Language of document : ECLI:EU:T:2022:48

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża)

2 ta’ Frar 2022 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq tal-manifatturi ta’ trakkijiet – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE – Ftehimiet u prattiki miftiehma dwar il-prezzijiet ta’ bejgħ ta’ trakkijiet, l-aġenda dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet u r-riperkussjoni fuq il-klijenti tal-ispejjeż relatati ma’ dawn it-teknoloġiji – Proċedura ‘ibrida’ mqassma fuq tul ta’ żmien – Preżunzjoni tal-innoċenza – Prinċipju ta’ imparzjalità – Karta tad-Drittijiet Fundamentali – Ksur uniku u kontinwu – Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan – Portata ġeografika tal-ksur – Multa – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni assoluta”

Fil-Kawża T‑799/17,

Scania AB, stabbilita f’Södertälje (l-Isvezja),

Scania CV AB, stabbilita f’Södertälje,

Scania Deutschland GmbH, stabbilita f’Koblenz (il-Ġermanja),

irrappreżentati minn D. Arts, F. Miotto, C. Pommiès, K. Schillemans, C. Langenius, L. Ulrichs, P. Hammarskiöld, S. Falkner u N. De Backer, Avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn M. Farley u L. Wildpanner, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2017) 6467 final tas‑27 ta’ Settembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Kawża AT.39824 – Trakkijiet), jew, sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti fl-imsemmija deċiżjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, A. Kornezov, E. Buttigieg (Relatur), K. Kowalik-Bańczyk u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: B. Lefebvre, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, Scania AB, Scania CV AB u Scania Deutschland GmbH (iktar ’il quddiem “Scania DE”), huma tliet entitajiet legali tal-impriża Scania (iktar ’il quddiem “Scania”). Scania hija attiva fil-produzzjoni u l-bejgħ ta’ trakkijiet tqal (iktar minn 16‑il tunnellata) intiżi għat-trasport fit-tul, għad-distribuzzjoni, għat-trasport marbut mal-attivitajiet ta’ kostruzzjoni u max-xogħlijiet speċjalizzati.

2        Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 6467 final tas‑27 ta’ Settembru 2017 dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (Kawża AT.39824 – Trakkijiet) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni Ewropea kkonstatat li r-rikorrenti kienu kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE billi pparteċipaw, mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011, ma’ entitajiet legali tal-impriżi [kunfidenzjali] (1), [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], f’arranġamenti kollużivi fuq il-prezzijiet, fuq iż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE, kif ukoll fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 (Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni imponiet in solidum fuq Scania AB u Scania CV AB multa ta’ EUR 880 523 000, li Scania DE qiegħda tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas ta’ EUR 440 003 282 (Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata).

A.      Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

3        Fl‑20 ta’ Settembru 2010, [kunfidenzjali] ressqu talba għal immunità minn multi skont il-paragrafu 14 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ impożizzjoni jew it-tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU 2006, C 298, p. 17, iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni”). Fis‑17 ta’ Diċembru 2010, il-Kummissjoni tat immunità kundizzjonali mill-multa lil [kunfidenzjali].

4        Bejn it‑18 u l‑21 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini, b’mod partikolari, tar-rikorrenti.

5        Fit‑28 ta’ Jannar 2011, [kunfidenzjali] talbu l-immunità minn multi skont il-paragrafu 14 tal-Komunikazzjoni dwar il-kooperazzjoni u, fin-nuqqas ta’ dan, tnaqqis tal-multa skont il-paragrafu 27 tal-imsemmi avviż. Hija ġiet segwita f’dan l-approċċ minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali].

6        Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni bagħtet, b’mod partikolari, lir-rikorrenti diversi talbiet għal informazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl- [Artikolu 101 u l-Artikolu 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 2, p. 205).

7        Fl‑20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura prevista fl-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kontra r-rikorrenti u l-entitajiet legali tal-impriżi msemmija fil-punt 2 iktar ’il fuq u adottat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li hija nnotifikat lil dawn l-entitajiet kollha, inklużi r-rikorrenti.

8        Wara n-notifika tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, id-destinatarji tagħha kellhom aċċess għall-fajl tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni.

9        Matul [kunfidenzjali], id-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikkuntattjaw lill-Kummissjoni b’mod informali, fejn talbuha tkompli bil-kawża fil-kuntest tal-proċedura ta’ riżolviment prevista fl-Artikolu 10a tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas‑7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skond l-Artikolu [101 u l-Artikolu 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 81). Il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta’ riżolviment wara li kull wieħed mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikkonferma l-intenzjoni tiegħu li jieħu sehem f’diskussjonijiet għar-riżolviment.

10      Bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], saru diskussjonijiet bil-għan ta’ riżolviment bejn kull destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u l-Kummissjoni. Wara dawn id-diskussjonijiet, uħud mid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ressqu talba formali quddiem il-Kummissjoni għar-riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004 (iktar ’il quddiem il-“partijiet għar-riżolviment”). Ir-rikorrenti ma ressqux tali talba.

11      Fid‑19 ta’ Lulju 2016, il-Kummissjoni adottat, abbażi tal-Artikolu 7 u tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, id-Deċiżjoni C(2016) 4673 final, dwar proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża AT.39824 – Trakkijiet), indirizzata lill-partijiet għar-riżolviment (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ riżolviment”).

12      Sa fejn ir-rikorrenti kienu ddeċidew li ma jressqux talba formali għal riżolviment, il-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni li tikkonċernahom fil-kuntest tal-proċedura normali (mhux ta’ riżolviment).

13      Fit‑23 ta’ Settembru 2016, ir-rikorrenti, wara li kellhom aċċess għall-fajl, ippreżentaw ir-risposta tagħhom bil-miktub għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

14      Fit‑18 ta’ Ottubru 2016, ir-rikorrenti pparteċipaw f’seduta.

15      Fis‑7 ta’ April 2017, il-Kummissjoni, skont il-punt 111 tal-Avviż tagħha dwar l-aħjar prattiki għat-tmexxija dwar proċeduri għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 u tal-Artikolu 102 [TFUE] (ĠU 2011, C 308, p. 6), bagħtet lil Scania AB espożizzjoni tal-fatti. Fit‑23 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni bagħtet ukoll l-imsemmija espożizzjoni tal-fatti lil Scania CV AB u lil Scania DE.

16      Fit‑12 ta’ Mejju 2017, Scania AB ikkomunikat lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-provi annessi mal-espożizzjoni tal-fatti, li kienu jirriflettu wkoll il-pożizzjoni ta’ Scania CV AB u ta’ Scania DE.

17      Fis‑27 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kkontestata.

B.      Id-deċiżjoni kkontestata

1.      L-istruttura tas-suq tat-trakkijiet u mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet

18      Il-Kummissjoni bdiet id-deċiżjoni kkontestata billi ppreżentat, fil-premessi 22 sa 50, l-istruttura tas-suq tat-trakkijiet u tal-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet, inkluż fir-rigward ta’ Scania.

a)      L-istruttura tas-suq tat-trakkijiet

19      Fir-rigward tal-istruttura tas-suq tat-trakkijiet, il-Kummissjoni tirrileva li din hija kkaratterizzata minn livell għoli ta’ trasparenza u ta’ konċentrazzjoni, peress li l-partijiet għandhom diversi okkażjonijiet sabiex jiltaqgħu annwalment u jiddiskutu s-sitwazzjoni tas-suq. Skont il-Kummissjoni, permezz tal-iskambji kollha, il-partijiet seta’ jkollhom idea preċiża tas-sitwazzjoni kompetittiva ta’ kull waħda minnhom (premessa 22 u 23 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Il-Kummissjoni tirrileva wkoll li l-partijiet, inkluża Scania, għandhom sussidjarji fi swieq nazzjonali importanti li jaġixxu bħala distributuri tal-prodotti tagħhom. Dawn id-distributuri nazzjonali għandhom in-network tagħhom stess tal-konċessjonarji (premessa 25 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tinnota li Scania tbigħ it-trakkijiet tagħha permezz ta’ distributuri nazzjonali, li huma sussidjarji miżmuma 100 % minnha fl-Istati kollha taż-ŻEE, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali]. Id-distributuri nazzjonali ta’ Scania jbigħu t-trakkijiet mixtrija mingħand l-uffiċċju rreġistrat lil konċessjonarji li huma jew sussidjarji miżmuma 100 % jew impriżi indipendenti. Il-Kummissjoni tirrileva li, fil-Ġermanja, Scania għandha [kunfidenzjali] konċessjonarji li huma 100 % sussidjarji (premessa 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet

21      Fir-rigward tal-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet, il-Kummissjoni tikkonstata li dan jinkludi l-istess stadji għall-partijiet kollha u jibda, ġeneralment, fil-kuntest tal-ewwel stadju, permezz tal-iffissar, mis-sede, ta’ lista ta’ prezzijiet gross inizjali. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, fil-kuntest tat-tieni stadju, il-prezzijiet ta’ trasferiment huma ffissati għall-bejgħ tat-trakkijiet fid-diversi swieq nazzjonali bejn is-sede tal-kostrutturi u d-distributuri nazzjonali li huma impriżi indipendenti jew miżmuma 100 % mis-sede. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, huma ffissati, fil-kuntest tat-tielet stadju, il-prezzijiet li jitħallsu mill-konċessjonarji lid-distributuri, u, fil-kuntest tar-raba’ stadju, il-prezz nett finali mħallas mill-konsumaturi li huwa nnegozjat mill-konċessjonarji jew mill-kostrutturi stess meta huma jbigħu direttament lill-konċessjonarji jew lill-klijenti importanti (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata).

22      Il-Kummissjoni tikkonstata li, għalkemm il-prezz finali mħallas mill-konsumaturi jista’ jvarja (pereżempju, minħabba l-applikazzjoni tal-iskontijiet differenti fil-livelli differenti tal-katina ta’ distribuzzjoni), il-prezzijiet kollha applikabbli f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni jirriżultaw direttament (fil-każ tal-prezzijiet ta’ trasferiment bejn is-sede u d-distributur) jew indirettament (fil-każ tal-prezz imħallas mill-konċessjonarju lid-distributur jew fil-każ tal-prezz imħallas mill-klijent finali) mill-prezz gross inizjali. B’hekk, skont il-Kummissjoni, jirriżulta li l-listi ta’ prezzijiet gross inizjali ffissati mis-sede jikkostitwixxu komponent komuni u fundamentali tal-kalkoli tal-prezzijiet applikabbli f’kull stadju tal-istazzjonijiet nazzjonali ta’ distribuzzjoni fl-Ewropa kollha (premessa 38 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tippreċiża li l-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni ta’ [kunfidenzjali], bejn l‑2000 u l‑2006 stabbilixxew listi ta’ prezzijiet gross komposti minn prezzijiet gross armonizzati għaż-ŻEE kollha (premessa 40 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)      Mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania

23      Fil-premessa 41 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tiddeskrivi l-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania u l-atturi involuti f’dan l-iffissar.

24      Skont din id-deskrizzjoni, is-sede ta’ Scania tiffissa l-lista ta’ prezzijiet gross mill-fabbrika (iktar ’il quddiem il-“FGPL”) għad-diversi partijiet kollha disponibbli ta’ trakk (premessa 44 tad-deċiżjoni kkontestata). [kunfidenzjali].

25      Kull distributur nazzjonali ta’ Scania (pereżempju Scania DE) jinnegozja mas-sede ta’ Scania “prezz nett għad-distributur” (il-prezz li d-distributur iħallas fis-sede għal kull parti) abbażi tal-FGPL li rċieva. Il-prezz nett għad-distributur huwa indikat f’dokument imsejjaħ “RPU” li jippreżenta d-differenza bejn il-FGPL u l-prezz nett għad-distributur f’termini ta’ skontijiet. L-iskontijiet mogħtija lid-distributur huma ffissati minn [kunfidenzjali] fis-sede ta’ Scania, iżda huma diskussi wkoll fi ħdan il-kumitat dwar il-prezzijiet. Id-deċiżjoni finali fuq il-prezz nett għad-distributur ta’ Scania tiġi adottata [kunfidenzjali] (premessa 45 tad-deċiżjoni kkontestata).

26      Barra minn hekk, id-distributur nazzjonali ta’ Scania jikkomunika l-lista tiegħu ta’ prezzijiet gross (li tikkonsisti fil-prezz nett għad-distributur flimkien mal-marġni benefiċjarju) għall-partijiet kollha disponibbli ta’ trakk lill-konċessjonarji Scania fit-territorju tiegħu (premessa 46 tad-deċiżjoni kkontestata).

27      Il-konċessjonarju ta’ Scania jinnegozja mad-distributur “prezz nett għall-konċessjonarju” li huwa bbażat fuq il-lista ta’ prezzijiet gross tad-distributur imnaqqas bi tnaqqis sostanzjali li minnu jibbenefika l-konċessjonarju (premessa 47 tad-deċiżjoni kkontestata).

28      [kunfidenzjali].

29      Il-klijenti li jixtru t-trakkijiet mill-konċessjonarji ta’ Scania jħallsu l-“prezz tal-klijent”. Il-“prezz tal-klijent” jikkonsisti fil-prezz nett għall-konċessjonarju miżjud bil-marġni benefiċjarju tal-konċessjonarju u tal-ispejjeż eventwali li jirriżultaw mill-individwalizzazzjoni tat-trakk u mnaqqas skont it-tnaqqis u l-promozzjonijiet offruti lill-klijent (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni tikkonstata li l-aġġustament tal-prezz fi kwalunkwe stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni ser ikollu impatt limitat jew ser ikun mingħajr effett fuq il-prezz finali mħallas mill-konsumatur (premessa 48 tad-deċiżjoni kkontestata).

30      Il-Kummissjoni tikkonstata li l-FGPL tapplika fuq livell dinji, filwaqt li l-prezz nett għad-distributur u l-lista ta’ prezzijiet gross tad-distributur japplikaw għar-reġjun li fih jopera d-distributur. Bl-istess mod, il-prezz innegozjat mill-konċessjonarju huwa applikat għar-reġjun li fih jopera l-konċessjonarju (premessa 49 tad-deċiżjoni kkontestata).

31      Il-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi grafika tal-istadji differenti tal-mekkaniżmu tariffarju fi ħdan Scania, kif deskritti fil-punti 24 sa 29 iktar ’il fuq. Din il-grafika ġiet ipprovduta mir-rikorrenti matul il-proċedura amministrattiva u ġiet ippreżentata kif ġej:

Image not found

d)      Fuq l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq livell Ewropew fuq il-prezzijiet fuq livell nazzjonali

32      Fil-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq livell Ewropew fuq il-prezzijiet fuq livell nazzjonali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li d-distributuri nazzjonali tal-kostrutturi, bħal Scania DE, ma humiex indipendenti fl-iffissar tal-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross, u li l-prezzijiet kollha applikati f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sal-konsumatur finali jirriżultaw mil-listi ta’ prezzijiet gross Ewropej iffissati fil-livell tas-sede (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

33      Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li żieda fil-prezzijiet fil-lista pan-Ewropea tal-prezzijiet gross, deċiża fil-livell tas-sede, tiddetermina l-moviment tal-“prezz nett għad-distributur”, jiġifieri tal-prezz li d-distributur iħallas fis-sede għax-xiri tat-trakk. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, iż-żieda mis-sede tal-prezzijiet gross imsemmija iktar ’il fuq tinfluwenza wkoll il-livell tal-prezz gross tad-distributur, jiġifieri l-prezz li l-konċessjonarju jħallas lid-distributur, anki jekk il-prezz għall-konsumatur finali ma jkunx neċessarjament mibdul bl-istess proporzjon jew ma jinbidel bl-ebda mod (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

2.      Kuntatti kollużivi bejn Scania u l-partijiet għar-riżolviment

34      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Scania kienet ipparteċipat f’laqgħat kollużivi u f’kuntatti mal-partijiet għar-riżolviment fi ħdan diversi fora u fil-livelli differenti, li evolvew matul iż-żmien, filwaqt li l-impriżi parteċipanti, l-għanijiet u l-prodotti kkonċernati baqgħu l-istess (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata).

35      Il-Kummissjoni identifikat tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi.

36      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni kkonstatat li, fl-ewwel snin tal-ksur, l-uffiċjali superjuri tal-partijiet fl-akkordju kienu jiddiskutu l-intenzjonijiet tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet, żidiet futuri fil-prezzijiet gross, xi drabi wkoll l-evoluzzjoni tal-prezzijiet netti għall-konsum u, xi drabi, kienu ftiehmu dwar iż-żieda fil-prezzijiet gross tagħhom. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala “livell tal-korpi ta’ tmexxija” (top management). Il-Kummissjoni żiedet li, waqt il-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, il-partijiet fl-akkordju ftiehmu, barra minn hekk, dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tal-mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandards Euro 3 sa Euro 5 u f’ċerti okkażjonijiet ġie miftiehem li ma jiġux introdotti t-teknoloġiji kkonċernati qabel ċerta data (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija kienu seħħew bejn l‑1997 u l‑2004 (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

37      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kkunsidrat li, matul perijodu limitat u b’mod parallel mal-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, uffiċjali intermedjarji fis-sede tal-partijiet fl-akkordju kellhom diskussjonijiet li kienu jinkludu, minbarra l-iskambju ta’ informazzjoni teknika, skambji fuq il-prezzijiet u fuq żidiet fil-prezzijiet gross. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala “livell inferjuri tas-sede” (lower headquarters level) (premessa 75 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede kienu seħħew bejn l‑2000 u l‑2008 (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

38      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni kkonstatat li, wara l-introduzzjoni tal-Euro u l-introduzzjoni tal-listi ta’ prezzijiet gross fil-livell Ewropew minn kważi l-kostrutturi tat-trakkijiet kollha, il-partijiet fl-akkordju komplew il-koordinazzjoni sistematika tal-intenzjonijiet tagħhom ta’ prezzijiet futuri permezz tas-sussidjarji Ġermaniżi tagħhom. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni għamlet riferiment għal dan il-livell ta’ kuntatti kollużivi bħala l-“livell Ġermaniż” (German level meetings). Il-Kummissjoni ppreċiżat li, bl-istess mod bħall-kuntatti tal-ewwel snin tal-akkordju, ir-rappreżentanti tas-sussidjarji Ġermaniżi kienu jiddiskutu żidiet futuri fil-prezzijiet gross, kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, imposti mill-istandards Euro 5 u Euro 6. Huma kienu jiskambjaw ukoll informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra. Barra minn hekk, kienu jiskambjaw informazzjoni kummerċjali sensittiva oħra (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni qieset li l-laqgħat fil-livell Ġermaniż kienu seħħew sa mill‑2004 (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

a)      Ftehimiet u prattiki miftiehma

39      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-provi dokumentali li jinsabu fil-fajl juru li l-kuntatti msemmija iktar ’il fuq kienu jikkonċernaw:

–        il-bidliet, previsti mill-parteċipanti fl-akkordju, il-prezzijiet gross, il-listi ta’ prezzijiet gross, l-aġenda ta’ dawn il-bidliet kif ukoll, okkażjonalment, skambji dwar il-bidliet previsti tal-prezzijiet netti jew il-modifiki tal-iskontijiet offruti lill-klijenti (premessa 212(a) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        id-data ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mir-regoli Euro 3 sa Euro 6, kif ukoll ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji (premessa 212(b) tad-deċiżjoni kkontestata);

–        it-tqassim ta’ informazzjoni sensittiva oħra mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, bħalma huma l-ishma tas-suq immirati, il-prezzijiet netti attwali u l-iskontijiet, il-listi ta’ prezzijiet gross (anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom), il-konfiguraturi tat-trakkijiet, l-ordnijiet u l-livelli tal-istokkijiet (premessa 212(c) tad-deċiżjoni kkontestata).

40      Il-Kummissjoni rrilevat li l-partijiet kellhom kuntatti multilaterali fil-livelli differenti u li, xi drabi, huma kellhom kuntatti u laqgħat komuni fil-livelli differenti. Skont il-Kummissjoni, dawn il-kuntatti kienu marbuta bejniethom minħabba l-kontenut tagħhom, bid-data tagħhom, b’riferimenti miftuħa għal xulxin u permezz taċ-ċirkulazzjoni bejniethom tal-informazzjoni miksuba (premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata).

41      Il-Kummissjoni kkunsidrat li dawn l-attivitajiet kienu jikkostitwixxu forma ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li permezz tagħha l-partijiet intenzjonalment issostitwixxew kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni. Skont il-Kummissjoni, l-aġir inkwistjoni kien jieħu l-forma ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li fiha l-impriżi kompetitriċi kienu jastjenu milli jiddeterminaw b’mod indipendenti l-politika kummerċjali li huma kellhom l-intenzjoni jadottaw fis-suq, iżda kienu jikkoordinaw pjuttost l-aġir tagħhom fil-qasam tal-prezzijiet permezz ta’ kuntatti diretti u impenjaw ruħhom fid-dewmien ikkoordinat tal-introduzzjoni tat-teknoloġiji (premessa 214 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, il-parteċipazzjoni sistematika fil-kuntatti kollużivi ħolqot klima ta’ komprensjoni reċiproka tal-politika tat-tariffi tal-partijiet (premessa 215 tad-deċiżjoni kkontestata).

42      Il-Kummissjoni rrilevat li Scania kienet tipparteċipa b’mod regolari fil-forom kollużivi differenti matul it-tul kollu tal-ksur u kkonkludiet li l-ksur li fih kienet ipparteċipat Scania kien jieħu l-forma ta’ ftehim u/jew ta’ prattika miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (premessa 229 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Restrizzjoni tal-kompetizzjoni

43      Il-Kummissjoni rrilevat li l-aġir antikompetittiv, f’dan il-każ, kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni (premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata).

44      Skont il-Kummissjoni, l-aspett prinċipali tal-ftehim u tal-prattiki miftiehma kollha li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni kien jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet gross permezz ta’ kuntatti fuq il-prezzijiet, il-koordinazzjoni tad-data u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-dħul fis-suq tat-trakkijiet ġodda konformi mal-istandards għall-emissjonijiet u l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell tal-kompetizzjoni (premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      Il-Kummissjoni qieset li Scania kienet ipparteċipat fil-kuntatti kollużivi deskritti fil-punt 39 iktar ’il fuq u li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li hija kienet ipparteċipat fihom kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE (premessa 238 u 239 tad-deċiżjoni kkontestata).

c)      Ksur uniku u kontinwu

46      Il-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma bejn Scania u l-partijiet għar-riżolviment kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu li jaqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE kif ukoll taħt l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011. Il-ksur ikkonsista f’kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal kif ukoll dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 (premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li, permezz ta’ kuntatti antikompetittivi, il-partijiet kienu segwew pjan komuni li kellu għan antikompetittiv uniku u li Scania kienet taf jew kellha tkun taf bil-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u mill-karatteristiċi essenzjali tan-network ta’ kuntatti kollużivi u kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-akkordju permezz tal-azzjonijiet tagħha (premessa 316 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-Kummissjoni rrilevat li l-għan antikompetittiv uniku kien jikkonsisti fil-limitazzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Dan l-għan intlaħaq permezz tal-prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ trakkijiet li josservaw ir-regoli ambjentali (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

d)      Portata ġeografika tal-ksur

49      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-portata ġeografika tal-ksur kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE għall-perijodu kollu tal-ksur (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

4.      Destinatarji

50      Fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indirizzat id-deċiżjoni kkontestata lil Scania CV AB u lil Scania DE, li hija qieset li huma dawk direttament responsabbli għall-ksur għall-perijodi segwenti:

–        fir-rigward ta’ Scania CV AB, għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u s‑27 ta’ Frar 2009;

–        fir-rigward ta’ Scania DE, għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t-18 ta’ Jannar 2011 (premessa 410 tad-deċiżjoni kkontestata).

51      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni sostniet ukoll li, matul il-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011, Scania AB kellha, direttament jew indirettament, l-azzjonijiet kollha ta’ Scania CV AB, li, min-naħa tagħha, kellha, direttament jew indirettament, l-azzjonijiet kollha ta’ Scania DE (premessa 411 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tindirizza d-deċiżjoni kkontestata wkoll lill-entitajiet segwenti, li jinżammu responsabbli in solidum bħala kumpanniji omm:

–        Scania AB responsabbli, minn naħa, għall-aġir ta’ Scania CV AB għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u s‑27 ta’ Frar 2009 u, min-naħa l-oħra, għall-aġir ta’ Scania DE għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011;

–        Scania CV AB bħala responsabbli għall-aġir ta’ Scania DE għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011 (premessa 412 tad-deċiżjoni kkontestata).

52      Il-Kummissjoni kkonkludiet li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kienu l-entitajiet Scania AB, Scania CV AB u Scania DE (premessa 413 tad-deċiżjoni kkontestata).

5.      Kalkolu tal-ammont tal-multa

53      F’dan il-każ, il-Kummissjoni applikat il-linji gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-kalkolu tal-multi”).

a)      Ammont bażiku tal-multa

54      F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-valur tal-bejgħ, dan ġie kkalkolat abbażi tal-bejgħ ta’ trakkijiet tqal li sar mir-rikorrenti fiż-ŻEE (aġġustat sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tat-territorju taż-ŻEE) fl‑2010 – li hija l-aħħar sena sħiħa tal-ksur (premessa 429 sa 431 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni kkalkolat li dan il-valur kien jammonta għal EUR [kunfidenzjali].

55      Il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl tad-daqs tal-valur tal-bejgħ tar-rikorrenti, l-għanijiet ta’ dissważjoni u ta’ proporzjonalità li fuqhom huwa bbażat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 setgħu jintlaħqu mingħajr l-użu tal-valur totali tal-bejgħ ta’ trakkijiet tqal tar-rikorrenti fl‑2010. Konsegwentement, u skont il-paragrafu 37 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, il-Kummissjoni ddeċidiet li tikkunsidra biss parti mill-valur totali tal-bejgħ għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, jiġifieri l-ammont ta’ EUR [kunfidenzjali] (premessa 432 u 433 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni enfasizzat li l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ li hija kienet ikkunsidrat għal Scania kien l-istess bħal dak ikkunsidrat fid-deċiżjoni ta’ riżolviment f’dak li jirrigwarda l-partijiet għar-riżolviment (premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata).

56      F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-gravità tal-ksur, il-Kummissjoni qieset li, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-fatt li l-ftehimiet dwar il-koordinazzjoni tal-prezzijiet kienu jinsabu, min-natura tagħhom stess, fost il-ksur l-iktar gravi tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, it-tieni nett, il-fatt li l-akkordju kien jestendi għaż-ŻEE kollha, u, it-tielet nett, tas-sehem tas-suq akkumulat għoli tal-impriżi involuti fl-akkordju (li kien ogħla minn 90 %), il-koeffiċjent ta’ gravità applikat, f’dan il-każ (jiġifieri l-perċentwali tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat), kien jammonta għal 17 % (premessi 434 sa 437 tad-deċiżjoni kkontestata).

57      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni, billi ħadet inkunsiderazzjoni t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Scania fil-ksur, immultiplikat l-ammont li jirriżulta mill-punt 56 iktar ’il fuq b’14, fejn din iċ-ċifra tikkostitwixxi n-numru ta’ snin ta’ din il-parteċipazzjoni (premessa 438 u 439 tad-deċiżjoni kkontestata).

58      Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni, konformement mal-paragrafu 25 tal-Linji gwida għall-kalkolu tal-multi, żiedet l-ammont bażiku b’ammont addizzjonali (taxxa fuq id-dħul), li jammonta għal 17 % tal-valur tal-bejgħ ikkunsidrat (premessa 440 u 441 tad-deċiżjoni kkontestata).

59      Abbażi ta’ dawn il-kalkoli, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont bażiku tal-multa kien jammonta għal EUR 880 523 000 (premessa 442 tad-deċiżjoni kkontestata).

b)      Ammont finali tal-multa

60      Il-Kummissjoni kkunsidrat li, f’dan il-każ, ma jeżistux ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti li jistgħu jbiddlu l-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Scania (premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata). Għaldaqstant, hija kkonkludiet li l-ammont finali tal-multa kien jammonta għal EUR 880 523 000 u li dan l-ammont ma kienx jaqbeż il-limitu massimu legali ta’ 10 % tad-dħul mill-bejgħ ta’ Scania (premessa 445 sa 447 tad-deċiżjoni kkontestata).

6.      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

61      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jiddikjara kif ġej:

Artikolu 1

L-entitajiet ġuridiċi segwenti ta’ Scania, billi ftiehmu fuq il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal u dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għat-trakkijiet medji u tqal, imposti mill-istandards Euro 3 sa 6, kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 [tal-Ftehim] ŻEE matul il-perijodi li ġejjin:

a)      Scania AB (publ) għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011;

b)      Scania CV AB (publ) għall-perijodu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011;

c)      Scania DE għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011.

Artikolu 2

Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1, huma imposti l-multi li ġejjin:

EUR 880 523 000      flimkien u in solidum ma’ Scania AB (publ) u Scania CV AB (publ) li Scania DE qed tinżamm responsabbli flimkien u in solidum [għall-]ħlas ta’ EUR 440 003 282.

[…]”

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

62      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

63      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Frar 2019, ir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali informa lill-partijiet bl-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura.

64      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil‑11 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrenti ressqu talba għal seduta għas-sottomissjonijiet orali. Il-Kummissjoni ma ħaditx pożizzjoni fuq iż-żamma ta’ seduta fit-terminu stabbilit.

65      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Għaxar Awla, li lilha, konsegwentement, ġiet assenjata din il-kawża.

66      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Għaxar Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura.

67      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tirrinvija l-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

68      Fil-kuntest tal-kriżi sanitarja marbuta mal-COVID-19, is-seduta prevista għat‑2 ta’ April 2020 ġiet posposta.

69      Minħabba l-impediment ta’ Membru tal-Għaxar Awla Estiża, il-President tal-Qorti Ġenerali ħatar lill-Viċi President tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkompleta l-Għaxar Awla Estiża u sabiex jeżerċita, għalhekk, il-funzjoni ta’ President tagħha.

70      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talbu l-ommissjoni, fil-konfront tal-pubbliku, ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rapport tas-seduta. Permezz ta’ ittra tal-istess jum, il-Kummissjoni, fuq l-istess bażi, talbet l-ommissjoni fil-konfront tal-pubbliku ta’ ċerta informazzjoni li tinsab, b’mod partikolari, fir-rapport tas-seduta u fis-sentenza li tagħlaq l-istanza.

71      Permezz ta’ ittra tal‑5 ta’ Ġunju 2020, il-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 109(2) tar-Regoli tal-Proċedura, talbet li s-seduta tinstema’ bil-magħluq. Ir-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din it-talba fid‑9 ta’ Ġunju 2020.

72      Fit‑12 ta’ Ġunju 2020, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li s-seduta tkun in camera.

73      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat‑18 ta’ Ġunju 2020.

74      Waqt is-seduta, il-Qorti Ġenerali indikat lill-partijiet li hija kienet tqis neċessarju għar-riżolviment ta’ tilwim li hija teżamina ċerti dokumenti msemmija fid-deċiżjoni kkontestata.

75      Wara preċiżazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, f’ittra tat‑23 ta’ Ġunju 2020, dwar il-kontenut u s-sistema legali tad-dokumenti msemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali, permezz ta’ digriet tal‑14 ta’ Lulju 2020, adottat miżura istruttorja u miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura li titlob lill-Kummissjoni tipproduċi l-imsemmija dokumenti. Il-Kummissjoni kkonformat mat-talba tal-Qorti Ġenerali fit-terminu stabbilit.

76      Il-fażi orali tal-proċedura ngħalqet fis‑26 ta’ Ottubru 2020.

77      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        fin-nuqqas ta’ dan, tannulla parzjalment id-deċiżjoni kkontestata u tnaqqas l-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003;

–        fi kwalunkwe każ, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqhom u tnaqqasha skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

78      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

A.      Fuq l-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku

79      Il-Kummissjoni, fl-ittra tagħha tal‑5 ta’ Ġunju 2020 (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), talbet l-ommissjoni fil-konfront tal-pubbliku, b’mod partikolari, tal-informazzjoni li l-partijiet għar-riżolviment kienu talbuha tħalli barra mill-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata. Il-Kummissjoni informat lill-Qorti Ġenerali li, fir-rigward ta’ dawn l-aħħar talbiet, il-partijiet għar-riżolviment kienu adixxew lill-uffiċjal tas-seduta abbażi tal-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2011, dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni (ĠU 2011, L 275, p. 29) u li, f’dak iż-żmien, l-uffiċjal tas-seduta kien għadu ma ħax deċiżjoni dwar it-talbiet imsemmija iktar ’il fuq tal-partijiet għar-riżolviment.

80      Il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, għandha tirrikonċilja l-prinċipju ta’ pubbliċità tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji mad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-dritt għall-protezzjoni tas-sigriet professjonali, billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll id-dritt tal-pubbliku li jkollu aċċess skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 15 TFUE, għad-deċiżjonijiet ġudizzjarji (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2020, Broughton vs Eurojust, T‑87/19, mhux ippubblikata, EU:T:2020:464, punt 49).

81      Fil-kuntest ta’ dan l-eżerċizzju ta’ konċiljazzjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, f’dan il-każ, fir-rigward tal-verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ din is-sentenza, li tipproċedi bl-anonimità tal-ismijiet tal-persuni fiżiċi u li taħbi l-isem ta’ persuni ġuridiċi minbarra r-rikorrenti. Hija ddeċidiet ukoll li taħbi ċerta informazzjoni dwar, b’mod partikolari, il-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania u l-kalkolu tal-multa imposta fuqha, li l-ħabi tagħha ma jaffettwax il-komprensjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sentenza.

82      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma taħbix, fil-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sentenza, l-informazzjoni msemmija fit-talbiet tal-partijiet għar-riżolviment indirizzati lill-Kummissjoni (ara l-punt 79 iktar ’il fuq). Fil-fatt, parti minn din l-informazzjoni tista’ tiġi dedotta mill-kontenut tad-dokumenti ppubblikati fuq is-sit internet tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni” tal-Kummissjoni u għalhekk taqa’ taħt id-dominju pubbliku. Ċerta informazzjoni oħra tikkostitwixxi sempliċement klassifikazzjonijiet ġuridiċi tal-aġir tal-partijiet għar-riżolviment u ta’ Scania jew jipprovdu preċiżazzjonijiet fattwali dwar dan l-aġir. Il-ħabi ta’ din l-informazzjoni jaffettwa l-interpretazzjoni mill-pubbliku tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali.

83      Il-fatt, invokat mill-Kummissjoni, li l-uffiċjal tas-seduta għadu ma ddeċidiex fuq it-talbiet tal-partijiet għar-riżolviment, ma jaffettwax l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, l-evalwazzjoni tal-uffiċjal tas-seduta hija intiża għall-istabbiliment tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li l-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, tikkonċerna l-istabbiliment tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tas-sentenza. Dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet għandhom, għalhekk, għanijiet differenti u, għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali għandha tipproċedi indipendentement mill-iżvolġiment tal-proċedura quddiem l-uffiċjal tas-seduta.

B.      Fuq il-mertu

84      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti qajmu disa’ motivi.

85      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-preżunzjoni tal-innoċenza li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-kuntest tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti essenzjalment jilmentaw li l-Kummissjoni rrifjutatilhom l-aċċess għar-risposti kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali].

86      It-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv, ibbażati, b’mod partikolari, fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, jirrigwardaw, essenzjalment, il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ ksur uniku u kontinwu u l-imputazzjoni tiegħu lil Scania.

87      Fil-kuntest tat-tmien motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni imponitilhom multa li tirrigwarda aġir suġġett għal preskrizzjoni u, fi kwalunkwe każ, li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi aġir ma kienx kontinwu.

88      Id-disa’ motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont tal-multa. Abbażi ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jitolbu wkoll lill-Qorti Ġenerali, sussidjarjament, tnaqqas l-ammont tal-multa, skont l-Artikolu 261 TFUE u l-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003.

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-preżunzjoni tal-innoċenza

89      Insostenn tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li d-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata, li ġew adottati abbażi tal-istess oġġezzjonijiet imqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata kemm lill-partijiet għar-riżolviment kif ukoll lir-rikorrenti, jikkonċernaw l-istess akkordju allegat u jibbażaw ruħhom, it-tnejn li huma, fuq l-istess fatti u provi.

90      Abbażi ta’ din il-premessa, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata bi ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom kif stabbiliti fl-Artikolu 48(2) tal-Karta u fl-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-Kummissjoni kienet ipproċediet, fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, għall-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti u kienet ikklassifikat bħala ksur l-aġir li Scania kienet ipparteċipat fih qabel ma hija kellha l-possibbiltà li teżerċita b’mod effikaċi d-drittijiet tad-difiża tagħha.

91      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni naqset milli twettaq l-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali li jirriżulta mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta, sa fejn, peress li adottat id-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma kinitx iktar f’pożizzjoni li turi imparzjalità u li tevalwa oġġettivament il-provi u l-argumenti mressqa minn Scania fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Ir-rikorrenti jżidu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, lanqas eżami komplet mill-Qorti Ġenerali tal-provi li fuqhom tibbaża ruħha l-Kummissjoni u li jinsabu fil-fajl tagħha ma jista' jirrimedja l-ksur imwettaq b’dan il-mod tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

93      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza li r-rispett tagħha huwa ggarantit mill-Artikolu 48(1) tal-Karta. B’mod iktar speċifiku, huma jsostnu li d-deċiżjoni ta’ riżolviment tiddefinixxi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istess fatti bħal dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tikkonkludi li dawn il-fatti, li Scania kienet ipparteċipat fit-twettiq tagħhom ukoll, jikkostitwixxu ksur. Din id-dikjarazzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi evokazzjoni ta’ responsabbiltà eventwali ta’ Scania u għalhekk tikkostitwixxi ksur tad-dritt għall-preżunzjoni tal-innoċenza li għandha tibbenefika minnu Scania sal-prova kuntrarja, li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni.

94      Skont ir-rikorrenti, li jiġi kkunsidrat li l-ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza huwa irrilevanti peress li ma jwassalx lill-Kummissjoni sabiex tagħti deċiżjoni “ħażina”, jiġifieri deċiżjoni li fiha l-konstatazzjoni tal-ksur ma hijiex debitament issostanzjata bi provi, fil-prattika jwassal sabiex din il-preżunzjoni tiġi mċaħħda mill-kontenut jew mill-għan tagħha, peress li, jekk il-parti rikorrenti setgħet turi li d-deċiżjoni kienet żbaljata, hija ma jkollhiex għalfejn tinvoka xi preġudizzju għall-ekwità tal-proċedura.

95      Ir-rikorrenti jikkonkludu li, minħabba l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta din tal-aħħar kontra Scania b’imparzjalità sħiħa u mingħajr ma tipproċedi b’mod irreparabbli għal ksur tad-dritt tagħha għal smigħ u ta’ preżunzjoni tal-innoċenza fil-konfront tagħha.

96      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

97      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, hekk kif ir-rikorrenti kkonfermaw waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, li, fil-kuntest tal-ewwel motiv, huma jikkontestaw in-natura “ibrida” tal-proċedura segwita mill-Kummissjoni, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, wasslet għall-ksur allegat, jiġifieri, il-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, tad-dmir ta’ imparzjalità u tad-drittijiet tad-difiża ta’ Scania li kienet irtirat mill-proċedura ta’ riżolviment. B’mod partikolari, il-fatt li ġiet adottata d-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel id-deċiżjoni kkontestata jaggrava dan il-ksur.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 10a tar-Regolament Nru 773/2004, intitolat “Proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli”, jipprevedi:

“1. Wara li jibdew il-proċedimenti skond l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi skadenza li fiha l-partijiet jistgħu jindikaw li huma lesti li jidħlu għal diskussjonijiet għar-riżolviment bil-ħsieb li possibilment ikunu introdotti s-sottomissjonijiet għar-riżolviment. Il-Kummissjoni m’għandhiex tkun obbligata tikkunsidra t-tweġibiet riċevuti wara l-iskadenza ta’ dak il-limitu ta’ żmien.

[...]

2. Il-partijiet li jkunu qed jieħdu sehem fid-diskussjonijiet għar-riżolviment jistgħu jiġu infurmati mill-Kummissjoni b’:

(a)      l-oġġezzjonijiet li tkun qed tipprevedi li tressaq kontrihom;

(b)      il-provi użati biex ikunu determinati l-oġġezzjonijiet previsti;

(c)      verżjonijiet mhux kunfidenzjali ta’ kwalunkwe dokument speċifiku aċċessibbli elenkat fil-fajl tal-każ f’dak il-mument partikolari, safejn talba tal-parti tkun iġġustifikata bl-iskop li tgħin lill-parti taċċerta l-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-perjodu ta’ żmien jew ta’ kwalunkwe aspett ieħor dwar il-kartell; kif ukoll

(d)      il-firxa tal-multi potenzjali.

[...]

Jekk isir progress fid-diskussjonijiet għar-riżolviment, il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih il-partijiet jistgħu jkunu kommessi jsegwu l-proċedura għar-riżolviment billi jressqu sottomissjonijiet għar-riżolviment li jirriflettu r-riżultati tad-diskussjonijiet dwar ir-riżolviment u jirrikonoxxu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur ta’ l-Artikolu 101 [TFUE] kif ukoll ir-responsabbiltà tagħhom. […] Qabel ma l-Kummissjoni tistabbilixxi l-limitu taż-żmien għall-introduzzjoni ta' sottomissjonijiet ta' riżolviment, il-partijiet konċernati jkunu intitolati li jkollhom l-informazzjoni speċifikata fl-ewwel subparagrafu, żvelata lilhom, fuq talba, fil-ħin. Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata tqis sottomissjonijiet ta' riżolviment wara l-iskadenza ta' dak il-limitu ta' żmien. […]

3. Meta d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet innotifikata lill-partijiet tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet għar-riżolviment, it-tweġiba bil-miktub għad-dikjarazzjoni ta’ oġġezzzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-Kummissjoni, għandha tikkonferma li d-dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet indirizzata lilhom tkun tirrifletti l-kontenut tas-sottomissjonijiet tagħhom għar-riżolviment. Il-Kummissjoni tista’ imbagħad tipproċedi biex tadotta deċiżjoni skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament […] Nru 1/2003 wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Prattiċi Ristrettivi u l-Pożizzjonijiet Dominanti skond l-Artikolu 14 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

4.      Il-Kummissjoni fi kwalunkwe ħin tista’ tiddeċiedi li twaqqaf għal kollox il-proċedura dwar d-diskussjonijiet għar-riżolviment għall-każ speċifiku jew fir-rigward ta’ parti jew [ta'] partijiet speċifiċi involuti, jekk din tikkunsidra li aktarx li ma jinkisbux l-effiċjenzi proċedurali.”

99      Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix, u ma teskludix, il-possibbiltà għall-Kummissjoni li ssegwi proċedura “ibrida” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE.

100    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali diġà ammettiet li l-Kummissjoni kellha d-dritt li tirrikorri għal tali proċedura “ibrida” u li tapplika proċedura ta’ riżolviment fir-rigward ta’ impriżi li jippreżentaw sottomissjonijiet għar-riżolviment, filwaqt li ssegwi l-proċedura rregolata mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004, minflok dawk li huma rregolati mill-proċedura ta’ riżolviment, fir-rigward ta’ impriżi li ma jixtiqux jippreżentaw tali sottomissjonijiet għar-riżolviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 70, 71 u 104, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punti 119 u 136).

101    Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali vvalidat ukoll il-possibbiltà għall-Kummissjoni li tadotta, inizjalment, deċiżjoni ta’ riżolviment fir-rigward tal-partijiet li ddeċidew li jagħmlu riżolviment u, fit-tieni lok, deċiżjoni wara l-proċedura ordinarja fir-rigward tal-partijiet li ddeċidew li ma jagħmlux riżolviment, bil-kundizzjoni madankollu li hija tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, b’mod partikolari meta l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment ma teħtieġx li tiġi ddeterminata r-responsabbiltà tal-parti li ma tipparteċipax fir-riżolviment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punti 265 sa 268, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et C‑39/18 P, EU:C:2019:584).

102    Kif issostni l-Kummissjoni, il-posponiment jew l-abbandun ta’ kull proċedura ta’ riżolviment minħabba li waħda mill-impriżi kkonċernati, bħal f’dan il-każ, Scania, li rtirat minn din il-proċedura, imur kontra l-għan imfittex mill-proċedura ta’ riżolviment, kif stabbilit fil-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 622/2008 tat‑30 ta’ Ġunju 2008 li jemenda r-Regolament Nru 773/2004 fir-rigward ta’ kif jitmexxew il-proċeduri għar-riżolviment f’każi ta’ kartelli (ĠU 2008, L 171, p. 3), li jiżgura trattament iktar rapidu u effikaċi tal-kawża mal-impriżi li jkunu għażlu li jagħmlu riżolviment. Madankollu, l-osservanza tal-imsemmi għan ma għandhiex tippreġudika r-rekwiżiti marbuta mal-osservanza tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dmir ta’ imparzjalità.

103    Iċ-ċirkustanzi tal-każ, enfasizzati mir-rikorrenti matul is-seduta, jiġifieri l-fatt li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kompleta kienet intbagħtet lill-partijiet kollha u li dawn kienu kisbu l-aċċess sħiħ għall-fajl tal-investigazzjoni, ma jippermettix li jiġi konkluż, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, li r-rikors mill-Kummissjoni għall-proċedura “ibrida” skaduta fiż-żmien ma ppermettiex li jiġi ssodisfatt tali għan ta’ ħeffa u ta’ effikaċja. Fil-fatt, dan l-għan huwa msemmi wkoll minn ċirkustanzi oħra speċifiċi għal proċedura ta’ riżolviment bħalma huma r-rikonoxximent inekwivoku mill-partijiet għar-riżolviment tar-responsabbiltà tagħhom għall-ksur, l-aċċettazzjoni tal-eżerċizzju limitat tad-dritt tad-difiża tagħhom kif ukoll il-firxa tal-multi (ara l-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment ta’ tilwim bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skond l-Artikolu 7 u l-Artikolu 23 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli (ĠU 2008, C 167, p. 1), punti 20 u 21).

104    Konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jsostnu, essenzjalment, ir-rikorrenti, il-proċeduri “ibridi” fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, li fihom l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment u tad-deċiżjoni wara l-proċedura ordinarja huma mifruxa fiż-żmien, fihom infushom ma jwasslux, fiċ-ċirkustanzi kollha, għal ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, tad-drittijiet tad-difiża jew tad-dmir ta’ imparzjalità u ma għandhomx bħala konsegwenza inevitabbli li dawn il-prinċipji u dawn id-drittijiet jinkisru, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq.

105    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni għandha d-dritt li tirrikorri għal tali proċedura “ibrida” billi tadotta d-deċiżjoni ta’ riżolviment qabel id-deċiżjoni kkontestata, bil-kundizzjoni, madankollu, li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ ta’ dawn il-prinċipji u d-drittijiet.

106    Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-Kummissjoni osservatx il-preżunzjoni tal-innoċenza u d-dmir tagħha ta’ imparzjalità fir-rigward ta’ Scania kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tagħha.

107    Ir-rikorrenti jibbażaw l-ilmenti tagħhom fuq l-ewwel motiv, prinċipalment fuq il-premessa li d-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq l-istess fatti u fuq l-istess provi. Huma jagħmlu riferiment, f’dan ir-rigward, għall-fatti relatati mal-aġir tal-partijiet għar-riżolviment, bħal dawk esposti fil-punt 3 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, iżda “jinvolvu neċessarjament lil Scania” b’mod li ċ-ċirku ta’ impriżi li l-aġir tagħhom kien ġie legalment ikklassifikat fid-deċiżjoni ta’ riżolviment ma huwiex limitat għad-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni, iżda jinkludi wkoll lil Scania. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata ġew adottati fuq il-bażi tal-istess oġġezzjonijiet imqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata kemm lill-partijiet għar-riżolviment kif ukoll lir-rikorrenti.

108    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni ta’ riżolviment ġiet adottata bi ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza, għandu jitfakkar li l-imsemmi prinċipju jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ penalità (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    L-Artikolu 48 tal-Karta jikkorrispondi għall-Artikolu 6(2) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta. Minn dan isegwi, konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 48 tal-Karta, bħala limitu minimu ta’ protezzjoni u li wieħed għandu jiġi ggwidat mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”) dwar l-Artikolu 6(2) tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (preżunzjoni tal-innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punti 41 u 42). Fil-fatt, l-Artikolu 52(3) tal-Karta jimponi li d-drittijiet inklużi fiha li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-KEDB, jingħataw l-istess tifsira u l-istess portata bħal dawk li tagħtihom l-imsemmija konvenzjoni (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:552, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, fis-sentenza tal-Qorti EDB tas‑27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L‑Italja (CE:ECHR:2011:0927JUD004350908, punti 39 sa 44), dwar sanzjoni imposta mill-awtorità Taljana li tirregola l-kompetizzjoni minħabba prattiki antikompetittivi analogi għal dawk li kienu akkużati bihom ir-rikorrenti, il-Qorti EDB qieset li, fid-dawl tal-ammont għoli tal-multa imposta, is-sanzjoni kienet taqa’, minħabba s-severità tagħha, taħt il-qasam kriminali. Madankollu, il-Qorti EDB ddeċidiet ukoll li n-natura ta’ proċedura amministrattiva, bħal dik inkwistjoni f’din is-sentenza, setgħet tvarja, taħt diversi aspetti, min-natura ta’ proċedura kriminali fis-sens strett tat-terminu. Għalkemm dawn id-differenzi ma jistgħux jeżentaw lill-Istati kontraenti mill-obbligu tagħhom li josservaw il-garanziji kollha offruti mill-aspett kriminali tal-Artikolu 6 tal-KEDB, huma jistgħu, madankollu, jinfluwenzaw il-modalitajiet tal-applikazzjoni tagħhom (sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Settembru 2011, A. Menarini Diagnostics S.R.L. vs L‑Italja, CE:ECHR:2011:0927JUD004350908, punt 62; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑23 ta’ Novembru 2006, Jussila vs Il‑Finlandja, CE:ECHR:2006:1123JUD007305301, punt 43).

111    Il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jimplika li kull persuna akkużata hija preżunta innoċenti sakemm ma tiġix ippruvata l-ħtija tagħha skont il-liġi. Dan il-prinċipju, għalhekk, jipprekludi kwalunkwe konstatazzjoni formali kif ukoll kwalunkwe allużjoni li għandhom bħala għan ir-responsabbiltà ta’ persuna akkużata bi ksur partikolari f’deċiżjoni li ttemm l-azzjoni, mingħajr ma din il-persuna tkun ingħatat l-opportunità sabiex tibbenefika mill-garanziji kollha li huma inerenti fl-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest ta’ proċediment li jsegwi l-kors normali tiegħu u li jwassal għal deċiżjoni dwar il-fondatezza tal-kontestazzjoni (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni, T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2019, Il‑Kummissjoni vs Icap et, C‑39/18 P, EU:C:2019:584).

112    F’dan ir-rigward, il-Qorti EDB ikkunsidrat li l-espressjoni prematura tal-ħtija ta’ persuna ssuspettata f’sentenza mogħtija kontra persuni ssuspettati akkużati b’mod separat tista’ wkoll, teoretikament, tippreġudika l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113    Skont il-Qorti EDB, il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jinkiser jekk deċiżjoni ġudizzjarja jew dikjarazzjoni uffiċjali dwar akkużat tkun tinkludi dikjarazzjoni ċara, magħmula fl-assenza ta’ kundanna definittiva, li tgħid li l-persuna kkonċernata wettqet ir-reat inkwistjoni. F’dan il-kuntest, din il-qorti enfasizzat l-importanza tal-għażla tal-kliem użat mill-awtoritajiet ġudizzjarji kif ukoll taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom dan ġie fformulat u, min-naħa l-oħra, tan-natura u tal-kuntest tal-proċedura inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punt 63).

114    Il-Qorti EDB irrikonoxxiet li, fil-proċeduri kriminali kumplessi fejn kienu involuti diversi persuni ssuspettati li ma setgħux jiġu ġġudikati flimkien, jista' jkun il-każ li l-qorti nazzjonali jkollha, imperattivament, sabiex tevalwa l-ħtija tal-akkużati, issemmi l-parteċipazzjoni ta’ terzi li forsi jiġu ġġudikati separatament sussegwentement. Hija ppreċiżat, madankollu, li, jekk il-fatti dwar l-involviment ta’ terzi kellhom jiġu introdotti, il-qorti kkonċernata kellha tevita li tikkomunika iktar informazzjoni milli kien neċessarju għall-analiżi tar-responsabbiltà legali tal-persuni li jkunu mħarrka quddiemha. Barra minn hekk, din l-istess qorti enfasizzat li l-motivazzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji għandha tiġi fformulata f’termini li huma ta’ natura li jevitaw sentenza prematura potenzjali dwar il-ħtija tal-persuni terzi kkonċernati, li tista’ tikkomprometti l-eżami ekwu tal-akkużi magħmula kontrihom fil-kuntest ta’ proċedura distinta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punti 64 u 65; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑23 ta’ Frar 2016, Navalnyy u Ofitserov vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0223JUD004663213, punt 99).

115    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, preġudizzju għal preżunzjoni ta’ innoċenza jista’ joriġina mhux biss minn Imħallef jew Qorti Ġenerali, iżda wkoll minn awtoritajiet pubbliċi oħra (ara s-sentenza tal-Qorti EDB, tal‑15 ta’ Marzu 2011, Begu vs Ir‑Rumanija, CE:ECHR:2011:0315JUD002044802, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat, bi qbil mal-Kummissjoni, li ebda waħda mis-siltiet tad-deċiżjoni ta’ riżolviment imressqa mir-rikorrenti ma tinkludi riferiment jew allużjoni għal Scania, li minnha jirriżulta li l-Kummissjoni kienet, fil-mument tal-adozzjoni tagħha, diġà ppreġudikat ir-responsabbiltà tagħha fil-kuntest ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

117    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jitfakkar il-kontenut tal-premessa 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, li tipprevedi dan li ġej:

“Fl‑20 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni bdiet proċedura skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Nru 1/2003 kontra d-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni u diversi entitajiet ta’ impriża oħra. Din l-impriża ma ppreżentatx proposta ta’ riżolviment skont l-Artikolu 10a(2) tar-Regolament Nru 773/2004. Fid-data ta’ din id-deċiżjoni [ta’ riżolviment], il-proċedura amministrattiva mibdija kontra din l-impriża skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 hija pendenti. Sabiex titneħħa kull ambigwità, din id-Deċiżjoni [ta’ riżolviment] ma tagħmel l-ebda konstatazzjoni dwar din l-impriża fir-rigward tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni Ewropea.”

118    Għalhekk, fil-premessa 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, il-Kummissjoni kienet impliċitament issemmi lil Scania, minn naħa, bħala impriża li kontrieha l-proċedura amministrattiva bbażata fuq l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 kienet pendenti u, min-naħa l-oħra, billi indikat li d-deċiżjoni ta’ riżolviment ma kienet tifformula l-ebda konklużjoni li tikkonċernaha fir-rigward ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni. Madankollu, tali riferiment għandu jiġi kklassifikat l-iktar l-iktar bħala emanazzjoni ta’ suspett ta’ responsabbiltà ta’ Scania, li għad trid tiġi stabbilita, li ma tikkostitwixxix ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punt 63, u tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Bauras vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2017:1031JUD005679513, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

119    Madankollu, it-tieni nett, anki jekk l-eżistenza ta’ tali riferiment espliċitu fid-deċiżjoni ta’ riżolviment fl-assenza, f’dan l-istadju, ta’ konklużjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ Scania skont l-Artikolu 101 TFUE turi r-rieda tal-Kummissjoni li tikkonforma mal-obbligu tagħha li tirrispetta l-prinċipju ta’ preżunzjoni ta’ innoċenza, kif stabbilit mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti EDB, tas‑27 ta’ Frar 2014, Karaman vs Il‑Ġermanja, CE:ECHR:2014:0227JUD001710310, punti 67, 69 u 70, u tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Bauras vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2017:1031JUD005679513, punt 54), jiġifieri li tindika b’mod ċar li Scania kienet ikkonċernata minn proċedura distinta pendenti u li r-responsabbiltà tagħha kienet għadha ma ġietx stabbilita legalment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (preżunzjoni ta’ innoċenza), C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 45), din ma hijiex biżżejjed, waħedha, sabiex jiġi eskluż il-ksur ta’ dan il-prinċipju, hekk kif il-Kummissjoni ammettiet, essenzjalment, waqt is-seduta.

120    Għalhekk, sabiex tiġi mistħarrġa l-osservanza tal-preżunzjoni ta’ innoċenza, għandha tiġi analizzata wkoll il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment kollha kemm hi fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom din ġiet adottata sabiex jiġi vverifikat li siltiet oħra ta’ din id-deċiżjoni li jistgħu jinftiehmu bħala espressjoni prematura tar-responsabbiltà ta’ Scania fil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ma jrendux mingħajr skop ir-riferiment espliċitu għall-assenza tal-konklużjoni dwar ir-responsabbiltà tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2019, AH et (preżunzjoni ta’ innoċenza). C‑377/18, EU:C:2019:670, punt 46).

121    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-punt 3 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, iddedikat għad-deskrizzjoni tal-aġir tad-destinatarji tagħha, u b’mod iktar partikolari għal ċerti siltiet li fihom il-Kummissjoni ddeskriviet l-aġir li fih ipparteċipaw “fost oħrajn” id-destinatarji ta’ din id-deċiżjoni (premessi 47 u 60 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment).

122    Il-Kummissjoni sostniet, waqt is-seduta, li dawn ir-riferimenti ma kellhomx jinftiehmu bħala li jagħmlu riferiment, impliċitament, għal Scania, anki jekk jinqraw flimkien mal-premessa 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment. Ir-rikorrenti ma ppreżentawx argumenti ta’ natura li jikkonfutaw din l-interpretazzjoni tal-premessi 47 u 60 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment.

123    Fi kwalunkwe każ, anki jekk jitqies li, billi fid-deċiżjoni ta’ riżolviment tagħmel riferiment għall-aġir “fost l-oħrajn” tad-destinatarji tagħha, il-Kummissjoni kienet qiegħda tagħmel riferiment impliċitament, b’mod partikolari, għal Scania, tali riferiment ma jikkonċernax ir-responsabbiltà tagħha fil-ksur inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 111 iktar ’il fuq, iżda, l-iktar l-iktar, il-parteċipazzjoni tagħha f’ċertu aġir ikkonstatat fir-rigward tal-partijiet għar-riżolviment. Għaldaqstant, hija ma tikkostitwixxix dikjarazzjoni “ċara”, magħmula fl-assenza ta’ kundanna definittiva, li tgħid li Scania wettqet il-ksur inkwistjoni fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 113 iktar ’il fuq.

124    Fil-fatt, fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, il-Kummissjoni wettqet, kif hija ssostni, il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti, kif irrikonoxxuti mid-destinatarji tagħha bħala li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u fformulat, fil-punt 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, konklużjonijiet dwar ir-responsabbiltà f’dan il-ksur fir-rigward biss tad-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ riżolviment.

125    Ir-rikorrenti jsostnu, madankollu, li ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ Scania jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ riżolviment tiddefinixxi l-pożizzjoni finali tal-Kummissjoni fir-rigward tal-istess fatti bħal dawk imsemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u tikkonkludi li dawn il-fatti, li fit-twettiq tagħhom Scania kienet ipparteċipat ukoll, jikkostitwixxu ksur. Skont ir-rikorrenti, din id-dikjarazzjoni tmur lil hinn mis-sempliċi dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà eventwali ta’ Scania.

126    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-fatti kkunsidrati fid-deċiżjoni ta’ riżolviment huma dawk irrikonoxxuti mill-partijiet għar-riżolviment, kif jirriżulta mill-premessa 3 tagħha.

127    Is-sempliċi fatt li d-destinatarji tad-deċiżjoni ta’ riżolviment ammettew il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ksur u rrikonoxxew il-ħtija tagħhom, ma jistax iwassal għar-rikonoxximent impliċitu tar-responsabbiltà ta’ Scania minħabba l-parteċipazzjoni eventwali tagħha f’dawn l-istess fatti, u b’hekk ittrasformat awtomatikament, de facto u de jure, il-konklużjonijiet magħmula fir-rigward tal-partijiet għar-riżolviment f’forma ta’ “verdett moħbi” tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ Scania (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni, T‑433/16, EU:T:2019:201, punt 68).

128    Madankollu, rikonoxximent ta’ ħtija mill-partijiet fl-akkordju li pparteċipaw fil-proċedura ta’ riżolviment jikkostitwixxi ċirkustanza li tista’ taffettwa l-fatti relatati mal-parteċipazzjoni ta’ “impriża oħra” issuspettata li pparteċipat fl-istess akkordju, fil-każ ta’ Scania (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Pometon vs Il‑Kummissjoni, T‑433/16, EU:T:2019:201, punt 92, ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑23 ta’ Frar 2016, Navalnyy u Ofitserov vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0223JUD004663213, punt 103). Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha tiżgura l-fatti ammessi mill-partijiet għar-riżolviment ma jkunux aċċettati fir-rigward ta’ parti li ma tiħux sehem f’din il-proċedura, bħal Scania, mingħajr eżami sħiħ u adegwat matul il-proċedura ordinarja fid-dawl tal-argumenti u l-provi ppreżentati minn dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti EDB, tat‑23 ta’ Frar 2016, Navalnyy u Ofitserov vs Ir‑Russja, CE:ECHR:2016:0223JUD004663213, punti 103 sa 105, u tal‑31 ta’ Ottubru 2017, Bauras vs Il‑Litwanja, CE:ECHR:2017:1031JUD005679513, punt 53).

129    F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ordinarja, l-impriża kkonċernata u l-Kummissjoni jinstabu, fir-rigward tal-proċedimenti ta’ riżolviment, f’sitwazzjoni msejħa “tabula rasa”, fejn ir-responsabbiltajiet għad għandhom jiġu stabbiliti. B’hekk, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni fir-rigward ta’ Scania wara l-proċedura amministrattiva ordinarja, minn naħa, il-Kummissjoni kienet marbuta biss bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u, min-naħa l-oħra, hija kienet obbligata, b’osservanza tal-prinċipju ta' kontradittorju, li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, inklużi l-informazzjoni u l-argumenti kollha mressqa minn Scania fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ tagħha, b’tali mod li hija kienet obbligata teżamina mill-ġdid dawn l-elementi fil-fajl (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2015, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, T‑456/10, EU:T:2015:296, punti 90, 96 u 107, ikkonfermata fl-appell mis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2017, Timab Industries u CFPR vs Il‑Kummissjoni, C‑411/15 P, EU:C:2017:11, punti 119 u 136).

130    Barra minn hekk, klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-partijiet għar-riżolviment ma tippreżupponix fiha nnifisha li l-istess klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti hija neċessarjament użata mill-Kummissjoni fir-rigward ta’ Scania fi tmiem il-proċedura distinta li tikkonċernaha, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 366 tad-deċiżjoni kkontestata u kkonfermat waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tikkonstata li parti waħda fi ftehim jew prattika miftiehma hija responsabbli skont l-Artikolu 101 TFUE, filwaqt li l-oħra ma hijiex (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 tal Lulju 2018, ABB vs Il‑Kummissjoni, T‑445/14, mhux ippubblikata, EU:T:2018:449, punti 177 sa 179 u l-ġurisprudenza ċċitata).

131    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-ksur tal-preżunzjoni ta’ innoċenza jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata huma bbażati fuq l-istess provi, il-Kummissjoni tammetti li teżisti ċerta sovrappożizzjoni bejn il-provi li fuqhom hija bbażat ruħha fiż-żewġ deċiżjonijiet.

132    Madankollu, tali sovrappożizzjoni bejn il-provi ma tippermettix fiha nnifisha li jiġi konkluż li l-preżunzjoni tal-innoċenza ma ġietx osservata f’dan il-każ fir-rigward tar-rikorrenti. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li bbażat ruħha fuq l-istess provi fiż-żewġ deċiżjonijiet bl-ebda mod ma jippreżumi l-konklużjoni li l-Kummissjoni setgħet tislet minn dan fir-rigward tar-responsabbiltà ta’ Scania.

133    Barra minn hekk, kif issostni ġustament il-Kummissjoni, filwaqt li l-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jipprekludi l-konstatazzjoni formali ta’ ksur jew kwalunkwe allużjoni għar-responsabbiltà tar-rikorrenti li jkunu ser isiru fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, sa fejn huma ma bbenefikawx mill-garanziji kollha abitwali għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża fil-kuntest tal-adozzjoni tiegħu, dan il-prinċipju ma jeskludix il-possibbiltà li wieħed jibbaża ruħu fuq il-provi komuni bil-kundizzjoni li r-rikorrenti jkollhom l-opportunità li jikkontestaw quddiem il-qrati tal-Unjoni l-konstatazzjonijiet ibbażati fuq dawn il-provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni, T‑474/04, EU:T:2007:306, punti 76 u 77), bħalma huwa l-każ hawnhekk.

134    Bl-istess mod, ma tistax tintlaqa’ l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza jirriżulta mill-fatt li d-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata ġew adottati abbażi tal-istess oġġezzjonijiet imqajma fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet indirizzata kemm lill-partijiet għar-riżolviment kif ukoll lir-rikorrenti.

135    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-Kummissjoni fformulat konklużjonijiet dwar ir-rwol u r-responsabbiltà ta’ Scania fir-rigward tal-ksur inkwistjoni fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet mibgħuta kemm lil Scania kif ukoll lill-partijiet li finalment ipparteċipaw fil-proċedura ta’ riżolviment, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ riżolviment ma hijiex ibbażata direttament fuq din id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, iżda fuq l-interpretazzjoni komuni tal-oġġezzjonijiet bejn il-partijiet għar-riżolviment u l-Kummissjoni fi tmiem il-laqgħat ta’ riżolviment konformement mal-Artikolu 10(a)(2) tar-Regolament Nru 773/2004 u l-punti 16 u 17 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-mod ta’ proċedimenti ta’ riżolviment bil-għan li jiġu adottati Deċiżjonijiet skont l-Artikoli 7 u 23 tar-Regolament Nru 1/2003 fil-każijiet tal-kartelli, kif enfasizzat il-Kummissjoni fil-premessa 367 tad-deċiżjoni kkontestata.

136    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li xejn ma kien jipprekludi lir-rikorrenti milli jikkonfutaw, matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u fir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, l-ilmenti fformulati fir-rigward tagħhom fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

137    Fil-fatt, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jobbliga lill-Kummissjoni tagħti lill-persuni kkonċernati, qabel ma tieħu deċiżjoni fil-qasam tal-multi, l-opportunità li jesprimu b’mod utli l-opinjoni tagħhom dwar l-ilmenti li hija qajmet fir-rigward tagħhom, b’mod partikolari fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u fuq id-dokumenti li hija sostniet insostenn tal-allegazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Frar 1979, Hoffmann-La Roche vs Il‑Kummissjoni, 85/76, EU:C:1979:36, punti 9 u 11).

138    Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tikkostitwixxi l-garanzija proċedurali essenzjali f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 95 u l-ġurisprudenza ċċitata).

139    Minn dan isegwi li, billi sostniet li l-Kummissjoni kisret il-preżunzjoni tal-innoċenza ta’ Scania minħabba l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata u d-deċiżjoni ta’ riżolviment kienu bbażati fuq l-istess fatti u provi kif ukoll fuq l-istess oġġezzjonijiet ifformulati fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kemm fir-rigward tal-partijiet għar-riżolviment kif ukoll fir-rigward ta’ Scania, ir-rikorrenti jinjoraw id-dritt tagħhom li jippreżentaw, waqt l-eżerċizzju tad-dritt tagħhom li jinstemgħu fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ordinarja, il-provi kollha intiżi li jikkontestaw il-fatti u l-provi li fuqhom il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża ruħha, li, fejn applikabbli, kienu ġew ikkunsidrati minn din tal-aħħar meta adottat id-deċiżjoni ta’ riżolviment, kif ukoll l-obbligu tal-Kummissjoni li teżamina l-fajl mill-ġdid fid-dawl ta’ dawn il-provi l-ġodda.

140    F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li huma kellhom l-opportunità li jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet tad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva ordinarja qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, kemm bil-miktub kif ukoll oralment, u għalhekk li jikkontestaw il-fatti u l-provi identifikati mill-Kummissjoni sabiex issostni l-ilmenti fir-rigward tagħhom. B’mod partikolari, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 379 tad-deċiżjoni kkontestata, u dak li ma huwiex ikkontestat mir-rikorrenti, huma kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-perspettiva tagħhom fuq l-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, b’mod partikolari fuq dawk li ġew miżjuda mal-fajl tal-investigazzjoni wara d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bħall-estratti tar-risposti ta’ ċerti partijiet għar-riżolviment għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew elementi ta’ fatti addizzjonali identifikati mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva ordinarja, li jikkorroboraw il-konklużjonijiet provviżorji tagħha fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ġew ikkomunikati lil Scania permezz tal-ittra tal-fatti tas‑7 ta’ April 2017.

141    Madankollu, ir-rikorrenti jqisu li l-argumenti u l-provi li huma ressqu kienu għalxejn, peress li l-Kummissjoni kienet diġà ddeċidiet dwar il-klassifikazzjoni ġuridika tal-aġir li Scania kienet ipparteċipat fih bħala wieħed li jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE.

142    Għalhekk, huma jsostnu, essenzjalment, li, peress li adottat klassifikazzjoni tal-fatti fid-deċiżjoni ta’ riżolviment bħala li tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni ma kinitx iktar f’pożizzjoni li tirrevedi din l-evalwazzjoni u li tevalwa oġġettivament il-provi u l-argumenti ppreżentati minn Scania, jew li tadotta miżuri ta’ investigazzjoni oħra li setgħu jikkontestaw jew idgħajfu dawn l-evalwazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni ta’ riżolviment. B’hekk, id-deċiżjoni ta’ riżolviment influwenzat l-istrateġija ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kontenut tal-provi li fuqhom il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jinvokaw ċerti ċirkustanzi li jikkonċernaw l-iżvolġiment tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata li minnhom jirriżulta n-nuqqas ta’ imparzjalità tal-Kummissjoni.

143    Huma għalhekk isostnu, fil-kuntest tat-tieni lment tal-ewwel motiv, ksur mill-Kummissjoni tal-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni imparzjali bi ksur tal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

144    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tirrispetta, matul proċedura amministrattiva fil-qasam ta’ akkordji, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, irrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 154 u l-ġurisprudenza ċċitata).

145    Skont l-Artikolu 41 tal-Karta, kull persuna għandha d-dritt, b’mod partikolari, li l-kawżi tagħha jiġu ttrattati b’mod imparzjali mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan ir-rekwiżit ta’ imparzjalità jkopri, minn naħa, l-imparzjalità suġġettiva, fis-sens li ebda membru tal-istituzzjoni kkonċernata li jkun responsabbli għall-każ ma għandu juri li ħa pożizzjoni jew li għandu preġudizzju personali u, min-naħa l-oħra, l-imparzjalità oġġettiva, fis-sens li l-istituzzjoni għandha toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż f’dan ir-rigward kull dubju leġittimu (ara s-sentenza tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs IlKummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 155 u l-ġurisprudenza ċċitata).

146    Fost il-garanziji mogħtija mid-dritt tal-Unjoni fil-proċeduri amministrattivi, marbuta mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, hemm l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, bir-reqqa u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2012, Shell Petroleum et vs Il‑Kummissjoni, T‑343/06, EU:T:2012:478, punt 170 u l-ġurisprudenza ċċitata).

147    Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità fiċ-ċirkustanzi simili għal dawk f’dan il-każ ma jistax jiġi evalwat biss bħala konsegwenza possibbli ta’ ksur tal-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, iżda jista’ jirriżulta minn nuqqasijiet oħra tal-Kummissjoni li toffri garanziji suffiċjenti sabiex jiġi eskluż kull dubju leġittimu, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 145 iktar ’il fuq, fir-rigward tal-imparzjalità ordinarja tagħha.

148    Madankollu, ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni ma offrietx, f’dan il-każ, il-garanziji kollha sabiex teskludi kull dubju leġittimu f’dak li jirrigwarda l-imparzjalità tagħha fl-eżami tal-każ f’dak li jirrigwarda Scania, u b’mod partikolari fl-eżami tal-argumenti u tal-provi li hija setgħet tressaq fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħha matul il-proċedura amministrattiva ordinarja.

149    L-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat f’dan ir-rigward li, meta teżamina l-provi ppreżentati, fil-kuntest tal-proċedura ordinarja, mill-partijiet li għażlu li ma jagħmlux riżolviment, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma hija marbuta bil-konstatazzjonijiet fattwali u mill-klassifikazzjonijiet ġuridiċi li hija użat fid-deċiżjoni ta’ riżolviment fir-rigward tal-partijiet li ddeċidew li jagħmlu riżolviment. Għalhekk, skont il-prinċipju ta’ preżunzjoni tal-innoċenza u tad-dmir ta’ imparzjalità tagħha, il-Kummissjoni tista’ tasal għal konstatazzjonijiet fattwali jew għal klassifikazzjonijiet ġuridiċi differenti minn dawk magħmula fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, jekk tiġġustifika l-eżami mill-ġdid tagħha tal-provi għad-dispożizzjoni tagħha, skont il-prinċipju ta’ “tabula rasa”.

150    It-tieni nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-dubju dwar l-imparzjalità tal-Kummissjoni jirriżulta mill-fatt li l-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni ħabbar, fl-okkażjoni ta’ konferenza stampa, l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx iktar titbiegħed mill-konklużjonijiet ta’ din id-deċiżjoni fil-kuntest tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, fl-istqarrija għall-istampa inkwistjoni huwa indikat b’mod ċar, bi qbil mal-premessa 4 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment (ara l-punt 117 iktar ’il fuq), li l-membru tal-Kummissjoni msemmi iktar ’il fuq ma jifformula ebda konklużjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ Scania li fir-rigward tagħha l-proċedura ordinarja kienet għadha pendenti. Il-membru tal-Kummissjoni responsabbli għall-kompetizzjoni għalhekk illimita ruħu, fl-imsemmija stqarrija, li jinforma lill-pubbliku dwar l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment bid-diskrezzjoni u r-riżerva, f’dak li jirrigwarda r-responsabbiltà ta’ Scania fil-ksur inkwistjoni, meħtieġ mill-osservanza tal-preżunzjoni tal-innoċenza, u għalhekk ma naqasx mid-dmir tiegħu ta’ imparzjalità (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punti 132 u 34).

151    It-tielet nett, ir-rikorrenti ma jurux kif il-fatt li involvew l-istess servizzi tal-Kummissjoni, b’mod partikolari dawk tad-Direttorat Ġenerali “Kompetizzjoni”, fl-adozzjoni kemm tad-deċiżjoni ta’ riżolviment kif ukoll tad-deċiżjoni kkontestata, huwa ta’ natura, fih innifsu, li jipprova l-assenza ta’ eżami imparzjali tal-każ fil-konfront tagħhom. Ċertament, l-involviment tal-istess servizzi fl-adozzjoni taż-żewġ deċiżjonijiet jagħmel iktar diffiċli li jiġi żgurat li l-eżami tal-fatti u tal-provi fir-rigward ta’ impriża wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment isir skont il-prinċipju ta’ “tabula rasa” impost mill-ġurisprudenza (ara l-punt 129 iktar ’il fuq), li jista’ jiġġustifika, sabiex jelimina d-dubji f’dan ir-rigward, li jafda l-fajls lil żewġ timijiet differenti.

152    Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrenti ma jurux li membru tal-Kummissjoni jew tas-servizzi involuti fl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata wera pożizzjoni jew preġudizzju personali fir-rigward ta’ Scania, b’mod partikolari minħabba l-fatt li pparteċipa fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, bi ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità suġġettiva, li jista’ jkun ta’ natura li jaffettwa l-eżami imparzjali tal-fatti u tal-provi fir-rigward ta’ Scania.

153    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni ma kinitx disposta tadotta miżuri ta’ investigazzjoni ġodda, li setgħu jwassluha sabiex tikkontesta l-pożizzjoni tagħha adottata fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, għandu jitfakkar li l-prinċipju li jipprevali fid-dritt tal-Unjoni huwa dak tal-amministrazzjoni libera tal-provi (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Frar 2016, Schenker vs Il‑Kummissjoni, T‑265/12, EU:T:2016:111, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

154    Għandu jiġi rrilevat ukoll, bi qbil mal-Kummissjoni, li hija għandha marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-opportunità li tadotta miżuri investigattivi. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, manifestazzjoni tal-parzjalità tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rikorrenti ma tistax tiġi dedotta b’mod astratt mill-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni fil-mod ta’ tmexxija tal-investigazzjoni. Min-naħa l-oħra, assenza ta’ adozzjoni ta’ miżuri oħra ta’ investigazzjoni hija spjegata, qabelxejn, minn eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fir-rigward tal-opportunità li tadotta tali miżuri. Għaldaqstant, huma r-rikorrenti li għandhom iressqu argumenti li jippermettu li juru b’mod konkret li l-assenza ta’ miżuri ta’ investigazzjoni supplimentari setgħet tiġi spjegata biss mill-parzjalità tal-Kummissjoni u mhux mill-eżerċizzju leġittimu minnha tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha fit-tmexxija tal-investigazzjoni.

155    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni bbażat ruħha, fl-evalwazzjoni tagħha tan-natura u tal-portata (ratione temporis u ġeografika) tal-aġir allegat, b’mod partikolari fil-premessi 144 u 339 tad-deċiżjoni kkontestata, fuq evalwazzjoni tal-fatti, li Scania ċaħdet u rrifjutat b’mod iddettaljat. Fil-fajl, xejn ma jindika li l-Kummissjoni kompliet l-investigazzjoni sabiex tivverifika l-konklużjonijiet ta’ Scania, pereżempju billi ressqitilha talba għal informazzjoni intiża sabiex tipproduċi provi dokumentali tal-osservazzjonijiet tagħha jew ta’ dawn il-kontestazzjonijiet, jew billi ressqet tali talba lil partijiet oħra. Il-Kummissjoni b’hekk wettqet “ommissjoni interessata”.

156    Madankollu, tali argumenti tar-rikorrenti juru, l-iktar l-iktar, li l-Kummissjoni ma segwietx il-konklużjonijiet jew l-interpretazzjonijiet tal-fatti proposti minn Scania, b’mod partikolari billi kkunsidrat li dawn ma kinux kredibbli (ara, b’mod partikolari, il-premessa 301 tad-deċiżjoni kkontestata) u kienu konfużi mal-kwistjoni dwar jekk il-konstatazzjonijiet ta’ fatt magħmula fid-deċiżjoni kkontestata humiex debitament sostnuti mill-provi li pproduċiet il-Kummissjoni u jekk wettqitx żbalji ta’ liġi fl-analiżi tagħha, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il‑Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata). Tali allegazzjonijiet ma humiex ta’ natura li juru li l-Kummissjoni adottat xejra parzjali meta ddeċidiet, fl-eżerċizzju tal-marġni ta’ diskrezzjoni tagħha, li ma tkomplix l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, li ma titlobx lir-rikorrenti jipproduċu provi addizzjonali insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom stess.

157    Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma aġixxietx b’mod indipendenti peress li, fir-rigward tal-akkordji preżunti, hija l-awtorità responsabbli kemm mill-investigazzjoni, mill-prosekuzzjoni kif ukoll mit-teħid ta’ deċiżjoni.

158    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-kumulu mill-Kummissjoni tal-funzjonijiet istruttorji u ta’ sanzjoni tal-ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma huwiex fih innifsu kuntrarju għall-Artikolu 6 tal-KEDB kif interpretat mill-Qorti EDB u ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju ta’ imparzjalità, peress li d-deċiżjonijiet tagħha huma suġġetti għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni li toffri l-garanziji previsti f’dan l-Artikolu 6 tal-KEDB (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Schindler Holding et vs Il‑Kummissjoni, C‑501/11 P, EU:C:2013:522, punti 33 sa 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas‑27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il‑Kummissjoni, T‑372/10, EU:T:2012:325, punti 65 sa 67).

159    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jikkritikawx lill-Kummissjoni li ma osservatx, matul il-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-garanziji proċedurali kollha marbuta mal-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, kif previst b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet ġenerali tar-Regolament Nru 773/2004 (ara l-punt 140 iktar ’il fuq), iżda jinvokaw il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom biss fir-rigward tal-fatt li, fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, il-Kummissjoni wettqet il-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti relatati mal-aġir tal-partijiet għar-riżolviment iżda li neċessarjament jinvolvu lil Scania, mingħajr ma din kellha l-opportunità teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha.

160    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie enfasizzat diversi drabi mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il‑Kummissjoni et, C‑50/07 P, EU:C:2010:512, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). Dan il-prinċipju għandu jiġi osservat bis-sħiħ anki jekk jirrigwarda proċedura ta’ natura amministrattiva (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Lulju 2009, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, C‑511/06 P, EU:C:2009:433, punt 84 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑5 ta’ Marzu 2015, Il‑Kummissjoni et vs Versalis et, C‑93/13 P u C‑123/13 P, EU:C:2015:150, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    Il-prinċipju ta’ kontradittorju jifforma parti mid-drittijiet tad-difiża. Dan japplika għal kwalunkwe proċedura li tista’ twassal għal deċiżjoni minn istituzzjoni tal-Unjoni li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ persuna (ara s-sentenza tat‑2 ta’ Diċembru 2009, Il‑Kummissjoni vs L‑Irlanda et, C‑89/08 P, EU:C:2009:742, punti 50 u 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

162    Sa fejn ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni ta’ riżolviment ġiet adottata mingħajr ma huma setgħu jesprimu ruħhom, għandu jiġi rrilevat, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ilment ibbażat fuq ksur tal-preżunzjoni tal-innoċenza, li d-deċiżjoni ta’ riżolviment ma affettwatx b’mod sensibbli l-interessi tar-rikorrenti fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 161 iktar ’il fuq sa fejn, kuntrarjament għal dak li jsostnu, il-Kummissjoni ma wettqitx, fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti kontra Scania u bl-ebda mod ma ppreġudikat ir-responsabbiltà tagħha għall-ksur inkwistjoni. Konsegwentement, il-fatt li Scania ma nstemgħetx fil-kuntest tal-proċedimenti li wasslu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment ma jiksirx id-drittijiet tad-difiża tagħha.

163    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li “rabta evidenti” bejn id-deċiżjoni ta’ riżolviment u d-deċiżjoni kkontestata tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet għar-riżolviment fil-kuntest tal-preparazzjoni tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-deċiżjoni kkontestata fid-dawl tal-pubblikazzjoni tagħha, dan ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, minn naħa, ir-rikorrenti ma jispjegawx b’liema mod tali “rabta evidenti” tkun insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom imressqa fil-kuntest tal-ewwel motiv. Min-naħa l-oħra, u fi kwalunkwe każ, kif issostni billi tipproċedi b’dan il-mod, il-Kummissjoni tat effett lill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2007, Pergan Hilfsstoffe für industrielle Prozesse vs Il‑Kummissjoni (T‑474/04, EU:T:2007:306), billi offriet lill-partijiet għar-riżolviment il-possibbiltà li jsostnu l-kunfidenzjalità ta’ ċerta informazzjoni li tikkonċernahom fid-dawl tal-fatt li, mingħajr ma kienu d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, huma kienu, madankollu, imsemmija fiha.

164    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma jistgħux isostnu b’mod utli li sempliċi żball tekniku li għandu bħala konsegwenza li, fuq is-sit internet tal-Kummissjoni, fit-taqsima li tikkonċerna d-deċiżjoni kkontestata, il-link kien iwassal għad-deċiżjoni ta’ riżolviment jippermetti li jitqies li hemm rabta stabbilita bejn iż-żewġ deċiżjonijiet, b’tali mod li tkun tista’ tinsilet konklużjoni dwar ir-responsabbiltà ta’ Scania skont l-Artikolu 101 TFUE.

165    Minn dan isegwi li l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tal-Karta u tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003

166    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni ppreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom, bi ksur tal-Artikolu 48(2) tal-Karta u tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003, billi rrifjutatilhom l-aċċess għat-tweġibiet kollha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali], filwaqt li, fil-fehma tagħhom, huwa probabbli li dawn jinkludu provi li jiskaġunaw fir-rigward tal-partijiet l-oħra, fosthom Scania, minbarra dawk li jinsabu fl-estratti ta’ dawn it-tweġibiet li għalihom hija kienet ingħatat l-aċċess mill-uffiċjal tas-seduta.

167    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] użaw ir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet sabiex jikkontestaw l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom, kif juru l-estratti li Scania kienet awtorizzata teżamina. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-fatt li l-Kummissjoni bidlet parzjalment l-opinjoni tagħha fuq il-kwistjoni dwar jekk ir-risposti ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] kinux favur jew jiskaġunaw, iqajjem dubju dwar il-fondatezza tar-rifjut ta’ aċċess sħiħ għal dawn ir-risposti.

168    Filwaqt li tibbaża ruħha fuq il-ġurisprudenza, il-Kummissjoni tirrifjuta l-argumenti tar-rikorrenti sa fejn huma ma jurux li r-rifjut, li Scania tingħata aċċess għat-tweġibiet kollha ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li ma jaqgħux taħt fajl ta’ investigazzjoni nnifsu, ippreġudika l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha u, b’mod partikolari, id-dritt li tikkonsulta d-dokumenti li jistgħu jinkludu provi li jiskaġunawha fir-rigward tagħha.

169    Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 160 iktar ’il fuq, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tista’ twassal għal sanzjonijiet, b’mod partikolari għal multi jew għal pagamenti ta’ penalità, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li ġie stabbilit fl-Artikolu 48(2) tal-Karta. Dan il-prinċipju għandu jiġi osservat b’mod sħiħ anki f’każ ta’ proċedura ta’ natura amministrattiva.

170    Skont l-Artikolu 27(2) tar-Regolament Nru 1/2003, “[i]d-dritt tad-difiża tal-partijiet konċernati ħa jkunu rispettati kompletament fil-proċeduri” u “[h]uma ħa jkunu intitolati li jkollhom aċċess lil file tal-Kummissjoni, suġġett għall-interess leġitimu ta’ l-impriża fil-prottezzjoni tas-sigrieti tal-kummerċ”.

171    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-persuna kkonċernata, matul il-proċedura amministrattiva, tingħata l-opportunità li tesponi b’mod utli l-opinjoni tagħha fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll fuq id-dokumenti kkonstatati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ ksur tat-Trattat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

172    Bħala korollarju tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl jimplika li l-Kummissjoni għandha tagħti lill-impriża kkonċernata l-possibbiltà li teżamina d-dokumenti kollha li jinsabu fil-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jkunu rilevanti għad-difiża tagħha. Dawn jinkludu kemm il-provi li jinkriminaw kif ukoll dawk li jiskaġunaw, bla ħsara għas-sigrieti kummerċjali ta’ impriżi oħra, għad-dokumenti interni tal-Kummissjoni u għal informazzjoni kunfidenzjali oħra (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 68).

173    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa biss fil-bidu tal-fażi amministrattiva kontradittorja li l-impriża kkonċernata hija informata, permezz tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-elementi essenzjali kollha li fuqhom il-Kummissjoni tibbaża ruħha f’dan l-istadju tal-proċedura, u li din l-impriża għandha dritt ta’ aċċess għall-fajl sabiex jiġi ggarantit l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża tagħha. Konsegwentement, ir-risposta tal-impriżi l-oħra li pparteċipaw fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma hijiex, bħala prinċipju, inkluża fid-dokumenti kollha tal-fajl tal-investigazzjoni li jistgħu jikkonsultaw il-partijiet (sentenzi tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 263, u tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 163).

174    Madankollu, jekk il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li tibbaża ruħha fuq silta minn risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew fuq dokument anness ma’ tali risposta sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur fi proċedura għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE, l-impriżi l-oħra involuti f’din il-proċedura għandhom jitqiegħdu f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq tali prova. F’tali ċirkustanzi, is-silta inkwistjoni ta’ risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew għad-dokument anness ma’ din ir-risposta tikkostitwixxi, fil-fatt, element inkriminanti kontra d-diversi impriżi li pparteċipaw fil-ksur (sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 264; ara wkoll is-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2009, Hoechst vs Il‑Kummissjoni, T‑161/05, EU:T:2009:366, punt 164 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    B’analoġija, jekk silta minn tweġiba għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonjiet, jew minn dokument anness ma’ tali tweġiba, tista’ tkun rilevanti għad-difiża ta’ impriża billi tippermetti lil din tal-aħħar tinvoka elementi li jikkontradixxu l-konstatazzjonijiet magħmula f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, din tkun prova li tiskaġuna. F’dan il-każ, l-impriża kkonċernata għandha tkun f’pożizzjoni li twettaq eżami tas-silta jew tad-dokument inkwistjoni u li tagħti l-opinjoni tagħha fir-rigward tagħhom (sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2011, Mitsubishi Electric vs Il‑Kummissjoni, T‑133/07, EU:T:2011:345, punt 43).

176    Madankollu, is-sempliċi fatt li impriżi oħra invokaw l-istess argumenti bħall-impriża kkonċernata u li, skont il-każ, użaw iktar riżorsi għad-difiża tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex dawn l-argumenti jiġu kkunsidrati bħala provi li jiskaġunaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Settembru 2006, Jungbunzlauer vs Il‑Kummissjoni, T‑43/02, EU:T:2006:270, punti 353 u 355).

177    Fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ aċċess għall-fajl li ma josservax dawn ir-regoli, fir-rigward tal-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ dokument li jiskaġuna, l-impriża kkonċernata għandha tistabbilixxi li n-nuqqas ta’ żvelar tiegħu seta’ jinfluwenza, għad-detriment tagħha, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni. Huwa biżżejjed li l-impriża turi li hija setgħet tuża l-imsemmi dokument li jiskaġuna għad-difiża tagħha, fis-sens li, kieku hija setgħet tagħmel użu minnu matul il-proċedura amministrattiva, hija kienet tkun tista’ tinvoka elementi li ma kinux jaqblu mad-deduzzjonijiet imwettqa f’dan l-istadju mill-Kummissjoni u għalhekk setgħet tinfluwenza, bi kwalunkwe mod, l-evalwazzjonijiet magħmula minn din tal-aħħar fid-deċiżjoni, tal-inqas fir-rigward tal-gravità u tat-tul tal-aġir li bih ġiet akkużata, u, għaldaqstant, il-livell tal-multa (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punti 74 u 75).

178    Il-possibbiltà li dokument mhux żvelat seta’ influwenza l-iżvolġiment tal-proċedura u l-kontenut tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni jista’ jiġi stabbilit biss wara eżami provviżorju ta’ ċerti provi li juri li d-dokumenti mhux żvelati seta’ kellhom – fir-rigward ta’ dawn il-provi – importanza li ma kellhiex tiġi injorata (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 76).

179    Madankollu, hija r-rikorrenti li għandha tipprovdi l-ewwel indizju dwar l-utilità, għad-difiża tagħha, tad-dokumenti mhux żvelati (ara s-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Fresh Del Monte Produce vs Il‑Kummissjoni, T‑587/08, EU:T:2013:129, punt 690 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 265 u l-ġurisprudenza ċċitata). Hija għandha tindika, b’mod partikolari, il-provi potenzjali li jiskaġunaw jew indizju li jakkredita l-eżistenza tagħhom u, għalhekk, l-utilità tagħhom għall-finijiet tal-proċeduri (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Heineken Nederland u Heineken vs Il‑Kummissjoni, T‑240/07, EU:T:2011:284, punt 257 u l-ġurisprudenza ċċitata).

180    Għandu jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, jekk, f’dan il-każ, ir-rifjut tal-Kummissjoni li tagħti l-aċċess għat-tweġibiet kollha ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet setax jippreġudika d-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti sa fejn huma ma kellhomx aċċess adegwat għall-provi li potenzjalment jiskaġunaw, kif jallegaw huma.

181    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bi qbil mal-Kummissjoni, li teżisti differenza fl-aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni dwar akkordju inkwistjoni skont il-mument meta ġie miżjud dokument fil-fajl tal-investigazzjoni, li jirriżulta wkoll mill-punt 27 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-regoli ta’ aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni fil-każijiet li jaqgħu taħt l-Artikoli [101] u [102 TFUE], taħt l-Artikoli 53, 54 u 57 tal-Ftehim ŻEE u taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40). Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati, sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw b’mod effettiv id-dritt tad-difiża tagħhom, għandhom id-dritt li jikkonsultaw il-fajl tal-investigazzjoni kif jeżisti fil-mument meta tintbagħat id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, u dan sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b’mod utli għall-ilmenti mressqa f’dan l-istadju mill-Kummissjoni, l-aċċess għall-elementi miżjuda sussegwentement mal-fajl, b’mod partikolari għar-risposti tal-partijiet l-oħra fl-akkordju għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, la huwa awtomatiku u lanqas mingħajr limitu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Mejju 2020, NKT Verwaltung u NKT vs Il‑Kummissjoni, C‑607/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:385, punt 265).

182    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li l-uffiċjal tas-seduta ta lir-rikorrenti l-aċċess għal ċerti siltiet mir-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali] billi qies li setgħu jinkludu provi li jiskaġunaw fir-rigward ta’ Scania fid-dawl tal-fatt li dawn kienu ġejjin minn applikant għal klemenza u minn impriża li lilha l-Kummissjoni kienet ressqet talba għal informazzjoni b’tali mod li setgħet tinkludi modifiki jew irtirar tad-dikjarazzjonijiet li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni.

183    Ir-rikorrenti madankollu jsostnu li “huwa probabbli” li r-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali] għadhom jinkludu provi oħra li jiskaġunaw li huma setgħu jinvokaw b’mod utli fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

184    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, ir-rikorrenti jibqgħu vagi ħafna f’dak li jirrigwarda l-identifikazzjoni tal-provi potenzjali li jiskaġunaw inklużi fir-risposti ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u li ma ġewx żvelati lilhom wara d-deċiżjoni tal-uffiċjal tas-seduta u għalhekk ma jipprovdu ebda indizju li juri l-eżistenza tagħhom u, għaldaqstant, l-utilità tagħhom għad-difiża tagħhom fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 179 iktar ’il fuq.

185    Fil-fatt, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma jippreċiżaw l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata li setgħu jiġu influwenzati li kieku ngħatalhom l-aċċess sħiħ għar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ta’ [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]. B’mod partikolari, huma ma jidentifikaw ebda deduzzjoni dwar l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Scania, li l-Kummissjoni bbażat b’mod konkret fuq element li jaqa’ taħt it-talba għal klemenza [kunfidenzjali] jew mir-risposta għat-talba għal informazzjoni ta’ [kunfidenzjali] u li setgħet, jekk ikun il-każ, tiġi emendata jew irtirata minn dawn il-partijiet fir-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

186    Ir-rikorrenti jinvokaw, f’dan ir-rigward, iċ-ċirkustanzi proċedurali partikolari tal-każ u, b’mod iktar konkret, il-fatt li [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali], żewġ partijiet għar-riżolviment, bagħtu lill-Kummissjoni r-risposti tagħhom għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet fil-mument li fih id-diskussjonijiet dwar il-proċedura ta’ riżolviment kienu pendenti, ftit ġimgħat biss qabel ma “probabbilment” ippreżentaw il-proposta tagħhom għar-riżolviment u qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ riżolviment. Minn dan ir-rikorrenti jiddeduċu li dawn ir-risposti għandhom neċessarjament jinkludu l-kontestazzjonijiet tal-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tagħhom, u dan jirriżulta wkoll mill-estratti tar-risposti inkwistjoni li għalihom ingħata aċċess lil Scania.

187    Madankollu, tali indizju ċirkustanzjali u ratione temporis dwar il-fatt li l-partijiet għar-riżolviment wieġbu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet matul il-proċedura ta’ riżolviment ma huwiex biżżejjed fih innifsu sabiex juri li dawn ir-risposti jinkludu provi ġodda li jiskaġunaw fir-rigward ta’ Scania.

188    Madankollu, ir-rikorrenti ma jikkontestawx li l-estratti mir-risposti inkwistjoni li għalihom ingħatalhom aċċess mill-uffiċjal tas-seduta kienu jinkludu provi li jiskaġunaw utli għad-difiża tagħhom u lanqas ma jippruvaw jiddeduċu minn dawn is-siltiet mill-indizji li jissuġġerixxu li l-partijiet mhux żvelati tal-imsemmija tweġibiet jistgħu, permezz ta’ deduzzjoni, jinkludu provi oħra li jiskaġunaw li huma utli għad-difiża tagħhom. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huma biss ġenerali u astratti.

189    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-rikorrenti ma pprovdew ebda indizju dwar l-utilità, għad-difiża tagħhom, tal-partijiet mhux żvelati tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ippreżentati minn [kunfidenzjali] u minn [kunfidenzjali]. Konsegwentement, huma ma wrewx li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet tad-difiża tagħhom minħabba li ma kkomunikatilhomx il-verżjonijiet integrali tar-risposti inkwistjoni.

190    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat mingħajr ma hemm lok li tiġi adottata l-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrenti u intiża sabiex tistieden lill-Kummissjoni tipproduċi l-verżjonijiet sħaħ tar-risposti għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet inkwistjoni.

3.      Fuq it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv, sa fejn jirrigwardaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu u l-imputazzjoni tiegħu lil Scania

a)      Osservazzjonijiet preliminari

1)      Fuq il-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu

191    Skont ġurisprudenza stabbilita, ksur tal-Artikolu 101 TFUE jista’ jirriżulta mhux biss minn att iżolat, iżda wkoll minn serje ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, għalkemm element wieħed jew iktar ta’ din is-serje ta’ atti jew ta’ dan l-aġir kontinwu jistgħu wkoll jikkostitwixxu fihom innifishom u meħuda waħedhom, ksur tal-imsemmija dispożizzjoni. Meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq komuni, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

192    Impriża li tkun ipparteċipat f’tali ksur uniku u kumpless bl-aġir tagħha stess, f’għamla ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma b’għan antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u li kienu intiżi li jikkontribwixxu għat-twettiq tal-ksur kollu kemm hu, tista’ wkoll tkun responsabbli għall-aġir ta’ impriżi oħrajn fil-kuntest tal-istess ksur għall-perijodu kollu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-imsemmi ksur. Dan huwa l-każ meta jiġi stabbilit li din l-impriża kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi bl-aġir tagħha stess għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha u li kellha għarfien tal-aġir illegali previst jew implimentat minn impriżi oħra fil-ksib tal-istess għanijiet, jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedihom u kienet lesta taċċetta dan ir-riskju (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

193    Għalhekk, impriża tista’ tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, f’liema każ il-Kummissjoni tista’ tattribwixxi lilha r-responsabbiltà għal dan l-aġir kollu, u għalhekk għall-ksur kollu kemm hu. Impriża tista’ wkoll tkun ipparteċipat direttament f’parti biss mill-aġir antikompetittiv li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, filwaqt li kienet taf bl-aġir illegali kollu l-ieħor previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju sabiex jintlaħqu l-istess għanijiet jew setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta li taċċetta r-riskju. F’każ bħal dan, il-Kummissjoni għandha wkoll dritt timputa lil din l-impriża r-responsabbiltà tal-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi tali ksur u, sussegwentement, tal-ksur kollu kemm hu (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 43).

194    Min-naħa l-oħra, jekk impriża tkun ħadet sehem direttament f’aġir antikompetittiv wieħed jew iktar li jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu, iżda ma huwiex stabbilit li, bl-aġir tagħha stess, hija kellha l-intenzjoni tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni kollha mfittxija mill-parteċipanti l-oħra fl-akkordju u li hija kienet taf bl-aġir l-ieħor kollu li jikkostitwixxi ksur previst jew implimentat mill-imsemmija parteċipanti fit-twettiq tal-istess għanijiet jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedih u kienet lesta taċċetta r-riskju tagħhom, il-Kummissjoni għandha d-dritt li timputalha r-responsabbiltà tagħha kif ukoll l-aġir li hija pparteċipat fih direttament u l-aġir previst jew implimentat mill-parteċipanti l-oħra biex jintlaħqu l-istess għanijiet bħal dawk li hija segwiet, u li huwa ppruvat li hija kienet taf bih jew li hija setgħet raġonevolment tipprevedi u kienet lesta li taċċetta r-riskju (sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 44).

195    Finalment, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, sabiex aġir differenti jiġi kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, ma kienx hemm lok li jiġi vverifikat jekk dawn kellhomx rabta ta’ komplementarjetà, fis-sens li kull wieħed minnhom kien intiż sabiex jittratta konsegwenza waħda jew iktar tal-iżvilupp normali tal-kompetizzjoni, u jikkontribwixxu, permezz ta’ interazzjoni, għat-twettiq tal-effetti antikompetittivi kollha intiżi mill-awturi tagħhom, fil-kuntest ta’ pjan globali li jipprevedi għan uniku. Min-naħa l-oħra, il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan wieħed timplika li għandu jiġi vverifikat jekk hemmx xi elementi li jikkaratterizzaw id-diversi tipi ta’ aġir li jagħmlu parti mill-ksur li jistgħu jindikaw li l-aġir materjali ta’ impriżi parteċipanti oħrajn ma għandhomx l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u konsegwentement ma jaqgħux taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punti 247 u 248).

196    Bħalma jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 191 u 192 iktar ’il fuq, tliet elementi huma determinanti sabiex jiġi konkluż li impriża pparteċipat fi ksur uniku u kontinwu. L-ewwel wieħed jirrigwarda l-eżistenza nnifisha tal-ksur uniku u kontinwu. Id-diversi tipi ta’ aġir inkwistjoni għandhom jaqgħu taħt “pjan ġenerali” li għandu għan uniku. It-tieni u t-tielet elementi jirrigwardaw l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu għal impriża. Minn naħa, din l-impriża kellu jkollha l-intenzjoni li tikkontribwixxi bl-aġir rispettiv tagħha għall-għanijiet komuni mfittxija mill-parteċipanti kollha. Min-naħa l-oħra, hija kellha tkun taf bl-aġir li jikkostitwixxi ksur maħsub jew implimentat minn impriżi oħra fit-tfittxija tal-istess għanijiet jew kellha tkun tista’ raġonevolment tipprevedih u tkun lesta taċċetta r-riskju tiegħu (sentenza tal‑24 ta’ Settembru 2019, HSBC Holdings et vs Il‑Kummissjoni, T‑105/17, taħt appell, EU:T:2019:675, punt 208; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2011, Team Relocations et vs Il‑Kummissjoni, T‑204/08 u T‑212/08, EU:T:2011:286, punt 37).

2)      Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova

197    Barra minn hekk, sa fejn il-klassifikazzjoni ta’ ksur uniku u kontinwu twassal li impriża tiġi imputata bil-parteċipazzjoni fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, għandu jitfakkar li, fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, fil-każ ta’ tilwim dwar l-eżistenza ta’ ksur, hija l-Kummissjoni li għandha ġġib il-prova tal-ksur li hija tikkonstata u li tistabbilixxi l-provi xierqa sabiex tipprova, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-fatti li jikkostitwixxu ksur (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2012, E.ON Energie vs Il‑Kummissjoni, C‑89/11 P, EU:C:2012:738, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

198    Sabiex tiġi ppruvata l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa neċessarju li l-Kummissjoni tikkunsidra provi serji, preċiżi u konkordanti. Madankollu, kull prova prodotta minn din tal-aħħar ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li l-ġabra ta’ indizji invokati mill-imsemmija istituzzjoni, evalwati globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit (ara s-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 2010, Knauf Gips vs Il‑Kummissjoni, C‑407/08 P, EU:C:2010:389, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

199    Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni tibbaża ruħha, fil-kuntest tal-istabbiliment ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, fuq provi dokumentali, huma l-impriżi kkonċernati li għandhom mhux biss jippreżentaw alternattiva plawżibbli għall-argument tal-Kummissjoni, iżda li jqajmu l-insuffiċjenza tal-provi użati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-ksur (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Ġunju 2015, FSL et vs Il‑Kummissjoni, T‑655/11, EU:T:2015:383, punt 181 u l-ġurisprudenza ċċitata).

200    Barra minn hekk, jekk jibqa’ dubju fil-ħsieb tal-qorti, hija għandha tibbenefika lill-impriża destinatarja tad-deċiżjoni li tikkonstata ksur (sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, Hansen & Rosenthal u H&R Wax Company Vertrieb vs Il‑Kummissjoni, C‑90/15 P, mhux ippubblikata, EU:C:2017:123, punt 18). Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-preżunzjoni tal-innoċenza tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li llum il-ġurnata huwa stabbilit fl-Artikolu 48(1) tal-Karta. Dan il-prinċipju japplika għall-proċeduri relatati ma’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni applikabbli għall-impriżi li jistgħu jwasslu għall-impożizzjoni ta’ multi jew ta’ pagamenti ta’ penalità (ara l-punt 108 iktar ’il fuq).

3)      Id-deċiżjoni kkontestata

201    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li Scania u l-partijiet għar-riżolviment segwew pjan komuni li kellu bħala għan antikompetittiv uniku li jillimita l-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Dan l-għan intlaħaq permezz tal-prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ trakkijiet li josservaw ir-regoli ambjentali (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ppreċiżat li l-iskambji bejn il-partijiet:

–        kienu marbuta ma’ bidliet previsti fil-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross kif ukoll, b’mod okkażjonali, ma’ bidliet previsti fil-prezzijiet netti jew ma’ bidliet fl-iskontijiet offruti lill-klijenti kif ukoll mal-aġenda ta’ dawn il-bidliet;

–        kienu marbuta mal-aġenda u mar-riperkussjoni tal-ispejjeż tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa mill-istandards Euro 3 sa Euro 6;

–        kienet tikkostitwixxi mezz ta’ tqassim ta’ informazzjoni sensittiva oħra mill-perspettiva tal-kompetizzjoni, bħal informazzjoni dwar it-termini ta’ kunsinna, l-ordnijiet, il-ħażniet, l-ishma tas-suq immirati, il-prezzijiet netti attwali u l-iskontijiet u l-listi ta’ prezzijiet gross (anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom) u l-konfiguraturi ta’ vetturi ta’ merkanzija.

202    Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-aġir imsemmi iktar ’il fuq kien jagħmel parti minn pjan komuni li kellu għan antikompetittiv uniku għal ħames raġunijiet, ippreżentati fid-dettall fil-punti 452 sa 462 iktar ’il quddiem. Dawn ir-raġunijiet kienu jirrigwardaw, b’mod partikolari, il-fatt li l-kuntatti antikompetittivi kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, jiġifieri trakkijiet medji u tqal, u l-istess grupp ta’ kostrutturi tat-trakkijiet, għall-fatt li n-natura tal-informazzjoni kondiviża (informazzjoni ta’ natura tariffarja u informazzjoni dwar l-aġenda tal-introduzzjoni tal-mudelli tat-trakkijiet konformi ma’ standards ambjentali speċifiċi) baqgħet l-istess matul il-perijodu kollu tal-ksur, għall-fatt li l-kuntatti antikompetittivi seħħew b’mod frekwenti u sistematiku u dwar il-fatt li n-natura, it-tul ta’ żmien u l-għan ta’ dawn il-kuntatti baqgħu l-istess tul il-perijodu kollu tal-ksur minkejja l-fatt li l-livell u r-responsabbiltajiet interni tal-impjegati involuti f’dawn il-kuntatti kienu evolvew matul il-ksur.

4)      Fuq l-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżumi li l-Kummissjoni tidentifika diversi każijiet ta’ ksur manifestament marbuta bejniethom

203    Fil-kuntest tar-replika, ir-rikorrenti sostnew li l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu kien jippreżupponi l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ diversi każijiet ta’ ksur manifestament marbuta bejniethom. Skont ir-rikorrenti, ksur uniku u kontinwu ma jistax jinkludi aġir li ma jikkostitwixxix ksur fih innifsu.

204    Abbażi ta’ din il-premessa, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni kellha tevalwa l-provi dwar kull livell ta’ kuntatti separatament sabiex tistabbilixxi jekk kull livell kienx jikkostitwixxi ksur u, fl-affermattiv, tiddetermina l-portata tiegħu u l-għan antikompetittiv segwit. Fit-tieni lok, il-Kummissjoni kellha tevalwa jekk il-ksur ikkonċernat kellux jitqies li huwa ksur globali uniku minħabba li dawn kienu jsegwu pjan globali li jservi għan antikompetittiv uniku. Fit-tielet u l-aħħar lok, biss, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-portata ratione temporis u ġeografika tal-ksur uniku u kontinwu abbażi tal-provi kkunsidrati kollha kemm huma. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni injorat l-ewwel żewġ stadji u, billi kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, kienet tiġġustifikaha billi attribwixxiet lill-kuntatti fil-livell inferjuri tas-sede u lill-kuntatti fil-livell Ġermaniż l-istess natura u l-istess portata bħal dawk attribwiti lill-kuntatti fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu fejn ma kienx jeżisti.

205    Dan l-argument tar-rikorrenti, li għandu jiġi eżaminat qabel l-eżami tat-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv, għandu jiġi miċħud.

206    Fil-fatt, il-premessa ta’ dan l-argument, li ksur uniku u kontinwu għandu jinkludi aġir li, ikkunsidrat waħdu, għandu jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 101 TFUE, ma hijiex sostnuta mill-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni. Kif diġà ġie nnotat, dan ippreċiża li ksur tal-Artikolu 101 TFUE seta’ jirriżulta minn sensiela ta’ atti jew ukoll minn aġir kontinwu, “anki fil-każ li wieħed minn dawn l-aspetti ta’ din is-serje ta’ atti jew aġir kontinwu, jew iktar, jistgħu fihom infushom u individwalment, jikkostitwixxu wkoll ksur tal-imsemmija dispożizzjoni” (ara l-punt 191 iktar ’il fuq).

207    Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, meta d-diversi azzjonijiet jaqgħu taħt “pjan ġenerali”, minħabba l-għan identiku tagħhom ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni ġewwa s-suq intern, il-Kummissjoni tista’ timputa r-responsabbiltà ta’ dawn l-azzjonijiet skont il-parteċipazzjoni fil-ksur ikkunsidrat kollu kemm hu (sentenza tas‑7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il‑Kummissjoni, C‑204/00 P, C‑205/00 P, C‑211/00 P, C‑213/00 P, C‑217/00 P u C‑219/00 P, EU:C:2004:6, punt 258).

208    Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ma tippreżupponix neċessarjament l-istabbiliment mill-Kummissjoni ta’ diversi każijiet ta’ ksur, kull wieħed minnhom li jaqa’ taħt l-Artikolu 101 TFUE, iżda l-prova min-naħa tagħha li d-diversi tipi ta’ aġir li hija identifikat jagħmlu parti minn pjan ġenerali intiż sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv uniku. Il-prova mill-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ tali pjan u tar-rabta tal-aġir imsemmi iktar ’il fuq mal-imsemmi pjan għandha għalhekk importanza partikolari.

209    Barra minn hekk, isegwi mill-ġurisprudenza li l-kunċett ta’ ksur uniku jirrigwarda b’mod partikolari sitwazzjoni fejn diversi impriżi pparteċipaw fi ksur li jikkonsisti f’aġir kontinwu b’għan ekonomiku wieħed immirat li jfixkel il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 tal Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 269 u l-ġurisprudenza ċċitata).

210    F’dan il-każ, huwa paċifiku li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kklassifikatx l-aġir fi ħdan kull wieħed mit-tliet livelli ta’ kuntatti ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE. Min-naħa l-oħra, hija kkunsidrat li dawn l-aġiri, meħuda flimkien, kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali intiż sabiex jintlaħaq l-għan antikompetittiv uniku li tiġi llimitata l-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Sabiex waslet għal din il-konklużjoni, u skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 195 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni invokat il-ħames elementi li jikkaratterizzaw l-aġir imsemmi iktar ’il fuq u sunti fil-punt 202 iktar ’il fuq. Fid-dawl tal-analiżi li tinsab fil-punti 206 sa 208 iktar ’il fuq, dan l-approċċ tal-Kummissjoni ma huwiex ivvizzjat bi żball.

211    Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti, sa fejn huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-użu tal-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżupponi l-identifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ diversi każijiet ta’ ksur, għandu jiġi miċħud. L-eżami tat-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv iktar ’il quddiem jippermetti lill-Qorti Ġenerali tistħarreġ, b’mod partikolari, il-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-aġir differenti, identifikat fid-deċiżjoni kkontestata, jifforma parti minn pjan ġenerali intiż sabiex jintlaħaq għan antikompetittiv uniku, li jikkostitwixxi għalhekk ksur uniku u kontinwu.

b)      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede tqiesu li jikkostitwixxu ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet

212    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jqajmu żewġ ilmenti. Minn naħa, huma jilmentaw li l-Kummissjoni kkunsidrat li t-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi kellhom rabtiet bejniethom, b’mod partikolari l-livell inferjuri tas-sede maż-żewġ livelli l-oħra (l-ewwel ilment). F’dan il-kuntest, huma jsostnu li ebda kuntatt u ebda laqgħa komuni ma kienu jeżistu bejn dawn il-livelli, li kienu jiffunzjonaw b’mod separat wieħed mill-ieħor. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni kkunsidrat, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq l-allegati rabtiet li jeżistu bejn it-tliet livelli msemmija iktar ’il fuq, li l-kuntatti kollużivi fil-livell inferjuri tas-sede kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (it-tieni lment).

213    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

214    Qabel ma jiġu indirizzati ż-żewġ ilmenti msemmija iktar ’il fuq, għandhom jitfakkru s-siltiet rilevanti tad-deċiżjoni kkontestata.

1)      Id-deċiżjoni kkontestata

215    Fil-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata, fil-parti dwar l-eżami tal-kwistjoni dwar l-eżistenza ta’ ftehimiet u ta’ prattiki miftiehma fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet fl-akkordju kienu f’kuntatt fil-livelli differenti u li, xi kultant, il-livelli differenti kellhom laqgħat komuni, pereżempju f’dak li jirrigwarda l-impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u l-impjegati tal-livell Ġermaniż. Il-Kummissjoni ppreċiżat fil-premessa 213 imsemmija iktar ’il fuq li l-kuntatti kienu marbuta bejniethom minħabba l-kontenut tagħhom, permezz tal-aġenda tagħhom, permezz ta’ riferimenti miftuħa minn xulxin u bit-trażmissjoni tal-informazzjoni miġbura, li jipprovdu, f’dan ir-rigward, eżempji ta’ trażmissjoni tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż lejn is-sedi rispettivi tal-partijiet fl-akkordju.

216    Fil-premessi 315 sa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur uniku u kontinwu, li kkonstata li l-kuntatti kollużivi kollha ppreżentati fil-punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata (u li jaqgħu taħt it-tliet livelli), ippreżentati skont ordni kronoloġika, kienu jservu pjan komuni li kellu bħala għan antikompetittiv uniku r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Skont il-Kummissjoni, dan l-għan intlaħaq permezz tal-prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ trakkijiet li josservaw ir-regoli ambjentali (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

217    Fil-premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, sabiex tikkorrobora l-konklużjoni tagħha li ċ-ċaqliq tal-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija lejn il-livell Ġermaniż ma kienx affettwa n-natura kontinwa tal-ksur, ikkonstatat li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis kunsiderevoli bejn il-laqgħat miżmuma fil-livelli differenti. Il-Kummissjoni rrilevat li, minkejja l-interruzzjoni, f’Settembru 2004, tal-kuntatti fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, il-kuntatti fiż-żewġ livelli l-oħra komplew. B’mod partikolari, bejn l-2003 u l-2007, laqgħat u kuntatti bejn kompetituri kienu organizzati flimkien fil-livell inferjuri tas-sede u fil-livell Ġermaniż, u, ta’ spiss, impjegati fis-sede kienu jipparteċipaw f’laqgħat fil-livell Ġermaniż u viċe versa. Il-Kummissjoni invokat ukoll il-fatt li l-partijiet kienu jiddiskutu b’mod repetut f’livell iktar baxx tas-sede tal-informazzjoni li kellha tiġi skambjata u f’liema livell.

2)      Fuq l-ewwel ilment

218    Għal dak li jirrigwarda l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrenti u dwar ir-“rabtiet” bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni invokat l-elementi li ġejjin li juru l-eżistenza ta’ tali rabtiet: il-fatt li l-parteċipanti f’dawn il-livelli kienu impjegati tal-istess impriżi, jiġifieri Scania u partijiet għar-riżolviment; il-fatt li l-iskambji f’kull wieħed mil-livelli kellhom l-istess kontenut; il-fatt li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fil-livelli differenti; il-fatt li l-livelli kienu jagħmlu riferiment għal xulxin u jiskambjaw informazzjoni miġbura; il-fatt li xi drabi kien hemm kuntatti komuni u laqgħat bejn id-diversi livelli, peress li l-Kummissjoni tagħmel riferiment speċifikament għal kuntatti komuni u għal laqgħat bejn l-impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u tal-impjegati tal-livell Ġermaniż tal-impriżi kkonċernati (ara l-premessi 213 u 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

219    Dan l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat b’mod partikolari fuq il-fatt li ma hemmx kuntatti jew laqgħat komuni bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi.

220    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, kif jirriżulta mill-punti 215 u 217 iktar ’il fuq u, barra minn hekk, mill-kjarifiki tal-Kummissjoni fil-punt 122 tar-risposta, din tal-aħħar ma bbażatx il-konstatazzjoni tagħha li l-livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu marbuta bejniethom fuq il-fatt li kienu jeżistu kuntatti jew laqgħat komuni bejn il-livell tal-korpi ta’ tmexxija u l-livell inferjuri tas-sede u bejn il-livell ta’ korpi ta’ tmexxija u l-livell Ġermaniż. Il-Kummissjoni bbażat ruħha biss fuq l-eżistenza tal-kuntatti u tal-laqgħat komuni bejn il-livell inferjuri tas-sede u l-livell Ġermaniż. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti intiż sabiex juri l-assenza ta’ kuntatti u ta’ laqgħat komuni bejn il-livell ta’ korpi ta’ tmexxija u l-livell inferjuri tas-siġġu, u bejn il-livell ta’ korpi ta’ tmexxija u l-livell Ġermaniż huwa irrilevanti.

221    Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm kuntatti komuni u laqgħat komuni bejn il-livell inferjuri tas-sede u l-livell Ġermaniż, b’mod partikolari bejn l‑2003 u l‑2007 (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata). Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li dan l-element ikkostitwixxa wieħed mill-elementi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li l-ksur kien ta’ natura kontinwa.

222    Fir-rigward ta’ din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, mill-fajl irriżulta li laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede u fil-livell Ġermaniż kienu spiss organizzati fl-istess żmien u fl-istess post bil-għan tal-preparazzjoni tal-fieri kummerċjali u li l-parteċipanti fil-livell inferjuri tas-sede kienu informati bil-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż, li kienu jittrażmettu dan il-kontenut fi ħdan l-impriżi rispettivi tagħhom u li, b’mod iktar ġenerali, huma kienu f’kuntatt mal-parteċipanti fl-iskambji fil-livell Ġermaniż.

223    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, b’mod partikolari, għall-provi ppreżentati fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata dwar laqgħa bejn kompetituri fl‑24 ta’ Awwissu 2004 f’München (il-Ġermanja). Skont [kunfidenzjali], impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u tal-livell Ġermaniż ipparteċipaw f’din il-laqgħa. Għal Scania, kienu preżenti A mil-livell inferjuri tas-sede u B mil-livell Ġermaniż. Matul din il-laqgħa, saru skambji ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet futuri fil-prezzijiet fis-suq Ġermaniż u dwar id-dati tad-dħul fis-suq tal-mudelli tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali. Preżentazzjoni power point, ippreparata minn [kunfidenzjali], imsemmija fil-premessa 137 tad-deċiżjoni kkontestata, turi li l-informazzjoni skambjata matul il-laqgħa tal‑24 ta’ Awwissu 2004 ntbagħtet fis-sede ta’ [kunfidenzjali].

224    Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment ukoll għall-provi ppreżentati fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata li juru li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede kienu informati bil-kontenut tal-iskambji fuq il-prezzijiet li kienu seħħew fil-livell Ġermaniż waqt laqgħa bejn kompetituri fi München fl‑4 u fil‑5 ta’ Lulju 2005. B’mod iktar speċifiku, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-messaġġ elettroniku mibgħut minn C, mil-livell inferjuri tas-sede ta’ [kunfidenzjali], lil impjegati ta’ impriżi kompetituri oħra, li jaqgħu wkoll taħt il-livell inferjuri tas-sede. F’dan il-messaġġ elettroniku, C, filwaqt li għamel riferiment għal-laqgħa tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005 msemmija iktar ’il fuq, indika b’mod partikolari li, waqt din il-laqgħa, [kunfidenzjali] kienet ipprovdiet lill-kompetituri informazzjoni dwar il-lista attwali tal-prezzijiet ta’ [kunfidenzjali] (ibbażata fuq is-suq Ġermaniż) u talbet, b’mod partikolari, lid-destinatarji tal-messaġġ elettroniku tagħha jagħmlu l-istess ħaġa. L-impjegat tas-sede [kunfidenzjali] li kien jinsab fost id-destinatarji tal-messaġġ elettroniku msemmi iktar ’il fuq wieġeb li l-impriża tiegħu xtaqet iżżomm l-iskambji fuq il-prezzijiet fil-livell tas-suq (jiġifieri fil-livell Ġermaniż) u indika l-ismijiet tal-impjegati [kunfidenzjali] li kellhom jiġu kkuntattjati fil-kuntest ta’ dawn l-iskambji. Il-messaġġ elettroniku ta’ C intbagħat ukoll lil D, mil-livell inferjuri tas-sede ta’ Scania, li kienet ipparteċipat fil-laqgħa tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005 imsemmija iktar ’il fuq. Mill-fajl jirriżulta li D ma rċeviex l-ittra msemmija iktar ’il fuq, għaliex ismu kien ortografikament żbaljat (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata). Madankollu, il-messaġġ elettroniku ta’ C juri li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede, inklużi l-impjegati fi ħdan Scania, kienu jafu bl-iskambji dwar il-prezzijiet li seħħew matul il-laqgħa tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005 msemmija iktar ’il fuq.

225    Il-Qorti Ġenerali tinnota wkoll li wħud mill-impjegati tal-impriżi parteċipanti, filwaqt li jaqgħu taħt is-sede, kienu jipparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż, u dan jikkorrobora l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet bejn il-livell inferjuri tas-sede u l-livell Ġermaniż. Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment b’mod partikolari għall-każ ta’ C ta’ [kunfidenzjali] u ta’ E ta’ [kunfidenzjali]. Dawn l-impjegati, filwaqt li kienu jaqgħu taħt is-sede, kienu attivi u jorganizzaw l-iskambju tal-informazzjoni fil-livell Ġermaniż.

226    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li kienu jeżistu kuntatti bejn il-livell inferjuri tas-sede u l-livell Ġermaniż hija stabbilita suffiċjentement skont il-liġi.

227    Fit-tielet lok, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti kkontestaw ukoll l-affermazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu jagħmlu riferiment miftuħ għal xulxin u għall-affermazzjoni, fil-premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-partijiet fl-akkordju kienu jiddiskutu b’mod ripetut fil-livell inferjuri tas-sede x’informazzjoni kellha tiġi skambjata u f’liema livell.

228    Dawn l-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni huma stabbiliti suffiċjentement skont il-liġi. Fil-fatt, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-provi ppreżentati fil-premessa 116 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar laqgħa bejn kompetituri fil-livell inferjuri tas-sede fit‑3 u fl‑4 ta’ Lulju 2001, li l-impjegati tas-sede kienu jafu bil-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż, li huma qiesu li dawn l-iskambji kienu ser ikunu “tard wisq” u li kienu “potenzjalment perikolużi”. Mill-provi ppreżentati fil-premessa 117 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, matul il-laqgħa tat‑3 u tal‑4 ta’ Lulju 2001 imsemmija iktar ’il fuq, il-kompetituri qablu li jiskambjaw fil-futur, fil-livell inferjuri tas-sede, informazzjoni dwar il-prodotti u l-informazzjoni teknika, iżda mhux informazzjoni dwar il-prezzijiet jew l-informazzjoni komparattiva. Bl-istess mod, mill-provi ppreżentati fil-premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 224 iktar ’il fuq) li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede kienu jiddiskutu fir-rigward tal-fatt dwar liema informazzjoni kellha tiġi skambjata f’liema livell u li, f’dan il-kuntest, uħud minn dawn l-impjegati esprimew ix-xewqa li jsiru skambji fuq il-prezzijiet fil-livell Ġermaniż biss.

229    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ma rnexxielhomx jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, ippreżentati b’mod partikolari fil-premessi 213 u 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata, dwar ir-rabtiet eżistenti bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi. Kif diġà ġie nnotat, il-Kummissjoni invokat ċertu numru ta’ elementi li juru l-eżistenza ta’ rabtiet bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi (ara l-punt 218 iktar ’il fuq) li ma ġewx ikkontestati, jiġifieri l-fatt li l-parteċipanti kienu impjegati tal-istess impriżi, il-fatt li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fit-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi, jew li ġew ikkontestati mingħajr ma ġew ikkontestati fil-kuntest ta’ dan il-motiv, jiġifieri l-fatt li kienu jeżistu kuntatti bejn l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sedi rispettivi tal-partijiet fl-akkordju u l-impjegati fil-livell Ġermaniż. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali tqis li t-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu marbuta ma’ xulxin u li ma kinux jaġixxu b’mod separat u awtonomu minn xulxin.

3)      Fuq it-tieni lment

230    F’dak li jirrigwarda t-tieni lment imressaq mir-rikorrenti (ara l-punt 212 iktar ’il fuq), għandu jitfakkar li l-Kummissjoni ma kklassifikatx, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kuntatti kollużivi fil-livell inferjuri tas-sede (u lanqas, barra minn hekk, il-kuntatti kollużivi fiż-żewġ livelli l-oħra meħuda separatament) bħala ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE, iżda li hija kkunsidrat li l-kuntatti kollha fit-tliet livelli kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwu sa fejn dawn kienu jsegwu pjan komuni li kellu l-għan antikompetittiv li jirrestrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE permezz, b’mod partikolari, ta’ skambji li jnaqqsu l-inċertezza strateġika f’dak li kien jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, kif ukoll f’dak li kien jirrigwarda l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

231    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tikklassifika l-iskambji fil-livell inferjuri tas-sede, meħuda separatament, bħala ksur distint tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur uniku u kontinwu (ara l-punt 208 iktar ’il fuq).

232    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan l-ilment tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni kklassifikat, fid-deċiżjoni kkontestata, l-iskambji fil-livell inferjuri tas-sede ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 ŻEE. Madankollu, u minkejja din il-premessa żbaljata, għandu jiġi eżaminat, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 208 sa 211 iktar ’il fuq, u fid-dawl tal-argumenti tar-rikorrenti, sa fejn l-iskambji fil-livell inferjuri tas-sede jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni ppreżentat fil-punt 230 iktar ’il fuq.

233    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif ġie konkluż fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel ilment, il-parteċipanti fil-livell inferjuri tas-sede kienu informati bil-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż, li kienu jittrażmettu dan il-kontenut fi ħdan l-impriżi rispettivi tagħhom u li, b’mod iktar ġenerali, huma kienu f’kuntatt mal-parteċipanti fl-iskambji fil-livell Ġermaniż (ara l-punt 222 iktar ’il fuq). B’hekk jirriżulta li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede, billi huma assoċjati ma’ skambji li jnaqqsu l-inċertezza strateġika f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u d-dati tad-dħul fis-suq tal-mudelli tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni msemmi iktar ’il fuq.

234    Fit-tieni lok, provi ppreżentati fil-premessa 144 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar laqgħa bejn kompetituri fil-livell inferjuri tas-sede, fit‑3 u fl‑4 ta’ Frar 2005 f’Lyon (Franza), juru li, matul din il-laqgħa, [kunfidenzjali] informa lill-kostrutturi l-oħra, fosthom Scania, biż-żieda futura ta’ 5 % fil-prezz ta’ wieħed mill-mudelli tat-trakkijiet li hija kienet tibni. Għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti sostnew li din l-informazzjoni kienet fid-dominju pubbliku fid-data tal-laqgħa msemmija iktar ’il fuq u li, insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huma pproduċew, fl-istadju tar-replika u xi jiem qabel is-seduta, artiklu ta’ rivista speċjalizzata li l-verżjoni elettronika tagħha kienet tal‑4 ta’ Frar 2005. Indipendentement mill-ammissibbiltà ta’ din il-prova, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-artikolu msemmi iktar ’il fuq ma jurix il-fondatezza tal-allegazzjoni tar-rikorrenti sa fejn il-portata tal-informazzjoni kkomunikata minn [kunfidenzjali] matul il-laqgħa tat‑3 u tal‑4 ta’ Frar 2005 kienet iktar wiesgħa mill-portata tal-informazzjoni li tinsab fl-artiklu msemmi iktar ’il fuq, li kienet issemmi ż-żieda fil-prezz tal-mudell ta’ trakk ta’ [kunfidenzjali] għas-suq tar-Renju Unit biss.

235    L-informazzjoni tariffarja kkomunikata minn [kunfidenzjali] matul il-laqgħa tat‑3 u tal‑4 ta’ Frar 2005 fil-livell inferjuri tas-sede, turi li l-iskambji f’dan il-livell, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk jikkostitwixxux ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni ppreżentat fil-punt 230 iktar ’il fuq, sa fejn hija turi li dawn l-iskambji kienu jirrigwardaw ukoll kwistjonijiet dwar it-tariffi tat-trakkijiet u mhux biss kwistjonijiet tekniċi.

236    Fit-tielet lok, minn messaġġ elettroniku ta’ [kunfidenzjali] mibgħut minn F mil-livell inferjuri tas-sede ta’ din l-impriża, ippreżentat fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, u dwar il-laqgħa bejn il-kompetituri tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005, jirriżulta li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede, fosthom impjegati tas-sede ta’ Scania, skambjaw informazzjoni dwar, b’mod partikolari, id-data tad-dħul fis-suq ta’ mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali Euro 4 u Euro 5. Bħala eżempju, fil-messaġġ elettroniku msemmi iktar ’il fuq, F informa lill-kollegi tiegħu dwar il-fatt, żvelat matul il-laqgħa tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005, li Scania “uriet firxa sħiħa ta’ magni konformi mal-[istandard] Euro 4 (u xi magni konformi mal-[istandard] Euro 5) fl-avveniment ta’ [kunfidenzjali]” u dwar il-fatt li kienu diġà saru 2 000 ordni ma’ Scania għal magni kompatibbli mal-istandard Euro 4. Bħala eżempju ieħor, F informa lill-kollegi tiegħu li, skont l-informazzjoni pprovduta minn [kunfidenzjali] waqt il-laqgħa msemmija iktar ’il fuq, iż-żieda fil-prezzijiet marbuta mal-introduzzjoni tal-istandard Euro 5 ma kinitx ikkontestata mill-klijenti tagħha u li 6 000 trakk kompatibbli ma’ dan l-istandard kienu diġà nbiegħu. Il-kontenut tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede matul il-laqgħa tal‑4 u tal‑5 ta’ Lulju 2005 juri, huwa wkoll, li l-iskambji fil-livell inferjuri tas-sede kienu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni ppreżentat fil-punt 230 iktar ’il fuq, sa fejn dan juri li l-iskambji msemmija kienu jirrigwardaw ukoll kwistjonijiet dwar id-data tad-dħul fis-suq tal-mudelli tat-trakkijiet konformi ma’ standards ambjentali speċifiċi.

237    Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li l-parteċipanti fit-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu impjegati tal-istess impriżi, li l-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede kienu jikkoinċidu, mill-perspettiva ratione temporis, mal-laqgħat fiż-żewġ livelli l-oħra u li kienu jeżistu kuntatti bejn l-impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u l-impjegati fil-livell Ġermaniż (ara l-punti 218 u 229 iktar ’il fuq).

238    Abbażi ta’ dawn l-elementi, għandu jiġi kkonstatat li l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede kienu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni ppreżentat fil-punt 230 iktar ’il fuq u, konsegwentement, li l-Kummissjoni kellha dritt teħodhom inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-konklużjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu.

239    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet

240    L-argument tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv jista’ jinqasam fi tliet partijiet, eżaminati suċċessivament iktar ’il quddiem.

1)      Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

241    Ir-rikorrenti jsostnu li r-raġunament li jinsab fid-deċiżjoni kkontestata ma jippermettilhomx jifhmu n-natura u l-portata tal-ksur li ġie imputat lilhom. Fil-fatt, minn naħa, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu wettqu ksur, b’mod partikolari, billi ftiehmu dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 u li dan l-aġir kien jikkostitwixxi ksur ipso jure. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni kkontestata tidher ukoll li ssostni, fil-premessi 243 u 321, li l-fatti relatati mal-prattika miftiehma msemmija iktar ’il fuq huma “konnessi” u “kumplimentari” għall-allegat akkordju dwar it-tariffi u l-prezzijiet gross, u b’hekk tissuġġerixxi li s-sempliċi skambju ta’ informazzjoni dwar id-dati ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fih innifsu ma jikkostitwixxix ksur.

242    Ir-rikorrenti jikkonkludu li din l-inkoerenza fir-raġunament tal-Kummissjoni tikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 296 TFUE u li, fuq din il-bażi, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

243    Ir-rikorrenti jilmentaw ukoll li l-Kummissjoni ma spjegatx ir-raġunijiet għaliex l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet kien jikkostitwixxi ksur minħabba l-għan.

244    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

245    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296(2) TFUE jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivi, li taqa’ taħt il-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. F’dan il-kuntest, il-motivazzjoni meħtieġa għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet individwali, l-obbligu li jiġu mmotivati tali deċiżjonijiet huwa għalhekk intiż, apparti li jippermetti stħarriġ ġudizzjarju, li jipprovdi lill-persuna kkonċernata b’indikazzjoni suffiċjenti sabiex tkun taf jekk id-deċiżjoni hijiex eventwalment ivvizzjata b’difett li minħabba fih tkun tista’ tikkontesta l-validità tagħha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 321 u l-ġurisprudenza ċċitata).

246    Barra minn hekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati mill-att fis-sens tal-Artikolu 263(4) TFUE jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex mitlub li l-motivazzjoni tispjega l-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll tal-kontenut kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Novembru 2019, Campine u Campine Recycling vs Il‑Kummissjoni, T‑240/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:778, punt 322 u l-ġurisprudenza ċċitata).

247    Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE jeżiġi li r-raġunament li fuqu hija bbażata deċiżjoni għandu jkun ċar u inekwivoku. Għalhekk, il-motivazzjoni ta’ att għandha tkun loġika u ma tippreżenta ebda kontradizzjoni interna li tfixkel il-fehim tajjeb tar-raġunijiet sottostanti dan l-att (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il‑Kummissjoni, C‑521/09 P, EU:C:2011:620, punt 151 u l-ġurisprudenza ċċitata).

248    F’dan il-każ, fil-premessa 236 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-punt 7.2.3, intitolat “Restrizzjoni tal-kompetizzjoni”, il-Kummissjoni indikat li l-aġir antikompetittiv f’dan il-każ kellu bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fit-territorju taż-ŻEE.

249    Fil-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-element prinċipali tal-ftehim u tal-prattiki miftiehma kollha f’dan il-każ, li seta’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni, kien jikkonsisti fil-koordinazzjoni tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet gross permezz ta’ kuntatti fuq il-prezzijiet, fuq id-data u l-ispejjeż addizzjonali relatati mad-dħul fis-suq ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet konformi mal-istandards ta’ emissjonijiet u fl-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva mill-perspettiva tal-kompetizzjoni.

250    Fil-premessa 238(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li Scania kienet ikkonkludiet ftehimiet u/jew ikkoordinat ma’ kompetituri dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mill-istandards Euro 3 sa Euro 6.

251    Fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li Scania kienet ipparteċipat fihom kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u ppermettew lill-impriżi jadattaw l-istrateġija tariffarja tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri.

252    Fil-premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li r-rikorrenti, billi ddiskutew dwar id-data tal-introduzzjoni tal-istandards ambjentali l-ġodda u l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mit-teknoloġija l-ġdida, kienu kisbu informazzjoni dwar l-intenzjonijiet tal-kompetituri tagħhom fir-rigward tal-livell tal-prezzijiet gross. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-Kummissjoni, ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-teknoloġija ambjentali l-ġdida kienet twassal għal bidliet fil-prezz gross tal-mudelli ta’ trakkijiet ikkonċernati. Il-partijiet kienu jafu d-data li minnha l-mudelli l-ġodda (li fuqhom kienu ser jgħaddu l-ispejjeż addizzjonali) kienu ser jiġu inklużi fil-lista ta’ prezzijiet gross tal-kompetituri, sa fejn huma kienu jafu d-data tad-dħul fis-suq ta’ dawn il-mudelli l-ġodda. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, in-natura tad-diskussjonijiet u tal-ftehim dwar id-data tad-dħul fis-suq ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet kompatibbli mar-regoli ambjentali kienet relatata u komplementari fir-rigward tal-kollużjoni tal-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross.

253    Barra minn hekk, mill-premessi 315 sa 350 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt il-punt 7.2.4, intitolat “Ksur uniku u kontinwu”, jirriżulta li l-Kummissjoni imputat lil Scania t-twettiq ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, li hija kklassifikat bħala ksur uniku u kontinwu, li jikkonsisti f’kuntatti kollużivi dwar it-tariffi u ż-żieda fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet medji u tqal fi ħdan iż-ŻEE, kif ukoll fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ standards Euro għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal imposti mill-istandards Euro 3 sa Euro 6. Skont il-Kummissjoni, dawn il-kuntatti kollużivi kellhom l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jnaqqsu l-livell ta’ inċertezza strateġika bejn il-kompetituri dwar il-prezzijiet futuri, iż-żidiet fil-prezzijiet gross, l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tal-mudelli tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

254    Fil-premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tenniet l-analiżi tagħha ppreżentata fil-premessa 243 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li n-natura tad-diskussjonijiet u tal-ftehim dwar id-data tad-dħul fis-suq ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet kompatibbli mal-istandards ambjentali kienet relatata u komplementari għall-kollużjoni tal-partijiet fir-rigward tal-prezzijiet u taż-żidiet fil-prezzijiet gross.

255    Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata:

“L-entitajiet ġuridiċi segwenti ta’ Scania, billi ftiehmu fuq il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal u dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għat-trakkijiet medji u tqal, imposti mill-istandards Euro 3 sa 6, kisru l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 53 [tal-Ftehim] ŻEE matul il-perijodi segwenti […]”

256    Minn naħa, mill-preżentazzjoni msemmija iktar ’il fuq tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni, f’din tal-aħħar, ma kkwalifikatx separatament bħala ksur distint tal-Artikolu 101 TFUE l-konsultazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet. Min-naħa l-oħra, huwa ċar li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-ftehim imsemmi iktar ’il fuq kien jagħmel parti minn ksur uniku u kontinwu li kellu bħala għan antikompetittiv uniku r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fit-territorju taż-ŻEE.

257    Min-naħa l-oħra, jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 236, 237, 239, 243 u 321 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet kienu konnessi u komplementari għall-iskambji ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross u li, essenzjalment, dawn l-iskambji kollha kienu jippermettu lill-impriżi kkonċernati jadattaw l-istrateġiji tariffarji tagħhom skont l-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri, u b’hekk jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

258    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motivazzjoni li tinsab fid-deċiżjoni kkontestata tippreżenta b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-Kummissjoni, u b’hekk tippermetti lill-Qorti Ġenerali teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Barra minn hekk, il-kontenut u n-natura ddettaljata tal-argumenti tar-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali juru li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ppermettitilhom jikkontestawha b’mod effettiv quddiemha.

259    Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

2)      Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda tad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet

260    Ir-rikorrenti jikkontestaw l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li huma kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet.

261    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti josservaw li l-obbligu ta’ konformità tal-muturi tat-trakkijiet mal-istandards Euro jirriżulta mil-leġiżlazzjoni Ewropea, magħrufa mill-kostrutturi tat-trakkijiet, u ma tirriżulta minn ebda kompetizzjoni fil-qasam tal-innovazzjoni.

262    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li Scania kienet dejjem osservat id-diversi standards ta’ emissjoni Euro saħansitra qabel l-applikazzjoni tat-termini preskritti mil-leġiżlazzjoni Ewropea u li l-produzzjoni tagħha kienet, ġeneralment, ippjanata madwar sitta jew seba’ snin qabel id-data finali prevista mill-imsemmija leġiżlazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-imsemmija standards. Skont ir-rikorrenti, dan il-fatt ma huwiex konċiljabbli mal-argument tal-Kummissjoni li Scania kkonkludiet mal-kompetituri tagħha ftehim jew wettqet prattika miftiehma dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandards Euro.

263    Ir-rikorrenti jinvokaw ukoll il-fatt li d-dati ta’ tnedija tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ivarjaw ħafna bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet, li jikkontesta l-eżistenza ta’ koordinazzjoni bejniethom f’dak li jirrigwarda dawn id-dati.

264    Ir-rikorrenti jikkontestaw ukoll il-fatt li l-iskambji ta’ informazzjoni deskritti fid-deċiżjoni kkontestata juru li huma kkonkludew ftehim jew ipparteċipaw fi prattika miftiehma dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda fil-qasam tal-emissjonijiet.

265    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

266    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kunċetti ta’ “akkordji”, ta’ “deċiżjonijiet ta’ assoċjazzjonijiet bejn impriżi” u ta’ “prattiċi miftiehma” huma, mill-perspettiva suġġettiva, forom ta’ kollużjoni li jaqsmu l-istess karatteristiċi u li jistgħu jiġu distinti biss mill-intensità tagħhom u mill-forom li bihom huma jimmanifestaw ruħhom (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009. T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

267    Fir-rigward tad-definizzjoni ta’ prattika miftiehma, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tali prattika kienet tirrigwarda forma ta’ koordinazzjoni bejn impriżi li, mingħajr ma wasslet għall-konklużjoni ta’ ftehim fil-veru sens tal-kelma, kienet intenzjonalment tissostitwixxi kooperazzjoni prattika bejniethom għar-riskji tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009. T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

268    Il-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma, mhux biss talli ma jeħtiġux l-elaborazzjoni ta’ “pjan” veru u proprju, iżda talli għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti fid-dispożizzjonijiet tat-trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, li jgħidu li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li jixtieq isegwi fis-suq intern u l-kundizzjonijiet li għandu l-intenzjoni li jirriżerva lill-klijentela tiegħu (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

269    Minkejja li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li ġie deċiż li għandu jsir f’dan is-suq jew li ġie maħsub li jiġi adottat fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali għas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (ara s-sentenzi tat‑28 ta’ Mejju 1998, Deere vs Il‑Kummissjoni, C‑7/95 P, EU:C:1998:256, punt 87 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 120 u l-ġurisprudenza ċċitata).

270    Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jikser ir-regoli tal-kompetizzjoni meta jnaqqas jew jelimina l-grad ta’ inċertezza fir-rigward tal-funzjonament tas-suq inkwistjoni, bil-konsegwenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

271    F’dan il-każ, għandu jitfakkar li fil-premessa 238(b) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnotat li Scania kienet ikkonkludiet ftehimiet u/jew ikkoordinat mal-kompetituri tagħha dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mill-istandards Euro 3 sa Euro 6. Din l-affermazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq diversi provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata li juru l-fondatezza tagħha.

272    Fl-ewwel lok, għandu jsir riferiment għall-minuti ta’ laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, li nżammet fis‑6 ta’ April 1998 fi Brussell (il-Belġju), ippreżentati fil-premessa 103 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn il-minuti juru b’mod ċar li l-parteċipanti f’din il-laqgħa skambjaw informazzjoni fuq il-prezzijiet kif ukoll dwar l-aġenda għall-introduzzjoni tal-mudelli tat-trakkijiet konformi mal-istandard Euro 3 u li qablu li ma jintroduċux it-teknoloġija konformi ma’ dan l-istandard qabel ma din l-introduzzjoni ssir obbligatorja. Il-minuti msemmija iktar ’il fuq juru wkoll li l-parteċipanti fil-laqgħa skambjaw informazzjoni dwar ir-riperkussjoni fuq il-prezzijiet tal-introduzzjoni tat-teknoloġija l-ġdida. Sa fejn l-imsemmija minuti jagħmlu riferiment għall-“membri kollha ta’ [kunfidenzjali]”, jista’ jiġi dedott li Scania pparteċipat fil-laqgħa tas‑6 ta’ April 1998 imsemmija iktar ’il fuq.

273    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għal-laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija li nżammet fl‑10 u fil‑11 ta’ April 2003 f’Göteborg (l-Isvezja), li fiha pparteċipat Scania, ippreżentata fil-premessa 127 tad-deċiżjoni kkontestata. Noti bil-miktub meħuda minn rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] parteċipant f’din il-laqgħa, u ppreżentati fl-imsemmija premessa, juru li l-parteċipanti skambjaw informazzjoni dwar il-prezzijiet u dwar l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandard Euro 4. Skont dawn il-minuti:

“Bejgħ ta’ [kunfidenzjali] Euro 4 ta’ Ottubru 2004. [kunfidenzjali]/Scania jista’ jintroduċih iktar kmieni iżda ma jixtieqx jagħmel dan. Kollha jaqblu li jdaħħlu għal [kunfidenzjali] ‘Introduzzjoni tal-bejgħ’. ”

274    Il-kontenut tal-laqgħa tal‑10 u tal‑11 ta’ April 2003, imsemmija fil-punt 273 iktar ’il fuq, huwa spjegat fil-faks mibgħuta fit‑8 ta’ Mejju 2003 minn [kunfidenzjali] lill-kompetituri, fosthom Scania, ippreżentata fil-premessa 128 tad-deċiżjoni kkontestata, fejn huwa indikat:

“Waqt il-laqgħa tagħna f’Göteborg, iddiskutejna d-dħul fis-suq tal-ispeċifikazzjoni Euro 4. Ħadt l-inizjattiva biex niddiskuti din il-kwistjoni mal-kollega tagħna, [G]. Minkejja li [kunfidenzjali] tiddubita li nżommu l-wegħdiet kollha tagħna, hija taċċetta d-dħul fis-suq f’Settembru 2004, [kunfidenzjali]. B’mod ċar ħafna, ma għandniex nipproponuha għall-bejgħ qabel din id-data. Nippreżumi li aħna dejjem qbilna u ser inżommu ma’ din id-data. Jekk għal xi raġuni ma tistgħux, jekk jogħġobkom informawni permezz ta’ faks lura.”

275    Ir-rikorrenti invokaw l-ispjegazzjonijiet ta’ [kunfidenzjali] matul il-proċedura amministrattiva li n-noti ċċitati fil-punt 273 iktar ’il fuq ma kinux jagħmlu riferiment għall-eżistenza ta’ ftehim bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet, iżda kienu jindikaw biss li kollha kienu aċċettaw bħala realtà li l-magni konformi mal-istandard Euro 4 probabbilment ma kinux ser jinħarġu qabel [kunfidenzjali] ta’ Settembru 2004. Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat li dawn l-ispjegazzjonijiet, ipprovduti a posteriori u li jikkontradixxu l-kliem ċar tan-noti tar-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] u tal-faks tat‑8 ta’ Mejju 2003 li juru li l-kompetituri kienu ftiehmu li jintroduċu l-magni konformi mal-istandard Euro 4 f’Settembru 2004, ma humiex konvinċenti.

276    Fit-tielet lok, għandu jsir riferiment għall-messaġġ elettroniku mibgħut fis‑16 ta’ Settembru 2004 minn H, rappreżentant ta’ [kunfidenzjali], lill-kompetituri, fosthom Scania, li fih huwa indika d-deċiżjoni tiegħu li ma jipparteċipax fil-laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija prevista f’Hannover (il-Ġermanja). L-imsemmi messaġġ elettroniku, ippreżentat fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, kien jippreċiża dan li ġej:

“Din id-deċiżjoni għandha tkun immotivata mid-diżappunt. Insib intollerabbli l-aġir ta’ xi wħud mill-kollegi tagħna (wieħed minnhom b’mod partikolari) fil-komunikazzjoni li tikkonċerna l-Euro 4 u l-Euro 5, kif ukoll il-mod li bih dawn il-kollegi pprovaw jippreġudikaw l-immaġni tal-industrija tat-trakkijiet, u ta’ wħud mill-kollegi tagħhom, b’mod partikolari […]”

277    [kunfidenzjali] spjegat f’dikjarazzjoni orali, ippreżentata matul il-proċedura amministrattiva u ppreżentata fil-premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija kienet introduċiet it-teknoloġija konformi mal-Euro 4 qabel id-data miftiehma mal-kompetituri, jiġifieri f’Settembru 2004 (ara l-punti 273 u 274 iktar ’il fuq), u li dan il-fatt kien is-sors ta’ skuntentizza espress mir-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] f’dan il-messaġġ elettroniku. Mill-fajl jirriżulta li, wara dan l-inċident, l-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija twaqqfu (premessa 138 tad-deċiżjoni kkontestata).

278    Il-messaġġ elettroniku tar-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali], ippreżentat fil-punt 276 iktar ’il fuq, moqri fid-dawl tal-provi prodotti fil-punti 273 u 274 iktar ’il fuq, juri l-eżistenza ta’ ftehim bejn kompetituri, fosthom Scania, dwar id-data tad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji konformi mal-istandard Euro 4.

279    Ir-rikorrenti bbażaw ruħhom fuq id-dikjarazzjoni ġuramentata tar-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] u awtur tal-messaġġ elettroniku ppreżentat fil-punt 276 iktar ’il fuq, fejn spjega li l-messaġġ elettroniku tiegħu kien intbagħat minħabba tensjonijiet bejn [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] u li ma kienx hemm qbil bejn il-manifatturi tat-trakkijiet dwar id-data tad-dħul fis-suq ta’ magni li jikkonformaw mal-istandard Euro 4. Skont ir-rikorrenti, id-dikjarazzjoni ġuramentata msemmija iktar ’il fuq hija kkorroborata mill-fatt li [kunfidenzjali] u r-rappreżentant tagħha ma rreaġixxewx għall-avviż ta’ Scania dwar it-tnedija tal-ewwel magna tagħha konformi mal-istandard Euro 4 waqt konferenza stampa tal‑31 ta’ Marzu 2004. Skont ir-rikorrenti, jista’ jiġi preżunt li, kieku l-kostrutturi kienu laħqu ftehim dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni tat-teknoloġija konformi mal-istandard Euro 4, ir-rappreżentant ta’ [kunfidenzjali] kien jirreaġixxi bl-istess mod f’dak li jirrigwarda l-avviż ta’ Scania.

280    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jidhirx konvinċenti.

281    Minn naħa, fir-rigward tad-dikjarazzjoni ġuramentata msemmija iktar ’il fuq, din saret, mill-awtur tal-messaġġ elettroniku ppreżentat fil-punt 276 iktar ’il fuq, diversi snin wara l-avvenimenti rilevanti, fid-dawl tal-proċedura amministrattiva u, għaldaqstant, in tempore suspecto. Għalhekk, il-kontenut tiegħu ma jistax ipoġġi f’dubju l-valur probatorju tal-provi kontemporanji tal-avvenimenti u iktar oġġettivi, bħall-faks ippreżentata fil-punt 274 iktar ’il fuq, kif ukoll il-valur probatorju tad-dikjarazzjoni ta’ [kunfidenzjali] imsemmija fil-punt 277 iktar ’il fuq (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2006, Archer Daniels Midland vs Il‑Kummissjoni, T‑59/02, EU:T:2006:272, punt 277; tat‑8 ta’ Lulju 2008, Lafarge vs Il‑Kummissjoni, T‑54/03, mhux ippubblikata, EU:T:2008:255, punt 379; u tad‑29 ta’ Ġunju 2012, E.ON Ruhrgas u E.ON vs Il‑Kummissjoni, T‑360/09, EU:T:2012:332, punt 201). Dawn il-provi kollha juru l-eżistenza ta’ ftehim bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet f’dak li jirrigwarda d-data ta’ introduzzjoni tat-teknoloġija konformi mal-istandard Euro 4.

282    Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-argument ibbażat fuq il-konferenza stampa ta’ Scania tal‑31 ta’ Marzu 2004, għandu jiġi kkonstatat li l-istqarrija għall-istampa prodotta mir-rikorrenti, mhux talli ma tikkorroborax l-argument tagħhom, iżda ħabbret l-introduzzjoni tal-magni ta’ 420 horse power skont l-istandard Euro 4 f’Settembru 2004, data li taqbel mad-data miftiehma bejn il-kompetituri matul il-laqgħa tal‑10 u tal‑11 ta’ April 2003 f’Göteborg (ara l-punti 273 u 274 iktar ’il fuq).

283    Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri, li fosthom kien hemm Scania DE, li seħħew bejn it‑2 u t‑8 ta’ Diċembru 2004, li għandhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet previsti għas-sena 2005 (premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, [kunfidenzjali] indikat li hija kienet ser titlob EUR 5 410 għall-introduzzjoni ta’ “Euro 3 sa Euro 4”.

284    Kif jirriżulta mill-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata, fit‑2 ta’ Diċembru 2004, rappreżentant ta’ Scania DE, B, bagħat messaġġ elettroniku lill-impjegati ta’ impriżi kompetituri, fejn huwa staqsa f’liema data u b’liema prezz gross kienu ser jiġu kkunsinnati l-magni konformi mal-istandards 4 u 5. Ir-rappreżentant [kunfidenzjali] wieġeb billi kkomunika l-informazzjoni mitluba, fejn indika, b’mod partikolari, li l-prezzijiet addizzjonali għall-magni skont l-istandard Euro 4 u l-istandard Euro 5 kienu, rispettivament, ta’ EUR 11 500 u ta’ EUR 14 800. Fis‑17 ta’ Diċembru 2004, B bagħat l-informazzjoni miġbura lill-kompetituri (premessa 142 tad-deċiżjoni kkontestata).

285    Fil-ħames lok, għandu jsir riferiment għal-laqgħa tat‑12 ta’ Settembru 2005, ippreżentata fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, li kellha, b’mod partikolari, bħala suġġetti “sitwazzjoni Euro 4/5” u “żidiet fil-prezzijiet previsti għall-2006”. Min-noti bil-miktub jirriżulta li, matul din il-laqgħa, il-kompetituri, li fosthom kien hemm rappreżentant ta’ Scania DE, I, skambjaw informazzjoni dwar id-data ta’ tnedija tal-mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandards Euro 4 u Euro 5 u dwar it-tariffi tagħhom.

286    Fis-sitt lok, għandu jsir riferiment għal messaġġ elettroniku datat il‑21 ta’ Lulju 2009, ippreżentat fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, li fih impjegat ta’ [kunfidenzjali] ippropona li jiġi inkluż il-punt segwenti fl-aġenda tal-laqgħa bejn il-kompetituri, organizzata minn Scania DE, li kellha ssir fis‑17 u fit‑18 ta’ Settembru 2009: “Euro VI – naf – aħna awtorizzati nitkellmu dwar dan, u dan aħna nixtiequh?” ”

287    Il-premessa 181 tad-deċiżjoni kkontestata ssemmi l-laqgħa tas‑17 u tat‑18 ta’ Settembru 2009, imsemmija fil-punt 286 iktar ’il fuq. Mill-provi ppreżentati fil-premessa msemmija iktar ’il fuq, li ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, jirriżulta li l-kompetituri skambjaw informazzjoni dwar id-data ta’ introduzzjoni tat-teknoloġija konformi mal-istandard Euro 6 kif ukoll dwar iż-żidiet fil-prezzijiet previsti għas-sena 2010.

288    Mill-provi u mill-fatti ppreżentati fil-punti 272 sa 287 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, li Scania kienet ikkonkludiet ftehimiet u/jew ikkoordinat mal-kompetituri tagħha f’dak li jirrigwarda l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa mir-regoli Euro 3 sa Euro 6.

289    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punti 261 sa 263 iktar ’il fuq. B’mod partikolari, għandu jiġi nnotat li l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar id-dati għall-introduzzjoni tal-istandards Euro tal-emissjonijiet kienu jagħmlu riferiment biss għall-iskadenzi tal-introduzzjoni ta’ dawn l-istandards (ara l-premessa 6 tad-deċiżjoni kkontestata) u ma obbligawx lill-manifatturi tat-trakkijiet jiskambjaw informazzjoni dwar l-aġenda tat-tnedija ta’ prodotti li jikkonformaw ma’ dawn l-istandards. Barra minn hekk, il-fatt li Scania kienet qiegħda tippjana l-produzzjoni tagħha diversi snin qabel id-data ta’ skadenza prevista mil-leġiżlazzjoni Ewropea għall-introduzzjoni ta’ standard Euro speċifiku, ma jurix l-assenza ta’ parteċipazzjoni min-naħa tagħha fil-konsultazzjoni mal-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet. Bl-istess mod, il-fatt li d-dati ta’ tnedija ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ivarjaw bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet lanqas ma juri l-assenza ta’ skambji ta’ informazzjoni bejniethom, peress li dawn l-iskambji jippermettulhom ikunu jafu bil-pjanijiet tal-kompetituri tagħhom.

290    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda.

3)      Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ma jikkostitwixxux ksur minħabba l-għan

291    Ir-rikorrenti jsostnu li, l-iktar l-iktar, il-provi li jinsabu fil-fajl juru li, eċċezzjonalment, il-partijiet skambjaw informazzjoni dwar l-aġenda ta’ tnedija tat-teknoloġiji rispettivi tagħhom fil-qasam tal-emissjonijiet. Madankollu, dawn l-iskambji rari ma jikkostitwixxux ksur minħabba l-għan. Skont ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata ma tipproduċix il-prova li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet jista’, min-natura tiegħu stess, jitqies li jagħmel ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni, mingħajr ma jkollu għalfejn jeżamina l-effetti tiegħu.

292    Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, huwa diffiċli li wieħed jifhem b’liema mod l-iskambju ta’ informazzjoni dwar id-dati ta’ tnedija jista’ jwassal għall-iċken dewmien jew ifixkel il-kompetizzjoni fl-offerta tat-teknoloġija l-ġdida inkwistjoni, sa fejn, l-ewwel nett, l-iżvilupp tekniku ta’ teknoloġija ġdida għall-kontroll tal-emissjonijiet jieħu madwar sitta jew seba’ snin, it-tieni nett, il-kostrutturi kollha kienu obbligati jiżviluppaw magni ġodda konformi mal-istandards Euro u ħarġu t-teknoloġiji inkwistjoni qabel it-termini stabbiliti mil-leġiżlazzjoni Ewropea u, it-tielet nett, ma kien hemm prattikament l-ebda domanda għal trakkijiet konformi mal-istandards Ewro qabel ma dawn l-istandards saru obbligatorji.  Evidentement, skont ir-rikorrenti, l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni ma kienx li “jdewwem” l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet.

293    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

294    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 238(b) u fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha li Scania kienet ipparteċipat fihom, fosthom il-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet, kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE u ppermettew lill-impriżi jadattaw l-istrateġija tariffarja tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri. Barra minn hekk, fil-premessi 243 u 321 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni spjegat li n-natura tad-diskussjonijiet u tal-ftehim dwar id-data tad-dħul fis-suq ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet konformi mar-regoli ambjentali kienet relatata u komplementari għall-kollużjoni tal-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross. Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni kkonkludiet li kien hemm ksur uniku u kontinwu li l-għan tiegħu kien ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ta’ trakkijiet medji u kbar fiż-ŻEE u li jikkonsisti fi prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

295    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punti 291 u 292 iktar ’il fuq huwa bbażat fuq serje ta’ premessi żbaljati.

296    Fil-fatt, kif diġà ġie nnotat, l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ma ġewx ikklassifikati mill-Kummissjoni bħala ksur sħiħ. Bl-istess mod, dawn l-iskambji ma ġewx ikklassifikati separatament bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, iżda ttieħdu inkunsiderazzjoni flimkien ma’ prattiki kollużivi oħra. Huwa “dan il-grupp ta’ ftehim u ta’ prattiki miftiehma” li ġie kklassifikat, fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, li jippermetti lill-parteċipanti jadattaw l-istrateġija tariffarja tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri.

297    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu ma hijiex ibbażata fuq il-konstatazzjoni li l-ftehimiet jew il-prattiki miftiehma fuq l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ikkostitwixxew ostakolu fl-offerta ta’ teknoloġiji ġodda, kif jissuġġerixxi l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 292 iktar ’il fuq. Il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq il-konstatazzjoni li dawn il-prattiki kollużivi kienu komplementari għall-prattiki kollużivi li jikkonċernaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross. Fil-fatt, mill-kontenut tal-iskambji bejn il-kompetituri ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji li jiżguraw il-konformità tal-magni tat-trakkijiet mal-istandards Euro seta’ jkollha impatt fuq il-prezzijiet tal-mudelli tat-trakkijiet ikkonċernati u twassal għaż-żieda ta’ dawn il-prezzijiet. Il-kompetituri kienu jiddiskutu bejniethom mhux biss l-aġenda, iżda wkoll, ir-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni tat-teknoloġija l-ġdida. Għaldaqstant, il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva, fil-premessi 243 u 321 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-kompetituri, billi ddiskutew dwar id-data tal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji ġodda u dwar l-ispejjeż addizzjonali ġġenerati minnhom, kienu jafu l-livell tal-prezzijiet gross previsti u dwar l-aġenda ta’ żieda ta’ dawn il-prezzijiet gross. Minn dan isegwi li l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 292 iktar ’il fuq, huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni kkontestata u huwa ineffettiv.

298    Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-iskambju ta’ informazzjoni bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet, li tippermettilhom ikunu jafu l-livell previst tal-prezzijiet gross tal-kompetituri tagħhom u dwar l-aġenda ta’ żieda ta’ dawn il-prezzijiet gross, jikkostitwixxix restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan, din ma hijiex indirizzata bl-argument tar-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan il-motiv, li, kif diġà ġie nnotat, huwa bbażat fuq il-fehim żbaljat li l-Kummissjoni kkritikat lill-imsemmija kostrutturi li jostakolaw l-offerta ta’ teknoloġiji ġodda (ara l-punt 297 iktar ’il fuq). Għal kull fini utli, għandu jitfakkar li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri jista’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jġib fis-seħħ jew ineħħi l-livell ta’ inċertezza fuq il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn impriżi (ara l-punt 270 iktar ’il fuq). B’mod partikolari, skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi f’moħħ il-persuni kkonċernati fir-rigward tad-data, tal-kobor u tal-modalitajiet tal-adattament tal-aġir fis-suq li l-impriżi kkonċernati jkunu ser jimplimentaw, għandu jitqies li għandu għan antikompetittiv (ara s-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs IlKummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 122 u l-ġurisprudenza ċċitata).

299    F’dan il-każ, fid-dawl tal-ġurisprudenza ppreżentata fil-punt 298 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri li jippermettulhom jiksbu informazzjoni dwar il-livell tal-prezzijiet gross previsti u dwar l-aġenda ta’ żieda ta’ dawn il-prezzijiet gross, u b’hekk jeliminaw l-inċertezza dwar l-aġir futur li ser jadottaw, jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Mamoli Robinetteria vs Il‑Kummissjoni, T‑376/10, EU:T:2013:442, punt 72).

300    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda. Konsegwentement, dan l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

d)      Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż bħala ksur “minħabba l-għan”

1)      Osservazzjonijiet preliminari

301    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma pproduċietx provi preċiżi u konkordanti li jikkorroboraw l-argument li l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż kien jikkostitwixxi xkiel suffiċjenti għall-kompetizzjoni sabiex jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens tas-sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni (C‑67/13 P, EU:C:2014:2204).

302    Ir-rikorrenti jsostnu li analiżi tal-kontenut, tal-għanijiet u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż turi li l-evalwazzjoni “minħabba l-għan” imwettqa mill-Kummissjoni hija vvizzjata bi żball ta’ liġi jew bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

303    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

304    Hemm lok li jitfakkar li, fil-premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat, l-ewwel nett, li Scania kienet ikkonkludiet ftehimiet u/jew ikkoordinat mal-partijiet għar-riżolviment fuq il-bidliet previsti tal-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross u fuq l-aġenda ta’ dawn il-bidliet u, okkażjonalment, fuq modifiki previsti tal-prezzijiet netti jew tal-iskontijiet offruti lill-klijenti, it-tieni nett, li Scania kienet ikkonkludiet ftehimiet u/jew kienet ikkoordinat mal-partijiet għar-riżolviment dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż għall-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa minn Euro 3 sa Euro 6 u, it-tielet nett, li Scania u l-partijiet għar-riżolviment kienu skambjaw informazzjoni oħra sensittiva fuq il-livell kummerċjali, jiġifieri informazzjoni dwar it-termini ta’ kunsinna, l-ordnijiet magħmula u l-livell tal-istokkijiet, ishma tas-suq fil-mira, il-prezzijiet netti attwali u t-tnaqqis, il-listi ta’ prezzijiet gross (anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom) u dwar il-konfiguraturi tat-trakkijiet.

305    Skont il-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata, il-prattiki kollużivi ppreżentati mill-Kummissjoni fil-premessa 238 tal-imsemmija deċiżjoni seħħew fit-tliet livelli identifikati fil-punti 35 sa 38 iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, fil-livell Ġermaniż.

306    Il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 239 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha ppreżentati fil-premessa 238 kellhom bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE u kienu ppermettew lill-impriżi jadattaw l-istrateġija tariffarja tagħhom fid-dawl tal-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri.

307    Għandu jitfakkar ukoll li l-Kummissjoni kklassifikat dan l-aġir kollużiv kollu bħala ksur uniku u kontinwu, li dam mill‑1997 sal‑2011. Skont il-Kummissjoni, Scania u l-partijiet għar-riżolviment segwew pjan ġenerali li kellu bħala għan antikompetittiv uniku r-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE. Dan l-għan intlaħaq permezz ta’ prattiki li jnaqqsu l-livelli ta’ inċertezza strateġika bejn il-kompetituri f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tat-trakkijiet konformi mar-regoli ambjentali (premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata).

308    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, anki jekk il-Kummissjoni ma kklassifikatx f’dan il-każ il-kuntatti kollużivi fil-livell Ġermaniż bħala ksur fih innifsu tal-Artikolu 101 TFUE, hija qieset li dawn il-kuntatti kienu jikkostitwixxu restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni minħabba l-għan u kienu jagħmlu parti mill-ksur uniku u kontinwu imputat lil Scania, li jikkontribwixxi għat-twettiq tiegħu. Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, għandha tiġi eżaminata l-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-kuntatti kollużivi fil-livell Ġermaniż kienu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

309    F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ċerti tipi ta’ koordinazzjoni bejn impriżi juru grad suffiċjenti ta’ dannu fir-rigward tal-kompetizzjoni b’mod li jkun jista’ jitqies li l-eżami tal-effetti tagħhom ma huwiex neċessarju (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 49, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 113; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34).

310    Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba l-effett” tikkonċerna l-fatt li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jitqiesu, min-natura tagħhom stess, li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 50, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 114; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 35).

311    Konsegwentement, huwa paċifiku li ċertu aġir kollużiv, bħal dak li jwassal għall-iffissar orizzontali tal-prezzijiet permezz ta’ kartelli, jista’ jitqies li tant joħloq effetti negattivi, partikolarment, fuq il-prezz, fuq il-kwantità jew fuq il-kwalità tal-prodotti u tas-servizzi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE, jitqies li huwa ineffettiv sabiex jintwera li dan għandu effetti konkreti fuq is-suq. Fil-fatt, l-esperjenza turi li tali aġir jinvolvi tnaqqis fil-produzzjoni u fiż-żidiet fil-prezzijiet, li jwassal għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi b’detriment, b’mod partikolari, għall-konsumaturi (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 51, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il-Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 115).

312    F’każ li l-analiżi ta’ tip ta’ koordinazzjoni bejn impriżi ma turix grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ikun meħtieġ, mill-banda l-oħra, li jiġu eżaminati l-effetti tagħha u, sabiex din tiġi pprojbita, li jiġu ssodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, prevenzjoni jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-proċess tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 34; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 52, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 116).

313    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk ftehim bejn impriżi jew deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi għandux grad suffiċjenti ta’ ħsara sabiex jitqies li huwa restrizzjoni tal-kompetizzjoni “bħala għan” fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, wieħed għandu jiffoka fuq il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, fuq l-għanijiet li huwa intiż li jilħaq kif ukoll fuq il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jidħol fih. Fl-ambitu tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll in-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali għall-funzjonament u għall-istruttura tas-suq jew swieq inkwistjoni (sentenzi tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 53, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 117; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 36).

314     Barra minn hekk, minkejja li l-intenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju għad-determinazzjoni tan-natura restrittiva ta’ ftehim bejn impriżi, xejn ma jżomm lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jiħduha inkunsiderazzjoni (sentenzi tal‑14 ta’ Marzu 2013, Allianz Hungária Biztosító et, C‑32/11, EU:C:2013:160, punt 37; tal‑11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il‑Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 54, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 118).

315    F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ koordinazzjoni u ta’ kooperazzjoni li jikkostitwixxu prattika miftiehma għandhom jinftiehmu fid-dawl tal-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-trattat dwar il-kompetizzjoni, li jgħid li kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni jsegwi fis-suq intern (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 32, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 119).

316    Minkejja li dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi milli jadattaw ruħhom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew mistenni tal-kompetituri tagħhom, huwa madankollu jipprekludi b’mod rigoruż kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi ta’ natura li jinfluwenza l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali jew li jiżvela lil tali kompetitur l-aġir li ġie deċiż li għandu jsir f’dan is-suq jew li ġie maħsub li jiġi adottat fih, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet għall-kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali għas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru ta’ impriżi u tal-volum tal-imsemmi suq (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 33, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 120).

317    Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-iskambju ta’ informazzjoni bejn kompetituri seta’ jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni meta jkun naqqas jew jelimina l-inċertezza dwar il-funzjonament tas-suq inkwistjoni bil-konsegwenza li jkun hemm restrizzjoni tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi (sentenzi tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Thyssen Stahl vs Il‑Kummissjoni, C‑194/99 P, EU:C:2003:527, punt 81; tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 35, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 121).

318    B’mod partikolari, skambju ta’ informazzjoni li jista’ jelimina inċertezzi f’moħħ il-persuni kkonċernati fir-rigward tad-data, tal-kobor u tal-modalitajiet tal-adattament tal-aġir fis-suq li l-impriżi kkonċernati jkunu ser jimplimentaw għandu jitqies li għandu għan antikompetittiv (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 122; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 41).

319    Barra minn hekk, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv anki jekk ma jkollhiex rabta diretta mal-prezzijiet għall-konsumaturi. Fil-fatt, il-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE ma tippermettix li jitqies li huma pprojbiti biss il-prattiki miftiehma li għandhom effett dirett fuq il-prezz imħallas mill-konsumaturi finali (sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 123; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 36).

320    Għall-kuntrarju, mill-imsemmi Artikolu 101(1)(a) TFUE jirriżulta li prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv jekk din tkun tikkonsisti fl-“iffissar dirett jew indirett ta’ prezzijiet ta’ l-akkwist jew tal-bejgħ, jew ta’ kondizzjonijiet oħra tan-negozju” (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 37, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 124).

321    Fi kwalunkwe każ, l-Artikolu 101 TFUE jfittex, bi qbil mar-regoli l-oħra tal-kompetizzjoni stabbiliti fit-trattat, li jipproteġi mhux biss l-interessi diretti tal-kompetituri jew tal-konsumaturi, iżda wkoll l-istruttura tas-suq u, b’hekk, il-kompetizzjoni bħala tali. Għaldaqstant, il-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għan antikompetittiv ta’ prattika miftiehma ma tistax tkun suġġetta għal dik ta’ rabta diretta tagħha mal-prezzijiet għall-konsumaturi (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T‑Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punti 38 u 39, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 125).

322    Finalment, għandu jitfakkar li mill-kliem stess tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-kunċett ta’ prattika miftiehma jinvolvi, minbarra l-ftehim bejn l-impriżi kkonċernati, aġir fis-suq li jsegwi dan il-ftehim u rabta ta’ kawża u effett bejn dawn iż-żewġ elementi (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 126).

323    F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien hemm lok li jiġi preżunt, bla ħsara għal prova kuntrarja li għandha titressaq mill-operaturi kkonċernati, li l-impriżi li jipparteċipaw fil-ftehim u li jibqgħu attivi fis-suq jieħdu inkunsiderazzjoni l-informazzjoni skambjata mal-kompetituri tagħhom sabiex jiddeterminaw l-aġir tagħhom f’dan is-suq. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li tali prattika miftiehma kienet taqa’ taħt l-Artikolu 101(1) TFUE anki fl-assenza ta’ effetti antikompetittivi fuq l-imsemmi suq (sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 51, u tad‑19 ta’ Marzu 2015, Dole Food u Dole Fresh Fruit Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑286/13 P, EU:C:2015:184, punt 127).

2)      Fuq il-kontenut tal-informazzjoni skambjata

i)      Fuq il-bidliet previsti fil-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross u fuq l-aġenda ta’ dawn il-bidliet, imsemmija fil-premessa 238(a) tad-deċiżjoni kkontestata

324    Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż dwar il-prezzijiet gross ma kinitx ta’ natura li tnaqqas l-inċertezza “strateġika” bejn il-kompetituri.

325    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni tariffarja skambjata fil-livell Ġermaniż kienet tikkonċerna l-prezzijiet fis-seħħ applikati mid-distributuri lill-konċessjonarji fil-Ġermanja u ma kinitx tikkonċerna prezzijiet futuri jew intenzjonijiet tariffarji. Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienu jikkonċernaw prezzijiet li kienu diġà pubbliċi u, fit-tielet lok, huma jsostnu li l-prezzijiet gross skambjati ma kellhom ebda valur informattiv fuq il-prezzijiet effettivament applikati għall-konsumatur finali.

–       Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura attwali jew futura tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż

326    Fil-premessa 240 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li l-kompetituri kienu jiddiskutu bejniethom diversi fatturi li jikkonċernaw it-tariffi futuri u l-iżvilupp futur tal-prezzijiet gross.

327    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li tgħid li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż dwar il-prezzijiet gross kienet tikkonċerna prezzijiet gross futuri u intenzjonijiet tariffarji. Huma essenzjalment isostnu li l-iskambju ta’ din l-informazzjoni kien jikkonċerna prezzijiet gross fis-seħħ u, għaldaqstant, ma kellux tali importanza strateġika li jista’ jiġi kklassifikat bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Il-prezzijiet gross skambjati huma prezzijiet fis-seħħ (attwali) sa fejn, qabel l-iskambju, huma kienu diġà ġew ikkomunikati lin-networks tal-konċessjonarji jew kienu japplikaw għal kunsinni jew għal ordnijiet li diġà saru minn klijenti.

328    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-fajl fih diversi provi li juru li d-diskussjonijiet, fil-livell Ġermaniż, dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross kienu ċarament ta’ natura prospettiva u intiżi sabiex jeliminaw l-inċertezzi fir-rigward tal-politika tariffarja futura tal-kompetituri. B’hekk, l-iskambji bejn it‑2 u t‑8 ta’ Diċembru 2004, deskritti fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2005, l-iskambji ta’ informazzjoni li seħħew fit‑12 ta’ Settembru 2005, deskritti fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2006, l-iskambji ta’ informazzjoni li kienu seħħew f’Ġunju u f’Lulju 2007, deskritti fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2008, l-iskambji ta’ informazzjoni li kienu seħħew fit‑12 u fit‑13 ta’ Marzu 2008, deskritti fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-snin 2008 u 2009, l-iskambji ta’ informazzjoni li kienu seħħew f’Lulju 2009, deskritti fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, kellhom bħala suġġett iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2010, u l-messaġġ elettroniku tal‑14 ta’ Ottubru 2010, deskritt fil-premessa 190 tad-deċiżjoni kkontestata, juri skambju ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet għas-sena 2011. Impjegati ta’ Scania DE kienu jipparteċipaw f’dawn l-iskambji kollha.

329    Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li, kemm Scania kif ukoll il-kompetituri l-oħra, ikkomunikaw bejniethom iż-żidiet fil-prezzijiet li huma kellhom l-intenzjoni japplikaw, b’risposta għal talbiet, għal dan il-għan, li ġejjin minn wieħed mill-kompetituri. B’hekk, f’ittra elettronika tat‑2 ta’ Diċembru 2004, deskritta fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, impjegat ta’ [kunfidenzjali] fil-livell Ġermaniż talab lill-kompetituri informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2005 billi indika: “Żieda fil-prezzijiet 2005: bħal kull sena, il-kap jixtieq ikun jaf jekk u meta ser tgħollu l-prezzijiet tagħkom fis-sena li jmiss”. Barra minn hekk, huwa ppreċiża: “Għal din ir-raġuni, jekk jogħġobkom aqsmu din l-informazzjoni ma’ kulħadd sabiex ma jinħeliex ħin fuq talbiet individwali”. Bl-istess mod, fl-email tal‑20 ta’ Lulju 2009, ippreżentata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar talba għal informazzjoni relatata, b’mod partikolari, maż-żidiet fil-prezzijiet għas-sena 2010, huwa ddikjarat: “[B]ħal kull sena, l-ippjanar bil-quddiem irid isir internament filwaqt li [jiġu indirizzati] kwistjonijiet relatati.”

330    Ir-rikorrenti jikkontestaw in-natura prospettiva tal-prezzijiet gross skambjati billi jsostnu li l-informazzjoni tariffarja skambjata fil-livell Ġermaniż kienet tikkonċerna l-listi ta’ prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji li kienu diġà ġew ikkomunikati lill-konċessjonarji u li kienu diġà jservu ta’ bażi għal ordnijiet magħmula minn klijenti finali. Insostenn ta’ dan l-argument, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ rapporti ppreparati minn kumpannija ta’ konsulenza dwar l-ekonomija, l-ewwel wieħed, tal‑20 ta’ Settembru 2016, ippreżentat lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva (iktar ’il quddiem ir-“rapport ekonomiku tal‑20 ta’ Settembru 2016”) u, it-tieni wieħed, tad‑9 ta’ Diċembru 2017, ippreżentat għall-ewwel darba quddiem il-Qorti Ġenerali (iktar ’il quddiem ir-“rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017”). Dawn ir-rapporti janalizzaw l-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri li fihom Scania DE kienet involuta (u msemmija fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u fid-deċiżjoni kkontestata) u, billi jibbażaw ruħhom fuq informazzjoni pprovduta minn Scania, juru, allegatament, li kull wieħed minn dawn l-iskambji kien jikkonċerna listi ta’ prezzijiet gross, li, qabel il-komunikazzjoni tagħhom lill-kompetituri ta’ Scania DE, kienu diġà ġew ikkomunikati lill-konċessjonarji ta’ Scania fil-Ġermanja jew kienu servew bħala riferiment għat-tqegħid tal-ordnijiet minn klijenti finali.

331    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali.

332    Fil-fatt, indipendentement min-natura affidabbli u preċiża tal-informazzjoni użata fiż-żewġ rapporti msemmija fil-punt 330 iktar ’il fuq, li kienet ġiet ordnata mir-rikorrenti għad-difiża tagħhom fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva u quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi nnotat li diversi skambji ta’ informazzjoni ppreżentati fid-deċiżjoni kkontestata juru li ż-żidiet fil-prezzijiet diskussi matul dawn l-iskambji kienu japplikaw għall-ordnijiet li saru wara l-imsemmija skambji. Konsegwentement, in-natura prospettiva tal-informazzjoni skambjata hija stabbilita anki skont l-analiżi użata mir-rikorrenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, bħala eżempju, għall-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, ippreżentati fil-premessi 140, 149, 166, 171 u 190 tad-deċiżjoni kkontestata. B’hekk, matul l-iskambji ta’ Diċembru 2004, ippreżentati fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali] informat lill-kompetituri tagħha li l-listi ta’ prezzijiet li jikkonċernaw il-vetturi u l-opzjonijiet jiżdiedu bi 3 % għal ordnijiet magħmula wara l‑1 ta’ April 2005; fil-kuntest ta’ preżentazzjoni magħmula minn [kunfidenzjali] waqt laqgħa bejn kompetituri fil-livell Ġermaniż, fit‑12 u fit‑13 ta’ Marzu 2008, ippreżentata fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, [kunfidenzjali] informat lill-kompetituri tagħha dwar iż-żieda fil-prezzijiet ta’ ċerti mudelli ta’ trakkijiet applikata għal ordnijiet magħmula fix-xahar ta’ April 2008, fix-xahar ta’ Ottubru 2008 u fix-xahar ta’ April 2009; l-ittra elettronika tas‑7 ta’ Novembru 2008, ippreżentata fil-premessa 171 tad-deċiżjoni kkontestata, tinforma lill-kompetituri biż-żidiet fil-prezzijiet applikati minn [kunfidenzjali] għal ordnijiet li saru minn April 2009 u żidiet fil-prezzijiet applikati minn [kunfidenzjali] għal ordnijiet li saru minn Frar 2009.

333    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li, anki jekk il-kostrutturi tat-trakkijiet, qabel ma skambjaw informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross fil-livell Ġermaniż, kienu kkomunikaw “internament”, jiġifieri lill-konċessjonarji tagħhom, l-intenzjoni tagħhom li jżidu l-prezzijiet gross u anki jekk kienu diġà ħadu ordnijiet abbażi ta’ dawn il-prezzijiet gross, dan ma jfissirx li l-informazzjoni skambjata ma kinitx utli għall-kompetituri tagħhom, sa fejn din l-informazzjoni ma kinitx ippubblikata u kienet tiżvela l-istrateġija tariffarja futura tal-kostrutturi tat-trakkijiet li fornewhom.

334    Ir-rikorrenti, sabiex jikkorroboraw l-argument tagħhom li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn kostrutturi fil-livell Ġermaniż kienu jikkonċernaw il-prezzijiet gross fis-seħħ u mhux il-prezzijiet futuri, isostnu wkoll li Scania DE ma biddlitx il-prezzijiet tagħha wara informazzjoni (dwar il-prezzijiet) li hija setgħet tirċievi mill-kompetituri tagħha. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, ir-rikorrenti invokaw ir-rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017 li, allegatament, juri li volum kbir ta’ bejgħ kien twettaq abbażi ta’ listi ta’ prezzijiet, wara li Scania DE kienet ikkomunikathom lill-parteċipanti l-oħra fil-livell Ġermaniż.

335    Dan l-argument, li għandu jiġi indirizzat fid-dawl tal-prinċipji ppreżentati fil-punti 322 u 323 iktar ’il fuq, lanqas ma jista’ jintlaqa’ sa fejn dan bl-ebda mod ma juri li Scania ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-informazzjoni rċevuta fil-kuntest tal-iskambji fil-livell Ġermaniż sabiex tiddetermina l-istrateġija tariffarja tagħha. Il-fatt li Scania pparteċipat fi skambji mal-kompetituri tagħha għal erbatax-il sena u fuq bażi regolari turi l-valur strateġiku li din l-informazzjoni kellha għal Scania (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, EU:C:2009:343, punt 51).

336    Sabiex jikkontestaw in-natura prospettiva tal-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ argumenti oħra. Minn naħa, huma jagħmlu riferiment għad-dikjarazzjonijiet ta’ kostrutturi oħra tat-trakkijiet li jinsabu fil-fajl, li jikkonfermaw li l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż ma kienx jirrigwarda intenzjonijiet tariffarji futuri. Min-naħa l-oħra, huma jsostnu li l-impjegati ta’ Scania DE li jipparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż ma kellhomx bħala missjoni li jistabbilixxu l-prezzijiet u li huma kienu konvinti li l-informazzjoni “prospettiva” fuq il-prezzijiet ma kinitx taqa’ taħt in-network ta’ kuntatti tagħhom. L-impjegati ta’ Scania DE kkonfermaw li l-informazzjoni kkomunikata lill-impjegati tal-kostrutturi l-oħra kienet diġà dejjem tiġi mxandra b’mod wiesa’ fin-networks tal-konċessjonarji ta’ Scania u ppreżumew li l-informazzjoni tariffarja pprovduta mill-kostrutturi l-oħra kienet tikkonċerna prezzijiet “attwali” u mhux futuri.

337    L-argumenti tar-rikorrenti ppreżentati fil-punt 336 iktar ’il fuq lanqas ma jistgħu jintlaqgħu.

338    Qabelxejn, fid-dikjarazzjonijiet invokati mir-rikorrenti, il-kostrutturi tat-trakkijiet indikaw, essenzjalment, li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż kienet diġà (jiġifieri qabel l-iskambji) ikkomunikata lill-konċessjonarji u kellha, għalhekk, skont l-imsemmija kostrutturi, natura pubblika. In-natura “pubblika” tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż ser tiġi eżaminata fil-punti 342 sa 350 iktar ’il quddiem. F’dan l-istadju tal-analiżi, għandu jiġi nnutat li l-fajl fih provi li juru li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kellhom bħala għan, b’mod partikolari, żidiet futuri fil-prezzijiet gross, u dan huwa muri wkoll mid-dikjarazzjonijiet tal-kostrutturi stess. Fil-fatt, kif il-Kummissjoni rrilevat fil-premessi 89 u 91 tad-deċiżjoni kkontestata, il-maġġoranza tal-kostrutturi kkonfermaw li, fost is-suġġetti ta’ diskussjonijiet fil-livell Ġermaniż, kien hemm iż-żidiet futuri fil-prezzijiet gross u li dawn l-iskambji kienu ta’ natura sistematika u regolari.

339    Sussegwentement, id-dikjarazzjonijiet tal-impjegati ta’ Scania DE huma bbażati fuq il-premessa żbaljata li l-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż kienu jikkostitwixxu prezzijiet “attwali”, peress li dawn kienu diġà ġew ikkomunikati lin-networks tal-konċessjonarji. Fi kwalunkwe każ, fir-rigward tal-perċezzjoni li għandhom l-impjegati ta’ Scania DE tal-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, l-imputazzjoni lil impriża ta’ ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma tippreżupponix għarfien tal-impjegati tal-impriża kkonċernata minn dan il-ksur, iżda l-azzjoni ta’ persuna li hija awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il‑Kummissjoni, T‑588/08, EU:T:2013:130, punt 581 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, kif tirrileva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-fatt li l-impjegati ta’ Scania DE li pparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni kienu awtorizzati jagħmlu dan. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti bbażat fuq il-perċezzjoni msemmija iktar ’il fuq tal-impjegati ta’ Scania DE u fuq ir-responsabbiltà tagħhom tal-iffissar tal-prezzijiet ma huwiex effettiv u għandu jiġi miċħud.

340    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-ilment tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni injorat ir-rapport ekonomiku tal‑20 ta’ Settembru 2016 imsemmi fil-punt 330 iktar ’il fuq. Il-fajl ma jurix il-fondatezza ta’ tali lment u mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-imsemmi rapport kellu utilità limitata sa fejn kien intiż sabiex jikkorrobora argument żbaljat, jiġifieri dak li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż kienet “attwali” sa fejn din kienet diġà ġiet ikkomunikata lin-networks tal-konċessjonarji.

341    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argumenti kollha tar-rikorrenti dwar in-natura “attwali” tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż għandhom jiġu miċħuda.

–       Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura pubblika tal-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż

342    Ir-rikorrenti jsostnu li, fid-dawl tat-terminu pjuttost twil li jgħaddi bejn l-ordni ta’ trakk u l-kunsinna tiegħu, l-informazzjoni skambjata, fil-livell Ġermaniż, fuq il-prezzijiet gross kienet diġà ġiet ikkomunikata mill-kostrutturi tat-trakkijiet lin-networks ta’ konċessjonarji tagħhom u kienet diġà msemmija fin-negozjati bejn il-konċessjonarji u l-klijenti, li għalhekk jaqgħu taħt il-qasam pubbliku. Għaldaqstant, din l-informazzjoni ma għandha l-ebda valur strateġiku għall-kompetituri. Ir-rikorrenti jsostnu li l-analiżi tagħhom hija kkorroborata, sa ċertu punt, min-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4, taħt il-punt 74 tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehimiet ta’ kooperazzjoni orizzontali (ĠU 2011, C 11, p. 1).

343    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali.

344    Fl-ewwel lok, fuq livell ġenerali, huwa rrilevat li l-iskambji ta’ informazzjoni tariffarja fil-livell Ġermaniż kienu jseħħu ta’ spiss u għal diversi snin. Mill-fajl jirriżulta wkoll li dawn l-iskambji kellhom natura strutturata u organizzata tajjeb, peress li l-parteċipanti kienu, ta’ spiss, mistiedna jimlew tabella Excel b’informazzjoni li tirrigwarda, b’mod partikolari, iż-żidiet ippjanati tal-prezzijiet gross, u l-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, bħala eżempju, għall-premessi 150, 166, 171, 172, 175, 179 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll għad-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti kostrutturi matul il-proċedura amministrattiva, ippreżentati fil-premessa 91 tad-deċiżjoni kkontestata. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, l-argument li l-iskambji fil-livell Ġermaniż ma kinux jippreżentaw valur għall-kompetituri għall-finijiet tal-ippjanar tal-istrateġiji tariffarji tagħhom ma hijiex plawżibbli.

345    Fit-tieni lok, għandu jiġi nnutat li r-rikorrenti ma jurux li l-kostrutturi tat-trakkijiet setgħu jiksbu l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż permezz ta’ mezz differenti minn dak tal-kuntatti diretti bejn kompetituri u jikkonċedu li huma ma humiex kapaċi jipprovdu eżempji ta’ avviżi dwar iż-żidiet fil-prezzijiet magħmula minn sors aċċessibbli għal kulħadd. Ir-rikorrenti lanqas ma jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti kompetituri matul il-proċedura amministrattiva, ippreżentati fil-premessi 269 u 270 tad-deċiżjoni kkontestata, li jgħidu li l-prezzijiet gross u l-intenzjonijiet li jiżdiedu l-prezzijiet gross, li kienu s-suġġett ta’ skambji fil-livell Ġermaniż, ġeneralment ma kinux pubbliċi u setgħu biss ikunu parzjalment estratti minn sorsi aċċessibbli għall-pubbliku u li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet gross li kienet fil-qasam pubbliku ma kinitx daqstant iddettaljata u preċiża daqs dik irċevuta direttament mill-kompetituri.

346    F’dan l-istess kuntest, għandu jiġi ppreċiżat ukoll li r-rikorrenti ma jurux li l-informazzjoni miksuba mill-konċessjonarji u mill-klijenti finali ta’ kostruttur tat-trakkijiet dwar żidiet futuri fil-prezzijiet gross tasal b’mod sempliċi, dirett u sistematiku għand kostrutturi oħra tat-trakkijiet. F’dan ir-rigward, manifattur tat-trakkijiet ippreċiża, matul il-proċedura amministrattiva, li, ġeneralment, il-klijenti ma kinux jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar żidiet ippjanati tal-prezzijiet gross tal-kompetituri fil-kuntest tan-negozjati tagħhom mal-konċessjonarji, sa fejn din l-informazzjoni ma kinitx issaħħaħ is-setgħa tagħhom li jinnegozjaw fir-rigward ta’ dawn il-konċessjonarji (ara l-premessa 279 tad-deċiżjoni kkontestata).

347    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-komunikazzjoni lin-networks tal-konċessjonarji tal-informazzjoni dwar iż-żidiet applikati għal-listi ta’ prezzijiet gross ma kinitx tirrendi din l-informazzjoni “pubblika”, peress li informazzjoni pubblika hija informazzjoni oġġettiva tas-suq, identifikabbli b’mod immedjat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 236).

348    Minn dan jirriżulta wkoll li l-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż dwar iż-żieda applikabbli għal-listi ta’ prezzijiet gross kien l-uniku mezz li jippermetti lill-kompetituri jkollhom aċċess għal din l-informazzjoni b’mod sempliċi, rapidu u ddettaljat u li tinħoloq klima ta’ ċertezza reċiproka f’dak li jirrigwarda l-politika futura tal-prezzijiet tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 2008, BPB vs Il‑Kummissjoni, T‑53/03, EU:T:2008:254, punt 236).

349    Għaldaqstant, għandha tiġi vvalidata l-konklużjoni tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż ma kinitx pubblika (ara, b’mod partikolari, il-premessa 242 tad-deċiżjoni kkontestata). Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, kuntrarjament għall-argument tar-rikorrenti (ara l-punt 342 iktar ’il fuq), din il-konklużjoni tal-Kummissjoni hija konformi mal-linji gwida dwar l-applikabbiltà tal-Artikolu 101 TFUE għall-ftehim ta’ kooperazzjoni orizzontali. Fil-fatt, fil-punt 74 tal-imsemmija linji gwida, il-Kummissjoni spjegat li kellu jitqies li l-iskambji, bejn kompetituri, ta’ informazzjoni individwalizzata dwar il-prezzijiet jew il-kwantitajiet futuri previsti bħala li jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan. Ċertament, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 4, taħt il-punt 74, il-Kummissjoni ppreċiżat li, fil-każijiet speċifiċi fejn l-impriżi impenjaw ruħhom kompletament biex fil-futur jimplimentaw il-prezzijiet imħabbra preċedentement lill-pubbliku ġenerali (prezzijiet li huma ma setgħux għalhekk jirrevedu), tali avviżi pubbliċi ta’ prezzijiet jew kwantitajiet individwali futuri ma jitqisux li huma intenzjonijiet u għalhekk normalment ma jitqisux li jirrestrinġu l-kompetizzjoni minħabba l-għan. Madankollu, il-kontenut ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna ma huwiex rilevanti f’dan il-każ, sa fejn il-kostrutturi tat-trakkijiet, inkluża Scania, ma kinux iħabbru lill-pubbliku ġenerali l-informazzjoni fuq il-prezzijiet skambjati fil-livell Ġermaniż, iżda biss lin-networks ta’ konċessjonarji tagħhom.

350    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura pubblika tal-informazzjoni dwar il-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż għandu jiġi miċħud.

–       Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ valur informattiv tal-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż fuq il-prezzijiet effettivament applikati fit-tranżazzjonijiet tas-suq

351    Ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż dwar il-prezzijiet gross ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar l-aġir tariffarju futur tal-kompetituri. Huma jispjegaw li, minħabba l-kumplessità u n-numru ta’ fatturi tariffarji tat-trakkijiet, il-prezzijiet gross u l-listi ta’ prezzijiet gross ma għandhom l-ebda valur informattiv fuq il-prezzijiet effettivament applikati fit-tranżazzjonijiet tas-suq, kuntrarjament għall-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

352    Dan l-argument tar-rikorrenti huwa sostnut u żviluppat iktar fil-kuntest tal-argument tagħhom dwar il-kuntest ekonomiku u ġuridiku tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż. Għaldaqstant, ser jiġi diskuss fil-kuntest tal-evalwazzjoni ta’ dan l-argument.

ii)    Fuq il-bidliet maħsuba tal-prezzijiet netti u tal-iskontijiet offruti lill-klijenti, imsemmija fil-premessa 238(a) tad-deċiżjoni kkontestata

353    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 238(a) tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat li Scania u l-partijiet għar-riżolviment, okkażjonalment, skambjaw informazzjoni dwar modifiki maħsuba tal-prezzijiet netti jew dwar modifiki tal-iskontijiet offruti lill-klijenti. Mill-premessa 212(a) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, diversi minn dawn l-iskambji seħħew fil-livell Ġermaniż.

354    Ir-rikorrenti jikkontestaw li tali skambji seħħew u jsostnu li l-provi dokumentali invokati mill-Kummissjoni ma jistabbilixxux l-eżistenza tagħhom.

355    Mill-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-prattiki ppreżentati fil-punt 354 iktar ’il fuq.

356    F’dak li jirrigwarda l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-iskontijiet, l-eżistenza tagħhom hija kkonfermata fin-noti bil-miktub ta’ impjegat ta’ [kunfidenzjali], dwar laqgħa bejn kompetituri, fit‑3 u fl‑4 ta’ Mejju 2004, fil-bini ta’ Scania DE, ippreżentati fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata. Dawn in-noti jindikaw: “medja tal-prezzijiet + 5, 6, 7.5 %! ebda bidla fil-prezzijiet gross, anki livell tal-iskontijiet”. Barra minn hekk, mill-provi dokumentali prodotti fil-premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fis‑7 ta’ Settembru 2006, impjegat ta’ [kunfidenzjali] informa lill-impjegati tal-kostrutturi l-oħra fil-livell Ġermaniż, fosthom impjegat ta’ Scania DE, fir-rigward ta’ żieda fil-prezzijiet ipprattikata minn [kunfidenzjali], billi indika li “[kien] hemm żieda fil-prezzijiet ([kunfidenzjali] biss) b’effett mill‑1 ta’ Ottubru: 2 % għall-mudelli [kunfidenzjali] kollha” u li “[l]-listi ta’ prezzijiet ma [kinux] inbidlu, ħlief it-tnaqqis tal-bejjiegħ”. Bl-istess mod, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fl‑10 ta’ Lulju 2007, impjegat ta’ [kunfidenzjali], bi tweġiba għal talba għal informazzjoni mressqa minn impjegat ta’ [kunfidenzjali] u indirizzata lil impjegati ta’ kompetituri li jaqgħu taħt il-livell Ġermaniż, ikkomunika bidla fl-iskontijiet applikati minn [kunfidenzjali]. L-impjegati ta’ Scania DE kienu jipparteċipaw fl-iskambji msemmija iktar ’il fuq.

357    Fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet netti, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’risposta għal talba għal informazzjoni, fit‑2 ta’ Diċembru 2004 mressqa minn impjegat ta’ [kunfidenzjali] dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għall-2005, [kunfidenzjali] informa lill-kompetituri tiegħu, b’mod partikolari, li l-prezzijiet netti kellhom jiżdiedu b’1 % mill‑1 ta’ Jannar 2005 għall-għażliet u mill‑1 ta’ Frar 2005 għall-kollezzjonijiet kollha. [kunfidenzjali] ippreċiżat li ż-żieda fil-prezzijiet kellha ssir permezz tat-tnaqqis tal-iskontijiet. Bl-istess mod, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ laqgħa bejn il-kompetituri fit‑12 ta’ Settembru 2005 fil-livell Ġermaniż, li fiha Scania kienet ipparteċipat, [kunfidenzjali] informat lill-kompetituri tagħha dwar żieda fil-prezz ta’ bejn 8 u 10 % nett għall-mudell ta’ trakk [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 179 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’risposta għal talba għal informazzjoni tal‑20 ta’ Lulju 2009 mressqa minn impjegat ta’ [kunfidenzjali] dwar, b’mod partikolari, żidiet fil-prezzijiet għas-sena 2010, [kunfidenzjali] informa lill-kompetituri tiegħu b’żieda ta’ 1.5 % tal-prezzijiet netti, applikata fuq l-ordnijiet li saru minn Ottubru 2009. Skambji ta’ informazzjoni dwar prezzijiet netti jirriżultaw ukoll mill-provi dokumentali prodotti fil-premessi 184 u 188 tad-deċiżjoni kkontestata. L-impjegati ta’ Scania DE kienu jipparteċipaw fl-iskambji msemmija iktar ’il fuq.

358    Fir-rigward ta’ diversi skambji ppreżentati fil-punti 356 u 357 iktar ’il fuq (pereżempju, l-iskambji ppreżentati fil-premessi 140, 149, 156 u 158 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti, billi jirrikorru għar-raġunament ippreżentat fil-punti 327 u 342 iktar ’il fuq, jinvokaw il-fatt li l-informazzjoni skambjata kienet informazzjoni “attwali” (u mhux futura) li taqa’ taħt id-dominju pubbliku. Sa fejn dan ir-raġunament diġà ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, l-argument tar-rikorrenti ma jikkonfutax il-konklużjoni fformulata fil-punt 355 iktar ’il fuq.

iii) Fuq ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mir-regoli Euro 3 sa Euro 6, imsemmija fil-premessa 238(b) tad-deċiżjoni kkontestata

359    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 238(b) tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat li Scania u l-partijiet għar-riżolviment kienu kkonkludew ftehimiet u/jew kienu kkoordinaw ruħhom dwar ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mill-istandards Euro 3 sa Euro 6. Mill-premessa 212(b) tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, diversi minn dawn il-prattiki kollużivi seħħew fil-livell Ġermaniż.

360    Ir-rikorrenti jikkontestaw li kienu ftiehmu fil-livell Ġermaniż f’dak li jirrigwarda r-riperkussjoni tal-ispejjeż (żieda fil-prezzijiet gross) marbuta mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji f’materji ta’ emissjonijiet. Barra minn hekk, filwaqt li ma jiċħdux li ġiet skambjata informazzjoni fuq il-prezzijiet fil-livell Ġermaniż, huma jikkontestaw li l-prezzijiet marbuta mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji li huma s-suġġett tal-iskambju kienu prezzijiet futuri jew prezzijiet previsti.

361    Mill-fajl jirriżulta li l-Kummissjoni stabbilixxiet, b’mod suffiċjenti fid-dritt, l-eżistenza tal-prattiki kollużivi ppreżentati fil-punt 359 iktar ’il fuq u l-parteċipazzjoni ta’ Scania f’dawn il-prattiki.

362    Bħala eżempju, mill-provi ppreżentati fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fil-kuntest ta’ skambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, li seħħ bejn it‑2 u t‑8 ta’ Diċembru 2004, li fih ipparteċipa impjegat ta’ Scania DE, [kunfidenzjali] informa lill-kompetituri tiegħu bl-intenzjoni tiegħu li jżid il-prezz għall-mudelli l-ġodda konformi mal-istandard Euro 4 b’EUR 5 410. Bl-istess mod, mill-provi ppreżentati fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, b’risposta għal messaġġ elettroniku ta’ B, impjegat ta’ Scania DE, indirizzat lill-kompetituri u li jitlob informazzjoni dwar il-prezzijiet u d-dati ta’ kunsinna ta’ magni konformi mal-istandards Euro 4 u Euro 5, J tas-sussidjarja Ġermaniża [kunfidenzjali], wieġeb li dan il-manifattur kien ser jikkunsinna trakkijiet konformi ma’ dawn l-istandards mix-xahar ta’ April jew mix-xahar ta’ Mejju 2005 u li l-prezzijiet addizzjonali għall-magni konformi mal-istandards Euro 4 u Euro 5, huma ta’ EUR 11 500 u EUR 14 800 rispettivament. Barra minn hekk, mill-provi ppreżentati fil-premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li matul il-laqgħa bejn il-kompetituri saru skambji fuq il-prezzijiet fil-livell Ġermaniż, fit‑12 ta’ Settembru 2005. Fost is-suġġetti ta’ diskussjoni kien hemm iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2006. I ta’ Scania DE kien preżenti għal-laqgħa. Min-noti bil-miktub ta’ wieħed mill-parteċipanti fil-laqgħa jirriżulta li [kunfidenzjali] informa lill-kompetituri tiegħu dwar is-soprataxxa li dan il-manifattur kien ser japplika minħabba l-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandards Euro 4 u Euro 5. Mill-provi li jinsabu fil-fajl jirriżulta wkoll li, fil-laqgħa tat‑12 ta’ Settembru 2005 imsemmija iktar ’il fuq, I ta’ Scania DE ta preżentazzjoni ddettaljata dwar iż-żidiet fil-prezzijiet li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandards Euro 3 u Euro 4 applikati minn Scania. Mill-provi ppreżentati fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, dwar laqgħa bejn kompetituri fil-livell Ġermaniż fit‑12 u fit‑13 ta’ Marzu 2008, jirriżulta wkoll li saru skambji ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet ippjanati tal-prezzijiet. Preżentazzjoni magħmula minn [kunfidenzjali] indikat żieda ta’ EUR 2 350 għall-magni konformi mal-istandard Euro 5 mix-xahar ta’ Mejju 2008.

363    Fir-rigward ta’ diversi skambji ppreżentati fil-punt 362 iktar ’il fuq (l-iskambji ppreżentati fil-premessi 141, 149 u 166 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti, billi użaw ir-raġunament ippreżentat fil-punti 327 u 342 iktar ’il fuq, isostnu li l-informazzjoni skambjata kienet attwali u mhux futura u li din kienet taqa’ taħt il-qasam pubbliku. Sa fejn dan ir-raġunament diġà ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali, l-argument tar-rikorrenti ma jikkonfutax il-konklużjoni magħmula fil-punt 361 iktar ’il fuq.

iv)    Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva oħra fuq il-livell kummerċjali, imsemmi fil-premessa 238(c) tad-deċiżjoni kkontestata

364    Għandu jitfakkar li, fil-premessa 238(c) tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rrilevat li Scania u l-partijiet għar-riżolviment kienu skambjaw informazzjoni sensittiva oħra fuq il-livell kummerċjali, bħal informazzjoni dwar it-termini ta’ kunsinna, l-ordnijiet magħmula u l-livell tal-istokkijiet, ishma tas-suq fil-mira, il-prezzijiet netti attwali u t-tnaqqis, il-listi ta’ prezzijiet gross (anki qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom) u l-konfiguraturi tat-trakkijiet.

365    Ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li l-“informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva” li xi drabi ġiet skambjata fil-livell Ġermaniż kienet ta’ natura teknika u li ma kinitx kapaċi telimina l-inċertezza strateġika bejn il-parteċipanti fir-rigward tal-aġir tagħhom fis-suq. Skont ir-rikorrenti, din l-informazzjoni ma setgħetx titqies, waħedha jew flimkien mal-informazzjoni l-oħra msemmija fil-premessa 238 tad-deċiżjoni kkontestata, li tifforma parti minn ksur “minħabba l-għan”.

366    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li mill-premessa 237 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, skont il-Kummissjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva, ippreżentata fil-punt 364 iktar ’il fuq, kien jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi użati mill-kompetituri li kien jippermettilhom jikkoordinaw il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, peress li l-mezzi l-oħra kienu l-kuntatti kollużivi dwar it-tariffi, l-aġenda u l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mid-dħul fis-suq ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet konformi mal-istandards ta’ emissjonijiet (imsemmija fil-premessa 238(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata).

367    Mill-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li, skont il-Kummissjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell kummerċjali, ippreżentata fil-punt 364 iktar ’il fuq, kien jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi użati mill-kompetituri sabiex titnaqqas l-inċertezza strateġika bejniethom f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri, iż-żidiet fil-prezzijiet gross, l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tal-mudelli tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali.

368    Għandu jiġi nnotat ukoll li l-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata ma jagħmilx riferiment għall-iskambji ta’ “informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva”, identifikati fil-premessa 238(c) tad-deċiżjoni kkontestata.

369    Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat, fir-risposta tagħha, li r-riferiment għal “informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva” kien jikkostitwixxi wieħed mill-eżempji tal-mod li bih il-membri tal-akkordju implimentaw il-ftehim tagħhom fuq il-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati magħhom, u li dan ir-riferiment ma kienx iwessa’ l-portata tal-ksur.

370    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-eżami tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskambji ta’ “informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva” isir superfluwu jekk jirriżulta li l-Kummissjoni tasal sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ prattiki kollużivi oħra identifikati fil-premessa 238(a) u (b) u fil-premessa 317(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata u r-restrizzjoni “minħabba l-għan” tal-kompetizzjoni li tirriżulta minn dawn il-prattiki. Il-Qorti Ġenerali kkonkludiet fuq din il-kwistjoni fil-punt 394 iktar ’il quddiem.

371    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iskambji ta’ “informazzjoni oħra kummerċjalment sensittiva” ma għandhomx impatt fuq it-tul u l-gravità tal-ksur u, konsegwentement, fuq l-ammont tal-multa, sa fejn dawn huma ddeterminati mill-prattiki kollużivi identifikati fil-premessa 238(a) u (b) u fil-premessa 317(a) u (b) tad-deċiżjoni kkontestata.

3)      Fuq l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż

372    Ir-rikorrenti jsostnu li l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż kienu jirrigwardaw, fuq kollox, informazzjoni teknika dwar il-prodotti. Il-parteċipanti kellhom l-għan li jibqgħu informati bl-iżvilupp tekniku tat-trakkijiet sabiex iservu aħjar lill-klijenti. Skont ir-rikorrenti, il-parteċipanti fl-iskambji fil-livell Ġermaniż f’isem Scania DE kienu ħarrieġa fil-bejgħ u ma pparteċipawx fit-teħid ta’ deċiżjonijiet ta’ Scania DE fuq il-prezzijiet. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħhom, ir-rikorrenti ssottomettew dikjarazzjonijiet ġuramentati tal-impjegati ta’ Scania DE li kienu jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż.  Huma invokaw ukoll risposta [kunfidenzjali] għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.

373    Il-Kummissjoni ssostni li l-argumenti tar-rikorrenti huma infondati.

374    Għandu jiġi nnotat li l-kontenut tal-fajl ma jikkorroborax l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienu jikkonċernaw prinċipalment kwistjonijiet tekniċi. Min-naħa l-oħra, il-provi li jinsabu fil-fajl juru li parti importanti ta’ dawn l-iskambji kienu jirrigwardaw informazzjoni tariffarja, li, kuntrarjament għall-analiżi tar-rikorrenti, kellhom natura prospettiva u ma kinux jaqgħu taħt id-dominju pubbliku. L-għan antikompetittiv tal-iskambji fil-livell Ġermaniż huwa wkoll muri mill-fatt li diversi minn dawn l-iskambji kellhom bħala oriġini talbiet għal informazzjoni magħmula minn impjegati tad-diversi kostrutturi dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati mill-kompetituri għall-futur. B’hekk, fil-messaġġ elettroniku tat‑2 ta’ Diċembru 2004 ippreżentat fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, K ta’ [kunfidenzjali] kiteb, fir-rigward ta’ “[ż]ieda fil-prezzijiet fl-2005”, “l-istess bħal kull sena, il-kap irid ikun jaf jekk u meta ser iżżidu l-prezzijiet is-sena d-dieħla” u jispeċifika: “Għal din ir-raġuni, jekk jogħġobkom aqsmu din l-informazzjoni ma’ kulħadd sabiex ma jinħeliex ħin fuq talbiet individwali”. Fl-ittra elettronika tal‑21 ta’ Lulju 2009, ippreżentata fil-premessa 180 tad-deċiżjoni kkontestata, L, impjegat ta’ [kunfidenzjali], b’risposta għal messaġġ elettroniku ta’ I ta’ Scania DE, li talab suġġetti ta’ diskussjoni għal-laqgħa tal-kompetituri fil-livell Ġermaniż tas‑17 u tat‑18 ta’ Settembru 2009, kien ifformula “suġġerimenti spontanji tas-suġġetti” billi ppreċiża: “Euro VI? Naf – wieħed jista’ jitkellem u wieħed jixtieq jitkellem dwar dan is-suġġett? – Kif nistgħu nerġgħu ngħollu lkoll il-livell tal-prezzijiet ta’ din is-sena?” ”

375    Fid-dikjarazzjonijiet ġuramentati tagħhom, l-impjegati ta’ Scania DE affermaw li huma ma kinux jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tariffarji fi ħdan din il-kumpannija, iżda dawn l-affermazzjonijiet ma jikkorroborawx l-allegazzjoni li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienu jirrigwardaw b’mod partikolari informazzjoni teknika, u lanqas l-allegazzjoni li tgħid li l-impjegati msemmija iktar ’il fuq, bil-parteċipazzjoni tagħhom fl-imsemmija skambji, kellhom l-għan li jżommu ruħhom informati dwar l-iżviluppi tekniċi.

376    Bl-istess mod, l-affermazzjoni [kunfidenzjali], invokata mir-rikorrenti, li l-informazzjoni dwar il-prezzijiet ma kinitx tikkostitwixxi r-raġuni prinċipali tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fl-iskambji fil-livell Ġermaniż u d-dikjarazzjoni tagħha li din il-kumpannija kienet tinteressa ruħha fil-listi ta’ prezzijiet ta’ kostrutturi oħra għar-raġuni prinċipali li kienu l-uniċi dokumenti li jinkludu stampa sħiħa tad-diversi mudelli u varjazzjonijiet ta’ trakkijiet ma tikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali. Kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, l-affermazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq [kunfidenzjali] ma jispjegawx ir-raġuni għala kien neċessarju, għall-finijiet tal-ksib tal-lista tad-diversi mudelli u varjazzjonijiet ta’ trakkijiet, li tiġi skambjata wkoll informazzjoni dwar iż-żidiet futuri tal-prezzijiet. Barra minn hekk, mill-fajl jirriżulta li dan il-manifattur indika b’mod ċar matul il-proċedura amministrattiva (fir-risposti tiegħu għal talba għal informazzjoni mressqa mill-Kummissjoni) li l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienu jikkonċernaw ukoll informazzjoni dwar iż-żidiet previsti fl-iskali tal-prezzijiet u li dawn l-iskambji kienu ta’ natura sistematika u regolari.

377    Mill-kunsiderazzjonijiet, preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma hijiex konvinta mill-allegazzjonijiet tar-rikorrenti ppreżentati fil-punt 372 iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, il-fajl juri l-fondatezza tal-konklużjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 307 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-iskambji dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross tat-trakkijiet kienu jmorru lil hinn minn skambju ta’ informazzjoni li kienet tinsab fid-dominju pubbliku u kellhom l-għan li jżidu t-trasparenza bejn il-partijiet u, konsegwentement, li jnaqqsu l-inċertezzi marbuta mal-funzjonament normali tas-suq.

378    Barra minn hekk, anki jekk jiġi preżunt li l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż segwew għanijiet leġittimi, bħal dawk invokati mir-rikorrenti, li kienu jeżistu flimkien mal-għan antikompetittiv stabbilit, dan il-fatt ma jikkonfutax il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Fil-fatt, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sew li mġiba kollużiva tista’ titqies li għandha għan restrittiv anki jekk l-uniku għan tagħha ma jkunx li tirrestrinġi l-kompetizzjoni, iżda ssegwi wkoll għanijiet leġittimi oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Novembru 2008, Competition Authority vs Beef Industry Development Society Ltd u Barry Brothers (Carrigmore) Meats Ltd, C‑209/07, EU:C:2008:643, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

379    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti dwar l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż għandu jiġi miċħud.

4)      Fuq il-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż

380    Ir-rikorrenti jsostnu li analiżi tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku, b’mod partikolari tan-natura u tal-istruttura tas-suq tat-trakkijiet kif ukoll tal-kundizzjonijiet għall-funzjonament tiegħu, tqiegħed f’dubju n-natura “minħabba l-għan” tal-ksur ikkunsidrat mill-Kummissjoni.

381    Ir-rikorrenti jispjegaw li t-trakkijiet huma prodotti u kkummerċjalizzati taħt numru kbir ta’ forom u varjazzjonijiet skont il-bżonnijiet tal-klijenti u li l-prezz finali tagħhom jiddependi mill-karatteristiċi tagħhom u mill-ispeċifiċitajiet tas-suq nazzjonali li fih huma jinbiegħu. Ir-rikorrenti jinnotaw ukoll li x-xerrejja tat-trakkijiet huma professjonisti li għandhom setgħa ta’ nnegozjar importanti.

382    Ir-rikorrenti jikkonkludu għalhekk li, minħabba l-kumplessità tat-trakkijiet u tan-numru kbir ta’ fatturi li jinfluwenzaw il-prezz finali ffatturat lill-klijent, li jsir prezz individwalizzat, il-prezzijiet gross u l-listi ta’ prezzijiet gross skambjati bejn il-kompetituri ma għandhomx valur informattiv fuq il-parametri tal-kompetizzjoni (jiġifieri fuq il-prezzijiet li għandhom jiġu ffatturati jew effettivament applikati fit-tranżazzjonijiet tas-suq) u li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti dan il-kuntest fil-mument tad-determinazzjoni tan-natura tal-iskambji ta’ informazzjoni.

383    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li Scania tuża mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet li huwa kumpless u li fih id-deċiżjonijiet dwar it-tariffi jittieħdu f’diversi skali kummerċjali indipendenti minn xulxin u abbażi ta’ negozjati liberi bejn is-sede ta’ Scania, id-distributuri nazzjonali, il-konċessjonarji lokali u l-klijenti finali. Il-varjazzjoni tal-prezzijiet tul il-katina tal-provvista, li tirriżulta min-natura indipendenti tan-negozjati fil-livelli kollha, toħloq, għaldaqstant, nuqqas ta’ konnessjoni bejn il-prezzijiet fabbrika-distributuri u l-iskali ta’ prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji u l-prezz reali tat-tranżazzjoni applikata mill-konċessjonarji indipendenti lill-klijenti finali. Insostenn tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017, li juri, fir-rigward ta’ Scania, id-differenza kbira bejn il-prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji u l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet korrispondenti kif ukoll l-assenza ta’ tendenza komuni fil-listi ta’ prezzijiet gross u fil-prezzijiet reali tat-tranżazzjonijiet. Minn dan isegwi li kompetitur ma setax jiddeduċi x’kienet tkun il-varjazzjoni approssimattiva fil-prezz reali tat-tranżazzjoni abbażi ta’ bidla fil-lista ta’ prezzijiet gross.

384    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessi 22 sa 40 tad-deċiżjoni kkontestata ppreżentat l-istruttura tas-suq tat-trakkijiet u l-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet (ara l-punti 19 sa 22 iktar ’il fuq).

385    Għandu jitfakkar ukoll li, fil-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni teżamina l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fil-livell Ewropew fuq il-livell nazzjonali (ara l-punti 32 u 33 iktar ’il fuq). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li d-distributuri nazzjonali tal-kostrutturi, bħal Scania DE, ma humiex indipendenti fl-iffissar tal-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross, u li l-prezzijiet kollha applikati f’kull stadju tal-katina ta’ distribuzzjoni sal-konsumatur finali jirriżultaw mil-listi ta’ prezzijiet gross pan-Ewropej stabbiliti fil-livell tas-sede (premessa 51 tad-deċiżjoni kkontestata).

386    Minn dan isegwi, skont il-Kummissjoni, li żieda fil-prezzijiet fl-iskala pan-Ewropea tal-prezzijiet gross, deċiża fil-livell tas-sede, tiddetermina l-moviment tal-prezz nett tad-distributur, jiġifieri tal-prezz li d-distributur iħallas fis-sede għax-xiri tat-trakk. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, iż-żieda mis-sede tal-prezzijiet gross imsemmija iktar ’il fuq tinfluwenza wkoll il-livell tal-prezz gross tad-distributur, jiġifieri l-prezz li l-konċessjonarju jħallas lid-distributur, anki jekk il-prezz għall-konsumatur finali ma jkunx neċessarjament mibdul bl-istess proporzjon jew ma jinbidel bl-ebda mod (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

387    Għaldaqstant, billi ħadet inkunsiderazzjoni dan il-kuntest fattwali, il-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura antikompetittiva tal-iskambji ta’ informazzjoni dwar iż-żidiet futuri fil-prezzijiet gross, tippreċiża, fil-premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata, li, minħabba t-trasparenza ikbar tas-suq tat-trakkijiet u l-konċentrazzjoni kbira tagħha, l-unika inċertezza li l-partijiet kienu jaffaċċjaw kienet dik dwar jekk il-politika tariffarja uffiċjali tal-kompetituri tagħhom kinitx ser tiġi emendata, u jekk dan kien il-każ, għal liema raġuni u f’liema data. Il-Kummissjoni tikkonstata li, sabiex tiġi eliminata din l-inċertezza, Scania u l-partijiet għar-riżolviment stabbilixxew skambju strutturat u sistematiku ta’ informazzjoni strateġika dwar l-iżviluppi tariffarji futuri. Skont il-Kummissjoni, iż-żidiet futuri fil-prezzijiet gross kienu jikkostitwixxu fattur ta’ ffissar tal-prezzijiet applikat għal-listi pan-Ewropej tal-prezzijiet gross (li l-partijiet kollha kellhom ħlief [kunfidenzjali]), peress li dawn il-listi kienu l-oriġini tal-prezzijiet kollha applikati fuq livell nazzjonali, inklużi l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet finali (premessa 284 tad-deċiżjoni kkontestata).

388    Il-Kummissjoni tippreċiża wkoll li l-fatt li ma kienx possibbli li jiġu kkalkolati eżattament il-prezzijiet finali tat-trakkijiet mibjugħa lill-konsumaturi abbażi tal-iskambju ta’ informazzjoni, ma huwiex rilevanti. Skont il-Kummissjoni, l-iskambju ta’ informazzjoni li juri t-tendenza tal-moviment futur tal-prezzijiet gross kien jippermetti lill-kompetituri jifhmu d-data u l-mod ta’ kif il-prezzijiet ser jevolvu fl-Ewropa. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, l-iskambju tal-listi ta’ prezzijiet gross dettaljati kien jippermetti lill-kostrutturi japprossimaw il-prezzijiet netti attwali u/jew futuri permezz tal-kombinazzjoni tat-tipi differenti ta’ informazzjoni li kienu kisbu (premessa 285 tad-deċiżjoni kkontestata).

389    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessi 41 sa 50 tad-deċiżjoni kkontestata, tiddeskrivi l-mekkaniżmu ta’ ffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania u l-atturi involuti f’dan l-iffissar (ara l-punti 23 sa 31 iktar ’il fuq).

390    Mill-punti 384 sa 389 iktar ’il fuq jirriżulta li, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni b’mod suffiċjenti l-kuntest tal-iskambji ta’ informazzjoni li Scania pparteċipat fihom, sabiex tikkonkludi li dawn kienu ta’ natura antikompetittiva “minħabba l-għan” tagħhom. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tas-suq tat-trakkijiet u tal-mekkaniżmu tariffarju tagħhom sabiex tikkonkludi li l-iskambji ta’ informazzjoni prospettiva mwettqa, b’mod partikolari, fil-livell Ġermaniż, huma ta’ natura antikompetittiva “minħabba l-għan”.

391    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 383 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, prattika miftiehma jista’ jkollha għan antikompetittiv anki jekk din ma jkollhiex rabta diretta mal-prezz tal-konsum (ara l-punti 319 sa 321 iktar ’il fuq). Konsegwentement, l-assenza ta’ impatt li jista’ jkollha żieda fil-prezzijiet gross, deċiża fi kwalunkwe stadju fil-katina ta’ distribuzzjoni ta’ Scania, fuq il-prezz imħallas mill-konsumatur finali ma hijiex biżżejjed sabiex tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-iskambju ta’ informazzjoni dwar il-modifiki futuri tal-prezzijiet gross, imwettaq b’mod partikolari fil-livell Ġermaniż, kien jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” minħabba l-utilità tal-informazzjoni skambjata għad-definizzjoni tal-istrateġija tariffarja tal-kompetituri.

392    It-tieni nett, l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 383 iktar ’il fuq, ma jurix l-assenza ta’ natura strateġika tal-informazzjoni dwar il-bidliet futuri fil-prezzijiet gross ipprovduti mill-impjegati ta’ Scania DE matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-preżentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ pprezzar fi ħdan Scania (ara, b’mod partikolari, il-punti 26, 27 u 31 iktar ’il fuq), il-prezzijiet gross applikati minn Scania DE, li fuqhom jiġu applikati skontijiet, jiffurmaw il-bażi tal-prezz għall-bejgħ ta’ trakkijiet lil konċessjonarji fis-suq Ġermaniż. Minn dan isegwi li l-bidliet futuri fil-prezzijiet gross imsemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu element li jinfluwenza l-prezz tat-trasferiment tat-trakk minn Scania DE lejn il-konċessjonarji Ġermaniżi u li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar dawn l-emendi huma ta’ natura strateġika.

393    Fir-raba’ lok, u b’mod iktar ġenerali, in-natura strateġika tal-informazzjoni dwar il-bidla futura fil-prezzijiet gross, skambjata fil-livell Ġermaniż, hija pprovata wkoll mill-frekwenza, min-natura regolari u sistematika tal-iskambji kif ukoll mill-fatt, mhux ikkontestat, irrilevat fil-premessa 93 tad-deċiżjoni kkontestata, li, fil-każ tal-maġġoranza tal-kostrutturi, din l-informazzjoni kienet ta’ spiss ittrasferita lis-sedi rispettivi tagħhom u kienet meħuda inkunsiderazzjoni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-istrateġiji tariffarji tagħhom.

394    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-argument tar-rikorrenti dwar il-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż għandu jiġi miċħud. Għandu jiġi konkluż ukoll li l-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” ma hijiex ivvizzjata bi żball. Għaldaqstant, il-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

e)      Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-portata ġeografika tal-ksur relatat mal-livell Ġermaniż kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE

395    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-portata ġeografika tal-ksur kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE għat-tul kollu tiegħu, u b’hekk tkopri l-aġir tal-kompetituri fil-livell Ġermaniż.

396    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kkonkludiet f’dan il-każ li kien hemm ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE, mis‑17 ta’ Jannar 1997 sat‑18 ta’ Jannar 2011.

397    F’dak li jirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur, il-Kummissjoni kkunsidrat li dan kien jestendi għat-territorju kollu taż-ŻEE għall-perijodu kollu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011 (premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata).

398    Ir-raġunament tal-Kummissjoni li bbażat il-konklużjoni fil-premessa 386 tad-deċiżjoni kkontestata huwa ppreżentat, kif ġej, fil-premessi 388 u 389 tad-deċiżjoni kkontestata:

“(388) Scania u l-partijiet għar-riżolviment għandhom prezzijiet gross applikabbli fuq livell Ewropew u listi ta’ prezzijiet gross. Il-provi juru li, qabel u wara l-introduzzjoni tal-listi ta’ prezzijiet fuq livell Ewropew jew dinji, il-kompetituri kellhom diskussjonijiet antikompetittivi li kienu jkopru t-territorju tal-partijiet kontraenti għall-Ftehim ŻEE u kienu jaqblu fuq iż-żidiet fil-prezzijiet gross sabiex il-prezzijiet għal trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE jiġu allinjati. Qabel l-introduzzjoni tal-listi Ewropej tal-prezzijiet, il-provi juru li d-diskussjonijiet ma kinux jikkonċernaw biss pajjiżi speċifiċi iżda [li] kellhom, b’mod espliċitu, portata Ewropea (ara l-premessi 103 u 104). Wara l-introduzzjoni tal-listi Ewropej tal-prezzijiet gross, applikabbli fit-territorju kollu taż-ŻEE, il-kompetituri setgħu jifhmu l-istrateġija Ewropea tal-ipprezzar billi jiskambjaw informazzjoni dwar żidiet fil-prezzijiet gross fil-Ġermanja (ara l-premessa 175) billi jirriflettu ż-żidiet fil-prezzijiet gross applikati mis-sedi fuq il-listi Ewropej tal-prezzijiet gross rispettivi tagħhom.

(389) Barra minn hekk, huma ftiehmu u/jew ikkoordinaw l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, imposti mir-regoli Euro 3 sa [Euro] 6 li kienu applikabbli fit-territorju kollu taż-ŻEE. L-iskambji fuq id-dati tal-introduzzjoni tal-istandards teknoloġiċi l-ġodda (pereżempju l-istandard Euro 3) u fuq iż-żidiet fil-prezzijiet relatati ma kinux limitati għal ċerti pajjiżi, iżda kienu jkopru ż-ŻEE kollha (ara l-premessi 100 u 103).”

399    Għandu jitfakkar ukoll li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-iskambji bejn il-kompetituri fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, kienu ntgħażlu f’Settembru 2004 u li, wara din id-data, l-iskambji bejn il-kompetituri tkomplew fil-livell Ġermaniż (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

400    Fost id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata kien hemm Scania DE. Il-Kummissjoni kkunsidrat li din l-entità kienet direttament responsabbli għall-iskambju ta’ informazzjoni antikompetittiva għall-perijodu bejn l‑20 ta’ Jannar 2004 u t‑18 ta’ Jannar 2011 (premessa 410(b) tad-deċiżjoni kkontestata).

401    Ir-rikorrenti, sabiex isostnu t-teżi tagħhom li l-iskambji ta’ informazzjoni bejn kompetituri fil-livell Ġermaniż ma kellhomx portata li marret lil hinn mit-territorju Ġermaniż, iressqu, essenzjalment, żewġ gruppi ta’ argumenti.

402    Minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-informazzjoni miksuba minn Scania DE mill-kompetituri tagħha ma kinitx ta’ interess lil hinn mis-suq Ġermaniż. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, Scania DE qatt ma assumiet li din l-informazzjoni kellha tali interess u li setgħet tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-istrateġija tariffarja Ewropea tal-kompetituri tagħha.

403    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jsostnu li Scania DE ma pprovdietx informazzjoni lill-kompetituri tagħha li kellhom interess lil hinn mis-suq Ġermaniż, u b’hekk tnaqqas l-inċertezza tagħhom fir-rigward tal-istrateġija tariffarja ta’ Scania barra mill-Ġermanja. Barra minn hekk, Scania DE ma tatx lill-kompetituri tagħha l-“impressjoni” li jipprovdu informazzjoni li tikkonċerna ż-ŻEE kollha.

404    Dawn iż-żewġ gruppi ta’ argumenti huma eżaminati iktar’ il quddiem.

1)      Fuq il-portata ġeografika ta’ l-informazzjoni miksuba minn Scania DE

405    Fl-ewwel lok, mill-fajl jirriżulta li l-kostrutturi tat-trakkijiet bdew japplikaw b’mod progressiv listi Ewropej tal-prezzijiet gross mis-sena 2000 u li, fl‑2006, il-maġġoranza tal-kostrutturi kellhom tali listi, jiġifieri [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali]. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li dan kien ukoll il-każ ta’ Scania, kif ser jiġi spjegat fil-punti 426 sa 428 iktar ’il quddiem. Kienet biss [kunfidenzjali] li ma kellhiex lista Ewropea ta’ prezzijiet gross.

406    Għandu jiġi rrilevat ukoll li r-rikorrenti ma jikkontestawx, fir-rigward tal-partijiet l-oħra, il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-listi Ewropej tal-prezzijiet gross huma stabbiliti fis-sede tal-kostrutturi u li ż-żidiet fil-prezzijiet indikati f’dawn il-listi jinfluwenzaw il-livell tal-prezzijiet fil-livell tad-distributuri u tal-konċessjonarji.

407    Fit-tieni lok, il-fajl ta’ din il-kawża jinkludi elementi li jissuġġerixxu li l-kompetituri kellhom għarfien, ftit jew wisq preċiż, tal-eżistenza ta’ tali listi. B’hekk, minn preżentazzjoni interna tal-[kunfidenzjali] tat‑30 ta’ Marzu 2006, ippreżentata fil-premessa 151 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li dan il-manifattur kellu informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tal-kompetituri, ibbażati fuq il-listi Ewropej tal-prezzijiet gross ta’ [kunfidenzjali], ta’ [kunfidenzjali], ta’ Scania u ta’ [kunfidenzjali], mil-lista Taljana tal-prezzijiet [kunfidenzjali] u mil-lista Ġermaniża tal-prezzijiet ta’ [kunfidenzjali]. Bl-istess mod, kif jirriżulta mill-premessa 160 tad-deċiżjoni kkontestata, skont investigazzjoni mwettqa minn impjegati ta’ kompetituri stabbiliti fi Spanja dwar l-“istruttura tal-prezzijiet”, li r-riżultati tagħha kienu indikati f’tabella, [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali], [kunfidenzjali] u [kunfidenzjali] kellhom “prezzijiet komuni” fl-Unjoni, filwaqt li [kunfidenzjali] u Scania ma kellhomx. It-tabella bir-riżultati tal-investigazzjoni kienet ikkomunikata lill-impjegati tal-kompetituri stabbiliti fi Spanja, fosthom l-impjegati ta’ Scania Spanja.

408    Fir-rigward tal-invokazzjoni mir-rikorrenti ta’ preżentazzjoni interna ta’ [kunfidenzjali] ta’ April 2008, li setgħet tissuġġerixxi li din l-impriża ma kinitx taħseb, fl-2008, li l-kompetituri tagħha kienu jużaw listi Ewropej tal-prezzijiet gross, il-Qorti Ġenerali ma tikkunsidrahiex bħala determinanti fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-provi li hija wettqet. Barra minn hekk, din l-impriża affermat, fl‑2010, fil-kuntest tat-talba tagħha għal immunità, li hija kellha lista Ewropea ta’ prezzijiet gross u li “dan seta’ jkun ukoll il-każ tal-kompetituri”, u b’hekk tissuġġerixxi lill-Kummissjoni li l-portata ġeografika tal-iskambji setgħet tkun Ewropea.

409    Fit-tielet lok, ċerti manifatturi li għandhom listi Ewropej tal-prezzijiet gross ([kunfidenzjali]) speċifikaw, matul il-proċedura amministrattiva, li ż-żidiet fil-prezzijiet li huma kienu jikkomunikaw fil-livell Ġermaniż kienu, essenzjalment, iż-żidiet applikati għall-imsemmija listi Ewropej, sa fejn dawn il-listi kienu ssostitwixxew il-listi nazzjonali. Il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment, f’dan ir-rigward, għat-tweġibiet ta’ [kunfidenzjali], ta’ [kunfidenzjali] u ta’ [kunfidenzjali] għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tas‑27 ta’ Novembru 2012, annessi mar-risposta, u għat-tweġiba ta’ [kunfidenzjali] għat-talba għal informazzjoni tal-Kummissjoni tad‑19 ta’ Settembru 2013, prodotta minnha wara l-miżura istruttorja adottata mill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 75 iktar ’il fuq). Minn dawn il-provi jirriżulta li l-portata tal-informazzjoni antikompetittiva pprovduta minn tal-inqas xi kompetituri ta’ Scania matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż, li fihom huwa paċifiku li impjegati ta’ Scania DE kienu jipparteċipaw, kienet teċċedi s-suq Ġermaniż.

410    Fir-raba’ lok, kif huwa indikat fil-premessa 327(c) tad-deċiżjoni kkontestata, mill-fajl jirriżulta li, f’diversi okkażjonijiet, l-impjegati tal-kostrutturi li jipparteċipaw fl-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż kienu jikkomunikaw din l-informazzjoni fis-sede, li jikkostitwixxi element addizzjonali li juri li l-portata ta’ dawn l-iskambji kienet tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż (ara l-premessa 213 tad-deċiżjoni kkontestata b’referenza għal eżempji ta’ komunikazzjoni lis-sedi ta’ informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż). F’dan ir-rigward, għandu jsir riferiment, b’mod partikolari, għall-kontenut tal-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, li mhux biss turi l-komunikazzjoni fis-sede ta’ [kunfidenzjali] tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż, iżda tikkorrobora wkoll l-argument tal-Kummissjoni, espost fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż, dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross, kienet tgħin lill-manifatturi jifhmu l-istrateġija tariffarja tal-kompetituri tagħhom fuq livell Ewropew. B’hekk, skont il-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 175 tad-deċiżjoni kkontestata, il-maniġer ta’ [kunfidenzjali] fis-sede tal-kumpannija, jikteb lill-kollegi tiegħu dwar l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż: “Hawnhekk, nixtieq naqsam magħkom ħarsa ġenerali lejn is-suq Ġermaniż fir-rigward tal-ħinijiet tal-produzzjoni u ż-żidiet fil-prezzijiet tal-kompetituri tagħna […] Tal-inqas l-istrateġija tal-prezzijiet tallinja sew mal-approċċ globali Ewropew tal-kompetituri.”

411    Bl-istess mod, il-fatt, stabbilit fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv, li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede kienu jafu bl-iskambji ta’ informazzjoni tariffarja fil-livell Ġermaniż (ara l-punti 221 sa 229 iktar ’il fuq), jikkorrobora l-argument tal-Kummissjoni dwar il-portata ġeografika tal-iskambji fil-livell Ġermaniż.

412    Fil-ħames lok, mill-fajl jirriżulta li, kif il-Kummissjoni tinnota fil-premessa 327(b) tad-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-fatt li s-sussidjarji Ġermaniżi tal-partijiet ma kinux jipproduċu trakkijiet u ma kinux inkarigati li jiżviluppaw teknoloġiji, peress li dawn ir-responsabbiltajiet kienu fil-kompetenza esklużiva tas-sede, seta’ jitqies li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż dwar l-aġenda u dwar l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-konformità mal-istandards Euro 5 u Euro 6 kienet toriġina mis-sede u kienet tikkonċerna ż-ŻEE kollha.

413    Il-konstatazzjoni fil-punt 412 iktar ’il fuq tintwera permezz tal-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata li tikkonċerna lil Scania. F’messaġġ elettroniku tas‑26 ta’ Lulju 2005, I, impjegat ta’ Scania DE li pparteċipa fl-iskambji fil-livell Ġermaniż, ipprovda lil E, tas-sede ta’ [kunfidenzjali], b’informazzjoni dwar id-data tal-preżentazzjoni minn Scania tal-firxa kollha tagħha ta’ magni konformi mal-istandard Euro 4 u dwar l-introduzzjoni ta’ mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandard Euro 5 filwaqt li ppreċiżat li ser ikollha l-għarfien tad-dati eżatti u tal-prezzijiet “wara l-vaganzi [tal-persunal] fil-fabbrika ta’ Södertälje [l-Isvezja]”. Sa fejn Södertälje hija l-belt fejn Scania għandha s-sede tagħha, din il-preċiżazzjoni, ipprovduta mill-impjegat ta’ Scania DE lill-impjegat ta’ [kunfidenzjali], tippermetti li jiġi dedott li l-informazzjoni li jagħmel riferiment għaliha l-impjegat ta’ Scania DE kienet toriġina mis-sede u kellha, għalhekk, portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Il-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata turi wkoll l-influwenza tas-sede ta’ Scania fid-determinazzjoni tal-prezzijiet applikati għas-suq Ġermaniż, problema li hija indirizzata fil-punti 422 sa 438 iktar ’il quddiem.

414    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 405 sa 413 iktar ’il fuq, meħuda flimkien, għandu jiġi kkonstatat li l-portata tal-informazzjoni miksuba minn Scania DE matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienet teċċedi s-suq Ġermaniż.

415    F’dan ir-rigward, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-impjegati ta’ Scania DE li jipparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż qatt ma ppreżumew li l-informazzjoni rċevuta mir-rappreżentanti tas-sussidjarji tal-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet kienet relatata ma’ prezzijiet Ewropej jew setgħet tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-istrateġija tariffarja Ewropea tal-kostrutturi l-oħra, ma tikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali.

416    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-fajl ta’ din il-kawża jinkludi elementi li jissuġġerixxu li l-użu tal-listi Ewropej tal-prezzijiet gross mill-maġġoranza tal-kostrutturi ma kinux jikkostitwixxu sigriet (ara l-punt 407 iktar ’il fuq). Konsegwentement, huwa kompletament possibbli li jiġi preżunt li l-impjegati ta’ Scania DE u s-sede fl-Isvezja kienu jafu bl-eżistenza ta’ dawn il-listi u setgħu, għaldaqstant, jiddeduċu l-istrateġija tariffarja tal-kompetituri tagħhom abbażi tal-informazzjoni miksuba fil-livell Ġermaniż, pereżempju, abbażi tal-informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross, li kienu applikati fil-listi Ewropej tal-prezzijiet tal-kompetituri (ara l-punt 409 iktar ’il fuq).

417    Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma hijiex konvinta mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li Scania DE, kuntrarjament għall-parteċipanti l-oħra fl-iskambji fil-livell Ġermaniż, qatt ma bagħtet lill-uffiċċju tagħha l-informazzjoni rċevuta fil-livell Ġermaniż. Ċertament, il-fajl ma jinkludix prova li tali trażmissjoni effettivament seħħet. Madankollu, jirriżulta mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata, li I ta’ Scania DE, organizzatriċi u parteċipanta f’laqgħa fil-livell Ġermaniż li nżammet f’Koblenz (il-Ġermanja) fit‑12 u fit‑13 ta’ Mejju 2008, bagħtet lill-kollegi tagħha ta’ Scania DE informazzjoni dwar żidiet fil-prezzijiet, skambjati matul din il-laqgħa, filwaqt li ppreċiżat li din l-informazzjoni kienet “għadha” ma ntbagħtitx lis-sede fl-Isvezja. L-użu tal-kelma “għadha” tissuġġerixxi li l-intenzjoni tal-impjegat imsemmi iktar ’il fuq ta’ Scania DE kienet li jikkomunika l-informazzjoni lis-sede u li din il-komunikazzjoni lis-sede ma kinitx ta’ natura eċċezzjonali.

418    Fi kwalunkwe każ, il-fatt li l-fajl fih elementi li juru li l-impjegati fil-livell inferjuri tal-kwartieri ġenerali ta’ Scania kienu konxji dwar l-iskambju ta’ informazzjoni tariffarja antikompetittiva fil-livell Ġermaniż (ara l-punt 228 iktar ’il fuq) u li l-laqgħat fiż-żewġ livelli kienu ta’ spiss isiru fl-istess data u fl-istess post, jirrendi irrilevanti l-assenza ta’ prova diretta tat-trażmissjoni mill-impjegati ta’ Scania DE lis-sede ta’ Scania tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż. Fil-fatt, fid-dawl taż-żewġ elementi msemmija iktar ’il fuq, jista’ jiġi dedott li s-sede ta’ Scania kienet taf il-kontenut ta’ din l-informazzjoni.

419    It-tielet nett, għandu jiġi nnotat li impjegati tas-sede ta’ ċerti kostrutturi kienu jipparteċipaw ukoll fl-iskambji fil-livell Ġermaniż. Dan kien, b’mod frekwenti, il-każ għal [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, f’messaġġ elettroniku tal‑11 ta’ Novembru 2004, ippreżentat fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, mibgħut minn C tas-sede ta’ [kunfidenzjali] u indirizzat lil impjegati ta’ kompetituri li jaqgħu kemm taħt is-sede kif ukoll taħt il-livell Ġermaniż, fosthom A tas-sede ta’ Scania u B ta’ Scania DE, C ippreżenta żewġ impjegati ġodda tas-sede ta’ [kunfidenzjali] li huma responsabbli għat-tariffi ċentrali fi ħdan dan il-kostruttur. Dawn l-elementi relatati mal-parteċipazzjoni tal-impjegati tas-sede fl-iskambji li seħħew fil-livell Ġermaniż, jikkostitwixxu indizju tal-fatt li l-impjegati ta’ Scania DE ma setgħux ma jissupponux li l-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż kienet ta’ interess għall-istrateġija tariffarja tal-kompetituri fuq livell Ewropew.

420    Ir-raba’ nett, fid-dawl tal-provi esposti iktar ’il fuq, id-dikjarazzjonijiet ġuramentati tal-impjegati ta’ Scania DE li jipparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż u li jsostnu l-allegazzjoni ppreżentata fil-punt 415 iktar ’il fuq, ma jikkonvinċunix lill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punt 281 iktar ’il fuq, dawn id-dikjarazzjonijiet, prodotti wara t-tmiem tal-ksur u għall-finijiet speċifiċi insostenn tal-pożizzjoni ta’ Scania, għandhom valur probatorju limitat.

421    Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, evalwat globalment (ara l-punt 198 iktar ’il fuq), għandu jiġi konkluż li Scania DE, permezz tal-parteċipazzjoni tal-impjegati tagħha fl-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż, kisbet informazzjoni li għandha portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, dan il-motiv għandu jiġi miċħud, irrispettivament minn jekk Scania DE pprovdietx ukoll informazzjoni li l-portata tagħha tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2001, Tate & Lyle et vs Il‑Kummissjoni, T‑202/98, T‑204/98 u T‑207/98, EU:T:2001:185, punt 58). Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina din l-aħħar kwistjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, imwettaq minn Scania u, jekk ikun il-każ, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens, C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2)      Fuq il-portata ġeografika tal-informazzjoni pprovduta minn Scania DE

422    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni, fil-premessa 388 tad-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat li, wara l-introduzzjoni tal-listi Ewropej tal-prezzijiet gross, il-kostrutturi tat-trakkijiet setgħu jifhmu l-istrateġija tariffarja Ewropea tal-kompetituri tagħhom billi jiskambjaw informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross applikati fis-suq Ġermaniż, sa fejn dawn iż-żidiet jirriflettu żidiet applikati mis-sedi tal-kostrutturi fil-parametri Ewropej tagħhom tal-prezzijiet gross.

423    Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li l-informazzjoni dwar il-listi ta’ prezzijiet gross ipprovduti matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż ma kinitx tirrifletti l-prezzijiet ta’ Scania fuq livell Ewropew u, għaldaqstant, ma kinitx tikkontribwixxi sabiex titnaqqas l-inċertezza tal-kompetituri ta’ Scania dwar l-istrateġija tariffarja tagħha barra mill-Ġermanja.

424    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw li ma huwiex eżatt li jiġi kkunsidrat li l-FGPL tikkostitwixxi lista ta’ prezzijiet gross fil-livell taż-ŻEE u li hija sservi bħala bażi għan-negozjati li seħħew fil-kuntest tal-proċess ta’ tarifikazzjoni. Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017 li juri li ma teżisti l-ebda korrelazzjoni bejn il-FGPL u l-prezz gross distributuri-konċessjonarji fil-Ġermanja. Ir-rikorrenti jispjegaw li l-FGPL tikkostitwixxi għodda ta’ referenza interna li s-sede ta’ Scania tuża sabiex issegwi l-livell ġenerali tal-prezzijiet tal-partijiet differenti ta’ trakk fil-proċess ta’ manifattura ta’ Scania. Minkejja isimha, il-FGPL ma tikkostitwixxix “lista ta’ prezzijiet”, peress li hija ma tiffissax il-prezz ta’ trasferiment tal-partijiet fi kwalunkwe livell li jkun tan-network ta’ distribuzzjoni. Ir-rikorrenti jippreċiżaw li n-negozjati, imwettqa bl-istess mod, bejn id-distributuri u s-sede jsiru abbażi tal-listi ta’ prezzijiet netti fabbrika-distributuri speċifiċi għal kull pajjiż u li huma dawn il-listi li jiġu nnegozjati kull darba li l-kundizzjonijiet għas-suq jiġġustifikaw żieda jew tnaqqis fil-prezzijiet. Insostenn tal-argument tagħhom dwar in-natura tal-FGPL, ir-rikorrenti ssottomettew dikjarazzjonijet ġuramentati mill-impjegati tas-sede ta’ Scania u ta’ Scania DE. Insostenn tal-allegazzjoni tagħhom dwar il-fatt li n-negozjati bejn id-distributuri Scania u s-sede jitmexxew fuq livell ugwali u li huma ekwivalenti għal negozjati bejn partijiet li jaġixxu bħala sieħba kummerċjali indipendenti u bħala ċentri kompetituri ta’ profitt, ir-rikorrenti jinvokaw rapport intern ta’ Scania, redatt fl-2010, il-“Masterfile ta’ Scania fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment”.

425    L-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 424 iktar ’il fuq, juri diverġenza bejn id-deskrizzjoni tas-sistema tariffarja ta’ Scania li ġiet ipprovduta fil-kuntest tat-tweġibiet għal talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva u d-deskrizzjoni ta’ din is-sistema li ngħatat fir-risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u quddiem il-Qorti Ġenerali.

426    Id-deskrizzjoni tas-sistema tariffarja ta’ Scania fid-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 23 sa 31 iktar ’il fuq) kienet ibbażata fuq l-informazzjoni pprovduta minn Scania fil-kuntest tar-risposti, b’mod partikolari tas‑16 ta’ April u tal‑5 ta’ Lulju 2012, għal talbiet għal informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni. Il-grafika li tinsab fil-premessa 50 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 31 iktar ’il fuq) li tiżvela l-influwenza tal-FGPL fuq il-prezzijiet applikati fid-diversi stadji tal-katina ta’ distribuzzjoni, kienet prodotta wkoll minn Scania fil-kuntest tar-risposti msemmija iktar ’il fuq. Bl-istess mod, fil-kuntest tar-risposta tal‑5 ta’ Lulju 2012, Scania kienet iddeskriviet b’mod partikolari r-rwol tal-Kumitat tal-prezzijiet u tal-Viċi President Eżekuttiv tal-bejgħ [kunfidenzjali].

427    Min-naħa l-oħra, l-argument ippreżentat fil-punt 424 iktar ’il fuq jirrifletti l-pożizzjoni ta’ Scania esposta in tempore suspecto, jiġifieri fir-risposta tagħha għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u quddiem il-Qorti Ġenerali.

428    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali, bi qbil mal-Kummissjoni, tqis li saħħa probatorja ogħla għandha tingħata lir-risposti tar-rikorrenti għat-talbiet għal informazzjoni, indirizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament Nru 1/2003, milli għall-ispjegazzjonijiet ipprovduti mir-rikorrenti wara, b’risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet. Skont l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 1/2003, l-impriżi li jipprovdu informazzjoni mhux eżatta jew qarrieqa b’risposta għal talba għal informazzjoni mressqa skont l-Artikolu 18(2) ta’ dan ir-regolament, jistgħu jiġu imposti fuqhom multi li ma jeċċedux iktar mill-1 % tad-valur totali tal-bejgħ fis-sena tagħhom.

429    Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li r-rikorrenti ma ppreżentaw ebda dokument li jikkorrobora l-argumenti tagħhom dwar in-natura tal-FGPL. Kif il-Kummissjoni tirrileva fil-premessa 299(a) tad-deċiżjoni kkontestata, jagħmel sens li wieħed jistenna li Scania tkun tista’ tipprovdi d-dokumentazzjoni li tikkorrobora l-analiżi tagħha tal-FGPL. Scania ma għamlitx dan u sempliċement ipproduċiet dikjarazzjonijiet ġuramentati ta’ wħud mill-impjegati tagħha, li għandhom saħħa probatorja limitata u ma jikkonvinċux lill-Qorti Ġenerali (ara l-punt 420 iktar ’il fuq).

430    Fir-rigward tal-invokazzjoni tar-rikorrenti tar-rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017 li juri assenza ta’ korrelazzjoni bejn l-FGPL u l-prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji fil-Ġermanja (ara l-punt 424 iktar ’il fuq), dan ir-rapport jikkonstata li l-bidliet speċifiċi fl-FGPL ma humiex akkumpanjati minn bidliet identiċi fil-prezz gross distributuri-konċessjonarji applikat fil-Ġermanja. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-analiżi tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq tali korrelazzjoni, peress li din bl-ebda mod ma sostniet li żieda fil-prezzijiet fil-FGPL kienet twassal għal żieda identika fil-prezz gross distributur-konċessjonarju fil-Ġermanja. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li żieda fil-prezzijiet li tidher fil-FGPL tinfluwenza l-prezz nett għad-distributur (jiġifieri l-prezz li d-distributur iħallas fis-sede) u l-prezz gross tad-distributur (jiġifieri l-prezz li l-konċessjonarju jħallas lid-distributur), anki jekk il-prezz għall-konsumatur finali ma kienx neċessarjament mibdul bl-istess proporzjon jew ma kien emendat bl-ebda mod (premessa 52 tad-deċiżjoni kkontestata). B’hekk jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq il-korrelazzjoni msemmija fir-rapport ekonomiku tad‑9 ta’ Diċembru 2017.

431    Mill-punti 423 sa 430 iktar ’il fuq jirriżulta li l-argument tal-Kummissjoni li l-FGPL tikkostitwixxi lista Ewropea ta’ prezzijiet gross li tinfluwenza t-tariffi tat-trakkijiet fil-livell tad-distributuri nazzjonali (u, għaldaqstant, fil-livell ta’ Scania DE) hija stabbilita b’mod suffiċjenti fid-dritt.

432    B’mod iktar ġenerali, il-provi li jinsabu fil-fajl juru li d-distributuri nazzjonali ta’ Scania (u għalhekk Scania DE) ma humiex indipendenti mis-sede fid-determinazzjoni tal-politika tariffarja tagħhom lejn il-konċessjonarji.

433    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-FGPL hija stabbilita fil-livell tas-sede. Mill-grafika ppreżentata fil-punt 31 iktar ’il fuq jirriżulta li l-FGPL tikkostitwixxi komponent tariffarju importanti sa fejn il-prezzijiet kollha applikati fl-istadji downstream tal-katina ta’ distribuzzjoni ta’ Scania jirriżultaw minn din il-FGPL, u mit-tnaqqis u mill-marġni ta’ profitt li minnhom jibbenefikaw l-operaturi differenti.

434    It-tieni nett, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-distributuri ta’ Scania kienu jikkostitwixxu, fil-parti l-kbira tagħhom, sussidjarji kkontrollati mis-sede 100 % (ara l-punt 20 iktar ’il fuq), li kien, barra minn hekk, il-każ ta’ Scania DE. Fid-dawl ta’ dan il-fatt, il-Qorti Ġenerali ma hijiex konvinta bl-allegazzjoni tar-rikorrenti li n-negozjati tariffarji bejn l-imsemmija distributuri u s-sede kienu jikkostitwixxu negozjati bejn partijiet li jaġixxu bħala sieħba kummerċjali indipendenti u bħala ċentri kompetituri ta’ profitt.

435    F’dan ir-rigward, għandu jiġi nnutat li l-provi ppreżentati fil-premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata, li jikkonsistu f’dokumenti interni tal-Kumitat tal-Prezzijiet (ara l-punt 24 iktar ’il fuq), juru li dan il-korp (li jaqa’ taħt is-sede ta’ Scania) kellu rwol b’saħħtu fid-determinazzjoni tal-livell ta’ tnaqqis applikat għad-distributuri nazzjonali. Ir-rikorrenti, billi jibbażaw ruħhom fuq dikjarazzjoni ġuramentata ta’ membru tal-kumitat dwar il-prezzijiet, sempliċiment isostnu li d-dokumenti interni msemmija iktar ’il fuq kienu jagħmlu riferiment għal avveniment eċċezzjonali, jiġifieri t-tnedija ta’ mutur ġdid, strateġiku ħafna għal Scania, u ma jirriflettux sitwazzjoni abitwali. Madankollu, din id-dikjarazzjoni ġuramentata ma għandhiex valur probatorju suffiċjenti sabiex tikkontesta l-valur probatorju u l-kontenut ċar tal-provi prodotti fil-premessi 249 u 250 tad-deċiżjoni kkontestata u ma tikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali.

436     Barra minn hekk, fir-rigward tal-invokazzjoni minn Scania tal-“Masterfile tagħha fuq il-prezzijiet ta’ trasferiment” tal-2010 (ara l-punt 424 iktar ’il fuq), għandu jiġi nnotat li dan id-dokument għandu l-għan li juri l-osservanza minn Scania tal-prinċipju ta’ distakkament (arm’s length principle) fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ trasferiment fi ħdan il-grupp (pereżempju, fl-iffissar tal-prezzijiet netti għad-distributuri), f’każ ta’ kontroll fiskali. Madankollu, bi qbil mal-Kummissjoni (ara l-premessa 296 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Qorti Ġenerali tqis li l-fatt li s-sede ta’ Scania tapplika prezzijiet ta’ trasferiment li josservaw il-prinċipju ta’ distakkament ma jurix l-indipendenza tad-distributuri ta’ Scania fin-negozjati tariffarji, iżda pjuttost juri li dawn il-prezzijiet ta’ trasferiment huma ffissati f’livelli li jippermettu li dawn il-prezzijiet ma jiġux ikkontestati mill-awtoritajiet fiskali kompetenti.

437    Fit-tielet lok, il-fatt li Scania DE ma hijiex indipendenti fid-determinazzjoni tal-politika tariffarja tagħha jidher mill-provi dokumentali prodotti fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 413 iktar ’il fuq). Hija tidher ukoll mill-provi dokumentali ppreżentati fil-premessi 134 u 135 tad-deċiżjoni kkontestata, li juru l-koerenza tal-informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet gross ipprovduti lill-kompetituri mill-impjegati ta’ Scania DE u mill-impjegati ta’ Scania, rispettivament, fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija. B’hekk, jirriżulta mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 134 tad-deċiżjoni kkontestata li, matul il-laqgħa tat‑3 u tal‑4 ta’ Mejju 2004, fil-livell Ġermaniż, l-impjegat ta’ Scania DE informa lill-kompetituri bil-fatt li l-prezzijiet tal-kollezzjoni l-ġdida [kunfidenzjali] ta’ trakkijiet kienu ser ikunu ogħla b’6 % bħala medja minn dawk tal-kollezzjoni attwali [kunfidenzjali]. Madankollu, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li r-rappreżentant ta’ Scania li pparteċipa fil-laqgħa tas‑27 u tat‑28 ta’ Mejju 2004, fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, informa lill-kompetituri li l-prezzijiet tal-kollezzjoni [kunfidenzjali] tat-trakkijiet kienu ser ikunu bejn 5 u 6 % ogħla mill-prezzijiet tal-kollezzjoni [kunfidenzjali]. Din il-koerenza tal-informazzjoni pprovduta waqt l-iskambji fiż-żewġ livelli ta’ kuntatti kollużivi msemmija iktar ’il fuq hija tali li turi, hija wkoll, il-fatt li l-informazzjoni pprovduta mill-impjegati ta’ Scania DE matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż kellha portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż.

438    Fid-dawl tar-rwol li kellha s-sede ta’ Scania fid-determinazzjoni tal-politika tariffarja ta’ Scania DE, kif muri fil-punti 433 sa 437 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-informazzjoni tariffarja antikompetittiva pprovduta mill-impjegati ta’ Scania DE lill-kompetituri matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż kienet tirrifletti strateġija tariffarja stabbilita fil-livell tas-sede ta’ Scania u kellha, għalhekk, portata li tmur lil hinn mis-suq Ġermaniż.

439    Din il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex ikkontestata mill-kontenut tar-rapporti ekonomiċi tal‑20 ta’ Settembru 2016 u tad‑9 ta’ Diċembru 2017, invokati mir-rikorrenti.

440    Skont ir-rikorrenti, iż-żewġ rapporti ekonomiċi msemmija iktar’il fuq juru li l-prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji ta’ Scania DE ma humiex rappreżentattivi tal-prezzijiet implimentati f’pajjiżi oħra Ewropej u, għal din ir-raġuni, ma jistgħux inaqqsu l-inċertezza fir-rigward tal-l-istrateġija tariffarja ta’ Scania fiż-ŻEE. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ Scania, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ibbażata fuq l-argument li jeżisti paralleliżmu kwalunkwe bejn il-prezzijiet gross distributuri-konċessjonarji applikati għall-pajjiżi differenti Ewropej, sa fejn, kif jirriżulta mill-grafika ppreżentata fil-punt 31 iktar ’il fuq, il-prezz gross tad-distributur nazzjonali huwa ddeterminat skont it-tnaqqis applikat għall-FGPL u l-marġni benefiċjarju tiegħu. Id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li kull żieda applikata għall-FGPL, u deċiża għalhekk mis-sede, tinfluwenza, fi gradi differenti (skont it-tnaqqis applikat), il-prezz gross tad-distributur nazzjonali (ara l-premessi 51 u 52 tad-deċiżjoni kkontestata).

441    Fi kwalunkwe każ, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-fajl juri b’mod suffiċjenti fid-dritt il-fatt li, indipendentement mill-portata ġeografika reali tal-informazzjoni pprovduta minn Scania DE, din kienet tagħti l-impressjoni lill-kompetituri tagħha li l-informazzjoni li hija kienet tipprovdilhom kellha portata u interess li jmur lil hinn mis-suq Ġermaniż, u b’hekk tikkontribwixxi għall-għanijiet komuni mfittxija permezz ta’ skambju, fil-livell Ġermaniż, ta’ informazzjoni antikompetittiva.

442    F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-iskambju ppreżentat fil-premessa 148 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punt 413 iktar ’il fuq). Fil-fatt, fid-dawl tal-insinwazzjoni tal-impjegat ta’ Scania DE li l-informazzjoni dwar id-dati ta’ introduzzjoni tal-mudelli tat-trakkijiet u dwar il-prezzijiet, li huwa kien ser jikkomunika lill-impjegat ta’ [kunfidenzjali], kienet toriġina mis-sede ta’ Scania, huwa raġonevoli li jiġi dedott li l-imsemmi impjegat ta’ [kunfidenzjali] kien ipperċepixxa din l-informazzjoni bħala li għandha interess li jmur lil hinn mis-suq Ġermaniż. Għandu jsir riferiment ukoll għall-messaġġ elettroniku tat‑28 ta’ Ottubru 2009, ippreżentat fil-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata, li juri li s-sede ta’ [kunfidenzjali] kienet irċeviet informazzjoni min-naħa ta’ Scania, matul l-iskambji fil-livell Ġermaniż, li tgħid li żieda fil-prezzijiet ta’ 3 % kienet ippjanata li tidħol fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2010 u li din iż-żieda kienet marbuta ma’ “facelift” tat-trakkijiet. Għalhekk, sa fejn iż-żieda fil-prezzijiet żvelata minn Scania lill-kompetitur tagħha kienet marbuta ma’ spiża tal-produzzjoni tat-trakkijiet u sa fejn Scania DE ma bnietx trakkijiet, jista’ jiġi dedott li [kunfidenzjali] kienet irċeviet l-informazzjoni msemmija iktar ’il fuq dwar iż-żieda fil-prezzijiet bħala li għandha portata li teċċedi s-suq Ġermaniż.

443    Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

f)      Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-aġir identifikat kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u li r-rikorrenti kienu responsabbli f’dan ir-rigward

444    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni qieset li l-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma bejn Scania u l-partijiet għar-riżolviment kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u t‑18 ta’ Jannar 2011. Il-ksur kien jikkonsisti f’kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross fiż-ŻEE għat-trakkijiet medji u tqal, kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż marbuta mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal meħtieġa mill-istandards Euro 3 sa Euro 6 (premessa 315 tad-deċiżjoni kkontestata).

445    B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni kkunsidrat li, permezz ta’ kuntatti antikompetittivi, il-partijiet segwew pjan komuni li għandu għan antikompetittiv uniku u li Scania kienet taf jew kellha tkun taf bil-kamp ta’ applikazzjoni ġenerali u bil-karatteristiċi essenzjali tan-network ta’ kuntatti kollużivi, u kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-akkordju permezz tal-azzjonijiet tagħha, b’tali mod li hija setgħet tinżamm responsabbli għall-ksur kollu kemm hu (premessi 316 u 350 tad-deċiżjoni kkontestata).

446    Ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu f’dan il-każ u l-imputazzjoni ta’ dan il-ksur kollu kemm hu fir-rigward tagħhom.

1)      Fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ ksur uniku u kontinwu

i)      Osservazzjonijiet preliminari

447    Għandu jitfakkar li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha turi li l-aġir differenti inkwistjoni jaqa’ taħt “pjan ġenerali” li għandu għan uniku (ara l-punt 196 iktar ’il fuq).

448    Diversi kriterji ġew identifikati mill-ġurisprudenza bħala rilevanti għall-evalwazzjoni tan-natura unika ta’ ksur, jiġifieri l-identità tal-għanijiet tal-prattiki inkwistjoni, l-identità tal-prodotti u s-servizzi kkonċernati, l-identità tal-impriżi li ħadu sehem u l-identità tal-metodi tal-implimentazzjoni tagħha (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata, ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il‑Kummissjoni, C‑239/11 P, C‑489/11 P u C‑498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866, punt 243). Barra minn hekk, l-identità tal-persuni fiżiċi involuti f’isem impriżi u l-identità tal-kamp ta’ applikazzjoni ġeografika tal-prattiki inkwistjoni huma elementi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet ta’ dan l-eżami (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il‑Kummissjoni, T‑147/09 u T‑148/09, EU:T:2013:259, punt 60).

449    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-kunċett ta’ għan uniku ma jistax jiġi ddeterminat b’riferiment ġenerali għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq ikkonċernat mill-ksur, peress li l-effett fuq il-kompetizzjoni jikkostitwixxi, bħala oġġett jew effett, element konsostanzjali ta’ kull aġir li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE. Tali definizzjoni tal-kunċett ta’ għan uniku toħloq ir-riskju li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jiġi mċaħħad minn parti mis-sens tiegħu, sa fejn dan ikollu bħala konsegwenza li aġir differenti li jikkonċerna settur ekonomiku pprojbit mid-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq ikollhom, b’mod sistematiku, jiġu kklassifikati bħala elementi li jikkostitwixxu ksur uniku (sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2007, BASF u UCB vs Il‑Kummissjoni, T‑101/05 u T‑111/05, EU:T:2007:380, punt 180).

450    Barra minn hekk, kif diġà ġie nnutat (ara l-punt 195 iktar ’il fuq), il-kundizzjoni dwar il-kunċett ta’ għan uniku timplika li għandu jiġi vverifikat li ma jeżistux elementi li jikkaratterizzaw l-aġir differenti li jagħmel parti mill-ksur li jista’ jindika li l-aġir materjalment implimentat minn impriżi parteċipanti oħra ma għandux l-istess għan jew l-istess effett antikompetittiv u konsegwentement ma jaqax taħt “pjan ġenerali” minħabba l-għan identiku tiegħu ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern.

ii)    Id-deċiżjoni kkontestata

451    Għandu jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-kuntatti kollużivi fi ħdan tliet livelli, deskritti fil-premessa 317 tagħha, kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali li kellu għan antikompetittiv uniku għar-raġunijiet li ġejjin.

452    Fl-ewwel lok, il-kuntatti kollha kienu jikkonċernaw l-istess prodotti, jiġifieri trakkijiet medji u tqal (premessa 319 tad-deċiżjoni kkontestata).

453    Fit-tieni lok, in-natura tal-informazzjoni maqsuma – informazzjoni dwar il-prezzijiet, iż-żidiet fil-prezzijiet gross, id-dati ta’ tnedija previsti tat-trakkijiet li josservaw l-istandards ambjentali l-ġodda u l-intenzjoni tal-kompetituri li jgħaddu l-ispejjeż assoċjati lill-klijenti – baqgħet l-istess matul il-perijodu kollu tal-ksur (premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Kummissjoni ppreċiżat li n-natura tad-diskussjonijiet u tal-ftehim dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet li kienu konformi ma’ ċerti standards ambjentali kienet marbuta u komplementari mal-kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross (premessa 321 tad-deċiżjoni kkontestata).

454    F’dan l-istess kuntest, il-Kummissjoni ppreċiżat li, anki jekk, minn Settembru 2004, il-partijiet ma baqgħux jipprovaw, bħal qabel, jikkonkludu ftehim speċifiku dwar żidiet futuri komuni fil-prezzijiet gross jew fuq dati speċifiċi ta’ tnedija tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali l-ġodda jew l-ammont tal-ispejjeż li l-partijiet kellhom jgħaddu fuq il-konsumaturi għal dawn it-trakkijiet, huma komplew jiftiehmu billi jiskambjaw l-istess tip ta’ informazzjoni u billi kellhom l-istess għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tat-tnaqqis tal-grad ta’ inċertezza strateġika bejniethom (premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata).

455    Fit-tielet lok, il-Kummissjoni rrilevat li l-kuntatti antikompetittivi seħħew ta’ spiss u kienu jikkonċernaw l-istess grupp ta’ kostrutturi tat-trakkijiet, jiġifieri Scania u l-partijiet għar-riżolviment. L-individwi involuti fil-kuntatti kienu jappartjenu lill-istess kostrutturi u jorganizzaw l-iskambji fi gruppi żgħar ta’ impjegati fi ħdan il-kostrutturi (premessa 323 tad-deċiżjoni kkontestata).

456    Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm il-livell u r-responsabbiltajiet interni tal-impjegati involuti fl-aġir kienu evolvew matul l-akkordju, in-natura, l-għan u l-portata tal-kuntatti u tal-laqgħat baqgħu identiċi matul it-tul kollu tal-akkordju (premessa 325 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni spjegat li l-kuntatti kollużivi li seħħew fit-tliet livelli kollha kellhom l-għan antikompetittiv li jirrestrinġu l-kompetizzjoni fis-suq tat-trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross u l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż fir-rigward tal-introduzzjoni tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali (premessa 326 tad-deċiżjoni kkontestata).

457    Fil-premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat tliet elementi li jikkorroboraw il-konklużjoni tagħha li ċ-ċaqliq tal-iskambji (the shift in the exchanges) fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fil-livell Ġermaniż ma kienx affettwa n-natura kontinwa tal-ksur.

458    L-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis kunsiderevoli bejn il-laqgħat miżmuma fi ħdan id-diversi livelli, peress li l-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija seħħew bejn l‑1997 u l‑2004; il-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede li seħħew bejn l‑2000 u l‑2008 u d-diskussjonijiet fil-livell Ġermaniż seħħew mill‑2004. Ir-riżultat kien, skont il-Kummissjoni, li, minkejja l-fatt li l-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija ma kinux komplew wara s‑16 ta’ Settembru 2004, il-kuntatti fiż-żewġ livelli l-oħra komplew mingħajr interruzzjoni (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni sostniet ukoll li, minn naħa, matul il-perijodu ta’ bejn l‑2003 u l‑2007, kienu jeżistu kuntatti bejn l-impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u l-impjegati tal-livell Ġermaniż u li ġew organizzati laqgħat konġunti u li, min-naħa l-oħra, il-partijiet kienu jiddiskutu ripetutament fil-livell inferjuri tas-sede dwar informazzjoni li kellha tiġi skambjata u f’liema livell (premessa 327(a) tad-deċiżjoni kkontestata).

459    It-tieni nett, il-Kummissjoni qieset li s-sussidjarji Ġermaniżi tal-partijiet ma kinux jipproduċu trakkijiet u ma kinux responsabbli għall-iżvilupp tat-teknoloġiji, peress li dawn ir-responsabbiltajiet jaqgħu taħt il-kompetenza esklużiva tas-sede. Konsegwentement, skont il-Kummissjoni, meta l-impjegati fil-livell Ġermaniż kienu jiskambjaw informazzjoni dwar l-aġenda u l-ispejjeż addizzjonali relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandards Euro 5 u Euro 6, huma kienu jiskambjaw informazzjoni li toriġina mis-sede u li tikkonċerna ż-ŻEE kollha (premessa 327(b) tad-deċiżjoni kkontestata).

460    It-tielet nett, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward ta’ diversi partijiet fl-akkordju, kienu jeżistu provi li s-sussidjarji Ġermaniżi kienu jipproduċu sistematikament l-intenzjonijiet tagħhom tal-prezz fis-sede u, iktar u iktar importanti, lill-persuni fil-livell tal-amministrazzjoni ċentrali involuta fil-proċess ta’ skambju ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni rrilevat ukoll li s-sede ta’ Scania kellha s-setgħa li tiddetermina l-prezzijiet gross tal-fabbrika u l-iskontijiet applikati għad-distributuri (li kienu sussidjarji miżmuma 100 % mill-kumpannija omm) u li Scania kellha skema strutturata ta’ laqgħat sabiex tiżgura implimentazzjoni rapida tad-deċiżjonijiet strateġiċi tas-sede, li kienet tindika li s-sede ta’ Scania ma setgħetx raġonevolment ma tkunx taf b’din l-informazzjoni.

461    Il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 328 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-bidla fl-akkordju (the change in the cartel) kienet ġiet amministrata b’mod kollettiv u kkoordinat bejn il-partijiet differenti, bil-għan li tiġi żgurata l-kontinwità fl-iskambji.

462    Fil-ħames lok, skont il-Kummissjoni, jekk il-mod li bih ġiet skambjata l-informazzjoni evolva b’mod naturali matul l-erbatax-il sena, li matulhom dam il-ksur, dan seħħ gradwalment u n-natura fundamentali tal-iskambji baqgħet l-istess: il-kuntatti evolvew minn skambji multilaterali, laqgħat jew preżentazzjonijiet wiċċ imb wiċċ għal skambji multilaterali permezz ta’ posta elettronika permezz tal-kumpilazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-prezzijiet futuri organizzati permezz ta’ messaġġi elettroniċi u ppreżentati fi spreadsheet (premessa 329 tad-deċiżjoni kkontestata).

463    Abbażi ta’ dawn il-ħames elementi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kuntatti kollużivi kienu marbuta flimkien u komplementari fin-natura tagħhom (premessa 330 tad-deċiżjoni kkontestata).

iii) Evalwazzjoni

464    Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li l-kuntatti kollużivi inkwistjoni kienu jikkonċernaw, matul it-tul kollu tagħhom, l-istess prodotti, jiġifieri t-trakkijiet medji u tqal, u li dawn kienu mwettqa mill-istess grupp ta’ kostrutturi tat-trakkijiet, jiġifieri Scania u l-partijiet għar-riżolviment. Barra minn hekk, il-fajl juri li l-kuntatti kienu jinvolvu grupp żgħir ta’ impjegati fi ħdan kull livell, b’kompożizzjoni relattivament stabbli u li tali kuntatti seħħew b’mod regolari u frekwenti.

465    Fit-tieni lok, għandha titfakkar l-eżistenza ta’ rabtiet bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi, jiġifieri li l-parteċipanti fi ħdan dawn il-livelli kienu impjegati tal-istess impriżi, jiġifieri ta’ Scania u tal-partijiet għar-riżolviment, li l-iskambji fi ħdan kull wieħed mil-livelli kellhom l-istess kontenut, li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fid-diversi livelli, li l-livelli kienu jagħmlu riferiment għal xulxin u kienu jiskambjaw informazzjoni miġbura u li kien hemm kuntatti komuni bejn il-livelli (ara l-punt 218 iktar ’il fuq). Għandu jitfakkar ukoll li r-rikorrenti ma rnexxielhomx, fil-kuntest tat-tielet motiv, jikkontestaw il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ rabtiet bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi (ara l-punt 229 iktar ’il fuq).

466    Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, bi qbil mal-Kummissjoni (ara l-punti 453 u 454 iktar ’il fuq), li l-kontenut tal-iskambji bejn il-partijiet kif ukoll l-għan tal-imsemmija skambji, li kien li titnaqqas l-inċertezza bejn il-partijiet dwar, essenzjalment, l-istrateġiji tariffarji futuri tagħhom, baqgħu l-istess. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet fondata meta rrilevat, fil-premessi 243 u 321 tad-deċiżjoni kkontestata, li n-natura tad-diskussjonijiet u tal-ftehim dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ mudelli ġodda ta’ trakkijiet konformi ma’ ċerti standards ambjentali kienet marbuta u komplementari mal-prattiki kollużivi relatati mal-prezzijiet u maż-żidiet fil-prezzijiet gross (ara l-punt 297 iktar ’il fuq).

467    Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li l-portata ġeografika tal-iskambji antikompetittivi fil-livell Ġermaniż kienet testendi għaż-ŻEE kollha, bi qbil mal-iskambji antikompetittivi fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija.

468    Abbażi tal-elementi msemmija iktar ’il fuq, għandha tiġi approvata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li l-iskambji bejn il-partijiet, deskritti fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, kienu jagħmlu parti minn pjan ġenerali li kellu għan antikompetittiv uniku.

469    L-argument tar-rikorrenti ma jikkonfutax il-konklużjoni tal-Qorti Ġenerali. Dan l-argument jista’ jinqasam fi tliet gruppi. L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball meta evalwat flimkien it-tliet livelli ta’ kuntatti bejn il-partijiet. It-tieni nett, huma jikkontestaw il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-informazzjoni skambjata fi ħdan it-tliet livelli ta’ kuntatti kienet tal-istess natura, kif jirriżulta mill-premessa 320 tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjoni tal-Kummissjoni, fil-premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“moviment” tal-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fil-livell Ġermaniż ma affettwax in-natura kontinwa tal-ksur.

–       Fuq l-evalwazzjoni globali tat-tliet livelli ta’ kuntatti

470    Sabiex jikkontestaw l-eżistenza ta’ pjan ġenerali f’dan il-każ, ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, kuntrarjament għall-approċċ segwit mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, it-tliet livelli ta’ kuntatti kellhom jiġu evalwati separatament u mhux flimkien.

471    Sabiex jiġġustifikaw din it-teżi, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma stabbilixxiet ebda rabta fattwali rilevanti bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi. Għar-raġunijiet imsemmija fil-punt 465 iktar ’il fuq, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

472    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-portata tal-ksur għandha tiġi ddeterminata abbażi ta’ elementi fattwali marbuta direttament mal-impjegati li pparteċipaw fl-aġir kollużiv allegat. Madankollu, il-Kummissjoni ma wrietx li l-impjegati tal-impriżi li pparteċipaw fil-kuntatti kollużivi f’livelli differenti kellhom għarfien u fehim komuni tal-portata tal-aġir kollużiv. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jirrilevaw li impjegati differenti kienu jirrappreżentaw l-impriżi fid-diversi livelli ta’ kuntatti.

473    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kuntatti kollużivi inkwistjoni twettqu, matul it-tul kollu tagħhom, mill-istess grupp ta’ kostrutturi tat-trakkijiet, jiġifieri Scania u l-partijiet għar-riżolviment. Barra minn hekk, dawn il-kuntatti kienu jinvolvu grupp żgħir ta’ impjegati fi ħdan kull livell, li l-kompożizzjoni tiegħu baqgħet relattivament stabbli, u seħħew b’mod regolari u frekwenti. Għandhom jitfakkru wkoll ir-rabtiet bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi. Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-fatt li ma kinux l-istess impjegati li pparteċipaw fil-kuntatti kollużivi ma jikkonfutax il-konklużjoni dwar l-eżistenza, f’dan il-każ, ta’ pjan komuni.

474    Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti, ippreżentata fil-punt 472 iktar ’il fuq, li l-Kummissjoni ma wrietx li l-impjegati tal-impriżi li jipparteċipaw fil-kuntatti kollużivi fil-livelli differenti kellhom għarfien u fehim komuni tal-portata tal-aġir kollużiv, din l-allegazzjoni tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk l-għarfien tal-pjan ġenerali għandux jiġi evalwat fil-livell tal-impriża jew fil-livell tal-impjegati tal-impriża. Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni evalwat dan l-għarfien fil-livell tal-impriża u li naqset milli teżamina l-għarfien min-naħa tal-impjegati.

475    Dan l-ilment tar-rikorrenti huwa infondat.

476    Fil-fatt, għandu jiġi nnutat li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-“impriżi” u li dan il-kunċett għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (ara s-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C‑97/08 P, EU:C:2009:536, punti 54 u 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

477    Għandu jiġi rrilevat ukoll li, fir-rigward tal-kwistjoni tal-imputabbiltà lill-impriżi tal-atti li jikkostitwixxu ksur imwettaq mill-impjegati tagħhom, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-setgħa tal-Kummissjoni li tissanzjona impriża tippreżumi biss l-azzjoni li tikkostitwixxi ksur ta’ persuna li hija ġeneralment awtorizzata taġixxi f’isem l-impriża (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Diċembru 2014, H & R ChemPharm vs Il‑Kummissjoni, T‑551/08, EU:T:2014:1081, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

478    Mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 476 u 477 iktar ’il fuq jirriżulta li l-kwistjoni tal-għarfien tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali għandha neċessarjament tiġi evalwata fil-livell tal-impriżi involuti u mhux fil-livell tal-impjegati tagħhom. Kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni, jekk hija kienet obbligata tipprova li kull wieħed mill-impjegati tal-istess impriża li pparteċipa fl-akkordju kellu għarfien preċiż tal-aġir tal-impjegati l-oħra fi ħdan l-akkordju, ikun impossibbli għaliha li turi l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, iktar u iktar peress li l-akkordji huma ġeneralment klandestini min-natura tagħhom u li l-provi huma ta’ spiss frammentarji u mxerrda fil-kawżi tal-akkordju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2011, Trade-Stomil vs Il‑Kummissjoni, T‑53/07, EU:T:2011:360, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan il-każ, minħabba l-eżistenza ta’ rabtiet bejn it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi u, b’mod partikolari, tal-fatt li l-persuni fiżiċi li pparteċipaw fit-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu impjegati tal-istess impriżi, jista’ jiġi dedott li dawn l-impriżi kellhom għarfien u fehim komuni tal-pjan ġenerali u, għaldaqstant, tal-aġir li jikkostitwixxi ksur.

479    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni kellha tevalwa separatament it-tliet livelli ta’ kuntatti kollużivi għandha tiġi miċħuda.

–       Fuq in-natura tal-informazzjoni skambjata fi ħdan it-tliet livelli ta’ kuntatti

480    Ir-rikorrenti jikkontestaw il-kunsiderazzjoni, espressa b’mod partikolari fil-premessi 320 u 322 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-informazzjoni skambjata fil-livelli differenti ta’ kuntatti kienet tal-istess natura u kienet issegwi l-istess għan antikompetittiv.

481    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, li tiżvela bidla fundamentali fin-natura tal-kuntatti, sa fejn din tiddikjara li, minn Settembru 2004, il-partijiet ma ppruvawx iktar, kif għamlu qabel din id-data, jilħqu ftehim preċiż fuq żidiet futuri fil-prezzijiet gross.

482    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Ċertament, il-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata tindika li, wara Settembru 2004, il-partijiet ma ppruvawx iktar jikkonkludu ftehimiet espliċiti, iżda kienu jillimitaw ruħhom, essenzjalment, li jiskambjaw informazzjoni li kellha l-għan li tirrestrinġi l-kompetizzjoni. Madankollu, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, minkejja li dan it-tibdil jista’ jinfluwenza l-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala ftehim jew prattika miftiehma, dan ma jikkonċernax in-“natura” tal-informazzjoni skambjata, li, skont il-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, baqgħet l-istess u kienet intiża sabiex tnaqqas il-grad ta’ inċertezza strateġika tal-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ trakkijiet li josservaw l-istandards ambjentali l-ġodda.

483    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jinvokaw il-premessi 116 u 117 tad-deċiżjoni kkontestata, li jippreżentaw laqgħa fil-livell inferjuri tas-sede, fit‑3 u fl‑4 ta’ Lulju 2001, li fil-kuntest tagħha l-impjegati tas-sede tal-partijiet esprimew it-tħassib tagħhom dwar l-iskambji li seħħew fil-livell Ġermaniż, li, fil-fehma tagħhom, kienu jmorru ferm lil hinn, u ftiehmu sabiex fil-futur jiskambjaw biss informazzjoni teknika u mhux informazzjoni dwar il-prezzijiet. Skont ir-rikorrenti, dawn il-premessi juru li l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede u fil-livell Ġermaniż ma kinux tal-istess natura u ma kellhomx l-istess għan.

484    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Qorti Ġenerali diġà kkonstatat, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet u tal-ħames motiv, li l-iskambji fil-livell inferjuri tas-sede u fil-livell Ġermaniż kienu jikkontribwixxu għat-twettiq tal-pjan komuni u li dawn iż-żewġ livelli ta’ kuntatti kollużivi kienu jippreżentaw rabtiet fattwali bejniethom, b’mod partikolari minħabba l-fatt li l-parteċipanti f’dawn il-livelli kienu impjegati tal-istess impriżi, għall-fatt li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fuq iż-żewġ livelli, minħabba l-fatt li kienu jeżistu kuntatti bejn l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede u l-impjegati fil-livell Ġermaniż, u minħabba l-fatt li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede kienu informati dwar il-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż (ara l-punti 224 u 228 iktar ’il fuq). Barra minn hekk, il-fajl juri li, minkejja l-ftehim bejn il-parteċipanti fil-livell inferjuri tas-sede fl-2001, li fil-futur ma jiskambjawx iktar informazzjoni tariffarja (ara l-punt 478 iktar ’il fuq), tali skambji saru xorta (ara l-punt 229 iktar ’il fuq). F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 483 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud. Fi kwalunkwe każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li, skont il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata u li ma ġewx ikkontestati mir-rikorrenti, laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija tal-partijiet li seħħew sax-xahar ta’ Settembru 2004, jiġifieri parallelament mal-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede, kellhom b’mod ċar għan antikompetittiv identiku għal dak tal-iskambji fil-livell Ġermaniż li saru wara l‑2004 u sat-tmiem tal-ksur fl‑2011.

485    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat f’dan il-każ l-eżistenza ta’ pjan ġenerali.

–       Fuq in-natura kontinwa tal-ksur

486    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkonstatat li l-interruzzjoni, f’Settembru 2004, tal-kuntatti kollużivi fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija tal-partijiet ma kkawżatx interruzzjoni tal-kuntatti kollużivi fiż-żewġ livelli l-oħra.

487    B’hekk, skont il-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, fil‑11 ta’ Novembru 2004, C, tas-sede ta’ [kunfidenzjali], kiteb lill-impjegati ta’ kostrutturi oħra, li jaqgħu taħt il-livell inferjuri tas-sede u tal-livell Ġermaniż, sabiex jippreżentalhom żewġ persuni ġodda ta’ kuntatt fis-sede ta’ [kunfidenzjali], responsabbli għat-tarifikazzjoni ċentrali tal-prodotti fis-sede ta’ [kunfidenzjali] fi [kunfidenzjali]. C talab lill-kompetituri jindikawlu l-persuni ta’ kuntatt fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom. Il-messaġġ elettroniku ta’ C intbagħat lil A u lil B, li jaqgħu, rispettivament, taħt il-livell inferjuri tas-sede u tal-livell Ġermaniż fi ħdan Scania. Bl-istess mod, kif issemma fil-premessa 140 tad-deċiżjoni kkontestata, il-kompetituri skambjaw, sa mit‑2 ta’ Diċembru 2004, fil-livell Ġermaniż, informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet ippjanati għas-sena 2005. Fil-kuntest ta’ dan l-iskambju, I, impjegat ta’ Scania DE, ipprovda l-informazzjoni li ġejja lil K, organizzatur ta’ dan l-iskambju ta’ informazzjoni u impjegat tas-sussidjarja Ġermaniża [kunfidenzjali]: “[M]ix-xahar ta’ Marzu 2005, ser ngħollu l-prezzijiet tal-kollezzjonijiet [kunfidenzjali] kollha tagħna b’ 1.5 %”. B’hekk jirriżulta li l-iskambji tal-partijiet fl-akkordju fil-livell Ġermaniż kellhom l-istess kontenut bħall-iskambji tagħhom fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija b’mod konformi.

488    Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, fil-premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 457 sa 461 iktar ’il fuq), ma humiex ivvizzjati bi żball. B’hekk, huwa paċifiku li kien hemm sovrappożizzjoni ratione temporis bejn il-laqgħat miżmuma fi ħdan id-diversi livelli. Barra minn hekk, fil-kuntest tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet l-eżistenza ta’ kuntatti bejn l-impjegati tal-livell inferjuri tas-sede u tal-livell Ġermaniż u l-fatt li l-impjegati fil-livell inferjuri tas-sede kienu jafu bil-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż. Barra minn hekk, fil-kuntest tas-sitt motiv, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni kienet stabbilixxiet il-fatt li l-informazzjoni tariffarja skambjata fil-livell Ġermaniż kienet toriġina mis-sede tal-partijiet u li l-impjegati fil-livell Ġermaniż kienu jikkomunikaw fis-sede tal-informazzjoni tariffarja miksuba fil-kuntest tal-iskambji tagħhom.

489    Abbażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni kellha raġun tikkunsidra li, minkejja ċ-ċirkustanza li l-kuntatti kollużivi fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija kienu ġew interrotti f’Settembru 2004, l-istess akkordju (li kellu l-istess kontenut u l-istess portata) ġie segwit wara din id-data, bl-unika differenza li l-impjegati involuti kienu jaqgħu taħt livelli organizzattivi differenti fi ħdan l-impriżi involuti, u mhux fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija.

490    L-argumenti tar-rikorrenti ma jikkontestawx din il-konklużjoni.

491    Minn naħa, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma spjegatx il-mod li bih “iċ-ċaqliq” tal-kuntatti kollużivi tal-livell ta’ korpi ta’ tmexxija lejn il-livell Ġermaniż kien seħħ. Huma jsostnu li, sabiex “ċaqliq” ikun jista’ jitqies li jikkostitwixxi t-tkomplija tal-prattiki preċedenti, kellu jiġi implimentat mekkaniżmu ta’ kontroll sabiex tiġi żgurata l-kontinwità. Huma jinvokaw ukoll is-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 223), li fiha l-Qorti Ġenerali fakkret li, fil-każ fejn it-tkomplija ta’ ftehim jew ta’ prattiki miftiehma teżiġi miżuri pożittivi partikolari, il-Kummissjoni ma tistax tippreżumi t-tkomplija tal-akkordju fl-assenza ta’ prova tal-adozzjoni tal-imsemmija miżuri.

492    Dan l-argument tar-rikorrenti ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni użat il-kliem “ċaqliq” jew “migrazzjoni” mill-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fil-livell Ġermaniż sabiex tindika li kien seħħ bdil fil-livell tal-impjegati li pparteċipaw fil-kuntatti kollużivi, u mhux sabiex tindika li kienet seħħet xi interruzzjoni tal-akkordju. Barra minn hekk, fil-premessa 327 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreżentat iċ-ċirkustanzi fattwali li juru l-kontinwazzjoni tal-akkordju wara Settembru 2004 (ara l-punti 458 sa 460 iktar ’il fuq) u, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, hija tipprova li l-ebda “miżura pożittiva partikolari”, fis-sens tas-sentenza tal‑10 ta’ Novembru 2017, Icap et vs Il‑Kummissjoni (T‑180/15, EU:T:2017:795, punt 223), ma kienet meħtieġa.

493    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ma wrietx fid-deċiżjoni kkontestata li l-impjegati ta’ Scania DE li pparteċipaw fil-laqgħat fil-livell Ġermaniż kienu jafu li kienu involuti fl-estensjoni tal-prattiki li kienu seħħew fiż-żewġ livelli l-oħra jew li l-impjegati ta’ Scania li pparteċipaw fil-laqgħat fil-livell inferjuri tas-sede kienu jafu bil-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija.

494    Dan l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq l-argument li l-għarfien tal-pjan ġenerali għandu jiġi evalwat fil-livell tal-impjegati tal-impriża u mhux fil-livell tal-impriża nnifisha. Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat, dan l-argument huwa żbaljat (ara l-punti 474sa 478 iktar ’il fuq).

495    Fir-rigward tal-kwistjoni tal-għarfien, fil-livell tal-impriża Scania, tan-natura kontinwa tal-ksur minkejja l-“moviment” tal-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija lejn il-livell Ġermaniż, għandhom jitfakkru l-elementi li ġejjin.

496    L-ewwel nett, għandu jitfakkar ir-rwol importanti li għandha s-sede ta’ Scania fl-iffissar tal-prezzijiet fil-livell tad-distributuri nazzjonali tal-impriża u, għaldaqstant, fil-livell ta’ Scania DE li hija 100 % sussidjarja. Il-mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania ġie eżaminat fil-kuntest tas-sitt motiv.

497    Fitt-tieni lok, għandu jitfakkar li l-provi li jinsabu fil-fajl juru li l-impjegati fis-sede ta’ Scania (livell inferjuri tas-sede) kienu jafu l-kontenut tal-iskambji fil-livell Ġermaniż (ara l-punt 418 iktar ’il fuq). Ma huwiex plawżibbli li l-livell ta’ korpi ta’ tmexxija ta’ din l-impriża ma jkunux jafu bihom.

498    Fitt-tielet lok, għandu jitfakkar li l-provi li jinsabu fil-fajl jissuġġerixxu li l-impjegati ta’ Scania DE kienu jiskambjaw, fil-livell Ġermaniż, informazzjoni li ġejja mis-sede ta’ Scania (ara l-punti 413, 437, 438 u 442 iktar ’il fuq).

499    Dawn it-tliet elementi juru li, minkejja l-fatt li l-iskambji fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija ntemmu f’Settembru 2004, l-impriża Scania u s-sede tagħha kienu jafu bil-fatt li l-istess ksur seħħ wara x-xahar ta’ Settembru 2004, bl-unika differenza li l-impjegati fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija ma kinux għadhom jipparteċipaw fil-kuntatti kollużivi. F’dan ir-rigward, il-fatt, allegat mir-rikorrenti, li l-impjegati ta’ Scania DE ma kinux jafu bl-eżistenza ta’ kuntatti kollużivi fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, ma huwiex rilevanti.

500    Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li l-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza f’dan il-każ ta’ ksur uniku u kontinwu ma hijiex ivvizzjata bi żball.

2)      Fuq l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu lil Scania

501    Il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 332 tad-deċiżjoni kkontestata, li Scania kienet ipparteċipat direttament fl-aspetti rilevanti kollha tal-akkordju.

502    Barra minn hekk, fil-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni nnutat li, anki jekk Scania kienet tipproduċi u tbigħ biss trakkijiet tqal, hija kienet taf jew kellha tkun taf li l-partijiet l-oħra fl-akkordju kienu jipproduċu wkoll trakkijiet medji u li l-kuntatti kollużivi kienu jikkonċernaw dawn iż-żewġ tipi ta’ trakkijiet (medji u tqal). Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonstatat li Scania kienet taf jew kellha tkun taf li l-prattiki antikompetittivi kienu jikkonċernaw it-trakkijiet medji u tqal.

503    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 334 tad-deċiżjoni kkontestata, li Scania kellha l-intenzjoni li tikkontribwixxi għall-ksur u li hija kienet taf jew kellha tkun taf bl-eżistenza tiegħu.

504    Ir-rikorrenti, sabiex jikkontestaw l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu lil Scania, jilmentaw li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza tal-“element mentali” neċessarju. Fi kliem ieħor, huma jikkritikawha li ma wrietx, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kriterji kumulattivi tal-interess, tal-għarfien u tal-aċċettazzjoni tar-riskju – kriterji stabbiliti fis-sentenza tat‑8 ta’ Lulju 1999, Il‑Kummissjoni vs Anic Partecipazioni (C‑49/92 P, EU:C:1999:356, punt 87) – kienu ssodisfatti f’dan il-każ fir-rigward tar-rappreżentanti ta’ Scania li jipparteċipaw fit-tliet livelli ta’ kuntatti.

505    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li sa fejn l-għarfien tal-eżistenza ta’ pjan ġenerali għandu jiġi evalwat fil-livell tal-impriżi involuti u mhux fil-livell tal-impjegati tagħhom (ara l-punt 478 iktar ’il fuq), b’mod analogu, il-fatturi li jiddeterminaw l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu għandhom neċessarjament jiġu evalwati wkoll fil-livell tal-impriża.

506    Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatturi li jiddeterminaw l-imputabbiltà lil impriża tal-ksur uniku u kontinwu, mis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Verhuizingen Coppens (C‑441/11 P, EU:C:2012:778, punti 43 sa 45) jirriżulta li, jekk l-impriża inkwistjoni tkun ipparteċipat direttament fl-aġir antikompetittiv kollu li jikkostitwixxi l-ksur uniku u kontinwu, il-Kummissjoni għandha d-dritt li tatribwixxilha l-ksur kollu kemm hu, mingħajr ma tkun obbligata turi li l-kriterji tal-interess, l-għarfien u l-aċċettazzjoni tar-riskju ġew issodisfatti.

507    F’dan il-każ, jista’ jiġi kkonstatat li, konformement ma’ dak li ġie rrilevat fil-premessa 332 tad-deċiżjoni kkontestata, l-impriża Scania pparteċipat direttament fl-aspetti rilevanti kollha tal-akkordju. Fil-fatt, l-impjegati tagħha pparteċipaw fil-kuntatti kollużivi li seħħew fit-tliet livelli. L-impriża Scania skambjat mal-kompetituri tagħha fuq il-prezzijiet u fuq iż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji konformi mal-istandards Euro 3 sa Euro 6. Scania pparteċipat b’mod attiv fl-akkordju, organizzat laqgħat u pparteċipat fi skambji ta’ messaġġi elettroniċi (ara l-premessa 332 tad-deċiżjoni kkontestata).

508    Huwa minnu li Scania ma tipproduċix trakkijiet medji. Madankollu, mill-fajl jirriżulta li l-kuntatti kollużivi li għalihom kienu pparteċipaw l-impjegati ta’ Scania kienu jikkonċernaw mingħajr distinzjoni t-trakkijiet medji u t-trakkijiet tqal (ara l-premessa 333 tad-deċiżjoni kkontestata). Konsegwentement, il-Kummissjoni kellha raġun timputa lill-impriża Scania l-ksur uniku u kontinwu li kien jirrigwarda wkoll it-trakkijiet medji sa fejn din l-impriża kellha neċessarjament għarfien ta’ dan l-aspett tal-akkordju.

509    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu kollu lil Scania ma hijiex ivvizzjata bi żball. Minn dan isegwi li s-seba’ motiv għandu jiġi miċħud.

4.      Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni imponiet multa li tirrigwarda aġir suġġett għal preskrizzjoni u, fi kwalunkwe każ, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi aġir ma kienx kontinwu

510    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-fatti li jikkonċernaw il-livell ta’ korpi ta’ tmexxija li jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta’ multa huma preskritti skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003, sa fejn il-laqgħat fl-imsemmi livell intemmu f’Settembru 2004, jiġifieri iktar minn ħames snin qabel ma bdiet l-investigazzjoni tal-Kummissjoni. Ir-rikorrenti jżidu li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni lanqas ma għandha interess leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003, li tikkonstata l-eżistenza ta’ ksur marbut ma’ aġir fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija.

511    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li l-fatti inkwistjoni kienu jikkostitwixxu ksur uniku u kontinwu (quod non), id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi mibdula sa fejn hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-interruzzjonijiet tal-ksur allegat fir-rigward tal-livell ta’ korpi ta’ tmexxija. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti jallegaw li d-deċiżjoni kkontestata ma tinkludix biżżejjed provi tal-eżistenza ta’ laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fl-1999.

512    Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li, fid-dawl tal-assenza ta’ provi dwar il-parteċipazzjoni ta’ Scania għal-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fl‑1999 u fl‑2002, id-deċiżjoni kkontestata żbaljat meta kkonkludiet li Scania kienet ipparteċipat b’mod kontinwu fil-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija bejn is‑17 ta’ Jannar 1997 u l‑24 ta’ Settembru 2004. Hija kellha pjuttost tikkonkludi li dawn il-laqgħat kienu ġew interrotti, tal-inqas fir-rigward ta’ Scania, bejn it‑3 ta’ Settembru 1998 u t‑3 ta’ Frar 2000 (17‑il xahar ta’ interruzzjoni) u bejn l‑20 ta’ Novembru 2001 u l‑10 ta’ April 2003 (17‑il xahar ieħor ta’ interruzzjoni).

513    Ir-rikorrenti jikkonkludu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata u li, fi kwalunkwe każ, l-impożizzjoni ta’ multa għandha tkun preskritta għal kull ksur li seħħ qabel l‑10 ta’ April 2003. Sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-impożizzjoni ta’ multa għandha tiġi preskritta għal kull ksur li seħħ qabel it‑3 ta’ Frar 2000. Barra minn hekk, ir-rikorrenti jsostnu li, fi kwalunkwe każ, il-kalkolu ta’ multa marbuta mal-livell ta’ korpi ta’ tmexxija għandu jagħti rendikont tal-perijodi twal inqas intensivi tal-ksur.

514    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

515    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti dwar il-preskrizzjoni fil-qasam tal-impożizzjoni ta’ multa mill-Kummissjoni, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 25(1)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, moqri flimkien mal-Artikolu 23(2)(a) tal-istess regolament, is-setgħa mogħtija lill-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi għal ksur imwettaq, b’mod partikolari, fl-Artikolu 101 TFUE hija suġġetta għal terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin. L-Artikolu 25(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, għall-ksur kontinwu jew ripetut, il-preskrizzjoni tiddekorri biss mill-ġurnata li fiha l-ksur intemm. L-Artikolu 25(3) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-preskrizzjoni fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi hija interrotta minn kull azzjoni tal-Kummissjoni intiża għall-investigazzjoni jew għall-proċeduri fir-rigward tal-ksur.

516    F’dan il-każ, il-Kummissjoni kkonstatat, mingħajr ma wettqet żball, li l-aġir fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija kien jagħmel parti minn ksur uniku u kontinwu li ntemm fit‑18 ta’ Jannar 2011. Konsegwentement, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin jibda jiddekorri biss minn din l-aħħar data, li jfisser li, f’dan il-każ, is-setgħa tal-Kummissjoni li timponi multa ma hija suġġetta għal ebda preskrizzjoni.

517    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti dwar l-allegata assenza ta’ provi tal-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fis-sena 1999, għandu jiġi osservat dan li ġej.

518    L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kkontestata fiha biżżejjed provi dwar l-eżistenza tal-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija għas-snin 1998 u 2000. B’mod iktar preċiż, il-premessa 105 tad-deċiżjoni kkontestata tippreżenta prova dokumentali dwar laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, li seħħet fit‑3 ta’ Settembru 1998, li matulha r-rappreżentanti tal-partijiet skambjaw previżjonijiet tas-suq għas-sena 1999. Skont din il-prova dokumentali, rappreżentant tas-sede ta’ Scania, N, ipparteċipa f’din il-laqgħa. Laqgħat simili seħħew matul is-sena 2000, kif jirriżulta mill-premessi 109 sa 112 tad-deċiżjoni kkontestata, li fihom N, tas-sede ta’ Scania, kien ipparteċipa wkoll.

519    It-tieni, mill-prova dokumentali ppreżentata fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-laqgħa li jmiss fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija wara dik li seħħet fit‑3 ta’ Settembru 1998 (ara l-punt 518 iktar ’il fuq) kienet prevista għal Jannar 1999.

520    It-tielet, fil-premessa 106 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni tagħmel riferiment għal dikjarazzjoni ta’ klemenza minn [kunfidenzjali] li skontha laqgħat bejn il-kompetituri matul il-perijodu bejn l‑1998 u l‑2001 saru mill-inqas darba fis-sena. Skont din id-dikjarazzjoni, il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat, li ma kinux fil-livell tal-korpi ta’ tmexxija, skambjaw informazzjoni relatata, b’mod partikolari, maż-żidiet futuri fil-prezzijiet. Fost il-parteċipanti f’dawn il-laqgħat kien identifikat O, direttur ġenerali ta’ Scania DE.

521    Ir-raba’, għandu jitfakkar, bi qbil mal-Kummissjoni, li l-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija kienu jagħmlu parti minn ksur uniku u kontinwat u li, għaldaqstant, il-laqgħat kollha bejn il-kompetituri, fi kwalunkwe livell organizzattiv, kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk il-ksur kienx kompla fl‑1999.

522    Il-ħames, għandu jitfakkar ukoll li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fir-rigward, b’mod partikolari, ta’ ksur li jestendi fuq diversi snin, il-fatt li ma ġietx prodotta l-prova diretta tal-parteċipazzjoni ta’ kumpannija f’dan il-ksur matul perijodu speċifiku ma jipprekludix li din il-parteċipazzjoni, anki matul dan il-perijodu, tiġi kkonstatata, sakemm din il-konstatazzjoni tkun ibbażata fuq indizji oġġettivi u konkordanti, peress li l-assenza ta’ tbegħid pubbliku ta’ din il-kumpannija tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan ir-rigward (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2017, Villeroy & Boch vs Il‑Kummissjoni, C‑625/13 P, EU:C:2017:52, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

523    Fid-dawl tal-elementi ppreżentati fil-punti 518 sa 521 iktar ’il fuq u tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 522 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonstatat li l-ksur uniku f’dan il-każ ma ġiex interrott fl‑1999 u li Scania pparteċipat fl-imsemmi ksur ukoll matul dik is-sena.

524    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-parteċipazzjoni ta’ Scania fil-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fis-sena 2002 ma ġietx ipprovata, għandu jiġi kkonstatat dan li ġej.

525    L-ewwel nett, mill-premessa 119 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, fir-rigward ta’ laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija li nżammet fis‑7 ta’ Frar 2002, intbagħtet ittra ta’ stedina lil M tas-sede ta’ Scania.

526    It-tieni, min-noti bil-miktub dwar laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija tas‑27 u tat‑28 ta’ Ġunju 2002, meħuda minn rappreżentant ta’ [kunfidenzjali], ippreżentati fil-premessa 123 tad-deċiżjoni kkontestata, jirriżulta li Scania kkomunikat ċifri relatati ma’ bejgħ fis-sena 2002 lil diversi pajjiżi.

527    It-tielet, rapport intern ta’ [kunfidenzjali] li jiġbor fil-qosor l-informazzjoni skambjata waqt laqgħa fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fit‑18 ta’ Settembru 2002, imsemmi fil-premessa 126 tad-deċiżjoni kkontestata, juri li Scania pprovdiet informazzjoni dwar iż-żidiet fil-prezzijiet tagħha fis-sena 2002 u dwar azzjoni ġudizzjarja li hija kienet qiegħda taffaċċja fir-Renju Unit.

528    Fid-dawl tal-elementi ppreżentati fil-punti 525 sa 527 iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni wriet suffiċjentement skont il-liġi l-parteċipazzjoni ta’ Scania fil-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija fis-sena 2002.

529    Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mid-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ M, rappreżentant ta’ Scania fil-laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, li tgħid li “skont id-dikjarazzjonijiet tiegħu” huwa ma pparteċipa f’ebda laqgħa ta’ dan it-tip fis-sena 2002. Din id-dikjarazzjoni tibqa’ pjuttost vaga u ma tikkonvinċix lill-Qorti Ġenerali. Barra minn hekk, diġà ġie nnutat li d-dokumenti mfassla in tempore non suspecto, bħan-noti bil-miktub meħuda waqt laqgħa, għandhom forza probatorja ikbar mid-dokumenti li ma għandhomx għad-dispożizzjoni tagħhom fiż-żmien tal-fatti, bħad-dikjarazzjonijiet ġuramentati.

530    Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali tinnota li r-rikorrenti, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 554 tar-rikors, isostnu li l-parteċipazzjoni ta’ Scania f’ċerti laqgħat fil-livell ta’ korpi ta’ tmexxija, ippreżentati fid-deċiżjoni kkontestata, ma ġietx stabbilita. Dawn kienu laqgħat fi Brussell fis‑17 ta’ Jannar 1997 (premessa 98 tad-deċiżjoni kkontestata) u fis‑6 ta’ April 1998 (premessa 103), f’Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit‑3 ta’ Frar 2000 (premessi 108 sa 110) u f’Eindhoven (il-Pajjiżi l-Baxxi) fis‑6 ta’ Settembru 2000 (premessa 111). Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huma jinvokaw id-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ N li jafferma li ma jiftakarx li pparteċipa fiha.

531    Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-premessi tad-deċiżjoni kkontestata msemmija fil-punt 530 iktar ’il fuq, jippreżentaw provi dokumentali li jistabbilixxu l-parteċipazzjoni ta’ Scania għal-laqgħat inkwistjoni. Fir-rigward tal-kontenut tad-dikjarazzjoni ġuramentata ta’ N u tas-saħħa probatorja tagħha, il-Qorti Ġenerali tagħmel riferiment għall-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 529 iktar ’il fuq. Il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-allegazzjoni tar-rikorrenti ppreżentata fil-punt 530 iktar ’il fuq hija infondata.

532    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud, filwaqt li tispeċifika li r-raġunijiet invokati mir-rikorrenti insostenn tal-bidla tad-deċiżjoni kkontestata (ara l-punti 511 u 513 iktar ’il fuq) huma infondati, il-fajl quddiem il-Qorti Ġenerali ma jiżvela ebda interruzzjoni tal-ksur uniku kkonstatat u lanqas l-eżistenza ta’ perijodi inqas intensivi ta’ dan il-ksur.

5.      Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont tal-multa, u, fi kwalunkwe każ, fuq in-neċessità ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003

533    Ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi mibdula sa fejn il-multa imposta ma hijiex konformi mal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, huma jistiednu lill-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni assoluta tagħha, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għal dik tal-Kummissjoni u tnaqqas l-ammont tal-multa.

534    Skont l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali bbażata fuq l-użu tal-verb “tibdel”, ir-rikorrenti jistiednu lil din tal-aħħar teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha rrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE.

535    Għandu jitfakkar ukoll li s-sistema ta’ stħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar proċeduri ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 101 TFUE u 102 TFUE tikkonsisti fi stħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet stabbilit fl-Artikolu 263 TFUE, li jista’ jitwettaq, skont l-Artikolu 261 TFUE u fuq talba tal-partijiet rikorrenti, mill-eżerċizzju mill-Qorti Ġenerali ta’ ġurisdizzjoni assoluta fir-rigward tas-sanzjonijiet imposti f’dan il-qasam mill-Kummissjoni (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

536    Għaldaqstant, meta teżerċita l-ġurisdizzjoni assoluta tagħha prevista fl-Artikolu 261 TFUE u fl-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, il-qorti tal-Unjoni għandha s-setgħa, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, li tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ din is-sanzjoni ma’ dik tal-Kummissjoni, awtur tal-att li fih kien iffissat inizjalment dan l-ammont (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 75 u l-ġurisprudenza ċċitata).

537    Min-naħa l-oħra, il-portata ta’ din il-ġurisdizzjoni assoluta hija strettament limitata, b’differenza tal-isħarriġ tal-legalità previst fl-Artikolu 263 TFUE, għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

538    Minn dan jirriżulta li l-ġurisdizzjoni assoluta li għandha l-Qorti Ġenerali abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 tikkonċerna biss l-evalwazzjoni minnha tal-multa imposta mill-Kummissjoni, bl-esklużjoni ta’ kull bidla tal-elementi li jikkostitwixxu l-ksur legalment ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni li biha hija adita l-Qorti Ġenerali (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 77).

539    Sabiex jiġi ddeterminat l-ammont tal-multa imposta, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tevalwa hija stess iċ-ċirkustanzi tal-każ u t-tip ta’ ksur inkwistjoni. Dan l-eżerċizzju jippreżupponi, skont l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li tittieħed inkunsiderazzjoni, għal kull impriża ssanzjonata, il-gravità tal-ksur inkwistjoni kif ukoll it-tul tiegħu, fl-osservanza tal-prinċipji, b’mod partikolari, ta’ motivazzjoni, ta’ proporzjonalità, ta’ individwalizzazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ ugwaljanza fit-trattament, mingħajr ma l-Qorti Ġenerali tkun marbuta bir-regoli indikattivi ddefiniti mill-Kummissjoni fil-linji gwida tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il‑Kummissjoni, C‑603/13 P, EU:C:2016:38, punti 89 u 90).

a)      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

540    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata ma evalwatx il-gravità tal-ksur b’mod proporzjonat, sa fejn hija ma kkunsidratx li l-impjegati ta’ Scania DE ma setgħux ikunu jafu li l-informazzjoni rċevuta mill-kompetituri seta’ jkollha portata Ewropea. Konsegwentement, anki jekk l-impjegati ta’ Scania DE riedu jippreġudikaw il-kompetizzjoni fis-suq ġeografiku (il-Ġermanja) li għalih kienu responsabbli (quod non), il-multa imposta mid-deċiżjoni kkontestata ma tkunx proporzjonata mal-gravità tal-ksur previst, sa fejn hija tieħu inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ fil-livell taż-ŻEE.

541    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn, fir-rigward tal-iffissar tal-ammont tal-multa, hija ma tiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kuntatti bejn il-kostrutturi tat-trakkijiet inbidlu fin-natura u fl-intensità tagħhom matul il-perijodu meħud inkunsiderazzjoni, kif ġie kkonstatat fil-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata.

542    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jirrilevaw li l-ksur deskritt fil-premessi tad-deċiżjoni kkontestata huwa usa’ minn dak li jagħti lok għal multa fid-dispożittiv tagħha. F’dan ir-rigward, huma jipparagunaw il-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, li tagħmel riferiment għal skambji ta’ informazzjoni sensittiva fuq il-livell tal-kompetizzjoni, mal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, li ma jagħmilx riferiment għal tali skambji. Ir-rikorrenti jqisu li din il-preżentazzjoni għandha effett fuq il-kalkolu tal-ammont tal-multa u li, konsegwentement, il-multa ffissata fid-deċiżjoni kkontestata ma hijiex proporzjonata mal-ksur kif allegat mill-Kummissjoni.

543    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

544    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 540 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-eżami tas-sitt motiv, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-impjegati ta’ Scania DE li jipparteċipaw fl-iskambji fil-livell Ġermaniż qatt ma kienu ppreżupponu li l-informazzjoni rċevuta matul dawn l-iskambji kienet relatata ma’ prezzijiet Ewropej jew setgħet tnaqqas l-inċertezza fir-rigward tal-istrateġija tariffarja Ewropea tal-kostrutturi l-oħra (ara l-punt 415 iktar ’il fuq). Minn dan isegwi li l-argument ippreżentat fil-punt 540 iktar ’il fuq ma jurix in-natura sproporzjonata tal-multa.

545    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 541 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fil-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li, anki jekk, minn Settembru 2004, il-partijiet ma kinux fittxew iktar attivament, kif kienu għamlu qabel, li jikkonkludu ftehim speċifiku dwar iż-żidiet komuni futuri fil-prezzijiet gross jew dwar dati speċifiċi ta’ tnedija tat-trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali l-ġodda jew l-ammont tal-ispejjeż li l-partijiet kellhom jgħaddu fuq il-konsumaturi għal dawn it-trakkijiet, il-partijiet komplew jiftiehmu billi jiskambjaw l-istess tip ta’ informazzjoni u billi kellhom l-istess għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni permezz tat-tnaqqis tal-grad ta’ inċertezza strateġika bejniethom.

546    Għandha titfakkar ukoll il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-bidla li saret minn Settembru 2004, minkejja li tista’ tinfluwenza l-klassifikazzjoni tal-aġir inkwistjoni bħala ftehim jew prattika miftiehma, ma tikkonċernax in-“natura” tal-informazzjoni skambjata, li, skont il-premessa 322 tad-deċiżjoni kkontestata, baqgħet l-istess (ara l-punt 482 iktar ’il fuq).

547    B’hekk jirriżulta li l-unika differenza li tikkonċerna l-aġir tal-partijiet qabel Settembru 2004 u wara Settembru 2004 hija t-tentattivi li huma kienu għamlu qabel Settembru 2004 sabiex jikkonkludu ftehim speċifiku fuq il-prezzijiet, tentattivi li waqfu wara din id-data. Madankollu, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, fid-dawl, minn naħa, tal-prinċipju li l-prattiki miftiehma jistgħu jippreġudikaw kemm il-kompetizzjoni kif ukoll il-ftehim u, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-Kummissjoni ma żiditx il-fattur ta’ gravità rilevanti minħabba t-tentattivi tal-partijiet li jikkonkludu ftehim dwar il-prezzijiet, l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 541 iktar ’il fuq, ma jurix in-natura sproporzjonata tal-multa.

548    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 542 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, fil-premessa 317 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni semmiet l-eżistenza tal-prattiki li jnaqqsu l-livell tal-inċertezza strateġika bejn il-partijiet f’dak li jirrigwarda l-prezzijiet futuri, iż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni tal-mudelli ta’ trakkijiet konformi mal-istandards ambjentali. Fil-premessa 317(a) sa (c), u kif jirriżulta mill-użu tal-kliem “[f]’dan ir-rigward”, il-Kummissjoni spjegat fiex kienu jikkonsistu l-prattiki msemmija iktar ’il fuq. Fil-premessa 317(c), il-Kummissjoni semmiet it-tqassim ta’ “informazzjoni sensittiva oħra fuq il-livell tal-kompetizzjoni”.

549    Fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ssemmi l-kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross kif ukoll dwar l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet.

550    Mill-paragun tal-premessa 317 u tal-Artikolu 1 tad-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li ma hemmx diverġenza bejn iż-żewġ dispożizzjonijiet fid-deskrizzjoni tal-ksur, peress li r-riferiment mill-Kummissjoni għat-tqassim ta’ “informazzjoni sensittiva oħra fuq il-livell tal-kompetizzjoni” jikkostitwixxi biss eżempju tal-kollużjoni dwar il-prezzijiet u ż-żidiet fil-prezzijiet gross, kif ukoll fuq l-aġenda u r-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet.

551    Mill-iżviluppi preċedenti jirriżulta li ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti ma juri n-natura sproporzjonata tal-multa.

b)      Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

552    Ir-rikorrenti jinvokaw tliet argumenti insostenn tal-allegazzjoni tagħhom li l-livell ta’ multa imposta jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

553    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jsostnu li l-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata tenfasizza b’mod eżaġerat ir-rwol tagħhom fil-ksur u tinjora, essenzjalment, ir-rwol tal-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet, u b’hekk twassal għal distorsjoni tar-realtà. Skont ir-rikorrenti, minħabba din il-formulazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa impossibbli li jsir paragun bejn ir-rwol tagħhom u dak tal-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet fil-ksur, u, minħabba din l-impossibbiltà ta’ paragun, diversi evalwazzjonijiet dwar il-livell tal-multa, magħmula mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jiksru l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment għall-premessa 444 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni kkonkludiet li f’dan il-każ ma kienx hemm ċirkustanzi aggravanti jew attenwanti. Ir-rikorrenti jagħmlu riferiment ukoll għall-premessa 432 tad-deċiżjoni kkontestata, li fiha l-Kummissjoni ppreċiżat li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa imposta fuq Scania, hija kkunsidrat l-istess proporzjon tal-valur tal-bejgħ tagħha bħall-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-partijiet għar-riżolviment ikkunsidrat fid-deċiżjoni ta’ riżolviment.

554    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tiddeskrivi b’mod iktar preċiż u mmirat ir-rwol tagħhom fl-aġir inkwistjoni meta mqabbel mad-deskrizzjoni magħmula tar-rwol tal-kompetituri l-oħra fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, jiżvantaġġahom fil-kuntest ta’ kawżi għad-danni li huma esposti għalihom.

555    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija tapplika għall-kostrutturi kollha l-istess metodu ta’ kalkolu tal-multa mingħajr ma tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li s-sehem tas-suq tagħhom fuq livell Ewropew kien iktar baxx minn dak tal-kostrutturi l-oħra u tal-fatt li d-differenza mal-leaders tas-suq kienet kbira ħafna, b’mod partikolari fil-Ġermanja.

556    Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-impjegati ta’ Scania DE kellhom rwol passiv, jew tal-inqas li ma kellhomx rwol ewlieni fl-aġir inkwistjoni, meta mqabbla maż-żewġ kostrutturi l-kbar fis-suq.

557    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament sa fejn il-metodu segwit mill-Kummissjoni sabiex tiffissa l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti huwa l-istess bħal dak applikat għall-kostrutturi l-oħra tat-trakkijiet, minkejja l-fatt li r-rikorrenti, b’differenza minn dawn tal-aħħar, ma jipproduċux trakkijiet medji.

558    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

559    Qabel ma nindirizza kull wieħed mill-argumenti msemmija iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, stabbilit fl-Artikoli 20 u 21 tal-Karta. Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 132, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 38). Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li, fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, ma tistax issir, permezz tal-applikazzjoni ta’ metodi ta’ kalkolu differenti, diskriminazzjoni bejn l-impriżi li pparteċipaw fi ftehim jew fi prattika miftiehma li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE (sentenzi tal‑11 ta’ Lulju 2013, Ziegler vs Il‑Kummissjoni, C‑439/11 P, EU:C:2013:513, punt 133; tat‑12 ta’ Novembru 2014, Guardian Industries u Guardian Europe vs Il‑Kummissjoni, C‑580/12 P, EU:C:2014:2363, punt 62, u tas‑26 ta’ Jannar 2017, Zucchetti Rubinetteria vs Il‑Kummissjoni, C‑618/13 P, EU:C:2017:48, punt 38).

560    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 553 iktar ’il fuq, l-ewwel nett, għandu jitfakkar, bi qbil mal-Kummissjoni, li din l-istituzzjoni kienet obbligata, skont l-Artikolu 296 TFUE, timmotiva suffiċjentement skont il-liġi d-deċiżjoni kkontestata, bħalma għamlet. Peress li Scania kienet l-unika destinatarja tad-deċiżjoni kkontestata, kien normali li l-evalwazzjoni tkun iffokata fuq ir-rwol tagħha fl-akkordju. Il-partijiet l-oħra fl-akkordju kienu diġà s-suġġett tad-deċiżjoni ta’ riżolviment, li kienet stabbilixxiet ir-responsabbiltà tagħhom fir-rwol li huma kellhom fl-akkordju.

561    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjoni tar-rikorrenti, it-tfassil tad-deċiżjoni kkontestata ma “jinjorax” ir-rwol tal-kostrutturi l-oħra ta’ trakkijiet fl-akkordju. L-aġir tagħhom jirriżulta b’mod ċar mill-kronoloġija tal-avvenimenti, deskritta fil-punt 6.2 tad-deċiżjoni kkontestata, li tispjega fid-dettall in-natura u l-kontenut tal-iskambji kif ukoll il-parteċipanti f’dawn tal-aħħar. Minn dan isegwi li l-allegazzjoni tar-rikorrenti, li huwa impossibbli li r-rwol tagħhom fl-akkordju jkun ipparagunat ma’ dak tal-partijiet l-oħra, hija infondata.

562    It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali tikkonstata, abbażi tad-deċiżjoni kkontestata u tal-fajl ippreżentat quddiemha, li r-rwol ta’ Scania fl-akkordju ma kienx differenti minn dak tal-partijiet l-oħra u li r-rikorrenti ma qajmu ebda argument u ma pproduċew ebda prova li turi l-kuntrarju. Barra minn hekk, kif tinnota ġustament il-Kummissjoni, kull wieħed mill-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, il-gravità tal-ksur u d-“dritt ta’ dħul”, jiġifieri n-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-impriżi implikati, il-portata ġeografika tal-ksur u l-implimentazzjoni tiegħu, kien japplika bl-istess mod għal Scania u għall-partijiet l-oħra.

563    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball fid-deċiżjoni tagħha li tadotta l-istess proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ Scania bħal dak użat fir-rigward tal-kostrutturi l-oħra u li tapplika l-istess koeffiċjent ta’ gravità (17 %) u bl-istess “kontribuzzjoni għall-parteċipazzjoni” (17 %) bħal dawk applikati għall-kostrutturi l-oħra fid-deċiżjoni ta’ riżolviment.

564    Għaldaqstant, l-argument ippreżentat fil-punt 553 iktar ’il fuq għandu jiġi miċħud.

565    F’dak li jirrigwarda l-argument ippreżentat fil-punt 554 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li ċ-ċirkustanza li d-deċiżjoni kkontestata tippreżenta b’mod iddettaljat, konformement mar-rekwiżiti tal-obbligu ta’ motivazzjoni tal-Kummissjoni, l-aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ Scania jirriżulta mill-fatt li din id-deċiżjoni għandha bħala destinatarju uniku lil Scania, peress li din l-impriża ma rrikonoxxietx ir-responsabbiltà tagħha fl-akkordju, kuntrarjament għall-partijiet l-oħra li ressqu talba formali għal riżolviment. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni bħall-partijiet għar-riżolviment u, konsegwentement, l-argument tagħhom, ippreżentat fil-punt 554 iktar ’il fuq, ma jurix il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

566    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 555 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnotat li l-Kummissjoni, kemm fid-deċiżjoni kkontestata kif ukoll fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, għamlet riferiment b’mod partikolari, għad-determinazzjoni tal-multi, għall-valur tal-bejgħ tal-oġġetti fir-rigward tal-ksur tal-impriżi involuti fiż-ŻEE, skont il-Linji gwida tagħha għall-kalkolu tal-multi. Fil-fatt, fil-punt 6 ta’ dawn il-linji gwida, il-Kummissjoni spjegat li l-għaqda tal-valur tal-bejgħ fir-rigward tal-ksur mat-tul, kienet ikkunsidrata bħala valur ta’ sostituzzjoni adegwat sabiex tiġi riflessa l-importanza ekonomika tal-ksur kif ukoll sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur.

567    F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali ma għandhiex raġun tikkontesta l-għażla tal-Kummissjoni li tagħmel riferiment, f’dak li jirrigwarda l-impriżi kollha involuti, għall-valur tal-bejgħ tagħhom tal-beni fir-rigward tal-ksur fiż-ŻEE. Din hija għażla raġonevoli sabiex jiġi rifless il-piż relattiv ta’ kull impriża li tipparteċipa fil-ksur u li kkonċernat l-impriżi kollha li pparteċipaw fl-akkordju u mhux biss Scania.

568    Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li d-dritt tal-Unjoni ma jinkludix prinċipju ta’ applikazzjoni ġenerali li s-sanzjoni għandha tkun proporzjonata mad-daqs tal-impriża fis-suq tal-prodotti li huma s-suġġett tal-ksur (sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2006, Archer Daniels Midland u Archer Daniels Midland Ingredients vs Il‑Kummissjoni, C‑397/03 P, EU:C:2006:328, punt 101).

569    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi konkluż li l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fil-punt 555 iktar ’il fuq, ma jurix il-ksur mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u li dan għandu jiġi miċħud.

570    Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 556 iktar ’il fuq, dan għandu jiġi miċħud sa fejn mill-fajl ma jirriżultax li l-impjegati ta’ Scania DE kellhom rwol passiv jew rwol sekondarju fl-aġir li jikkostitwixxi ksur, stabbilit f’dan il-każ. Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-ammont tal-multa jitnaqqas fuq din il-bażi.

571    F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti ppreżentat fil-punt 557 iktar ’il fuq, għandu jiġi nnutat li, kif jirriżulta mill-premessa 429 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni, sabiex tikkalkola l-ammont tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti, ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ tagħhom ta’ trakkijiet fiż-ŻEE, kuntrarjament għal dak li għamlet għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi imposti fuq il-partijiet għar-riżolviment fid-deċiżjoni ta’ riżolviment, fejn hija ħadet inkunsiderazzjoni l-valur tal-bejgħ ta’ trakkijiet medji u tqal fiż-ŻEE (premessa 109 tad-deċiżjoni ta’ riżolviment). Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li Scania ma kinitx tibni trakkijiet medji huwa infondat.

572    Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma juri li l-multa għandha titnaqqas.

c)      Fuq l-ammont tal-multa

573    Għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni assoluta li għandha l-Qorti Ġenerali fil-qasam tal-multi għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, xejn fl-ilmenti, l-argumenti u l-punti ta’ liġi u ta’ fatt imressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motivi kollha eżaminati iktar ’il fuq ma jippermetti li jiġi konkluż li l-ammont tal-multa imposta mid-deċiżjoni kkontestata għandu jiġi emendat.

IV.    Fuq l-ispejjeż

574    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

575    Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk tal-Kummissjoni, skont it-talbiet ta’ din tal-aħħar.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Għaxar Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Scania AB, Scania CV AB u Scania Deutschland GmbH għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom stess u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Papasavvas

Kornezov

Buttiġieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Frar 2022.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Il-proċedura amministrattiva li wasslet għad-deċiżjoni kkontestata

B. Id-deċiżjoni kkontestata

1. L-istruttura tas-suq tat-trakkijiet u mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet

a) L-istruttura tas-suq tat-trakkijiet

b) Mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fl-industrija tat-trakkijiet

c) Mekkaniżmu għall-iffissar tal-prezzijiet fi ħdan Scania

d) Fuq l-impatt taż-żidiet fil-prezzijiet fuq livell Ewropew fuq il-prezzijiet fuq livell nazzjonali

2. Kuntatti kollużivi bejn Scania u l-partijiet għar-riżolviment

3. Applikazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE

a) Ftehimiet u prattiki miftiehma

b) Restrizzjoni tal-kompetizzjoni

c) Ksur uniku u kontinwu

d) Portata ġeografika tal-ksur

4. Destinatarji

5. Kalkolu tal-ammont tal-multa

a) Ammont bażiku tal-multa

b) Ammont finali tal-multa

6. Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq l-ommissjoni ta’ ċerta informazzjoni fil-konfront tal-pubbliku

B. Fuq il-mertu

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-preżunzjoni tal-innoċenza

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 48(2) tal-Karta u tal-Artikolu 27(1) u (2) tar-Regolament Nru 1/2003

3. Fuq it-tielet, ir-raba’, il-ħames, is-sitt u s-seba’ motiv, sa fejn jirrigwardaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu u l-imputazzjoni tiegħu lil Scania

a) Osservazzjonijiet preliminari

1) Fuq il-kunċett tal-ksur uniku u kontinwu

2) Fuq l-oneru tal-prova u l-livell ta’ prova

3) Id-deċiżjoni kkontestata

4) Fuq l-argument tar-rikorrenti li l-kunċett ta’ ksur uniku u kontinwu jippreżumi li l-Kummissjoni tidentifika diversi każijiet ta’ ksur manifestament marbuta bejniethom

b) Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell inferjuri tas-sede tqiesu li jikkostitwixxu ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet

1) Id-deċiżjoni kkontestata

2) Fuq l-ewwel ilment

3) Fuq it-tieni lment

c) Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u tal-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet

1) Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

2) Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li r-rikorrenti kienu kkonkludew ftehim jew wettqu prattika miftiehma dwar l-aġenda tad-dħul fis-suq tat-teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet

3) Fuq it-tielet parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-iskambji ta’ informazzjoni dwar l-aġenda ta’ introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet ma jikkostitwixxux ksur minħabba l-għan

d) Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni kklassifikat l-iskambji ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż bħala ksur “minħabba l-għan”

1) Osservazzjonijiet preliminari

2) Fuq il-kontenut tal-informazzjoni skambjata

i) Fuq il-bidliet previsti fil-prezzijiet gross u fil-listi ta’ prezzijiet gross u fuq l-aġenda ta’ dawn il-bidliet, imsemmija fil-premessa 238(a) tad-deċiżjoni kkontestata

– Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura attwali jew futura tal-informazzjoni skambjata fil-livell Ġermaniż

– Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar in-natura pubblika tal-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż

– Fuq l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ valur informattiv tal-prezzijiet gross skambjati fil-livell Ġermaniż fuq il-prezzijiet effettivament applikati fit-tranżazzjonijiet tas-suq

ii) Fuq il-bidliet maħsuba tal-prezzijiet netti u tal-iskontijiet offruti lill-klijenti, imsemmija fil-premessa 238(a) tad-deċiżjoni kkontestata

iii) Fuq ir-riperkussjoni tal-ispejjeż relatati mal-introduzzjoni ta’ teknoloġiji fil-qasam tal-emissjonijiet għal trakkijiet medji u tqal, meħtieġa mir-regoli Euro 3 sa Euro 6, imsemmija fil-premessa 238(b) tad-deċiżjoni kkontestata

iv) Fuq l-iskambju ta’ informazzjoni sensittiva oħra fuq il-livell kummerċjali, imsemmi fil-premessa 238(c) tad-deċiżjoni kkontestata

3) Fuq l-għan tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż

4) Fuq il-kuntest tal-iskambju ta’ informazzjoni fil-livell Ġermaniż

e) Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-portata ġeografika tal-ksur relatat mal-livell Ġermaniż kienet testendi għat-territorju kollu taż-ŻEE

1) Fuq il-portata ġeografika ta’ l-informazzjoni miksuba minn Scania DE

2) Fuq il-portata ġeografika tal-informazzjoni pprovduta minn Scania DE

f) Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE sa fejn il-Kummissjoni qieset li l-aġir identifikat kien jikkostitwixxi ksur uniku u kontinwu u li r-rikorrenti kienu responsabbli f’dan ir-rigward

1) Fuq l-eżistenza f’dan il-każ ta’ ksur uniku u kontinwu

i) Osservazzjonijiet preliminari

ii) Id-deċiżjoni kkontestata

iii) Evalwazzjoni

– Fuq l-evalwazzjoni globali tat-tliet livelli ta’ kuntatti

– Fuq in-natura tal-informazzjoni skambjata fi ħdan it-tliet livelli ta’ kuntatti

– Fuq in-natura kontinwa tal-ksur

2) Fuq l-imputabbiltà tal-ksur uniku u kontinwu lil Scania

4. Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 101 TFUE u tal-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE kif ukoll tal-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1/2003 sa fejn il-Kummissjoni imponiet multa li tirrigwarda aġir suġġett għal preskrizzjoni u, fi kalunkwe każ, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-imsemmi aġir ma kienx kontinwu

5. Fuq id-disa’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont tal-multa, u, fi kwalunkwe każ, fuq in-neċessità ta’ tnaqqis tal-ammont tal-multa skont l-Artikolu 261 TFUE u tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003

a) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

b) Fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

c) Fuq l-ammont tal-multa

IV. Fuq l-ispejjeż




*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 Informazzjoni kunfidenzjali redatta.