rappreżentant tal-impriża dominanti li jagħmel ċerti dikjarazzjonijiet favur għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva sabiex l-imsemmija impriża tevita kull responsabbiltà, għandu jiġi deċiż li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata tibbaża ruħha biss fuq l-elementi li jirrigwardaw id-data magħrufa minn Intel matul il-perijodu rilevanti u li hija setgħet tieħu inkunsiderazzjoni elementi oħra relatati ma’ informazzjoni magħrufa minn operaturi ekonomiċi oħra, f’dan il-każ dokumenti interni ta’ Dell.

201    Għalhekk, l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali, li jikkawża preġudizzju lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha fuq l-ispreadsheet tal‑2004 li hija ma kinitx taf biha matul il-perijodu rilevanti pjuttost milli fuq stimi tagħha stess min-naħa kontemporanja għall-perijodu rilevanti, għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli ta’ 7.1 %

202    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball meta bbażat ruħha biss fuq l-ispreadsheet tal‑2004 sabiex tevalwa l-parti kontestabbli ta’ Dell għal 7.1 %, billi ċaħdet inġustifikament dokumenti jew provi oħra li għandhom saħħa probatorja superjuri li minnhom jista’ jiġi dedott parti kontestabbli ogħla.

203    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq diversi provi sabiex tikkontesta l-parti kontestabbli ta’ 7.1 % adottata mill-Kummissjoni.

204    L-ewwel, Intel tinvoka l-messaġġ elettroniku ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, li fih dan tal-aħħar indika lil D3, [kunfidenzjali], u lil D4, f’dak iż-żmien [kunfidenzjali], li “l-ipoteżijiet imressqa fil-kuntest tal-proġett MAID matul sitta mill-ewwel tnax-il xahar kienu jipprevedu [...] trasferiment ta’ madwar 25 % tal-volum totali tagħna” favur AMD. Il-proġett MAID kien wieħed mill-programmi konkreti li fihom Dell ipprevediet li taqleb parti mix-xiri tagħha lejn AMD.  Intel issostni li, abbażi tal-kalkoli mwettqa fir-rapport tal-Professur Salop u ta’ Dr Hayes tat‑22 ta’ Lulju 2009 (iktar ’il quddiem ir-“rapport Salop-Hayes”), il-projezzjoni f’volum ta’ 25 % tal-bżonnijiet ta’ Dell twassal għal sehem kontestabbli ta’ 17.5 % għall-ewwel sena (jew ta’ 12.5 % jekk jintuża l-approċċ tal-Kummissjoni li r-rikorrenti tqis irraġonevoli).

205    It-tieni, Intel tinvoka posta elettronika interna ta’ Dell, minn D5 sa D1, tad‑9 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“posta elettronika ta’ D5 tad‑9 ta’ Marzu 2004”) li kienet tirrigwarda ipoteżi oħra, jiġifieri trasferiment ta’ provvisti minn Dell lejn AMD għal 25 % tal-volum totali tal-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 “f’90 jum”.

206    It-tielet, ir-rikorrenti tibbaża ruħha fuq id-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 sabiex tafferma li, matul il-perijodu rilevanti għall-għoti ta’ tnaqqis lil Dell, l-istimi interni tagħha tal-parti kontestabbli tal-bżonnijiet ta’ Dell għal CPUs x86 kienu bejn 15 % u 25 %. F’din id-dikjarazzjoni, I1 kiteb li, matul l-imsemmi perijodu, huwa “kien jaħseb li, kieku Dell kellha żżid lil AMD bħala t-tieni fornitur, hija probabbilment tixtri 15–25 % ta’ CPUs x86 tagħha mingħand AMD matul l-ewwel sena u bejn kwart u terz tal-mikroproċessuri tagħha sat-tielet sena wara t-tnedija”.

207    Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, fir-rigward tal-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, li huwa inqas affidabbli sabiex tiġi evalwata l-parti kontestabbli mill-ispreadsheet tal‑2004, peress li dan huwa sunt skematiku tat-tifkiriet ta’ D1 dwar il-programm MAID, redatt sentejn wara l-fatti. Min-naħa l-oħra, l-ispreadsheet tal‑2004 tevalwa l-parti potenzjali tax-xiri ta’ Dell trasferibbli lil AMD, linja ta’ prodotti għal kull linja ta’ prodotti u segment għal kull segment, fil-kuntest tal-proġett MAID li Dell kienet tmexxi dak iż-żmien. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, fil-punti 287 sa 290 tar-risposta, li tirreferi wkoll għall-Anness B.31 tagħha, li wriet li l-allegazzjoni ta’ Intel li l-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005 tirrifjuta l-istima għal 7.1 % tas-sehem kontestabbli kif sostnut fid-deċiżjoni kkontestata, hija bbażata fuq kalkoli ipotetiċi, li huma bbażati fuq xenarji spekulattivi ta’ “żieda” ta’ xiri mingħand AMD favorevoli għal Intel. Minkejja l-fatt li din l-ittra ssemmi perijodu ta’ żieda min-naħa ta’ CPUs x86 li ġejjin minn sorsi oħra għajr Intel, f’dan il-każ AMD, bejn sitt u tnax-il xahar, Intel ma wettqet ebda kalkolu previst għal din l-aħħar ipoteżi, jiġifieri għal żieda bil-mod, ta’ tnax-il xahar. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fil-każijiet ta’ kalkolu ta’ Intel, il-livell inizjali taż-żieda kien ikun ta’ 5 % minflok ta’ 0 % mingħajr ebda loġika li tiġġustifika tali żieda mhux kontinwa u f’daqqa. Fil-punt 198 tal-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni, billi tagħmel riferiment għall-Anness D.9, li l-argumenti mressqa fir-replika li l-kalkoli ta’ Intel ma kinux distorti huma infondati u huma bbażati fuq distorsjonijiet gravi tad-data reali.

208    Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ix-xenarji li jinsabu fil-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005 inqas favorevoli għal Intel ġew sistematikament esklużi. Billi jintegra wkoll il-każijiet li ma humiex favorevoli għal ċerti tipi ta’ xenarji, jidher, fil-fehma tagħha, li l-parti kontestabbli li tirriżulta mid-data inkluża fl-imsemmija posta elettronika ta’ D1 hija bejn 5.6 % u 10.4 %. Dan il-valur huwa koerenti maċ-ċifra ta’ 7.1 % li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, li hija bbażata fuq data iktar preċiża.

209    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li, minkejja li Intel issostni li emmnet li Dell tixtri 15 sa 25 % tal-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 mingħand AMD matul l-ewwel sena, kif jispjegaw fid-dettall il-premessi 1231 sa 1238 tad-deċiżjoni kkontestata, Intel ma pprovdiet ebda dokument kontemporanju li jsostni dawn l-allegazzjonijiet. Skont il-Kummissjoni, Intel tibbaża ruħha biss f’dan ir-rigward fuq dokument ad hoc redatt minn wieħed mill-eżekuttivi tagħha, I1, għall-finijiet tal-proċedura amministrattiva u li jinkludi informazzjoni li twassal għal kontradizzjoni dwar tal-inqas punt wieħed ta’ dokument kontemporanju li huwa kien fassal. Skont il-Kummissjoni, għalhekk ma jistax jiġi aċċettat bħala prova kredibbli fir-rigward tal-istimi interni ta’ Intel dwar il-parti kontestabbli.

210    Fil-premessi 1251 u 1252 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, fir-rigward tal-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, essenzjalment, li ċ-ċifra indikata kienet pjuttost tirriżulta minn aspirazzjoni milli minn stima raġonevoli u reali. Barra minn hekk, ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat eżattament il-punt ta’ tluq tat-tnedija tal-prodotti inkwistjoni. Il-Kummissjoni tfakkar li l-punt tat-tluq rilevanti tal-perijodu ta’ sena eżaminat fl-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa d-data li fiha Intel setgħet tibda tirreaġixxi għall-bidla tal-fornitur minn Dell. Din id-data kienet, skont id-deċiżjoni kkontestata, tippreċedi d-data effettiva tal-ewwel bejgħ minn Dell ta’ kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD.

211    Fil-premessi 1233 sa 1236 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tafferma li l-kredibbiltà tad-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li kienet ippreparata biss għall-proċedura amministrattiva, iddgħajfet minħabba li, minn naħa, Intel ma setgħetx tikkorroboraha bi provi li jmorru lura għaż-żmien tal-fatti u, min-naħa l-oħra, hija tinkludi, fuq punt ieħor, relatat mar-reazzjoni ta’ Intel jekk Dell ittemm il-provvista esklużiva tagħha mingħandha, informazzjoni li hija f’kontradizzjoni ma’ preżentazzjoni ta’ I1 tal‑10 ta’ Jannar 2003, intitolata “Dell F1H’04 MCP ”.

212    Fil-premessa 1237 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika wkoll li Intel kienet hija stess ġibdet l-attenzjoni tagħha għall-fatt li “D1 [kienet] uriet li AMD ma kinitx għażla vijabbli għal Dell fil-bidu tas-sena 2003”. Il-Kummissjoni tkompli billi tindika li “Intel [fittxet] għalhekk li tikkonkludi fl-istess ħin li AMD ma kinitx tikkostitwixxi għażla vijabbli għal Dell fil-bidu tas-sena 2003 u li Dell setgħet tikseb il-provvisti tagħha mingħand AMD ta’ 15–25 % fl-ewwel sena, abbażi ta’ żewġ dikjarazzjonijiet mhux kontemporanji ta’ I1 u D1”.

213    Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, kuntrarjament għal dak li ssostni Intel, id-dokumenti li hija tinvoka ma għandhomx, fihom infushom, valur probatorju superjuri għal dak tal-ispreadsheet tal‑2004.

214    Qabelxejn, l-istess bħall-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005 u l-ittra elettronika ta’ D5 tad‑9 ta’ Marzu 2004, l-ispreadsheet tal‑2004 hija dokument intern ta’ Dell, stabbilit matul il-perijodu rilevanti u relatat mat-talba għal CPUs x86 li dan l-OEM kellu l-intenzjoni li jittrasferixxi lil AMD.

215    Sussegwentement, Intel issostni li d-dokumenti li hija tinvoka ġew redatti minn diriġenti għolja ta’ Dell, li D1 ikkonfermat, taħt ġurament, matul il-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware, il-kontenut tal-posta elettronika tagħha tal‑10 ta’ Novembru 2005 u li D3, fil-kuntest ta’ din l-istess proċedura, iddikjarat li ma kellha l-ebda raġuni li tistaqsi dwar l-eżattezza tal-kummenti ta’ D1.

216    Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li r-risposti mogħtija f’isem impriża bħala tali għandhom kredibbiltà li teċċedi dik li jista’ jkollha risposta mogħtija minn membru tal-persunal tagħha jew minn wieħed mid-diriġenti tagħha, irrispettivament mill-esperjenza jew mill-opinjoni personali ta’ dan tal-aħħar (ara sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2004, JFE Engineering vs Il‑Kummissjoni, T‑67/00, T‑68/00, T‑71/00 u T‑78/00, EU:T:2004:221, punt 205 u l-ġurisprudenza ċċitata).

217    Għalhekk, il-Kummissjoni ġustament issostni li l-ispreadsheet tal-2004 għandha valur probatorju superjuri għad-dokumenti jew għad-dikjarazzjonijiet ta’ diriġenti għolja ta’ Dell li tinvoka Intel.

218    Huwa wkoll b’mod ġust li l-Kummissjoni tinvoka n-natura preċiża u dettaljata tal-informazzjoni li tinsab fl-ispreadsheet tal‑2004, peress li dawn il-karatteristiċi jistgħu, bħala prinċipju, jistabbilixxu l-valur probatorju ta’ dokument (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ April 1999, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, T‑305/94 sa T‑307/94, T‑313/94 sa T‑316/94, T‑318/94, T‑325/94, T‑328/94, T‑329/94 u T‑335/94, EU:T:1999:80, punt 593).

219    Xorta jibqa’ l-fatt li l-provi li Intel tinvoka ma humiex, madankollu, nieqsa minn kull valur probatorju.

220    Għandhom jiġu evalwati l-provi li jikkonsistu, qabelxejn, f’evalwazzjonijiet tal-parti kontestabbli fi ħdan Dell, jiġifieri evalwazzjonijiet magħmula minn D1 u D5, sussegwentement, f’dikjarazzjonijiet magħmula minn diriġenti ta’ Dell fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware u, fl-aħħar nett, f’dokument li huwa d-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007.

221    L-ewwel, mill-ittra ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005 jirriżulta li “l-ipoteżijiet imressqa fil-kuntest tal-proġett maid matul sitta mit-tnax-il xahar tal-ewwel tnax-il xahar kienu jipprevedu [...] trasferiment ta’ madwar 25 % tal-volum totali” tal-fornituri ta’ Dell favur AMD. Fir-rigward tal-kritika tal-Kummissjoni dwar l-affidabbiltà oġġettiva tal-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, għandu jiġi kkonstatat, qabelxejn, li l-ispeditur tagħha, D1, kien [kunfidenzjali] fiż-żmien meta seħħew il-fatti. Sussegwentement, din il-posta elettronika tfasslet matul il-perijodu rilevanti. Fl-aħħar nett, il-kontenut tiegħu huwa suffiċjentement ċar u jirrigwarda preċiżament il-parti kontestabbli fiż-żmien tal-fatti. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u għandhom jingħataw rilevanza reali, peress li l-affidabbiltà tagħha ma hijiex imnaqqsa mill-fatt li dan huwa sunt skematiku tat-tifkiriet ta’ D1.

222    It-tieni, kuntrarjament għal dak li tindika l-Kummissjoni fil-premessa 1251 tad-deċiżjoni kkontestata, l-affermazzjoni li “iċ-ċifra ta’ 25 % li tintlaħaq fi tmiem perijodu ta’ bejn 6 u 12-il xahar [imsemmija fl-ittra ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005]”, kienet tixbah “aspirazzjoni” u mhux stima raġonevoli reali”, kienet tikkonċerna, fir-realtà, kif issostni ġustament ir-rikorrenti, prova oħra, jiġifieri l-posta elettronika ta’ D5 tad‑9 ta’ Marzu 2004, u dan għal każ ieħor, jiġifieri trasferiment tal-provvisti ta’ Dell lejn AMD għal 25 % tal-volum totali tal-bżonnijiet tagħha ta’ CPUs x86 “f’90 jum”. Fil-fatt, huwa biss f’din l-aħħar posta elettronika li jissemmew it-termini “aspirazzjoni” jew ukoll “planning guidelines” (linji gwida ta’ ppjanar).

223    Barra minn hekk, fir-rigward tal-ittra ta’ D5 tad‑9 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, anki jekk jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li trasferiment ta’ provvisti partikolarment rapidi mingħand AMD għal 25 % tal-volum totali tal-bżonnijiet ta’ Dell għal CPUs x86, “f’90 jum”, kien imsemmi biss bħala aspirazzjoni, dan juri diġà li tali ipoteżi setgħet titqajjem f’diskussjoni interna ta’ Dell, tal-inqas bħala motivazzjoni jew ta’ pjanifikazzjoni mmirata, li għandu jitqies bħala indizju addizzjonali ta’ possibbiltà ta’ parti disputabbli pjuttost għolja. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li din l-ittra hija biss ta’ xi xhur wara l-ispreadsheet tal‑2004 u li, bħall-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, issemmi trasferiment ta’ madwar 25 % tat-talba ta’ Dell favur AMD.

224    It-tielet, matul il-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware, D1 ikkonferma li kien jippreżumi, fil-kuntest tal-proġett MAID, li matul l-ewwel sitt sat-tnax-il xahar, it-trasferiment tat-talba lejn AMD kien jikkonċerna madwar 25 % tal-volum ta’ CPUs x86 u D3 iddikjara li ma kellu l-ebda raġuni sabiex jistaqsi dwar l-eżattezza tal-kummenti ta’ D1.

225    B’hekk, id-dikjarazzjonijiet magħmula mid-diriġenti ta’ Dell fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware jikkorroboraw l-ipoteżi li, fil-kuntest tal-proġett MAID, matul l-ewwel sitt sat-tnax-il xahar, it-trasferiment tat-talba ta’ Dell lejn AMD seta’ jikkonċerna madwar 25 % tal-volum ta’ CPUs x86.

226    Ir-raba’, għandha tiġi evalwata wkoll id-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007. Fir-rigward tal-kritiki tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tagħha, dawn jaqgħu fi tliet kategoriji, ibbażati fuq il-fatt, l-ewwel, li hija kienet ippreparata biss għall-proċedura amministrattiva, it-tieni, li din ma ġietx ikkorroborata minn provi oħra li jmorru lura għaż-żmien tal-fatti u, it-tielet, li hija tinkludi ċerti kontradizzjonijiet meta mqabbla ma’ preżentazzjoni ta’ I1 tal‑10 ta’ Jannar 2003 indirizzata lil Dell (ara l-punt 211 iktar ’il fuq).

227    F’dan ir-rigward, qabelxejn, huwa minnu li, kif jirriżulta mill-punt 195 iktar ’il fuq, id-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 saret minn rappreżentant tar-rikorrenti u hija intiża sabiex tnaqqas ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur ikkonstatat, b’tali mod li hija għandha, fiha nnifisha, valur probatorju dgħajjef.

228    Xorta jibqa’ l-fatt li d-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 saret bil-ġurament u li I1 kienet, kif jirriżulta mill-punt 1 tal-imsemmija dikjarazzjoni, [kunfidenzjali], u dan mill-1999. Minħabba l-funzjonijiet tagħha u l-anzjanità tagħha ma’ Intel, I1 kellu jkollha għarfien sħiħ tal-elementi prinċipali li jikkonċernaw ir-relazzjoni ma’ Dell, li tinkludi l-kwistjoni tal-parti kontestabbli prevedibbli għall-perijodu rilevanti.

229    Sussegwentement, kif jirriżulta mill-punti 221 sa 223 iktar’ il fuq, dokumenti interni ta’ Dell li jaqgħu taħt il-perijodu rilevanti jikkorroboraw id-dikjarazzjoni ta’ I1 tal-21 ta’ Diċembru 2007 sa fejn it-trasferiment tat-talba ta’ Dell lil AMD seta’ jikkonċerna sa 25 % tal-volum ta’ CPUs x86. Tal-inqas, l-imsemmija dikjarazzjoni, sa fejn issemmi volum ta’ CPUs x86 bejn 15 u 25 %, turi, l-istess bħall-imsemmija dokumenti, li t-trasferiment tat-talba ta’ Dell lejn AMD seta’ jkun ogħla mill-volum ta’ 7 % li tidher fl-ispreadsheet tal‑2004.

230    Fir-rigward tal-allegati kontradizzjonijiet li jirrigwardaw il-loġika ekonomika minħabba l-fatt li wieħed jgħaddi lejn AMD, imqajma mill-Kummissjoni, jew inkella kontradizzjonijiet fl-affermazzjonijiet ta’ I1, hemm lok li jiġi rrilevat li din tippreċiża, fil-preżentazzjoni tagħha tal-10 ta’ Jannar 2003, liema hija r-relazzjoni bejn Intel u Dell, billi tenfasizza, b’mod partikolari, li Dell kellha tinftiehem il-partikolarità ta’ din ir-relazzjoni, fil-każ fejn din l-impriża jkollha l-intenzjoni tgħaddi lejn AMD. Kif tenfasizza ġustament il-Kummissjoni fil-premessi 1235 u 1236 tad-deċiżjoni kkontestata, din is-silta mill-imsemmija preżentazzjoni tista’ tidher li tikkontradixxi l-punt 4 tad-dikjarazzjoni tal-I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007, dwar l-assenza ta’ kwalunkwe kundizzjonalità tat-tnaqqis propost minn Intel. Madankollu, b’differenza mill-konsegwenzi li tasal għalihom il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn din il-kontradizzjoni tirrigwarda element ieħor tad-dikjarazzjoni tal-I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 li ma huwiex dak rilevanti għall-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli, minn dan ma jistax jiġi dedott li l-imsemmija dikjarazzjoni hija nieqsa minn kull valur probatorju fl-intier tagħha u għalhekk ukoll sa fejn tirrigwarda l-parti kontestabbli.

231    Għandu jingħad ukoll li d-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li tipprovdi li kull provvista potenzjali ta’ Dell mingħand AMD ta’ CPUs x86 tieħu dimensjoni importanti, fid-dawl tal-ispejjeż, tal-kumplessità ikbar u tar-riżorsi addizzjonali tal-inġinerija, ta’ assistenza u ta’ bejgħ marbuta maż-żieda ta’ pjattaformi AMD la hija illoġika u lanqas kontradittorja. Mid-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007 jirriżulta li dan tal-aħħar għamel sforz sabiex jagħti ħarsa ġenerali oġġettiva, peress li jindika wkoll li huwa kien iqis li l-probabbiltà ta’ trasferiment parzjali tal-provvisti ta’ Dell lejn AMD kienet biss “baxxa” matul il-perijodu rilevanti. Min-naħa l-oħra, I1 tispjega b’mod ċar fid-dikjarazzjoni tagħha li, għar-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, kieku Dell kellha tieħu AMD bħala t-tieni sors ta’ provvista għal CPUs x86, dan kien neċessarjament ikopri 15 sa 25 % tal-bżonnijiet tagħha.

232    Ma jistax jiġi eskluż li Dell setgħet realment kellha l-intenzjoni, matul il-perijodu rilevanti, li tikseb parzjalment minn CPUs x86 mingħand AMD. Fil-fatt, minn diversi elementi tal-proċess, inkluż l-ispreadsheet tal‑2004, jirriżulta li Dell ipprevediet u analizzat regolarment internament, matul il-perijodu rilevanti kollu, il-possibbiltà ta’ tranżizzjoni parzjali lejn AMD. Għandu jiġi rrilevat ukoll li x-xhieda ta’ D1, imsemmija fil-punt 212 iktar’ il fuq, li AMD ma kinitx għażla vijabbli għal Dell, kienet tikkonċerna biss is-sena 2003. Issa, il-Kummissjoni stess enfasizzat, b’mod partikolari fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma setax jiġi eskluż li l-parti kontestabbli ta’ Dell varjat fiż-żmien, peress li dan jista’ b’mod partikolari jiżdied, fuq perijodu ta’ żmien, minħabba l-fatt li l-konsumaturi draw ruħhom, skont u sa ċertu punt, għas-CPUs x86 prodotti minn AMD. Għaldaqstant, ma jistax jitqies li s-sitwazzjoni fir-rigward tal-parti kontestabbli ta’ Dell fl-2003 kellha neċessarjament tkun identika għal dik tas-snin 2004 u 2005. F’dawn iċ-ċirkustanzi, id-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li hija kkorroborata mill-provi msemmija fil-punti 221 u 222 iktar ’il fuq, għandha wkoll titqies bħala affidabbli sa fejn tirrigwarda l-parti kontestabbli ta’ Dell.

233    Għaldaqstant, mill-ittra ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, mill-ittra ta’ D5 tad‑9 ta’ Marzu 2004, mid-dikjarazzjonijiet magħmula mid-diretturi ta’ Dell fil-kuntest tal-proċedura kontenzjuża privata bejn Intel u AMD fl-Istat ta’ Delaware kif ukoll mid-dikjarazzjoni ta’ I1 tal‑21 ta’ Diċembru 2007, li, meħuda flimkien, huma kkorroborati minn xulxin, jirriżulta li, matul is-sena 2005, it-trasferiment tat-talba ta’ Dell lejn AMD seta’ jikkonċerna sa 25 % tal-volum ta’ CPUs x86, u mhux 7 % kif jirriżulta mill-ispreadsheet tal‑2004.

234    Minn dan isegwi li l-provi li tinvoka Intel iwasslu sabiex jiġi ddubitat il-fatt li l-parti kontestabbli ta’ Dell kellha tiġi evalwata biss mill-ispreadsheet tal‑2004 li ssemmi trasferiment tat-talba ta’ Dell lil AMD għal volum ta’ 7 % għas-sena 2005, li minnu l-Kummissjoni ddeduċiet sehem kontestabbli ta’ 7.1 %.

235    Il-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi invalidata mill-analiżijiet ekonomiċi ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali fl-Anness B.31, li juri l-argumenti tagħha mqajma fil-punt 290 tar-risposta, u fil-punti 196 u 199 tal-kontroreplika, li jirreferu għall-Anness D.9, intiżi sabiex juru li, anki jekk jiġi preżunt li hemm lok li tiġi kkalkolata l-parti kontestabbli abbażi tad-dokumenti msemmija fil-punt 233 iktar ’il fuq, wieħed ma jistax jiddeduċi parti inkontestabbli bejn 12.5 % u 17.5 %, kif issostni Intel.

236    Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-analiżijiet addizzjonali, prodotti matul il-proċedura quddiemha, sabiex issostni t-test AEC li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. Issa, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq tipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli twettaq tali sostituzzjoni tal-motivi.

237    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li anki l-analiżijiet ekonomiċi ppreżentati mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti Ġenerali juru, tal-inqas f’waħda mill-ipoteżijiet prevedibbli bbażati fuq l-analiżi tal-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, sehem kontestabbli ta’ 10.4 %.

238    Il-Kummissjoni tindika, f’dan ir-rigward, fin-noti tagħha, li l-iskala ta’ 5.6 % sa 10.4 % bħala parti kontestabbli li taqa’ fl-analiżi mhux ippreġudikata tal-posta elettronika ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005 kienet tikkorrispondi għar-riżultat tal-ispreadsheet tal‑2004, li tipprevedi 7.1 %.

239    Tali konklużjoni ma tistax tiġi aċċettata, sa fejn ir-riżultat tat-test AEC jista’ jvarja skont jekk il-parti kontestabbli li tittieħed inkunsiderazzjoni hijiex ta’ 7.1 % jew ta’ 10.4 %. Fil-fatt, b’mod partikolari fil-premessi 1255 sa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-previżjoni tas-sehem kontestabbli hija sussegwentement ipparagunata mas-sehem meħtieġ indikat fit-tabella Nru 22, fejn l-aħħar tliet trimestri biss għandhom ċifri li jaqbżu l-10.4 %. Issa, ebda element oġġettiv ma jippermetti li tiġi skartata waħda jew l-oħra mill-ipoteżijiet li jistgħu jiġu previsti fir-rigward tal-messaġġ elettroniku ta’ D1 tal‑10 ta’ Novembru 2005, fuq l-iskala ta’ 5.6 % sa 10.4 % bħala parti kontestabbli jew ukoll li jiġi konkluż li waħda minnhom kienet iktar probabbli minn oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jibqa’ dubju dwar il-perċentwali li jista’ jiġi definittivament iddedikat bħala dak tal-parti kontestabbli għal Dell u, b’mod iktar partikolari, fuq il-fatt li dan kellu jiġi ffissat għal 7.1 %.

240    Fit-tieni lok, Intel issostni, essenzjalment, li l-osservazzjonijiet li jistgħu jinsiltu mit-trasferiment tat-talba ta’ Dell lejn AMD juru li l-parti kontestabbli ta’ Dell setgħet tkun ta’ iktar minn 7.1 %.

241    Il-Kummissjoni ssostni li t-trasferiment tal-provvisti ta’ Dell lejn AMD matul is-snin 2006 u 2007 għandu biss interess limitat sabiex jeżamina s-sitwazzjoni matul il-perijodu rilevanti, li jkun hemm tal-inqas lok li jiġu aġġustati ċerti parametri tal-kalkolu, b’mod partikolari l-livell tat-tnaqqis matul is-sena 2006, li hija wettqet, sussidjarjament, test AEC fid-deċiżjoni kkontestata li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni fl-2006 u fl-2007 li jikkorrobora l-konklużjonijiet tagħha u li l-Anness D.9 prodott matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali jippermetti li jiġu kontradetti l-allegazzjonijiet ta’ Intel.

242    Fil-premessi 1241 sa 1246 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-argument ta’ Intel li r-rata ta’ trasferiment osservata meta Dell iddeċidiet li tittrasferixxi parti mill-provvisti tagħha lejn AMD wara l-2006 setgħet tkun rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli. Hija qieset, b’mod partikolari, li, għalkemm it-trasferimenti ulterjuri setgħu jkunu istruttivi bħala tali, ma kienx meħtieġ li jingħatalhom iktar importanza mid-dokumenti li jippreżentaw stimi kontemporanji. Sussegwentement, billi eżaminat il-provvisti ta’ Dell matul it-tliet trimestri li bdew f’Ottubru 2006 u li ntemmu f’Ġunju 2007, kif ikkoreġuti fid-dawl tal-perijodu ta’ tranżizzjoni fid-dawl tal-ipoteżi tagħha stess relattivi għall-punt ta’ tluq tal-perijodu ta’ żmien ta’ sena, hija stmat is-sehem totali ta’ AMD għal 8.2 % skont id-data ta’ Gartner u għal ċifra ta’ bejn 8.8 % u 10.1 % skont l-istimi interni ta’ Intel, matul l-ewwel sena ta’ trasferiment tat-talba ta’ Dell lejn AMD. Minn dan hija kkonkludiet li, għalkemm dawn l-istimi kienu ftit ogħla minn dawk ta’ Dell matul il-perijodu rilevanti, huma ma kinux ta’ livell tali li setgħu jiġu invokati sabiex tiġi invalidata l-eżattezza tal-analiżi tagħha.

243    Għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni rrikonoxxiet espressament, fil-premessa 1245 tad-deċiżjoni kkontestata, li, abbażi tal-osservazzjonijiet ibbażati fuq it-trasferiment effettiv ta’ parti mit-talba ta’ Dell lil AMD, kien possibbli li tiġi kkalkolata parti kontestabbli ogħla minn 7.1 %, bejn 8.2 % u 10.1 %.

244    Anki jekk il-Kummissjoni tqis, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-istimi kienu ftit ogħla minn dawk imnaqqsa mill-ispreadsheet tal‑2004, b’tali mod li ma hemmx lok li dawn jittieħdu inkunsiderazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżistenza stess tal-imsemmija stimi hija biżżejjed sabiex jintwera li l-ipoteżi ta’ parti kontestabbli ta’ 7.1 % ma kinitx l-unika waħda possibbli u twassal sabiex titqiegħed f’dubju l-fondatezza tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

245    Quddiem il-Qorti Ġenerali, qabelxejn, il-Kummissjoni ttenni l-argument li jinsab fil-premessi 1242 u 1243 tad-deċiżjoni kkontestata li l-osservazzjonijiet dedotti mit-trasferiment minn naħa tat-talba ta’ Dell lil AMD matul is-snin 2006 u 2007 għandhom biss valur probatorju limitat sabiex jiddeterminaw il-parti kontestabbli matul il-perijodu rilevanti.

246    Madankollu, għandu jiġi rrilevat li, b’risposta għall-argument tal-Professur Shapiro li l-kalkolu tal-limitu temporali ta’ sena għat-test AEC ma jistax jibda wara d-data li fiha t-trasferiment minn naħa tat-talba ta’ Dell lejn AMD jibda jkollu konsegwenzi, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod determinanti, fil-premessi 1221 sa 1227 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-osservazzjonijiet li setgħu jinsiltu mill-avvenimenti fl‑2006. Minn serje ta’ ċirkustanzi hija ddeduċiet li Intel kienet diġà informata bil-bdil ta’ fornitur f’Mejju 2006 u li hija kienet naqset b’mod qawwi skontijiet bejn l-ewwel u t-tieni trimestru tas-sena fiskali 2007.

247    B’hekk, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli, hija stess użat l-osservazzjonijiet dedotti mit-trasferiment minn naħa tat-talba ta’ Dell lil AMD matul is-snin 2006 u 2007 sabiex tikkontradixxi l-ipoteżi tal-professur Shapiro dwar il-punt ta’ tluq tal-perijodu ta’ żmien ta’ sena.

248    Għaldaqstant, hija ma tistax issostni b’mod utli, fil-premessi 1242 u 1243 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-istess osservazzjonijiet għandhom biss interess limitat sabiex jikkontestaw ir-rilevanza tal-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli ta’ bejn 8.2 % u 10.1 %.

249    Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li kalkolu li juża ċ-ċifri tal-parti kontestabbli dderivati tas-snin 2006 u 2007 għandu jinkludi, b’mod partikolari, il-fatt li l-livell ta’ tnaqqis mogħti minn Intel lil Dell laħaq livelli mingħajr preċedent fl‑2006. Madankollu, kieku l-Kummissjoni qieset li l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli kellha tiġi aġġustata mill-ġdid minħabba dan il-parametru, hija kellha tinkludiha fil-kalkolu mwettaq fil-premessa 1245 tad-deċiżjoni kkontestata.

250    Barra minn hekk, il-Kummissjoni, filwaqt li tirreferi għall-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, issostni li t-test AEC inkluda l-partijiet mis-suq reali ta’ AMD għand Dell matul is-snin 2006 u 2007, kif ġew ipprovduti minn Intel matul l-investigazzjoni, u li r-riżultati ta’ dan il-kalkolu jikkorroboraw il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata għall-perijodu li ntemm fl‑2005.

251    Madankollu, fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li rrikonoxxiet li kien possibbli li l-parti kontestabbli kienet żdiedet xi ftit maż-żmien, sa fejn il-konsumaturi kienu jafu bil-vijabbiltà tas-soluzzjoni alternattiva offruta minn AMD, il-Kummissjoni fformulat osservazzjonijiet dwar l-iżvilupp tal-parti rikjesta matul is-sena 2006 u dwar il-volum tad-domanda ta’ Dell ttrasferita lejn AMD matul is-sena 2007. F’dan l-istadju, hija ma wettqitx aġġustament mill-ġdid tal-parti kontestabbli użata għas-sena 2005 mill-kalkoli mwettqa fil-premessa 1245 tad-deċiżjoni kkontestata.

252    Fl-aħħar nett, fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni tinvoka l-Anness B.31, li jinkludi analiżi bbażata fuq it-trasferiment ta’ parti mit-talba ta’ Dell lil AMD matul is-snin 2006 u 2007 li tikkonferma l-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata fuq il-kapaċità tat-tnaqqis li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, u tal-Anness D.9, li juri li s-sehem tas-suq ta’ AMD għand Dell kien inqas minn dak li jidher fir-replika u juża ċ-ċifri l-ġodda misluta mir-replika jitwettaq test AEC.

253    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-analiżijiet addizzjonali, prodotti għall-ewwel darba matul il-proċedura quddiemha sabiex issostni t-test AEC li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. Il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq tipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli twettaq tali sostituzzjoni tal-motivi.

254    Għaldaqstant, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li kien possibbli li jiġi stabbilit sehem kontestabbli għal Dell ta’ bejn 8.2 % u 10.1 % minn elementi oħra minbarra l-ispreadsheet tal‑2004. L-eżistenza stess tal-imsemmija stimi turi li l-ipoteżi ta’ parti kontestabbli ta’ 7.1 % fir-rigward ta’ Dell ma kinitx l-unika waħda possibbli, u dan iwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tiddubita l-fondatezza tal-imsemmija ipoteżi, sostnuta mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

255    Din il-konstatazzjoni kif ukoll dik diġà fformulata fil-punt 234 iktar ’il fuq fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-parti kontestabbli ta’ Dell kellhiex tiġi evalwata biss abbażi tal-ispreadsheet tal‑2004 li tinkludi ċ-ċifra ta’ 7 % għas-sena 2005, meħuda flimkien, isostnu d-dubju dwar l-evalwazzjoni tal-imsemmija parti kontestabbli adottata fid-deċiżjoni kkontestata.

256    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-elementi mressqa minn Intel jistgħu jqajmu dubju f’moħħ il-qorti dwar il-fatt li l-parti kontestabbli għal Dell kellha tiġi ffissata għal 7.1 %. Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wrietx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-imsemmija parti kontestabbli.

–       Fuq l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-parti inizjali tal-perijodu rilevanti, minn Diċembru 2002 sa Ottubru 2003

257    Minkejja li l-konklużjoni msemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq invalida diġà fiha nnifisha l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli ta’ Dell magħmula fid-deċiżjoni kkontestata, għall-finijiet ta’ kompletezza, għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-argumenti ta’ Intel, il-fondatezza tal-analiżi tal-Kummissjoni tal-parti kontestabbli ta’ Dell fir-rigward tal-parti inizjali tal-perijodu rilevanti, bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003.

258    Skont Intel, teżisti inkoerenza bejn il-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, tal-parti kontestabbli ta’ 7.1 % għal Dell u l-konklużjoni tagħha, fil-premessa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, imwettqa abbażi ta’ paragun tal-imsemmija parti mas-sehem mis-suq meħtieġ sabiex kompetitur daqstant effiċjenti jkun jista’ jaċċedi għas-suq mingħajr ma jġarrab telf (iktar ’il quddiem il-“parti meħtieġa”), li tipprovdi li, għall-perijodu kollu ta’ bejn Diċembru 2002 u Diċembru 2005, it-tnaqqis ta’ Intel kien kapaċi jew seta’ jipproduċi effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi.

259    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet ta’ Intel, billi ssostni li dawn kienu biss konklużjonijiet intermedjarji, u tirreferi għall-premessi 1281 u 1282 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu evalwazzjoni globali.

260    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-tabella Nru 22 turi b’mod ċar li l-parti kontestabbli kienet ogħla mill-parti rikjesta, għall-ewwel erba’ trimestri indikati, u dan anki jekk wieħed jaċċetta l-kalkoli tal-parti rikjesta u tal-parti kontestabbli mwettqa mill-Kummissjoni. Fil-fatt, skont it-tabella Nru 22, matul is-snin finanzjarji li jaqgħu taħt il-perijodu kontabbli ta’ Dell mill-aħħar tliet xhur tas-sena fiskali 2003 sat-tielet trimestru tas-sena fiskali 2004, is-sehem meħtieġ kien ta’ mhux iktar minn 6.6 %, filwaqt li s-sehem kontestabbli użat fid-deċiżjoni kkontestata kien ta’ 7.1 %.

261    Barra minn hekk, fil-premessa 1256 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tikkonstata espliċitament li, “għall-parti l-kbira tat-trimestri (9 minn 13), il-parti meħtieġa hija ogħla mill-parti kontestabbli”. Konsegwentement, bħalma ssostni Intel, skont iċ-ċifri proprji tal-Kummissjoni, it-test AEC dwar it-tnaqqis ta’ Intel favur Dell wassal għal riżultat pożittiv matul l-ewwel erba’ trimestri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

262    Fir-rigward tal-premessi 1281 u 1282 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirreferi għalihom il-Kummissjoni (ara l-punt 259 iktar ’il fuq) sabiex jingħad li l-paragun bejn il-parti rikjesta u l-parti kontestabbli huwa biss wieħed mit-tliet elementi użati għall-konklużjoni tal-analiżi AEC, huma jindikaw li l-konklużjonijiet li waslet għalihom il-Kummissjoni fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil Dell huma dedotti mill-paragun tal-parti kontestabbli mal-parti neċessarja, tal-fatturi ta’ tisħiħ u tal-metodu alternattiv ta’ kalkolu u li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-ispejjeż l-iktar favorevoli għal Intel. Madankollu, mill-premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li t-tabella Nru 22 intużat fil-kuntest tal-paragun tal-parti kontestabbli mal-parti meħtieġa. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 272 sa 282 iktar ’il fuq, la l-metodu alternattiv ta’ kalkolu u lanqas il-fatturi ta’ tisħiħ ma jinkludu eżami tal-effett ta’ esklużjoni tat-tnaqqis għall-ewwel erba’ trimestri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, dawn it-tliet elementi tal-analiżi tal-Kummissjoni, anki jekk meħuda flimkien, ma jagħtux spjegazzjonijiet dwar il-fatt li t-test AEC dwar it-tnaqqis ta’ Intel favur Dell wassal għal riżultat pożittiv matul l-ewwel erba’ trimestri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

263    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li teżisti kontradizzjoni bejn dak li jirriżulta, minn naħa, mill-premessa 1256 tad-deċiżjoni kkontestata, li skontha, tal-inqas minn erba’ trimestri tal-perijodu rilevanti, Intel kienet għaddiet mit-test AEC u, min-naħa l-oħra, mill-konklużjonijiet tal-Kummissjoni fil-premessi 1281 u 1282 ta’ din l-istess deċiżjoni, li minnhom jirriżulta li t-tnaqqis mogħti lil Dell seta’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni matul il-perijodu rilevanti kollu.

264    Sussegwentement, l-elementi l-oħra tad-deċiżjoni kkontestata, li għalihom tagħmel riferiment il-Kummissjoni sabiex turi li ma kienx hemm żball fir-rigward tal-ewwel erba’ trimestri, lanqas ma huma konklużivi, fir-rigward tal-perijodu ta’ bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003. Skont il-Kummissjoni, il-premessi 1258 u 1259 tad-deċiżjoni kkontestata juru li approċċ trimestrali strett ma huwiex rilevanti.

265    B’mod iktar partikolari, fil-premessa 1258 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssostni li huwa possibbli li l-parti kontestabbli tkun żdiedet matul iż-żmien minħabba familjarizzazzjoni dejjem ikbar tal-konsumaturi fir-rigward tal-vijabbiltà tal-alternattiva li kienet tirrappreżenta AMD. Hija tenfasizza wkoll li, fil-każijiet kollha ta’ kalkolu, il-parti rikjesta tiżdied b’mod kostanti matul il-perijodu kopert mid-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għaċ-ċifri reali, li jirriżultaw mis-sitwazzjoni li kienet tipprevali fl‑2006 meta Dell kienet għażlet li tibda tixtri l-provvisti tagħha mingħand AMD. Hija tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq data pprovduta minn Gartner.

266    Fil-premessa 1259 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tqis li, għall-kuntrarju, huwa possibbli li l-parti kontestabbli kienet inqas minn 7.1 % matul il-perijodu qabel l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2005, data li fiha t-trasferiment minn Dell ta’ parti mill-bżonnijiet tagħha għal CPUs x86 minn Intel lejn AMD seta’ jseħħ l-iktar kmieni skont ix-xenarju li kien il-bażi tal-ispreadsheet tal‑2004. Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li d-differenza bejn il-parti rikjesta u l-parti kontestabbli għall-ewwel trimestri tal-perijodu rilevanti tista’ tkun inqas sinjifikattiva miċ-ċifri msemmija fit-tabella Nru 22.

267    Fir-rigward ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti tqajjem l-argument li l-Kummissjoni qatt ma biddlet l-evalwazzjoni tagħha tal-parti kontestabbli għall-ewwel erba’ trimestri tal-perijodu rilevanti, sabiex tiżgura li hija tirrifletti dan it-titjib tal-vijabbiltà ta’ AMD, li, skont ir-rikorrenti, ma seħħx mil-lum għal għada.

268    Għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma kkwantifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-imsemmi tkabbir preżunt tal-parti kontestabbli, li jieħu inkunsiderazzjoni bidla fil-perċezzjoni ta’ AMD mill-konsumaturi matul iż-żmien. Għall-kuntrarju, hija biss iċ-ċifra ta’ 7.1 % li hija użata fid-deċiżjoni kkontestata, u dan minkejja li l-ispreadsheet tal‑2004 kienet tipprevedi żvilupp matul is-snin sussegwenti meħuda inkunsiderazzjoni, billi tindika valuri li minnhom seta’ jiġi dedott li l-parti kontestabbli ta’ Dell kienet ta’ 17.3 %, ta’ 22.5 % u ta’ 24.2 % għat-tliet snin wara s-sena inizjali ta’ provvista parzjali mingħand AMD.

269    Imkien fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwa affermat b’mod definittiv li kien seħħ tkabbir tal-parti kontestabbli ta’ Dell fiż-żmien, minħabba t-titjib tal-perċezzjoni tal-prodotti ta’ AMD, iżda huwa indikat biss, fil-premessi 1258 u 1259 ta’ din id-deċiżjoni, li din kienet “possibbiltà”. Barra minn hekk, anki t-tabella Nru 22 tevalwa biss l-emendi, ratione temporis, tal-parti rikjesta, u dan fuq bażi multiannwali, iżda mhux fuq il-parti kontestabbli. Madankollu, il-Kummissjoni llimitat ruħha, fis-seduta tal‑2020, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali f’dan ir-rigward, li tenfasizza li 7.1 % użati fir-rigward tal-parti kontestabbli b’mod kostanti għall-perijodu rilevanti kollu minħabba “raġuni teknika”, marbuta ma’ allegat ftehim bejn Intel u l-Kummissjoni fir-rigward tal-użu ta’ perijodu ta’ sena għall-analiżi AEC. Għalhekk, minkejja li l-premessa 1212 tad-deċiżjoni kkontestata tirriproduċi l-erba’ punti ta’ data differenti li tirriżulta mill-ispreadsheet tal‑2004, hija biss iċ-ċifra ta’ 7.1 % li hija meqjusa xierqa għall-parti kontestabbli, fil-premessa 1213 tad-deċiżjoni kkontestata.

270    F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argumenti tal-Kummissjoni ma jippermettux li tiġi spjegata jew ivvalidata, a posteriori, id-differenza bejn ir-riżultati, indikati mill-Kummissjoni għall-ewwel erba’ trimestri tal-perijodu rilevanti, fit-tabella Nru 22, u l-konklużjoni tagħha, adottata għall-perijodu rilevanti kollu, li skontha Intel ma għaddietx mit-test AEC.

271    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, peress li r-riżultat tat-test AEC kien pożittiv għal Intel, fil-kuntest tal-kalkolu prinċipali, għall-ewwel erba’ trimestri msemmija fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma wrietx biss abbażi ta’ dan it-test li t-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil Dell kien kapaċi jirrestrinġi l-kompetizzjoni matul il-perijodu rilevanti kollu.

2)      Fuq il-metodu ta’ kalkolu alternattiv

272    Il-Kummissjoni wettqet, fil-premessi 1266 sa 1274 u 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, kalkolu alternattiv, abbażi ta’ informazzjoni li tinsab fil-preżentazzjoni ta’ Dell tas‑17 ta’ Frar 2004, li kienet tikkonferma, skont il-Kummissjoni, il-konklużjonijiet ibbażati fuq il-kalkolu prinċipali fit-test AEC, jiġifieri li t-tnaqqis li Intel kienet tat lil Dell kien kapaċi jelimina kompetitur daqstant effiċjenti.

273    Intel tikkontesta r-rilevanza tal-kalkolu alternattiv. Din l-evalwazzjoni tirrigwarda biss is-sena fiskali 2005, li tinsab barra mill-perijodu li fir-rigward tiegħu ntwera, fid-deċiżjoni kkontestata, li Intel għaddiet mit-test AEC. Il-konstatazzjoni ta’ ksur fir-rigward ta’ Dell għall-perijodu bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003 għalhekk ma tistax tinżamm.

274    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti ta’ Intel u tqis, min-naħa tagħha, li l-kalkolu alternattiv jikkostitwixxi approċċ li jikkonferma s-soluzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata adottata b’mod prinċipali.

275    F’dan ir-rigward, sa fejn id-deċiżjoni kkontestata tibbaża l-kalkolu alternattiv tagħha fuq il-preżentazzjoni ta’ Dell tas‑17 ta’ Frar 2004, li, kif jirriżulta wkoll mit-tabelli Nru 28 u Nru 29 li jinsabu fil-premessi 1268 u 1270 ta’ din id-deċiżjoni, tevalwa l-perijodu li jibda mis-sena fiskali 2005, minn dan ma jistax jiġi dedott li din tippermetti li jiġu spjegati jew, a fortiori, li jiġu emendati l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-perijodu bejn Diċembru 2002 u Ottubru 2003. Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni rreferiet, fis-seduta tal‑2020, għan-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 1604 tal-premessa 1264 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex issostni li d-dokumenti użati kienu jikkonċernaw sew il-perijodu rilevanti, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li din in-nota ta’ qiegħ il-paġna kienet tikkonċerna l-fatturi ta’ tisħiħ u mhux il-metodu alternattiv ta’ kalkolu.

276    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-metodu alternattiv, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan ma jurix li l-prattiki ta’ tnaqqis ta’ Intel setgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni matul il-perijodu rilevanti kollu.

3)      Fuq il-fatturi ta’ tisħiħ

277    Skont ir-rikorrenti, huwa għalxejn li l-Kummissjoni tipprova tissostanzja l-analiżi tagħha billi tiddikjara li l-użu tagħha tal-kriterju ta’ kompetitur daqstant effiċjenti għandu fil-fatt natura konservattiva li ma tiħux inkunsiderazzjoni fatturi ta’ tisħiħ. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li kien iġġustifikat li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatturi ta’ tisħiħ.

278    Għalhekk, għandu jiġi analizzat jekk id-diversi żbalji tal-Kummissjoni fit-test AEC dwar Dell jistgħux jiġu kkoreġuti mid-diversi elementi meħuda inkunsiderazzjoni bħala fatturi ta’ tisħiħ, kif jirriżultaw mill-premessi 1260 sa 1265 tad-deċiżjoni kkontestata.

279    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-premessa 1260 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-interess tal-fatturi ta’ tisħiħ huwa li “ċertu numru ta’ fatturi ma ttiħdux inkunsiderazzjoni b’mod sħiħ fl-analiżi [preċedenti], filwaqt li, kieku inklużi, isaħħu l-kapaċità ta’ esklużjoni stmata mit-tnaqqis”. Għalhekk, il-fatturi inkwistjoni kellhom biss l-għan li jsaħħu l-eżami prinċipali dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni.

280    Min-naħa l-oħra, mill-premessa 1261 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni stess qieset li t-teħid inkunsiderazzjoni sħiħ tal-effetti tal-fatturi ta’ tisħiħ kien jeħtieġ assunzjonijiet addizzjonali dwar il-mod kif it-tnaqqis ser jingħata lil kompetituri oħra, kif ukoll dwar il-konsegwenzi ta’ tali sitwazzjoni kompetittiva aggressiva fuq id-dħul ta’ Dell.

281    Bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali fis-seduta tal‑2020, il-Kummissjoni ddikjarat li l-fatturi ta’ tisħiħ kienu s-suġġett ta’ “evalwazzjoni prammatika” u li dawn kienu elementi “sui generis”, inklużi fl-istruttura tad-deċiżjoni kkontestata dwar it-test AEC. Madankollu, il-Kummissjoni ma sostnietx li dawn kienu ġew evalwati b’mod preċiż, f’ċifri, fil-kuntest tat-test AEC. Hija tenfasizza pjuttost li dawn l-elementi, indipendentement mill-kwistjoni tal-legalità tagħhom, kienu jikkostitwixxu “effett ta’ lieva addizzjonali” favur Intel, sa fejn it-tnaqqis mitluf minn Dell kien ser jiġi ttrasferit lil kompetituri u peress li dan it-telf ta’ tnaqqis seta’ jikkonċerna ċipep oħra mixtrija mingħand Intel, li “ma kinux dawk li huma s-suġġett tad-deċiżjoni kkontestata”.

282    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-fatturi ta’ tisħiħ ġew inklużi fid-deċiżjoni kkontestata bħala elementi li jistgħu jsaħħu l-eżami prinċipali dwar l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni prodott mit-tnaqqis inkwistjoni u li dawn ma ġewx analizzati biżżejjed mill-Kummissjoni fir-rigward tal-impatt li kellhom fuq l-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-imsemmi tnaqqis. Għalhekk, it-teħid inkunsiderazzjoni tagħhom ma jistax jiġi utilment ikkontrollat mill-Qorti Ġenerali, u lanqas ma jista’ jissostitwixxi l-analiżi prinċipali tal-Kummissjoni dwar il-kapaċità tat-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil Dell sabiex tipproduċi effett ta’ esklużjoni.

4)      Konklużjoni dwar it-test AEC għat-tnaqqis mogħti lil Dell

283    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi l-fondatezza tal-ipoteżi tagħha li l-parti kontestabbli ta’ Dell għall-perijodu meħud inkunsiderazzjoni kienet ta’ 7.1 %. Peress li, fil-premessi 1255 sa 1257 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-ipoteżi serviet bħala bażi sabiex turi, b’paragun bejn il-parti rikjesta u l-parti kontestabbli, il-kapaċità tat-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil Dell li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, mingħajr il-bżonn li jiġu analizzati l-ilmenti tar-rikorrenti relatati mal-kalkolu tal-parti kundizzjonali, isegwi li l-imsemmi paragun ma weriex b’mod suffiċjenti fid-dritt l-imsemmija kapaċità.

284    Barra minn hekk, il-fatturi ta’ tisħiħ ma jistgħux, fihom infushom, juru l-kapaċità tat-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil Dell sabiex tipproduċi effett ta’ esklużjoni u, fi kwalunkwe każ, ma ġewx analizzati biżżejjed, filwaqt li l-metodu ta’ kalkolu alternattiv ma jurix li l-prattiki ta’ tnaqqis ta’ Intel setgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni matul il-perijodu rilevanti kollu.

285    Għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-konklużjonijiet li waslet għalihom fir-rigward tal-kapaċità tat-tnaqqis mogħti lil Dell sabiex tipproduċi effett ta’ esklużjoni huma dedotti mill-paragun tal-parti kontestabbli u mill-parti meħtieġa, tal-fatturi ta’ tisħiħ u tal-konferma miġjuba permezz tal-metodu alternattiv ta’ kalkolu.

286    Madankollu, peress li l-paragun bejn il-parti kontestabbli u l-parti rikjesta ma jistabbilixixix, suffiċjentement skont il-liġi, l-effetti ta’ esklużjoni u li l-fatturi ta’ tisħiħ ma ġewx analizzati biżżejjed, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi fuq il-bażi ta’ dawn l-ewwel żewġ elementi l-kapaċità tat-tnaqqis mogħti lil Dell li jipproduċi effett ta’ esklużjoni. Barra minn hekk, it-tielet element użat mill-Kummissjoni, li jikkonsisti f’metodu alternattiv ta’ kalkolu, li għandu, skont il-kliem tal-premessa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, funzjoni ta’ konferma tal-ewwel żewġ elementi, ma jistax fih innifsu jsostni l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni, a fortiori peress li ma jurix li l-prattiki ta’ tnaqqis ta’ Intel setgħu jipproduċu effett ta’ esklużjoni matul il-perijodu rilevanti kollu.

287    Għaldaqstant, għandu jintlaqa’ l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fondatezza tal-konklużjoni, ifformulata fil-premessa 1281 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, matul il-perijodu bejn Diċembru 2002 u l-2005, it-tnaqqis ta’ Intel kien kapaċi jew kien seta’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv, għaliex anki kompetitur daqstant effiċjenti kien eskluż milli jipprovdi lil Dell il-bżonnijiet tagħha ta’ CPUs x86.

b)      Fuq l-allegati żbalji relatati mat-test AEC applikat għal HP

288    Fil-premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li HP u r-rikorrenti kienu kkonkludew, għall-perijodu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005, il-ftehimiet HPA li kellhom bħala suġġett desktops maħsuba għall-impriżi. Fl-istess premessa, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn il-ftehimiet kienu jipprevedu kundizzjoni mhux miktuba għall-għoti ta’ tnaqqis lil HP (iktar’ il quddiem it-“tnaqqis tal-HPA”), jiġifieri li din tixtri mingħand ir-rikorrenti tal-inqas 95 % tal-bżonnijiet tagħha ta’ CPUs x86 għad-desktops tagħha intiżi għall-impriżi (iktar ’il quddiem il-“kundizzjoni ta’ kważi-esklużività”). Fil-premessa 1406 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet abbażi tat-test AEC li dan it-tnaqqis HPA seta’ jkollu effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi.

289    Fir-rigward b’mod iktar preċiż il-perijodi koperti mill-ftehim li wasslu għat-tnaqqis tal-HPA, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessi 338, 341 u 1296 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ewwel wieħed minn dawn il-ftehimiet (iktar ’il quddiem il-“ftehim HPA 1”) kien ġie konkluż wara l-amalgamazzjoni f’Mejju 2002 ta’ HP ma’ Compaq u kien ikopri perijodu minn Novembru 2002 sa Mejju 2004. Fir-rigward tat-tieni ftehim HPA, il-Kummissjoni kkonstatat, fil-premessi 342 u 343 tad-deċiżjoni kkontestata, li dan ikopri perijodu minn Ġunju 2004 sa Mejju 2005.

290    Ir-rikorrenti tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li t-tnaqqis HPA seta’ jkollu effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi u ssostni li, meta jiġi applikat b’mod korrett, it-test AEC juri li dan it-tnaqqis ma setax jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti.

291    Essenzjalment, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata fiha erba’ żbalji, relatati, l-ewwel, mal-parti kontestabbli, it-tieni, mal-ammont tal-parti kundizzjonali tat-tnaqqis, it-tielet, mal-perijodu tal-ksur eżaminat u, ir-raba’, mal-fatturi ta’ tisħiħ meħuda inkunsiderazzjoni. Ir-rikorrenti tressaq il-ħames argument li l-Kummissjoni wettqet żbalji fl-evalwazzjoni tal-IEM tagħha.

1)      Fuq il-perijodu eżaminat mit-test AEC

292    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma wettqitx it-test AEC għall-perijodu kollu kopert mid-deċiżjoni kkontestata. Id-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix it-test AEC għall-ewwel ħdax-il xahar tal-perijodu kkonċernat, jiġifieri minn Novembru 2002 sat-tielet trimestru tas-sena fiskali 2003 ta’ HP. Barra minn hekk, minkejja li t-tabella Nru 35 li tidher fil-premessa 1337 tad-deċiżjoni kkontestata (iktar ’il quddiem it-“tabella Nru 35”) tippreżenta analiżi ta’ “solidità”, li tinkludi l-allegata integrità tal-ftehim HPA1, din l-analiżi hija bbażata, skont ir-rikorrenti, fuq data inkompleta. Il-Kummissjoni wettqet “żball manifest ta’ evalwazzjoni” meta affermat li r-rikorrenti ma kinitx tissodisfa t-test AEC għall-perijodu kopert mill-ftehim HPA1, filwaqt li rrikonoxxiet li kien possibbli li, fin-nuqqas ta’ data koerenti, il-perijodu ta’ referenza “ma jikkoinċidix perfettament mat-tul kuntrattwali effettiv” tal-ftehim HPA1.

293    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li l-affermazzjoni tal-Kummissjoni magħmula fil-premessa 1014 tad-deċiżjoni kkontestata li tgħid li t-test AEC jeħtieġ li tiġi eżaminata l-parti kontestabbli tal-bżonnijiet ta’ OEM fuq perijodu ta’ mhux iktar minn sena hija inkompatibbli mal-analiżi li tirriżulta mit-tabella Nru 35 magħmula fuq perijodu itwal, jiġifieri fuq sena u nofs.

294    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni tinkludi tabilħaqq analiżi AEC għall-perijodu kollu kopert mill-Ftehim HPA 1, li jiddekorri minn Novembru 2002 sa Mejju 2004, u li l-Anness B.31 juri kif dan huwa perijodu rilevanti.

295    Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni li r-rikorrenti f’ebda mument ma qajmet dan l-argument matul il-proċedura amministrattiva, minkejja li l-istess perijodi ta’ referenza ntużaw għall-kalkoli kollha dwar HP. Barra minn hekk, ir-rikorrenti użat dawn il-perijodi ta’ referenza għall-kalkoli proprji tagħha dwar HP fir-risposta għad-dikjarazzjonijiet tal-oġġezzjonijiet tal‑2007.

296    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tippreċiża r-raġuni li għaliha l-kalkolu għat-tul kollu tal-validità tal-ftehim HPA1 – jiġifieri sena u nofs – ma jużax il-partijiet kontestabbli trimestrali matul il-perijodu ta’ validità tal-ftehim HPA1, stabbilit għal orizzont ta’ sena. Skontha, irrispettivament mill-mument fejn il-kompetitur daqstant effiċjenti jipprova jidħol fis-suq HP, din tal-aħħar għandha tevalwa l-proposta tal-imsemmi kompetitur għas-sena li tibda mill-mument tad-dħul tiegħu fis-suq.

297    Fil-premessi 1334 sa 1337 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-kalkoli tagħha dwar il-parti meħtieġa fir-rigward ta’ HP.

298    Fil-premessi 1385 sa 1387 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, filwaqt li rreferiet għaċ-ċifri esposti fil-premessa 1334 tal-imsemmija deċiżjoni, qieset li l-parti rikjesta kienet sistematikament ogħla mill-parti kontestabbli.

299    Fil-premessa 1406 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, abbażi tal-paragun tal-parti kontestabbli u tal-parti meħtieġa li saret fil-premessi 1385 sa 1389 tal-imsemmija deċiżjoni, kien hemm lok li jitqies li, matul il-perijodu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005, it-tnaqqis mogħti minn Intel lil HP seta’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv.

300    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 TFUE, l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma timponi fuq id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet l-obbligu li jikkontesta d-diversi punti ta’ fatt u ta’ liġi matul il-proċedura amministrattiva, taħt piena li ma jkunx jista’ jikkontestahom ulterjorment fl-istadju tal-proċedura ġudizzjarja (sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il-Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 89).

301    Għaldaqstant, l-argument tal-Kummissjoni li jgħid li r-rikorrenti naqset milli tikkontesta, matul il-proċedura amministrattiva, il-perijodi użati mill-Kummissjoni għall-kalkoli tagħha, ma jistax jintlaqa’.

302    L-istess jgħodd għall-argument tal-Kummissjoni li r-rikorrenti użat il-perijodi inkwistjoni għall-kalkoli tagħha stess matul il-proċedura amministrattiva. Peress li ċerti perijodi ntużaw mill-Kummissjoni għall-kalkoli tagħha stess fid-deċiżjoni kkontestata, huma jagħmlu parti mill-motivi tal-imsemmi deċennju li r-rikorrenti tista’ tikkontesta quddiem il-Qorti Ġenerali.

303    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li t-tabella Nru 34, li tidher fil-premessa 1334 tad-deċiżjoni kkontestata, li tirriproduċi l-parametri u l-kalkoli tal-parti rikjesta (iktar ’il quddiem it-“tabella Nru 34”) tkopri l-perijodu bejn ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tielet trimestru tas-sena fiskali 2005, b’tali mod li ma tinkludi ebda informazzjoni dwar ix-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002 kif ukoll l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003.

304    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni ġustament li ċ-ċifri tal-ftehim HPA1 li jidhru fl-ewwel linja tat-tabella Nru 35, intiżi sabiex jistabbilixxu s-solidità tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni billi jiġi espost il-kalkolu tas-sehem meħtieġ għall-ftehim HPA, jirriżultaw mis-somma jew mill-medja aritmetika taċ-ċifri li jidhru fl-ewwel tliet linji tat-tabella Nru 34.

305    B’mod partikolari:

–        in-numru ta’ CPUs x86 mixtrija minn HP identifikati fit-tabella Nru 35 għall-perijodu kopert mill-Ftehim HPA 1, jiġifieri 7 079 382 unità, jikkorrispondi għan-numru ta’ CPUs x86 mixtrija minn HP fuq il-perijodu li jestendi għar-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, identifikat fit-tabella Nru 34 (ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003, 2 416 750 unità; l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2004, 2 200 225 unità; it-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, 2 462 407 unità);

–        l-ammont tat-tnaqqis irċevut minn HP identifikat fit-tabella Nru 35 għall-perijodu kopert mill-Ftehim HPA 1, jiġifieri USD 97 499 999, jikkorrispondi għat-tnaqqis irċevut minn HP fuq il-perijodu li jkopri r-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, identifikat fit-tabella Nru 34 (ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2 003.32499999 USD; L-ewwel tliet xhur tas-sena fiskali 2004, USD 32 500 000 ;

–        il-valur “V” (jiġifieri, il-frazzjoni tal-volum totali ta’ unitajiet ta’ CPUs x86 li HP kienet xtrat mingħand ir-rikorrenti filwaqt li osservat il-kundizzjoni ta’ kważi esklużività) identifikata fit-tabella Nru 35 għall-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, jiġifieri 6 725 413 unità, jikkorrispondi, għal unità waħda u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ żball ta’ tipa, għall-valuri “V” għall-perijodu li jkopri r-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, identifikati fit-tabella Nru 34 (ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003, 2 295 913 unità; l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2004, 2 090 214 unità; it-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, 2 339 287 unità);

–        il-“PBM tal-mikroproċessuri ta’ Intel” identifikat fit-tabella Nru 35 għall-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, jiġifieri 165,15, jikkorrispondi għall-medja aritmetika, mingħajr kunsiderazzjoni, tal-PBM identifikati, għall-perijodu bejn ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003 sat-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, fit-tabella Nru 34 (ir-raba’ trimestru tas-sena fiskali 2003, 176.19; l-ewwel trimestru tas-sena fiskali 2004, 159.45; it-tieni trimestru tas-sena fiskali 2004, 159.82).

306    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma ssostnix li l-prova preċedenti tirriżulta minn koinċidenza u li d-diversi valuri identifikati fil-punt 305 iktar’ il fuq huma identiċi għat-tliet trimestri neqsin kif ukoll għat-tliet trimestri sussegwenti.

307    Għalhekk, dak li ntqal huwa suffiċjenti sabiex jintwera li x-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002 kif ukoll l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 ma kinux effettivament meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fil-kalkoli li wasslu għaċ-ċifri li jinsabu fit-tabella Nru 35. Il-kalkolu tal-parti meħtieġa matul it-tul tal-ftehim HPA li wassal għar-riżultati li jinsabu fit-tabelli Nru 34 u 35 ma jkoprix għalhekk il-perijodu kollu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005 li fir-rigward tiegħu l-Kummissjoni qieset li wriet l-eżistenza ta’ effett ta’ esklużjoni prodott mit-tnaqqis li Intel tat lil HP.

308    Fit-tielet lok, l-argumenti mressqa mill-Kummissjoni ma humiex ta’ natura li jikkontestaw il-konklużjoni preċedenti.

309    Qabelxejn, fil-kontroreplika, il-Kummissjoni ssostni li r-riżultat ta’ kalkolu fuq bażi trimestrali ma huwiex fundamentalment differenti mir-riżultat tal-kalkolu globali allegatament imwettaq.

310    Madankollu, dan l-argument isir b’risposta għar-replika, sabiex isostni li l-approċċ adottat fid-deċiżjoni kkontestata, li huwa bbażat fuq medja tal-ishma ta’ kull tliet xhur li fihom il-parti kontestabbli hija kkalkolata għal perijodu massimu ta’ sena, ma kienx inkompatibbli mal-metodoloġija tal-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni perijodu ta’ żmien ta’ sena għall-parti kontestabbli. Għalkemm il-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jiħdux inkunsiderazzjoni d-data dwar ix-xhur ta’ Novembru u Diċembru 2002 kif ukoll l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 għat-tul tal-ftehim HPA1, ftit jimporta li dawn il-kalkoli jkunu fatti trimestrali kull tliet xhur jew globalment, peress li x-xhur ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2002 kif ukoll l-ewwel tliet trimestri tas-sena fiskali 2003 qatt ma jittieħdu inkunsiderazzjoni.

311    Sussegwentement, fir-risposta u fil-kontroreplika, il-Kummissjoni, insostenn tal-argumenti tagħha, tagħmel riferiment għall-Annessi B.31. u D.17 korrispondenti.

312    Fir-rigward tar-riferiment, fir-risposta, għall-Anness B.31, għandu jitfakkar li, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat, fir-rigward ta’ punti speċifiċi, permezz ta’ riferimenti għal siltiet speċifiċi minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għall-assenza tal-elementi essenzjali tal-argumenti legali, li, skont l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għandhom ikunu inklużi fir-rikors (sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94).

313    Minbarra dan, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li hija tista’ tqis bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il-Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 94).

314    Għalhekk, anness mar-rikors jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni biss sa fejn jissostanzja jew jikkompleta argumenti espressament invokati mir-rikorrent fit-test proprju tar-rikors u sa fejn huwa possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddetermina bi preċiżjoni liema huma l-elementi li jinsabu fl-anness li jissostanzjaw jew jikkompletaw l-imsemmija argumenti.

315    F’dan il-każ, fir-risposta, il-Kummissjoni sempliċement tindika li l-perijodu analizzat fid-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri l-perijodu komplet kopert mill-Ftehim HPA1, huwa rilevanti għall-finijiet tat-test AEC, mingħajr ma tiżviluppa dan l-argument, u tirreferi, mingħajr indikazzjonijiet oħra, għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fl-Anness B.31, mingħajr ma jkun possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddetermina bi preċiżjoni liema huma l-elementi li jinsabu fl-imsemmi anness li jistgħu jsostnu dan l-argument mhux żviluppat. Minn dan isegwi li l-imsemmi argument huwa inammissibbli, b’applikazzjoni, b’analoġija, tal-ġurisprudenza msemmija fil-punti 312 sa 314 iktar ’il fuq (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2007, Microsoft vs Il‑Kummissjoni, T‑201/04, EU:T:2007:289, punt 99).

316    Fir-rigward tal-kontroreplika, il-Kummissjoni tirreferi għall-punti 77 sa 82 tal-anness D.17 sabiex issostni li kalkoli trimestrali li jieħdu bħala bażi ċifra pprovduta minn HP iwasslu għal riżultati inqas favorevoli għal Intel mir-riżultati medji li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni.

317    Sa fejn il-Kummissjoni tippreżenta, fl-Anness D.17 tal-kontroreplika, kalkolu għal tnejn mit-tliet trimestri neqsin, jiġifieri t-tieni u t-tielet trimestri tas-sena fiskali 2003, għandu jiġi rrilevat li l-imsemmija kalkoli ma jirriżultawx mid-deċiżjoni kkontestata u huma ppreżentati għall-ewwel darba matul il-proċedura ġudizzjarja. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-kalkoli addizzjonali sabiex issostni t-test AEC li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata mingħajr ma tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. Issa, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq tipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli twettaq tali sostituzzjoni tal-motivi.

318    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li xejn ma juri l-eżattezza tal-ipoteżi mressqa mill-Kummissjoni li tgħid li, minħabba l-istabbiltà tat-tnaqqis matul il-perijodu kopert mill-Ftehim HPA1, ir-riżultati tal-parti meħtieġa huma l-istess għax-xahrejn u t-tliet trimestri neqsin. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li l-parti rikjesta hija kkalkolata permezz ta’ tliet parametri, jiġifieri l-ammont tat-tnaqqis, il-volum tax-xiri ta’ HP u l-PBM. Issa, ma ntweriex, fid-deċiżjoni kkontestata, li dawn l-aħħar żewġ parametri kellhom, għax-xahrejn u t-tliet trimestri neqsin, valuri identiċi għal dawk identifikati fil-kuntest tal-eżami tat-trimestri meħuda inkunsiderazzjoni. Barra minn hekk, xejn ma jiggarantixxi li d-data għax-xhur u trimestri mhux meħuda inkunsiderazzjoni għall-finijiet tat-test AEC ma hijiex differenti minn dik identifikata għat-trimestri analizzati.

319    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li l-kalkolu tagħha tas-sehem meħtieġ jippermettilha li tislet konklużjonijiet dwar l-effett ta’ esklużjoni prodott mit-tnaqqis li Intel tat lil HP għall-perijodu kollu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza tal-imsemmi effett għall-perijodu bejn Novembru 2002 u Settembru 2003.

320    Il-fatt li l-Kummissjoni wettqet kalkolu alternattiv tal-parti rikjesta fil-premessa 1389 tad-deċiżjoni kkontestata billi rreferiet għaċ-ċifri esposti fil-premessa 1338 tal-imsemmija deċiżjoni ma jistax jikkumpensa għal dan l-iżball. Fil-fatt, mit-tabelli Nru 36 u Nru 37 jirriżulta li d-data dwar is-sehem meħtieġ fiż-żewġ xenarji alternattivi previsti mill-Kummissjoni jkopru, rispettivament, il-perijodu li jmur mir-raba’ trimestru tas-sena 2004 sat-tielet trimestru tas-sena 2005 u l-perijodu mit-tieni trimestru sat-tielet trimestru tas-sena 2005. Għalhekk, l-imsemmi kalkolu alternattiv lanqas ma jkopri l-perijodu kollu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005.

2)      Fuq l-allegati fatturi ta’ tisħiħ

321    Fil-premessi 1390 sa 1395 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat, essenzjalment, li t-test AEC ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni żewġ kunsiderazzjonijiet addizzjonali, jiġifieri, l-ewwel, li l-Kummissjoni kienet użat iċ-ċifri l-iktar favorevoli għar-rikorrenti, u, it-tieni, li, fil-każ ta’ trasferiment minn HP tax-xiri tagħha ta’ CPUs x86 lejn AMD, ir-rikorrenti setgħet min-naħa tagħha tittrasferixxi t-tnaqqis inizjalment intiż għal HP lejn kompetitur ieħor li juża s-CPUs x86 tagħha, bħal Dell. Skont il-Kummissjoni, dan isaħħaħ ukoll l-inkonvenjenzi għal HP li jirriżultaw mit-trasferiment tax-xiri tagħha għal CPUs x86 lejn AMD.

322    Ir-rikorrenti ssostni, l-ewwel, li l-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġunijiet għaliex żieda fit-tnaqqis mogħti lill-kompetituri ta’ HP, u dan sabiex tallinja l-kompetizzjoni, hija antikompetittiva. It-tieni, mid-dokument ta’ HP intitolat “Managing Intel and AMD to maximise value to BPC” jirriżulta li HP stess kienet ikkonkludiet li tali miżura ma kinitx tikkostitwixxi riskju reali u li tali fenomenu ma kienx ġie osservat f’unitajiet kummerċjali dinjija oħra bi proporzjon ikbar ta’ prodotti AMD. It-tielet, kieku HP kienet irċeviet miljun CPUs x86 mingħajr ħlas min-naħa ta’ AMD, hija kienet tevita li tħallas USD 163.86 miljun lir-rikorrenti (jiġifieri PBM mingħajr tnaqqis għal miljun CPUs x86). It-tnaqqis totali tar-rikorrenti previst fil-Ftehim HPA1 kien jammonta biss għal USD 130 miljun, b’tali mod li HP kellha tħallas kważi USD 34 miljun sabiex tixtri l-kwantità ekwivalenti ta’ CPUs x86 mingħand ir-rikorrenti. HP għalhekk neċessarjament ċaħdet l-offerta ta’ AMD għas-sempliċi raġuni li d-domanda għal sistemi mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD kienet insuffiċjenti u ma ħaditx inkunsiderazzjoni t-telf potenzjali tat-tnaqqis mogħti mir-rikorrenti. Ir-raba’, mid-dokument ta’ HP intitolat “Managing Intel and AMD to maximise value to BPC” jirriżulta wkoll li l-aċċettazzjoni ta’ AMD fis-suq tal-professjonisti kienet inċerta.

323    Il-Kummissjoni ssostni, l-ewwel, li l-possibbiltà ta’ trasferiment ta’ tnaqqis lejn il-kompetituri ta’ HP issaħħaħ l-inċentivi ekonomiċi sabiex twassal HP sabiex ma tiksirx il-kundizzjonijiet tal-ftehim HPA. It-tieni, id-dokument ta’ HP intitolat “Managing Intel and AMD to maximise value to BPC” ma jittrattax trasferiment ta’ tnaqqis lejn il-kompetituri. It-tielet, id-deċiżjoni ta’ HP li ma taċċettax l-offerta ta’ miljun CPUs x86 mingħajr ħlas magħmula minn AMD ma tirriżultax biss minn paragun kontabbli. Kuntrarjament għat-test AEC, li huwa purament teoretiku, id-deċiżjonijiet kummerċjali veri huma influwenzati minn diversi fatturi. Barra minn hekk, il-kalkoli tar-rikorrenti ma humiex korretti, peress li, peress li HP setgħet tixtri, skont il-ftehim HPA, fi kwantitajiet żgħar mingħand AMD, hija finalment xtrat 160 000 CPUs x86. Għaldaqstant, HP ma rrifjutatx miljun CPUs x86, iżda biss 840 000 CPUs x86. Issa, flimkien ma’ PVM ta’ USD 163.86 għal kull unità, l-ammont imneħħi jirrappreżenta biss USD 137.6 miljun, li ma huwiex differenti b’mod sinjifikattiv mill-USD 130 miljun ta’ tnaqqis HPA.

324    F’dan ir-rigward, qabel ma tistaqsi dwar in-natura allegatament żbaljata tal-evalwazzjoni magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-fattur ta’ tisħiħ li huwa identifikat fiha u li jikkonsisti fi trasferiment tat-tnaqqis inizjalment mogħti lil HP lejn il-kompetituri tagħha, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludi ebda analiżi tal-effett tal-imsemmi fattur fuq l-elementi meħuda inkunsiderazzjoni fit-test AEC.

325    Skont ġurisprudenza stabbilita, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni jikkostitwixxu ksur tar-rekwiżiti proċedurali sostanzjali, fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, u jikkostitwixxu motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, jekk ikun il-każ, jiġi invokat ex officio mill-qorti tal-Unjoni (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

326    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar’ il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ nuqqas eventwali tal-obbligu ta’ motivazzjoni u li tisma’ lill-partijiet għal dan il-għan, kif għamlet fis-seduta tal‑2020.

327    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni tiddependi min-natura tal-att inkwistjoni u mill-kuntest li fih ikun ġie adottat. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni b’mod li, minn naħa, il-persuni interessati jkunu jafu r-raġunijiet għall-miżura adottata biex ikunu jistgħu jiddefendu d-drittijiet tagħhom u biex jivverifikaw jekk id-deċiżjoni hijiex fondata jew le u, min-naħa l-oħra, il-qorti tal-Unjoni tkun tista’ tagħmel l-istħarriġ tagħha dwar il-legalità. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi fattwali u ta’ liġi rilevanti kollha, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 KE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu, kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Jannar 2012, Djebel – SGPS vs Il-Kummissjoni, T‑422/07, mhux ippubblikata, EU:T:2012:11, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

328    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni qieset li t-trasferiment tal-iskontijiet inizjalment iddestinati għal HP lejn il-kompetituri tagħha kien jikkostitwixxi fattur ta’ tisħiħ tal-konklużjonijiet li hija tislet mit-test AEC, hija madankollu ma ppreċiżatx liema mill-elementi meħuda inkunsiderazzjoni f’dan it-test kien ser ikun influwenzat u b’liema mod. Issa, peress li l-Kummissjoni kkunsidrat li dan il-fattur ta’ tisħiħ kellu rwol fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis inkwistjoni, hija kellha tevalwa b’mod iktar preċiż l-effett fuq din tal-aħħar. Dan huwa iktar u iktar il-każ peress li hija kkunsidrat, fil-premessa 1395 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-imsemmi fattur kien ta’ natura li jipprevali fuq l-argumenti kollha tar-rikorrenti magħmula matul il-proċedura amministrattiva dwar il-fatturi użati mill-Kummissjoni sabiex tapplika t-test AEC fir-rigward ta’ HP.

329    Waqt is-seduta tal‑2020, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali dwar ir-raġunament tagħha li l-fattur ta’ tisħiħ li jikkonsisti fi trasferiment tat-tnaqqis inizjalment mogħti lil HP lil wieħed mill-kompetituri tagħha jipprevali fuq l-iżbalji kollha inklużi fid-deċiżjoni kkontestata u fuq il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni sempliċement indikat li ebda sieħeb kummerċjali raġonevoli ma kien irrifjuta l-offerta li AMD għamlitilha li toffrilha miljun CPUs x86 mingħajr ħlas. Barra minn hekk, HP irrifjutat l-offerta ta’ AMD biss minħabba l-konsegwenzi li kien ikollha aċċettazzjoni fuq ir-relazzjoni tagħha mar-rikorrenti. Il-Kummissjoni qieset li ma kien hemm xejn li jżid ma’ dak li kien jinsab fid-deċiżjoni kkontestata.

330    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li l-argument ippreżentat mill-Kummissjoni waqt is-seduta tal‑2020 huwa sempliċi suppożizzjoni mhux issostanzjata li ma tistax timla l-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-influwenza li għandu l-fattur ta’ tisħiħ li jikkonsisti fi trasferiment tal-iskontijiet inizjalment mogħtija lil HP lejn wieħed mill-kompetituri tagħha fuq il-konklużjonijiet tagħha li jirriżultaw mit-test AEC.

331    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi deċiż li d-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward tal-fattur ta’ tisħiħ li jikkonsisti fi trasferiment tat-tnaqqis inizjalment mogħti lil HP lejn wieħed mill-kompetituri tagħha, hija affettwata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.

332    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1406 tad-deċiżjoni kkontestata, sabiex tafferma li hija wriet il-kapaċità tat-tnaqqis mogħti lil HP li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-paragun tal-parti kontestabbli u min-naħa rikjesta, tal-fatturi ta’ tisħiħ u l-assenza ta’ rilevanza tal-allegazzjonijiet ta’ Intel dwar “teorija ġdida” tal-Kummissjoni.

333    Qabelxejn, mill-premessi 1396 sa 1405 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-eżami tal-assenza ta’ rilevanza tal-allegazzjonijiet ta’ Intel dwar “teorija ġdida” tal-Kummissjoni ma jikkonsistix f’test AEC alternattiv, iżda f’kontestazzjoni ta’ kalkoli ġodda ppreżentati minn Intel fl-osservazzjonijiet tagħha tat‑28 ta’ Marzu 2008, b’tali mod li ma jistax jitqies li huwa eżami tal-Kummissjoni intiż sabiex tiġi stabbilita l-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effett ta’ esklużjoni.

334    Sussegwentement, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, fir-rigward tat-test AEC applikat għal HP, il-Kummissjoni, minn naħa, waqt il-paragun tal-parti kontestabbli u min-naħa rikjesta, ma wrietx l-eżistenza tal-effetti ta’ esklużjoni għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2002 u l‑31 ta’ Settembru 2003 u, min-naħa l-oħra, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti fid-dritt l-eżami tal-fatturi ta’ tisħiħ.

335    Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi l-fondatezza tal-konklużjoni, ifformulata fil-premessa 1406 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, matul il-perijodu minn Novembru 2002 sa Mejju 2005, it-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil HP kien kapaċi jipproduċi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv jew li jista’ jipproduċi tali effett, sa fejn hija ma wrietx l-eżistenza ta’ effetti ta’ esklużjoni għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2002 u l‑31 ta’ Settembru 2003.

c)       Fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal NEC

336    Fil-premessi 451 sa 453 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li NEC kienet waħda mill-ikbar għaxar bejjiegħa ta’ kompjuters u ta’ servers fid-dinja. Sa April 2005, l-attivitajiet ta’ NEC kienu amministrati minn żewġ sussidjarji miżmuma 100 %, jiġifieri NEC Japan u NEC Computer International (iktar ’il quddiem “NECCI”). NEC Japan kienet tmexxi l-attivitajiet ta’ NEC fil-Ġappun u fil-kontinent Amerikan, filwaqt li l-attivitajiet ta’ NEC fil-bqija tad-dinja kienu amministrati minn NECCI. NECCI kienet stabbilita fl-Ewropa, iżda kienet tmexxi wkoll l-attivitajiet ta’ NEC fl-Asja (bl-eċċezzjoni tal-Ġappun) permezz tal-fergħa tagħha tal-pajjiżi Asja-Paċifiku. F’April 2005, l-istruttura tal-impriża nbidlet u l-fergħa tal-pajjiżi Asja-Paċifiku ġiet ikkollokata minn NECCI u ġiet ittrasferita lil NEC Corporation.

337    Barra minn hekk, b’mod partikolari mill-premessi 483, 501 sa 502 u 981 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, l-ewwel, bejn Ottubru 2002 u Novembru 2005, Intel kienet tat tnaqqis lil NEC abbażi ta’ arranġament imsejjaħ “ftehim ta’ Santa Clara” adottat f’Mejju 2002 (iktar ’il quddiem il-“ftehim ta’ Santa Clara”), it-tieni, it-tnaqqis mogħti abbażi ta’ dan il-ftehim kien de facto obbligat lil NEC taċċetta li tixtri mingħand Intel 80 % tal-bżonnijiet tagħha ta’ CPUs x86 fid-dinja, filwaqt li din il-parti kienet ta’ 70 % għal NECCI u ta’ 90 % għal NEC Japan, u t-tielet, sabiex jiġi pprovat li huma kienu laħqu l-parti tas-suq meħtieġa, NEC u NECCI kienu obbligati jinnotifikaw il-partijiet tagħhom fis-suq ta’ Intel kull trimestru.

338    B’applikazzjoni tal-ftehim ta’ Santa Clara, Intel tindika li pprovdiet lil NEC kemm tnaqqis imsejjaħ “eċċezzjoni mit-tariffi proposta lill-klijenti” (exception to customer authorized pricing, iktar ’il quddiem l-“ECAP”) kif ukoll fondi ta’ żvilupp tas-suq (market development funds, iktar ’il quddiem il-“MDF”). Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 466 tad-deċiżjoni kkontestata, li, mill‑1 ta’ Lulju 2003, l-istruttura tal-pagamenti ta’ Intel kienet inbidlet u li l-MDF kienu ġew integrati fl-ECAP u kienu ngħataw l-isem ġdid “super ECAP”.

339    Il-Kummissjoni eżaminat it-tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC permezz tal-metodu tal-prezz effettiv tat-test AEC. Skont dan il-metodu, il-Kummissjoni kkalkolat il-proporzjon bejn il-valur totali tal-pagamenti mogħtija skont il-ftehim ta’ Santa Clara u l-valur tal-attivitajiet inkwistjoni għal Intel fir-raba’ trimestru tal-2002 sabiex tikseb miżura tal-prezz effettiv. Sussegwentement, il-Kummissjoni pparagunat dan il-proporzjon mar-ratio eżistenti bejn il-PBM u l-IEM ta’ Intel u minn dan ikkonkludiet li Intel kienet applikat prezzijiet iktar baxxi mill-ispejjeż tagħha, peress li l-ewwel proporzjon kien inqas mir-ratio bejn il-PBM u l-IEM.

340    Ir-rikorrenti ssostni li l-kalkoli tal-Kummissjoni huma vvizzjati b’ħames żbalji, u kull waħda minnhom hija suffiċjenti sabiex tikkonfuta t-talbiet tagħha. Intel issostni, l-ewwel, li d-data tal-Kummissjoni stess turi li t-tnaqqis mogħti lil NEC ma huwiex f’pożizzjoni li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti, it-tieni, li l-Kummissjoni ffurmat ruħha billi kkalkolat il-parti kundizzjonali tat-tnaqqis mogħti lil NEC, it-tielet, li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat il-valur tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni għal Intel, ir-raba’, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq valur żbaljat sabiex tiddetermina l-IEM ta’ Intel u, il-ħames, li l-Kummissjoni wettqet żball meta ppreżumiet li r-raba’ trimestru tal‑2002 kien rappreżentattiv tal-perijodu kollu li matul tiegħu l-abbuż kien ġie kkonstatat.

341    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li l-ewwel teżamina l-fondatezza tal-argument intiż sabiex juri li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kalkolu tagħha tal-parti kundizzjonali tat-tnaqqis.

1)      Fuq il-kalkolu tas-sehem kundizzjonali tat-tnaqqis

342    Ir-rikorrenti tesponi li, skont il-premessi 1408, 1443 u 1444 tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis kollu mogħti lil NEC fir-raba’ trimestru tal‑2002 kien kundizzjonali. Issa, l-ewwel, din it-teżi ma hijiex ikkorroborata mill-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata u hija barra minn hekk kontradetta mir-risposti mingħajr ambigwità fformulati minn NECCI skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 u minn provi oħra, li jgħidu li USD 6 miljuni ta’ MDF ipprovduti għar-raba’ trimestru tal‑2002 kienu l-uniku vantaġġ mogħti lil NEC skont l-impenn ta’ ishma mis-suq previst mill-ftehim ta’ Santa Clara. Skont Intel, il-Kummissjoni għalhekk żbaljat meta qieset li l-ECAP kienu kundizzjonali. It-tieni, NEC irċeviet tnaqqis sinjifikattiv min-naħa ta’ Intel matul il-perijodi li ppreċedew il-ftehim, meta s-sehem mis-suq ta’ Intel għax-xiri ta’ NEC kien nettament inqas minn 80 %. Il-Kummissjoni ma tispjegax ir-raġuni għalfejn NEC kienet titlef 100 % tat-tnaqqis tagħha li kieku xtrat inqas minn 80 % ta’ CPUs x86 tagħha mingħand Intel meta hija kienet diġà tagħmel dan mingħajr ma ssofri tali telf. It-tielet, ma huwiex ikkontestat li Intel tat tnaqqis lil NEC minkejja li dan ma kienx jilħaq il-livell ta’ 80 %, li, skont il-konklużjonijiet tad-deċiżjoni kkontestata, kien prerekwiżit għall-kisba ta’ kull tnaqqis.

343    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tal-partijiet. L-ewwel, hija tenfasizza li d-deċiżjoni kkontestata ma tqisx li t-tnaqqis kollu mogħti lil NEC kien kundizzjonali. Id-deċiżjoni kkontestata sempliċement tiddikjara li l-parti kundizzjonali tat-tnaqqis ta’ Intel kienet tinkludi mhux biss il-ħlasijiet abbażi tal-MDF, iżda wkoll ċerti kategoriji — mhux neċessarjament kollha — ta’ tnaqqis tat-tip ECAP. Din il-konstatazzjoni hija bbażata fuq sensiela ta’ provi koerenti, preċiżi u solidu, esposti fil-premessi 1412 sa 1444 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fl-Anness B.31 tar-risposta.

344    Il-Kummissjoni tqis li l-argument ta’ Intel ibbażat fuq l-għoti ta’ tnaqqis sinjifikattiv matul il-perijodi li ppreċedew il-ftehim ta’ Santa Clara ma jikkonvinċix, b’mod partikolari minħabba, minn naħa, li l-kundizzjonijiet applikabbli għat-tnaqqis mogħti preċedentement ma humiex magħrufa u, min-naħa l-oħra, li d-data ppreżentata minn NECCI turi żieda ta’ xi 500 % tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil NECCI wara dan l-istess ftehim.

345    Fl-aħħar nett, sa fejn ir-rikorrenti tafferma li hija tat tnaqqis lil NEC minkejja li din ma rnexxilhiex tissodisfa l-kundizzjoni ta’ 80 % tal-ishma tas-suq, il-Kummissjoni żżid, fil-kuntest tal-analiżi AEC, li, jekk wieħed jassumi li l-allegazzjonijiet ta’ Intel li s-sehem mis-suq ta’ AMD għand NEC kien “abitwalment” ogħla mil-limitu ta’ 20 % huma veri, il-parti ta’ AMD għand NEC qatt ma kienet qrib il-parti kontestabbli (jiġifieri 41 %).

346    Fir-rigward tal-ewwel argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-ECAP kienu kundizzjonali, hemm lok li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni wrietx fid-deċiżjoni kkontestata li t-tnaqqis li ttieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-prezz effettiv ta’ CPUs x86 ta’ Intel mibjugħa lil NEC minbarra l-MDF, jiġifieri l-ECAP, ġie kkundizzjonat mill-fatt li NEC kienet tosserva l-obbligu tagħha ta’ provvista mingħand Intel għal ċertu għoli ta’ perċentwali tax-xiri ta’ CPUsx86.

347    Fil-premessi 1415 sa 1444 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni evalwat il-valur totali tat-tnaqqis kundizzjonali f’medda li tinsab bejn USD 13 088 100 u USD 16 583 100, li minnhom USD 6 miljuni kienu kkostitwiti minn MDF u l-bqija ta’ ECAP.

348    Għaldaqstant, konklużjoni li tgħid li l-ECAP ma humiex ikkundizzjonati minn sehem tas-suq speċifiku neċessarjament tqiegħed inkwistjoni l-kalkoli tal-Kummissjoni, kif jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata.

349    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi evalwat, abbażi tal-provi relatati mar-raba’ trimestru tal‑2002 li fuqu l-Kummissjoni bbażat it-test AEC dwar NEC, jekk, matul dan it-trimestru, ħlasijiet minbarra l-MDF kinux ġew ikkundizzjonati mill-fatt li NEC kienet tixtri mingħand Intel sa ċertu perċentwali tal-limiti ta’ ishma ta’ segmenti tas-suq (iktar ’il quddiem il-“MSS”). Qabelxejn, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrenti ma tiċħadx li, skont il-ftehim ta’ Santa Clara, hija pprovdiet lil NEC kemm skont tat-tip MDF kif ukoll lill-ECAP. Madankollu, hija ssostni li, kuntrarjament għall-ewwel minn dan it-tnaqqis, it-tieni ma kinux ikkundizzjonati mill-obbligu li jilħqu ċertu livell ta’ MSS.

350    Ir-rikorrenti tallega, essenzjalment, li l-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkorroborawx il-konklużjoni li l-ECAP huma kundizzjonali għar-raba’ trimestru tal‑2002 u tressaq dokumenti oħra, li minnhom jirriżulta li t-tnaqqis li kien ikkundizzjonat mill-obbligu impost fuq NEC li jilħaq ċertu livell ta’ MSS kien l-MDF. Il-Kummissjoni tikkonfuta l-argumenti tar-rikorrenti u ssostni li l-provi prodotti minn Intel ma jurux li l-MDF kien l-uniku tnaqqis ikkundizzjonat mill-obbligu li NEC kienet tixtri l-provvisti tagħha mingħand Intel sa ċertu perċentwali ta’ MSS.

i)      Analiżi tal-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

351    Fl-ewwel lok, għandu jiġi enfasizzat li l-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fil-premessi 461 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata fuq preżentazzjoni ta’ NEC tas‑27 ta’ Jannar 2003, intitolata “NEC/Intel laqgħa dinjija (sessjoni tax-xiri)” u, b’mod iktar partikolari, fuq ir-raba’ paġna ta’ din il-preżentazzjoni, intitolata “Dinja: twettiq ir-raba’ trimestru/sena 2002”. Il-kontenut ta’ din il-paġna jikkonferma, taħt it-titolu “Pjan inizjali”, li l-intenzjoni ta’ NEC kienet li tipprovdi lil Intel għal biss 59 % tal-bżonnijiet tagħha, jiġifieri 68 % għal NEC Japan, il-fergħa ta’ NEC attiva b’mod partikolari fis-suq Ġappuniż, u 48 % għal NECCIecci. Barra minn hekk, din il-paġna tindika, taħt it-titolu “Pjan ta’ riallinjament”, minn naħa, il-partijiet tas-suq ta’ Intel li kienu previsti, jiġifieri 70 % għal NECCI, 90 % għal NEC Japan u 80 % fil-livell dinji u, min-naħa l-oħra, ċertu tnaqqis u vantaġġi oħra li għandhom jingħataw lil NEC minn Intel. Dawn huma b’mod partikolari MDF, prezzijiet imnaqqsa (tnaqqis) għal CPUs x86, l-“istatus ta’ impriża multinazzjonali” u ftehim fuq linja ta’ provvista.

352    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm dan id-dokument huwa datat wara kemm il-konklużjoni tal-ftehim ta’ Santa Clara kif ukoll għat-trimestru kkonċernat, isemmi prezzijiet imnaqqsa, b’hekk mill-ECAP, bħala wieħed mill-vantaġġi li kienet tibbenefika minnhom NEC fil-kuntest ta’ dan l-istess ftehim u li jikkonferma li dawn l-ECAP kienu jagħmlu parti mill-imsemmi ftehim, li ma huwiex ikkontestat minn Intel, ma jirriżultax li l-ECAP kienu kkundizzjonati minn ċertu livell ta’ MSS. Għaldaqstant, l-iktar l-iktar, dan id-dokument huwa biss indizju li għandu jiġi kkonfermat minn provi oħra.

353    Fit-tieni lok, il-premessi 462 u 464 tad-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq ittra elettronika tal‑15 ta’ Mejju 2002 li fiha diriġent għoli ta’ NEC informa lil diriġent ta’ Necci li minn telekonferenza miżmuma fl-istess jum mal-persuni responsabbli ta’ Intel jirriżulta li NEC għandha l-istatus ta’ impriża multinazzjonali, li żżid il-parti tagħha ta’ xiri ta’ CPUs x86 mingħand Intel għal ċertu perċentwali fil-livell dinji tal-bejgħ totali tagħha u li Intel tagħti lil NEC xi “MDF” u “prezzijiet agressivi”, għaldaqstant imnaqqsa, għal CPUs x86 imsemmija “Celeron”.

354    Madankollu, bħad-dokument tas‑27 ta’ Jannar 2003, dan id-dokument kontemporanju għall-konklużjoni tal-ftehim ta’ Santa Clara ma jurix rabta bejn l-ishma tas-suq u l-eżistenza, jew saħansitra l-portata, tal-ECAP. Anki jekk jitqies li jista’ jiġi kkunsidrat li r-riferiment għal “prezzijiet agressivi” jindika ECAP, minn dan jirriżulta biss li huma jagħmlu parti mill-ftehim ta’ Santa Clara u li huma msemmija fil-kuntest tal-għanijiet ta’ żieda tal-ishma tas-suq ta’ Intel fix-xiri ta’ CPUs x86 minn NEC. Ma huwiex espressament indikat li l-ECAP huma kkundizzjonati għat-twettiq minn NEC tal-imsemmija għanijiet.

355    Fit-tielet lok, fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tirreferi għal skambju ta’ messaġġi elettroniċi bejn diriġenti ta’ NEC tal‑10 ta’ Mejju 2002 (iktar ’il quddiem l-“iskambju ta’ posta elettronika ta’ NEC tal‑10 ta’ Mejju 2002”). Dan jiddeskrivi kif NECCI u NEC Japan jistgħu jilħqu l-livelli ta’ MSS mitluba minn Intel u jsemmu s-somom li jiġu rċevuti abbażi tal-MDF.

356    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-prova, li tippreċedi l-konklużjoni tal-ftehim ta’ Santa Clara u li tagħmel parti min-negozjati dwar dan il-ftehim bl-ebda mod ma ssemmi l-ECAP, kif ġustament tirrileva Intel, b’tali mod li ma tistax tikkorrobora l-konklużjoni tal-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonalità tal-ECAP. Għall-kuntrarju, jidher li dan l-iskambju ta’ messaġġi elettroniċi jikkorrobora l-argument ta’ Intel li l-uniku tnaqqis li jiddependi mis-sehem mis-suq ta’ Intel fix-xiri minn NEC huwa l-MDF. Fil-fatt, il-formulazzjoni tagħha turi li Necci u NEC ser inaqqsu l-ishma tas-suq ta’ AMD fix-xiri tagħhom u jirċievu ċerta somma għal MDF. Għalhekk jidher li l-MDF huma l-konsegwenza tat-tnaqqis tal-ishma tas-suq ta’ AMD u l-uniku profitt direttament dipendenti fuq il-livelli rispettivi kemm tal-partijiet tas-suq ta’ AMD kif ukoll ta’ Intel fix-xiri ta’ NEC.

357    Fir-raba’ lok, fil-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi r-risposta ta’ NECCI għad-domanda Nru 14 tat-talba tal‑2005 ifformulata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem it-“talba tal‑2005”). Hija ssostni li minn dan jirriżulta li l-ECAP jiddependu mil-livelli ta’ MSS. Intel tallega madankollu, essenzjalment, li dan huwa riferiment għall-ECAP fis-seħħ wara r-raba’ trimestru tal‑2002.

358    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li din ir-risposta tipprevedi effettivament, fil-bidu tat-tieni paragrafu tagħha, li l-prezzijiet tal-ECAP jiddependu minn ftehim fuq il-livelli ta’ MSS u mhux fuq il-volumi.

359    Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 967 tas-sentenza inizjali, għandu jitqies li r-risposti ta’ NECCI skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 huma provi partikolarment affidabbli, sa fejn, minn naħa, ma jidhirx li NECCI kellha xi interess li tipprovdi informazzjoni ineżatta li setgħet tintuża mill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi ksur tal-Artikolu 102 TFUE mwettaq minn Intel, is-sieħeb kummerċjali tagħha li ma jistax jiġi evitat, u li, min-naħa l-oħra, informazzjoni żbaljata hija suġġetta għal multi skont l-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 1/2003.

360    Madankollu, meta titqiegħed mill-ġdid fil-kuntest tagħha, il-Qorti Ġenerali ma tqisx li din ir-risposta tista’ sservi ta’ prova jew ta’ indizju sabiex jiġu kkorroborati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni.

361    Fil-fatt, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li t-talba tal‑2005 ġiet organizzata b’tali mod li kull riferiment għal dokument ikun segwit minn kwistjoni waħda jew iktar relatata miegħu. Kif ikkonfermat il-Kummissjoni waqt is-seduta tal-2020 wara mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-risposta għad-domanda Nru 14 hija relatata mad-dokument intitolat “JH 210”. Dan tal-aħħar jirreferi għal dikjarazzjoni magħmula minn bejjiegħ ta’ NECCI fit‑22 ta’ Frar 2005. Għalhekk, id-dokument intitolat “JH 210” ġie wara din id-data u, konsegwentement, ir-raba’ trimestru tal‑2002 u d-data ta’ modifika tas-sistema ta’ tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC, jiġifieri l‑1 ta’ Lulju 2003. Għaldaqstant, ir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 14 tirrigwarda dokument u dikjarazzjoni li ma huwiex ċert li huma direttament rilevanti sabiex il-Kummissjoni tixtieq turi, peress li jidher li dawn jirrigwardaw perijodu wara l‑1 ta’ Lulju 2003, jiġifieri perijodu li matulu l-istruttura tal-ħlasijiet ta’ Intel kienet inbidlet u l-MDF kienu ġew integrati fl-iskontijiet klassiċi ta’ tip ECAP u kienu ġew magħrufa bħala “ECAP”.

362    It-tieni, fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet ratione temporis u kuntestwali, ma huwiex ċert li, billi semmiet l-ECAP, it-tweġiba rreferiet, bħala kategorija ġenerali ta’ skontijiet mogħtija minn Intel, għas-“super-ECAP” (imsejħa wkoll “ECAP speċjali”), li eżistew mill‑1 ta’ Lulju 2003 u ssostitwixxew l-MDF, filwaqt li ġew integrati fil-kategorija ġenerali tal-ECAP, jew għall-ECAP klassiċi, iżda sempliċement imsejħa “ECAP” u li kienu jeżistu kemm fir-raba’ trimestru kif ukoll wara li kienu ġew integrati fil-kategorija ġenerali tal-ECAP, jew għall-ECAP klassiċi, iżda indikati sempliċement “ECAP” u li kienu jeżistu kemm għar-raba’ trimestru kif ukoll mir-raba’ trimestru kif ukoll matul is-seduta. Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 20 tat-talba tal‑2005, is-“super-ECAP”, bħall-MDF li huma ssostitwixxew, kienu kkundizzjonati minn ċertu livell ta’ MSS, filwaqt li l-ECAP ma kinux.

363    Fil-ħames lok, fil-premessa 464 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tittratta preżentazzjoni interna ta’ NEC tal‑15 ta’ Mejju 2002, li hija kontemporanja għan-negozjati tal-ftehim ta’ Santa Clara. Hija turi li, bi skambju għal ċertu livell ta’ MSS, Intel tat madwar tnax-il ħlas lil NEC, li tnejn biss minnhom huma MDF.

364    Dan id-dokument ta’ żewġ paġni jippreżenta żewġ pagamenti abbażi tal-MDF mogħtija minn Intel lil NEC u livelli oħra ta’ prezz għal tipi differenti ta’ CPUs x86. Madankollu, ebda informazzjoni dwar l-obbligi f’termini ta’ livell ta’ MSS għal NEC ma tidher. It-tieni paġna turi grafika li tippreżenta t-tranżizzjoni mill-pjan oriġinali għall-pjan emendat, jiġifieri għall-pjan ta’ riallinjament li twassal għall-ftehim ta’ Santa Clara, u tindika l-għanijiet rispettivi f’partijiet mis-suq ta’ Intel fix-xiri ta’ CPUs x86 minn NEC. Il-bidla mill-pjan oriġinali għall-pjan ta’ riallinjament hija grafikament ippreżentata permezz ta’ vleġġa bejn iż-żewġ pjanijiet, li għan-nofs tagħha tinsab ir-referenza “$6M MDF”, jiġifieri l-ħlas ta’ USD 6 miljuni abbażi tal-MDF. Huwa biss dan il-ħlas li jidher b’mod ċar f’dan id-dokument bħala korrispettiv taż-żieda tal-livell ta’ MSS. Minn dan isegwi li, għalkemm id-dokument jikkonferma, bħall-ewwel żewġ dokumenti analizzati, li l-ECAP ġew diskussi fil-kuntest tan-negozjati li wasslu għall-ftehim ta’ Santa Clara, huma biss l-MDF li kienu jiddependu fuq il-livell ta’ MSS.

365    Fis-sitt lok, fil-kuntest tad-difiża tagħha, il-Kummissjoni tirreferi, fil-paġna 4 ta’ preżentazzjoni interna ta’ NEC tal‑15 ta’ April 2002, li minnha jirriżulta li, bħala korrispettiv għaż-żieda tas-sehem tas-suq ta’ Intel fix-xiri ta’ NEC, din tal-aħħar xtaqet tirċievi fost oħrajn l-ECAP.

366    Minn din l-istess preżentazzjoni jirriżulta li NEC identifikat tliet talbiet li kellhom jiġu ppreżentati lil Intel sabiex iżżid il-livelli tagħha ta’ MSS fix-xiri ta’ NEC. Dawn kienu talbiet li jirrigwardaw “Marketing Engineering Fund” (li probabbilment jindika l-MDF), iżda wkoll ECAP, u t-titjib tal-kuntest kuntrattwali ma’ Intel.

367    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li din il-preżentazzjoni ma tistax tikkostitwixxi bażi solida għall-konklużjoni li waslet għaliha l-Kummissjoni.

368    Fil-fatt, jekk id-dokument eżaminat jippreżenta l-ECAP bħala waħda mill-korrispettivi sabiex jiġi adottat il-pjan ta’ riallinjament, din hija xewqa ta’ NEC qabel in-negozjar ma’ Intel u mhux preżentazzjoni ta’ skontijiet kif iddefiniti fil-kuntest tal-ftehim ta’ Santa Clara fi tmiem l-imsemmija negozjati.

369    Fis-seba’ lok, il-Kummissjoni tirreferi, fil-kuntest tad-difiża tagħha, għal preżentazzjoni ta’ NEC bid-data tas‑6 ta’ Mejju 2002 li fiha hemm rappreżentazzjoni grafika oħra tal-passaġġ possibbli ta’ NEC mill-pjan ta’ riallinjament. It-test huwa grafikament muri minn vleġġa u kumment relatat magħha jindika li “ser jiddependi iktar minn USD 6 miljuni”. Barra minn hekk, paġna oħra tal-imsemmija preżentazzjoni tindika “bżonn ta’ ECAP għat-twettiq tal-[pjan ta’ riallinjament]”.

370    Madankollu, bħall-preżentazzjoni ta’ NEC tal‑15 ta’ April 2002, minkejja li dan huwa dokument kontemporanju għan-negozjati tal-ftehim ta’ Santa Clara (laqgħat tas‑6 u tas‑7 ta’ Mejju 2002), dan ma jippreżentax ir-riżultati tal-imsemmija negozjati, iżda biss ix-xewqat ta’ NEC. Għaldaqstant, dan għandu jiġi miċħud għall-istess raġunijiet bħal dawk li jinsabu fil-punt 368 iktar ’il fuq.

371    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li mid-dokumenti meħuda inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-intier tagħhom jirriżulta li t-tnaqqis fuq il-prezzijiet ta’ CPUs x86, fosthom l-ECAP, ġie diskuss u miftiehem fil-kuntest tan-negozjati tal-ftehim ta’ Santa Clara u li NEC xtaqet tikseb konċessjonijiet fil-livell tal-ECAP bħala korrispettiv għall-impenn tagħha fil-qasam tal-livell ta’ MSS. Madankollu, hija biss il-preżentazzjoni ta’ NEC tas‑27 ta’ Jannar 2003 li tista’ tikkostitwixxi indizju li jsostni l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li l-ECAP finalment miftiehma fil-kuntest tal-ftehim ta’ Santa Clara kienu mħallsa, għall-inqas parzjalment, bħala korrispettiv għall-osservanza tal-obbligu li jirrigwarda livell ta’ MSS li jirriżulta mill-pjan ta’ riallinjament. Min-naħa l-oħra, l-iskambju ta’ posta elettronika ta’ NEC tal‑10 ta’ Mejju 2002, ir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 20 tat-talba tal‑2005 kif ukoll il-preżentazzjoni interna ta’ NEC tal‑15 ta’ Mejju 2002 pjuttost juru li MDF biss miftiehma fil-kuntest tal-ftehim ta’ Santa Clara kienu kundizzjonali.

372    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li dawn id-dokumenti ma jinkludux prova suffiċjenti jew sensiela ta’ indizji suffiċjenti sabiex tiġi kkonfermata t-teżi tal-kundizzjonalità tal-ECAP fir-raba’ trimestru tal‑2002.

ii)    Fuq il-provi mressqa minn Intel

373    Issa għandu jiġi evalwat il-valur probatorju tad-dokumenti prodotti minn Intel sabiex tiġi kkontestata l-konklużjoni tal-Kummissjoni li kemm l-MDF kif ukoll l-ECAP kienu kundizzjonali.

374    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, ebda relazzjoni ta’ kundizzjonalità bejn l-ECAP u livell ta’ MSS ma tirriżulta mir-risposta għad-domanda Nru 32 tat-talba tal‑2005, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni talbet speċifikament lil Necci tikkjarifika liema tip ta’ benefiċċju, kieku kien hemm, ingħata lil Necci inkambju għall-osservanza tal-obbligu li jirrigwarda livell ta’ MSS li jirriżulta mill-pjan ta’ riallinjament. Issa, fir-risposta tagħha, Necci elenkat biss lil MDF. Għaldaqstant, l-MDF huma ppreżentati f’dan id-dokument, li jagħti r-riżultat tal-ftehim ta’ Santa Clara, bħala l-uniku korrispettiv għall-osservanza tal-livelli ta’ MSS, b’tali mod li huma l-uniċi li huma kundizzjonali.

375    Il-Kummissjoni tqiegħed fid-dubju l-valur probatorju ta’ dan id-dokument billi tindika li l-kundizzjonalità tal-ECAP tirriżulta mid-dokumenti li ġew annessi ma’ din it-tweġiba. Il-Kummissjoni tillimita ruħha li tirreferi għall-annessi kunfidenzjali Nru 32.1 sa 32.4. Madankollu, minkejja li huwa possibbli li jiġu identifikati ż-żewġ annessi, dan ma huwiex il-każ tal-aħħar tnejn. Fir-rigward tal-Anness 32.1, dan jikkorrispondi għall-iskambju ta’ posta elettronika ta’ NEC tal‑10 ta’ Mejju 2002, imsemmi fil-premessa 462 tad-deċiżjoni kkontestata, li ġiet analizzata fil-punti 355 sa 356 iktar ’il fuq u li dwarha ġie deċiż li dan jikkorrobora t-teżi ta’ Intel. Fir-rigward tal-Anness 32.2, dan jikkorrispondi għad-dokument li ġie analizzat fil-punti 353 u 354 iktar’ il fuq u li fir-rigward tiegħu ġie konkluż li dan ma jipprovax li l-ECAP kienu kundizzjonali.

376    Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, billi llimitat ruħha li tirreferi għall-annessi msemmija iktar ’il fuq mingħajr preċiżazzjonijiet oħra, il-Kummissjoni ma rnexxilhiex tikkontesta l-valur probatorju tar-risposta ta’ NECCI msemmija fil-punt 371 iktar ’il fuq, li għandha tingħata valur probatorju kbir peress li din hija risposta eżawrjenti għal kwistjoni diretta, mogħtija skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003. Ir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 32 tat-talba tal-2005 għalhekk hija intiża sabiex tikkredita t-teżi li l-MDF miftehma fil-kuntest tal-ftehim ta’ Santa Clara kienu l-uniċi li kienu kundizzjonali u li l-ECAP ma kinux.

377    Fit-tieni lok, permezz tad-domanda Nru 21 tat-talba tal‑2005, il-Kummissjoni stiednet b’mod partikolari lil Necci tispjega, minn naħa, jekk it-tnaqqis ECAP li kien ġie offrut lilha kienx jiddependi mill-osservanza minn Necci, minn NEC Japan u minn NEC fuq il-livell dinji ta’ ċerti livelli ta’ MSS previsti mill-ftehim ta’ Santa Clara u, min-naħa l-oħra, x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi għal trimestru partikolari.

378    Fir-risposta tagħha, Necci spjegat, minn naħa, li l-“ECAP speċjali”, is-“super-ECAP” jew l-MDF li ngħatawlha fil-fatt jiddependu mill-osservanza ta’ livelli speċifiċi ta’ MSS kemm minnha kif ukoll minn NEC Japan u NEC fuq il-livell dinji. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-“ECAP speċjali” jew is-“super-ECAP”, l-ECAP ma jiddependux minn kundizzjoni dwar ċertu livell ta’ MSS, iżda jirriżultaw sempliċement min-negozjati kummerċjali. Min-naħa l-oħra, fiż-żmien tal-applikazzjoni ta’ MDF globali, li kieku NECCI ma ssodisfatx l-obbligu tiegħu fir-rigward ta’ ċertu livell ta’ MSS għal trimestru partikolari, huwa ma kien jikseb ebda ħlas mingħand MDF. Fiż-żmien meta ngħatat ir-risposta għad-domanda tal‑2005, kieku NECCI ma ssodisfatx l-obbligu tagħha fir-rigward tal-MSS għal trimestru speċifiku, dan kien jikkomprometti wkoll in-negozjati tas-“super-ECAP” għat-trimestri li ġejjin.

379    Għandu jiġi kkonstatat li din ir-risposta hija ċara. Fir-rigward ta’ risposta eżawrjenti għal domanda diretta, mogħtija skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, hemm lok li tingħata valur probatorju kbir.

380    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni fil-kuntest tad-difiża tagħha, NEC tikkonferma, mingħajr ebda ambigwità, li t-tnaqqis li kien ikkundizzjonat minn ċertu għan ta’ MSS huma l-MDF u l-“ECAP speċjali” jew is-“super-ECAP”. Min-naħa l-oħra, l-ECAP ma humiex ikkundizzjonati minn dan l-għan u huma ddeterminati fil-kuntest tar-relazzjonijiet kummerċjali. Is-sanzjoni eventwali ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligu li jirrigwarda livell ta’ MSS tikkonċerna l-MDF, l-“ECAP” speċjali jew is-“super-ECAP”, u mhux l-ECAP klassiċi. Issa, peress li, mill‑1 ta’ Lulju 2003, l-MDF saru “ECAP speċjali” jew “super-ECAP”, l-uniċi ECAP li eżistew matul ir-raba’ trimestru tal‑2002 huma l-ECAP klassiċi. Għaldaqstant ir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 21 tat-talba tal-2005 hija intiża sabiex issostni l-argument li l-ECAP klassiċi ma kinux ikkundizzjonati minn ċertu livell ta’ MSS.

381    Fit-tielet lok, permezz tad-domanda Nru 6 tat-talba tagħha tal‑2007 ifformulata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem it-“talba tal‑2007”), il-Kummissjoni essenzjalment talbet lil NECCI sabiex hija tippreċiżalha liema kienu l-fondi li hija kienet irċeviet, matul perijodu li kien ikopri wkoll ir-raba’ trimestru tal‑2002, bi skambju għall-osservanza tal-obbligu li jirrigwarda livell ta’ MSS.

382    Fir-risposta tagħha, NECCI ssemmi, fir-rigward tal-perijodu bejn it-tielet trimestru tal‑2002 u t-tieni trimestru tal‑2003, bħala li huwa kundizzjonali biss l-MDF u tenfasizza li l-perċentwali tal-ishma tas-suq irriżulta fin-numru ta’ CPUs x86 li jinxtraw. Kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, din ir-risposta tikkonferma għalhekk il-fatt li, matul il-perijodu kkonċernat, kienu biss l-MDF li kienu jiddependu mill-kundizzjoni dwar livelli ta’ MSS. Issa, bħala risposta ta’ Necci mogħtija skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, għandha tingħata valur probatorju kbir lil din il-prova.

383    Fir-raba’ lok, Intel għamlet riferiment għal minuti ta’ NEC, tat‑8 ta’ Mejju 2002, dwar il-laqgħa ma’ Intel tas-6 u tas-7 ta’ Mejju 2002, sabiex turi l-allegazzjonijiet tagħha. Kif issostni l-Kummissjoni, mit-tieni paġna ta’ dan id-dokument jirriżulta li, bi skambju għall-aċċettazzjoni tal-pjan ta’ riallinjament, NEC xtaqet tikseb mhux biss MDF, iżda wkoll mill-ECAP, u kuntest kuntrattwali ġdid. Barra minn hekk, dan jikkorrispondi għad-dokumenti eżaminati fil-punt 365 iktar ’il fuq. Madankollu, mit-tielet paġna ta’ dawn il-minuti jirriżulta li l-kundizzjoni sabiex jintlaħaq il-livell ta’ MSS diskuss fit-tieni jum tan-negozjati tikkonsisti fl-allokazzjoni ta’ ċerta somma fir-rigward ta’ MDF. Barra minn hekk, għalkemm Intel tidher li aċċettat matul it-tieni jum tad-diskussjonijiet parti mit-talba ta’ NEC dwar il-“MDF/ECAP”, peress li tissemma fit-tielet paġna ta’ dawn il-minuti l-espressjoni “Intel responded with 50 % acceptance for total 12 items of Nec’s ECAP/MDF request” (Intel irrispondiet b’mod favorevoli billi aċċettat 50 % ta’ total tat-tnax-il fattur li jikkonċernaw it-talbiet ta’ ECAP u ta’ MDF), tali riferiment ma jippermettix li tiġi ddeterminata liema parti mit-talba ġiet aċċettata, jiġifieri dik dwar il-MDF jew dik dwar l-ECAP. Dan japplika iktar u iktar meta, fir-raba’ paġna ta’ dawn l-istess minuti, tissemma taħt il-punt intitolat “Stadju sussegwenti” l-espressjoni “Intel reviews with [M and P] for MDF request/ECAP request” (Intel teżamina mill-ġdid ma’ [M u P] it-talba MDF/it-talba ECAP), b’tali mod li ma huwiex possibbli li jiġi identifikat jekk parti mit-talba ta’ NEC ġietx finalment aċċettata u, jekk dan huwa l-każ, liema. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-minuti huma miktuba b’mod sommarju u li teżisti inċertezza fir-rigward tal-fehim tajjeb tagħhom.

384    Għaldaqstant, għandu jitqies li s-saħħa probatorja ta’ dan id-dokument hija relattivament dgħajfa, sa fejn dan ma jirrappreżentax l-eżitu tan-negozjati u li n-natura sommarja tiegħu tirrendi inċerta l-komprensjoni tajba tiegħu.

385    Fil-ħames lok, fil-kuntest tar-replika, Intel tipproduċi l-Annessi C.37 u C.38, billi ssostni li dawn huma dokumenti preparatorji għall-ftehimiet ta’ Santa Clara stabbiliti minn NEC li minnhom jirriżulta li, indipendentement mil-livell ta’ MSS milħuq, NEC kienet mistennija li tirċievi l-istess livell ta’ ECAP.

386    Madankollu, indipendentement mill-ammissibbiltà ta’ dawn il-provi prodotti fl-istadju tar-replika mir-rikorrenti, minn naħa, l-Anness C.37, fil-paġni 5 u 6 tiegħu, jinkludi tabelli, data f’ċifri kif ukoll “talba ta’ ECAP”, mingħajr ma jkun possibbli li minn dan tiġi dedotta b’mod ċar relazzjoni bejn l-evoluzzjoni tal-ishma tas-suq ta’ Intel u l-aspettattivi ta’ NEC fir-rigward tal-ECAP. Min-naħa l-oħra, Intel tirreferi, fir-replika, għall-“Anness C.38 fil-paġna 10”. Issa, l-Anness C.38 jikkonsisti f’dokument li jinkludi tmien paġni u li jinkludi ħafna informazzjoni, b’tali mod li ma huwiex possibbli għall-Qorti Ġenerali li tiddetermina bi preċiżjoni liema huma l-elementi li l-anness fih li jsostni l-argument tar-rikorrenti. Għaldaqstant, l-Anness C.38 ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 314 iktar ’il fuq.

387    Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-provi meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jikkostitwixxux provi suffiċjenti jew sensiela ta’ indizji suffiċjenti li juru li t-tnaqqis tat-tip ECAP, jew tnaqqis ieħor minbarra l-MDF, kien ikkundizzjonat mill-obbligu impost fuq NEC li jilħaq ċertu livell ta’ MSS matul ir-raba’ trimestru tal‑2002. Barra minn hekk, il-provi l-oħra invokati minn Intel huma pjuttost intiżi sabiex jissostanzjaw l-argument li l-MDF biss kienu kundizzjonali.

388    Minn dan jirriżulta li l-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata ma humiex affidabbli, b’tali mod li ma humiex ta’ natura li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnhom.

389    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra ta’ Intel, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-valur tat-tnaqqis kundizzjonali mogħti minn Intel lil NEC.

2)      Fuq l-użu tar-raba’ trimestru tal-2002 bħala riferiment

390    Ir-rikorrenti tilmenta li l-Kummissjoni wettqet żball meta wettqet it-test AEC biss għar-raba’ trimestru tal‑2002 u billi kkonstatat, fuq din il-bażi biss, fil-premessa 1456 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ħlasijiet mogħtija minn Intel lil NEC skont il-ftehim ta’ Santa Clara kienu kapaċi jew setgħu jeskludu kompetitur daqstant effiċjenti matul il-perijodu kollu minn Ottubru 2002 sa Novembru 2005. Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li r-raba’ trimestru tal‑2002 kien rappreżentattiv tal-perijodi sussegwenti kollha.

391    B’mod ġenerali, il-Kummissjoni għandha l-oneru li turi li l-prattiki ta’ Intel kienu kapaċi jeskludu kompetitur daqstant effiċjenti matul il-perijodu ta’ referenza kollu, iżda li hija ma għandha l-ebda bażi sabiex tafferma li ċ-ċifri rilevanti kollha għal tali test, bħal, pereżempju, il-prezzijiet gross, it-tnaqqis jew il-kwantitajiet, baqgħu l-istess mill‑2002 sal-2005. Dan huwa b’mod partikolari l-każ fir-rigward tal-parti kontestabbli, li dwarha l-Kummissjoni stess indikat fil-premessa 1243 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija tista’ tikber maż-żmien minħabba l-għarfien iktar b’saħħitha mill-konsumaturi tal-vijabbiltà tal-alternattiva li tikkostitwixxi AMD.

392    B’mod partikolari, l-ewwel, is-USD 6 miljuni ta’ MDF li kienu marbuta mal-aspettattivi f’termini ta’ sehem mis-suq ma kinux komplew japplikaw wara l-ewwel trimestru tal‑2003.

393    It-tieni, fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, Intel tippreċiża, essenzjalment, li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 1410 tad-deċiżjoni kkontestata, l-applikazzjoni tat-test AEC ma għandhiex tkun ibbażata fuq evalwazzjoni li tikkonsisti fil-verifika ta’ jekk il-livelli tat-tnaqqis irrilevat għat-trimestru inkwistjoni ġiex mibdul fil-perijodi sussegwenti b’mod sinjifikattiv jew le, iżda fuq il-livelli effiċjenti tiegħu. Fil-fatt, modifiki komparattivament żgħar tal-livelli ta’ skontar jistgħu jimmodifikaw ir-riżultat tal-analiżi. Il-Kummissjoni ddikjarat dwar it-tnaqqis mogħti lil NECCI li programm ġdid ta’ tnaqqis kien beda f’Lulju 2003, iżda hija qatt ma eżaminat jekk il-modifiki stabbiliti minn dan il-programm kellhomx effett fuq xi wieħed mill-parametri tat-test AEC.

394    It-tielet, Intel tippreċiża, fil-kuntest ta’ dawn l-istess osservazzjonijiet, li n-nuqqas ta’ preċiżjoni tal-analiżi prospettiva tal-Kummissjoni huwa bbażat ukoll fuq il-fatt li l-premessa 1410 tad-deċiżjoni kkontestata teżamina biss it-tnaqqis mogħti lil Necci, filwaqt li l-ksur ġie kkonstatat fir-rigward tal-kumpannija parent kollha kemm hi, u għalhekk fir-rigward ta’ NEC.

395    Il-Kummissjoni ssostni, fil-kuntest tal-osservazzjonijiet addizzjonali tagħha, li l-argumenti ppreżentati minn Intel fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha huma inammissibbli minħabba li r-rikorrenti tikkontesta għall-ewwel darba l-motiv li permezz tiegħu l-Kummissjoni ġġustifikat fid-deċiżjoni kkontestata l-estrapolazzjoni inkwistjoni.

396    Fir-rigward tal-mertu, hija ssostni, l-ewwel, li l-premessa 1410 tad-deċiżjoni kkontestata telenka r-raġunijiet li għalihom din it-trimestru hija rappreżentattiva kif ukoll il-provi dokumentarji li fuqhom hija bbażata din l-istess deċiżjoni.

397    It-tieni, l-argument li l-ħlasijiet abbażi tal-MDF ma nżammux lil hinn mill-ewwel trimestru tal‑2003 ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dokumenti li jinsabu fil-fajl juru li dawn il-ħlasijiet ma kinux sparixxew, iżda li ġew sempliċement riklassifikati f’kategoriji oħra ta’ tnaqqis. NECCI spjegat ukoll li l-ftehim ta’ Santa Clara u l-kundizzjonijiet relatati baqgħu fis-seħħ sa minn tal-inqas Novembru 2005.

398    It-tielet, id-dokument li ssostni Intel insostenn tal-asserzjonijiet tagħha ma jinkludi ebda kalkolu li bih huma esklużi l-pagamenti skont MDF.

399    Ir-raba’, kieku kien minnu li l-ħlasijiet minn Intel lil NEC kellhom varjazzjonijiet sinjifikattivi matul dan il-perijodu, Intel setgħet faċilment tipprovdi provi f’dan is-sens matul il-proċedura amministrattiva.

400    Il-ħames, l-analiżi li tinsab fil-premessa 1243 tad-deċiżjoni kkontestata tikkonċerna lil Dell. Issa, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li hija ma tistax tiġi trasposta għal NEC, sa fejn NEC ma kinitx tixtri esklużivament mingħand Intel, kuntrarjament għal Dell, b’tali mod li l-klijenti ta’ NEC kienu diġà konxji tal-valur tal-prodotti bil-proċessur ta’ AMD u li l-parti kontestabbli ta’ NEC matul it-trimestru fejn il-Kummissjoni wettqet il-paragun tagħha kienet diġà sostanzjali, sa fejn il-pjan inizjali ta’ NEC kien li twettaq 41.6 % tax-xiri tagħha mingħand AMD.

401    Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argumenti ppreżentati minn Intel fil-kuntest tal-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, għandu jiġi rrilevat li Intel sostniet, fil-punti 473 sa 475 tar-rikors, li l-allegazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li jiġu estrapolati r-riżultati tal-analiżi tagħha tar-raba’ trimestru tal‑2002 sal‑2005 ma hija bbażata fuq ebda bażi. Xejn ma juri stabbiltà fil-prezzijiet gross, tnaqqis, u kwantitajiet. F’dan ir-rigward, Intel tirreferi espressament għall-punti 454 sa 473 tal-Anness A.8 tar-rikors, li jirriproduċi r-risposta tagħha għall-argumenti relatati ma’ din l-estrapolazzjoni, li jinsabu fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal‑2007. Fil-punt 467 tal-Anness A.8 tar-rikors, Intel issostni li l-Kummissjoni ma tagħti ebda preċiżazzjoni dwar il-livelli tas-“super-ECAP”. Fil-punt 468 ta’ dan l-istess anness, Intel tagħmel differenza bejn it-tnaqqis irċevut mill-kumpannija parent NEC u dak irċevut minn NECCI, filwaqt li ppreċiżat li ċerti tipi ta’ skontijiet jingħataw biss lil NECCI. B’mod partikolari, Intel tikkontesta li n-nomenklatura “super-ECAP” intużat lil hinn mit-tielet trimestru tal‑2003. Fil-punti 470 u 471 tal-imsemmi anness, Intel tippreċiża li l-kwantitajiet ta’ CPUs x86 mixtrija ġew innegozjati mill-ġdid b’mod kostanti, b’tali mod li xejn ma ġie kkwantifikat fid-data tar-raba’ trimestru tal‑2002.

402    Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti kkontestat fil-kuntest tar-rikors numru ta’ elementi dwar l-estrapolazzjoni tad-data li tikkonċerna t-trimestru ta’ referenza għall-perijodu kollu kopert mid-deċiżjoni kkontestata. Hija enfasizzat li d-differenza bejn it-tnaqqis mogħti lil NEC u lil Necci tinsab f’restrizzjonijiet kompetittivi differenti, minn fejn tirriżulta l-impossibbiltà ta’ kull preżunzjoni fir-rigward tal-istabbiltà reċiproka tat-tnaqqis mogħti. Hija tippreċiża wkoll li l-Kummissjoni ma għandha l-ebda data dwar il-livelli ta’ ħlas tal-ECAP għal NEC u li l-kwantitajiet ta’ CPUs x86 mixtrija kienu kollha ħlief stabbli matul l-imsemmi perijodu.

403    Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li l-argumenti ppreżentati minn Intel fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha huma ammissibbli peress li huma marbuta ma’ argumenti ppreżentati fil-kuntest tar-rikors.

404    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi osservat li d-data ekonomika użata mill-Kummissjoni fil-premessi 1410 sa 1455 tad-deċiżjoni kkontestata sabiex twettaq l-analiżi AEC tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC tinkludi b’mod partikolari l-kwantità totali ta’ CPUs x86 mixtrija, il-prezzijiet netti u grossi tad-diversi tipi ta’ CPUs x86, it-tipi u l-ammonti tat-tnaqqis mogħti kif ukoll l-ispejjeż ta’ Intel.

405    L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-parametri tal-allegata stabbiltà li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża l-possibbiltà ta’ estrapolazzjoni, li huma esposti fil-premessa 1410(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata, jikkonċernaw biss il-livelli ta’ tnaqqis (tat-tip MDF, tat-tip ECAP u tat-tnaqqis totali), l-estensjoni tagħhom matul it-trimestri sussegwenti u l-IEM ta’ Intel, iżda li l-Kummissjoni bl-ebda mod ma tanalizza, kif issostni essenzjalment Intel, il-kwantitajiet u t-tipi ta’ CPUs mibjugħa jew il-prezzijiet netti u grossi tagħhom.

406    It-tieni, it-tabella msemmija fil-premessa 1410(a) tad-deċiżjoni kkontestata u bbażata fuq ir-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 9 għat-talba tal‑2007 ifformulata skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna biss it-tnaqqis mogħti lil NECCI, filwaqt li l-ksur tal-Artikolu 102 TFUE ġie kkonstatat fir-rigward tal-kumpannija parent tagħha, jiġifieri NEC. Issa, ma hemm xejn li jippermetti li jiġi preżunt li t-tnaqqis mogħti lil NEC Japan jew globalment lil NEC kien stabbli matul il-perijodu kollu kkonċernat mill-konstatazzjoni ta’ ksur.

407    It-tielet, eżami tat-tabella msemmija iktar’ il fuq juri li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 1410(a) tad-deċiżjoni kkontestata, it-tnaqqis miksub minn Necci ma kienx stabbli matul il-perijodu kollu kkonċernat. Fil-fatt, bejn il-pagament l-inqas sinjifikattiv, fit-tieni trimestru tal‑2003, jiġifieri USD 3.3 miljun, u l-ogħla ħlas fit-tielet trimestru tal‑2005, jiġifieri USD 15.224 miljun, hemm differenza ta’ 461.3 %. Teżisti wkoll differenza sinjifikattiva bejn ir-raba’ trimestru tal‑2002, jiġifieri USD 7.945 miljun, u t-tieni trimestru tal‑2003, jiġifieri USD 3.3 miljun, jiġifieri tnaqqis ta’ 58.4 %.

408    Ir-raba’, kif indikat NECCI fir-risposta għad-domanda Nru 9 tat-talba tal‑2007, is-sistema ta’ għoti ta’ tnaqqis inbidlet mit-tielet trimestru tal‑2003. Minflok somma waħda, is-“super-ECAP” ġew inklużi fl-iffissar ta’ kull trimestru tal-prezzijiet. Kif issostni Intel, xejn ma jindika li din is-sistema l-ġdida ma kellhiex differenzi kwantitattivi meta mqabbla mas-sistema preċedenti.

409    Il-ħames, għalkemm il-Kummissjoni ssostni li l-ftehim ta’ Santa Clara baqa’ fis-seħħ sal‑2005, madankollu minn dan ma jirriżultax li s-sitwazzjoni prevalenti fir-raba’ trimestru tal‑2002 abbażi tal-imsemmi ftehim kompliet matul il-perijodu kollu li allegatament jikkostitwixxi ksur. Jirriżulta b’mod partikolari mill-punt 2 tar-risposta ta’ NECCI għall-mistoqsija Nru 9 tat-talba tal‑2007 li NECCI, wara l‑1 ta’ Lulju 2003, kull xahar għamlet talba għal tnaqqis ibbażata fuq il-kwantitajiet mixtrija u d-differenza fil-prezzijiet bejn it-tariffi proposti lill-klijenti u l-ECAP jew is-“superECAP”. Madankollu, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni eżaminat jekk l-emendi stabbiliti minn dan il-programm il-ġdid kellhomx effett fuq wieħed mill-parametri tat-test AEC.

410    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, minn naħa, il-parametri esposti fil-premessa 1410(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata ma jinkludux id-data ekonomika kollha użata mill-Kummissjoni sabiex twettaq l-analiżi AEC tat-tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC u, min-naħa l-oħra, li, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mill-premessa 1410(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-provi inklużi fil-fajl juru li l-ħlasijiet ta’ Intel favur NECCI permezz tar-raba’ trimestru nbidlu b’varjazzjonijiet sinjifikattivi wara t-tielet trimestru. Minn dan isegwi li Intel issostni ġustament li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li, fid-dawl tal-parametri esposti fil-premessa 1410(a) sa (c) tad-deċiżjoni kkontestata, hija setgħet tibbaża ruħha fuq data relatata mar-raba’ trimestru tas-sena 2002 sabiex tislet konklużjonijiet dwar il-kapaċità tal-prattiki ta’ Intel li jeskludu kompetitur daqstant effiċjenti bejn ir-raba’ trimestru tal‑2002 u x-xahar ta’ Novembru 2005.

411    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm lok li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti msemmija fil-punt 340 iktar ’il fuq, li jipprovdu, minn naħa, li d-data tal-Kummissjoni stess turi li t-tnaqqis mogħti lil NEC ma huwiex f’pożizzjoni li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni kkalkolat b’mod żbaljat il-valur tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni għal Intel, għandu jiġi konkluż li, fir-rigward tat-test AEC imwettaq għal NEC, il-Kummissjoni wettqet żewġ żbalji ta’ evalwazzjoni, l-ewwel, billi adottat valur eżaġerat, u t-tieni, permezz ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati li waslet għalihom għar-raba’ trimestru tal‑2002 għal kull allegat perijodu ta’ ksur. Għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ żbalji, l-eżami tat-test AEC tal-Kummissjoni huwa żbaljat fil-parametri bażiċi tiegħu. Peress li dawn l-iżbalji huma relatati mar-raba’ trimestru tal‑2002, li ttieħed bħala riferiment għall-perijodu kollu meħud inkunsiderazzjoni fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil NEC, dawn jaffettwaw il-perijodu kollu eżaminat fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward ta’ NEC. Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi l-fondatezza tal-konklużjoni, ifformulata fil-premessa 1456 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-pagamenti mogħtija minn Intel lil NEC fil-kuntest tal-ftehim ta’ Santa Clara kienu kapaċi jew setgħu jeskludu kompetitur daqstant effiċjenti.

d)      Fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal Lenovo

1)      Ħarsa ġenerali tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għal Lenovo

412    Il-Kummissjoni wettqet it-test AEC għal Lenovo fil-premessi 1457 sa 1508 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija analizzat, qabelxejn, il-portata u n-natura tat-tnaqqis, abbażi tal-MoU 2007.

413    Sussegwentement, il-Kummissjoni wettqet kalkolu tal-PBM, tal-ispejjeż u tan-numru meħtieġ ta’ unitajiet ta’ CPUs x86.

414    Fl-aħħar, il-Kummissjoni evalwat in-numru ta’ unitajiet ta’ CPUs x86 kontestabbli. Fil-kalkolu prinċipali tagħha, hija llimitat l-evalwazzjoni tagħha għall-parti tan-notebooks (ara l-premessi 1473 sa 1478 tad-deċiżjoni kkontestata), filwaqt li, fil-kalkoli alternattivi tagħha, hija rrispondiet għall-allegazzjonijiet tal-Intel li jipprovdu li n-numru kontestabbli ta’ unitajiet ta’ CPUs x86 kellhom jinkludu wkoll il-parti tad-desktops (ara l-premessi 1479 sa 1508 tad-deċiżjoni kkontestata). Dawn il-kalkoli alternattivi huma maqsuma, minn naħa, f’risposta tal-Kummissjoni għall-allegazzjonijiet ta’ Intel dwar in-numru globali ta’ unitajiet ta’ CPUs x86 u, min-naħa l-oħra, f’kalkolu konfermattiv, imwettaq abbażi ta’ paragun ma’ data li tirriżulta minn dokument intitolat “Dikjarazzjoni tax-xogħlijiet ta’ April 2006”, adottata skont ftehim bejn AMD u Lenovo.

2)      Fuq il-parti kundizzjonali tat-tnaqqis

415    Fil-premessa 1461 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni affermat li l-ammont tat-tnaqqis inkwistjoni kien indikat fil-MoU 2007, li kien jipprevedi sostenn finanzjarju ta’ USD 180 miljun għas-sena 2007, fil-forma ta’ pagamenti trimestrali.

416    Fil-premessa 1462 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie indikat li l-ħlasijiet skont il-MoU 2007 żdiedu mal-ħlasijiet li Intel kompliet tħallas abbażi tal-programmi oħra ta’ appoġġ finanzjarju miftiehma preċedentement, separatament mill-MoU 2007. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li dawn kellhom jiġu attribwiti kompletament lir-riżultat tal-ftehim dwar il-MoU 2007. Il-ħlasijiet u l-kundizzjonijiet kummerċjali favorevoli kollha previsti fil-MoU 2007 kienu kkundizzjonati mill-abbandun minn Lenovo tal-proġetti kollha tagħha ta’ laptops mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD.

417    Fil-premessa 1463 tad-deċiżjoni kkontestata, ġie indikat li, fin-nota tal‑5 ta’ Frar 2009, Intel kienet ressqet l-argument li kien biss l-ammont ta’ USD 138 miljun li kien rilevanti għad-daqs tat-tnaqqis. Dan huwa spjegat mill-fatt li, minn sostenn finanzjarju ta’ Lenovo ta’ USD 180 miljun previst fil-MoU 2007, kien biss 135 miljun USD li ġew attribwiti fi flus. Il-kumplament tas-sostenn finanzjarju ngħata fil-forma ta’ vantaġġi in natura, jiġifieri l-estensjoni tal-garanzija standard ta’ Intel ta’ sena u l-proposta ta’ użu aħjar ta’ pjattaforma ta’ Intel fiċ-Ċina. Il-Kummissjoni enfasizzat li Intel kienet sostniet li, għalkemm il-valur ta’ dawn iż-żewġ kontribuzzjonijiet mhux monetarji lil Lenovo kien ta’ USD 20 u ta’ USD 24 miljun, l-ispiża tagħhom għal Intel kienet nettament inferjuri, jiġifieri USD 1.7 u USD 1.3 miljun rispettivament. Intel kienet sostniet li, għall-finijiet tal-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti, kellhom jiġu evalwati dawn l-elementi mhux skont il-valur tagħhom għal Lenovo, iżda skont l-ispiża ekonomika tagħhom għaliha. Intel waslet għall-ammont ta’ USD 138 miljun billi żiedet mal-mezz finanzjarju fi flus kontanti ta’ USD 135 miljun dawn l-ispejjeż ta’ USD 1.7 u ta’ USD 1.3 miljun.

418    Fil-premessa 1464 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li, qabel ma eżaminat il-validità tal-argument ta’ Intel fir-rigward tal-metodu ta’ evalwazzjoni li kellu jintuża fl-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti, hija kienet irrilevat id-differenza bejn l-ispiża ekonomika allegata tal-kontribuzzjonijiet għal Intel u l-valur tagħhom għal Lenovo. Il-proporzjon bejn il-valur għal Lenovo u l-ispiża ekonomika allegata għal Intel kien ta’ 1176 % (20 kontra 1.7) għall-estensjoni tal-garanzija u ta’ 1846 % (24 kontra 1.3) għall-pjattaforma. Il-Kummissjoni indikat li Intel kienet ipprovdiet ċerti kalkoli mwettqa fil-kuntest tal-osservazzjonijiet tal‑5 ta’ Frar 2009 dwar id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali tal‑2008 insostenn tal-affermazzjoni tagħha dwar l-ispiża ekonomika tal-kontribuzzjonijiet, iżda li hija kienet naqset milli tispjega r-raġuni tad-differenza kbira bejn din l-ispiża u l-valur tagħha għal Lenovo.

419    Fil-premessa 1465 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li, bla ħsara għall-osservazzjoni msemmija iktar ’il fuq, l-argument ta’ Intel li l-mod ta’ evalwazzjoni li għandu jintuża fl-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti ma kienx il-valur ta’ dawn l-elementi għal Lenovo, iżda l-ispiża ekonomika tagħhom għaliha kienet ibbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji tal-imsemmija analiżi.

420    F’dan ir-rigward, fil-premessa 1466 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sostniet li l-“analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti [kienet tippresupponi li jiġi eżaminat] il-prezz li bih kompetitur effiċjenti daqs l-impriża dominanti — iżda li ma [kienx] dominanti — [kellu] jipproponi l-prodotti tiegħu [lill-klijent] sabiex jikkumpensa t-telf tal-benefiċċji kundizzjonali mogħtija mill-impriża dominanti, telf li jirriżulta mit-trasferiment mill-imsemmi klijent tal-parti kontestabbli tal-bżonnijiet tiegħu ta’ provvista tal-impriża dominanti lejn dan il-kompetitur ipotetiku daqstant effiċjenti”.

421    Fl-aħħar nett, fil-premessa 1467 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta b’mod ċar li kien hemm lok li jiġi evalwat it-telf għall-klijent, peress li huwa dan it-telf li l-kompetitur daqstant effiċjenti jkollu jikkumpensa, u mhux l-ispiża ekonomika għall-impriża dominanti, fil-każ li ż-żewġ ċifri jkunu differenti. Din id-differenza kienet murija, skont il-Kummissjoni, bl-eżempju tal-pjattaforma ta’ distribuzzjoni. Bħala impriża dominanti, Intel kellha diġà pjattaforma ta’ distribuzzjoni fiċ-Ċina, li hija ddikjarat li kien suffiċjenti għaliha li tagħmel titjib żgħir, bi spiża ekonomika ta’ USD 1.3 miljun, sabiex imbagħad tkun f’pożizzjoni li toffri lil Lenovo vantaġġ ta’ valur totali ta’ USD 24 miljun. Madankollu, il-Kummissjoni indikat li kompetitur effiċjenti daqs l-impriża dominanti, iżda li normalment ma kienx dominanti ma kienx jistabbilixxi tali installazzjoni. Sabiex jikkumpensa għal Lenovo t-telf tal-vantaġġ marbut ma’ użu aħjar tal-pjattaforma ta’ provvista ta’ Intel, il-kompetitur daqstant effiċjenti għalhekk kellu jagħti lil Lenovo ħlas monetarju ta’ ammont ekwivalenti għall-valur ekonomiku għal Lenovo tal-pjattaforma ta’ provvista mtejba.

422    Ir-rikorrenti tafferma, b’mod ġenerali, li l-MoU 2007 ma kienx jippermetti li jiġi konkluż li t-tnaqqis tagħha kien wassalha sabiex teskludi kompetitur daqstant effiċjenti. L-analiżi mwettqa mill-Kummissjoni, l-ewwel, teżaġera l-parti allegatament kundizzjonali tat-tnaqqis, it-tieni, tnaqqas il-parti kontestabbli u, it-tielet, teżaġera l-ispejjeż tagħha. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-parti kundizzjonali, ir-rikorrenti tesponi li, fir-rigward tal-iskontijiet skont il-MoU 2007, id-deċiżjoni kkontestata tikkonkludi, fil-premessi 1461 u 1474 sa 1477, li l-iskontijiet kundizzjonali ta’ USD 180 miljun ngħataw għal parti kontestabbli ta’ 0.9 sa 1.1 miljun laptops biss. Madankollu, skont ir-rikorrenti, l-ammont tal-iskontijiet kundizzjonali jammonta biss għal USD 138 miljun.

423    Skont ir-rikorrenti, il-metodoloġija tal-Kummissjoni sabiex tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-vantaġġi in natura hija żbaljata, minħabba li, għall-finijiet tal-analiżi AEC, it-tnaqqis kundizzjonali għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ispiża sostnuta minnha sabiex tipprovdihom, u mhux il-valur li huma jirrappreżentaw għal Lenovo. Ir-rapport addizzjonali Shapiro-Hayes tat‑28 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem ir-“rapport supplimentari Shapiro-Hayes”) ikkwantifika l-ispiża għal Intel taż-żewġ vantaġġi in natura għal USD 3 miljun. Minn dan l-ammont, ammont ta’ USD 1 680 073 (USD 1.7 għal kull approssimazzjoni) jikkorrispondi għall-estensjoni tal-garanzija u oħra ta’ USD 1 256 948 (USD 1.3 għal kull approssimazzjoni) għall-ispejjeż ta’ Intel li jikkorrispondu għall-fatt li Lenovo tiġi offruta pjattaforma ta’ distribuzzjoni.

424    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti kollha tar-rikorrenti. Il-Kummissjoni ssostni li, sabiex tiġi evalwata l-parti kundizzjonali tat-tnaqqis, id-deċiżjoni kkontestata evalwat iż-żieda tal-finanzjament mogħti minn Intel lil Lenovo fl‑2007 skont il-MoU 2007. Dan l-approċċ ma huwiex ikkontestat. Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tistabbilixxi li dan il-finanzjament ikbar kien jammonta għal USD 180 miljun, billi tibbaża ruħha fuq l-eżami tad-dokumenti ppreparati minn Intel matul in-negozjati tal-MoU 2007. Il-Kummissjoni tqis li hija bbażat ruħha, ġustament, fuq il-valur tal-vantaġġi in natura mogħtija lil Lenovo, minflok ma ħadet bħala bażi l-ispiża tagħhom għal Intel. Fil-fatt, fil-fehma tagħha, l-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti teħtieġ li jiġi evalwat, essenzjalment, il-kumpens li għandu joffri kompetitur effiċjenti possibbli lil Lenovo għat-telf tat-tnaqqis ta’ Intel. Sabiex tkun inċentivata tagħżel il-kompetitur daqstant effettiv, Lenovo tistenna li tirċievi kumpens għat-telf tagħha stess, u mhux għal dak ta’ Intel.

425     Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni, billi tibbaża ruħha fuq l-Anness B.31 tar-risposta, li Intel ma tipproduċi l-ebda prova tanġibbli li kien hemm diverġenza ta’ opinjonijiet bejn Lenovo u fir-rigward tal-valur tal-vantaġġi in natura mogħtija lil Lenovo, u lanqas, a fortiori, li Lenovo kkalkolat valur ieħor għal dawn il-vantaġġi in natura. Hija tindika wkoll li dokumenti kontemporanji għall-fatti li jinsabu fil-fajl juru li Lenovo kienet tqis dawn il-vantaġġi in natura bħala utli ħafna u li hija kienet talbithom mingħand Intel sa mill-bidu tan-negozjati.

426    Skont il-Kummissjoni, huwa żbaljat li jiġi affermat, kif tagħmel ir-rikorrenti, li l-valur tal-vantaġġ in natura għall-finijiet tal-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti huwa l-ispiża li jirrappreżentaw dawn il-vantaġġi għall-impriża dominanti. Skont il-Kummissjoni, ir-replika tipprova tevita l-iżball li jivvizzja r-raġunament tar-rikors billi tiddikjara li, “bħala definizzjoni, kompetitur daqstant effiċjenti jista’ jipproponi l-istess vantaġġi in natura lil Lenovo bl-istess spiża bħal Intel”. Dan jinjora l-fatt li l-kompetitur daqstant effiċjenti huwa ta’ daqs iżgħar minn Intel. Il-Kummissjoni tirreferi għall-premessa 1467 tad-deċiżjoni kkontestata, li spjegat li normalment il-kompetitur daqstant effiċjenti għad ma għandux pjattaforma ta’ provvista fiċ-Ċina. Għalhekk, skont il-Kummissjoni, dan għandu jikkumpensa fi flus it-telf tal-vantaġġi mogħtija minn Intel lil Lenovo.

427    Fuq dan il-punt, il-Kummissjoni ssostni li r-replika sempliċement tirrispondi, l-ewwel, billi tafferma li kompetitur daqstant effiċjenti neċessarjament ikollu pjattaforma ta’ provvista fiċ-Ċina u, it-tieni, billi jallega li AMD kellha waħda. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tqis li l-ewwel risposta mogħtija mir-replika hija sempliċi affermazzjoni. Fil-fehma tagħha, ma hemmx raġuni li kompetitur, anki effiċjenti, neċessarjament ikollu pjattaforma ta’ provvista miċ-Ċina. Fir-rigward tat-tieni risposta mogħtija fir-replika, l-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti tirrigwarda skont il-Kummissjoni kompetitur ipotetiku u mhux lil AMD. Fi kwalunkwe każ, id-dokument li għalih tagħmel riferiment Intel jiddikjara sempliċement li AMD kellha “installazzjonijiet” fiċ-Ċina, li ma jurix l-eżistenza ta’ pjattaforma ta’ provvista, u wisq inqas pjattaforma ekwivalenti għal dik ta’ Intel.

428    Skont il-Kummissjoni, il-punti 22 sa 37 tal-anness D.39 tal-kontroreplika juru li, anki jekk jiġi aċċettat li l-kompetitur daqstant effiċjenti kellu pjattaforma ta’ provvista fiċ-Ċina, l-ispiża li tippreżupponi fir-rigward tiegħu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ din il-pjattaforma favur Lenovo hija kunsiderevolment ogħla mill-ispejjeż tal-provvista ta’ dan il-vantaġġ għal Intel. L-istess japplika għall-estensjoni tal-garanzija. Jekk, kif tallega Intel, l-ispiża taż-żewġ vantaġġi in natura tammonta għal USD 3 miljun għaliha, għalhekk il-provvista tal-istess benefiċċji lil Lenovo tiswa tal-inqas USD 38 miljun lil kompetitur daqstant effiċjenti. Dan l-ammont huwa kkalkolat abbażi taż-żewġ ipoteżi ta’ Intel li l-Kummissjoni tirrifjuta, jiġifieri, l-ewwel, li l-kompetizzjoni daqstant effiċjenti jkollha pjattaforma ta’ provvista miċ-Ċina u, it-tieni, li l-ispiża sostnuta minn Intel għall-għoti tal-benefiċċji in natura tammonta għal USD 3 miljun.

429    Skont il-Kummissjoni, fi kwalunkwe każ, l-argument prinċipali tar-rikors u tar-replika li jsostni li l-ispiża taż-żewġ vantaġġi in natura tammonta għal Intel għal USD 3 miljuni jikkontradixxi l-provi ta’ Intel stess. Il-punti 38 sa 44 tal-anness D.39 tal-kontroreplika jistabbilixxu, skont il-Kummissjoni, li dokumenti interni ta’ Intel li għandhom id-data ta’ meta seħħew il-fatti juru li r-rikorrenti kkalkolat li, fir-realtà, l-ispiża taż-żewġ vantaġġi in natura hija ugwali, jew anki ogħla, mill-valur tagħhom għal Lenovo. L-ispiża kumulattiva tagħhom għal Intel kienet stabbilita għal USD 47 miljun u mhux għal USD 3 miljuni kif tallega Intel.

430    Qabel ma jsir l-eżami tal-argumenti tal-partijiet dwar iż-żewġ vantaġġi in natura, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax li semmiet rispettivament il-valuri ta’ USD 20 miljun għall-estensjoni tal-garanziji u ta’ USD 24 miljun għall-pjattaforma ta’ distribuzzjoni, fi preżentazzjoni li hija ppreparat għal Lenovo. Ir-rikorrenti tallega, madankollu, li dawn il-valuri għandhom jiġu ssostitwiti, għall-finijiet tat-test AEC, b’USD 1.7 u USD 1.3 miljuni għal kull waħda minnhom, sabiex jiġu riflessi l-ispejjeż tagħha u mhux il-profitt għal Lenovo. Il-Kummissjoni imputat USD 44 miljun fuq USD 180 miljun bi skontijiet kundizzjonali għall-vantaġġi in natura abbażi tal-valur li jirrappreżentaw dawn is-servizzi għal Lenovo. Mill-qari tal-premessa 1465 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li huwa eskluż li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’din id-deċiżjoni, il-kalkoli ta’ Intel li jistmaw l-ispejjeż tagħha sabiex tipproponi l-vantaġġi in natura għal USD 3 miljun jew li hija analizzat din iċ-ċifra.

431    L-approċċ tal-Kummissjoni jikkonsisti, essenzjalment, fil-kunsiderazzjoni li, anki jekk jiġi aċċettat li kompetitur daqstant effettiv jista’ fil-prinċipju joffri vantaġġi in natura, xorta jibqa’ l-fatt li t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ pjattaforma ta’ distribuzzjoni jew ta’ estensjoni ta’ garanzija jiswa iktar lill-kompetitur milli lill-impriża dominanti, b’mod partikolari meta l-valur tal-vantaġġi in natura jitqiegħed f’relazzjoni mal-parti kontestabbli. Il-Kummissjoni ssostni wkoll li Intel ma pproduċiet l-ebda prova tanġibbli li kien hemm diverġenza ta’ opinjonijiet bejn Lenovo u dwar il-valur tal-vantaġġi in natura mogħtija.

432    Ir-rikorrenti tikkritika din l-analiżi tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, ir-rapport addizzjonali Shapiro-Hayes u r-rapport Salop-Hayes juru li dan il-proċess ma huwiex korrett u li analiżi xierqa tal-kompetitur daqstant effiċjenti tieħu inkunsiderazzjoni l-ispiża għal Intel tal-provvista ta’ dawn il-vantaġġi in natura. Hija tirreferi għar-rapport Salop-Hayes li skontu huwa indikat kif ġej:

“Għall-finijiet tal-kriterju tal-kompetitur daqstant effiċjenti, il-konsenja kundizzjonali għandha tinkludi l-ispiża sostnuta minn Intel sabiex tipprovdi dawn is-servizzi, u mhux il-valur tagħhom għal Lenovo. Il-kriterju tal-kompetitur daqstant effettiv għandu l-għan li jiddetermina jekk id-dħul marġinali ta’ Intel marbut mal-parti kontestabbli jaqbiżx l-ispejjeż marġinali tagħha sabiex tikkunsinna din il-kwantità, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis fil-profitti ta’ Intel minħabba l-iskontijiet kundizzjonali. It-tnaqqis fil-profitti ta’ Intel jirrappreżenta l-ispiża għal Intel tal-vantaġġi [in natura].”

433    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-bażijiet tat-test AEC applikat f’dan il-każ mill-Kummissjoni huma esposti, b’mod partikolari, fil-premessi 1003 u 1004 tad-deċiżjoni kkontestata.

434    Fil-premessa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tesponi l-loġika inerenti għat-test AEC billi tqis li, “essenzjalment, għandu jiġi eżaminat jekk, fid-dawl tal-ispejjeż tagħha stess u tal-effett tat-tnaqqis, Intel hijiex stess f’pożizzjoni li tidħol fis-suq fuq bażi iktar ristretta mingħajr ma ssofri telf”.

435    Fil-premessa 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tindika li l-analiżi tal-kompetitur daqstant effettiv hija eżerċizzju purament ipotetiku, fis-sens li għandu jiġi ddeterminat jekk l-aċċess għas-suq ta’ kompetitur daqstant effiċjenti bħal Intel, fir-rigward tal-produzzjoni u l-provvista ta’ CPUs x86 ta’ valur ekwivalenti għal dak ipprovdut minn Intel lill-klijenti tagħha, iżda li ma għandux bażi ta’ bejgħ daqshekk wiesgħa bħal Intel, jintilef. Bħala prinċipju, din l-analiżi hija indipendenti mill-kapaċità effettiva ta’ AMD li tidħol jew le fis-suq.

436    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kompetitur ipotetiku li għandu jevalwa l-kapaċità ta’ dħul fis-suq minkejja l-prattiki tariffarji ta’ Intel huwa kompetitur daqstant effiċjenti mifhum bħala operatur adattat sabiex jipprovdi CPUs x86 bl-istess kundizzjonijiet bħal dawk ipprattikati minn Intel. Kif jirriżulta mill-premessa 1003 tad-deċiżjoni kkontestata, it-test AEC iwassal, essenzjalment, sabiex jiġi eżaminat jekk Intel stess setgħetx tippenetra fis-suq minkejja s-sistema ta’ tnaqqis inkwistjoni. Mill-premessa 1004 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, bħala prinċipju, l-unika differenza bejn is-sitwazzjoni tal-kompetitur ipotetiku u s-sitwazzjoni effettiva ta’ Intel fis-suq hija li l-imsemmi kompetitur ipotetiku ma għandux bażi ta’ bejgħ ekwivalenti. Fid-dawl tal-preċiżazzjonijiet magħmula fil-premessa 1005 tad-deċiżjoni kkontestata, dan ir-riferiment għall-assenza ta’ bażi ta’ bejgħ ekwivalenti għandu jiġi interpretat fis-sens li, minħabba l-istatus ta’ soċju kummerċjali inevitabbli ta’ Intel, il-kompetitur ipotetiku daqstant effettiv jista’ jnaqqas lil Intel biss il-parti kontestabbli tad-domanda tal-klijenti ta’ CPUs x86.

437    Kif tirrileva ġustament ir-rikorrenti, meta l-Kummissjoni evalwat, fid-deċiżjoni kkontestata, il-valur tal-vantaġġi in natura offruti minnha fil-kuntest tal-eżami tal-portata tat-tnaqqis mogħti lil Lenovo, hija ma rraġunatx daqslikieku l-kompetitur ipotetiku kien kapaċi jbigħ CPUs x86 lil Lenovo filwaqt li joffrilha vantaġġi in natura taħt l-istess kundizzjonijiet bħalha.

438    Fil-fatt, fil-premessa 1466 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li kellu jiġi eżaminat il-prezz li kompetitur daqstant effiċjenti, li ma huwiex l-impriża dominanti stess, kellu jħallas sabiex jikkumpensa t-telf tal-vantaġġi in natura offruti minn Intel lil Lenovo bħal estensjoni tal-pjattaforma jew estensjoni tal-garanzija. Fil-premessa 1467 tal-imsemmija deċiżjoni, sabiex tiġġustifika din is-soluzzjoni, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-eżempju tal-pjattaforma ta’ distribuzzjoni. Hija sostniet li, kuntrarjament għal Intel, li kellha pjattaforma ta’ distribuzzjoni fiċ-Ċina, li teħtieġ ċerti adattamenti sabiex toffri vantaġġ in natura lil Lenovo, kompetitur effiċjenti daqs l-impriża dominanti, iżda li ma kienx dominanti, u li għalhekk kien iżgħar, normalment ma kienx ikollu tali installazzjoni.

439    Għalhekk, il-Kummissjoni telqet minn premessa kuntrarja għall-pedamenti tat-test AEC esposti fil-premessi 1003 u 1004 tad-deċiżjoni kkontestata, li huma bbażati fuq il-prinċipju li l-kompetitur ipotetiku huwa effiċjenti daqs Intel, b’mod partikolari mill-perspettiva tal-ispejjeż ta’ estensjoni ta’ pjattaforma jew ta’ garanzija. Fir-realtà, il-Kummissjoni rraġunat fir-rigward ta’ kompetitur inqas effiċjenti, li madankollu ma jikkostitwixxix l-attur ekonomiku rilevanti sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tal-prattika ta’ tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effett ta’ esklużjoni.

440    Ebda argument imressaq mill-Kummissjoni ma jinvalida din il-konstatazzjoni.

441    Il-Kummissjoni li, ċertament, tirreferi għall-fatt li Intel kienet ikkwantifikat is-somma favur Lenovo b’mod għoli (rispettivament USD 20 u USD 24 miljun) ma tipprovdix, fid-deċiżjoni kkontestata, risposta għad-domanda dwar liema kienet tkun l-ispiża għal kompetitur daqstant effiċjenti li kieku kellha tipprovdi l-aċċess għal pjattaforma ta’ distribuzzjoni jew tipproċedi permezz ta’ sempliċi trasformazzjoni tal-pjattaforma tagħha diġà eżistenti b’tali mod li testendiha għall-benefiċċju ta’ OEM, bħal dak li pproponiet Intel lil Lenovo. Din l-istess loġika tapplika għall-ispejjeż marbuta ma’ estensjoni ta’ garanzija.

442    F’dan ir-rigward, il-partijiet indikaw, bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali waqt is-seduta tal‑2020, li l-ekonomiji mhux mistennija ma kellhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala li jikkostitwixxu element ta’ differenzjazzjoni, iżda li l-ispejjeż ta’ kompetitur daqstant effiċjenti kellhom jitqiesu li huma l-istess bħal Intel. Madankollu, tali spjegazzjonijiet min-naħa tal-Kummissjoni jikkontradixxu l-approċċ adottat fil-premessi 1466 u 1467 tad-deċiżjoni kkontestata, li jieħdu inkunsiderazzjoni d-daqs tal-kompetitur daqstant effettiv sabiex jenfasizzaw, b’mod partikolari, li pjattaforma paragunabbli għal dik ta’ Intel għadha ma hijiex stabbilita.

443    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni għamlet riferiment, quddiem il-Qorti Ġenerali, għad-daqs konkret ta’ pjattaforma ta’ kompetitur daqstant effiċjenti (ara l-punt 426 iktar ’il quddiem, in fine), għandu jiġi rrilevat, kif sostniet Intel fis-seduta tal‑2020, li dan l-element ma ġiex analizzat fid-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika fir-rigward tal-evalwazzjonijiet f’ċifri, ippreżentati mill-Kummissjoni għall-ewwel darba fl-Anness D.39 tal-kontroreplika, intiżi sabiex jiġu evalwati l-ispejjeż reali għal Intel, li jikkonċernaw il-benefiċċji in natura (ara l-punti 429 u 430 iktar ’il fuq).

444    Madankollu, il-Qorti Ġenerali ma tistax tieħu inkunsiderazzjoni dawk l-analiżijiet addizzjonali, li ġew sottomessi matul il-proċedura quddiemha sabiex jissostanzjaw it-test AEC fid-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma tissostitwixxi l-motivazzjoni tagħha stess ma’ dik tal-Kummissjoni li tinsab fl-imsemmija deċiżjoni. Fil-fatt, il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 150 iktar ’il fuq tipprojbixxi lill-Qorti Ġenerali milli twettaq tali sostituzzjoni tal-motivi.

445    Fir-rigward tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fil-premessa 1464 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq l-allegata differenza kbira bejn l-ispejjeż ekonomiċi ppreżentati minn Intel għall-għoti tal-benefiċċji in natura u l-valur tagħhom għal Lenovo, għandu jiġi rrilevat li, indipendentement mill-fatt li l-valur għal Lenovo ma huwiex element deċiżiv għall-analiżi tat-test AEC, kif jirriżulta mir-rendikont ta’ dikjarazzjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2009 ta’ L10, [kunfidenzjali], Lenovo ma rrikonoxxietx li n-negozjati ma’ Intel kienu jirrigwardaw valur eżat ta’ vantaġġi in natura. L10 qieset, essenzjalment, li l-approċċ f’ċifri f’USD dwar l-imsemmija vantaġġi seta’ jkun radikalment differenti mis-somma ppreżentata minn Intel. Fil-fehma tiegħu, essenzjalment, din l-impriża pprovat tattribwixxi l-mertu tal-elementi li tagħhom huwa ma kienx jikkalkola l-valur tagħhom f’termini monetarji, bħad-distribuzzjoni permezz ta’ pjattaforma. Intel ipprovat tipperswadih li dawn l-elementi kienu ta’ interess ekonomiku, minkejja li pjuttost kienu jaqgħu taħt vantaġġ operattiv. L10 enfasizzat li ma tat l-ebda kreditu fir-rigward tal-vantaġġ f’termini monetarju ta’ dawn l-elementi mogħtija in natura.  Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-Kummissjoni għall-messaġġ elettroniku tat‑12 ta’ Jannar 2006 ta’ L10, li rrikonoxxa l-importanza tal-vantaġġi in natura, għandu jiġi rrilevat li dawn ma humiex ikkwantifikati f’dollari fl-imsemmija posta elettronika.

446    Minn serje ta’ messaġġi elettroniċi tas‑26 ta’ Novembru 2006 sat-28 ta’ Novembru 2008 u intitolati “RE : Intel Meet Comp Response Nov 27 06.ppt” jirriżulta li Intel użat riferimenti differenti għal vantaġġi eżaġerati bħala tattika ta’ negozjar, b’mod partikolari billi indikat bħala vantaġġ elementi li hija kellha l-intenzjoni li tipprovdi lis-sieħeb kummerċjali fi kwalunkwe każ. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni ma tistax tiddeduċi, anki jekk biss impliċitament, bħalma huwa l-każ fil-premessa 1464 tad-deċiżjoni kkontestata, minn din l-informazzjoni biss dwar in-negozjati tal-vantaġġi in natura li l-ispejjeż reali, kif indikati minn Intel, kienu minimizzati. Fl-istess sens, għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva l-allegazzjoni tal-Kummissjoni, imsemmija fil-punt 614 tar-risposta u li tirreferi għall-Anness B.31 tagħha, li tgħid li Intel ma kinitx uriet li kienu jeżistu diverġenzi ta’ opinjonijiet bejn Lenovo u hija stess fir-rigward tal-valur tal-vantaġġi in natura mogħtija. Fil-fatt, il-kwistjoni hija dik dwar liema kienu l-ispejjeż neċessarji sabiex dawn jiġu proposti u mhux il-perċezzjoni tal-valur tagħhom minn Lenovo.

447    Barra minn hekk, ma huwiex suffiċjenti li wieħed jibbaża ruħu, kif għamlet il-Kummissjoni fil-premessa 1464 tad-deċiżjoni kkontestata u, sussegwentement, fil-punt 614 tar-risposta, li jirreferi għall-punt 416 tal-Anness B.31 tagħha, fuq l-argument li jgħid li Intel naqset milli tispjega d-differenza kbira bejn l-allegati spejjeż tagħha fl-ammont ta’ USD 3 miljuni u l-ammont ta’ USD 44 miljun għal Lenovo.  Fil-fatt, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa, direttament fid-deċiżjoni kkontestata u mhux f’elementi ta’ kalkolu ppreżentati għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, liema kienu jkunu l-ispejjeż li kien ikollu kompetitur effiċjenti, kieku kellu joffri lil OEM bħal Lenovo vantaġġi in natura ekwivalenti għal dawk proposti minn Intel (ara, ukoll, il-punt 444 iktar ’il fuq).

448    Barra minn hekk, sa fejn il-Kummissjoni tagħmel, għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-punt 326 tal-kontroreplika, li jirreferi, b’mod illustrattiv, għall-Anness D.39 tagħha, kalkoli tal-ispejjeż li jikkonċernaw l-ipoteżi fejn għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li kompetitur daqstant effiċjenti kellu pjattaforma ta’ distribuzzjoni fiċ-Ċina, hemm lok li jiġi rrilevat li r-riżultat miksub mill-Kummissjoni dwar l-ispejjeż huwa differenti, fi kwalunkwe każ, mir-riżultat li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata, indipendentement mill-fatt li dawn il-kalkoli kienu tardivi u ma jaqgħux taħt il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet applikat test ieħor. Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punt 36 tal-anness D.39 tal-kontroreplika, l-ispiża għal kompetitur daqstant effiċjenti hija ta’ USD 20 690 000, u mhux ta’ USD 24 miljun kif indikat fil-premessa 1463 tad-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-pjattaforma ta’ distribuzzjoni. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-estensjoni tal-garanzija, li l-ispiża tagħha għal kompetitur daqstant effiċjenti hija wkoll ikkwantifikata għall-ewwel darba għal USD 17 473 664 fil-punt 30 tal-anness D.39 tal-kontroreplika, din hija differenti mill-USD 20 miljun meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

449    Fl-aħħar, fir-rigward tal-allegazzjoni tal-Kummissjoni mressqa fil-punt 327 tal-kontroreplika, li tirreferi għall-punti 38 sa 44 tal-Anness D.39 tagħha, li l-argument prinċipali tar-rikorrenti li l-ispiża taż-żewġ vantaġġi in natura li tammonta għal Intel għal USD 3 miljun tikkontradixxi l-provi ta’ din tal-aħħar stess, din ma tistax tintlaqa’.

450    Fir-rigward tad-dokumenti interni ta’ Intel bir-referenzi D.41 u D.42 annessi mal-kontroreplika, li minnhom jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li Intel kienet stmat l-ispejjeż tal-benefiċċji in natura għal USD 47 miljun minflok għal USD 3 miljun, dawn ma ssemmewx fid-deċiżjoni kkontestata u għalhekk ma jaqgħux taħt il-motivi tagħha. Minn qari tal-premessa 1465 tad-deċiżjoni kkontestata, jidher li huwa eskluż li l-Kummissjoni ħadithom inkunsiderazzjoni fl-analiżi prinċipali tagħha kif tirriżulta mill-imsemmija deċiżjoni, sa fejn hija tafferma li “l-argument ta’ Intel li l-mod ta’ evalwazzjoni li għandu jintuża fl-analiżi tal-kompetitur daqstant effiċjenti ma huwiex il-valur ta’ dawn l-elementi għal Lenovo, iżda l-ispiża ekonomika tagħhom għal [hija] huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-prinċipji tal-imsemmija analiżi”.

451    Fi kwalunkwe każ, anki jekk ir-riferiment tal-Kummissjoni għad-dokumenti msemmija fil-punt 450 iktar ’il fuq kien ammissibbli, minn dawn tal-aħħar ma setax jiġi dedott li Intel kienet żbaljat meta mminimizzat l-ispejjeż tagħha billi indikat li ż-żewġ vantaġġi in natura kienu jikkorrispondu rispettivament għal USD 1.7 u għal USD 1.3 miljun. Fil-fatt, id-dokumenti li tirreferi għalihom il-Kummissjoni jaqgħu taħt kuntest fejn kienu nbdew negozjati ma’ Lenovo u li fih Intel kienet intiża li tipprova l-importanza tal-proposti kummerċjali tagħha, billi tippreżentahom b’mod favorevoli għal Lenovo (ara wkoll il-punti 445 u 446 iktar ’il fuq). Fir-rigward tal-analiżi konkreta ta’ dawn id-dokumenti, imwettqa bla ħsara għal dak li ġie kkonstatat, b’mod purament kawtelatorju, għandu jiġi rrilevat li dawn ma humiex ċari u għalhekk ma jippermettux li tiġi kkonfermata l-pożizzjoni tal-Kummissjoni.

452    Għalhekk, l-ewwel, fid-dokument intitolat “Intel Chart entitled 2006 v. 2007 Trend”, il-vantaġġ marbut mat-tkabbir tal-pjattaforma ta’ distribuzzjoni jaqa’, ċertament, taħt it-titolu “Incremental 07 Spending” u riferiment li jinkludi l-kliem “billing impact” isir fit-tabella inkwistjoni. Madankollu, iċ-ċifra ta’ USD 24 miljun, fir-rigward tal-pjattaforma, hija inkluża fil-kolonna intitolata “Contra” u mhux fil-kolonna intitolata “Expense”. Dan jindika li dan kien jirrigwarda l-istima tal-valur ekwivalenti meħuda inkunsiderazzjoni minn Intel bħala li jikkorrispondi għall-użu tal-pjattaforma, kif spjegat fil-punt 71 tar-rapport addizzjonali Shapiro-Hayes u illustrat fl-Anness 10 tagħha, iżda mhux spejjeż ta’ tali pjattaforma jew tal-modifika tagħha għal Intel. Fl-istess sens, l-ispiża tal-estensjoni tal-garanzija hija kkalkolata fil-punt 70 tar-rapport addizzjonali Shapiro-Hayes kif ukoll fl-Anness 9 tiegħu għal USD 1.7 miljun. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-allegazzjonijiet ta’ Dr Hayes fis-seduta tal‑2020 li jgħidu li, minħabba n-numru limitat ta’ nuqqasijiet ta’ CPUs x86, il-fatt li tiżdied il-garanzija minn sena għal tliet snin ma jfissirx spejjeż inkrementali sinjifikattivi.

453    It-tieni, fir-rigward tat-tabelli ppreżentati fl-Anness D.42 tal-kontroreplika, għalkemm jippermettu li l-ispejjeż għal Intel jiġu pparagunati mal-vantaġġi għal Lenovo, l-ispiża totali tal-bidla ta’ pjattaforma ta’ distribuzzjoni, ikkalkolata fid-deċiżjoni kkontestata għal USD 24 miljun, ma tirriżultax minnhom. Fi kwalunkwe każ, ma jistax jiġi eskluż li dan id-dokument seta’ jkollu bħala għan li jippreżenta l-proposta b’mod favorevoli matul in-negozjati ma’ Lenovo.

454    F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid-dawl tal-iżbalji ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, ma huwiex neċessarju li jiġu evalwati ċerti argumenti addizzjonali ta’ Intel, li jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk AMD kellhiex verament pjattaforma fiċ-Ċina, peress li s-sitwazzjoni tal-impriża AMD ma hijiex, fi kwalunkwe każ, deċiżiva għat-test AEC.

455    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wettqet żball fl-evalwazzjoni numerika tal-vantaġġi in natura proposti minn Intel lil Lenovo, billi użat rispettivament l-ammonti ta’ USD 20 u ta’ USD 24 miljun, li minnhom hija stmat l-ammont tat-tnaqqis għal USD 180 miljun. L-imsemmi ammont ta’ USD 180 miljun huwa għalhekk huwa stess ivvizzjat bi żball.

456    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, fil-premessa 1507 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-konklużjonijiet li hija kienet waslet għalihom fir-rigward tal-kapaċità tat-tnaqqis mogħti lil Lenovo sabiex tipproduċi effett ta’ esklużjoni kellhom bħala bażi l-paragun bejn in-numru meħtieġ ta’ unitajiet u n-numru kkontestat ta’ unitajiet stabbiliti fil-premessa 1478 tal-imsemmija deċiżjoni kif ukoll il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 1479 sa 1506, li jesponu test alternattiv tal-parti rikjesta għas-segmenti magħquda tad-desktops u tal-laptops. Madankollu, kif jirriżulta mill-premessi 1472, 1478, 1503 sa 1506 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest kemm tal-paragun imsemmi iktar ’il fuq kif ukoll tat-test alternattiv, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni parti kundizzjonali ta’ USD 180 miljun għall-analiżi tagħha dwar id-definizzjoni tal-parti meħtieġa, għall-finijiet tal-paragun tagħha mal-parti kontestabbli tal-unitajiet ta’ CPUs x86. L-iżball fl-evalwazzjoni numerika tal-vantaġġi in natura proposti minn Intel lil Lenovo għalhekk affettwa l-komponenti kollha tal-eżami tat-tnaqqis mogħti lil dan l-OEM.

457    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir l-evalwazzjoni tal-fondatezza tal-argumenti ta’ Intel dwar in-numru ta’ unitajiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx sal-grad rikjest mil-liġi l-fondatezza tal-konklużjoni, ifformulata fil-premessa 1507 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, fl‑2007, it-tnaqqis ta’ Intel kien kapaċi jew seta’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv, peress li anki kompetitur daqstant effiċjenti kien jiġi prekluż milli jipprovdi lil Lenovo l-bżonnijiet tagħha fil-qasam ta’ CPUs x86 għal-laptops.

e)      Fuq l-allegati żbalji relatati mat-test AEC applikat għal MSH

458    Ir-rikorrenti ssostni li l-analiżi AEC dwar MSH li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata, minbarra l-fatt li hija ssopravalutat l-IEM ta’ Intel, tinkludi żewġ żbalji relatati, minn naħa, mal-metodu ta’ “tnaqqis doppju” (iktar ’il quddiem il-“metodu tat-tnaqqis doppju”) u, min-naħa l-oħra, mal-parti kundizzjonali tal-ħlasijiet. Il-korrezzjoni ta’ waħda minn dawn l-iżbalji turi li MSH issodisfat it-test AEC.

459    Il-Qorti Ġenerali tqis xieraq li qabel kollox teżamina l-fondatezza tal-argument intiż li juri li l-Kummissjoni wettqet żball meta applikat il-metodu ta’ tnaqqis doppju.

460    Ir-rikorrenti tikkontesta, essenzjalment, ir-rilevanza taċ-ċifri użati sabiex jiġi applikat dan l-istess metodu u l-konsegwenzi li waslet għalihom il-Kummissjoni.

461    Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tqis li l-argumenti kollha għandhom jiġu miċħuda peress li l-applikazzjoni tal-metodu ta’ tnaqqis doppju ma hija vvizzjata b’ebda żball.

462    Il-Kummissjoni tiddikjara, l-ewwel, li, sabiex ikun jista’ jbigħ kompjuters ta’ ċerta ditta lil MSH, kompetitur daqstant effiċjenti għandu jiżgura mhux biss li MSH kienet lesta tixtri kompjuters mgħammra b’CPUs tagħha, iżda wkoll, u fuq kollox, li OEM kienu lesti li jimmanifatturaw dawn il-kompjuters. Għalhekk, il-prattiki ta’ Intel fuq livelli differenti tal-katina ta’ provvista jista’ jkollhom effett kumulattiv.

463    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni li sabiex jintwera li l-ħlasijiet ta’ Intel lil MSH seta’ jkollhom effett ta’ esklużjoni antikompetittiva meta dawn kienu akkumpanjati minn prattika ta’ Intel fir-rigward ta’ OEM, huwa biżżejjed li jintwera dan l-effett potenzjali fid-dawl ta’ eżempju rappreżentattiv ta’ ħlas kundizzjonali mogħti minn Intel lil OEM mingħajr ma dan l-eżerċizzju jiġi ripetut għal kull OEM.

464    It-tielet, id-deċiżjoni kkontestata teżamina l-kumulu tal-ħlasijiet ta’ Intel lil MSH u tar-restrizzjonijiet ovvji ta’ Intel, b’mod partikolari fir-rigward tal-laptops Lenovo mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD għall-perijodu ta’ bejn Ġunju u Diċembru 2006.

465    Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Anness B.31 tar-risposta janalizza fid-dettall l-argumenti l-oħra ta’ Intel. Essenzjalment, il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tiġġustifika b’mod xieraq il-fatt li t-tnaqqis mogħti lil NEC għat-trimestru kkonċernat huwa rappreżentattiv tal-perijodu meħud inkunsiderazzjoni kollu kemm hu; li huwa improbabbli li NECCI setgħet tipprovdi l-parti kollha kontestabbli ta’ MSH u li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-ipoteżi li 100 % tat-tnaqqis mogħti lil NEC minn Intel kien kundizzjonali.

466    F’dan ir-rigward, bħal ma tagħmel ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni, fl-ewwel lok, ikkonstatat, fil-premessa 1565 tad-deċiżjoni kkontestata, li mit-tabella Nru 58 li tinsab fil-premessa 1564 tal-imsemmija deċiżjoni jirriżulta li, skont il-metodu ta’ kalkolu normali, Intel ma għaddietx mit-test AEC għas-snin 1997, 1998 u 2000. Kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għalhekk, tal-inqas impliċitament, irrikonoxxiet li, skont il-metodu ta’ kalkolu normali, il-prezz effettiv li jirriżulta mill-ħlasijiet kundizzjonali ta’ Intel lil MSH kien nettament ogħla mill-IEM matul il-perijodu kollu tal-ksur preżunt, jiġifieri mill‑2002 sal-2007.

467    Fit-tieni lok, kif jirriżulta mill-premessi 1561 u 1566 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni madankollu adottat it-test AEC billi qieset li, meta Intel tat tnaqqis kundizzjonali lil OEM, kompetitur daqstant effiċjenti seta’ jagħmel żewġ pagamenti: wieħed sabiex jiżgura l-kisba tal-parti kontestabbli tal-OEM u l-ieħor sabiex jikseb il-parti kontestabbli ta’ MSH. Fid-dawl ta’ dan it-tnaqqis doppju, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni, fil-premessa 1568 tad-deċiżjoni kkontestata, li Intel ma għaddietx mit-test AEC matul il-perijodu kollu inkriminat, ħlief fl‑2004.

468    Għaldaqstant, mill-premessi msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li jeħtieġ li wieħed jitlaq mill-ipoteżi li Intel kienet għaddiet mit-test AEC skont il-metodu ta’ kalkolu normali u li huwa biss billi qieset l-eżistenza ta’ tnaqqis doppju li l-Kummissjoni, skont iċ-ċifri tagħha stess, irnexxielha tipprova li l-ħlasijiet ta’ Intel lil MSH setgħu jwasslu għal eliminazzjoni antikompetittiva matul il-perijodu kollu inkriminat, ħlief fl‑2004.

469    Fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti, għandu jiġi rrilevat, preliminarjament, li r-rikorrenti ma tikkontestax il-metodu tat-tnaqqis doppju bħala tali. Hija tirrikonoxxi, essenzjalment, li, sabiex ikun jista’ jbigħ kompjuters ta’ ċertu trade mark lil MSH, kompetitur daqstant effiċjenti kellu jiżgura mhux biss li MSH kienet lesta tixtri kompjuters mgħammra b’CPUs tagħha, iżda wkoll u fuq kollox li OEM kienu lesti li jimmanifatturaw dawn il-kompjuters. Għalhekk, il-prattiki ta’ Intel fuq livelli differenti tal-katina ta’ provvista seta’ kellhom effett kumulattiv.

470    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti tikkontesta ċ-ċifri użati mill-Kummissjoni sabiex twettaq il-kalkoli tagħha. Kif tirrileva r-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata tikkalkola l-ammont tat-tnaqqis doppju billi tippreżumi li kull OEM fornitur ta’ MSH kien jibbenefika minn tnaqqis kundizzjonali ekwivalenti għat-tnaqqis totali mogħti lil NEC fir-raba’ trimestru 2002 u li kien tilef kompletament dan it-tnaqqis kieku MSH kienet tbigħ kompjuters mgħammra b’CPUs x86 ta’ AMD. Billi assumiet li 100 % tat-tnaqqis mogħti lil MSH kien kundizzjonali, il-Kummissjoni kkonkludiet minn dan li, għall-perijodu kollu inkriminat, minbarra l‑2004, it-tnaqqis ta’ Intel kien għalhekk jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti.

471    Il-Qorti Ġenerali tqis li din l-analiżi fiha żewġ difetti, li kull wieħed minnhom jista’ jinvalida r-riżultati tat-test AEC relatat ma’ MSH ibbażat fuq it-tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC fir-raba’ trimestru tal‑2002.

472    Fil-fatt, l-ewwel, kif issostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni tippreżumi, fil-premessi 1566 u 1567 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-tnaqqis mogħti lil NEC jirrifletti b’mod xieraq it-tnaqqis kundizzjonali fuq il-kompjuters kollha mgħammra bi proċessuri Intel mixtrija minn MSH għall-OEM kollha. Din il-preżunzjoni ma hija sostnuta bl-ebda mod.

473    Fil-fatt, Intel tenfasizza, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni, li MSH xtrat biss 4 % tal-bżonnijiet tagħha ta’ kompjuters mingħand NEC matul il-perijodu 2002–2007 u li, minbarra NEC, l-OEM prinċipali li jipprovdu kompjuters MSH bejn l‑2002 u l‑2007 kienu Fujitsu, Acer, HP, Compaq, Toshiba u Medion. Minn tal-inqas, il-pożizzjoni tal-Kummissjoni hija neċessarjament ibbażata fuq il-premessa li MSH kienet tixtri kompjuters mingħand OEM oħra minbarra NEC.

474    Madankollu, il-Kummissjoni la tallega, u lanqas turi li Intel tat lil wieħed mill-OEM l-oħra, li mingħandhom MSH wettqet ix-xiri tagħha, tnaqqis kundizzjonali fis-settur tal-kompjuter intiżi għall-individwi, f’kundizzjonijiet paragunabbli mat-tnaqqis relatat mal-kompjuters mixtrija mingħand NEC.

475    Għalhekk jidher li d-deċiżjoni kkontestata bbażat l-analiżi tagħha tal-metodu ta’ tnaqqis doppju fuq it-tnaqqis mogħti minn Intel lil NEC matul trimestru wieħed li kien jirrappreżenta biss parti mix-xiri ta’ MSH. Għaldaqstant, bħalma ssostni r-rikorrenti, għandu jitqies li l-preżunzjoni tal-Kummissjoni li l-fornituri kollha ta’ MSH jibbenefikaw minn tnaqqis kundizzjonali sostanzjali identiku għal dak li kienet tibbenefika minnu NEC hija infondata u, fi kwalunkwe każ, ma hija sostnuta bl-ebda mod.

476    Barra minn hekk, din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-formulazzjoni tal-premessa 1566 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni tillimita ruħha li tiddikjara, sabiex turi l-metodu tat-tnaqqis doppju, li d-“dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet addizzjonali [tal-]2008 ħadet l-eżempju ta’ NEC bħala rappreżentant tal-informatika ta’ dik is-sitwazzjoni”, kif ukoll mill-kliem tal-premessa 1567 tal-istess deċiżjoni, li fiha l-Kummissjoni tindika li “[i]t-Taqsima 4.2.3.4 evalwat it-tnaqqis kundizzjonali ta’ Intel għal NEC biss matul ir-raba’ trimestru tal‑2002 (peress li hemm inkwistjoni biss it-trimestru li għalih il-Kummissjoni għandha informazzjoni suffiċjenti sabiex twettaq analiżi tal-kapaċità tat-tnaqqis li jeskludi kompetitur daqstant effiċjenti)”. Għaldaqstant, minn dawn il-premessi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni tidher li bbażat ruħha fuq l-eżempju ta’ NEC u fuq trimestru wieħed mhux biss minħabba r-rilevanza tiegħu, iżda minħabba l-fatt li dan kien l-uniku trimestru li għalih hija setgħet tikseb informazzjoni sabiex twettaq l-analiżi AEC dwar MSH.

477    Il-Kummissjoni tallega, f’dan ir-rigward, li huwa biżżejjed li jsir riferiment għal eżempju rappreżentattiv wieħed, peress li t-test AEC iservi biss sabiex juri l-kapaċità antikompetittiva — u mhux l-effetti attwali — ta’ prattika kummerċjali.  Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, meta l-Kummissjoni tagħżel approċċ kwantitattiv sabiex turi din il-kapaċità ta’ ħlas, hija għandha tiżgura ruħha li l-informazzjoni użata tkun affidabbli u tispjega, tal-inqas, kif tali data tista’ tiġi estrapolata. Madankollu, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat li ċ-ċifri ta’ NEC kienu “rappreżentattivi” għall-OEM kollha.

478    It-tieni, u fi kwalunkwe każ, kif issostni r-rikorrenti, l-analiżi tal-Kummissjoni tippreżupponi li NEC u l-fornituri l-oħra kollha ta’ MSH ibbenefikaw, bejn l‑1997 u l‑2007, minn tnaqqis kundizzjonali identiku għal dak irċevut minn NEC għal trimestru wieħed biss. Dan jimplika għalhekk li, anki jekk jitqies li huwa rappreżentattiv għall-OEM kollha, it-tnaqqis mogħti lil NEC għar-raba’ trimestru tal‑2002 kien stabbli fuq perijodu ta’ għaxar snin. Madankollu, minn naħa, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma pprovat li dan kien il-każ. L-unika ġustifikazzjoni li tidher li tinvoka l-Kummissjoni hija dik li tinsab fil-premessa 1567 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li d-data dwar it-tnaqqis ta’ NEC fir-raba’ trimestru tal‑2002 kienet l-unika waħda għad-dispożizzjoni tagħha. Madankollu, kif tenfasizza r-rikorrenti, il-fatt li ma tistax tikseb provi addizzjonali ma jippermettix lill-Kummissjoni tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq fatti preżunti. Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 404 sa 411 iktar ’il fuq, ġie pprovat li, fir-rigward ta’ NEC, il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta estrapolat ir-riżultati li hija kienet waslet għalihom għar-raba’ trimestru tal‑2002 għall-perijodu kollu li allegatament jikkostitwixxi ksur.

479    Għaldaqstant, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti l-oħra mressqa mill-partijiet kif imsemmija fil-punti 458 sa 465 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni wettqet żball meta qieset li t-tnaqqis kundizzjonali ta’ Intel sa NEC fir-raba’ trimestru tal‑2002 kien jikkostitwixxi data suffiċjenti sabiex jitwettaq it-test AEC għal MSH fil-perijodu kollu tal-ksur.

480    Peress li l-Kummissjoni ma wrietx li l-kundizzjonijiet għal estrapolazzjoni kienu ssodisfatti, għandu jitqies, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni argument relatat mal-parti kundizzjonali tal-pagamenti (ara l-punt 458 iktar ’il fuq), li r-rikorrenti hija ġġustifikata li ssostni li l-applikazzjoni tat-test AEC fir-rigward ta’ MSH huwa vvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni li japplika għall-perijodu kollu eżaminat.

481    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fondatezza tal-konklużjoni, ifformulata fil-premessa 1573 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-premessi 1559 sa 1572 tal-istess deċiżjoni, matul il-perijodu mill-aħħar trimestru tas-sena 1997 sat‑12 ta’ Frar 2008, il-ħlasijiet ta’ Intel lil MSH kienu kapaċi jew setgħu jkollhom effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi, kemm fihom infushom, kif ukoll bħala fattur ta’ tisħiħ tal-aġir ta’ Intel fil-konfront ta’ atturi oħra tas-suq, peress li anki kompetitur daqstant effiċjenti kien jiġi eskluż milli jidħol fil-parti tas-suq ikkonċernata.

f)      Konklużjonijiet dwar it-test AEC

482    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li jinsabu fil-punti 179 sa 480 iktar ’il fuq, mingħajr ma huwa neċessarju li ssir evalwazzjoni tad-diversi allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-analiżi tal-ispejjeż, hemm lok li jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li l-analiżi AEC magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji.

C.      Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata ma analizzatx debitament u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell

483    Skont ir-rikorrenti u ACT, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata dwar il-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis ta’ Intel ma jiħdux debitament inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell. Il-fatt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni, anki wieħed minnhom, għandu jwassal lill-Qorti Ġenerali sabiex tannulla d-deċiżjoni kkontestata.

484    Ir-rikorrenti u ACT isostnu li, fost dawn il-ħames kriterji, mill-inqas tlieta ma ġewx eżaminati b’mod xieraq. Fil-fatt, skonthom, għalkemm id-deċiżjoni kkontestata tinkludi analiżi tal-ewwel u tat-tielet kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell, jiġifieri l-importanza tal-pożizzjoni dominanti ta’ Intel fis-suq rilevanti u l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tal-għoti tat-tnaqqis ta’ Intel, dan ma huwiex, fi kwalunkwe każ, il-każ fir-rigward tal-kriterji relatati mar-rata ta’ kopertura tas-suq, mat-tul u mal-ammont tat-tnaqqis kif ukoll mal-eżistenza ta’ strateġija intiża sabiex teskludi lill-kompetituri minn tal-inqas daqstant effiċjenti.

1.      Fuq ir-rata ta’ kopertura

485    Fil-premessa 1577 tad-deċiżjoni kkontestata, li tinsab fit-Taqsima 4.2.4, dwar l-importanza strateġika tal-manifatturi tat-tagħmir li bbenefikaw mit-tnaqqis ta’ Intel, il-Kummissjoni enfasizzat, essenzjalment, li, minħabba s-sehem tas-suq tagħhom, il-preżenza qawwija tagħhom fil-parti l-iktar vantaġġuża tas-suq kif ukoll is-setgħa tagħhom li jilleġittimaw proċessur ġdid fis-suq, ċerti OEM, f’dan il-każ Dell u HP, kienu strateġikament iktar importanti minn oħrajn sabiex jipprovdu lill-manifatturi ta’ CPUs x86 aċċess għas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-OEM fil-mira tal-aġir ta’ Intel kellhom sehem mis-suq sinjifikattiv u li barra minn hekk kienu strateġikament iktar importanti mill-oħrajn, li kellu impatt fuq is-suq fit-totalità tiegħu iktar sinjifikanti minn dak li kien jikkorrispondi biss għall-partijiet tas-suq akkumulati tagħhom. Minn dan hija kkonkludiet li l-kopertura tal-prattiki abbużivi kellha titqies bħala sinjifikattiva.

486    Ir-rikorrenti u ACT isostnu, essenzjalment, li, billi llimitat ruħha li tiddikjara fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata li l-OEM fil-mira tal-aġir ta’ Intel kellhom sehem sinjifikattiv tas-suq u li kienu strateġikament l-iktar importanti, li kien ikollu impatt fuq is-suq kollu kemm hu ikbar minn dak li kien jikkorrispondi biss għall-ishma tagħhom tas-suq akkumulati, id-deċiżjoni kkontestata ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-kriterju tar-rata ta’ kopertura sabiex tanalizza jekk it-tnaqqis u l-pagamenti ta’ Intel kellhomx kapaċità ta’ esklużjoni.

487    Barra minn hekk, ir-rikorrenti tirrileva li din il-konstatazzjoni ġiet ifformulata fid-deċiżjoni kkontestata wara li kkonkludiet, fil-premessa 1001 tagħha, li t-tnaqqis u l-pagamenti ta’ Intel kienu jissodisfaw il-kriterji tal-abbuż, filwaqt li s-sentenza fl-appell teżiġi mill-Kummissjoni analiżi tal-kopertura tas-suq qabel kwalunkwe konstatazzjoni ta’ abbuż. Barra minn hekk, ir-rikorrenti u ACT jikkunsidraw li l-provi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni ma kinux suffiċjenti sabiex jitqies li l-parti tas-suq koperta mill-aġir ta’ Intel kienet sinjifikattiva.

488    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti.

489    L-ewwel, hija tosserva li l-kopertura tas-suq ġiet eżaminata fit-Taqsima 4.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-kuntest tal-importanza strateġika tal-OEM li bbenefikaw mit-tnaqqis ta’ Intel. Il-Kummissjoni tinsisti b’mod partikolari fuq il-fatt li, għalkemm il-punt 139 tas-sentenza fl-appell jidentifika sempliċement il-kopertura tas-suq bħala fattur, dan għandu jiġi applikat fil-kuntest ta’ kull kawża u, f’dan il-każ, l-importanza strateġika tal-parti mis-suq koperta għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ dan il-fattur bħala li juri l-kapaċità tat-tnaqqis għal fedeltà ta’ Intel li jeskludi l-kompetizzjoni. Bl-istess mod, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li Intel kienet sieħba kummerċjali inevitabbli għall-manifatturi tat-tagħmir, b’tali mod li hija kellha influwenza sinjifikattiva fuq il-klijenti tagħha, sa fejn ma kienx realistiku għalihom li jduru totalment jew fil-parti l-kbira lejn il-linja ta’ prodotti ta’ AMD.

490    It-tieni, hija ssostni li, f’dak li jirrigwarda r-rata ta’ kopertura tas-suq, ir-rikorrenti ma tibbażax ruħha iktar fuq l-affermazzjoni, ifformulata fil-punt 115 tar-rikors, li tgħid li l-kopertura tas-suq permezz tal-prattiki tagħha ma qabżitx 2 % matul sena, iżda tidher li taċċetta l-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 194 tas-sentenza inizjali, li l-kopertura tas-suq kienet medja ta’ madwar 14 % matul il-perijodu tat-twettiq tal-ksur u ssostni li minn ċerti elementi ta’ prova seta’ jiġi dedott li l-prattiki kkonċernati mit-tnaqqis kienu iktar minn 25 %.

491    It-tielet, fir-rigward tal-ilment imqajjem minn Intel fl-osservazzjonijiet tagħha li l-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata ġiet ifformulata wara li kien ġie konkluż, fil-premessa 1001 ta’ din id-deċiżjoni, li t-tnaqqis u l-pagamenti tagħha kienu jissodisfaw il-kriterji tal-abbuż (ara l-punt 487 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni tqis li r-rikorrenti tiżnatura d-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, il-premessa 1001 ta’ din id-deċiżjoni hija bbażata fuq is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il-Kummissjoni (85/76, EU:C:1979:36), li skontha tnaqqis għal fedeltà jikser l-Artikolu 102 TFUE. Madankollu, kif espost fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenfasizza li l-analiżi sussegwenti turi li l-mira ta’ OEM importanti fuq livell strateġiku għandha effett iktar sinjifikattiv fuq is-suq kollu minn dak li huwa attribwibbli biss għall-ishma tas-suq akkumulati tagħhom. Minn dan jirriżulta li l-portata tal-prattiki abbużivi għandha titqies bħala “sinjifikattiva” u l-premessa 1616 tad-deċiżjoni kkontestata tasal għall-konklużjoni ġenerali li l-fedeltà kkawżata mit-tnaqqis kellha effetti addizzjonali li naqqsu b’mod sinjifikattiv il-possibbiltà ta’ atturi oħra li jikkompetu u jbigħu l-prodotti tagħhom billi jenfasizzaw il-kwalità tagħhom ta’ CPUs x86.

492    Għandu jitfakkar li mill-punt 139 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li r-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata hija waħda mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ esklużjoni tat-tnaqqis u tal-pagamenti kundizzjonali (ara l-punti 119 u 125 iktar ’il fuq).

493    Fl-ewwel lok, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, ma jistax jiġi eskluż li t-Taqsima 4.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-importanza strateġika tal-OEM li bbenefikaw mit-tnaqqis ta’ Intel, tista’ tkun rilevanti fil-kuntest tal-eżami tar-rata ta’ kopertura. Fil-fatt, hija tindirizza ċerti fatturi a priori rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-kapaċità ta’ esklużjoni ta’ sistema ta’ tnaqqis, bħalma huma l-mira ta’ ċerti prattiki tariffarji fuq is-segmenti li huma l-iktar profittabbli tas-suq jew l-użu, għad-detriment ta’ kompetitur, tas-setgħa ta’ leġittimazzjoni ta’ prodott mill-ikbar operaturi tas-suq.

494    Xorta jibqa’ l-fatt li, kuntrarjament għal dak li tallega l-Kummissjoni, u indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjoni li tinsab fil-premessa 1597 tad-deċiżjoni kkontestata ġietx ifformulata wara li kien ġie konkluż, fil-premessa 1001 ta’ din id-deċiżjoni, li t-tnaqqis u l-pagamenti ta’ Intel kienu jissodisfaw il-kriterji tal-abbuż, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-kontenut tat-Taqsima 4.2.4 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar l-importanza strateġika tal-OEMs li bbenefikaw mit-tnaqqis ta’ Intel, u b’mod partikolari l-premessa 1597 tagħha, li bbażata ruħha fuqha l-Kummissjoni sabiex tqis li r-rata ta’ kopertura tas-suq ġiet eżaminata, ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li jikkostitwixxu huma nfushom eżami suffiċjenti, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, tar-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, fis-sens tal-punt 139 tas-sentenza fl-appell.

495    Fil-fatt, indipendentement mill-fatt li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ishma tas-suq miżmuma minn ċerti OEM u jekk jitqies li l-Kummissjoni tista’ validament tillimita ruħha li tibbaża ruħha fuq l-ishma mis-suq miżmuma minn ċerti OEM minflok teżamina r-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata, kif imsemmi fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell, il-premessi 1578 sa 1580 tad-deċiżjoni kkontestata jieħdu inkunsiderazzjoni biss l-ishma tas-suq ta’ Dell u ta’ HP, billi jeskludu lill-OEM l-oħra kkonċernati mill-prattika kkontestata, kif jirrilevaw ir-rikorrenti u ACT. Għandu jingħad ukoll li l-ishma tas-suq meħuda inkunsiderazzjoni jkopru biss il-perijodu mill-ewwel trimestru tal‑2003 sal-aħħar trimestru tal‑2005. Għaldaqstant, mhux biss dan huwa biss parti mill-perijodu kollu kopert mill-imsemmija deċiżjoni, jiġifieri minn Ottubru 2002 sa Diċembru 2007, iżda dan jinjora wkoll il-perijodu 2006–2007, li matulu kienu kkonċernati Lenovo u MSH. Fl-aħħar nett, kif isostnu r-rikorrenti u ACT, mill-premessi 1578 sa 1580 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ċ-ċifri tal-ishma tas-suq li fuqhom il-Kummissjoni bbażat ruħha jieħdu inkunsiderazzjoni l-ishma tas-suq dinji ta’ Dell u ta’ HP fis-setturi kollha, minkejja l-fatt li l-unika prattika kkontestata, fir-rigward ta’ HP, tirrigwarda desktops għal impriżi, kif indikat fl-Artikolu 1 (b) tad-deċiżjoni kkontestata.

496    Fit-tieni lok, fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, il-Kummissjoni tibbaża ruħha fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 194 tas-sentenza inizjali, li l-kopertura tas-suq kienet medja ta’ madwar 14 % matul il-perijodu tal-ksur u ssostni li minn ċerti provi jista’ jiġi dedott li l-ishma tas-suq tal-OEM ikkonċernati mill-prattiki ta’ tnaqqis inkwistjoni kienu ta’ iktar minn 25 %. Hija tindika wkoll li “[l]-ilment ta’ Intel li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq is-sehem mis-suq ta’ HP fis-setturi kollha tas-suq huwa infondat; [li] d-deċiżjoni [kkontestata] ma tirreferi għal ebda ċifra preċiża fir-rigward ta’ HP u [li] l-kopertura medja ta’ 14 % invokata mis-sentenza [inizjali], kuntrarjament għal dak li ssostni Intel, ma tiħux inkunsiderazzjoni t-tnaqqis għal fedeltà speċifiku għas-settur mogħti lil HP”.

497    Madankollu, l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 194 tas-sentenza inizjali, li l-kopertura tas-suq kienet medja ta’ madwar 14 % matul il-perijodu tat-twettiq tal-ksur, ħaġa li r-rikorrenti ma kkontestatx, jew li l-partijiet tas-suq tal-OEM ikkonċernati mill-prattiċi ta’ tnaqqis inkwistjoni kienu ta’ iktar minn 25 % jista’ biss jiġi miċħud.

498    Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li r-rati ta’ 14 % jew ta’ 25 % bl-ebda mod ma jidhru fid-deċiżjoni kkontestata wara eżami tar-rata ta’ kopertura. Għaldaqstant, għall-finijiet tal-istħarriġ tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, f’dak li jirrigwarda r-rata ta’ kopertura tas-suq permezz tal-prattika kkontestata, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tibbaża ruħha fuq l-imsemmija rati, minkejja li dawn huma bbażati fuq provi inklużi fil-proċess, peress li dawn ma kinux jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata u li, bħala definizzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq dawn il-provi.

499    Għaldaqstant, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tal-Kummissjoni dwar is-sehem tas-suq ta’ HP, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni naqset milli tiddetermina r-rata ta’ kopertura tas-suq tal-prattika kkontestata, kuntrarjament għal dak li hija kienet obbligata li tagħmel skont il-punt 139 tas-sentenza fl-appell. Għandu jingħad ukoll li dan huwa barra minn hekk kuntrarju għal-linji gwida tagħha stess dwar l-analiżi tal-kawżi li jaqgħu taħt l-Artikolu 102 TFUE, u b’mod partikolari l-paragrafu 20 tal-Linji Gwida dwar il-prijoritajiet ta’ infurzar tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] għal imġiba esklużjonarja abbużiva minn impriżi dominanti (ĠU 2009, C 45, p. 7).

500    Fid-dawl tal-elementi preċedenti, għandu għalhekk jiġi konkluż li r-rikorrenti u l-ACT ġustament isostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żball sa fejn hija ma eżaminatx debitament il-kriterju dwar ir-rata ta’ kopertura tas-suq mill-prattika kkontestata.

2.      Fuq it-tul u l-ammont tat-tnaqqis

501    Intel tikkritika, fir-rikors, kif ukoll fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, l-assenza ta’ analiżi, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-importanza, minn naħa, tat-tul tat-tnaqqis u tal-pagamenti kundizzjonali proposti u, min-naħa l-oħra, tal-ammonti tagħhom. Hija ssostni, b’mod partikolari, li ma huwiex possibbli, sabiex jiġu evalwati l-effetti ta’ esklużjoni li għandhom it-tnaqqis inkwistjoni fuq kompetitur daqstant effiċjenti, li jitwettaq kumulu ta’ ftehimiet għal żmien qasir konklużi mal-OEM u MSH. Fil-fehma tagħha, sabiex isir dan, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni t-tul ta’ kull wieħed minn dawn il-ftehimiet.

502    Il-Kummissjoni ssostni li l-kundizzjonijiet għall-għoti tat-tnaqqis u tad-diversi ħlasijiet mogħtija minn Intel ġew analizzati, għal kull OEM, fit-Taqsima VII.4.2.2. tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn l-analiżijiet kienu jirrigwardaw in-natura u l-mod ta’ twettiq tal-kundizzjonijiet ta’ esklużività jew ta’ kważi esklużività li għalihom kienu suġġetti l-ħlasijiet u t-tnaqqis, fuq l-ammonti tat-tnaqqis u, fl-aħħar nett, in-natura deċiżiva tal-kundizzjonalità tal-ħlasijiet u tat-tnaqqis għal kull wieħed mill-OEM, kif ukoll għal MSH, meta dawn evalwaw il-possibbiltà li jixtru parzjalment CPUs x86 mingħand AMD. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tenfasizza fir-risposta tagħha li żmien qasir ta’ preavviż ta’ xoljiment ta’ ċerti ftehimijiet, b’mod partikolari ma’ HP, ma jbiddilx l-effetti dannuż fuq il-kompetizzjoni. B’hekk, li kieku Intel xoljiet il-ftehimiet HPA wara ksur, minn HP, tal-obbligu tagħha ta’ kważi esklużività, HP kienet titlef it-tnaqqis fuq it-tul kollu li jifdal tal-ftehim u, minn tal-inqas potenzjalment, fuq it-tul tal-estensjoni tiegħu.

503    Fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li r-rikorrenti ma kkontestatx il-parti tas-sentenza inizjali li hija rilevanti fid-dawl tas-sentenza fl-appell, jiġifieri l-konklużjonijiet ifformulati fil-punt 195 tal-imsemmija sentenza, fejn il-Qorti Ġenerali eżaminat l-implikazzjonijiet tat-tul tal-ftehim ta’ tnaqqis għall-kapaċità tagħhom ta’ esklużjoni.  Il-Kummissjoni tqis għalhekk li l-konklużjonijiet tal-punt 195 tas-sentenza inizjali, li t-tul tal-ftehimiet ta’ Intel ma kienx jippreġudika l-kapaċità tagħhom li jeskludu l-kompetizzjoni, għandhom jitqiesu bħala definittivi.

504    Fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha, li jirrigwardaw il-punt 195 tas-sentenza inizjali, il-Kummissjoni ssostni wkoll li, anki jekk kien permess li Intel iġġedded il-kontestazzjoni tagħha tad-deċiżjoni kkontestata dwar l-evalwazzjoni tal-importanza tat-tul tal-ftehimiet tagħha, ma hemmx lok li tiġi eskluża s-sentenza inizjali. L-ewwel, skont il-Kummissjoni, jekk, kif ġie kkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata, Intel ma tissodisfax it-test AEC, l-insistenza ta’ din tal-aħħar fuq il-kapaċità tal-OEM li jirtiraw mill-ftehim dwar it-tnaqqis għal fedeltà tkun illoġika. Kompetitur daqstant effiċjenti ma jistax sempliċement joħloq kompetizzjoni. It-tieni, anki jekk Intel għaddiet mit-test AEC, huwa inerenti fl-offerta ta’ kompetitur daqstant effiċjenti għall-attivitajiet tal-OEM f’tali ċirkustanzi li huwa jkollu jaċċetta livell ta’ profittabbiltà ħafna iktar baxx fuq dan il-bejgħ minn Intel. It-tielet, il-Kummissjoni ttenni l-allegazzjoni li t-tul globali ta’ sistema ta’ tnaqqis għal fedeltà ta’ Intel huwa fattur ta’ tul li matulu kompetitur daqstant effiċjenti jkollu jaċċetta tnaqqis fil-profittabbiltà billi “jieħu l-klijentela ta’ OEM provenjenti minn Intel” fuq dan il-bejgħ. Għalhekk, għal HP, kull kompetitur li jixtieq jissupplixxi lil Intel għandu jkun lest li joffri kundizzjonijiet li jikkumpensaw it-telf tat-tnaqqis ta’ Intel minn tal-inqas għat-tul komplet tal-ftehim HPA1. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li kull serje ta’ ftehimiet mal-OEM saret f’perijodu suffiċjenti sabiex l-azzjonijiet ta’ Intel ikunu jistgħu jeskludu l-kompetizzjoni, peress li dawn il-ftehimiet kienu jikkonċernaw perijodi iktar profitabbli għall-bejgħ ta’ proċessuri CPUs x86, fil-bidu taċ-ċiklu ta’ ħajja ta’ mudell ġdid. Hija ssostni wkoll li t-tul tal-prattiki ta’ Intel ma jistax jiġi sseparat mill-kalendarju tagħhom, peress li dawn kienu intiżi li jegħlbu l-inkapaċità tagħha li tipproduċi risposta teknika fi żmien xieraq għal CPUs x86 ta’ 64 bits ikkummerċjalizzati minn AMD.

505    Matul is-seduta tal‑2020, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Qorti Ġenerali dokument li jirrigwarda l-premessi tad-deċiżjoni kkontestata li kienu jevalwaw, fil-fehma tagħha, il-kriterji differenti kif previsti fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell, inkluż it-tul ta’ żmien.

506    Fl-ewwel lok, għandha tiġi miċħuda l-inammissibbiltà tal-ilmenti bbażati fuq it-tul u l-ammont tat-tnaqqis u tal-pagamenti kundizzjonali, imqajma mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet prinċipali tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fl-osservazzjonijiet prinċipali u kumplimentari tagħha f’dan ir-rigward huma marbuta b’mod ċar ma’ dawk ippreżentati fil-punti 102 u 111 sa 114 tar-rikors. Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 106 iktar ’il fuq, dawn l-ilmenti huma ammissibbli.

507    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li mill-punt 139 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li l-analiżi tat-tul u tal-ammont tat-tnaqqis u tal-pagamenti kundizzjonali, li huma s-suġġett tal-prattika kkontestata, tagħmel parti mill-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kapaċità ta’ esklużjoni tal-imsemmija prattiki.

508    L-ewwel, huwa minnu li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat diversi drabi elementi relatati mat-tul tat-tnaqqis.

509    Qabelxejn, il-premessi 1013 sa 1035 tad-deċiżjoni kkontestata jirrigwardaw il-fattur temporali fil-kuntest tat-test AEC. Il-Kummissjoni sostniet b’mod partikolari, fil-premessi 1015 u 1017 tad-deċiżjoni kkontestata, li, f’ċerti ċirkustanzi, il-prattiki ta’ tnaqqis setgħu jaqgħu taħt modifiki trimestrali u affermat, fil-premessi 1017 sa 1028 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba l-fatt li s-suq inkwistjoni kien dinamiku ħafna, l-innovazzjoni fis-settur rilevanti kienet tagħmel diffiċli jew anki impossibbli li jitwettqu previżjonijiet għal żmien twil. Bl-istess mod, il-premessi 1025 sa 1027 tad-deċiżjoni kkontestata jinkludu riferiment għat-tul tal-kuntratti u għall-fatt li kien hemm regolarment “tiġdid” taċ-ċikli ta’ produzzjoni.

510    Sussegwentement, il-premessi 201 u 202 tad-deċiżjoni kkontestata jindikaw li l-Kummissjoni qieset li wħud min-negozjati rilevanti bejn Intel u l-OEM kienu jsiru kull trimestru. Barra minn hekk, dawn in-negozjati kienu jikkonċernaw perijodu relattivament qasir, li seta’ jippermetti lil kompetitur daqstant effiċjenti joffri iktar faċilment iċ-CPUs x86 tiegħu lill-imsemmija OEM. Bl-istess mod, fil-premessi 965 sa 968 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat l-argument ta’ Intel ibbażat fuq il-fatt li l-preavviż ta’ xoljiment ta’ 30 jum tal-ftehim HPA kien jagħti lil HP libertà ikbar sabiex tipparaguna l-offerti tagħha ma’ dawk ta’ AMD, u indikat li l-istatus ta’ soċju kummerċjali inevitabbli ta’ Intel u l-effetti prodotti mit-tnaqqis tagħha wasslu sabiex jiġi miċħud l-imsemmi argument. Fis-seduta tal‑2020, il-Kummissjoni enfasizzat li, f’ċerti każijiet, fir-rigward ta’ HP, kien hemm, diversi drabi, tiġdid tal-ftehimiet ma’ Intel kull xahar. Fir-rigward ta’ Dell, il-Kummissjoni enfasizzat, fil-premessa 1227 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe kuntratt bil-miktub ma’ Intel, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti skont programm ta’ allinjament fuq il-kompetizzjoni (Meet Competition Programme), dan kien is-suġġett ta’ negozjar mill-ġdid “kostanti”, imwettaq oralment, b’tali mod li Intel kellha flessibbiltà kbira sabiex tbiddel it-tnaqqis.

511    Xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, l-għan tal-premessi 1013 sa 1035 tad-deċiżjoni kkontestata kien biss li jiddefinixxi l-perijodu ta’ żmien li fih kienu jagħmlu parti l-għażliet tal-OEM fir-rigward tal-bżonnijiet tagħhom ta’ provvista ta’ CPUs x86 bħala ipoteżi li fuqha huwa bbażat il-kalkolu tal-parti kontestabbli tat-tnaqqis għal kull wieħed mill-OEM ikkonċernati. Minn dan il-Kummissjoni kkonkludiet li, fil-kuntest tat-test AEC, hija kienet ser tissokta bil-preżunzjoni li l-perijodu ta’ żmien rilevanti kien sena.

512    Għaldaqstant, il-fattur temporali intuża hawnhekk sabiex tiġi ddeterminata l-metodoloġija ta’ kalkolu tal-parti kontestabbli ta’ OEM, liema parti kontestabbli kellha sussegwentement tiġi mqabbla ma’ fatturi oħra tat-test AEC sabiex tiġi evalwata l-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effett ta’ esklużjoni. Tali eżami għalhekk ma jikkostitwixxix analiżi tat-tul tat-tnaqqis bħala fattur li jista’, fih innifsu, juri l-kapaċità tiegħu li jipproduċi effett ta’ esklużjoni.

513    Min-naħa l-oħra, mill-premessi 201 u 202, 965 sa 968 u 1227 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat it-tul u l-forma tal-impenji meħuda mill-OEM ma’ Intel li jagħtu dritt għal tnaqqis bħala fatturi li jistgħu jiffavorixxu jew jostakolaw id-dħul ta’ kompetitur ġdid fis-suq, fid-dawl b’mod partikolari tal-portata ratione temporis tal-imsemmija impenji jew tal-kapaċità ta’ Intel li tħallas jew li taġġusta t-tnaqqis tagħha f’termini qosra.

514    Madankollu, minkejja li dawn l-aspetti tal-fattur temporali dehrulha rilevanti, il-Kummissjoni eżaminathom biss b’mod kontinġenti u ċirkoskritt, fil-premessi 201 u 202, 965 sa 968 u 1227 tad-deċiżjoni kkontestata. Hija ma wettqitx eżami fil-fond u eżawrjenti, għall-OEM kollha, tal-imsemmija aspetti sa fejn dawn setgħu jistabbilixxu jew isaħħu l-kapaċità tal-prattiki tariffarji kkontestati ta’ Intel li jipproduċu effett ta’ esklużjoni.

515    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx eżami tat-tul tat-tnaqqis bħala fattur fih innifsu rilevanti sabiex tistabbilixxi l-kapaċità tal-prattiki tariffarji kkontestati ta’ Intel li jipproduċu effett ta’ esklużjoni.

516    It-tieni, il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li, minkejja li t-test AEC ma jurix il-kapaċità tat-tnaqqis inkwistjoni li jipproduċi effett ta’ esklużjoni, għandu jsir riferiment għat-tul totali li matulu r-rikorrenti applikat tnaqqis u ħlasijiet għal esklużività lill-OEM u li, sa fejn it-tnaqqis kompla matul sena għal Lenovo u matul diversi snin għall-OEM l-oħra u għal MSH, għandu jiġi konkluż li kompetitur ta’ Intel fis-suq kellu jaċċetta tnaqqis ikbar u livell ta’ profittabbiltà iktar dgħajjef minn dak tal-bejgħ ta’ Intel. Dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżultaw mill-punti 93 u 195 tas-sentenza inizjali u għalhekk huma definittivi.

517    F’dan ir-rigward, minn naħa, mill-punt 81 iktar ’il fuq jirriżulta li d-dispożittiv tas-sentenza fl-appell huwa intiż għall-annullament tas-sentenza inizjali fl-intier tagħha. Għaldaqstant, wara r-rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha twettaq eżami ġdid tal-argumenti tal-partijiet dwar it-tul tat-tnaqqis, mingħajr ma tkun marbuta mill-punti 93 u 195 tas-sentenza inizjali li hija ma tirriproduċix f’isimha stess.

518    Min-naħa l-oħra, mill-punti 138 u 139 tas-sentenza fl-appell jirriżulta li, fil-każ fejn l-impriża kkonċernata tipproduċi, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni hija obbligata tevalwa l-kriterji kollha msemmija fil-punt 139 tal-imsemmija sentenza, u mhux biss il-kriterju relatat mat-tul tat-tnaqqis li jinsab f’tali punt. Għalhekk, is-sempliċi riferiment għat-tul li matulu t-tnaqqis ingħata lil OEM u lil MSH ma huwiex biżżejjed, fih innifsu, minkejja l-konklużjonijiet li jistgħu jinsiltu mit-test AEC, sabiex jiġu stabbiliti konklużjonijiet definittivi dwar l-effetti ta’ esklużjoni prodotti b’dan il-mod.

519    It-tielet, huwa għalxejn li l-Kummissjoni ssostni li t-tul tal-prattiki ta’ Intel ma jistax jiġi sseparat mill-ħin ta’ twettiq tagħhom, peress li dawn kienu intiżi sabiex jegħlbu l-inkapaċità tagħha li tipproduċi risposta teknika fi żmien xieraq għal CPUs x86 ta’ 64 bits ikkummerċjalizzati minn AMD. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fil-punt 518 iktar ’il fuq, dan l-argument, anki jekk jitqies li jidher bħala tali fid-deċiżjoni kkontestata, ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex jiġġustifika konklużjonijiet definittivi dwar l-effetti ta’ esklużjoni hekk prodotti.

520    Mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-argumenti tar-rikorrenti relatati mal-ammonti tat-tnaqqis, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball meta ma eżaminatx, fid-deċiżjoni kkontestata, it-tul tat-tnaqqis bħala element li jippermetti li tiġi stabbilita l-kapaċità tal-prattiki tariffarji kkontestati ta’ Intel li jipproduċu effett ta’ esklużjoni.

3.      Konklużjonijiet dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell

521    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 485 sa 520 iktar ’il fuq, mingħajr ma hemm bżonn li jiġu analizzati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-kriterji relatati mal-ammont tat-tnaqqis u l-istrateġija maħsuba sabiex jiġu esklużi mis-suq tal-kompetituri, għandu jiġi konkluż li r-rikorrenti hija ġġustifikata li ssostni li l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell hija vvizzjata b’diversi żbalji. Fil-fatt, il-Kummissjoni ma eżaminatx debitament il-kriterju relatat mar-rata ta’ kopertura tas-suq permezz tal-prattika kkontestata u ma wettqitx analiżi korretta tat-tul tat-tnaqqis.

D.      Konklużjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

522    Mill-punti 124 sa 126 iktar ’il fuq jirriżulta li, għalkemm sistema ta’ tnaqqis stabbilita minn impriża f’pożizzjoni dominanti fis-suq tista’ tiġi kklassifikata bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, peress li, fid-dawl tan-natura tagħha, l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni jistgħu jiġu preżunti, xorta jibqa’ l-fatt li dan jirrigwarda, f’dan ir-rigward, preżunzjoni sempliċi u mhux ksur per se tal-Artikolu 102 TFUE, li ma jobbligax lill-Kummissjoni fi kwalunkwe każ milli teżamina l-effetti antikompetittivi. Fis-sitwazzjoni fejn impriża f’pożizzjoni dominanti tipproduċi, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ sostenn, li l-aġir tagħha ma kellux il-kapaċità li jirrestrinġi l-kompetizzjoni u, b’mod partikolari, li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni allegati fil-konfront tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-kapaċità ta’ esklużjoni mis-sistema ta’ tnaqqis billi tapplika l-ħames kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell. Barra minn hekk, meta jitwettaq test AEC mill-Kummissjoni, dan jagħmel parti mill-fatturi li hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tevalwa l-kapaċità tas-sistema ta’ tnaqqis li tirrestrinġi l-kompetizzjoni.

523    F’dan il-każ, ir-rikorrenti pproduċiet, matul il-proċedura amministrattiva, provi ta’ sostenn, li t-tnaqqis inkwistjoni ma kellux il-kapaċità li jipproduċi l-effetti ta’ esklużjoni li kienet akkużata bihom. Fil-premessi 1002 sa 1573 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wettqet test AEC u, fid-dawl tar-riżultati ta’ dan it-test, ikkonkludiet, fil-premessi 1574 u 1575 tal-imsemmija deċiżjoni, li t-tnaqqis u l-pagamenti inkwistjoni ta’ Intel kienu kapaċi jew setgħu jkollhom effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi, għaliex anki kompetitur daqstant effiċjenti kien ostakolat milli jissupplixxi lil Dell, HP, NEC u Lenovo bil-bżonnijiet tagħhom ta’ CPUs x86 jew milli jiżgura l-bejgħ minn MSH ta’ kompjuters mgħammra b’CPUs x86 tiegħu.

524    Madankollu, minn dak kollu li ntqal jirriżulta li, l-ewwel, it-test AEC imwettaq fid-deċiżjoni kkontestata huwa vvizzjat bi żbalji u, it-tieni, fir-rigward tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell, il-Kummissjoni ma eżaminatx debitament il-kriterju relatat mar-rata ta’ kopertura tas-suq permezz tal-prattika kkontestata u ma wettqitx analiżi korretta tat-tul tat-tnaqqis.

525    Għandu jiġi ppreċiżat, fir-rigward tat-tnaqqis mogħti lil HP, li ġie deċiż, fil-punt 334 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti fid-dritt il-konklużjoni tagħha li, matul il-perijodu bejn Novembru 2002 u Mejju 2005, it-tnaqqis ta’ Intel mogħti lil HP kien kapaċi jew seta’ jipproduċi effett ta’ esklużjoni antikompetittiv, sa fejn hija ma wrietx l-eżistenza tal-imsemmija effetti għall-perijodu bejn l‑1 ta’ Novembru 2002 u l‑31 ta’ Settembru 2003. Anki jekk jiġi preżunt li għandu jiġi dedott li t-test AEC jista’ jitqies li huwa probatorju għal parti mill-perijodu minn Novembru 2002 sa Mejju 2005, dan ma jistax jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi l-effett ta’ esklużjoni tat-tnaqqis mogħti lil HP, peress li l-Kummissjoni ma eżaminatx debitament il-kriterju relatat mar-rata ta’ kopertura tas-suq permezz tal-prattika kkontestata u ma wettqitx analiżi korretta tat-tul tat-tnaqqis.

526    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li tistabbilixxi li t-tnaqqis u l-pagamenti kontenzjużi tar-rikorrenti kienu kapaċi jew setgħu jkollhom effetti ta’ esklużjoni antikompetittivi u li għalhekk kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 102 TFUE.

527    Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tqis li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata ma jistgħux iservu bħala bażi għall-Artikolu 1(a) sa (e) tal-imsemmija deċiżjoni.

528    Barra minn hekk, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali tat‑2 ta’ April 2012, intiża sabiex jiġi aċċertat, fir-rigward ta’ bidla eventwali tal-ammont tal-multa fil-każ ta’ annullament parzjali eventwali tad-deċiżjoni kkontestata, liema kien il-valur relattiv tal-ksur ikkostitwit mill-ħlasijiet ta’ esklużività meta mqabbel mal-ksur ikkostitwit mir-restrizzjonijiet ovvji, il-Kummissjoni, f’risposta ppreżentata fit‑8 ta’ Mejju 2012, wieġbet biss fir-rigward tal-gravità tad-diversi azzjonijiet ta’ ksur, billi sostniet li hija kienet evalwathom u kienet qieset li dawn jikkompletaw u jsaħħu lil xulxin.

529    Peress li l-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifika l-ammont tal-multa relatat biss mar-restrizzjonijiet ovvji, hemm lok li konsegwentement jiġi annullat ukoll l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

530    L-Artikolu 3 tad-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi annullat sa fejn dan jikkonċerna t-tnaqqis għal esklużività.

531    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kunsiderazzjonijiet tas-sentenza inizjali li l-Qorti Ġenerali tirripproduċi f’isimha, kif imfakkra fil-punti 96 sa 98 iktar ’il fuq.

 Fuq il-konklużjonijiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

532    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni kap tat-talbiet, invokat sussidjarjament.

 Fuq l-ispejjeż

533    Sa fejn, fis-sentenza fl-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza inizjali u rriżervat l-ispejjeż, hija l-Qorti Ġenerali, konformement mal-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż kollha relatati mal-proċeduri mibdija quddiemha, jiġifieri l-proċeduri fil-Kawżi T‑286/09 u T‑286/09 RENV, kif ukoll fuq l-ispejjeż relatati mal-proċedura tal-appell, jiġifieri l-proċedura fil-Kawża C‑413/14 P.

534    Skont l-Artikolu 134 tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha. Madankollu, jekk fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża jkun jidher ġustifikat, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

535    Skont l-Artiklu 138(3) tal-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

536    Peress li l-Kummissjoni tilfet parzjalment, hemm lok li tiġi kkundannata, minbarra għall-ispejjeż tagħha stess relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑286/09 u T‑286/09 RENV u għall-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑413/14 P, għaż-żewġ terzi ta’ dawk sostnuti mir-rikorrenti u minn ACT f’dawn l-istess proċeduri, filwaqt li dawn tal-aħħar għandhom ibatu terz tal-ispejjeż tagħhom stess.

537    UFC għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T‑286/09 u T‑286/09 RENV u mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C‑413/14 P.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(a) sa (e) u l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2009) 3726 final, tat13 ta’ Mejju 2009, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu [102 TFUE] u tal-Artikolu 54 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/C3/37.990 – Intel) huma annullati.

2)      L-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni C(2009) 3726 final huwa annullat biss sa fejn jikkonċerna lill-Artikolu 1(a) sa (e) ta’ din id-deċiżjoni.

3)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

4)      Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess fil-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T286/09 u T286/09 RENV u fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C413/14 P, żewġ terzi tal-ispejjeż sostnuti minn Intel Corporation Inc. u minn Association for Competitive Technology, Inc. fl-istess proċeduri, filwaqt li Intel Corporation u Association for Competitive Technology għandhom ibatu kull wieħed terz tal-ispejjeż tagħhom stess.

5)      L’Union fédérale des consommateurs – Que choisir (UFC – Que choisir) għandha tbati l-ispejjeż tagħha relatati mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali fil-Kawżi T-286/09 u T-286/09 RENV u mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-413/14 P.

Kanninen

Schwarcz      Iliopoulos      

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑26 ta’ Jannar 2022.

Firem


Werrej


Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura amministrattiva

Id-deċiżjoni kkontestata

Is-suq rilevanti

Pożizzjoni dominanti

Aġir abbużiv u multa

Dispożittiv

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet wara r-rinviju

Id-dritt

Fuq l-argumenti tal-partijiet dwar is-suġġett tal-kawża wara rinviju

Fuq l-argumenti tal-Kummissjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ ċerti argumenti li jinsabu fl-osservazzjonijiet prinċipali tar-rikorrenti u ta’ ACT

Fuq il-mertu

Dwar it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

I. Fuq il-metodu ddefinit mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tevalwa l-kapaċità ta’ sistema ta’ tnaqqis li tirrestrinġi l-kompetizzjoni

II. Fuq il-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza mogħtija fl-appell

III. Fuq il-fondatezza tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti u ACT

A. Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq analiżi ġuridika żbaljata

B. Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata minħabba li fiha analiżi AEC ivvizzjata b’diversi żbalji

1. Fuq is-suġġett tal-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali

2. Kunsiderazzjonijiet ġenerali fuq l-analiżi AEC

3. Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova rikjesta

4. Fuq il-fondatezza tal-argumenti li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’diversi żbalji fir-rigward tat-test AEC

a) Argumenti ġenerali fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal Dell

1) Fuq l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli

– Fuq l-argumenti bbażati fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali

– Fuq l-evalwazzjoni tal-parti kontestabbli ta’ 7.1 %

– Fuq l-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar il-parti inizjali tal-perijodu rilevanti, minn Diċembru 2002 sa Ottubru 2003

2) Fuq il-metodu ta’ kalkolu alternattiv

3) Fuq il-fatturi ta’ tisħiħ

4) Konklużjoni dwar it-test AEC għat-tnaqqis mogħti lil Dell

b) Fuq l-allegati żbalji relatati mat-test AEC applikat għal HP

1) Fuq il-perijodu eżaminat mit-test AEC

2) Fuq l-allegati fatturi ta’ tisħiħ

c) Fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal NEC

1) Fuq il-kalkolu tas-sehem kundizzjonali tat-tnaqqis

i) Analiżi tal-provi invokati fid-deċiżjoni kkontestata

ii) Fuq il-provi mressqa minn Intel

2) Fuq l-użu tar-raba’ trimestru tal-2002 bħala riferiment

d) Fuq l-allegati żbalji dwar it-test AEC applikat għal Lenovo

1) Ħarsa ġenerali tal-parti tad-deċiżjoni kkontestata ddedikata għal Lenovo

2) Fuq il-parti kundizzjonali tat-tnaqqis

e) Fuq l-allegati żbalji relatati mat-test AEC applikat għal MSH

f) Konklużjonijiet dwar it-test AEC

C. Fuq l-argument li d-deċiżjoni kkontestata ma analizzatx debitament u ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell

1. Fuq ir-rata ta’ kopertura

2. Fuq it-tul u l-ammont tat-tnaqqis

3. Konklużjonijiet dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-kriterji msemmija fil-punt 139 tas-sentenza fl-appell

D. Konklużjoni dwar it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

Fuq il-konklużjonijiet intiżi għall-annullament jew għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa

Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali redatta.