Language of document : ECLI:EU:T:2022:28

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

26 ta’ Jannar 2022 (*)

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti – Servizzi sorveljanza tal-ajru – Rikors għal annullament – Assenza ta’ interess ġuridiku – Inammissibbiltà – Responsabbiltà mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑849/19,

Leonardo SpA, stabbilita f’Ruma (l-Italja), irrappreżentata minn M. Esposito, F. Caccioppoli u G. Calamo, avukati,

rikorrenti,

vs

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), irrappreżentata minn H. Caniard, C. Georgiadis, A. Gras u S. Drew, bħala aġenti, assistiti minn M. Umbach, F. Biebuyck, V. Ost u M. Clarich, avukati,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-avviż ta’ kuntratt FRONTEX/OP/888/2019/JL/CG, tat-18 ta’ Ottubru 2019, intitolat “Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPAS) għas-Sorveljanza Marittima mill-Ajru b’Reżistenza Twila f’Altitudni Medja”, kif irrettifikat, tal-atti annessi miegħu, tal-mistoqsijiet-tweġibiet ippubblikati minn Frontex, tal-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni organizzata fil-bini ta’ Frontex fit-28 ta’ Ottubru 2019, tad-deċiżjoni ta’ għoti ta’ dan il-kuntratt kif ukoll ta’ kull att ieħor preċedenti, konness jew sussegwenti u, min-naħa l-oħra, talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-danni allegatament subiti mir-rikorrenti minħabba dan il-fatt,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President tal-Awla, J. Costeira, J. Schwarcz, M. Kancheva u T. Perišin (Relatriċi), Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, amministratur prinċipali,

Wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2021,

Tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti li seħħew wara l-preżentata tar-rikors

1        Fit-18 ta’ Ottubru 2019, permezz tal-avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-Suppliment ta’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2019/S 0202-490010), l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) nediet il-proċedura ta’ sejħa għal offerti FRONTEX/OP/888/2019/JL/CG intitolata “Sistemi ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod (RPAS) għas-Sorveljanza Marittima mill-Ajru b’Reżistenza Twila f’Altitudni Medja” (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ kuntratt ikkontestat”), sabiex tikseb servizzi ta’ sorveljanza tal-ajru tal-qasam marittimu permezz tas-Sistema Ewropea ta’ Inġenji tal-Ajru Ppilotati mill-Bogħod b’Reżistenza Twila f’Altitudni Medja Ewropea (“MALE RPAS”). Dan l-avviż kien is-suġġett ta’ żewġ rettifiki, fit-8 u fit-22 ta’ Novembru 2019, li ddifferixxew id-data ta’ skadenza għat-tfigħ tal-offerti u d-data tal-ftuħ tal-offerti.

2        L-iskadenza tat-terminu għat-tfigħ tal-offerti ġiet stabbilita, konformement għar-rettifiki għall-avviż ta’ kuntratt li seħħew fil-mori tal-kawża, għat-13 ta’ Diċembru 2019 u d-data għall-ftuħ tal-offerti ġiet stabbilita għall-20 ta’ Diċembru 2019. Tliet impriżi tefgħu offerta.

3        Ir-rikorrenti, Leonardo SpA, kumpannija attiva fis-settur aerospazjali, ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija permezz tal-avviż ta’ kuntratt ikkontestat.

4        Fil-31 ta’ Mejju 2020, il-bord ta’ evalwazzjoni tal-offerti ppreżenta r-rapport ta’ evalwazzjoni tiegħu lill-uffiċjal awtorizzanti kompetenti.

5        Fit-12 ta’ Ġunju 2020, l-uffiċjal awtorizzanti kompetenti approva r-rapport ta’ evalwazzjoni tal-offerti u ffirma d-deċiżjoni ta’ għoti tal-kuntratt (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ għoti kkontestata”) kif ukoll l-ittri indirizzati lit-tliet offerenti sabiex jinformahom dwar l-istat tal-proċedura. Peress li ma ħaditx sehem fil-proċedura, ir-rikorrenti ma rċevietx ittra.

6        Permezz ta’ talba għal aċċess għad-dokumenti rreġistrata fit-30 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti talbet sabiex tkun tista’ tikseb kopja tad-dokumenti kollha relatati mal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni, u b’mod partikolari tad-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata, tal-minuti tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti, tad-dokumenti ppreżentati mill-offerent li ngħata l-kuntratt u tad-dokumenti l-oħra kollha inklużi fil-fajl tal-proċedura (iktar ’il quddiem it-“talba għal aċċess”). Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Awwissu 2020, Frontex irrifjutat l-aċċess għad-dokumenti mitluba.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ Diċembru 2019, ir-rikorrenti ressqet ir-rikors preżenti.

8        Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji li fiha talbet, essenzjalment, sabiex il-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tal-avviż ta’ kuntratt ikkontestat, kif irrettifikat, tal-atti annessi miegħu, tal-mistoqsijiet-tweġibiet ippubblikati minn Frontex (iktar ’il quddiem il-“mistoqsijiet-tweġibiet”), tal-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni li nżammet f’Varsavja fit-28 ta’ Ottubru 2019 (iktar ’il quddiem il-“laqgħa ta’ informazzjoni”) kif ukoll ta’ kull att ieħor preċedenti, konness jew sussegwenti. Il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-20 ta’ April 2020, Leonardo vs Frontex (T‑849/19 R, mhux ippubblikat, EU:T:2020:154), ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

9        Fit-18 ta’ Frar 2020, Frontex ippreżentat ir-risposta.

10      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-11 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ppreżentat nota ġdida li fiha hija talbet, essenzjalment, sabiex il-Qorti Ġenerali jogħġobha tannulla wkoll id-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata, kif ukoll kull att ieħor preċedenti, konness jew sussegwenti, u tordna lill-Frontex tipproduċi d-dokumenti mitluba fit-talba għal aċċess għad-dokumenti, konformement mal-Artikolu 91 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

11      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrenti ressqet talba għal miżuri provviżorji, li fiha hija talbet, essenzjalment, sabiex il-President tal-Qorti Ġenerali jogħġbu jissospendi l-eżekuzzjoni tal-atti kkontestati msemmija fir-rikors kif ukoll ta’ dawk imsemmija fin-nota tal-11 ta’ Awwissu 2020. Fl-istess data, ir-rikorrenti ppreżentat addendum għat-talba għal miżuri provviżorji. Il-President tal-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2020, Leonardo vs Frontex (T‑849/19 RII, mhux ippubblikat, EU:T:2020:539), ċaħad din it-talba u rriżerva l-ispejjeż.

12      Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-1 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrenti ressqet, abbażi tal-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura, motivi ġodda.

13      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-4 ta’ Ottubru 2020, Frontex ippreżentat osservazzjonijiet dwar in-noti tal-11 ta’ Awwissu u tal-1 ta’ Settembru 2020.

14      Fis-27 ta’ Jannar 2021, fil-kuntest ta’ miżura tal-organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet iwieġbu bil-miktub għal diversi mistoqsijiet dwar l-ammissibbiltà tar-rikors. Il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma din il-miżura fit-terminu mogħti.

15      Fuq proposta tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

16      Peress li membru tad-Disa’ Awla Estiża tal-Qorti Ġenerali kien prekluż milli jippresjedi, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar Imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.

17      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali instemgħu fis-seduta tal-11 ta’ Ġunju 2021.

18      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-avviż ta’ kuntratt ikkontestat, kif irrettifikat, l-atti annessi miegħu, il-mistoqsijiet-tweġibiet, il-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni, kif ukoll kull att ieħor preċedenti, konness jew sussegwenti (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, l-“atti kkontestati msemmija fir-rikors”);

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ għoti kkontestata, kif ukoll kull att ieħor preċedenti, konness jew sussegwenti, imsemmi fin-nota tal-11 ta’ Awwissu 2020;

–        tikkundanna lill-Frontex tikkumpensa d-danni kollha subiti u futuri, diretti u indiretti, li jirriżultaw, irrispettivament mill-mod kif jirriżultaw, min-natura illegali tas-sejħa għal offerti inkwistjoni ;

–        tordna perizja sabiex jiġi stabbilit sabiex jiġi stabbilit li l-klawżoli kkontestati tal-avviż ta’ kuntratt ikkontestat ma humiex raġonevoli, huma inutli u ma humiex konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli f’dan il-qasam, li dawn il-klawżoli pprekludewha milli titfa’ offerta u li jeżistu raġunijiet xierqa f’termini ta’ spejjeż u ta’ fattibbiltà teknika sabiex il-kuntratt jinqasam f’żewġ lottijiet jew iktar;

–        tordna lill-Frontex tipproduċi d-dokumenti mitluba fit-talba għal aċċess għad-dokumenti relatati mal-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt inkwistjoni;

–        tikkundanna lill-Frontex għall-ispejjeż.

19      Frontex titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għal annullament

20      Għandha, qabel kollox, tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talbiet għal annullament tal-atti kkontestati msemmija fir-rikors u fin-nota tal-11 ta’ Awwissu 2020.

21      Fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, imsemmija fil-punt 14 iktar ’il fuq, Frontex issostni li t-talba għall-annullament tal-atti kkontestati msemmija fir-rikors hija inammissibbli sa fejn din ma tissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 263 TFUE. Hija tiddikjara li l-avviż ta’ kuntratt ikkontestat ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat, li r-rikorrenti la hija individwalment u lanqas direttament ikkonċernata mill-atti kkontestati msemmija fir-rikors u li hija ma tista tinvoka l-ebda interess ġuridiku.

22      Ir-rikorrenti tqis li r-rikors tagħha jissodisfa r-rekwiżiti ta’ ammissibbiltà stabbiliti fl-Artikolu 263 TFUE.

23      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn din tal-aħħar għandha interess li tara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament ta’ dan l-att jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Binca Seafoods vs Il‑Kummissjoni, C‑268/16 P, EU:C:2017:1001, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      F’dan il-każ, ir-rikorrenti ssostni li hija ma pparteċipatx fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni, għaliex ir-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ipprekludewha milli titfa’ offerta. Il-kwistjoni hija għalhekk dik ta’ jekk, f’tali ċirkustanzi, hija għandhiex interess ġuridiku fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE fil-konfront tal-imsemmija sejħa għal offerti.

25      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, b’risposta għal domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta' reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246, bir-rettifika fil-ĠU 2016, L 63, p. 44), kif emendata bid-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 335, p. 31, bir-rettifika fil-ĠU 2018, L 176, p. 23), Il-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt tista’, bħala prinċipju, validament tikkostitwixxi kundizzjoni li għandha tiġi ssodisfatta sabiex jiġi stabbilit li l-persuna kkonċernata għandha interess li tikseb il-kuntratt inkwistjoni jew li qiegħda f’riskju li ġġarrab dannu minħabba n-natura allegatament illegali tad-deċiżjoni tal-għoti tal-imsemmi kuntratt (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ fejn impriża ma tkunx tefgħet offerta minħabba l-preżenza ta’ speċifikazzjonijiet allegatament diskriminatorji fid-dokumenti relatati mas-sejħa għal offerti jew fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, li effettivament ikunu pprekludewha milli tkun f’pożizzjoni li tipprovdi s-servizzi kollha mitluba, ikun eċċessiv li jiġi rikjest li hija titfa’, qabel ma tkun tista’ tuża l-proċeduri ta’ rimedju previsti mid-Direttiva 89/665 kontra tali speċifikazzjonijiet, offerta fil-kuntest tal-proċedura ta’ għoti tal-kuntratt inkwistjoni, meta l-opportunitajiet tagħha li tingħata dan il-kuntratt ikunu nulli minħabba l-eżistenza tal-imsemmija speċifikazzjonijiet (ara s-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li, sa fejn huwa biss b’mod eċċezzjonali li dritt għal rimedju jista’ jiġi rrikonoxxut lil operatur li ma tefax offerta, ma jistax jitqies bħala eċċessiv li dan jintalab juri li l-klawżoli tas-sejħa għal offerti jagħmlu l-formulazzjoni nnifisha ta’ offerta impossibbli (sentenza tat-28 ta’ Novembru 2018, Amt Azienda Trasporti e Mobilità et, C‑328/17, EU:C:2018:958, punt 53).

28      Għalkemm din is-sentenza ngħatat għal domanda preliminari dwar l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tad-Direttiva 89/665, li hija vinkolanti biss għall-Istati Membri, is-soluzzjoni li toħroġ minnha tista’, mutatis mutandis, tiġi applikata f’każ bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, li fih ir-rikorrenti tiddikjara li ġiet prekluża milli titfa’ offerta minħabba l-speċifikazzjonijiet tekniċi tad-dokumenti tas-sejħa għal offerti mnedija minn aġenzija tal-Unjoni Ewropea, speċifikazzjonijiet tekniċi li hija tikkontesta.

29      Għandu għalhekk jiġi ddeterminat jekk ir-rikorrenti stabbilixxietx li hija ġiet prekluża milli titfa’ offerta u, għaldaqstant, jekk hija għandiex interess ġuridiku.

30      Sabiex turi li hija ġiet prekluża milli titfa’ offerta, ir-rikorrenti tiddikjara li l-avviż ta’ kuntratt ikkontestat, kif irrettifikat, l-atti annessi miegħu, il-mistoqsijiet-tweġibiet u l-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni, msemmija fir-rikors, jinkludu klawżoli diskriminatorji li jagħmluha impossibbli, għaliha, li tipprovdi s-servizzi kollha mitluba.

31      F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza għandhom importanza kruċjali għal dak li jikkonċerna l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fid-dawl tar-riskji ta’ diskriminazzjoni marbutin kemm mal-għażla tagħhom, kif ukoll mal-mod kif jiġu fformulati (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132), is-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 62).

32      L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-fażi ta’ evalwazzjoni u ta’ definizzjoni tal-bżonnijiet hija, bħala regola ġenerali, unilaterali fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratt pubbliku ordinarju. L-awtorità kontraenti tillimita ruħha, fil-fatt, li tniedi sejħa għal offerti li ssemmi l-ispeċifikazzjonijiet li tkun adottat hija stess (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2020, Remondis, C‑429/19, EU:C:2020:436, punt 33).

33      Issa, f’dan il-każ, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni kienet ippreċeduta mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti FRONTEX/OP/800/2017/JL, imnedija fl-2017, li kienet tirrigwarda r-realizzazzjoni ta’ provi ta’ żewġ tipi ta’ sistemi RPAS. L-għan ta’ din il-proċedura kien, skont kliem l-avviż ta’ kuntratt, li “jippermetti l-Frontex li tkompli l-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tagħha ta’ [RPAS] li għandu l-ħila li jwettaq sorveljanza tal-fruntiera marittima li tiflaħ fit-tul”. Barra minn hekk, kien hemm indikat li “[f]owkus speċifiku ta’ din il-valutazzjoni se jkun fuq il-ħila ta’ tali pjattaforma biex twettaq servizzi ta’ sorveljanza b’mod regolari, affidabbli, u effiċjenti fl-ispiża”. Dan il-kuntratt kien maqsum f’żewġ lottijiet, l-ewwel lott kien jirrigwarda l-prova ta’ MALE RPAS ta’ daqs standard għas-sorveljanza tal-ajru fit-tul tal-fruntiera marittima, għal massimu ta’ 600 siegħa ta’ titjir fiż-żoni indikati tal-Mediterran bejn it-tieni u r-raba’ trimestru tal-2018 u t-tieni lott kien jirrigwarda MALE RPAS ta’ daqs żgħir għas-sorveljanza tal-ajru fit-tul tal-fruntiera marittima, għal massimu ta’ 300 siegħa ta’ titjir fiż-żoni indikati tal-Mediterran bejn it-tieni u r-raba’ trimestru tal-2018. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti rebħet, fid-29 ta’ Diċembru 2017, il-kuntratt għat-tieni lott.

34      Wara l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-kuntratti, Frontex wettqet evalwazzjonijiet fid-dettall. L-eżekuzzjoni tal-ewwel lott kienet is-suġġett ta’ evalwazzjoni pożittiva, u dan wassal sabiex Frontex tirrakkomanda l-organizzazzjoni ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti sabiex tikseb servizzi ta’ sorveljanza tal-ajru permezz ta’ MALE RPAS ta’ daqs standard. Min-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tat-tieni lott kienet pożittiva biss sa ċertu punt, li wassal sabiex Frontex tqis li kienu meħtieġa evalwazzjonijiet addizzjonali sabiex tiġi kkonfermata l-affidabbiltà tar-RPAS ta’ daqs żgħir u l-kapaċità tagħhom li jtiru lil hinn mil-linja ta’ viżibbiltà. Sussegwentement, kien abbażi ta’ dawn ir-rapporti ta’ evalwazzjoni li l-Frontex ddefinixxiet ir-rekwiżiti li jinsabu fl-avviż ta’ kuntratt ikkontestat, kif irrettifikat, fl-atti annessi miegħu, fil-mistoqsijiet-tweġibiet u fil-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni, msemmija fir-rikors, li fosthom hemm dawk li r-rikorrenti tqis li huma diskriminatorji. Id-definizzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti ġiet għalhekk ifformulata wara proċess fi stadji kkaratterizzat minn ksib ta’ esperjenza li ppermetta li Frontex tevalwa n-neċessità tagħhom fid-dettall u b’mod diliġenti.

35      It-tieni nett, minkejja li r-rikorrenti tiddikjara li “ir-regoli tas-sejħa għal offerti jinkludu klawżoli contra legem u mhux iġġustifikati li jesponu lill-kompetituri potenzjali għal aspettattivi li ma jistgħux jintlaħqu minn perspettiva teknika”, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li tliet impriżi tefgħu offerta u li tnejn minn fosthom, kienu minn tal-inqas, jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha fid-dawl tal-fatt li huma ngħataw il-kuntratt.

36      It-tielet nett, ir-rikorrenti la tistabbilixxi li l-applikazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kienet differenti fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-kandidati l-oħra u lanqas, b’mod iktar ġenerali, li hija kienet is-suġġett ta’ trattament differenti meta hija kienet tinsab f’sitwazzjoni analoga għal dik tal-kandidati l-oħra.

37      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tiddikjara li l-parteċipazzjoni tagħha saret “impossibbli” jew li din ġiet suġġetta għal “oneri ekonomiċi eċċessivi sal-punt li l-formulazzjoni ta’ offerta kompetittiva kienet kompromessa”. Issa, din id-dikjarazzjoni ma tistax turi xi diskriminazzjoni fil-konfront tagħha. Bil-kontra ta’ dan, kif ġie ġustament osservat minn Frontex, tali dikjarazzjoni tissuġġerixxi li l-fatt li ma kienx possibbli li r-rikorrenti titfa’ offerta kien dovut prinċipalment għal raġuni speċifika għaliha iktar milli minħabba speċifikazzjonijiet tekniċi diskriminatorji. Sussidjarjament, għandu jiġi osservat li, hekk kif hija ħabbret pubblikament, attwalment ir-rikorrenti qed taħdem fuq mudell ta’ RPAS li jqarreb għall-parti l-kbira tar-rekwiżiti indikati minn Frontex fis-sejħa għal offerti inkwistjoni.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma wrietx li r-rekwiżiti tas-sejħa għal offerti inkwistjoni setgħu kienu diskriminatorji fil-konfront tagħha.

39      Għalhekk, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx li hija ġiet prekluża milli titfa’ offerta u b’konsegwenza ta’ dan ma għandiex interess li titlob l-annullament tal-avviż ta’ kuntratt ikkontestat, kif irrettifikat, tal-atti annessi miegħu, tal-mistoqsijiet-tweġibiet u tal-minuti tal-laqgħa ta’ informazzjoni, imsemmija fir-rikors. Għalhekk, it-talbiet għall-annullament ta’ dawn l-atti, u konsegwentement it-talbiet kontra d-deċiżjoni ta’ għoti, għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

40      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża kif ukoll sunt tal-motivi u li din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Bl-istess mod, it-talbiet fir-rikors promotur għandhom ikunu fformulati b’mod mhux ekwivoku sabiex jevitaw li l-qorti tal-Unjoni tiddeċiedi ultra petita jew li tabilħaqq tonqos milli tiddeċiedi fuq xi lment (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Università del Salento vs Il‑Kummissjoni, T‑393/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:604, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      Minn dan jirriżulta li talbiet intiżi għall-annullament ta’ atti preċedenti, konnessi jew sussegwenti għall-atti l-oħra msemmija fir-rikors għal annullament, mingħajr ma dawn l-atti preċedenti, konnessi jew sussegwenti ma ġew identifikati, għandhom jitqiesu bħala li ma humiex konformi ma dawn ir-rekwiżiti, sa fejn dawn ma humiex preċiżi f’dak li jirrigwarda s-suġġett tagħhom (ara s-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2017, Università del Salento vs Il‑Kummissjoni, T‑393/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:604, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Minn dan isegwi li t-talbiet għal annullament tal-atti kkontestati msemmija fir-rikors u fin-nota tal-11 ta’ Awwissu 2020 huma inammissibbli sa fejn dawn jirrigwardaw kull att preliminari, konness jew sussegwenti għall-atti l-oħra imsemmija fihom.

43      Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, it-talbiet għal annullament tal-atti kkontestati għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar ir-rekwiżiti relatati mal-eżistenza ta’ att li jista’ jiġi kkontestat u dwar il-locus standi tar-rikorrenti, u mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni la dwar in-natura utli tal-miżuri istruttorji mitluba u lanqas dwar l-ammissibbiltà tan-noti tal-11 ta’ Awwissu u tal-1 ta’ Settembru 2020.

 Fuq it-talba għad-danni

44      Ir-rikorrenti titlob kumpens għad-danni kollha subiti u futuri, diretti u indiretti, li jirriżultaw, irrispettivament mill-mod kif jirriżultaw, min-natura illegali tas-sejħa għal offerti inkwistjoni. Id-danni invokati allegatament jirriżultaw mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u għalhekk, l-ammont tad-danni huwa ekwivalenti għall-valur ta’ dan il-kuntratt.

45      Frontex tikkontesta dawn l-argumenti.

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, tippreżupponi li jiġu osservati numru ta’ rekwiżiti relatati man-natura illegali tal-aġir ikkritikat fil-konfront tal-istituzzjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn dan l-aġir u d-danni allegati. Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, kemm il-darba waħda minn dawn ir-rekwiżiti ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati r-rekwiżiti l-oħra tal-imsemmija responsabbiltà (ara s-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 1999, Atlanta vs Il‑Komunità Ewropea, C‑104/97 P, EU:C:1999:498, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan ir-rigward, fir-rigward tar-rekwiżit tar-realtà tad-dannu, il-Komunità tista’ tinżamm responsabbli biss jekk ir-rikorrent ikun effettivament sofra dannu “reali u ċert”. Huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi provi lill-qorti tal-Unjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza u l-portata ta’ tali danni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2011, Idromacchine et vs Il‑Kummissjoni T‑88/09, EU:T:2011:641, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan il-każ, għandu neċessarjament jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tillimita ruħha li titlob kumpens għad-danni kollha subiti u futuri li jirriżultaw min-natura illegali tas-sejħa għal offerti inkwistjoni, mingħajr ma tipproduċi provi sabiex tistabbilixxi l-eżistenza u l-portata ta’ dawn id-danni.

49      Ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li l-valur tad-danni invokati jirriżulta mit-telf tal-kuntratt inkwistjoni u li l-ammont tad-danni huwa ekwivalenti għall-valur ta’ dan il-kuntratt.

50      Issa, f’dak li jirrigwarda l-allegati danni subiti mir-rikorrenti li jirriżultaw minn telf tal-opportunità li tingħata l-kuntratt, għandu jitfakkar li t-telf tal-opportunità li tingħata kuntratt jikkostitwixxi dannu reali u ċert biss fil-każ fejn, fl-assenza ta’ aġir ħażin tal-istituzzjoni, ma jkunx hemm dubju li r-rikorrenti kienet tikseb l-għoti tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat-22 ta’ Ġunju 2011, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑409/09, EU:T:2011:299, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, anki jekk jitqies li d-dokumenti ta’ kuntratt jinkludu klawżoli illegali, huwa paċifiku li tliet impriżi pparteċipaw għall-proċedura ta’ sejħa għal offerti mnedija permezz l-avviż ta’ kuntratt ikkontestat u li r-rikorrenti ma wrietx li, fil-każ fejn id-dokumenti kkontestati ma kinux jinkludu l-klawżoli allegatament illegali, ma kien ikun hemm ebda dubju li hija, u mhux waħda mill-imsemmija impriżi, kienet tingħata l-kuntratt.

51      Minn dan isegwi li r-rekwiżit dwar ir-realtà tad-dannu ma huwiex sodisfatt sabiex tiġi kkonstatata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

52      Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura kumulattivi tar-rekwiżiti li għalihom hija suġġetta l-konstatazzjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Union, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, ma hemmx lok li jiġu eżaminat l-kundizzjonijiet l-oħra imposti mill-ġurisprudenza f’dan ir-rigward.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

55      Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, inklużi għal dawk tal-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub minn Frontex.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Leonardo SpA għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), inklużi dawk sostnuti fil-kuntest tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Papasavvas

Costeira

Schwarcz

Kancheva

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-26 ta’ Jannar 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: it-Taljan.