Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta’ Jannar 2017 – Europa Terra Nostra vs Il-Parlament

(Kawża T-13/17)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Europa Terra Nostra e.V. (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentant: P. Richter, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

tannulla l-Artikolu I.4.1 tad-deċiżjoni tal-konvenut tat-12 ta’ Diċembru 2016 (Nru: FINS-2017-30) dwar it-tnaqqis tal-ammonti ta’ finanzjament bil-quddiem għal 33 % tal-ammont massimu stabbilit u l-obbligu li tiġi kkostitwita garanzija;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tat-Trattati u tar-regoli tad-dritt relatati mal-applikazzjoni tagħhom

Ir-rikorrenti ssostni li, skont l-Artikolu 134(2) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 1 u l-Artikolu 206(1) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 1268/2012 2 , għal għotjiet ta’ valur baxx ma tista’ tintalab ebda garanzija.

Barra minn hekk, il-konvenut ma għandu ebda interess fil-garanzija peress li t-talba għal eżami mill-ġdid imressqa kontra l-“Alliance for Peace and Freedom” (iktar ’il quddiem l-“APF”) hija totalment mingħajr sustanza u manifestament infondata.

B’żieda ma’ dan, il-konvenut dewwem b’mod intenzjonat il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid kontra l-APF b’iktar minn nofs sena u b’hekk ħoloq l-allegata ħtieġa li tinkiseb garanzija.

Iktar minn hekk, il-miżuri rriżultaw li huma sproporzjonati minħabba li r-rikorrenti ma hijiex f’pożizzjoni li tipprovdi garanziji u tinsab mhedda bi kriżi ekonomika minħabba l-irtirar tal-assistenza finanzjarja, li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni politika. Dan jikkostitwixxi ksur serju tad-drittijiet fundamentali tal-libertà ta’ espressjoni u ta’ assoċjazzjoni tar-rikorrenti (Artikoli 11 u 12 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

It-tieni motiv, ibbażat fuq użu ħażin ta’ poter

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega użu ħażin ta’ poter mill-konvenut. Hija ssostni li l-miżuri tal-konvenut huma purament manuvra politikament motivata sabiex tiġi rtirata l-assistenza finanzjarja mogħtija lil partit politiku li ma huwiex popolari, inkluża l-fondazzjoni affiljata, u b’hekk jimmanipula l-kompetizzjoni politika fl-Unjoni.

____________

1 Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1).

2 Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU 2012, L 362 p 1).